Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/0209(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0397/2018

Testi mressqa :

A8-0397/2018

Dibattiti :

PV 10/12/2018 - 13
CRE 10/12/2018 - 13
OJ 26/04/2021 - 55

Votazzjonijiet :

PV 11/12/2018 - 5.5
CRE 11/12/2018 - 5.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
PV 17/04/2019 - 8.13
CRE 17/04/2019 - 8.13

Testi adottati :

P8_TA(2018)0487
P8_TA(2019)0405

Testi adottati
PDF 345kWORD 127k
L-Erbgħa, 17 ta' April 2019 - Strasburgu
Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) ***I
P8_TA(2019)0405A8-0397/2018
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2019 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 (COM(2018)0385 – C8-0249/2018 – 2018/0209(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0385),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 192 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0249/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta' Ottubru 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta' Ottubru 2018(2),

–  wara li kkunsidra l-ittra mill-President tiegħu lill-presidenti tal-kumitati tal-25 ta’ Jannar 2019 li tispjega l-approċċ tal-Parlament għall-programmi settorjali tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) wara l-2020,

–  wara li kkunsidra l-ittra mill-Kunsill lill-President tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ April 2019 li tikkonferma l-ftehim komuni milħuq bejn il-koleġiżlaturi matul in-negozjati,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Biedja u Iżvilupp Rurali (A8-0397/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(3);

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sostanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sostanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 226.
(2) ĠU C 461, 21.12.2018, p. 156.
(3) Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fil-11 ta’ Diċembru 2018 (Testi adottati, P8_TA(2018)0487).


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-17 ta' April 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013
P8_TC1-COD(2018)0209

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja(3),

Billi:

(1)  Il-politika u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-ambjent u l-klima u l-enerġija ▌wasslu għal titjib sostanzjali fl-istat tal-ambjent. Madankollu, għad baqa' sfidi ambjentali u klimatiċi kbar li, jekk ma jiġux indirizzati, se jkollhom konsegwenzi negattivi sinifikanti għall-Unjoni u għall-benessri taċ-ċittadini tagħha.

(2)  Il-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE), stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4) għall-perjodu bejn l-2014 sal-2020 huwa l-aħħar wieħed minn sensiela ta' programmi tal-Unjoni li tul 25 sena appoġġaw l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u ta' prijoritajiet politiċi ambjentali u klimatiċi. Dan ġie vvalutat b'mod pożittiv f'evalwazzjoni ta' nofs it-terminu reċenti(5) bħala li jinsab fit-triq it-tajba biex ikun effettiv, effiċjenti u rilevanti. Il-Programm LIFE 2014-2020 għalhekk jenħtieġ li jitkompla b'ċerti modifiki identifikati fl-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu u fil-valutazzjonijiet sussegwenti. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi stabbilit Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika ("il-Programm LIFE") għall-perjodu li jibda mill-2021.

(3)  Il-Programm LIFE, li jimmira li jikseb l-għanijiet u l-miri tal-Unjoni stabbiliti mil-leġiżlazzjoni rilevanti, mill-pjanijiet, mill-politika u mill-impenji internazzjonali fil-qasam tal-ambjent, il-klima u l-enerġija nadifa, jenħtieġ li jikkontribwixxi, f'konformità ma' tranżizzjoni ġusta, għat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, ċirkolari, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ibbażata fuq l-enerġija rinnovabbli, newtrali għall-klima u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, għall-protezzjoni, ir-restawr u t-titjib tal-ambjent, inklużi l-arja, l-ilma u l-ħamrija, u s-saħħa, biex jieqaf u jitreġġa' lura t-telf tal-bijodiversità, fosthom permezz tal-appoġġ għall-implimentazzjoni u l-ġestjoni tan-Netwerk Natura 2000 u l-indirizzar tad-degradazzjoni tal-ekosistemi, jew permezz ta' interventi diretti jew bl-appoġġ tal-integrazzjoni ta' dawk l-għanijiet f'politiki oħra. Jenħtieġ li l-programm LIFE jappoġġa wkoll l-implimentazzjoni tal-programmi ta' azzjoni Ġenerali adottati skont l-Artikolu 192(3) tat-TFUE, bħas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali(6).

(4)  L-Unjoni hija impenjata li tiżviluppa rispons komprensiv għall-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli tal-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li jenfasizza l-konnessjoni intrinsika bejn il-ġestjoni tar-riżorsi naturali biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tagħhom fuq perjodu ta' żmien twil, is-servizzi ekosistemiċi, ir-rabta tagħhom mas-saħħa tal-bniedem u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u soċjalment inklużiv. F'dan l-ispirtu, il-Programm LIFE jenħtieġ li jirrifletti l-prinċipji tas-solidarjetà▌, filwaqt li jagħti kontribuzzjoni materjali kemm għall-iżvilupp ekonomiku kif ukoll għall-koeżjoni soċjali.

(4a)  Bil-għan li jiġi promoss żvilupp sostenibbli, ir-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali u klimatika jenħtieġ li jiġu integrati fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni. Jenħtieġ li għaldaqstant jiġu promossi s-sinerġiji anke b'mod komplementari ma' programmi ta' finanzjament oħra tal-Unjoni, inkluż billi jiġi ffaċilitat il-finanzjament tal-attivitajiet li jikkomplementaw proġetti integrati strateġiċi u proġetti strateġiċi dwar in-natura u li jappoġġaw l-użu u r-replika ta' soluzzjonijiet żviluppati fl-ambitu tal-Programm. Koordinazzjoni hija meħtieġa sabiex jiġi evitat li jkun hemm finanzjament doppju. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu passi biex jipprevjenu sovrapożizzjoni u piż amministrattiv fuq il-benefiċjarji tal-proġett, li jirriżultaw mill-obbligi ta' rapportar minn strumenti finanzjarji differenti.

(5)  Il-Programm LIFE jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli u għall-ksib tal-għanijiet u l-miri tal-leġiżlazzjoni, tal-istrateġiji, tal-pjanijiet u tal-impenji internazzjonali tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u tal-enerġija ▌rilevanti, b'mod partikolari l-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli(7), il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika(8), il-Ftehim ta' Pariġi adottat taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima(9) ("il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima"), u fost oħrajn il-Konvenzjoni UNECE dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (il-"Konvenzjoni ta' Aarhus"), il-Konvenzjoni UNECE dwar it-Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Kbira, il-Konvenzjoni tan-NU ta' Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment Minnhom, il-Konvenzjoni tan-NU ta' Rotterdam dwar il-Proċedura ta' Kunsens Infurmat minn Qabel għal Ċerti Kimiċi u Pestiċidi Perikolużi fil-Kummerċ Internazzjonali u l-Konvenzjoni tan-NU ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes.

(6a)  L-Unjoni Ewropea tagħti importanza kbira lis-sostenibbiltà fit-tul tar-riżultati tal-proġetti LIFE u lill-kapaċità li tiżgura u żżomm dawn ir-riżultati wara l-implimentazzjoni tal-proġett, fost oħrajn b'kontinwazzjoni tal-proġetti, b'replika u/jew bi trasferiment.

(7)  Il-konformità mal-impenji tal-Unjoni skont il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima teħtieġ it-trasformazzjoni tal-Unjoni f'soċjetà sostenibbli, ċirkolari, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ibbażata fuq l-enerġija rinnovabbli, newtrali għall-klima u reżiljenti għat-tibdil fil-klima Din, min-naħa l-oħra, tirrikjedi azzjonijiet, b'enfasi speċjali fuq is-setturi li jikkontribwixxu l-aktar għal-livelli attwali tal-output u tat-tniġġis minn gassijiet b'effett ta' serra, li jippromwovu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli, kif ukoll li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 u tal-Pjanijiet Nazzjonali Integrati dwar l-Enerġija u l-Klima tal-Istati Membri u l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija għall-2050 u fuq terminu twil, f'konformità mal-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi. Il-Programm LIFE jenħtieġ li jinkludi wkoll miżuri li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar l-adattament għall-klima biex titnaqqas il-vulnerabbiltà għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima.

(7a)  Il-proġetti fil-qafas tas-subprogramm il-ġdid Transizzjoni Lejn Enerġija Nadifa tal-Programm LIFE jenħtieġ li jiffokaw fuq il-ħolqien tal-bini tal-kapaċità u d-diffużjoni ta' għarfien, ħiliet, tekniki, metodi u soluzzjonijiet innovattivi biex jinkisbu l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni u l-politika tal-Unjoni dwar it-transizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli u effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija. Dawn huma tipikament il-koordinazzjoni u l-azzjonijiet ta' appoġġ b'valur miżjud għoli tal-UE, li għandhom l-għan li jeliminaw l-ostakli tas-suq li jfixklu t-tranżizzjoni soċjoekonomika lejn enerġija sostenibbli, li tipikament jinvolvu partijiet ikkonċernati żgħar u ta' daqs medju, atturi multipli inklużi awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ. Dawn l-azzjonijiet iġibu magħhom diversi benefiċċji, bħall-indirizzar tal-faqar enerġetiku, it-titjib tal-kwalità tal-arja interna, it-tnaqqis ta' sustanzi niġġiesa lokali bis-saħħa tat-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u ż-żieda ta' enerġiji rinnovabbli distribwiti, u l-kontribuzzjoni għal effetti ekonomiċi lokali pożittivi u aktar tkabbir soċjalment inklużiv.

(8)  Sabiex isir kontribut għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-impenji internazzjonali tal-Unjoni għad-dekarbonizzazzjoni, jeħtieġ li t-trasformazzjoni tas-settur tal-enerġija tiġi aċċellerata. L-azzjonijiet għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet li jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn effiċjenza fl-użu tal-enerġijau l-enerġija rinnovabbli, iffinanzjati sal-2020 taħt Orizzont 2020(10), jenħtieġ li jiġu integrati fis-subprogramm tal-Programm LIFE peress li l-għan tagħhom mhuwiex li jiffinanzjaw l-eċċellenza u li jiġġeneraw l-innovazzjoni, iżda li jiffaċilitaw l-użu ta' teknoloġija diġà disponibbli għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija,li se tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Il-Programm LIFE għandu jinvolvi l-partijiet ikkonċernati u s-setturi kollha involuti fi tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. L-inklużjoni ta' dawn l-attivitajiet ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-Programm LIFE toffri potenzjal għal sinerġiji bejn is-subprogrammi u żżid il-koerenza ġenerali tal-finanzjament tal-Unjoni. Għalhekk, id-data jenħtieġ li tinġabar u tiġi ddiseminata dwar l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet eżistenti ta' riċerka u innovazzjoni fil-proġetti LIFE, inkluż mill-programm Orizzont Ewropa u l-predeċessuri tiegħu.

(9)  Il-valutazzjoni tal-impatt għall-emendar tad-Direttivadwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija(11)tistima li t-twettiq tal-miri tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 se jeħtieġ investimenti addizzjonali ta' EUR 177 biljun kull sena fil-perjodu bejn l-2021 u l-2030. L-akbar lakuni huma marbuta mal-investimenti fid-dekarbonizzazzjoni tal-bini (l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira), fejn il-kapital irid jiġi dirett lejn proġetti ta' natura distribwita ħafna. Wieħed mill-għanijiet tas-subprogramm dwar it-Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa, li jkopri t-tħejjija għall-użu tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, huwa li jibni l-kapaċità għall-iżvilupp u għall-aggregazzjoni ta' tali proġetti, li permezz tiegħu jgħin ukoll biex jiġu assorbiti l-fondi mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u jikkatalizza investimenti f'enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, ankibilli juża l-istrumenti finanzjarji pprovduti taħt l-InvestEU

(9a)  Il-programm LIFE huwa l-uniku programm iddedikat b'mod speċifiku għall-ambjent u l-azzjoni klimatika u għaldaqstant jiżvolġi rwol kruċjali fl-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni f'dawk l-oqsma;

(10)  Is-sinerġiji ma' Orizzont Ewropa jenħtieġ li jiżguraw li l-bżonnijiet fil-qasam tar-riċerka u tal-innovazzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali, klimatiċi u tal-enerġija fi ħdan l-UE jiġu identifikati u stabbiliti matul il-proċess tal-ippjanar strateġiku tar-riċerka u l-innovazzjoni ta' Orizzont Ewropa. Il-Programm LIFE jenħtieġ li jkompli jaġixxi bħala katalizzatur għall-implimentazzjoni tal-politika u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar l-ambjent, il-klima u l-enerġija [...] rilevanti, inkluż billi jintużaw u jiġu applikati r-riżultati tar-riċerka u tal-innovazzjoni minn Orizzont Ewropa u jgħin biex dawn jintużaw fuq skala ikbar fejn dawn jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ambjentali, klimatiċi jew ta' tranżizzjoni lejn enerġija▌. Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni ta' Orizzont Ewropa jista' jipprovdi appoġġ għall-espansjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni ta'' ideat rivoluzzjonarji ġodda li jistgħu jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-proġetti LIFE. Bl-istess mod, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll is-sinerġiji mal-Fond ta' Innovazzjoni fil-qafas tas-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet.

(11)  Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni mill-Programm LIFE tista' tirċievi wkoll kontribuzzjoni minn kwalunkwe programm ieħor tal-Unjoni, sakemm il-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. L-azzjonijiet li jirċievu finanzjament kumulattiv minn programmi differenti tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu vverifikati darba biss, billi jkopru l-programmi kollha involuti u r-regoli applikabbli rispettivi tagħhom.

(12)  ▌L-aktar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni riċenti dwar ir-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR)(12) tindika li jenħtieġ progress sinifikanti biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-acquis tal-Unjoni dwar l-ambjent u biex tittejjeb l-integrazzjoni u l-mainstreaming tal-għanijiet ambjentali u klimatiċi f'politiki oħra. Għaldaqstant, il-Programm LIFE jenħtieġ li jaġixxi bħala katalizzatur biex jindirizza l-isfidi orizzontali, sistemiċi kif ukoll il-kawżi prinċipali għan-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni kif ġie identifikat fl-EIR u biex jikseb il-progress meħtieġ permezz tal-iżvilupp, tal-ittestjar u tar-replikazzjoni ta' approċċi ġodda; l-appoġġ għall-iżvilupp tal-politika, il-monitoraġġ u l-analiżi; it-titjib tal-governanza dwar kwistjonijiet ambjentali, kwistjonijiet b'rabta mat-tibdil fil-klima u mat-tranżizzjoni għal enerġija nadifa, inkluż billi jissaħħaħ l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha, kif ukoll permezz tal-bini ta' kapaċità, il-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni; il-mobilizzazzjoni tal-investimenti li ġejjin mill-programmi kollha ta' investiment tal-Unjoni jew minn sorsi finanzjarji oħra u l-appoġġ għal azzjonijiet biex jingħelbu d-diversi ostakli għall-implimentazzjoni effettiva tal-pjanijiet ewlenin meħtieġa mil-leġiżlazzjoni ambjentali.

(13)  It-twaqqif u t-treġġigħ lura tat-telf tal-bijodiversità, id-degradazzjoni tal-ekosistemi, inkluż f'ekosistemi tal-baħar, jeħtieġu appoġġ għall-iżvilupp, għall-implimentazzjoni, għall-infurzar u għall-valutazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politika rilevanti tal-Unjoni, inkluża l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020(13), id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE(14) u d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(15) u r-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(16), b'mod partikolari bl-iżvilupp ta' bażi ta' għarfien għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni tal-politika u bl-iżvilupp, l-ittestjar, id-dimostrazzjoni u l-applikazzjoni tal-aħjar prattiki u soluzzjonijiet, bħall-ġestjoni effikaċi, fuq skala żgħira jew imfassla apposta għal kuntesti lokali, reġjonali jew nazzjonali speċifiċi, inklużi approċċi integrati għall-implimentazzjoni tal-oqsfa ta' azzjoni prijoritizzati ppreparati fuq il-bażi tad-Direttiva 92/43/KEE. L-Unjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jsegwu n-nefqa tagħhom relatata mal-bijodiversità sabiex jissodisfaw l-obbligi ta' rappurtar tagħhom skont il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika. Jenħtieġ li jiġu ssodisfati wkoll ir-rekwiżiti għas-segwiment f'leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni. L-infiq tal-Unjoni relatat mal-bijodiversità se jiġi segwit bl-użu ta' sett ta' markaturi(17).

(14)  L-evalwazzjonijiet u l-valutazzjonijiet reċenti, inkluż ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 u l-Kontroll tal-Idoneità tal-leġiżlazzjoni dwar in-Natura, jindikaw li waħda mill-kawżi sottostanti ewlenin tal-implimentazzjoni insuffiċjenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar in-natura u tal-istrateġija għall-bijodiversità hija n-nuqqas ta' finanzjament adegwat. L-istrumenti ewlenin ta' finanzjament tal-Unjoni, inkluż il-[Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd], jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex jintlaħqu dawk il-ħtiġijiet fuq bażi komplementari. Il-Programm LIFE jista' jtejjeb aktar l-effiċjenza ta' tali integrazzjoni permezz ta' proġetti strateġiċi dwar in-natura ddedikati għall-katalizzazzjoni tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politika tal-Unjoni dwar in-natura u l-bijodiversità, inklużi l-azzjonijiet stabbiliti fl-Oqfsa ta' Azzjoni ta' Prijorità żviluppati skont id-Direttiva 92/43/KEE. Il-proġetti strateġiċi dwar in-natura jenħtieġ li jappoġġaw programmi ta' azzjonijiet fl-Istati Membri għall-integrazzjoni tal-għanijiet tan-natura u tal-bijodiversità rilevanti f'politiki oħra u fi programmi ta' finanzjament, u b'hekk ikun żgurat li jiġu mmobilizzati fondi adattati għall-implimentazzjoni ta' dawn il-politiki. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu fi ħdan il-Pjan Strateġiku għall-Politika Agrikola Komuni li jużaw ċertu proporzjon tal-allokazzjoni tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali biex jinkiseb appoġġ għal azzjonijiet li jikkomplementaw il-Proġetti Strateġiċi dwar in-Natura kif definiti f'dan ir-Regolament.

(15)  L-iskema volontarja għall-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi fit-Territorji extra-Ewropej (BEST) tippromwovi l-konservazzjoni tal-bijodiversità, inkluża l-bijodiversità tal-baħar, u l-użu sostenibbli ta' servizzi ekosistemiċi, inklużi approċċi bbażati fuq l-ekosistema għall-adattament u għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, fir-Reġjuni Ultraperifiċi tal-Unjoni u fil-Pajjiżi u fit-Territorji Extra-Ewropej. Bis-saħħa tal-azzjoni preparatorja BEST adottata fl-2011 u tal-Programm BEST 2.0 u l-proġett BEST RUP li segwew, BEST għenet biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza ekoloġika tar-Reġjuni Ultraperifiċi u tal-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej u r-rwol ewlieni tagħhom fil-konservazzjoni tal-bijodiversità globali. L-estimi tal-Kummissjoni Ewropea juru l-ħtieġa ta' appoġġ finanzjarju ta' EUR 8 miljun fis-sena għal azzjonijiet fil-post f'dawn it-territorji. Fid-Dikjarazzjonijiet Ministerjali tagħhom tal-2017 u l-2018, il-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej esprimew l-apprezzament tagħhom għal din l-iskema ta' għotjiet żgħar għall-bijodiversità. Għaldaqstant huwa xieraq li l-Programm LIFE jiffinanzja għotjiet żgħar għall-bijodiversità, inklużi azzjonijiet katalitiċi u azzjonijiet għat-tisħiħ tal-kapaċità, kemm fir-Reġjuni Ultraperiferiċi kif ukoll fil-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej.

(16)  Il-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi teħtieġ bidla ▌fil-mod ta' kif jiġu mfassla, prodotti, kkonsmati, msewwija, użati mill-ġdid, riċiklati u mormija l-materjali u l-prodotti, inklużi l-plastiks, b'attenzjoni fuq iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-prodotti. Il-Programm LIFE jenħtieġ li jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn mudell ta' ekonomija ċirkolari permezz ta' appoġġ finanzjarju mmirat lejn varjetà ta' atturi (in-negozji, l-awtoritajiet pubbliċi u l-konsumaturi), b'mod partikolari billi japplika, jiżviluppa u jirreplika l-aħjar teknoloġiji, prattiki u soluzzjonijiet imfassla apposta għal kuntesti lokali, reġjonali jew nazzjonali speċifiċi, inkluż permezz ta' approċċi integrati għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart u għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet tal-immaniġġjar u l-prevenzjoni tal-iskart. Permezz ta' appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018 dwar "Strateġija Ewropea għall-plastiks f'ekonomija ċirkolari"tista' tittieħed azzjoni biex tiġi indirizzata b'mod partikolari l-problema tal-iskart tal-baħar.

(16a)  Livell għoli ta' protezzjoni ambjentali huwa ta' importanza fundamentali għas-saħħa u għall-benessri taċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-Programm jenħtieġ li jappoġġa l-objettiv tal-Unjoni li tipproduċi u tuża sustanzi kimiċi b'modi li jwasslu għat-tnaqqis tal-effetti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, bil-ħsieb li jintlaħaq l-objettiv ta' ambjent mhux tossiku fl-UE. Il-Programm jenħtieġ li jappoġġa wkoll attivitajiet li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(18) sabiex jinkisbu livelli tal-istorbju li ma jwasslux għal impatti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u joħolqu riskji għal din.

(17)  L-għan fit-tul tal-Unjoni għall-politika dwar l-arja huwa li jinkisbu livelli ta' kwalità tal-arja li ma jikkawżawx impatti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u riskji għal din u għall-ambjent, filwaqt li jissaħħu s-sinerġiji bejn it-titjib tal-kwalità tal-arja u t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass serra. Is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar it-tniġġis tal-arja hija għolja u ċ-ċittadini jistennew li l-awtoritajiet jaġixxu, b'mod partikolari f'żoni fejn il-popolazzjoni u l-ekosistemi huma esposti għal livelli għolja ta' sustanzi li jniġġsu fl-arja. Id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(19) tenfasizza r-rwol li jista' jkollu l-finanzjament tal-Unjoni biex jintlaħqu l-għanijiet tal-arja nadifa. Għalhekk, il-Programm LIFE jenħtieġ li jappoġġa proġetti, inklużi l-proġetti integrati strateġiċi, li għandhom il-potenzjal li jisfruttaw fondi pubbliċi u privati, biex ikunu eżempji ta' prattika tajba u katalizzaturi għall-implimentazzjoni ta' pjanijiet u leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja fil-livell lokali, reġjonali, multireġjonali, nazzjonali u transnazzjonali.

(18)  Id-Direttiva 2000/60/KE(20) stabbiliet qafas għall-protezzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ, tal-ilmijiet tal-kosta, tal-ilmijiet tranżizzjonali u tal-ilma ta' taħt l-art. L-għanijiet ta' dik id-Direttiva huma appoġġati ▌minn implimentazzjoni u ▌integrazzjoni aħjar tal-għanijiet tal-politika dwar l-ilma f'oqsma ta' politiki oħrajn. Għalhekk il-Programm LIFE jenħtieġ li jappoġġa proġetti li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2000/60/KE u ta' leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni dwar l-ilma li tikkontribwixxi biex jinkiseb status tajjeb tal-korpi tal-ilma tal-Unjoni permezz tal-applikazzjoni, tal-iżvilupp u tar-replikazzjoni tal-aħjar prattiki, kif ukoll permezz tal-mobilizzazzjoni ta' azzjonijiet komplementari taħt programmi jew sorsi finanzjarji oħra tal-Unjoni.

(19)  Il-protezzjoni u r-restawr tal-ambjent tal-baħar huma wieħed mill-miri ġenerali tal-politika ambjentali tal-Unjoni. Il-Programm LIFE jenħtieġ li jappoġġa dan li ġej: il-ġestjoni, il-konservazzjoni, ir-restawr u l-monitoraġġ tal-bijodiversità u tal-ekosistemi tal-baħar b'mod partikolari f'siti tal-baħar ta' Natura 2000 u l-protezzjoni tal-ispeċi skont l-oqfsa ta' azzjoni prijoritizzati żviluppati skont id-Direttiva 92/43/KEE; il-ksib ta' Status Ambjentali Tajjeb skont id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(21); il-promozzjoni ta' ibħra nodfa u b'saħħithom; l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija ▌dwar il-plastik f'ekonomija ċirkolari, biex tiġi indirizzata b'mod partikolari l-problema tal-irkaptu tas-sajd mitluf u tal-iskart tal-baħar; u l-promozzjoni tal-involviment tal-Unjoni fil-governanza internazzjonali tal-oċeani li hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u biex jiġu ggarantiti oċeani b'saħħithom għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-proġetti integrati strateġiċi u l-proġetti strateġiċi dwar in-natura tal-Programm LIFE jenħtieġ li jinkludu azzjonijiet rilevanti li jkollhom il-mira li jipproteġu l-ambjent tal-baħar.

(20)  It-titjib tal-governanza fuq kwistjonijiet ambjentali, it-tibdil fil-klima u kwistjonijiet relatati ta' tranżizzjoni lejn enerġija ▌jeħtieġ l-involviment tas-soċjetà ċivili billi tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, fosthom permezz ta' strateġija ta' komunikazzjoni li tieħu kont tal-midja l-ġdida u n-netwerks soċjali, l-involviment tal-konsumaturi u t-twessigħ tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha, inklużi l-organizzazzjoni nongovernattivi, f'konsultazzjoni dwar il-politiki relatati u l-implimentazzjoni tagħhom Għaldaqstant, huwa xieraq li l-Programm jappoġġa firxa wiesgħa ta' NGOs kif ukoll netwerks ta' entitajiet mingħajr skop ta' qligħ li jsegwu għan li huwa ta' interess ġenerali tal-Unjoni, u li huma primarjament attivi fil-qasam tal-ambjent jew l-azzjoni klimatika, bl-għoti, b'mod kompetittiv u trasparenti, ta' għotjiet operattivi sabiex jgħinu lil dawn l-NGOs, in-netwerks u l-entitajiet jagħmlu kontribuzzjonijiet effikaċi għall-politika tal-Unjoni, u biex jibnu u jsaħħu l-kapaċità tagħhom biex isiru sħab aktar effiċjenti.

(21)  Filwaqt li t-titjib tal-governanza fil-livelli kollha jenħtieġ li jkun l-għan trasversali għas-subprogrammi kollha tal-Programm LIFE, il-Programm LIFE jenħtieġ li jappoġġa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni u l-infurzar u l-konformità mal-acquis dwar l-ambjent u l-klima, b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni orizzontali dwar il-governanza ambjentali, inkluża l-leġiżlazzjoni li timplimenta l-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UNECE) dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali(22).

(22)  Il-Programm LIFE jenħtieġ li jħejji u jappoġġa lill-atturi fis-suq għal tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, ċirkolari, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ibbażata fuq l-enerġija rinnovabbli, newtrali għall-klima u reżiljenti għat-tibdil fil-klima billi jittestja opportunitajiet tan-negozju ġodda, jaġġorna l-ħiliet professjonali, jiffaċilita l-aċċess tal-konsumaturi għall-prodotti u s-servizzi sostenibbli, jinvolvi u jagħti s-setgħa lill-influwenzaturi u jittestja metodi ġodda biex jiġu adattati l-proċessi u l-pajsaġġ kummerċjali eżistenti. Biex tkun appoġġata l-adozzjoni kummerċjali usa' ta' soluzzjonijiet sostenibbli, jenħtieġ li jiġu promossi l-aċċettazzjoni tal-pubbliku ġenerali u l-involviment tal-konsumatur.

(22a)  Il-Programm huwa mfassal biex jappoġġa d-dimostrazzjoni ta' tekniki, approċċi u l-aħjar prattiki li jistgħu jiġu rreplikati u estiżi. Soluzzjonijiet innovattivi jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali u s-sostenibbiltà, b'mod partikolari għall-iżvilupp ta' prattiki ta' biedja sostenibbli fl-oqsma attivi fis-suġġetti tal-klima, l-ilma, il-ħamrija, il-bijodiversità u l-iskart. Għandha ssir enfasi f'dan ir-rigward fuq is-sinerġiji ma' programmi u politiki oħra, bħas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-Produttività u s-Sostenibbiltà Agrikola u l- Iskema ta' ġestjoni u verifika ambjentali tal-UE.

(23)  Fil-livell tal-Unjoni, investimenti kbar f'azzjonijiet ambjentali u klimatiċi huma primarjament iffinanzjati minn programmi ta' finanzjament ewlenin tal-Unjoni (integrazzjoni). Għaldaqstant huwa kruċjali li jiżdiedu l-isforzi ta' integrazzjoni, biex jiġu żgurati s-sostenibbiltà, il-bijodiversità u l-protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima ta' programmi ta' finanzjament oħra tal-Unjoni u l-integrazzjoni ta' salvagwardji tas-sostenibbiltà fl-istrumenti kollha tal-Unjoni. Fil-kuntest tar-rwol katalitiku tagħhom, il-proġetti strateġiċi integrati u l-proġetti strateġiċi dwar in-natura li jridu jiġu żviluppati taħt il-Programm LIFE jenħtieġ li jisfruttaw opportunitajiet ta' finanzjament fi ħdan dawk il-programmi ta' finanzjament u sorsi oħrajn ta' finanzjament bħalma huma l-fondi nazzjonali, u joħolqu s-sinerġiji.

(23a)  Is-suċċess ta' proġetti strateġiċi għall-protezzjoni tan-natura u ta' proġetti integrati strateġiċi jiddependi fuq kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u l-atturi mhux statali affettwati mill-objettivi tal-Programm. Il-prinċipji ta' trasparenza u ta' żvelar rigward deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ ta' proġetti jenħtieġ li, għalhekk, jiġu applikati, b'mod partikolari fil-każ ta' integrazzjoni jew meta jkunu involuti sorsi ta' finanzjament multipli.

(24)  Filwaqt li jirrifletti l-importanza li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima b'mod koordinat u ambizzjuż, skont l-impenji tal-Unjoni biex timplimenta l-Ftehim ta' Pariġi u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, dan il-Programm LIFE se jikkontribwixxi biex jiġu integrati l-azzjonijiet klimatiċi u biex tinkiseb mira ġenerali ta' minn tal-inqas 25 % tal-infiq tal-baġit tal-UE li jappoġġa l-għanijiet klimatiċi matul il-perjodu tal-QFP 2021-2027, u mira annwali ta' 30 % malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard mill-2027. L-azzjonijiet taħt il-Programm LIFE huma mistennija li jikkontribwixxu 61 % tal-pakkett finanzjarju ġenerali tal-Programm LIFE għall-għanijiet klimatiċi. Matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Programm LIFE se jiġu identifikati azzjonijiet rilevanti, u se jiġu vvalutati mill-ġdid fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet u tal-proċessi ta' rieżami rilevanti.

(25)  Fl-implimentazzjoni tal-Programm LIFE, jenħtieġ tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-istrateġija għar-reġjuni ultraperiferiċi(23) fid-dawl tal-Artikolu 349 TFUE u l-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet speċifiċi ta' dawn ir-reġjuni. Il-politiki tal-Unjoni, għajr il-politiki ambjentali, klimatiċi u politiki rilevanti dwar l-enerġija, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll.

(26)  B'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Programm LIFE, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkollabora man-netwerk tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali (NCP) tal-Programm LIFE bil-għan li tistimola l-kooperazzjoni mmirata biex ittejjeb s-servizzi NCP fl-UE kollha u tagħmilhom aktar effikaċi, kif ukoll bil-ħsieb li żżid il-kwalità tal-proposti ppreżentati, torganizza seminars u workshops, tippubblika listi ta' proġetti ffinanzjati taħt il-Programm LIFE jew twettaq attivitajiet oħra, bħall-kampanji tal-midja, sabiex ixxandar aħjar ir-riżultati tal-proġetti u biex tiffaċilita skambji ta' esperjenza, għarfien u l-aħjar prattiki u r-replikazzjoni tar-riżultati tal-proġetti fl-Unjoni kollha, u b'hekk tippromwovi l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni. Jenħtieġ li dawn l-attivitajiet, b'mod partikolari, ikunu mmirati għall-Istati Membri b'użu baxx ta' fondi u jenħtieġ li jiffaċilitaw il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-benefiċjarji tal-proġetti, l-applikanti jew il-partijiet ikkonċernati ta' proġetti li tlestew u dawk li għadhom għaddejjin fl-istess qasam. Huwa essenzjali li tali attivitajiet ta' komunikazzjoni u kooperazzjoni jiġu indirizzati lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u lill-partijiet ikkonċernati.

(26a)  Il-kwalità hija l-kriterju ġenerali li jirregola l-proċess tal-evalwazzjoni u tal-għoti tal-proġetti fil-Programm LIFE. Sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Programm LIFE madwar l-Unjoni u sabiex tippromwovi kwalità għolja tal-proposti għall-proġetti, jenħtieġ li l-finanzjament għall-proġetti ta' assistenza teknika għall-parteċipazzjoni effettiva bi fil-Programm LIFE jsir disponibbli. Il-Kummissjoni jenħtieġ li ssegwi kopertura ġeografika effettiva abbażi tal-kwalità fl-Unjoni kollha, inkluż billi tappoġġa lill-Istati Membri sabiex iżidu l-kwalità tal-proġetti permezz tal-bini tal-kapaċità. L-ispeċifikazzjoni tal-parteċipazzjoni effettiva baxxa u l-attivitajiet eleġibbli, u l-kriterji għall-għoti għall-Proġett LIFE se jiġu stabbiliti fil-Programm ta' Ħidma Pluriennali ggwidat mill-parteċipazzjoni u r-rata ta' suċċess tal-applikanti mill-Istati Membri rispettivi b'kont meħud, fost l-oħrajn, tal-popolazzjoni u tad-densità tal-popolazzjoni, tal-arja totali tas-siti ta' Natura 2000 għal kull Stat Membru espressa bħala proporzjon tal-arja totali ta' Natura 2000 u tal-proporzjon tat-territorju ta' Stat Membru kopert minn siti ta' Natura 2000. Jenħtieġ li l-attivitajiet eliġibbli jkunu ta' tali natura li jkollhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-applikazzjoni għall-proġetti.

(27)  In-Netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL), in-Netwerk Ewropew tal-Prosekuturi għall-Ambjent (ENPE), il-Forum tal-Unjoni Ewropea tal-Imħallfin għall-Ambjent (EUFJE(24)) inħolqu biex jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri u għandhom rwol uniku fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni. Dawn jipprovdu kontribuzzjoni sostanzjali biex tissaħħaħ il-konsistenza fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni fl-Unjoni kollha, filwaqt li jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, jikkontribwixxu għal titjib fil-kwalità tal-ispezzjoni ambjentali u l-mekkaniżmi tal-infurzar tal-liġi permezz ta' sistema ta' netwerking kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri, u jipprovdu skambju ta' informazzjoni u esperjenza f'livelli amministrattivi differenti, kif ukoll permezz ta' taħriġ u diskussjonijiet fil-fond dwar kwistjonijiet ambjentali u aspetti ta' infurzar, inkluż l-proċessi tal-monitoraġġ u tal-permessi. Fid-dawl tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-għanijiet tal-Programm LIFE, jixraq li jiġi awtorizzat l-għoti ta' għotjiet lil IMPEL, ENPE u EUFJE, mingħajr sejħa għal proposti sabiex ikompli jingħata appoġġ lill-attivitajiet ta' dawn l-assoċjazzjonijiet. Barra minn hekk, f'każijiet oħra jista' ma tkunx meħtieġa sejħa skont ir-rekwiżiti ġenerali tar-Regolament Finanzjarju, eż. għall-korpi maħtura mill-Istati Membri u li joperaw taħt ir-responsabbiltà tagħhom, fejn dawk l-Istati Membri jkunu identifikati bħala benefiċjarji ta' għotja permezz ta' att leġiżlattiv tal-Unjoni.

(28)  Jixraq li jiġi stabbilit pakkett finanzjarju għall-Programm LIFE li jrid jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza primarja, fi ħdan it-tifsira tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(25), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(28a)  Ir-rati ta' kofinanzjament massimi jenħtieġ li jiġu stabbiliti f'livelli li jkunu meħtieġa sabiex jinżamm il-livell effettiv ta' sostenn ipprovdut mill-Programm. Sabiex titqies l-adattabbiltà meħtieġa fid-dawl tal-firxa eżistenti ta' azzjonijiet u entitajiet, ir-rati ta' kofinanzjament speċifiċi se jiffaċilitaw iċ-ċertezza, filwaqt li jżommu grad ta' flessibbiltà li tista' tingħata skont il-ħtiġijiet jew ir-rekwiżiti speċifiċi. Ir-rati ta' kofinanzjament speċifiċi għandhom dejjem ikunu soġġetti għar-rati massimi ta' kofinanzjament rilevanti stabbiliti.

(29)  Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawn ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju u jiddeterminaw b'mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta' għotjiet, akkwist, premji, implimentazzjoni indiretta, u jipprevedu verifiki dwar ir-responsabbiltà ta' protagonisti finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 TFUE jikkonċernaw ukoll il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, billi r-rispett għall-istat tad-dritt huwa prekundizzjoni essenzjali għal ġestjoni finanzjarja soda u effettiva tal-finanzjament tal-UE.

(30)  Skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(26) ("ir-Regolament Finanzjarju"), ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(27), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2988/95(28), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96(29) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939(30),jeħtieġ li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati, inkluż il-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, inklużi frodi, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b'mod mhux korrett u fejn xieraq, l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi. B'mod partikolari, skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE") jista' jinvestiga u jressaq ▌reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni , kif previst mid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(31). Skont ir-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-Kummissjoni, lill-OLAF, ▌lill-UPPE fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw f'kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(31)  It-tipi ta' finanzjament u l-metodi ta' implimentazzjoni, jenħtieġ li jintgħażlu skont il-ħila tagħhom li jiksbu l-għanijiet speċifiċi tal-azzjonijiet u li jagħtu r-riżultati, filwaqt li b'mod partikolari jitqiesu il-kostijiet tal-kontrolli, il-piż amministrattiv u r-riskju mistenni ta' nuqqas ta' konformità. Fir-rigward tal-għotjiet, dan jenħtieġ li jinkludi konsiderazzjoni tal-użu ta' somom f'daqqa, rati fissi u skali ta' kostijiet unitarji. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni li faċilment tiġi esegwita u li tippromwovi semplifikazzjoni reali għall-mexxejja tal-proġetti.

(32)  Fejn ikun adatt, l-għanijiet ta' politika tal-Programm LIFE jenħtieġ li jiġu indirizzati wkoll permezz ta' strumenti finanzjarji u garanzija baġitarja taħt ▌l-InvestUE, inkluż bl-ammont allokat mill-Programm LIFE kif speċifikat fil-programmi ta' ħidma pluriennali fil-qafas tal-Programm LIFE.

(33)  Skont l-Artikolu 94 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE(32), l-entitajiet stabbiliti f'pajjiżi u territorji extra-Ewropej (PTEE) huma eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u għall-għanijiet tal-Programm LIFE u għall-arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li miegħu l-pajjiż jew it-territorju extra-Ewropew rilevanti huwa marbut. Il-parteċipazzjoni ta' dawn l-entitajiet f'dan il-Programm LIFE jenħtieġ li tiffoka primarjament fuq proġetti taħt is-subprogramm Natura u Bijodiversità.

(34)  Il-Programm jenħtieġ li jkun miftuħ għal pajjiżi terzi skont il-ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni tagħhom;

(35)  Il-pajjiżi terzi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jistgħu jieħdu sehem fil-programmi tal-Unjoni fil-qafas tal-kooperazzjoni stabbilita skont il-ftehim ŻEE, li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-programmi permezz ta' deċiżjoni skont dak il-ftehim. Il-pajjiżi terzi jistgħu wkoll jipparteċipaw fuq il-bażi ta' strumenti legali oħra. Jenħtieġ li tiġi introdotta dispożizzjoni speċifika f'dan ir-Regolament li tagħti d-drittijiet neċessarji u l-aċċess lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) kif ukoll lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex jeżerċitaw b'mod komprensiv il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

(36)  Skont il-punti 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, hemm il-ħtieġa li jiġi evalwat dan il-Programm LIFE fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura permezz ta' rekwiżiti speċifiċi ta' monitoraġġ, filwaqt li jiġu evitati r-regolamentazzjoni żejda u l-piżijiet amministrattivi, b'mod partikolari fuq l-Istati Membri. Dawn ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jistgħu jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu, bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Programm LIFE fuq il-post. L-impatt sħiħ tal-Programm LIFE huwa dovut għall-effetti indirett, fit-tul u diffiċli li jitkejlu li jikkontribwixxu lejn il-ksib tal-firxa sħiħa ta' għanijiet klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni. Għall-monitoraġġ tal-Programm LIFE, l-indikaturi tal-output dirett u r-rekwiżiti ta' segwiment stabbiliti f'dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu kkomplementati minn aggregazzjoni ta' indikaturi speċifiċi fil-livell tal-proġetti li jridu jiġu deskritti fil-programmi ta' ħidma pluriennali jew is-sejħiet għall-proposti, fost l-oħrajn fir-rigward ta' Natura 2000 u l-emissjonijiet ta' ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja.

(36a)  B'mod li jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-adozzjoni ta' programmi ta' ħidma pluriennali, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(33). Jekk il-Kumitat għall-Programm LIFE ma jagħti ebda opinjoni dwar abbozz ta' att ta' implimentazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, ma tadottax l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni.

(37)  Sabiex jiġi żgurat li l-appoġġ u l-implimentazzjoni tal-Programm huma konsistenti mal-politiki u l-prijoritajiet tal-Unjoni u komplementari għal strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, is-setgħa biex jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni, u dan bil-għan li temenda l-indikaturi jew tissupplimenta dan ir-Regolament fid-dawl tal-indikaturi, kif ukoll sabiex jiġi stabbilit qafas għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni. Hu ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(38)  Billi l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-kontribuzzjoni għal livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u azzjoni klimatika ambizzjuża b'governanza tajba u approċċ b'diversi partijiet ikkonċernati għall-iżvilupp sostenibbli u għall-ilħuq tal-għanijiet u tal-miri tal-leġiżlazzjoni, tal-istrateġiji, tal-pjanijiet jew tal-impenji internazzjonali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ambjent, il-bijodiversità, il-klima, l-ekonomija ċirkolari u l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija rilevanti ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti ta' dan ir-Regolament, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(39)  Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 jenħtieġ li jitħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) (il-"Programm LIFE").

Dan jistabbilixxi l-għanijiet tal-Programm LIFE, il-baġit għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027, il-forom ta' finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta' dan it-tip ta' finanzjament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)  "proġetti strateġiċi dwar in-natura" tfisser proġetti li jappoġġaw il-ksib tal-għanijiet tal-Unjoni fir-rigward tan-natura u tal-bijodiversità billi jimplimentaw programmi ta' azzjoni koerenti fl-Istati Membri biex jintegraw dawn l-għanijiet u l-prijoritajiet f'politiki u strumenti ta' finanzjament oħra, inkluż permezz ta' implimentazzjoni kkoordinata tal-oqfsa ta' azzjoni prijoritarji stabbiliti skont id-Direttiva 92/43/KEE;

(2)  "proġetti integrati strateġiċi" tfisser proġetti li jimplimentaw fuq skala reġjonali, multireġjonali, nazzjonali jew transnazzjonali, strateġiji ambjentali jew klimatiċi jew pjanijiet ta' azzjoni żviluppati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u meħtieġa minn leġiżlazzjoni jew politiki speċifiċi u rilevanti tal-Unjoni dwar l-ambjent, il-klima jew l-enerġija ▌, filwaqt li jiżguraw l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u jippromwovu l-koordinazzjoni u l-mobilizzazzjoni ta' mill-inqas sors wieħed ta' finanzjament ieħor tal-Unjoni, nazzjonali jew privat;

(3)  "proġetti ta' assistenza teknika" tfisser proġetti li jappoġġaw l-iżvilupp tal-kapaċità ta' parteċipazzjoni fi proġetti ta' azzjoni standard, it-tħejjija ta' proġetti strateġiċi dwar in-natura u proġetti strateġiċi integrati, it-tħejjija għall-aċċess għal strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni jew miżuri oħra meħtieġa għat-tħejjija tal-espansjoni jew tar-replikazzjoni tar-riżultati minn proġetti oħra ffinanzjati mill-Programm LIFE, mill-programmi predeċessuri tiegħu jew minn programmi oħra tal-Unjoni, bil-ħsieb li jsegwu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3; Tali proġetti jistgħu jinkludu wkoll it-tisħiħ tal-kapaċità marbut mal-attivitajiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-parteċipazzjoni effettiva fil-programm LIFE;

(4)  "proġetti ta' azzjoni standard" tfisser proġetti, għajr proġetti integrati strateġiċi, proġetti strateġiċi dwar in-natura jew proġetti ta' assistenza teknika, li jsegwu l-għanijiet speċifiċi tal-Programm stabbiliti fl-Artikolu 3(2);

(5)  "operazzjonijiet ta' taħlit" tfisser azzjonijiet appoġġati mill-baġit tal-UE, inklużi dawk fi ħdan faċilitajiet ta' taħlit skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/… ("ir-Regolament Finanzjarju"), li jikkombinaw forom ta' appoġġ li mhuwiex rimborsabbli u/jew strumenti finanzjarji mill-baġit tal-Unjoni ma' forom ta' appoġġ rimborsabbli minn istituzzjonijiet tal-iżvilupp jew istituzzjonijiet oħra tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll minn istituzzjonijiet tal-finanzjament kummerċjali u tal-investituri;

(6)  "entità ġuridika" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika maħluqa u rikonoxxuta bħala tali skont id-dritt nazzjonali, id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt internazzjonali, li għandha personalità ġuridika u li tista', meta taġixxi f'isimha stess, teżerċita drittijiet u tkun soġġetta għal obbligi, jew entità mingħajr personalità ġuridika skont l-Artikolu 190(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 3

Għanijiet tal-programm

1.  L-għan ġenerali tal-Programm LIFE jenħtieġ li jkun li jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, ċirkolari, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ibbażata fuq l-enerġija rinnovabbli, newtrali għall-klima u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, u dan sabiex jipproteġi u jerġa' jagħti l-ħajja lill-ambjent u jtejjeb il-kwalità tiegħu, kif ukoll biex iwaqqaf u jreġġa' lura t-telf tal-bijodiversità u jindirizza d-degradazzjoni tal-ekosistemi, inkluż billi jappoġġa l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tan-Netwerk Natura 2000 u b'hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli. Il-Programm LIFE għandu jappoġġa wkoll l-implimentazzjoni tal-programmi ta' Azzjoni Ġenerali adottati skont l-Artikolu 192(3) tat-TFUE.

2.  Il-Programm LIFE għandu jkollu l-għanijiet speċifiċi li ġejjin:

(a)  li jiżviluppa, juri u jippromwovi tekniki, metodi u approċċi innovattivi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika u tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ambjent, inklużi n-natura u l-bijodiversità, u dwar l-azzjoni klimatika, inkluża t-tranżizzjoni lejn enerġija ▌rinnovabbli u aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u li jikkontribwixxi għal bażi ta' għarfien u għall-applikazzjoni tal-aħjar prassi, b'mod partikolari fir-rigward tan-natura u tal-bijodiversità, inkluż permezz tal-appoġġ tan-Netwerk Natura 2000;

(b)  li jappoġġa l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-ambjent, inkluż in-natura u l-bijodiversità, jew l-azzjoni klimatika u t-tranżizzjoni lejn enerġija rinnovabbli jew aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija, inkluż billi jtejjeb il-governanza fil-livelli kollha, b'mod partikolari permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-atturi pubbliċi u privati u tal-involviment tas-soċjetà ċivili;

(c)  li jikkatalizza l-użu fuq skala kbira ta' soluzzjonijiet tekniċi u relatati mal-politika ta' suċċess għall-implimentazzjoni tal-politika u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-ambjent, inkluż in-natura u l-bijodiversità, u dwar l-azzjoni klimatika u t-tranżizzjoni lejn enerġija rinnovabbli jew aktar effiċjenza fl-użu tal-enerġija, billi jirreplika r-riżultati, jintegra l-għanijiet relatati f'politiki oħra u fil-prattiki tas-settur pubbliku u privat, u jimmobilizza l-investiment u jtejjeb l-aċċess għall-finanzjament.

Artikolu 4

Struttura

Il-Programm LIFE għandu jkun strutturat kif ġej:

(1)  il-qasam tal-Ambjent, li jinkludi:

(a)  is-subprogramm Natura u Bijodiversità;

(b)  is-subprogramm Ekonomija Ċirkolari u Kwalità tal-Ħajja;

(2)  il-qasam Azzjoni Klimatika, li jinkludi:

(a)  is-subprogramm Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima u Adattament Għalih;

(b)  is-subprogramm Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa.

Artikolu 5

Baġit

1.  Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu mill-2021 sal-2027 għandu jkun ta' EUR 6 442 000 000 f'termini ta' prezzijiet tal-2018 (EUR 7 272 000 000 f'termini ta' prezzijiet attwali).

2.  Id-distribuzzjoni indikattiva tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun:

(a)  EUR 4 715 000 000 f'termini ta' prezzijiet tal-2018 (EUR 5 322 000 000 f'termini ta' prezzijiet attwali, li jikkostitwixxi 73,2 % tal-pakkett finanzjarju totali tal-Programm) għall-qasam Ambjent, li minnhom

(1)  EUR 2 829 000 000 f'termini ta' prezzijiet tal-2018 (EUR 3 261 420 000 f'termini ta' prezzijiet attwali, li jikkostitwixxi 44,9 % tal-pakkett finanzjarju totali tal-Programm) għas-subprogramm Natura u Bijodiversità u

(2)  EUR 1 886 000 000 f'termini ta' prezzijiet tal-2018 (EUR 2 060 580 000 f'termini ta' prezzijiet attwali, li jikkostitwixxi 28,3% tal-pakkett finanzjarju totali tal-Programm) għas-subprogramm Ekonomija Ċirkolari u Kwalità tal-Ħajja;

(b)  EUR 1 950 000 000 għall-qasam Azzjoni Klimatika, li minnhom

(1)  EUR 950 000 000 għas-subprogramm Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima u Adattament Għalih u

(2)  EUR 1 000 000 000 għas-subprogramm Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa.

3.  L-ammonti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà stabbiliti fir-Regolament (UE) … tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(34) [ir-Regolament dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid] u fir-Regolament Finanzjarju.

3a.  Minkejja l-paragrafu 2, mill-inqas 60 % tar-riżorsi baġitarji allokati għal proġetti appoġġati permezz ta' għotjiet għal azzjoni fil-qasam Ambjent imsemmi fil-punt (a) fil-paragrafu 2 għandhom ikunu ddedikati għal għotjiet għal proġetti li jappoġġaw is-Subprogramm Natura u Bijodiversità msemmi fil-punt i) tal-punt (a) fil-paragrafu 2.

4.  Il-Programm LIFE jista' jiffinanzja attivitajiet ta' assistenza teknika u amministrattiva mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-Programm LIFE, bħal attivitajiet preparatorji, ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' awditu u ta' evalwazzjoni inkluż sistemi korporattivi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u attivitajiet ta' netwerk li jappoġġaw il-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali tal-Programm LIFE, inkluż taħriġ, attivitajiet ta' tagħlim reċiproku u avvenimenti għall-qsim ta' esperjenza.

5.  Il-Programm jista' jiffinanzja attivitajiet implimentati mill-Kummissjoni b'sostenn għat-tħejjija, għall-implimentazzjoni u għall-integrazzjoni tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-ambjent, il-klima jew ▌l-enerġija ▌bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3. Dawn l-attivitajiet jistgħu jinkludu:

(a)  informazzjoni u komunikazzjoni, inklużi kampanji ta' sensibilizzazzjoni. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għal attivitajiet ta' komunikazzjoni skont dan ir-Regolament għandhom ikopru wkoll komunikazzjoni korporattiva fir-rigward tal-prijoritajiet ta' politika tal-Unjoni, kif ukoll fir-rigward tal-istatus ta' implimentazzjoni u traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-ambjent, il-klima jew l-enerġija;

(b)  studji, stħarriġiet, immudellar u bini ta' xenarji;

(c)  it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, il-verifika u l-evalwazzjoni ▌tal-politiki, il-programmi u l-leġiżlazzjoni, kif ukoll il-valutazzjoni u l-analiżi ta' proġetti mhux iffinanzjati mill-Programm LIFE, jekk dawn iservu l-iskopijiet tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3;

(d)  workshops, konferenzi u laqgħat;

(e)  netwerking u pjattaformi tal-aħjar prattika;

(f)  attivitajiet oħra, bħal premjijiet.

Artikolu 6

Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

1.  Soġġett għall-konformità sħiħa mar-regoli u mar-regolamenti kollha tiegħu, il-Programm għandu jkun miftuħ għall-pajjiżi terzi li ġejjin:

(a)  Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim ŻEE;

(b)  pajjiżi aderenti, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, jew arranġamenti simili, u skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(c)  pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, jew ftehimiet simili, u skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(d)  pajjiżi terzi oħra, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, bil-kundizzjoni li dak il-ftehim

–  jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji tal-pajjiż terz li jkun qed jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni;

–  jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi, inkluż il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali u l-kostijiet amministrattivi tagħhom. Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat b'konformità mal-Artikolu [21(5)] tar-Regolament Finanzjarju;

–  ma jagħtix lill-pajjiż terz, is-setgħa li jieħu deċiżjonijiet dwar il-programm;

–  jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u li tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha.

2.  Meta pajjiż terz jipparteċipa fil-programm permezz ta' deċiżjoni taħt ftehim internazzjonali jew permezz ta' kwalunkwe strument legali ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet neċessarji u l-aċċess meħtieġ lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex jeżerċitaw b'mod komprensiv il-kompetenzi rispettivi tagħhom. Fil-każ tal-OLAF, drittijiet bħal dawn għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF).

Artikolu 6a

Kooperazzjoni internazzjonali

Matul l-implimentazzjoni tal-Programm LIFE, il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, u mal-istituzzjonijiet u l-korpi tagħhom, għandha tkun possibbli fejn meħtieġ għall-fini tal-ilħuq tal-objettivi ġenerali stipulati fl-Artikolu 3.

Artikolu 7

Sinerġiji ma' programmi oħra tal-Unjoni

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiffaċilita l-implimentazzjoni konsistenti tal-Programm LIFE, u l-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jiffaċilitaw l-koerenza u l-koordinazzjoni mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Orizzont Ewropa, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u InvestEU, sabiex jinħolqu sinerġiji, b'mod partikolari fir-rigward tal-proġetti strateġiċi dwar in-natura u tal-proġetti integrati strateġiċi u biex jiġu appoġġati l-adozzjoni u r-replikazzjoni ta' soluzzjonijiet żviluppati fi ħdan il-Programm LIFE. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom biex jiksbu komplementarjetà fil-livelli kollha.

Artikolu 8

Implimentazzjoni u forom ta' finanzjament tal-Unjoni

1.  Il-Kummissjoni jenħtieġ li timplimenta l-Programm LIFE b'ġestjoni diretta skont ir-Regolament Finanzjarju jew b'ġestjoni indiretta flimkien mal-korpi msemmija fl-Artikolu [61(1)(c)] tar-Regolament Finanzjarju.

2.  Il-Programm LIFE jista' jipprovdi finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, b'mod partikolari għotjiet, premjijiet u akkwist. Jista' jipprovdi wkoll finanzjament fil-forma ta' strumenti finanzjarji fi ħdan operazzjonijiet ta' taħlit.

2a.  Minn tal-inqas 85 % tal-baġit għall-Programm LIFE għandu jkun allokat għall-għotjiet kif imsemmi fl-Artikolu 10(2) u 10(5), għall-proġetti ffinanzjati permezz ta' forom ta' finanzjament ieħor sal-punt speċifikat fil-programm ta' ħidma pluriennali, jew, fejn ikun xieraq u sal-punt speċifikat fi ħdan il-programm ta' ħidma pluriennali msemmi fl-Artikolu 17, għall-istrumenti finanzjarji fil-forma ta' operazzjonijiet ta' taħlit kif imsemmi fl-Artikolu 8(2). Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-proġetti ffinanzjati minn forom oħra ta' finanzjament ikunu konformi bis-sħiħ mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament. L-ammont massimu allokat għal għotjiet kif imsemmi fl-Artikolu 10(3b) għandu jkun ta' EUR 15-il miljun.

2b.  Ir-rati massimi ta' kofinanzjament għall-azzjonijiet eleġibbli msemmija fil-punti (a), (b), (c) u (d) tal-Artikolu 10(2) għandhom ikunu sa 60 % tal-kostijiet eliġibbli u sa 75 % fil-każ ta' proġetti ffinanzjati taħt is-subprogramm Natura u Bijodiversità, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-ħabitats jew l-ispeċijiet ta' prijorità għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/43/KEE jew l-ispeċijiet ta' għasafar li jitqiesu bħala prijorità għal finanzjament mill-Kumitat tal-Adattament għall-Progress Tekniku u Xjentifiku, stabbilit skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/147/KE, meta meħtieġ sabiex jinkiseb l-għan tal-konservazzjoni. Għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(5), ir-rata massima ta' kofinanzjament għandha tkun ta' 70 % tal-kostijiet eliġibbli. Mingħajr preġudizzju għar-rati ta' kofinanzjament massimi rilevanti u determinati, ir-rati speċifiċi għandhom jiġu speċifikati ulterjorment fil-programm ta' ħidma pluriennali msemmi fl-Artikolu 17. Dawn jistgħu jiġu adattati skont l-eżiġenzi ta' kull subprogramm, tip ta' proġett jew tip ta' għotja.

Għal proġetti kif deskritti fl-Artikolu 10(3b), ir-rati massimi ta' kofinanzjament m'għandhomx jaqbżu il-95 % tal-kostijiet eliġibbli għal proġetti matul il-perjodu tal-ewwel programm ta' ħidma pluriennali; għat-tieni programm ta' ħidma pluriennali, u soġġett għal konferma f'dan il-programm ta' ħidma, ir-rata ta' kofinanzjament għandha tkun 75 % tal-kostijiet eliġibbli.

2c.  Il-kwalità hija l-kriterju ġenerali li jirregola l-proċess tal-evalwazzjoni u tal-għoti tal-proġetti fil-Programm LIFE. Il-Kummissjoni għandha ssegwi kopertura ġeografika effettiva abbażi tal-kwalità fl-Unjoni kollha, fosthom billi tappoġġa lill-Istati Membri sabiex iżidu l-kwalità tal-proġetti permezz tal-bini tal-kapaċità.

KAPITOLU II

ELIĠIBBILTÀ

Artikolu 9

Għotjiet

Għotjiet li jaqgħu taħt il-Programm LIFE għandhom jingħataw u jiġu ġestiti skont it-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 10

Azzjonijiet eliġibbli

1.  Huma biss azzjonijiet li jimplimentaw l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3 li għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament.

2.  L-għotjiet jistgħu jiffinanzjaw it-tipi ta' azzjoni li ġejjin:

(a)  proġetti strateġiċi dwar in-natura fi ħdan is-subprogramm imsemmi fil-punt (1)(a) tal-Artikolu 4;

(b)  proġetti integrati strateġiċi taħt is-subprogrammi msemmija fil-punti (1)(b), (2)(a) u 2(b) tal-Artikolu 4;

(c)  proġetti ta' assistenza teknika;

(d)  proġetti ta' azzjoni standard;

(e)  azzjonijiet oħrajn meħtieġa biex jintlaħaq l-għan ġenerali stabbilit fl-Artikolu 3(1), inklużi l-azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ immirati biex jibnu l-kapaċitajiet, ixerrdu l-informazzjoni u l-għarfien, u jqajmu kuxjenza biex jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli u effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija.

3.  Il-proġetti fi ħdan is-subprogramm Natura u Bijodiversità dwar il-ġestjoni, ir-restawr u l-monitoraġġ tas-siti ta' Natura 2000 skont id-Direttivi 92/43/KEE u 2009/147/KE għandhom iqisu l-prijoritajiet stabbiliti fil-pjanijiet nazzjonali u reġjonali, l-istrateġiji u l-politiki dwar il-konservazzjoni tan-natura u l-bijodiversità, anki f'oqfsa ta' azzjoni prijoritizzati stabbiliti skont id-Direttiva 92/43/KEE.

3a.  Proġetti ta' assistenza teknika għall-bini ta' kapaċità relatati mal-attivitajiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri biex itejbu l-parteċipazzjoni effettiva fil-programm LIFE għandhom jappoġġaw attivitajiet ta' dawk l-Istati Membri b'parteċipazzjoni effettiva baxxa, bil-għan li jittejbu s-servizzi tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali madwar l-UE u tiżdied il-kwalità ġenerali tal-proposti sottomessi.

4.  L-għotjiet jistgħu jiffinanzjaw attivitajiet barra minn Stat Membru jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew li jappartjeni għalih, sakemm il-proġett isegwi l-għanijiet ambjentali u klimatiċi tal-Unjoni u l-attivitajiet barra l-Unjoni jkunu meħtieġa biex jiżguraw l-effikaċja tal-interventi mwettqa fit-territorji tal-Istati Membri jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew, jew biex jappoġġaw ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni hija parti għalihom.

5.  L-għotjiet operattivi għandhom isostnu l-funzjonament ta' entitajiet mingħajr skop ta' qligħ u li huma involuti fl-iżvilupp, fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni u tal-politika tal-Unjoni u li huma primarjament attivi fil-qasam tal-ambjent jew tal-azzjoni klimatika, inkluż it-tranżizzjoni lejn enerġija ▌, skont l-għanijiet tal-Programm LIFE msemmija fl-Artikolu 3.

Artikolu 11

Entitajiet eliġibbli

1.  Il-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 3 għandhom japplikaw flimkien mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu [197] tar-Regolament Finanzjarju.

2.  Għandhom ikunu eliġibbli l-entitajiet li ġejjin:

(a)  entitajiet ġuridiċi stabbiliti fi kwalunkwe wieħed mill-pajjiżi jew mit-territorji li ġejjin:

(1)  Stat Membru jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew marbut miegħu;

(2)  pajjiżi terz assoċjat mal-Programm LIFE;

(3)  pajjiżi terzi oħra elenkati fil-programm ta' ħidma pluriennali msemmi fl-Artikolu 17, skont il-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafi 4 sa 6 ta' dan l-Artikolu;

(b)  kwalunkwe entità ġuridika maħluqa skont id-dritt tal-Unjoni jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali.

3.  Il-persuni fiżiċi m'għandhomx ikunu eliġibbli.

4.  L-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f'pajjiż terz li mhuwiex assoċjat mal-Programm huma eċċezzjonalment eliġibbli biex jipparteċipaw fejn dan ikun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' azzjoni partikolari biex tiġi żgurata l-effikaċja tal-interventi mwettqa fl-Unjoni.

5.  L-entitajiet ġuridiċi li jipparteċipaw f'konsorzji ta' mill-inqas tliet entitajiet indipendenti, stabbiliti fi Stati Membri differenti jew f'pajjiżi jew f'territorji extra-Ewropej marbuta ma' dawk l-Istati jew f'pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm jew f'pajjiżi terzi oħra, huma eliġibbli.

6.  Jenħtieġ li l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f'pajjiż terz li mhuwiex assoċjat mal-Programm, fil-prinċipju, iġarrbu l-kost tal-parteċipazzjoni tagħhom.

6a.  Sabiex jiġi żgurat l-użu effiċjenti tal-fondi tal-programm u l-parteċipazzjoni effiċjenti tal-entitajiet ġuridiċi msemmija fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 21 sabiex tissupplimenta dan l-artikolu billi tiddefinixxi taħt liema kundizzjonijiet dawn ikunu pparteċipaw b'mod suffiċjenti fil-politika dwar l-ambjent u l-klima tal-Unjoni biex ikunu jistgħu jitqiesu eliġibbli għall-programm.

Artikolu 12

Għoti dirett

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu [188] tar-Regolament Finanzjarju, l-għotjiet jistgħu jingħataw mingħajr sejħa għall-proposti lill-korpi identifikati fl-Anness I.

Artikolu 13

Speċifikazzjoni tal-kriterji tal-għotjiet

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-kriterji tal-għotjiet fil-programm ta' ħidma pluriennali msemmi fl-Artikolu 17 u s-sejħiet għall-proposti filwaqt li jitqiesu l-prinċipji li ġejjin:

(a)  proġetti ffinanzjati mill-Programm LIFE għandhom ikunu ta' interess għall-Unjoni billi jagħtu kontribut sinifikanti għall-ksib tal-għanijiet ġenerali u speċifiċi tal-Programm LIFE msemmija fl-Artikolu 3 u m'għandhomx jimminawhom u, kull meta jkun possibbli, għandhom jippromwovu l-użu tal-akkwist pubbliku ekoloġiku;

(aa)  il-proġetti għandhom jiżguraw approċċ kosteffikaċi u li jkunu teknikament u finanzjarjament koerenti;

(ab)  il-proġetti bl-ogħla kontribut potenzjali sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 għandhom jingħataw prijorità;

(b)  proġetti li jipprovdu kobenefiċċji u jippromwovu sinerġiji bejn is-subprogrammi msemmija fl-Artikolu 4 għandhom jibbenefikaw minn bonus fl-evalwazzjoni tagħhom;

(c)  proġetti bl-ogħla potenzjal li jiġu replikati u adottati mis-settur pubbliku jew privat jew li jimmobilizzaw l-akbar investimenti jew riżorsi finanzjarji (potenzjal katalitiku) għandhom jibbenifikaw minn bonus fl-evalwazzjoni tagħhom;

(d)  għandha tiġi żgurata r-replikazzjoni tar-riżultati tal-proġett ta' azzjoni standard;

(e)  proġetti li jibnu fuq jew jespandu r-riżultati ta' proġetti oħra ffinanzjati mill-Programm LIFE, mill-programmi predeċessuri tiegħu jew minn fondi oħra tal-Unjoni għandhom jibbenefikaw minn bonus fl-evalwazzjoni tagħhom;

(f)  fejn xieraq, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-proġetti u lil proġetti f'żoni ġeografiċi bi bżonnijiet jew vulnerabbiltajiet speċifiċi, bħalma huma żoni bi sfidi ambjentali speċifiċi jew b'restrizzjonijiet naturali, żoni transfruntiera, żoni ta' valur naturali għoli jew reġjuni ultraperiferiċi.

Artikolu 14

Kostijiet eliġibbli relatati max-xiri tal-art

Minbarra l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu [186] tar-Regolament Finanzjarju, il-kostijiet relatati max-xiri ta' art għandhom jitqiesu eliġibbli bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)  ix-xiri se jikkontribwixxi għat-titjib, għaż-żamma u għar-restawr tal-integrità tan-netwerk Natura 2000 stabbilit skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/43/KEE, inkluż permezz ta' titjib fil-konnettività permezz tal-ħolqien ta' kurituri, punti ta' tranżizzjoni, jew elementi oħra ta' infrastruttura ekoloġika;

(b)  ix-xiri tal-art ikun l-uniku jew l-aktar mezz kosteffettiv biex jintlaħaq l-eżitu ta' konservazzjoni mixtieq;

(c)  l-art mixtrija tkun riżervata għal perjodu fit-tul għal użi konsistenti mal-għanijiet speċifiċi tal-Programm LIFE;

(d)  l-Istat Membru kkonċernat jiżgura, permezz ta' trasferiment jew b'xi mod ieħor, l-assenjazzjoni għal terminu twil ta' tali art għall-finijiet ta' konservazzjoni tan-natura.

Artikolu 15

Finanzjament kumulattiv, komplementari u kkombinat

1.  Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni minn programm ieħor tal-Unjoni tista' tirċievi wkoll kontribuzzjoni mill-Programm LIFE, dment li l-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet u li l-azzjoni tkun intiża biex tilħaq l-objettivi ambjentali u klimatiċi stabbiliti fl-Artikolu 3, u ma timmina l-ebda minnhom. Ir-regoli ta' kull programm tal-Unjoni kontribwenti għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni rispettiva tiegħu għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż il-kostijiet eliġibbli totali tal-azzjoni u l-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista' jiġi kkalkolat fuq bażi prorata b'konformità mad-dokumenti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-appoġġ.

2.  L-azzjonijiet li jingħataw ċertifikazzjoni tas-Siġill ta' Eċċellenza, jew li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kumulattivi u komparattivi li ġejjin:

(a)  ikunu ġew ivvalutati f'sejħa għal proposti fi ħdan il-Programm LIFE;

(b)  jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi dwar il-kwalità ta' dik is-sejħa għal proposti;

(c)  ma jistgħux jiġu ffinanzjati taħt dik is-sejħa għal proposti minħabba restrizzjonijiet baġitarji.

jistgħu jirċievu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Fond ta' Koeżjoni, mill-Fond Soċjali Ewropew+ jew mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, b'konformità mal-paragrafu 5 tal-Artikolu [67] tar-Regolament (UE) XX [ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni] u mal-Artikolu [8] jew mar-Regolament (UE) XX [Il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-Politika Agrikola Komuni], bil-kundizzjoni li tali azzjonjiet ikunu konsistenti mal-għanijiet tal-programm ikkonċernat. Għandhom japplikaw ir-regoli tal-Fond li jipprovdi l-appoġġ.

KAPITOLU III

OPERAZZJONIJIET TA' TAĦLIT

Artikolu 16

Operazzjonijiet ta' taħlit

L-operazzjonijiet ta' taħlit skont il-Programm LIFE għandhom jiġu implimentati b'konformità mar-Regolament InvestEU u t-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju, b'attenzjoni dovuta għar-rekwiżiti ta' sostenibbiltà u ta' trasparenza.

KAPITOLU IV

PROGRAMMAZZJONI, MONITORAĠĠ, RAPPORTAR U EVALWAZZJONI

Artikolu 17

Programm ta' ħidma pluriennali

1.  Permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta' ħidma pluriennali għall-Programm LIFE. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 20a(2).

2.  Kull programm ta' ħidma pluriennali għandu jispeċifika, b'konformità mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3, dan li ġej:

(a)  l-allokazzjoni ta' fondi f'kull subprogramm bejn il-ħtiġijiet tiegħu u bejn tipi differenti ta' finanzjament, kif ukoll l-ammont totali massimu allokat għal għotjiet, kif imsemmi fl-Artikolu 10(2)(a) u 10(2)(b);

(aa)  l-ammont totali massimu għall-istrumenti finanzjarji fi ħdan l-operazzjonijiet ta' taħlit taħt il-Programm LIFE, fejn applikabbli;

(ab)  l-ammont massimu totali għall-għotjiet li għandhom jingħataw lill-korpi elenkati fl-Anness I f'konformità mal-Artikolu 12;

(b)  is-suġġetti tal-proġett jew il-ħtiġijiet speċifiċi li għalihom ikun hemm preallokazzjoni ta' finanzjament għall-proġetti msemmija fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 10(2);

(c)  l-istrateġiji u l-pjanijiet li għalihom jimmiraw il-proġetti integrati strateġiċi u li għalihom jista' jintalab il-finanzjament għall-proġetti kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 10(2);

(d)  il-perjodu massimu ta' eliġibbiltà għall-implimentazzjoni tal-proġett.

(da)  skedi ta' żmien indikattivi għas-sejħiet għall-proposti għall-perjodu koperti mill-programm ta' ħidma pluriennali;

(db)  il-metodoloġija teknika għall-proċedura għall-għażla u l-preżentazzjoni tal-proġetti u l-kriterji tal-għotjiet skont l-elementi msemmija fl-Artikolu 13;

(dc)  l-ispeċifikazzjoni tar-rati ta' kofinanzjament imsemmija fl-Artikolu 8(2b);

(dd)  ir-rati massimi ta' kofinanzjament għall-azzjonijiet eleġibbli msemmija fl-Artikolu 10(2)e;

(de)  regoli dettaljati rigward l-applikazzjoni ta' finanzjament kumulattiv, komplementari u kkombinat, meta rilevanti;

(df)  l-ispeċifikazzjoni ta' parteċipazzjoni effettiva baxxa u attivitajiet eliġibbli u kriterji tal-għoti għal proġetti ta' assistenza teknika għall-bini ta' kapaċità b'rabta mal-attivitajiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-parteċipazzjoni effettiva fil-programm LIFE.

2a.  It-tul tal-ewwel programm ta' ħidma pluriennali għandu jkun ta' erba' snin u t-tul tat-tieni programm ta' ħidma pluriennali għandu jkun ta' tliet snin.

2b.  Fil-qafas tal-programmi ta' ħidma pluriennali, il-Kummissjoni għandha tippubblika sejħiet għal proposti koperti mill-perjodu. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-fondi li ma jintużawx minn sejħa għal proposti partikolari jiġu riallokati bejn it-tipi differenti ta' azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(2) fl-istess qasam.

2c.  Il-Kummissjoni għandha tiżgura konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati fl-iżvilupp tal-programmi ta' ħidma pluriennali.

Artikolu 18

Monitoraġġ u rapportar

1.  Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-progress tal-Programm LIFE lejn il-ksib tal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 3 abbażi tal-indikaturi li jinsabu fl-Anness II.

2.  Sabiex tiżgura valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm LIFE lejn l-ilħuq tal-għanijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati b'konformità mal-Artikolu 21 biex temenda l-Anness II biex jirrieżamina jew jikkomplementa l-indikaturi fejn jitqies neċessarju, inkluż fid-dawl tal-allinjament tagħhom mal-indikaturi stabbiliti għal programmi oħra tal-njoni, u biex jissupplementa dan ir-Regolament bid-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta' qafas ta' monitoraġġ u evalwazzjoni.

2a.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 21 biex, abbażi tal-Anness II, tiddefinixxi indikaturi speċifiċi għal kull subprogramm u tip ta' proġetti .

3.  Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tar-riżultati tal-programm tinġabar b'mod effiċjenti, effettiv, u f'waqtu. Għal dak il-għan u skont il-metodoloġiji disponibbli, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta' rappurtar proporzjonati fuq ir-riċevituri tal-fondi tal-UE biex ikun jista' jinġabar output aggregabbli fil-livell tal-proġetti u indikaturi tal-impatt, għall-għanijiet speċifiċi rilevanti kollha fir-rigward tal-politika ambjentali u klimatika, inkluż fir-rigward ta' Natura 2000 u l-emissjonijiet ta' ċerti sustanzi atmosferiċi li jniġġsu fl-arja, inklużi s-CO2.

4.  Il-Kummissjoni għandha timmonitorja u tirrapporta regolarment dwar l-integrazzjoni tal-għanijiet tal-klima u tal-bijodiversità, inkluż l-ammont tan-nefqa. Il-kontribuzzjoni ta' dan ir-Regolament għall-mira ta' allokazzjoni ta' 25 % tal-baġit għat-twettiq tal-għanijiet tal-klima, għandha tiġi segwita permezz tas-sistema ta' markaturi klimatiċi tal-Unjoni. L-infiq relatat mal-bijodiversità għandu jiġi segwit bl-użu ta' sett speċifiku ta' markaturi. Dawk il-metodi ta' segwiment għandhom jintużaw biex jikkwantifikaw l-approprjazzjonijiet ta' impenn li mistennija jikkontribwixxu rispettivament għall-għanijiet tal-klima u tal-bijodiversità tul il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027 fil-livell xieraq ta' diżaggregazzjoni. L-infiq għandu jiġi ppreżentat kull sena fid-Dikjarazzjoni tal-Programm tal-baġit. Il-kontribuzzjoni tal-Programm għall-għanijiet tal-klima u tal-bijodiversità tal-Unjoni għandha tiġi rrapportata regolarment fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet u tar-rapport annwali.

5.  Il-Kummissjoni għandha tivvaluta s-sinerġiji bejn il-Programm LIFE u programmi oħra komplementari tal-Unjoni, u bejn is-subprogrammi tiegħu.

Artikolu 19

Evalwazzjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjonijietf'waqthom ▌sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet b'attenzjoni dovuta għall-koerenza, is-sinerġija, il-valur miżjud tal-Unjoni u s-sostenibbiltà fit-tul, bl-użu tal-prijoritajiet tal-Unjoni fl-oqsma tal-klima u l-ambjent.

2.  Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta' nofs it-terminu ▌tal-Programm LIFE ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn 42 xaharwara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-Programm LIFE, bl-użu l-indikaturi tal-output u tar-riżultati kif stabbilit f'konformità mal-Anness II.

L-evalwazzjoni għandha tkopri mill-inqas dan li ġej:

(a)  l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-implimentazzjoni tal-Programm;

(b)  l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi,

(c)  il-grad ta' kemm intlaħqu l-objettivi tal-miżuri kollha filwaqt li jiġu speċifikati, fejn possibbli, ir-riżultati u l-impatti,

(d)  is-suċċess attwali jew mistenni ta' proġetti fl-ingranaġġ ta' fondi oħra tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu, b'mod partikolari, il-benefiċċji ta' aktar koerenza ma' strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni,

(e)  il-punt sa fejn jintlaħqu s-sinerġiji bejn l-objettivi u l-komplementarjetà ma' programmi rilevanti oħra tal-Unjoni,

(f)  il-valur miżjud tal-Unjoni u l-impatt fit-tul tal-Programm LIFE, bil-ħsieb li tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid, il-modifika jew is-sospensjoni tal-miżuri;

(g)  il-punt sa fejn il-partijiet ikkonċernati kienu involuti;

(h)  analiżi kwantitattiva u kwalitattiva tal-kontribuzzjoni tal-Programm LIFE għall-istat ta' konservazzjoni tal-ħabitats u l-ispeċi, elenkati fid-Direttivi 92/43/KEE u 2009/147/KE;

(i)  analiżi tal-kopertura ġeografika fl-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 8(2c), u, jekk ma tintlaħaq l-ebda kopertura bħal din, analiżi tar-raġunijiet sottostanti.

3.  Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Programm LIFE, iżda mhux aktar tard minn erba' snin wara t-tmiem tal-perjodu speċifikat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1, għandha titwettaq evalwazzjoni finali tal-Programm LIFE mill-Kummissjoni.

4.  Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, akkumpanjati mill-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kummissjoni għandha tagħmel ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet disponibbli għall-pubbliku.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 20

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.  Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni (b'mod partikolari meta jippromwovu l-proġetti u r-riżultati tagħhom) billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi inklużi lill-midja u lill-pubbliku. Għal dan l-għan, ir-riċevituri għandhom jużaw il-logo tal-Programm LIFE, li jidher fl-Anness IIa, jew, meta dan ma jkunx fattibbli, isemmu l-Programm LIFE f'kull attività ta' komunikazzjoni u dan għandu jidher fuq avviżieri f'postijiet strateġiċi viżibbli għall-pubbliku. L-oġġetti dewwiema kollha miksuba fil-qafas tal-Programm LIFE għandu jkollhom il-logo tal-Programm LIFE ħlief f'każijiet speċifikati mill-Kummissjoni.

2.  Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni relatati mal-Programm LIFE, u mal-azzjonijiet u mar-riżultati tiegħu. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm LIFE għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu relatati mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3.

Artikolu 20a

Il-proċedura tal-kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Programm LIFE. Dan il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. 2-.

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.  Meta l-Kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.  Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Kumitat rigward il-progress globali fl-implimentazzjoni tas-subprogrammi u dwar azzjonijiet partikolari, fost l-oħrajn rigward operazzjonijiet ta' taħlit implimentati permezz ta' riżorsi baġitarji allokati mill-Programm LIFE.

Artikolu 21

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 18(2) u (2a) għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2028.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 18(2) u (2a) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' xi att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Qabel tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.  Att delegat adottat skont l-Artikoli 18(2) u (2a) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 22

Tħassir

Ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 għandu jitħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2021.

Artikolu 23

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.  Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika tal-azzjonijiet ikkonċernati, sal-għeluq tagħhom, skont ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(35) u skont ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 li għandhom ikomplu japplikaw għall-proġetti kkonċernati sal-għeluq tagħhom.

2.  Il-pakkett finanzjarju għall-Programm LIFE jista' jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm LIFE u l-miżuri adottati skont ir-Regolamenti (KE) Nru 614/2007 u (UE) Nru 1293/2013.

3.  Jekk meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 5(4), sabiex jippermettu l-ġestjoni ta' proġetti mhux kompletati sa dik id-data.

4.  Riflussi minn strumenti finanzjarji stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 jistgħu jiġu investiti fi strumenti finanzjarji stabbiliti taħt [Fond InvestEU].

5.  L-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat li jirriżulta mir-ripagament tal-ammonti mħallsa skorrettament skont ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 jew ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 għandhom jintużaw, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(36), biex jiffinanzjaw il-Programm LIFE.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS I

Il-korpi li lilhom jistgħu jingħataw l-għotjiet mingħajr sejħa għal proposti

1.  In-Netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL);

2.  in-Netwerk Ewropew tal-Prosekuturi għall-Ambjent (ENPE);

3.  Il-Forum tal-Unjoni Ewropea tal-Imħallfin għall-Ambjent (EUFJE).

ANNESS II

Indikaturi

1.  Indikaturi tal-output

1.1.  Numru ta' proġetti li qed jiżviluppaw, juru u jippromwovu tekniki u approċċi innovattivi;

1.2.  Numru ta' proġetti li japplikaw l-aħjar prassi f'dak li għandu x'jaqsam man-natura u l-bijodiversità;

1.3.  Numru ta' proġetti għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ jew l-infurzar tal-leġiżlazzjoni u tal-politika rilevanti tal-Unjoni;

1.4.  Numru ta' proġetti li jtejbu l-governanza permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' atturi pubbliċi u privati u l-involviment tas-soċjetà ċivili;

1.5.  Numru ta' proġetti, inklużi proġetti integrati strateġiċi, proġetti strateġiċi dwar in-natura, li jimplimentaw

–  pjanijiet jew strateġiji ewlenin;

–  programmi ta' azzjoni għall-integrazzjoni ta' kwistjonijiet b'rabta man-Natura u l-Bijodiversità.

2.  Indikaturi tar-riżultat

2.1.  Bidla netta għall-ambjent u għall-klima, ibbażata fuq l-aggregazzjoni tal-indikaturi tal-livell tal-proġett li jridu jiġu speċifikati fis-sejħa għal proposti fi ħdan is-subprogrammi għal

–  Natura u Bijodiversità;

–  Ekonomija Ċirkolari u Kwalità tal-Ħajja li jkopru mill-inqas dawn li ġejjin

—  Kwalità tal-arja

—  Ħamrija

—  Ilma

—  Skart

—  Sustanzi kimiċi;

—  Storbju;

—  Użu tar-riżorsi u effiċjenza fl-użu tar-riżorsi

–  Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima u Adattament;

–  Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa.

2.2.  Investimenti kumulattivi ġġenerati permezz tal-proġetti jew finanzjament aċċessat (miljun EUR);

2.3.  Numru ta' organizzazzjonijiet involuti fil-proġetti jew li jirċievu għotjiet operattivi;

2.4.  Is-sehem ta' proġetti li kellhom effett katalitiku wara d-data ta' meta ntemm il-proġett.

ANNESS IIa

Logo tal-programm

20190417-P8_TA(2019)0405_MT-p0000002.png

(1)ĠU C , , p. .
(2)ĠU C , , p. .
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2019. It-test fuq sfond griż ma ntlaħaqx qbil dwaru fil-kuntest tan-negozjati interistituzzjonali.
(4)Ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-istabbiliment ta' Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 185).
(5)Rapport dwar l-Evalwazzjoni ta' Nofs it-Terminu tal-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE)(SWD(2017)0355).
(6) Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna" (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).
(7)Aġenda 2030, Riżoluzzjoni adottata mill-AĠ tan-NU fil-25/09/2015.
(8)93/626/KEE: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 1993 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika (ĠU L 309, 13.12.1993, p. 1).
(9)ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.
(10) Orizzont 2020 Parti III "Enerġija sikura, nadifa u effiċjenti" (Sfidi tas-Soċjetà) (Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE) tat-3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965)).
(11) Id-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210).
(12)Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-analiżi tal-implimentazzjoni ambjentali tal-UE: L-isfidi ewlenin u kif se ngħaqqdu l-isforzi biex nagħtu riżultati aħjar (COM(2017)0063).
(13)COM(2011)0244.
(14)Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).
(15)Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).
(16)Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35).
(17) SEC(2017)0250.
(18) Id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali - Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni dwar id-Direttiva relatata mal-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12).
(19)Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1).
(20) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1)..
(21)Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).
(22)ĠU L 124, 17.5.2005, p. 4.
(23)Doc. 13715/17 - COM(2017)0623.
(24)Doc. 5485/18 - COM(2018)0010, p. 5.
(25)ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(26) Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(27)Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(28)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).
(29)Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
(30)[Titolu sħiħ + informazzjoni ĠU L].
(31)Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).
(32)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea) (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).
(33) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali li jikkonċernaw il-mekkaniżmi għal kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni tal-Kummissjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(34)[Jekk jogħġbok daħħal it-titolu sħiħ u l-informazzjoni ĠU]
(35)Ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2007 rigward l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE+) (ĠU L 149, 9.6.2007, p. 1).
(36)Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Lulju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza