Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tagħti awtorizzazzjoni parzjali għal użu tat-triossidu tal-kromu skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Cromomed S.A. u oħrajn) (D063690/01 – 2019/2844(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tagħti awtorizzazzjoni parzjali għal użu tat-triossidu tal-kromu skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Cromomed S.A. u oħrajn) (D063690/01),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni(1) ("ir-Regolament REACH"), u b'mod partikolari l-Artikolu 64(8) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) u tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi(2), skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 64(5) tar-Regolament REACH,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(3),
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta' Marzu 2019 fil-Kawża T-837/16(4),
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-triossidu tal-kromu żdied mal-lista ta' kandidati ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna skont ir-Regolament REACH fl-2010(5) minħabba l-klassifikazzjoni tiegħu bħala karċinoġeniku (kategorija 1A) u mutaġeniku (kategorija 1B);
B. billi t-triossidu tal-kromu ġie inkluż fl-Anness XIV tar-Regolament REACH fl-2013(6) minħabba din il-klassifikazzjoni, il-volumi kbar li kienu qed jintużaw, l-għadd kbir ta' siti fejn intuża fl-Unjoni u r-riskju ta' esponiment sinifikanti għall-ħaddiema(7);
C. billi Cromomed S.A. u erba' kumpaniji oħra ("l-Applikanti") ippreżentaw b'mod konġunt applikazzjoni għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 62 tar-Regolament REACH għall-użu tat-triossidu tal-kromu fil-kisi bil-krom funzjonali f'firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet, inklużi l-inġinerija ġenerali u l-produzzjoni tal-azzar(8);
D. billi f'Diċembru 2016 il-Kummissjoni rċeviet l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC; billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ġie ppreżentat lill-Kumitat REACH fl-aħħar ta' Awwissu 2019;
E. billi l-objettiv primarju tar-Regolament REACH, fid-dawl tal-premessa 16 tiegħu, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea(9), huwa li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent;
F. billi skont l-Artikolu 55 u fid-dawl tal-premessa 12 tar-Regolament REACH, is-sostituzzjoni ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna b'sustanzi jew teknoloġiji alternattivi aktar sikuri hija għan ċentrali tal-awtorizzazzjoni;
G. billi l-RAC ikkonferma li mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat "livell derivat ta' bla effett" għall-proprjetajiet karċinoġeniċi tat-triossidu tal-kromu; billi t-triossidu tal-kromu għalhekk jikkwalifika bħala "sustanza mingħajr valur ta' limitu", jiġifieri sustanza li għaliha mhuwiex possibbli li jiġi stmat "livell sikur ta' esponiment";
H. billi fil-każ ta' tali "sustanza mingħajr valur ta' limitu", ir-Regolament REACH iqis li, b'mod awtomatiku, ir-riskju ma jistax jiġi kkunsidrat bħala "kontrollat adegwatament" skont it-tifsira tal-Artikolu 60(2) ta' dak ir-Regolament, u f'dak il-każ, awtorizzazzjoni tista' tingħata biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 60(4);
I. billi l-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH jipprevedi li awtorizzazzjoni tista' tingħata biss jekk l-applikant jagħti prova, inter alia, li, għal kull użu li għalih tkun saret l-applikazzjoni, ma jkunx hemm sustanzi jew teknoloġiji alternattivi adatti; billi, skont l-Artikolu 60(5) ta' dak ir-Regolament, meta tkun qed tivvaluta jekk humiex disponibbli alternattivi adatti, il-Kummissjoni għandha tqis l-aspetti rilevanti kollha, inkluża l-fattibbiltà teknika u ekonomika tal-alternattivi għall-applikant;
J. billi l-analiżi tal-alternattivi ppreżentata mill-Applikanti hija bbażata fuq ix-xogħol imwettaq mill-Chromium Trioxide Authorisation Consortium (CTAC)(10); billi l-inċertezzi fil-valutazzjoni tas-CTAC kienu raġuni ewlenija biex il-Parlament joġġezzjona għall-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni korrispondenti(11)
K. billi l-analiżi tal-Applikanti tal-alternattivi hija mibnija fuq il-premessa li alternattiva teknikament fattibbli tista' tkun biss sustanza "simili"(12), jiġifieri sustanza jew teknoloġija waħda li tkun kapaċi tissostitwixxi s-sustanza ta' tħassib serju ħafna fis-setturi differenti kollha u fl-applikazzjonijiet differenti li tintuża fihom(13);
L. billi tali approċċ, f'applikazzjoni għal awtorizzazzjoni li tkopri setturi u użi differenti ħafna b'rekwiżiti ta' prestazzjoni differenti ħafna(14), ma jippermettix li alternattiva unika tikkonforma mar-rekwiżiti kollha, kif rikonoxxut b'mod espliċitu mill-SEAC(15);
M. billi l-użu ta' tali approċċ jiddiskrimina b'mod mhux xieraq kontra alternattivi li huma disponibbli jew f'ċerti setturi jew għal ċerti użi, u jkun jagħti lill-Applikanti deroga illegali mill-obbligu tagħhom li jagħtu prova li m'hemmx alternattiva għal kull użu li għalih saret l-applikazzjoni; billi tali approċċ jinjora l-objettiv ta' sostituzzjoni stabbilit fl-Artikolu 55 tar-Regolament REACH u ma jħeġġiġx l-innovazzjoni;
N. billi l-SEAC iddikjara li l-analiżi pprovduta mill-Applikanti dwar jekk alternattivi teknikament adatti kinux disponibbli ma kinitx dettaljata biżżejjed u ma kellhiex fokus ċar(16); billi l-SEAC iddikjara li l-Applikanti ma ddikjarawx b'mod konvinċenti li ma kien se jkun hemm l-ebda alternattiva disponibbli għal applikazzjonijiet tal-kisi bil-kromu, u barra minn hekk, kien konxju ta' alternattivi eżistenti li jistgħu jkunu teknikament fattibbli għal uħud mill-użi li saret applikazzjoni għalihom(17); billi l-SEAC afferma li kien ikollu bżonn aktar informazzjoni biex jasal għal konklużjoni dwar il-fattibbilità ekonomika tal-alternattivi(18);
O. billi dan juri li l-Applikanti ma ssodisfawx l-oneru tal-prova, għall-kuntrarju tar-rekwiżiti tar-Regolament REACH, kif ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali(19);
P. billi l-SEAC madankollu kompla jiddikjara, wara s-suppożizzjonijiet tiegħu stess, li huwa improbabbli li alternattivi, jekk u meta jkunu teknikament fattibbli, ikunu ekonomikament fattibbli(20) (enfasi miżjuda); billi l-ewwel nett, mhuwiex il-kompitu tal-SEAC li jimla l-lakuni fl-applikazzjoni bis-suppożizzjonijiet tiegħu stess, u t-tieni nett, it-terminu "improbabbli" juri li għad hemm l-inċertezzi;
Q. billi l-opinjoni tal-SEAC li l-alternattivi mhumiex teknikament u ekonomikament fattibbli mhijiex konsistenti mas-sejbiet tiegħu stess u li din il-konklużjoni ma tistax issir fid-dawl tan-nuqqasijiet tal-applikazzjoni;
R. billi l-Qorti Ġenerali għamlitha ċara li "hija l-Kummissjoni biss li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet previsti [fl-Artikolu 60(4) tar-Regolament REACH] humiex issodisfatti",(21) li mhijiex marbuta mill-opinjonijiet tal-SEAC jew tal-RAC, u li ma jeħtiġilhiex issegwi l-opinjonijiet tagħhom jekk ir-raġunament li jkun hemm fihom ma jkunx sħiħ, konsistenti u rilevanti(22);
S. billi l-Kummissjoni, peress li qablet mal-opinjoni inkonsistenti tal-SEAC fl-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni(23), ma ssodisfatx l-obbligi tagħha kif stabbiliti mill-Qorti Ġenerali;
T. billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 8 jirreferi b'mod espliċitu għall-fatt li l-SEAC ma setax jeskludi l-possibbiltà ta' inċertezza fir-rigward tal-fattibbiltà teknika tal-alternattivi għal xi użi speċifiċi li jaqgħu taħt l-ambitu tal-użu maħsub;
U. billi l-Qorti Ġenerali sabet li, meta, minkejja l-preżentazzjoni ta' provi mid-diversi atturi involuti fil-proċedura ta' awtorizzazzjoni, ikun għad hemm inċertezzi fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta man-nuqqas ta' disponibbiltà ta' alternattivi, għandu jiġi konkluż li l-applikant ma ssodisfax l-oneru tal-prova u li, għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni ma tistax tingħatalu(24);
V. billi fid-dawl tal-inċertezza msemmija fil-premessa 8, l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni qed jikser is-sentenza tal-Qorti Ġenerali;
W. billi l-Kummissjoni tipprova tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha billi tafferma li l-kundizzjonijiet –li hija tallega li jillimitaw l-ambitu tal-użi awtorizzati(25) – jirrimedjaw in-nuqqasijiet tal-applikazzjoni relatata mal-analiżi tal-alternattivi;
X. billi l-adozzjoni tal-kundizzjonijiet hija legali u xierqa meta ġenwinament tillimita l-ambitu tal-awtorizzazzjoni billi telenka l-użi speċifiċi li l-Kummissjoni kkunsidrat fiż-żmien tal-awtorizzazzjoni bħala li m'għandhomx alternattivi xierqa;
Y. billi f'dan il-każ, madankollu, il-Kummissjoni ħalliet miftuħa d-definizzjoni tal-ambitu tal-awtorizzazzjoni(26), fatt li jindika li ma adottatx deċiżjoni finali dwar liema użi ma kellhomx alternattivi adatti fid-data tad-deċiżjoni; billi, għall-kuntrarju, bl-adozzjoni ta' dawk il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ddelegat lill-Applikanti s-setgħa esklużiva tagħha li tagħmel, fuq bażi ta' każ b'każ, l-evalwazzjoni finali u d-deċiżjoni dwar l-ambitu tal-awtorizzazzjoni;
Z. billi l-Qorti Ġenerali kkunsidrat tali approċċ bħala illegali(27);
AA. billi, barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, jekk l-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li alternattivi adatti huma ġeneralment disponibbli, iżda dawn l-alternattivi mhumiex teknikament jew ekonomikament fattibbli għall-applikant, l-applikant irid jipprovdi pjan ta' sostituzzjoni jekk l-awtorizzazzjoni għandha tingħata b'mod legali(28);
AB. billi, anki jekk l-informazzjoni dwar l-alternattivi kienet disponibbli qabel l-adozzjoni tal-opinjoni tal-SEAC(29), l-Applikanti, skont l-opinjoni tal-SEAC, ma investigawhomx aktar, u lanqas ma offrew aktar pjanijiet dettaljati biex isegwu l-avvanzi fir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż)(30);
AC. billi l-Kummissjoni pproponiet li tagħti l-awtorizzazzjoni għar-raġuni li l-alternattivi disponibbli b'mod ġenerali mhumiex teknikament jew ekonomikament fattibbli għall-Applikanti, minkejja l-fatt li la taw biżżejjed informazzjoni dwar il-fattibbiltà ekonomika, kif innotat mill-SEAC, u lanqas ma pprovdew pjan ta' sostituzzjoni, bi ksur tal-punt (f) tal-Artikolu 62(4) tar-Regolament REACH;
AD. billi, skont l-Artikolu 60(7) tar-Regolament REACH, awtorizzazzjoni tingħata biss jekk l-applikazzjoni ssir b'konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 62 tiegħu;
AE. billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jikser is-sentenza tal-Qorti Ġenerali u l-Artikolu 60(4) u (7) tar-Regolament REACH;
1. Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jeċċedi s-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1907/2006;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha u tippreżenta abbozz ġdid ta' għoti ta' awtorizzazzjoni biss għall-użi speċifikament definiti li għalihom m'hemmx alternattivi adatti disponibbli;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu deċiżjonijiet malajr fir-rigward ta' din l-applikazzjoni u oħrajn relatati mal-istess sustanza f'konformità sħiħa mar-Regolament REACH;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta' Marzu 2019, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, T-837/16, ECLI:EU:T:2019:144 http://curia.europa.eu/juris/document/document_print.jsf?docid=211428&text=&dir=&doclang=MT&part=1&occ=first&mode=lst&pageIndex=0&cid=1573675
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 348/2013 tas-17 ta' April 2013 li jemenda l-Anness XIV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) (ĠU L 108, 18.4.2013, p. 1).
L-informazzjoni dwar l-applikazzjoni hija disponibbli fuq: https://echa.europa.eu/mt/applications-for-authorisation-previous-consultations/-/substance-rev/12473/term
Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Lulju 2009, S.P.C.M. SA u Oħrajn vs Secretary of State for the Environment, Food and Rural Affairs, C-558/07, ECLI:EU:C:2009:430, paragrafu 45.
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Marzu 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tagħti awtorizzazzjoni għal ċerti użi tat-triossidu tal-kromu skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Lanxess Deutschland GmbH u oħrajn) (Testi adottati, P8_TA(2019)0317).
Ara l-Analiżi tal-Alternattivi dwar il-kisi bil-kromju funzjonali pprovduta mill-Applikanti disponibbli fuq: https://echa.europa.eu/documents/10162/ece8b65e-aec0-4da8-bf68-4962158a4952 p. 13-14: Qed jiġu ttestjati diversi alternattivi biex jissostitwixxu t-triossidu tal-kromu. L-isfida hija li jinstab sostitut li jissodisfa r-rekwiżiti għat-tipi differenti kollha ta' prodotti, u għall-użi differenti ta' kull applikazzjoni speċifika u li fl-istess ħin ikun teknikament u ekonomikament fattibbli. Issa hemm ħafna alternattivi li huma kkwalifikati għal applikazzjonijiet individwali meta wħud mir-rekwiżiti ta' kisi bil-kromu funzjonali jkunu biżżejjed iżda l-ebda waħda minnhom ma għandha l-karatteristiċi ewlenin tal-kisi bil-kromu funzjonali b'soluzzjoni milwiema tat-triossidu tal-kromu [...].
Kull settur (eż. l-industrija tal-azzar, l-industrija tal-inġinerija ġenerali) għandu rekwiżiti tekniċi differenti: ara l-opinjoni tal-SEAC, p. 34, fejn huma ssottolinjati bl-isfar l-alternattivi li għalihom il-parametri/kriterji ta' valutazzjoni jissodisfaw xi rekwiżiti għal xi wħud mill-applikazzjonijiet/setturi iżda mhux għal kollha.
Opinjoni tal-SEAC, p. 36. Fil-fatt, l-applikanti jqisu l-alternattivi bħala promettenti biss meta dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti transsettorjali tas-setturi tal-industrija msemmija iktar ’il fuq (għalkemm il-fatturat tal-applikanti f'dawn is-setturi huma limitati ħafna), u b'hekk ikun impossibbli li jkun hemm alternattiva unika li tikkonforma mar-rekwiżiti kollha (enfasi miżjuda).
Opinjoni tal-SEAC, p. 35-36: Skont il-fehma tal-SEAC, l-applikanti pprovdew valutazzjoni ġenerika tal-fattibbiltà teknika u ekonomika tal-alternattivi għas-setturi differenti tal-industrija ... mingħajr ma analizzaw f'biżżejjed dettall is-sostitwibbiltà tat-triossidu tal-kromu għall-użu li saret applikazzjoni għalih. …. L-SEAC jaqbel mal-konklużjoni tal-applikanti li l-alternattivi vvalutati fl-analiżi tal-alternattivi ma jipprovdux ċerti funzjonalitajiet ewlenin. Madankollu, l-SEAC jixtieq jirrimarka li l-analiżi tal-alternattivi mhijiex dettaljata biżżejjed u m'għandhiex fokus ċar fuq l-użu attwali tat-triossidu tal-kromju mill-applikanti. L-applikanti ppreżentaw xi alternattivi bħala promettenti u sostnew li dawn ġew investigati mill-industrija tal-azzar. Madankollu, l-applikanti la ppreżentaw skrutinju addizzjonali tal-alternattivi ppreżentati bħala promettenti u lanqas ma pprovdew pjanijiet ta' riċerka u żvilupp f'dan ir-rigward. […] F'dan is-sens, l-SEAC jesprimi riżervi rigward l-adegwatezza tal-analiżi għall-ambitu ta' din l-applikazzjoni (enfasi miżjuda).
Opinjoni tal-SEAC, p. 50: L-applikanti ma jappoġġjawx b'mod konvinċenti l-affermazzjoni li m'humiex disponibbli jew mhux ser ikunu disponibbli alternattivi għall-applikazzjonijiet ta' kisi bil-kromu (fis-setturi tan-negozju tal-applikanti) matul il-perjodu ta' rieżami normali. L-SEAC huwa konxju ta' teknoloġiji ta' kisi alternattivi li jistgħu diġà jkunu jew jistgħu jsiru teknikament fattibbli għal partijiet speċifiċi miksija minn tnejn mill-ħames applikanti.
L-opinjoni tal-SEAC, p. 37, ara b'mod partikolari l-konklużjoni tat-taqsima 7.2.: Madankollu, għandha tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar is-sehem tal-partijiet li jistgħu jiġu miksija b'alternattiva teknikament fattibbli sabiex l-SEAC ikun jista' jikkonkludi fuq il-fattibbiltà ekonomika ta' din l-alternattiva.
L-Artikolu 1 tal-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni: "Użu awtorizzat" ikopri "l-użu f'kisi bil-kromu funzjonali fejn kwalunkwe waħda mill-funzjonalitajiet jew proprjetajiet ewlenin li ġejjin hija meħtieġa għall-użu maħsub: reżistenza għall-użu, ebusija, ħxuna tas-saff, reżistenza għall-korrużjoni, koeffiċjent tal-frizzjoni, u effett fuq il-morfoloġija tas-superfiċe". Hu jispeċifika li biex jiġi evitat kull dubju li awtorizzazzjoni għall-użu tat-triossidu tal-kromu ma tingħatax għal kisi bil-kromu funzjonali fejn l-ebda waħda mill-funzjonalitajiet ewlenin elenkati fl-ewwel subparagrafu ma tkun meħtieġa.
jiġifieri ħalliet f'idejn l-Applikanti biex jiddeċiedu, u l-awtoritajiet tal-infurzar biex jivvalutaw, wara li tiġi adottata l-awtorizzazzjoni, jekk xi waħda mill-funzjonalitajiet elenkati hijiex "meħtieġa" għall-użu tagħhom.
Is-sentenza fil-Kawża T-837/16, il-paragrafu 83; ara l-paragrafu 97: "Fil-fatt, il-fatt li jiġi indikat li l-użu tal-kromati taċ-ċomb inkwistjoni f'dan il-każ huwa limitat biss għal dawk il-każijiet li fihom il-prestazzjoni tal-kompożizzjonijiet ta' sustanzi li fihom dawn kromati hija verament neċessarja huwa ekwivalenti għal li jiġi ddikjarat li, kull darba li jidentifika alternattiva, l-utent downstream għandu jastjeni milli juża l-kromati taċ-ċomb inkwistjoni f'dan il-każ. Issa, tali dikjarazzjoni tikkostitwixxi indikazzjoni qawwija tal-fatt li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stess ma kinitx tqis li l-eżami tal-kundizzjoni dwar in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' alternattivi kien konkluż"; ara wkoll il-paragrafi 86 u 98.
Opinjoni tal-SEAC, p. 37: Matul il-konsultazzjoni pubblika ta' applikazzjonijiet oħra tat-triossidu tal-kromju, l-SEAC sar konxju ta' teknoloġiji ta' kisi alternattivi li jistgħu jsiru alternattivi fattibbli ta' xi partijiet speċifiċi.
Opinjoni tal-SEAC, p. 37: Filwaqt li l-applikanti jsemmu li xi alternattivi huma promettenti, u li bħalissa qed jiġu investigati mill-industrija tal-azzar, huma ma jinvestigawhomx ulterjorment; u lanqas ma joffru aktar pjanijiet dettaljati biex isegwu l-iżviluppi tar-R&Ż f'dan il-qasam.