Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi tqal ġodda (COM(2018)0284 – C8-0197/2018 – 2018/0143(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0284),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0197/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018(1),
– wara li kkonsulta mal-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-22 ta' Frar 2019, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0354/2018),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(2);
2. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fl-14 ta’ Novembru 2018 (Testi adottati, P8_TA(2018)0455).
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-18 ta' April 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi tqal ġodda u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 595/2009 u (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2019/1242.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar VECTO
Il-Kummissjoni qed issegwi l-iżvilupp tekniku tal-Għodda għall-Kalkolu tal-Konsum tal-Enerġija tal-Vetturi (VECTO) bil-ħsieb li din tiġi aġġornata b’mod regolari u f’waqtu, fid-dawl tal-innovazzjoni u biex titqies l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda li jtejbu l-effiċjenza tal-fjuwil tal-vetturi tqal.