Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2019 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħruġ ta' bonds koperti u s-superviżjoni pubblika ta' bonds koperti u li temenda d-Direttiva 2009/65/KE u d-Direttiva 2014/59/UE (COM(2018)0094 – C8-0113/2018 – 2018/0043(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0094),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 53 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0113/2018),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali fuq il-bażi legali proposta,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Lulju 2018(1),
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-20 ta' Marzu 2019, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
– wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 39 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0390/2018),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni anness ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-18 ta' April 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħruġ ta' bonds koperti u s-superviżjoni pubblika ta' bonds koperti u li temenda d-Direttivi 2009/65/KE u 2014/59/UE
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Direttiva (UE) 2019/2162.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni dwar il-bidla fir-Regolament Delegat (UE) 2015/61 fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ kopertura tal-likwidità għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu
Ir-rekwiżiti għal riżerva ta’ likwidità ddedikata għal bonds koperti stabbiliti fl-Artikolu 16 tal-proposta għal [Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħruġ ta’ bonds koperti u s-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti u li temenda d-Direttiva 2009/65/KE u d-Direttiva 2014/59/UE] jistgħu jirriżultaw f’sovrapożizzjoni mar-rekwiżiti għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex iżommu bafer ta’ likwidità ġenerali, kif stipulat fir-Regolament Delegat (UE) 2015/61.
Sabiex tindirizza din id-duplikazzjoni u tiżgura, fl-istess ħin, li bafer ta’ likwidità ddedikat għal bonds koperti jiġi applikat ukoll matul il-perjodu kopert mill-Proporzjon tal-Kopertura tal-Likwidità (LCR), il-Kummissjoni hija lesta li temenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/61 sabiex tipprovdi għas-sitwazzjoni speċifika ta’ bonds koperti. Din l-emenda għandha tiġi adottata fil-ħin sabiex tkun tista’ tidħol fis-seħħ qabel id-data tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-ħruġ ta’ bonds koperti u s-superviżjoni ta’ bonds koperti.