Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ġustizzja (COM(2018)0384 – C8-0235/2018 – 2018/0208(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0384),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), l-Artikolu 81(1) u (2) u l-Artikolu 82(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0235/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-18 ta’ Ottubru 2018(1),
– wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-ittra mill-President tiegħu lill-presidenti tal-kumitati tal-25 ta’ Jannar 2019 li tispjega l-approċċ tal-Parlament għall-programmi settorjali tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) wara l-2020,
– wara li kkunsidra l-ittra mill-Kunsill lill-President tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ April 2019 li tikkonferma l-ftehim komuni milħuq bejn il-koleġiżlaturi matul in-negozjati,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0068/2019),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(2);
2. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-QFP li jmiss: tħejjija tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-QFP ta' wara l-2020(3); itenni l-appoġġ tiegħu għall-programmi fl-oqsma tal-kultura, l-edukazzjoni, il-midja, iż-żgħażagħ, l-isport, id-demokrazija, iċ-ċittadinanza u s-soċjetà ċivili li wrew biċ-ċar il-valur miżjud Ewropew tagħhom u ilhom igawdu minn popolarità fost il-benefiċjarji; itenni li Unjoni aktar b'saħħitha u ambizzjuża tista' tinkiseb biss jekk tingħata mezzi finanzjarji aktar b'saħħithom; jappella għalhekk li jingħata appoġġ kontinwu lill-politiki eżistenti, li jiżdiedu r-riżorsi għall-programmi ewlenin tal-Unjoni, u li r-responsabbiltajiet addizzjonali jingħataw mezzi finanzjarji addizzjonali;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-17 ta' April 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ġustizzja
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 81(1) u (2), Artikolu 82(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja(2),
Billi:
(1) Skont l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, "L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel". L-Artikolu 3 jispeċifika ulterjorment li l-"mira tal-Unjoni hija li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benesseri tal-popli tagħha" u, fost l-oħrajn, "hija għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha u għandha tassigura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew". Dawn il-valuri huma affermati mill-ġdid ulterjorment u artikolati fid-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("il-Karta").
(2) Dawk id-drittijiet u l-valuri jridu jibqgħu jiġu kkultivati, protetti u promossi, infurzati u kondiviżi b'mod attiv fost iċ-ċittadini u l-popli▌u jridu jkunu fil-qalba tal-proġett tal-UE, peress li d-deterjorament fil-protezzjoni ta' dawk id-drittijiet u l-valuri fi kwalunkwe Stat Membru jista' jkollu effetti detrimentali fuq l-Unjoni kollha kemm hi. Għaldaqstant, fil-baġit tal-UE għandu jinħoloq Fond ġdid għall-Ġustizzja, id-Drittijiet u l-Valuri, li jinkludi l-Programm Ġustizzja u l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri. Fi żmien meta s-soċjetajiet Ewropej qed iħabbtu wiċċhom ma' estremiżmu, radikaliżmu u diviżjonijiet u ma' spazju dejjem aktar ristrett għas-soċjetà ċivili indipendenti, huwa aktar importanti minn qatt qabel li jiġu promossi, imsaħħa u protetti l-ġustizzja, id-drittijiet u l-valuri tal-UE: id-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt. Dan se jkollu implikazzjonijiet diretti u profondi għall-ħajja politika, soċjali, kulturali u ekonomika fl-UE. Bħala parti mill-Fond il-ġdid, il-Programm Ġustizzja se jkompli jappoġġa l-iżvilupp ulterjuri tal-ispazju tal-ġustizzja tal-Unjoni bbażat fuq l-istat tad-dritt, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, fuq ir-rikonoxximent reċiproku u l-fiduċja reċiproka, fuq l-aċċess għall-ġustizzja u l-kooperazzjoni transfruntiera. Il-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri se jiġbor flimkien il-Programm ta' Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza 2014-2020 stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3) u l-programm Ewropa għaċ-Ċittadini stabbilit permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014(4)▌, (minn hawn 'il quddiem "il-Programmi predeċessuri").
(3) Il-Fond għall-Ġustizzja, id-Drittijiet u l-Valuri u ż-żewġ programmi ta' finanzjament sottostanti tiegħu se jiffokaw▌fuq il-persuni u l-entitajiet, li jikkontribwixxu biex id-drittijiet, id-diversità rikka, l-ugwaljanza u l-valuri komuni tagħna jieħdu l-ħajja u jkunu vibranti. L-objettiv aħħari▌huwa li titrawwem u tiġi sostnuta soċjetà bbażata▌fuq id-drittijiet, ugwali, miftuħa, pluralista, inklużiva u demokratika. Dan jinkludi soċjetà ċivili vibranti u parteċipatorjabħala parti kkonċernata ewlenija, l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni demokratika, ċivika u soċjali tal-persuni u t-trawwim ta' diversità rikka tas-soċjetà Ewropea, fuq il-bażi tal-valuri, l-istorja u l-memorja komuni tagħna. L-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropeajirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mas-soċjetà ċivili u, permezz ta' mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jsemmgħu l-opinjonijiet tagħhom u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma ta' azzjoni kollha tal-Unjoni.
(4) It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi l-ħolqien ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja b'rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri. Ir-rispett u l-promozzjoni tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet fundamentali u tad-demokrazija fl-Unjoni huma prerekwiżiti għaż-żamma tad-drittijiet u l-obbligi kollha stabbiliti fit-Trattati, u biex tinbena l-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni. Il-mod li bih l-istat tad-dritt jiġi implimentat fl-Istati Membri jaqdi rwol vitali fl-iżgurar tal-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri u bejn is-sistemi ġuridiċi tagħhom. Għal dak il-għan, l-Unjoni tista' tadotta miżuri għall-iżvilupp ta' kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u▌kriminali▌. Ir-rispett għad-drittijiet fundamentali kif ukoll għall-prinċipji u valuri komuni, bħan-nondiskriminazzjoni u t-trattament indaqs fuq il-bażi tar-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 21 tal-Karta, is-solidarjetà, l-aċċess effettiv għall-ġustizzja għal kulħadd, l-istat tad-dritt, id-demokrazija u sistema ġudizzjarja indipendenti li tiffunzjona b'mod tajjeb jenħtieġ li jiġu żgurati u jitrawmu fil-livelli kollha fl-iżvilupp ulterjuri ta' spazju Ewropew ta' ġustizzja.
(5) Il-finanzjament jenħtieġ li jibqa' wieħed mill-għodod importanti għall-implimentazzjoni ta' suċċess tal-miri ambizzjużi stabbiliti mit-Trattati. Dawn jenħtieġ li jinkisbu fost l-oħrajn billi jiġi stabbilit programm Ġustizzja flessibbli u effettiv li jenħtieġ li jiffaċilita l-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' dawn l-għanijiet. Il-Programm jenħtieġ li jiġi implimentat b'mod faċli għall-utent (jiġifieri applikazzjoni faċli għall-utent u proċedura ta' rappurtar) u jenħtieġ li jimmira għal kopertura ġeografika bbilanċjata. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-aċċessibbiltà tal-Programm għat-tipi kollha ta' benefiċjarji.
(6) Għall-istabbiliment gradwali ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għal kulħadd, l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali bbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, li huwa element ewlieni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi ħdan l-Unjoni mill-Kunsill Ewropew ta' Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999. Ir-rikonoxximent reċiproku jeħtieġ livell għoli ta' fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri. Ġew adottati miżuri biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri f'diversi oqsma sabiex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku u titrawwem il-fiduċja reċiproka. Qasam tal-ġustizzja li jiffunzjona tajjeb, fejn jiġu eliminati l-ostakoli fil-proċedimenti ġudizzjarji transfruntiera u l-aċċess għall-ġustizzja f'sitwazzjonijiet transfruntiera, huwa wkoll kruċjali biex jiġu żgurati t-tkabbir ekonomiku u iżjed integrazzjoni. Fl-istess ħin, żona Ewropea tal-ġustizzja li tiffunzjona kif suppost u sistemi legali effiċjenti indipendenti u nazzjonali, kif ukoll fiduċja reċiproka akbar, huma meħtieġa għal suċċess fis-suq intern u biex jiġu difiżi l-valuri komuni tal-Unjoni.
(6a) L-aċċess għall-ġustizzja jenħtieġ li jinkludi, b'mod partikolari, l-aċċess għal rimedju legali, għal metodi alternattivi ta' soluzzjoni tat-tilwim u għal detenturi ta' uffiċċju pubbliku li huma obbligati bil-liġi li jipprovdu lill-partijiet pariri legali indipendenti u imparzjali.
(7) Ir-rispett sħiħ u l-promozzjoni tal-istat tad-dritt huma essenzjali għal livell għoli ta' fiduċja reċiproka fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, b'mod partikolari għall-kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva f'materji ċivili u kriminali li hija bbażata fuq rikonoxximent reċiproku. L-istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri komuni stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, u l-prinċipju ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva previst fl-Artikoli 19(1) TUE u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali huwa espressjoni konkreta tal-istat tad-dritt. Il-promozzjoni tal-istat tad-dritt permezz tal-appoġġ għall-isforzi biex jittejbu l-indipendenza, it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont, il-kwalità u l-effiċjenza ta' sistemi ġudizzjarji nazzjonali, issaħħaħ il-fiduċja reċiproka li hija indispensabbli għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali. L-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura huma parti mill-essenza tad-dritt għal proċess ġust u huma essenzjali għall-protezzjoni tal-valuri Ewropej. Barra minn hekk, is-sistemi ġudizzjarji effiċjenti bi skadenzi raġonevoli għall-proċedimenti jaqdu ċ-ċertezza legali għall-partijiet kollha kkonċernati.
(8) Skont l-Artikoli 81(2)(h) u 82(1)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, l-Unjoni għandha tappoġġa t-taħriġ tal-ġudikatura u tal-persunal ġudizzjarju bħala għodda biex tittejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjali f'materji ċivili u kriminali bbażati fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji. It-taħriġ ta' professjonisti fil-qasam tal-ġustizzja huwa għodda importanti għall-iżvilupp ta' fehim komuni ta' kif l-aħjar jiġi implimentat u jitħarsu l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. Jikkontribwixxi għall-bini tal-ispazju Ewropew tal-ġustizzja billi joħloq kultura ġudizzjarja komuni fost il-professjonisti fil-qasam tal-ġustizzja tal-Istati Membri. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li ssir applikazzjoni nondiskriminatorja, korretta u koerenti tad-dritt fl-Unjoni u li jkun hemm fiduċja reċiproka u fehim bejn il-professjonisti tal-ġustizzja fi proċedimenti transfruntiera. L-attivitajiet ta' taħriġ appoġġati mill-Programm jenħtieġ li jkunu bbażati fuq valutazzjonijiet b'saħħithom tal-bżonnijiet ta' taħriġ, jużaw metodoloġiji tat-taħriġ bl-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, jinkludu avvenimenti transfruntiera li jiġbru flimkien lill-professjonisti tal-ġustizzja minn Stati Membri differenti, ikunu magħmulin minn elementi ta' tagħlim u netwerking attivi u jkunu sostenibbli. Dawn l-attivitajiet jenħtieġ li jinkludu taħriġ dwar it-terminoloġija legali, il-liġi ċivili u kriminali, id-drittijiet fundamentali u dwar ir-rikonoxximent reċiproku u s-salvagwardji proċedurali. Jenħtieġ li jinkludu korsijiet ta' taħriġ għall-imħallfin, l-avukati u l-prosekuturi dwar l-isfidi u l-ostakli esperjenzati minn persuni li spiss jiffaċċjaw diskriminazzjoni jew li jinsabu f'sitwazzjoni vulnerabbli, bħan-nisa, it-tfal, il-minoranzi, il-persuni LGBTQI, il-persuni b'diżabbiltà, il-vittmi ta' vjolenza sessista, il-vjolenza domestika jew il-vjolenza f'relazzjonijiet intimi u forom oħra ta' vjolenza interpersonali. Tali korsijiet ta' taħriġ jenħtieġ li jiġu organizzati bl-involviment dirett ta' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw jew jappoġġaw persuni bħal dawn u fejn possibbli, l-involviment ta' tali persuni. Meta jitqies li l-imħallfin nisa huma sottorappreżentati fl-ogħla pożizzjonijiet, l-imħallfin, il-prosekuturi u l-professjonijiet legali nisa oħra jenħtieġ li jiġu mħeġġa jipparteċipaw fl-attivitajiet ta' taħriġ.
(8a) Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu "ġudikatura u persunal ġudizzjarju" jenħtieġ li jiġi interpretat b'mod estensiv sabiex jinkludi mħallfin, prosekuturi, il-persunal tal-qorti u tal-uffiċċju tal-prosekutur, kif ukoll kwalunkwe professjonisti oħra tal-ġustizzja assoċjati mal-ġudikatura jew li b'xi mod ieħor jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, irrispettivament mid-definizzjoni nazzjonali, l-istatus legali u l-organizzazzjoni interna tagħhom, bħal avukati, nutara, uffiċjali ġudizzjarji jew uffiċjali tal-infurzar, prattikanti fl-insolvenza, medjaturi, interpreti tal-qorti u tradutturi, esperti tal-qorti, persunal tal-ħabs u l-uffiċjali tal-probation.
(9) It-taħriġ ġudizzjarju jista' jinvolvi atturi differenti, bħall-awtoritajiet legali, ġudizzjarji u amministrattivi tal-Istati Membri, istituzzjonijiet akkademiċi, entitajiet nazzjonali responsabbli għat-taħriġ ġudizzjarju, organizzazzjonijiet jew netwerks ta' taħriġ fil-livell Ewropew, jew netwerks ta' koordinaturi tal-qorti tal-liġi tal-Unjoni. Il-korpi u l-entitajiet li jfittxu interess ġenerali Ewropew fil-qasam tat-taħriġ tal-ġudikatura, bħan-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (European Judicial Training Network, "EJTN"), l-Akkademja tal-Liġi Ewropea ("ERA"), in-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura (European Network of Councils for the Judiciary, "ENCJ"), l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi tal-Unjoni Ewropea ("ACA-Europe"), in-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi tal-Unjoni Ewropea ("RPCSJUE") u l-Istitut Ewropew tal-Amministrazzjoni Pubblika (European Institute of Public Administration, "EIPA"), jenħtieġ li jkomplu jaqdu r-rwol tagħhom fil-promozzjoni ta' programmi ta' taħriġ b'dimensjoni Ewropea ġenwina għall-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju, u għaldaqstant ikunu jistgħu jingħataw appoġġ finanzjarju adegwat skont il-proċeduri u l-kriterji stabbiliti fil-programmi ta' ħidma▌adottati mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament.
(10) Il-programm jenħtieġ li jappoġġa l-programm ta' ħidma annwali tal-EJTN, li huwa attur essenzjali tat-taħriġ ġudizzjarju. L-EJTN jinsab f'sitwazzjoni eċċezzjonali, minħabba li huwa l-uniku netwerk fuq livell tal-Unjoni li jiġbor flimkien lill-korpi ta' taħriġ ġudizzjarju tal-Istati Membri. Dan jinsab f'pożizzjoni unika biex jorganizza skambji għal imħallfin u prosekuturi ġodda u esperjenzati bejn l-Istati Membri kollha u biex jikkoordina l-ħidma tal-korpi nazzjonali ta' taħriġ ġudizzjarju rigward l-organizzazzjoni ta' attivitajiet ta' taħriġ fuq il-liġi tal-Unjoni u l-promozzjoni ta' prattiki tajba ta' taħriġ. L-EJTN huwa wkoll fornitur ta' attivitajiet ta' taħriġ ta' kwalità eċċellenti mwassla bl-aktar mod kosteffikaċi fuq livell tal-UE. Barra minn hekk, jinkludi lill-korpi ta' taħriġ ġudizzjarju ta' pajjiżi kandidati bħala membri osservaturi. Ir-rapport annwali tal-EJTN jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar it-taħriġ ipprovdut, imqassam ukoll skont il-kategorija tal-persunal.
(11) Il-miżuri skont il-Programm jenħtieġ li jappoġġaw ir-rikonoxximent reċiproku msaħħaħ ta' deċiżjonijiet u sentenzi ġudizzjarji, f'materji ċivili u kriminali, fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-approssimazzjoni neċessarja ta' leġiżlazzjoni li tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet relevanti kollha, inkluż permezz ta' mezzi elettroniċi. Jenħtieġ li jappoġġa wkoll il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet individwali fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. Il-Programm jenħtieġ ukoll li javvanza▌konverġenza akbar fil-liġi ċivili li jgħinu biex jiġu eliminati l-ostakli għal proċeduri ġudizzjarji u extraġudizzjarji li jiffunzjonaw tajjeb u b'mod effikaċi, għall-benefiċċju ta' kull parti f'kontroversja ċivili. Fl-aħħar nett, sabiex jiġu appoġġati l-infurzar effettiv u l-applikazzjoni prattika tal-liġi tal-Unjoni fuq kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili, il-Programm jenħtieġ li jappoġġa l-funzjonament tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE. F'materji kriminali, il-programm jenħtieġ li jgħin biex jitrawmu u jiġu implimentati regoli u proċeduri sabiex jiġi żgurat ir-rikonoxximent tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet madwar l-Unjoni. Jenħtieġ li jiffaċilita l-kooperazzjoni u jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-kooperazzjoni tajba u għall-fiduċja reċiproka. Il-Programm jenħtieġ li jikkontribwixxi wkoll biex jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja, billi jiġu promossi u appoġġati d-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità kif ukoll id-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati u tal-persuni akkużati fi proċedimenti kriminali.
(12) Skont l-Artikolu 3(3) TUE, l-Artikolu 24 tal-Karta u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989, il-Programm jenħtieġ li jappoġġa l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, u jenħtieġ li jintegra l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha tiegħu. Għal dan il-għan, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-azzjonijiet li l-għan tagħhom huwa li jħarsu d-drittijiet tat-tfal fil-kuntest tal-ġustizzja ċivili u kriminali, inkluża l-protezzjoni tat-tfal li jakkumpanjaw lill-ġenituri f'detenzjoni, it-tfal ta' ġenituri li jkunu l-ħabs u t-tfal li huma persuni suspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali.
(13) Il-Programm 2014-2020 ippermetta l-attivitajiet ta' taħriġ fuq il-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari fuq l-iskop u l-applikazzjoni tal-Karta, immirati lejn membri tal-ġudikatura u professjonisti legali oħra. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-12 ta' Ottubru 2017 dwar l-applikazzjoni tal-Karta fl-2016, il-Kunsill fakkar fl-importanza tat-tixrid tal-għarfien fuq l-applikazzjoni tal-Karta, inkluż fost dawk li jfasslu l-politika, il-professjonisti legali u d-detenturi tad-dritt infushom, fuq livell nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni. Għalhekk, biex id-drittijiet fundamentali jiġu armonizzati b'mod konsistenti, jenħtieġ li l-appoġġ finanzjarju jiġi estiż għal attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni għal awtoritajiet pubbliċi oħra għajr l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-professjonisti legali.
(14) Skont l-Artikolu 67 TFUE, jenħtieġ li l-Unjoni tikkostitwixxi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja b'rispett għad-drittijiet fundamentali, li għalihom huwa strumentali l-aċċess nondiskriminatorju għall-ġustizzja għal kulħadd. Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess effettiv għall-ġustizzja, u bil-għan li titrawwem il-fiduċja reċiproka li hija indispensabbli biex jiffunzjona tajjeb l-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, jenħtieġ li ssir estensjoni tal-appoġġ finanzjarju għal attivitajiet ta' awtoritajiet oħra għajr l-awtoritajiet ġudizzjarji fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u l-professjonisti legali, kif ukoll ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jikkontribwixxu għal dawn l-objettivi. Jenħtieġ li jingħata appoġġ, b'mod partikolari, għal attivitajiet li jiffaċilitaw aċċess effettiv u ugwali għall-ġustizzja għal persuni li spiss iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni jew li qegħdin f'sitwazzjoni vulnerabbli. Huwa importanti li jiġu appoġġati attivitajiet ta' promozzjoni ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħan-netwerking, il-litigazzjoni, sehem f'kampanji, il-komunikazzjoni u attivitajiet oħra ta' sorveljanza. F'dan il-kuntest, il-professjonisti tal-ġustizzja assoċjati mal-ġudikatura u li jaħdmu għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ukoll rwol importanti x'jaqdu.
(15) Skont l-Artikoli 8 u 10 TFUE, il-Programm fl-attivitajiet kollha tiegħu jenħtieġ li▌jappoġġa▌l-integrazzjoni▌bejn is-sessiu l-integrazzjoni tal-objettivi tan-nondiskriminazzjoni. Il-UNCRPD tikkonferma wkoll id-dritt għal kapaċità ġuridika sħiħa u aċċess għall-ġustizzja għal persuni b'diżabbiltà. Jenħtieġ li l-evalwazzjoni interim u l-evalwazzjoni finali tal-programm jevalwaw l-impatti fuq is-sessi sabiex jiġi vvalutat il-punt sa fejn il-Programm qed jikkontribwixxi għall-ugwaljanza bejn is-sessi u biex jiġi vvalutat li l-Programm mhux qed ikollu impatti negattivi mhux intenzjonati fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi. F'dan il-kuntest u filwaqt li jitqiesu n-natura u d-daqs differenti tal-attivitajiet tal-objettivi speċifiċi tal-programm, se jkun importanti li kull meta jkun possibbli, id-data individwali miġbura tinqasam skont is-sess. Huwa importanti wkoll li l-applikanti għal għotjiet jingħataw informazzjoni dwar kif għandhom iqisu l-ugwaljanza bejn is-sessi, anki għal dak li jirrigwarda l-użu ta' għodod għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi bħall-ibbaġitjar skont is-sessi u valutazzjonijiet tal-impatt fuq is-sessi fejn ikun meħtieġ. Jenħtieġ li jiġi kkunsidrat il-bilanċ bejn is-sessi meta jiġu kkonsultati esperti u partijiet interessati.
(15a) Il-Programm fl-attivitajiet kollha tiegħu, fejn rilevanti, jenħtieġ li jappoġġa u jipproteġi wkoll id-drittijiet tal-vittmi kemm fi kwistjonijiet ċivili kif ukoll f'dawk kriminali. Għal dan il-għan, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għal implimentazzjoni aħjar u koordinazzjoni bejn id-diversi strumenti tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-vittmi kif ukoll għall-azzjonijiet immirati lejn l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-qrati u l-l-professjonisti legali li jaħdmu fuq każijiet ta' vjolenza. Il-Programm jenħtieġ li jappoġġa wkoll it-titjib tal-għarfien u l-użu ta' strumenti ta' rimedju kollettiv.
(16) L-azzjonijiet koperti b'dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' spazju Ewropew ta' ġustizzja, trawwim tal-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistema legali, biex b'hekk tiżdied il-kooperazzjoni u jiżdied in-netwerking transfruntier, li fuqhom hija bbażata l-fiduċja reċiproka bejn il-ġudikaturi tal-Istati Membri u l-kisba tal-applikazzjoni korretta, koerenti u konsistenti tal-liġi tal-Unjoni. L-attivitajiet ta' finanzjament jenħtieġ ukoll li jikkontribwixxu għal fehim komuni tal-valuri tal-Unjoni, l-istat tad-dritt, għarfien aħjar tal-liġi u l-politiki tal-Unjoni, il-kondiviżjoni ta' għarfien u l-aħjar prattiċi fl-użu ta' strumenti ta' kooperazzjoni ġudizzjarja mill-partijiet interessati kollha kkonċernati, kif ukoll għal proliferazzjoni u l-promozzjoni ta' soluzzjonijiet diġitali interoperabbli li fuqhom hija bbażata kooperazzjoni transfruntiera bla intoppi u effiċjenti, u jenħtieġ li jipprovdu bażi analitika soda għall-appoġġ tal-iżvilupp, l-infurzar u l-fehim u l-implimentazzjoni xierqa tal-liġi u l-politiki tal-Unjoni. L-intervent tal-Unjoni jippermetti li dawk l-azzjonijiet isiru b'mod konsistenti madwar l-Unjoni u jwassal għal ekonomiji ta' skala. Barra minn hekk, l-Unjoni tinsab f'pożizzjoni aħjar mill-Istati Membri biex tindirizza sitwazzjonijiet transfruntiera u tipprovdi pjattaforma Ewropea għal tagħlim reċiproku u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki.
(16a) Il-Programm jenħtieġ li jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kull meta l-liġi tal-Unjoni jkollha dimensjoni esterna u jqis il-konsegwenzi esterni, għat-titjib tal-aċċess għall-ġustizzja u jiffaċilita l-indirizzar tal-isfidi ġudizzjarji u proċedurali.
(17) Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura konsistenza ġenerali, komplementarjetà u sinerġiji mal-ħidma tal-korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, bħall-EUROJUST, FRA, EU-LISA u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, u jenħtieġ li tieħu kont tal-ħidma ta' atturi nazzjonali u internazzjonali oħra, fl-oqsma koperti mill-Programm.
(18) Jenħtieġ li jiġu żgurati l-vijabbiltà, il-viżibbiltà, il-prinċipju ewlieni tal-valur miżjud Ewropew, u l-ġestjoni finanzjarja soda fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u l-attivitajiet kollha mwettqa fi ħdan il-Programm Ġustizzja, il-komplementarjetà tagħhom għall-attivitajiet tal-Istati Membri, u l-konsistenza tagħhom ma' attivitajiet oħra tal-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata allokazzjoni effiċjenti u bbażata fuq il-prestazzjoni tal-fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, jenħtieġ li jkun hemm konsistenza, kumplimentarjetà u sinerġiji bejn il-programmi ta' finanzjament li jappoġġaw l-oqsma politiċi b'rabta mill-qrib ma' xulxin, b'mod partikolari l-Fond għall-Ġustizzja, għad-Drittijiet u għall-Valuri - u għalhekk mal-Programm Drittijiet u Valuri - u bejn il-Programm u l-Programm tas-Suq Uniku, Ġestjoni tal-fruntieri u Sigurtà, b'mod partikolari l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni ("AMIF", Asylum, Migration and Integration Fund) u l-Fondi għas-Sigurtà Interna, Infrastruttura Strateġika b'mod partikolari l-Programm Ewropa Diġitali, il-Fond Soċjali Ewropew+,il-Programm Erasmus+, il-Programm Qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni, l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, u r-Regolament LIFE(5). L-implimentazzjoni tal-Programm Ġustizzja jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni u tkun ikkumplementata minnhom, rigward il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fil-każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri.
(19) Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-programm Ġustizzja li għandu jikkostitwixxi l-ammont referenzjali primarju, fl-ambitu tat-tifsira [referenza li għandha tiġi aġġornata kif xieraq skont il-ftehim interistituzzjonali l-ġdid: il-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(6)], għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.
(19a) Il-mekkaniżmi li jiżguraw rabta bejn il-politiki ta' finanzjament tal-Unjoni u l-valuri tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu raffinati aktar, filwaqt li jippermettu lill-Kummissjoni tressaq proposta quddiem il-Kunsill biex ir-riżorsi allokati lil Stat Membru b'ġestjoni kondiviża jiġu ttrasferiti lill-Programm fejn dak l-Istat Membru jkun soġġett għal proċeduri relatati mal-valuri tal-Unjoni.Mekkaniżmu komprensiv tal-Unjoni dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jenħtieġ li jiggarantixxi r-rieżami regolari u ugwali tal-Istati Membri kollha, filwaqt li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għall-attivazzjoni tal-miżuri relatati ma' nuqqasijiet ġenerali tal-valuri tal-Unjoni fl-Istati Membri.Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi u fid-dawl tal-importanza li jiġu imposti l-effetti finanzjarji tal-miżuri, jenħtieġ li s-setgħat ta' implimentazzjoni jiġu konferiti fuq il-Kunsill li jenħtieġ li jaġixxi fuq il-bażi ta' proposta tal-Kummissjoni.Sabiex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li huma meħtieġa biex tiġi żgurata azzjoni effettiva, jenħtieġ li tintuża votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata inversa.
(20) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru [ir-RF il-ġdid] (ir-"Regolament Finanzjarju") japplika għal dan il-Programm. Dan jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inklużi r-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist, implimentazzjoni indiretta, strumenti finanzjarji u garanziji baġitarji.
(21) It-tipi ta' finanzjament u l-metodi ta' implimentazzjoni skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li jintgħażlu skont il-ħila tagħhom li jiksbu l-objettivi speċifiċi tal-azzjonijiet u li jagħtu r-riżultati, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari l-kostijiet tal-kontrolli, il-piż amministrattiv, il-kapaċità tal-partijiet ikkonċernati rilevanti u l-benefiċjarji fil-mira, u r-riskju mistenni tan-nuqqas ta' konformità. Dan jenħtieġ li jinkludi kunsiderazzjoni tal-użu ta' somom f'daqqa, rati fissi u kostijiet ta' unità, kif ukoll finanzjament mhux marbut ma' kostijiet kif imsemmija fl-Artikolu 125(1) tar-Regolament Finanzjarju.
(22) Skont ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2988/95(8), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96(9) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939(10), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati, inklużi t-trasparenza kompleta tal-finanzjament u l-proċeduri tal-għażla tal-Programm, il-prevenzjoni, id-detezzjoni,il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet u ta' frodi, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b'mod mhux korrett u fejn xieraq, l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi. B'mod partikolari, skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jenħtieġ li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fil-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) jenħtieġ li jinvestiga u jipproċedi kontra r-reati ta' frodi u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(11). Skont ir-Regolament Finanzjarju, kull persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni trid tikkoopera b'mod sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet neċessarji u l-aċċess lill-Kummissjoni, l-OLAF, l-UPPE u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) u li tiżgura li kull parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta' fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.
(23) Il-pajjiżi terzi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jistgħu jieħdu sehem fil-programmi tal-Unjoni fil-qafas tal-kooperazzjoni stabbilita skont il-Ftehim dwar iż-ŻEE, li jipprovdi għall-implimentazzjoni tal-programmi permezz ta' deċiżjoni skont dan il-ftehim. Il-pajjiżi terzi jistgħu wkoll jipparteċipaw fuq il-bażi ta' strumenti legali oħra. Jenħtieġ li tiġi introdotta dispożizzjoni speċifika f'dan ir-Regolament li tagħti d-drittijiet neċessarji u l-aċċess lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, lill-korpi u lin-netwerks tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-istituzzjonijiet nazzjonali responsabbli għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'kull Stat Membru, lill-korpi u lin-netwerks responsabbli għall-politiki dwar in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza, lill-ombudsmen, lill-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u kif ukoll lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri sabiex jeżerċitaw b'mod komprensiv il-kompetenzi rispettivi tagħhom u jsaħħu s-sinerġiji u l-kooperazzjoni tagħhom. Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu inklużi pajjiżi terzi speċjalment kull meta l-involviment tagħhom iħeġġeġ l-ilħuq tal-objettivi tal-programm, filwaqt li jitqies li dan huwa skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jew f'arranġamenti simili.
(24) Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawn ir-regoli huma stipulati fir-Regolament Finanzjarju u jiddeterminaw b'mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta' għotjiet, akkwist, implimentazzjoni indiretta, u jipprovdu għal kontrolli dwar ir-responsabbiltà ta' atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 322 TFUE jikkonċernaw ukoll il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' defiċjenzi ġeneralizzati rigward l-istat tad-dritt fl-Istati Membri, billi r-rispett għall-istat tad-dritt hija prekundizzjoni essenzjali għal ġestjoni finanzjarja soda u effettiva tal-finanzjament mill-UE.
(24a) Il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri għandha l-għan li toffri lill-Unjoni l-istrumenti sabiex tipproteġi aħjar il-baġit tagħha meta d-dgħufijiet fl-istat tad-dritt ixekklu jew jheddu l-ġestjoni finanzjarja soda tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Jenħtieġ li tikkomplementa l-programm Ġustizzja li r-rwol tiegħu huwa differenti, jiġifieri li jkompli jappoġġa l-iżvilupp ta' Spazju Ewropew ta' Ġustizzja li jkun ibbażat fuq l-istat tad-dritt u l-fiduċja reċiproka, u li jiżgura li l-persuni jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet tagħhom.
(25) Skont [ir-referenza għandha tiġi aġġornata kif xieraq skont deċiżjoni ġdida fuq l-OCTs: L-Artikolu 94 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE(12)], persuni u entitajiet stabbiliti f'pajjiżi u territorji extra-Ewropej (OCTs) huma eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u għall-għanijiet tal-Programm u għall-arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li magħhom il-pajjiż jew territorju extra-Ewropew rilevanti huwa marbut. Huwa essenzjali li l-Programm jiżgura li tali persuni u entitajiet ikunu infurmati biżżejjed dwar l-eliġibbiltà tagħhom għall-finanzjament.
(25a) Abbażi tal-importanza u r-rilevanza tagħhom, dan il-Programm jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-issodisfar tal-impenn tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha biex jilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli.
(26) Filwaqt li jirrifletti dwar l-importanza tal-indirizzar tat-tibdil fil-klima skont l-impenji tal-Unjoni biex jimplimenta l-Ftehim ta' Pariġi u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, dan il-Programm se jikkontribwixxi biex jintegra l-azzjoni klimatika u għall-kisba ta' mira ġenerali ta' 25 % ta' nfiq tal-baġit tal-UE li jappoġġaw l-objettivi tal-klima. L-azzjonijiet rilevanti se jiġu identifikati matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programm, u vvalutati mill-ġdid fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu ta' nofs it-terminu.
(27) Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali għat-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016, hemm il-ħtieġa li jiġi evalwat dan il-Programm fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura permezz ta' rekwiżiti speċifiċi ta' monitoraġġ, filwaqt li jiġu evitati r-regolamentazzjoni żejda u l-piżijiet amministrattivi, b'mod partikolari għall-Istati Membri. Dawn ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jistgħu jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu, bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Programm fuq il-post.
(28) Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta' indikaturi kif indikat fl-Artikoli 12 u 14 u fl-Anness II. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż f'livell espert, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016. B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.
(29) Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu konferiti setgħat ta' implimentazzjoni fuq il-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawn is-setgħat ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(13).
(30) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.
(31) [Skont l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat (permezz tal-ittra ta' ...,) ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. JEW
Skont l-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.]
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Kapitolu I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-programm Ġustizzja ("il-Programm").
Dan jistabbilixxi l-objettivi tal-Programm, il-baġit għall-perjodu 2021 – 2027, il-forom ta' finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta' dan it-tip ta' finanzjament.
Artikolu 2
Definizzjoni
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1. "Ġudikatura u persunal ġudizzjarju" tfisser l-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal tal-qorti u tal-uffiċċju tal-prosekutur, kif ukoll kwalunkwe professjonisti oħra tal-ġustizzja assoċjat mal-ġudikatura▌.
Artikolu 3
Objettivi tal-programm
1. Il-Programm għandu l-objettiv ġenerali li jikkontribwixxi għal aktar żvilupp ta' żona Ewropea ta' ġustizzja bbażata fuq l-istat tad-dritt, inklużi l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, fuq ir-rikonoxximent reċiproku, il-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, u b'hekk jissaħħu ukoll id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;
2. Il-Programm għandu l-objettivi speċifiċi li ġejjin▌:
(a) li jiffaċilita u jappoġġa l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali, u li jippromwovi l-istat tad-dritt, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, inkluż permezz tal-appoġġ tal-isforzi biex tittejjeb l-effikaċja tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, u l-infurzar effettiv tad-deċiżjonijiet;
(b) li jappoġġa u jippromwovi t-taħriġ ġudizzjarju, bil-għan li titrawwem kultura legali u ġudizzjarja u kultura tal-istat tad-dritt komuni, kif ukoll l-implimentazzjoni konsistenti u effettiva tal-istrumenti legali tal-Unjoni rilevanti fil-kuntest ta' dan il-programm;
(c) li jiffaċilita l-aċċess effettiv u nondiskriminatorju għall-ġustizzja għal kulħadd, u rimedju effikaċi, inkluż permezz ta' mezzi elettroniċi (Ġustizzja elettronika), permezz tal-promozzjoni ta' proċeduri ċivili u kriminali effikaċi u l-promozzjoni u l-appoġġ tad-drittijiet tal-vittmi kollha ta' reati kif ukoll id-drittijiet proċedurali tas-suspettati u tal-persuni akkużati fi proċedimenti kriminali.
Artikolu 3a
Integrazzjoni
Fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha tiegħu, il-Programm għandu jfittex li jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tat-tfal, inter alia permezz ta' ġustizzja adattata għat-tfal, il-protezzjoni tal-vittmi u l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju tal-ugwaljanza tad-drittijiet u tan-nondiskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 21 tal-Karta, skont u fil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 51 tal-Karta.
Artikolu 4
Baġit
1. Fis-sens ta' [ir-referenza għandha tiġi aġġornata kif xieraq skont il-ftehim interistituzzjonali ġdid] il-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba,il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu 2021 – 2027, li jirrappreżenta r-referenza primarja għall-awtorità baġitarja matul il-proċedura baġitarja annwali, għandu jkun ta' EUR 316 000 000 fi prezzijiet tal-2018 (EUR 356 000 000fi prezzijiet kurrenti).
2. L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jintuża għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Programm, bħal miżuri preparatorji, ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' awditjar u ta' evalwazzjoni inklużi sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattiva.
2a. Il-baġit allokat għal azzjonijiet marbuta mal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandu jiġi indikat kull sena.
3. Mingħajr preġudizzju għar-Regolament Finanzjarju, in-nefqa għall-azzjonijiet li jirriżultaw minn proġetti inklużi fl-ewwel programm ta' ħidma tista' tkun eliġibbli mill-1 ta' Jannar 2021.
4. Ir-riżorsi allokati lill-Istati Membri taħt ġestjoni konġunta jistgħu, fuq it-talba tagħhom, jew fuq it-talba tal-Kummissjoni, jiġu ttrasferiti għall-Programm. Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawn ir-riżorsi direttament skont l-Artikolu 62(1)(a) tar-Regolament Finanzjarju▌. Fejn possibbli dawn ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 5
Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm
Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-pajjiżi terzi li ġejjin:
(a) il-Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-ŻEE;
(b) pajjiżi ta' adeżjoni, pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni rispettivi, jew akkordji simili, u skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;
(c) pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-kunsill ta' assoċjazzjoni, jew arranġamenti simili, u skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi.
(d) Pajjiżi terzi oħra, skont il-kundizzjonijiet stipulati fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni ta' pajjiż terz għal kull programm tal-Unjoni, sakemm il-ftehim
— jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tal-pajjiż terz li jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni;
— jistipula l-kundizzjonijiet ta' parteċipazzjoni fil-programmi, inkluż il-kalkolu ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali u l-kostijietamministrattivi tagħhom. Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat skont l-[Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid];
— ma jagħtix lill-pajjiż terz setgħa ta' deċiżjoni dwar il-programm;
— jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni biex jiżgura ġestjoni finanzjarja soda u jipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha.
Artikolu 6
Implimentazzjoni u forom ta' finanzjament mill-UE
1. Il-Programm għandu jiġi implimentat b'ġestjoni diretta skont ir-Regolament Finanzjarju jew b'ġestjoni indiretta flimkien ma' korpi msemmija fl-[Artikolu 62(1)(c)] tar-Regolament Finanzjarju.
2. Il-Programm jista' jipprovdi finanzjament f'kull forma stabbilita fir-Regolament Finanzjarju.
3. [Kontribuzzjonijiet għal mekkaniżmu ta' assigurazzjoni reċiproka jistgħu jkopru r-riskju assoċjat mal-irkupru ta' fondi dovuti minn riċevituri, u skont ir-Regolament Finanzjarju għandhom jitqiesu bħala garanzija suffiċjenti. Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti [fl-Artikolu X] tar-Regolament XXX [is-suċċessur tar-Regolament dwar il-Fond ta' Garanzija].
Artikolu 7
Tip ta' azzjonijiet
L-azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-kisba ta' objettiv speċifiku speċifikat fl-Artikolu 3 jistgħu jirċievu finanzjament skont dan ir-Regolament. B'mod partikolari, l-attivitajiet elenkati fl-Anness I għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament.
Kapitolu II
Għotjiet
Artikolu 8
Għotjiet
L-għotjiet li jaqgħu taħt il-Programm għandhom jingħataw u jiġu ġestiti skont it-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.
Artikolu 9
Finanzjament kumulattiv, [supplimentari] u kkumbinat
1. Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni skont il-Programm tista' tirċievi wkoll kontribuzzjoni minn kull programm ieħor tal-Unjoni, inklużi Fondi taħt ġestjoni kondiviża, sakemm il-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. [Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż it-total tal-kostijiet eliġibbli tal-azzjoni u l-appoġġ minn diversi programmi tal-Unjoni jista' jiġi kkalkulat fuq bażi prorata].
2. Fejn il-Programm u l-Fondi taħt ġestjoni kondiviża msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) [XX] [CPR] jipprovdu b'mod konġunt appoġġ finanzjarju għal azzjoni waħda, dik l-azzjoni għandha tiġi implimentata skont ir-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament, inklużi r-regoli dwar l-irkupru ta' ammonti mħallsa indebitament.
3. L-azzjonijiet eliġibbli skont il-Programm u konformi mal-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu jistgħu jiġu identifikati bl-għan li jiġu ffinanzjati mill-Fondi taħt ġestjoni kondiviża. F'dan il-każ, ir-rati ta' kofinanzjament u r-regoli ta' eliġibbiltà stipulati f'dan ir-Regolament għandhom japplikaw.
L-azzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:
(a) dawn ikunu ġew ivvalutati f'sejħa għal proposti skont il-Programm;
(b) dawn iħarsu l-ħtiġijiet minimi ta' kwalità ta' din is-sejħa għal proposti;
(c) dawn ma jistgħux jiġu ffinanzjati skont din is-sejħa għal proposti minħabba restrizzjonijiet baġitarji.
L-azzjonijiet għandhom ikunu implimentati mill-awtorità ta' ġestjoni msemmija fl-Artikolu [65] tar-Regolament (UE) [XX] [CPR] skont ir-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament u r-regolamenti speċifiċi għall-fondi, inklużi regoli dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji."
Artikolu 10
Entitajiet eliġibbli
1. Il-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 3 għandhom japplikaw flimkien mal-kriterji stabbiliti fl-[Artikolu 197] tar-Regolament Finanzjarju.
2. Huma eliġibbli l-entitajiet li ġejjin:
(a) entitajiet ġuridiċi stabbiliti f'kull wieħed mill-pajjiżi li ġejjin:
— Stat Membru jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew marbut miegħu;
— pajjiż terz assoċjat mal-Programm;
(b) kull entità ġuridika maħluqa skont il-liġi tal-Unjoni jew kull organizzazzjoni internazzjonali;
3. Il-programm għandu jappoġġa n-nefqa tan-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju assoċjata mal-programm ta' ħidma permanenti tiegħu u kwalunkwe għotja operattiva għal dan il-għan għandha tingħata mingħajr sejħa għal proposti skont ir-Regolament Finanzjarju.
Kapitolu III
Programmazzjoni, Monitoraġġ, Evalwazzjoni u Kontroll
Artikolu 11
Programm ta' Ħidma
1. Il-Programm għandu jiġi implimentat permezz tal-programmi ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju.
2. Il-programm ta' ħidma għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni permezz ta' att delegat. Dan l-att delegat għandu jiġi adottat skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 14.
Artikolu 12
Monitoraġġ u rapportar
1. L-indikaturi għar-rapportar dwar il-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-objettivi speċifiċi stipulati fl-Artikolu 3 huma stabbiliti fl-Anness II.
2. Biex tiżgura valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 14, biex tiżviluppa d-dispożizzjonijiet għal qafas ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, inkluż permezz ta' emendi għall-Anness II biex tirrevedi u tikkumplimenta l-indikaturi fejn meħtieġ.
3. Is-sistema ta' rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm ta' monitoraġġ tinġabar b'mod effiċjenti, effettiv, u b'mod tempestiv. Għal dan il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta' rapportar proporzjonali fuq dawk li jirċievu l-fondi tal-UE u l-Istati Membri.
Artikolu 13
Evalwazzjoni
1. L-evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu b'mod tempestiv sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet.
2. L-evalwazzjoni interim tal-Programm għandha titwettaq ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba' snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-programm.
3. Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba' snin wara t-tmiem tal-perjodu speċifikat fl-Artikolu 1, għandha titwettaq evalwazzjoni finali tal-Programm mill-Kummissjoni.
4. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet akkumpanjati mill-osservazzjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
Artikolu 14
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 12 għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2027.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 12 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-Deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li diġà jkun fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 12 għandu jidħol fis-seħħ jekk fi żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu esprimew oġġezzjoni jew jekk, qabel ma jiskadi dan il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 15
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
Meta pajjiż terz jipparteċipa fil-programm permezz ta' deċiżjoni skont ftehim internazzjonali jew permezz ta' kull strument legali ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet neċessarji u l-aċċess meħtieġ lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex jeżerċitaw b'mod komprensiv il-kompetenzi rispettivi tagħhom. Fil-każ tal-OLAF, drittijiet bħal dawn għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF).
Kapitolu IV
Dispożizzjonijiet Tranżitorji u Finali
Artikolu 16
Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità
1. Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni (b'mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom) billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonali lil diversi udjenzi inklużi lill-midja u lill-pubbliku.
2. Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni relatati mal-Programm, u l-azzjonijiet u r-riżultati tagħha. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, diment li dawn ikunu relatati mal-objettivi msemmija fl-Artikolu 3.
Artikolu 17
Proċedura ta' Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, u għandu jkun assistit mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-drittijiet tal-bniedem rilevanti. Fil-Kumitat għandhom jiġu ssalvagwardjati l-bilanċ bejn is-sessi u r-rappreżentanza xierqa tal-minoranzi u ta' gruppi esklużi oħra.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 18
Tħassir
Ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013 għandu jiġi revokat b'effett mill-1 ta' Jannar 2021.
Artikolu 19
Dispożizzjonijiet tranżitorji
1. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika tal-azzjonijiet ikkonċernati, sal-għeluq tagħhom, skont ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013, li għandhom ikomplu japplikaw għall-azzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom.
2. Il-pakkett finanzjarju għall-Programm jista' jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati skont il-predeċessur tiegħu, ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013.
3. Jekk meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mill-2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 4(2), sabiex jippermettu l-ġestjoni ta' azzjonijiet mhux kompletati sal-31 ta' Diċembru 2027.
Artikolu 20
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi …,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
ANNESS I
Attivitajiet tal-programm
L-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm stabbiliti fl-Artikolu 3▌ se jiġu segwiti b'mod partikolari permezz ta' appoġġ għall-attivitajiet li ġejjin:
1. is-sensibilizzazzjoni, it-tixrid ta' informazzjoni biex jitjieb l-għarfien ta' politiki tal-Unjoni u tal-liġi tal-Unjoni, inklużi l-liġi sostantiva u proċedurali, l-istrumenti ta' kooperazzjoni ġudizzjarja, il-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u l-liġi komparattiva u ta' standards Ewropej u internazzjonali, inkluż il-fehim tal-interazzjoni bejn oqsma differenti tal-liġi;
2. it-tagħlim reċiproku permezz tal-iskambju ta' prattiki tajbin fost il-partijiet ikkonċernati sabiex jittejbu l-għarfien u l-fehim reċiproku tad-dritt ċivili u kriminali u tas-sistemi legali u ġudizzjarji tal-Istati Membri, inkluż l-istat tad-dritt u l-aċċess għall-ġustizzja, u permezz tat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka;
3. l-attivitajiet analitiċi u ta' monitoraġġ(14) biex jittejbu l-għarfien u l-fehim ta' ostakli potenzjali għall-funzjonament bla xkiel tal-Ispazju Ewropew ta' Ġustizzja u biex itejbu l-implimentazzjoni tal-liġi u l-politiki tal-Unjoni fl-Istati Membri;
4. it-taħriġ għall-partijiet ikkonċernati rilevantibiex jittejjeb l-għarfien tal-liġi u tal-politiki tal-Unjoni, inklużi fost l-oħrajn il-liġi sostantiva u proċedurali, id-drittijiet fundamentali, l-użu tal-istrumenti ta' kooperazzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni, il-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-lingwaġġ legali u tad-dritt komparattiv.
5. it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) kif ukoll l-iżvilupp u ż-żamma ta' għodod tal-ġustizzja elettronika, b'kunsiderazzjoni tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data, biex jittejbu l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji u l-kooperazzjoni tagħhom permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, inkluża l-interoperabbiltà transfruntiera tas-sistemi u l-applikazzjonijiet, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data;
6. l-iżvilupp tal-kapaċità ta' netwerks ewlenin fil-livell Ewropew u ta' netwerks ġudizzjarji Ewropej, inklużi netwerks stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni u l-infurzar effikaċi tal-liġi tal-Unjoni, biex jiġu promossi u żviluppati aktar il-liġi, l-għanijiet tal-politika u l-istrateġiji tal-Unjoni fl-oqsma tal-programm▌;
6a. L-appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati mingħajr skop ta' qligħ attivi fl-oqsma tal-Programm biex tiżdied il-kapaċità tagħhom li jirreaġixxu u jippromwovu kif ukoll biex jiġi żgurat aċċess adegwat għaċ-ċittadini kollha għas-servizzi, l-attivitajiet ta' konsulenza u appoġġ tagħhom, u b'hekk jikkontribwixxu wkoll għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;
7. it-titjib tal-għarfien tal-programm u t-tixrid, it-trasferiment u t-trasparenza tar-riżultati tiegħu u t-trawwim ta' sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini, inkluż bl-organizzazzjoni ta' fora għad-diskussjoni għall-partijiet ikkonċernati;
ANNESS II
Indikaturi
Il-programm se jiġi mmonitorjat fuq il-bażi ta' sett ta' indikaturi maħsuba biex ikejlu sa fejn l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-programm ikunu ntlaħqu u bil-għan li jiġu minimizzati l-piż u l-kostijiet amministrattivi. Għal dan il-għan, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet relatati mal-privatezza u l-protezzjoni tad-data, se tinġabar data fir-rigward tas-sett ta' indikaturi ewlenin li ġejjin:
In-numru ta' membri tal-ġudikatura u ta' persunal ġudizzjarju li pparteċipaw f'attivitajiet ta' taħriġ (inklużi skambji ta' persunal, żjarat ta' studju, workshops u seminars) iffinanzjati mill-Programm, inkluż permezz ta' għotja operattiva tal-EJTN
L-għadd ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili appoġġati mill-programm
In-numru ta' skambji ta' informazzjoni f'Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (European Criminal Records Information System, ECRIS)
In-numru ta' hits fuq il-portal tal-Ġustizzja elettronika / il-paġni li jindirizzaw il-ħtieġa għal informazzjoni dwar kawżi ċivili u kriminali transfruntiera
L-għadd ta' nies għal kull għan speċifiku, li ntlaħqu minn:
(i) it-tagħlim reċiproku u l-iskambju ta' prattiki tajba;
(ii) sensibilizzazzjoni, attivitajiet ta' informazzjoni u ta' disseminazzjoni
Id-data individwali kollha għandha tinqasam skont is-sess kull meta dan ikun possibbli; l-evalwazzjonijiet interim u finali tal-programm għandhom jiffukaw fuq kull objettiv speċifiku u jinkludu perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi u jevalwaw l-impatti fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi.
Ir-Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm ta' Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza għall-perjodu 2014 sa 2020 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 62).
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 tal-14 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" għall-perijodu 2014-2020 (ĠU L 115, 17.4.2014, p. 3).
Ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-istabbiliment ta' Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 614/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 185).
Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).
Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE") (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Unjoni Ewropea ("Id-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija") (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).
Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13)
Dawn l-attivitajiet jinkludu, pereżempju, il-ġbir ta' data u statistika; l-iżvilupp ta' metodoloġiji komuni u, fejn xieraq, indikaturi jew punti ta' riferiment; studji, riċerki, analiżi u stħarriġ; evalwazzjonijiet; valutazzjoni tal-impatt; l-elaborazzjoni u pubblikazzjoni ta' gwidi, rapporti u materjal edukattiv.