Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' April 2019 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Eleftherios Synadinos (2018/2270(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Eleftherios Synadinos, imressqa fit-12 ta' Ottubru 2018 mill-Viċi Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Suprema tal-Greċja, b'rabta mal-proċedura Nru ABM: 2017/10839 u mħabbra fis-seduta plenarja tat-13 ta' Novembru 2018,
– wara li sema' lil Eleftherios Synadinos skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,
– wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tal-Greċja,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0184/2019),
A. billi l-Uffiċċju tal-Viċi Prosekutur Pubblikutal-Qorti Suprema tal-Greċja talab it-tneħħija tal-immunità ta' Eleftherios Synadinos, Membru tal-Parlament Ewropew, b'rabta ma' azzjoni ġudizzjarja possibbli rigward reat allegat;
B. billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru. 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew, igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-istat;
C. billi l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tal-Greċja jistipula li, matul il-mandat parlamentari tagħhom, il-membri tal-parlament ma jistgħux jiġu akkużati, arrestati, mixħuta l-ħabs jew ristretti bi kwalunkwe mod ieħor mingħajr permess minn qabel mogħti mill-parlament;
D. billi t-talba tal-Viċi Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Suprema tal-Greċja tirrigwarda l-proċedimenti li jikkonċernaw l-allegat ksur tal-Artikolu 45 u tal-Artikolu 232A tal-Kodiċi Kriminali Grieg, li jikkonċernaw ksur konġunt ta' deċiżjoni tal-qorti;
E. billi Eleftherios Synadinos huwa akkużat li naqas milli jikkonforma mad-deċiżjoni interim Nru 3603/2015 tal-Qorti tal-Prim'Istanza b'imħallef wieħed ta' Ateni li ordnat it-tneħħija tal-kameras kollha mis-sular t'isfel u mill-entratura tal-bini li jinsab Nru 73 Odos Grammou f'Marousi (Attica) u l-ħlas ta' multa ta' EUR 600 (sitt mitt euro) għal kull ksur futur tad-deċiżjoni tal-25 ta' Mejju 2015;
F. billi, skont l-Artikolu 9(8) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas m'għandu jippronunzja ruħu dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lill-Membru jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jeżamina t-talba, il-kumitat jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ;
G. billi mhuwiex il-kompitu tal-Parlament Ewropew li jieħu pożizzjoni dwar il-ħtija jew le tal-Membru jew dwar jekk l-atti attribwiti lill-Membru jiġġustifikawx il-ftuħ ta' proċedimenti kriminali, u lanqas li jippronunzja ruħu fuq il-merti relattivi tal-ordinamenti ġuridiċi u ġudizzjarji nazzjonali;
H. billi f'konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, l-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta' Membru imma garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu;
I. billi l-iskop tal-immunità parlamentari huwa li l-Parlament u l-Membri tiegħu jiġu protetti minn proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li ma jistgħux jiġu separati minn dawk id-dmirijiet;
J. billi l-prosekuzzjoni ma titrattax l-opinjonijiet espressi jew il-voti mitfugħa fit-twettiq tad-doveri tagħhom bħala Membri tal-Parlament Ewropew in kwistjoni skont il-finijiet tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru. 7 li jikkonċerna l-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;
K. billi fuq il-bażi tal-informazzjoni u tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti f'dan il-każ, ma hemm l-ebda raġuni li wieħed jissuspetta li l-intenzjoni sottostanti tal-proċedimenti kriminali hija li ssir ħsara lill-attività politika jew lir-reputazzjoni ta' Membru u b'hekk lill-indipendenza tal-Parlament (fumus persecutionis);
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Eleftherios Synadinos;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Griegi u lil Eleftherios Synadinos.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.