Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2019 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta' informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' ċerti reati kriminali u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI (COM(2018)0213 – C8-0152/2018 – 2018/0105(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0213),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 87(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0152/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-12 ta' Lulju 2018(1),
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-20 ta' Frar 2019, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0442/2018),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Japprova d-dikjarazzjoni tiegħu annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje L tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-att leġislattiv finali;
3. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje L tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-att leġislattiv finali;
4. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-17 ta' April 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta' informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Direttiva (UE) 2019/1153.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Artikolu 9
Il-Parlament Ewropew jiddispjaċih li, kontra l-proposta oriġinali, id-Direttiva ma tinkludix regoli dwar skadenzi preċiżi u kanali tal-IT għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja ta' Stati Membri differenti. Il-Parlament Ewropew jiddispjaċih ukoll li l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu ġie limitat għal każijiet ta' terroriżmu u kriminalità organizzata assoċjata mat-terroriżmu, u ma jkoprix, kif oriġinarjament propost, kull tip ta' reat kriminali serju, li jista' jkollu wkoll effetti detrimentali serji fuq is-soċjetajiet tagħna. Il-Parlament Ewropew iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid din il-kwistjoni bħala parti mir-rapporti tagħha fuq l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' din id-Direttiva u tad-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus, u speċifikament bħala parti mill-valutazzjoni tagħha skont l-Artikolu 21. Il-Parlament Ewropew se jsegwi u janalizza mill-qrib dawk ir-rapporti u l-valutazzjonijiet u, jekk meħtieġ, se joħroġ bir-rakkomandazzjonijiet tiegħu stess.
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
B’rabta mal-Artikolu 9 tad-Direttiva, il-Kummissjoni b’dispjaċir tgħid li, għall-kuntrarju tal-proposta oriġinali tagħha, id-Direttiva ma fihiex regoli dwar skadenzi preċiżi u kanali tal-IT għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja ta’ Stati Membri differenti. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha wkoll li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu ġie limitat għal każijiet ta’ terroriżmu u kriminalità organizzata assoċjata mat-terroriżmu, u ma jkoprix it-tipi kollha ta’ reati kriminali serji, kif oriġinarjament propost. Il-Kummissjoni se tkompli tirrifletti fuq il-kooperazzjoni bejn l-Unitajiet ta’ Intelligence Finanzjarja, b’mod partikolari bħala parti mir-rapporti tagħha dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tad-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus.