Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2854(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0118/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 24/10/2019 - 8.6
CRE 24/10/2019 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0047

Testi adottati
PDF 143kWORD 50k
Il-Ħamis, 24 ta' Ottubru 2019 - Strasburgu
L-effetti tal-falliment tat-Thomas Cook Group
P9_TA(2019)0047RC-B9-0118/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar l-impatt negattiv tal-falliment ta' Thomas Cook fuq it-turiżmu tal-UE (2019/2854(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 6(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 195 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2019 dwar l-effetti tal-falliment tat-Thomas Cook Group,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2007 bit-titolu "Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv" (COM(2007)0621),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2010 bit-titolu "L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew" (COM(2010)0352),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità(3), b'mod partikolari l-Artikolu 8 dwar il-validità ta' liċenzja operattiva u l-Artikolu 9 dwar is-sospensjoni u r-revoka ta' liċenzja operattiva,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar sfidi u kunċetti ġodda għall-promozzjoni tat-turiżmu fl-Ewropa(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2012 dwar il-funzjonament u l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti ta' persuni li jivvjaġġaw bl-ajru(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-kumpens għall-passiġġieri fil-każ ta' falliment tal-linja tal-ajru(6),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Marzu 2013 bit-titolu "Il-protezzjoni tal-passiġġieri f'każ ta' falliment ta' linja tal-ajru" (COM(2013)0129), li fiha l-Kummissjoni stabbiliet miżuri biex ittejjeb il-protezzjoni tal-vjaġġaturi f'każ ta' falliment ta' linja tal-ajru, inkluż l-infurzar aħjar tar-Regolament (KE) Nru 261/2004,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 ("ir-Regolament dwar il-FEG")(7),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2014 bit-titolu "Strateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Marittimu u Kostali" (COM(2014)0086),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' Frar 2014 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà ta' trasportaturi bl-ajru, fejn jidħol it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE(9),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2019 bit-titolu "Strateġija għall-Ewropa dwar l-Avjazzjoni: Iż-żamma u l-promozzjoni ta' standards soċjali għoljin" (COM(2019)0120),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar "il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 – Il-pożizzjoni tal-Parlament bil-ħsieb li jkun hemm qbil"(10),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Mejju 2019 dwar il-kompetittività tas-settur tat-turiżmu bħala xprun tat-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali fl-UE għall-għaxar snin li ġejjin,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kollass tal-kumpanija Brittanika Thomas Cook, it-tieni l-akbar operatur turistiku fid-dinja, u waħda mill-eqdem stabbiliti, qiegħed ikollu effett ferm negattiv fuq l-ekonomija, is-suq intern tal-UE, l-impjiegi, il-fiduċja tal-konsumatur u l-moviment liberu tal-persuni fl-UE u anki barra minnha;

B.  billi l-likwidazzjoni tat-Thomas Cook Group ipperikolat 22 000 impjieg fid-dinja kollha, li 9 000 minnhom jinsabu fir-Renju Unit, 2 500 jinsabu fi Spanja, u aktar minn 1 000 jinsabu fil-Greċja; billi anke jekk id-destin ta' dawn l-impjiegi għadu inċert, x'aktarx li l-falliment tal-kumpanija se jkollu effett indirett multiplu konsiderevoli mhux biss fuq l-industrija tat-turiżmu u fuq is-settur tat-trasport, iżda anki fuq l-ekonomija tal-UE b'mod ġenerali;

C.  billi l-falliment tat-Thomas Cook Group kien ikkawżat minn diversi fatturi, u wieħed minnhom kien in-nuqqas tal-kumpanija li tbiddel il-mudell kummerċjali tagħha u li tkun innovattiva sabiex tkun tista' tikkompeti fl-ekonomija diġitali; billi l-awtoritajiet Brittaniċi kienu diġà jafu sew x'kienet is-sitwazzjoni finanzjarja tat-Thomas Cook Group;

D.  billi l-waqfien tal-operazzjonijiet ta' Thomas Cook, kumpanija li kienet tmexxi lukandi, resorts u linji tal-ajru f'16-il pajjiż u taqdi 19-il miljun persuna fis-sena, irrikjeda operazzjoni ta' rimpatriju enormi għal aktar minn 600 000 turist minn postijiet differenti minn madwar id-dinja lejn il-postijiet tal-oriġini tagħhom;

E.  billi, din is-sena biss, għadd ta' linji tal-ajru ddikjaraw insolvenza, u dan kellu riperkussjonijiet serji fuq in-negozji, it-turiżmu u l-konsumaturi; billi, f'April 2019, it-Thomas Cook Group ingħata liċenzja biex ikompli jopera għal tnax-il xahar ieħor mill-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tar-Renju Unit;

F.  billi diversi Stati Membri ħabbru miżuri mmirati bħala appoġġ għas-settur turistiku tagħhom bil-għan li jittaffew l-effetti negattivi tal-kollass tat-Thomas Cook Group; billi s'issa għadu ma ġie attivat l-ebda mekkaniżmu ta' appoġġ tal-UE;

G.  billi t-turiżmu jammonta għal madwar 4 % tal-PDG tal-UE, jimpjega madwar 12,3 miljun ħaddiem u jipprovdi mill-anqas 5 % tal-impjiegi kollha (aktar minn 27 miljun ħaddiem u kważi 12 % tal-impjiegi kollha meta jitqiesu r-rabtiet tiegħu ma' setturi oħrajn); billi l-Ewropa hija l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja, b'sehem mis-suq ta' 50,8 % fl-2018; billi t-turiżmu jiġġenera, kemm direttament kif ukoll indirettament, 10,3 % tal-PDG totali tal-UE-28 – ċifra li hija mistennija tiżdied għal 11,2 % tal-PDG sal-2027;

H.  billi s-settur tat-turiżmu jinkludi diversità kbira ta' servizzi u professjonijiet fejn il-mobbilità għandha rwol ewlieni u, minħabba n-natura personali tal-attivitajiet fis-settur, jirrikjedi numri kbar ta' impjegati; billi t-turiżmu jservi ta' stimolu qawwi għal bosta setturi oħra tal-ekonomija; billi s-settur huwa ddominat mill-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), kif ukoll minn individwi li jaħdmu għal rashom, li l-attivitajiet tagħhom jiġġeneraw l-impjiegi u l-ġid f'reġjuni li jiddependu bil-kbir mit-turiżmu; billi s-settur tat-turiżmu huwa partikolarment vulnerabbli għall-perikli naturali u ta' oriġini umana li ma jistgħux jiġu previsti;

I.  billi, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, l-UE kellha l-kompetenza li ssostni jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tat-turiżmu; billi, min-naħa l-oħra, it-turiżmu ma għandu l-ebda linja speċifika fil-baġit tal-UE, kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018, dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, fejn il-Parlament talab li tiġi introdotta allokazzjoni speċifika għat-turiżmu sostenibbli;

J.  billi hemm domanda qawwija mill-industrija tat-turiżmu għal aktar koordinazzjoni fil-livell tal-UE u għal politika ċara tal-UE dwar it-turiżmu li jkollha appoġġ baġitarju xieraq;

K.  billi t-turiżmu huwa settur ewlieni għall-ekonomija u għall-impjiegi fl-UE, u l-prijoritajiet tal-Kummissjoni l-ġdida, partikolarment dik ta' appoġġ għal "ekonomija għas-servizz tan-nies", għandhom għalhekk jirriflettu l-importanza tas-settur u l-bżonnijiet tiegħu;

L.  billi l-waqfien tal-operazzjonijiet ta' Thomas Cook ikkawża ħsara ekonomika lis-settur tat-turiżmu, lill-impjiegi u l-komunitajiet lokali, u wassal għal nuqqas ta' konnettività bl-ajru f'ċerti territorji tal-Istati Membri tal-UE; billi dan se jirrikjedi l-adozzjoni ta' miżuri xierqa biex tittejjeb il-kompetittività tas-settur u jiġi żgurat li l-Ewropa żżomm il-pożizzjoni tagħha bħala d-destinazzjoni turistika numru wieħed tad-dinja, bħala xprun tat-tkabbir u tal-iżvilupp sostenibbli tal-bliet u tar-reġjuni tagħha;

M.  billi l-passiġġieri għandhom id-dritt li jirċievu servizzi kif skedati, speċjalment minħabba li diġà jkunu ħallsu l-prezz tal-biljett qabel ma s-servizz ġie provdut; billi huwa essenzjali li l-passiġġieri jingħataw tagħrif li jinftiehem, preċiż u f'waqtu, li jkun aċċessibbli għal kulħadd; billi, għal ħafna konsumaturi, ma kienx ċar x'kienu d-drittijiet ta' kumpens tagħhom u liema partijiet tal-prenotazzjonijiet tagħhom kienu koperti mill-assigurazzjoni tagħhom;

N.  billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar informazzjoni lill-ħaddiema u konsultazzjoni tal-ħaddiema, antiċipazzjoni u ġestjoni tar-ristrutturazzjoni(11), il-Parlament talab lill-Kummissjoni tressaq mill-aktar fis proposta għal att legali dwar informazzjoni lill-ħaddiema u konsultazzjoni tal-ħaddiema, antiċipazzjoni u ġestjoni tar-ristrutturazzjoni;

1.  Jinsab imħasseb ħafna għas-600 000 persuna li nqabdu 'l bogħod minn darhom, li ħafna minnhom tħallew fid-destinazzjoni tagħhom mingħajr l-ebda offerta ta' vjaġġ ta' ritorn alternattiv, u dan ħoloq inċertezza legali enormi għas-settur u involva nuqqas ta' protezzjoni konsiderevoli għall-konsumaturi; jinsab daqstant ieħor imħasseb għall-eluf ta' impjegati madwar l-Ewropa li tilfu l-impjiegi tagħhom, għall-eluf ta' fornituri lokali u s-sussidjarji tagħhom, fil-biċċa l-kbira SMEs, li sabu ruħhom f'diffikultajiet finanzjarji serji kkaġunati mill-kollass ta' Thomas Cook, u mill-impatt ta' ħsara fuq l-ekonomiji u l-komunitajiet lokali u fuq id-dehra u r-reputazzjoni tal-Ewropa bħala l-aqwa destinazzjoni turistika tad-dinja;

2.  Jindika li Thomas Cook Group kien ikopri diversi attivitajiet, bħall-akkomodazzjoni, it-trasport u l-attivitajiet ta' divertiment li kienu jolqtu diversi tipi differenti ta' konsumaturi u negozji, u, għalhekk, il-kollass tiegħu jaqa' taħt liġijiet differenti tal-UE u dawk nazzjonali;

3.  Jitlob li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri milquta jiżguraw li l-ħaddiema ta’ Thomas Cook li ngħataw is-sensja jitħallsulhom bis-sħiħ il-pagi li diġà ħadmu għalihom;

4.  Jifraħ lill-Istati Membri għall-urġenza li biha wettqu l-pjanijiet ta' kontinġenza għar-ripatriazzjoni effettiva tal-vjaġġaturi kkonċernati, u jinnota miżuri oħrajn biex jiġu limitati l-effetti tal-falliment ta' Thomas Cook fuq l-impjegati fis-settur tat-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u l-liġijiet rispettivi fl-Istati Membri rrispondew għal din l-operazzjoni ta' salvataġġ enormi u teżamina kif tista' tipparteċipa b'mod rapidu u effettiv f'sitwazzjoni simili fil-futur;

5.  Jappella lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu analiżi tar-raġunijiet tal-falliment ta' Thomas Cook, filwaqt li jitqies il-fatt li l-bidla negattiva fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija kienet diġà magħrufa mill-awtoritajiet Brittaniċi, sabiex jiġi ddeterminat setgħux jittieħdu miżuri preventivi biex jiġi evitat il-kollass f'daqqa tagħha; jemmen li dan għandu jgħin biex jiġu antiċipati kriżijiet futuri u ħalli jiġu stabbiliti politiki li jimminimizzaw ir-riskji f'settur li huwa daqstant importanti għall-UE;

6.  Jissottolinja li huwa meħtieġ monitoraġġ aħjar tal-istat finanzjarju tal-linji tal-ajru mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, biex jiġi evitat li passiġġieri Ewropej isiru vittmi ta' fallimenti bħal dawn, meta jitqies li mill-bidu tal-2017 fallew 32 linja tal-ajru; ifakkar li r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 bħalissa huwa soġġett għal valutazzjoni tal-impatt, li tinkludi taqsima dwar l-obbligu tal-linji tal-ajru li jiksbu liċenzja operattiva; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra reviżjoni ta' dan ir-regolament sabiex tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet li jimmonitorjaw u jikkontrollaw aħjar l-istat finanzjarju tal-linji tal-ajru, u jirreaġixxu meta s-sitwazzjoni tkun kritika;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tippermetti aċċess malajr u effikaċi għall-istrumenti finanzjarji tal-UE li jistgħu jikkumpensaw id-danni kkawżati lis-settur, u li jistgħu jgħinu t-titjib tal-kompetittività tiegħu u biex jiggarantixxu livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur; jinnota li l-kriżi kkaġunata mill-falliment tat-Thomas Cook Group mhijiex avveniment iżolat u tista' terġa' sseħħ fil-futur; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-fattibbiltà tal-adozzjoni ta' azzjonijiet u/jew miżuri speċifiċi biex tipprevjeni li sitwazzjonijiet ta' dan it-tip jerġgħu jiġru sabiex jissaħħu aktar il-protezzjoni tal-konsumatur u d-drittijiet tal-passiġġieri;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi t-turiżmu fil-prijoritajiet tal-istrateġija tagħha, u li tibdel l-isem tal-portafoll tat-trasport għal "Trasport u Turiżmu";

9.  Jindika l-possibbiltajiet ipprovduti mill-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar; jistieden lill-Istati Membri milquta mill-falliment ta' Thomas Cook biex jagħmlu użu sħiħ mill-possibilitajiet tal-FEG, b'mod partikolari fir-rigward ta' applikazzjonijiet kollettivi mill-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tipproċessa dawn l-applikazzjonijiet malajr kemm jista' jkun fiż-żmien stipulat fir-Regolament dwar il-FEG, u tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-Istati Membri jekk tintalab tagħmel dan;

10.  Jenfasizza li s-servizzi tat-turiżmu f'reġjuni bbażati fuq it-turiżmu, u b'mod partikolari l-lukandi, kellhom forniment skedat ta' servizzi b'ħafna prenotazzjonijiet li kienu diġà saru għall-istaġun turistiku li jmiss qabel ma kkollassa t-Thomas Cook Group, u għalhekk jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' appoġġ mill-Istati Membri biex jaffrontaw l-impatt negattiv li dan kellu fuq ħafna negozji; jinkoraġġixxi, barra minn hekk, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jisfruttaw l-istrumenti previsti mill-Fond Soċjali Ewropew u mill-istrumenti l-oħra fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu, fuq bażi perjodika, sejħiet għall-offerti speċifiċi marbuta mal-industrija tat-turiżmu fuq il-bażi tal-prijoritajiet stabbiliti fil-fondi rispettivi;

11.  Itenni l-importanza li tiġi stabbilita Strateġija tal-UE għal Turiżmu Sostenibbli li tinkludi miżuri koordinati u konkreti, pereżempju mekkaniżmu għall-ġestjoni tal-kriżijiet u mekkaniżmi għall-kooperazzjoni effettiva fis-settur tat-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi linja baġitarja speċifika għas-settur tat-turiżmu fl-abbozz tal-baġit li jmiss tagħha, kif mitlub mill-Parlament għall-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027;

12.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkunsidraw, unikament bħala l-aħħar alternattiva, miżuri ta' għajnuna mill-Istat li jafu jtaffu l-impatt ekonomiku negattiv fuq l-impriżi, il-bliet, ir-reġjuni u d-destinazzjonijiet, minbarra l-konsegwenzi gravi għall-impjiegi;

13.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-ħaddiema milquta minn insolvenza jkollhom garanzija li l-pagi u l-benefiċċji tal-irtirar li jkunu ħadmu għalihom jitħallsulhom;

14.  Jisħaq fuq l-importanza li jkun garantit suq intern għas-servizzi tat-trasport li jaħdem bla intoppi, filwaqt li jinżamm livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur u tal-impjegat u tittejjeb il-kompetittività tal-impriżi fis-settur tat-turiżmu;

15.  Jemmen li s-settur tat-turiżmu Ewropew irid jagħmel użu ħafna aħjar tal-opportunitajiet eċċellenti offruti mit-teknoloġiji diġitali u mis-suq uniku diġitali; jistieden lill-Kummissjoni f'dan ir-rigward, tipprovdi l-appoġġ meħtieġ biex tgħin lill-kumpaniji tal-UE jimmaniġġjaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija diġitali u mudelli kummerċjali ġodda, kemm permezz tal-finanzjament u t-taħriġ rilevanti kif ukoll billi titħeġġeġ mentalità ta' negozju diġitali;

16.  Jissottolinja l-importanza ta' djalogu soċjali sostnut fil-livelli kollha, ibbażat fuq fiduċja reċiproka u responsabbiltajiet kondiviżi, bħala wieħed mill-aħjar strumenti sabiex jinstabu soluzzjonijiet kunsenswali u approċċi komuni fil-previżjoni, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-proċessi ta' ristrutturazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jikkonsultaw lis-sħab soċjali fl-iżvilupp tal-miżuri rilevanti kollha; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika l-aħjar prattiki abbażi tal-miżuri implimentati mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll dawk meħuda minn SMEs fis-settur, bil-ħsieb li tiġi żviluppata strateġija komuni tal-UE għas-settur tat-turiżmu; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq, wara li tikkonsulta s-sħab soċjali rilevanti, proposta għal att legali dwar id-dritt tal-ħaddiema għal informazzjoni u konsultazzjoni u dwar l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni ta' ristrutturazzjoni, skont ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati stabbiliti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Jannar 2013 dwar informazzjoni lill-ħaddiema u konsultazzjoni tal-ħaddiema, antiċipazzjoni u ġestjoni tar-ristrutturazzjoni(12);

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jivvalutaw u jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiddefendu l-interessi tal-UE u jevitaw sitwazzjonijiet simili fil-futur, u jisiltu tagħlimiet minn din l-esperjenza li jistgħu jiġu applikati fin-negozjar ta' ftehimiet futuri dwar is-servizzi tal-ajru;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar kwalunkwe informazzjoni rilevanti ġdida dwar il-falliment ta' Thomas Cook; f'dan ir-rigward, jissottolinja l-importanza li jsir magħruf jekk l-awtoritajiet rilevanti inkarigati mill-ħruġ ta' liċenzji kinux ivvalutaw is-sitwazzjoni finanzjarja ta' Thomas Cook, jekk ġietx identifikata xi problema finanzjarja u jekk setgħux jittieħdu xi miżuri biex jiġi evitat li eluf ta' passiġġieri jitħallew abbandunati 'l bogħod minn darhom;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra aktar miżuri biex jinżamm livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi u tal-impjegati f'każ ta' falliment ta' negozju; jistieden lill-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-emenda tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru u tal-limiti ta' responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru malajr kemm jista' jkun, u japprova l-pożizzjoni meħuda mill-Parlament fi Frar 2014; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kunsill ma kienx kapaċi jilħaq ftehim f'dawn l-aħħar ħames snin;

20.  Itenni l-ħtieġa, fir-rigward tal-emenda tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u r-responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru, ta' mekkaniżmi obbligatorji biex jinżamm il-livell kurrenti ta' protezzjoni tal-passiġġieri fil-każ ta' insolvenza jew falliment, fost l-oħrajn permezz tal-ħolqien ta' fondi ta' garanzija jew kuntratti ta' assigurazzjoni mil-linji tal-ajru li jiggarantixxu assistenza, rimborż, kumpens u riprogrammar tar-rotta; jenfasizza li l-passiġġieri li jipprenotaw servizz awtonomu bħal pereżempju titjira waħda għandhom jirċievu l-istess protezzjoni bħal passiġġieri li jipprenotaw pakkett tal-ivvjaġġar, speċjalment minħabba li l-konsumaturi kulma jmur qegħdin dejjem iktar jipprenotaw it-titjiriet biss; jitlob għalhekk għall-armonizzazzjoni tal-ogħla standards fid-drittijiet tal-konsumatur fis-setturi tat-trasport, tal-akkomodazzjoni u tat-turiżmu;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri dwar l-aħjar mezz kif jiġi indirizzat l-għeluq tal-kumpaniji, filwaqt li tħeġġiġhom jistudjaw eżempji li jinsabu fid-dispożizzjonijiet legali sabiex, sa fejn ikun fattibbli, tiġi organizzata t-tfittxija għal xerrej sabiex l-impriżi jibqgħu għaddejjin, minkejja d-deċiżjoni tas-sidien oriġinali li jwaqqfu l-operazzjonijiet;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1.
(2) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.
(3) ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.
(4) ĠU C 355, 20.10.2017, p. 71.
(5) ĠU C 257 E, 6.9.2013, p. 1.
(6) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 42.
(7) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(8) ĠU C 93, 24.3.2017, p. 336.
(9) ĠU L 326, 11.12.2015, p. 1.
(10) Testi adottati, P8_TA(2018)0449.
(11) Testi adottati, P7_TA(2013)0005.
(12) ĠU C 440, 30.12.2015, p. 23.

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' April 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza