Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2691(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0245/2019

Dibattiti :

PV 18/04/2019 - 6.2
CRE 18/04/2019 - 6.2

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2019 - 10.2

Testi adottati :

P8_TA(2019)0423

Testi adottati
PDF 127kWORD 53k
Il-Ħamis, 18 ta' April 2019 - Strasburgu
Il-Kamerun
P8_TA(2019)0423RC-B8-0245/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2019 dwar il-Kamerun (2019/2691(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-7 ta' Marzu 2019 tal-President tas-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem, Antonio Panzeri, dwar is-sitwazzjoni fil-Kamerun,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Marzu 2019 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR), dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni fil-Kamerun mil-lat ta' politika u ta' sigurtà ,

–  wara li kkunsidra d-diversi dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tal-VP/HR dwar is-sitwazzjoni fil-Kamerun, b'mod partikolari dik tal-31 ta' Jannar 2019,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni preliminari tad-9 ta' Ottubru 2018 tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Afrikana għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-2018 fil-Kamerun,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-11 ta' Diċembru 2018 tal-esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-repressjoni tal-protesti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Marzu 2019 tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kamerun,

–  wara li kkunsidra l-liġi Kamerunjana tal-2014 kontra t-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE ("il-Ftehim ta' Cotonou"),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata mill-Kamerun,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kamerun,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kamerun qed jiffaċċja għadd ta' sfidi simultanji mil-lat ta' politika u ta' sigurtà, fosthom theddid minn Boko Haram fir-reġjun tat-Tramuntana Mbiegħda, theddid transkonfinali tul il-fruntiera tal-Lvant tiegħu mar-Repubblika Ċentru-Afrikana, kif ukoll ribelljoni interna mis-separatisti armati fir-reġjuni Anglofoni tiegħu tal-Majjistral u tal-Lbiċ;

B.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Kamerun saru fis-7 ta' Ottubru 2018; billi dawn l-elezzjonijiet kienu kkaratterizzati minn allegazzjonijiet ta' frodi u rappurtar ta' irregolaritajiet; billi l-President Paul Biya ilu fil-poter mill-1982; billi l-kostituzzjoni tal-Kamerun ġiet emendata fl-2008 biex jitneħħew il-limiti tal-mandati;

C.  billi l-partitarji u l-alleati tal-partit tal-oppożizzjoni Moviment għar-Rinaxximent tal-Kamerun (MRC), taħt it-tmexxija ta' Maurice Kamto, organizzaw protesti f'Douala, Yaoundé, Dshang, Bafoussam u Bafang; billi l-forzi tas-sigurtà tal-Istat użaw forza sproporzjonata, inklużi gass tad-dmugħ u balal tal-lasktu, biex irażżnu dawn il-protesti;

D.  billi madwar 200 persuna, fosthom Maurice Kamto u mexxejja oħra tal-oppożizzjoni, ġew arbitrarjament arrestati f'Jannar 2019 u ġew detenuti mingħajr aċċess immedjat għal avukat; billi d-delitti li bihom ġew akkużati dawn il-partitarji tal-oppożizzjoni u l-mexxej tagħhom jinkludu insurrezzjoni, ostilitajiet fil-konfront tal-patrija, ribelljoni, qerda ta' bini u oġġetti pubbliċi, disprezz fil-konfront tal-President tar-Repubblika u laqgħat ta' natura politika;

E.  billi, fid-9 ta' April 2019, il-Qorti tal-Appell fir-Reġjun Ċentrali tal-Kamerun ikkonfermat id-deċiżjoni meħuda fl-ewwel istanza u ċaħdet il-ħelsien ta' Maurice Kamto u ta' sitt persuni oħra; billi l-proċedimenti fil-Qorti tal-Appell saru fl-assenza ta' Maurice Kamto u tal-avukati tiegħu;

F.  billi l-awtoritajiet Kamerunjani ħadu azzjoni sproporzjonata biex jagħtu bidu għal proċessi militari fil-konfront ta' wħud mill-membri tal-oppożizzjoni u dan aggrava l-inkwiet politiku fil-Kamerun; billi l-persuni akkużati, jekk jinsabu ħatja, jistgħu jiffaċċjaw il-piena tal-mewt;

G.  billi l-awtoritajiet Kamerunjani rrestrinġew b'mod ripetut il-libertà tal-espressjoni billi mblukkaw l-aċċess għall-internet, iffastidjaw lill-ġurnalisti u tefgħuhom il-ħabs, ċaħdu l-ħruġ ta' liċenzji lill-midja indipendenti u intensifikaw l-attakki politiċi fil-konfront tal-istampa indipendenti;

H.  billi t-tensjonijiet bejn il-komunitajiet tal-maġġoranza Frankofona u dawk tal-minoranza Anglofona tal-Kamerun għadhom ħajjin; billi, fir-reġjuni tal-Majjistral u tal-Lbiċ tal-Kamerun, il-lingwa Ingliża għadha predominanti u jeżistu sistemi edukattivi u ġuridiċi differenti;

I.  billi, lejn l-aħħar tal-2016, id-diskriminazzjoni u n-negliġenza relattiva fil-konfront tar-reġjuni Anglofoni, kif ukoll l-impożizzjoni tal-Franċiż u tas-sistema ġuridika Franċiża fil-klassijiet u fil-qrati ta' tali reġjuni, wasslu għal strajkijiet paċifiċi mill-għalliema u l-avukati u għal dimostrazzjonijiet paċifiċi;

J.  billi l-vjolenza eskalat minn Ottubru 2018 'il hawn u billi l-operazzjonijiet fuq skala kbira mwettqa mill-forzi tas-sigurtà ta' spiss jinvolvu abbużi u jwasslu għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi qtil illegali, stupru, vjolenza fuq in-nisa u t-tfal, u l-qerda ta' proprjetà;

K.  billi s-separatisti armati wettqu ħtif ta' persuni fuq skala kbira, inkluż fil-konfront ta' tfal tal-iskola u studenti, ikkommettew qtil immirat ta' uffiċjali tal-pulizija, uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u uffiċjali tal-awtoritajiet lokali, kienu involuti f'estorsjoni, infurzaw protesti ta' kull ġimgħa fil-forma ta' strajkijiet ġenerali (l-hekk imsejjaħ fenomenu ta' "bliet fantażmi"), u bbojkottjaw u ħarqu istituzzjonijiet edukattivi u sptarijiet, u b'hekk qed iċaħħdu lil eluf ta' żgħażagħ mill-aċċess għall-edukazzjoni u lill-popolazzjoni ġenerali mill-aċċess għall-kura tas-saħħa;

L.  billi, bħala riżultat tal-kriżi, madwar 444 000 persuna ġew spostati internament u 32 000 oħra ħarbu lejn in-Niġerja, li tinsab fil-qrib; billi l-kriżi umanitarja globali li qed iħabbat wiċċu magħha l-Kamerun tinkludi aktar minn 600 000 persuna spostata internament, madwar 35 000 rifuġjat li ħarbu minn kunflitti fil-pajjiżi ġirien u 1,9 miljun persuna f'riskju ta' nuqqas ta' sigurtà tal-ikel;

M.  billi, fl-2018 u fl-2019, il-Gvern tal-Kamerun implimenta l-Pjan ta' Assistenza Umanitarja ta' Emerġenza għar-reġjuni tal-Majjistral u tal-Lbiċ bil-għan li jiġi żgurat li l-persuni spostati jirċievu assistenza u protezzjoni multidimensjonali bħala kwistjoni ta' prijorità u li l-persuni affettwati mill-kriżi jingħataw kura tas-saħħa;

N.  billi l-vjolenza sessista u l-persekuzzjoni tal-minoranzi għadhom problemi serji; billi l-kodiċi penali tal-Kamerun jikkastiga r-relazzjonijiet sesswali bejn il-persuni tal-istess sess b'piena li taf tlaħħaq sa ħames snin priġunerija; billi l-pulizija u l-"ġendarmi" (pulizija militari) qed ikomplu jarrestaw u jagħtu fastidju lill-persuni LGTBQI;

O.  billi Boko Haram qed ikompli jwettaq abbużi u ksur gravi fil-konfront tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali fir-reġjun tat-Tramuntana Mbiegħda, inklużi s-sakkeġġ u l-qerda ta' proprjetà, u l-qtil u l-ħtif ta' persuni ċivili;

1.  Jiddeplora l-każijiet ta' tortura, għajbien furzat u qtil ekstraġudizzjarju mwettqa mis-servizzi tas-sigurtà u mis-separatisti armati; jesprimi tħassib partikolari dwar l-azzjonijiet tal-forzi tal-gvern fil-vjolenza li qed isseħħ; jistieden lill-forzi tas-sigurtà jirrispettaw id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem huma u jwettqu l-operazzjonijiet tagħhom u jistieden lill-Gvern jieħu passi immedjati biex itemm il-vjolenza u l-impunità fil-pajjiż;

2.  Jikkundanna l-użu ta' forza eċċessiva fil-konfront tad-dimostranti u l-avversarji politiċi, u l-ksur tal-libertajiet tal-istampa, tal-espressjoni u tal-għaqda; jiddispjaċih bil-kbir dwar l-arrest u d-detenzjoni ta' Maurice Kamto u ta' dimostranti paċifiċi oħra; jistieden lill-awtoritajiet Kamerunjani jeħilsu minnufih lil Maurice Kamto u lid-detenuti l-oħra kollha miżmumin fuq akkużi b'motivazzjoni politika, irrispettivament minn jekk ġewx arrestati qabel jew wara l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2018;

3.  Jistieden ukoll lill-Gvern tal-Kamerun biex iwaqqaf kull fastidju u intimidazzjoni fil-konfront tal-attivisti politiċi, inkluż billi jneħħi l-projbizzjoni fuq il-laqgħat politiċi, id-dimostrazzjonijiet u l-protesti paċifiċi, u biex jieħu azzjoni ħalli jrażżan l-atti ta' diskors ta' mibegħda;

4.  Ifakkar li l-qrati militari fl-ebda ċirkostanza ma għandu jkollhom ġurisdizzjoni fuq il-popolazzjoni ċivili; ifakkar lill-Kamerun fl-obbligi internazzjonali tiegħu li jirrispetta d-dritt għal proċess ġust għaċ-ċittadini kollha quddiem qrati indipendenti;

5.  Ifakkar li l-piena tal-mewt ilha ma tintuża fil-Kamerun sa mill-1997; jinnota li dan huwa pass importanti fil-mixja tal-pajjiż lejn l-abolizzjoni sħiħa; itenni l-oppożizzjoni assoluta tal-Unjoni Ewropea għall-piena tal-mewt u jistieden lill-Gvern tal-Kamerun jikkonferma li mhuwiex se jirsisti biex tingħata l-piena tal-mewt lill-attivisti politiċi u lid-dimostranti;

6.  Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas min-naħa tal-Gvern tal-Kamerun li jżomm responsabbli lill-forzi tas-sigurtà tiegħu, fatt li aggrava l-vjolenza u l-kultura ta' impunità; jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti u trasparenti dwar l-użu tal-forza mill-pulizija u mill-forzi tas-sigurtà fil-konfront tad-dimostranti u l-avversarji politiċi u jitlob li t-trasgressuri jinżammu responsabbli fil-kuntest ta' proċessi ġusti;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kamerun jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa f'konformità mal-obbligi tal-pajjiż fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jintemm iċ-ċiklu tal-vjolenza; jistieden b'mod partikolari lill-Gvern jorganizza djalogu politiku inklużiv bil-għan li tinstab soluzzjoni paċifika u dejjiema għall-kriżi fir-reġjuni Anglofoni; jistieden lill-komunità internazzjonali tgħin biex taġevola djalogu ta' paċi inklużiv fil-livell nazzjonali billi toffri li tiżvolġi rwol ta' medjazzjoni;

8.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' rieda min-naħa taż-żewġ partijiet fil-kunflitt li jidħlu f'taħditiet ta' paċi; iħeġġeġ lill-Unjoni Afrikana u lill-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali jagħmlu pressjoni biex tali taħditiet jiġu organizzati u jistieden lill-UE tkun lesta tappoġġja dan il-proċess; iqis li, fin-nuqqas ta' progress, il-kriżi fil-Kamerun għandha tiġi kkunsidrata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; jistieden ukoll lill-UE tuża l-influwenza politika pprovduta mill-għajnuna għall-iżvilupp u minn programmi bilaterali oħra biex issaħħaħ id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kamerun;

9.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kamerun jibni demokrazija ġenwina, rappreżentattiva u dinamika; jistieden, għaldaqstant, lill-Gvern ilaqqa' lill-partijiet interessati politiċi kollha għal reviżjoni kunsenswali tas-sistema elettorali, bil-għan li jiġi żgurat proċess elettorali ħieles, trasparenti u kredibbli; jitlob li dan il-proċess iseħħ qabel ma jsiru aktar elezzjonijiet sabiex tiġi promossa l-paċi u jiġu evitati l-kriżijiet postelettorali; jistieden lill-UE tintensifika l-assistenza teknika biex tappoġġja lill-Kamerun fl-isforzi tiegħu biex isaħħaħ il-proċeduri elettorali tiegħu u jagħmilhom aktar demokratiċi;

10.  Itenni li soċjetà ċivili dinamika u indipendenti hija essenzjali għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-attivitajiet tal-Konsorzju tas-Soċjetà Ċivili Anglofona tal-Kamerun ġew ipprojbiti; iħeġġeġ lill-Gvern ineħħi l-projbizzjoni u jiżgura spazju miftuħ li fih tkun tista' topera s-soċjetà ċivili;

11.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-liġi tal-2014 kontra t-terroriżmu qed tintuża ħażin biex tirrestrinġi l-libertajiet fundamentali; jappoġġja t-talbiet magħmula mill-esperti tan-Nazzjonijiet Uniti biex il-liġi tiġi riveduta ħalli jiġi żgurat li ma tintużax biex tirrestrinġi d-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda paċifika u tal-assoċjazzjoni;

12.  Jinnota d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li jċekknu l-assistenza militari tagħhom lill-Kamerun minħabba allegazzjonijiet kredibbli ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi tas-sigurtà; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-appoġġ tal-UE għas-servizzi tas-sigurtà f'dan ir-rigward u tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-ebda appoġġ mogħti lill-awtoritajiet Kamerunjani ma jaġevola l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew jikkontribwixxi għalih;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kunsill AKP-UE, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Kamerun.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Marzu 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza