Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2019 dwar il-proposta emendata għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta' informazzjoni tal-UE (il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni) u li jemenda [r-Regolament (UE) 2018/XX [ir-Regolament Eurodac]], ir-Regolament (UE) 2018/XX [ir-Regolament dwar SIS fil-qasam tal-infurzar tal-liġi], ir-Regolament (UE) 2018/XX [ir-Regolament dwar l-ECRIS-TCN] u r-Regolament (UE) 2018/XX [ir-Regolament eu-LISA] (COM(2018)0480 – C8-0293/2018 – 2017/0352(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2017)0794) u l-proposta emendata (COM(2018)0480),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 74, il-punt (e) tal-Artikolu 78(2), il-punt (c) tal-Artikolu 79(2), il-punt (d) tal-Artikolu 82(1), l-Artikolu 85(1), il-punt (a) tal-Artikolu 87(2) u l-Artikolu 88(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0293/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-23 ta' Mejju 2018(1),
– wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-13 ta’ Frar 2019 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament fit-tieni qari, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0348/2018),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' April 2019 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew dwar l-istabbiliment ta' qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta' informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816