Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2114(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0021/2019

Testi mressqa :

A9-0021/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/11/2019 - 5.3
CRE 14/11/2019 - 5.3

Testi adottati :

P9_TA(2019)0053

Testi adottati
PDF 148kWORD 53k
Il-Ħamis, 14 ta' Novembru 2019 - Brussell
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni – EGF/2019/001 BE/Carrefour - Belġju
P9_TA(2019)0053A9-0021/2019
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2019/001 BE/Carrefour) (COM(2019)0442 – C9-0127/2019 – 2019/2114(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2019)0442 – C9-0127/2019),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0021/2019),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol; billi din l-għajnuna hija magħmula permezz ta' appoġġ finanzjarju mogħti lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li ħadmu għalihom;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u rapidu; billi dan il-każ jinvolvi grupp ta' età partikolarment vulnerabbli, li fih aktar minn 81 % tal-ħaddiema għandhom bejn il-55 u l-64 sena;

C.  billi l-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni EGF/2019/001 BE/Carrefour għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 751 sensja matul il-perjodu ta' referenza fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt in-NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 47 (Kummerċ bl-imnut, ħlief vetturi bil-mutur u muturi), bejn it-30 ta' Novembru 2018 u t-30 ta' Marzu 2019; billi 268 ħaddiem addizzjonali ngħataw is-sensja qabel jew wara l-perjodu ta' referenza; billi, skont il-Kummissjoni, tista' tiġi stabbilita rabta ta' kawżalità ċara mal-avveniment li wassal għas-sensji matul il-perjodu ta' referenza; billi l-ebda fond jew programm ieħor ma ġie użat b'rabta mal-fatti deskritti fl-applikazzjoni sottomessa mill-Belġju;

D.  billi l-applikazzjoni hi msejsa fuq il-kriterji ta' intervent tal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi aktar 'l isfel fil-katina ta' produzzjoni u / jew minn persuni li jaħdmu għal rashom u li l-attività tagħhom intemmet;

E.  billi skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, il-Belġju ddeċieda li jipprovdi wkoll servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG lil 330 żagħżugħ u żagħżugħa li huma barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEETs);

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati, u li l-Belġju għandu d-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 632 028 skont dan ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 2 720 047, liema spiża tinkludi n-nefqa għal servizzi personalizzati ta' EUR 2 665 047 u n-nefqa għall-attivitajiet ta' tħejjija, amministrazzjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta' EUR 55 000;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ppreżentaw l-applikazzjoni fl-20 ta' Ġunju 2019 u wara li l-Belġju ta informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fl-4 ta' Ottubru 2019 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata;

3.  Jinnota li l-Belġju beda joffri servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta' Diċembru 2018, għaldaqstant il-perjodu ta' eleġibbiltà għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se jkun mill-1 ta' Diċembru 2018 sal-20 ta' Ġunju 2021;

4.  Jinnota li l-Belġju, fil-25 ta' Jannar 2018, beda nefqa amministrattiva biex jimplimenta l-FEG u li n-nefqa fuq attivitajiet preparatorji, ta' ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar bejn il-25 ta' Jannar 2018 u l-20 ta' Diċembru 2021 għalhekk se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG;

5.  Ifakkar li d-disinn tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jantiċipa wkoll l-iżviluppi emerġenti tas-suq tax-xogħol, b'enfażi speċjali fuq il-bidla lejn ekonomija sostenibbli u bbażata fuq sorsi effiċjenti;

6.  Ifakkar li din hija l-14-il applikazzjoni tal-Belġju, u li dawk l-applikazzjonijiet koprew varjetà ta' setturi: vetturi, manifattura ta' metalli bażiċi, tessuti, makkinarju u tagħmir, ħġieġ u, f'dan il-każ, is-settur tal-bejgħ bl-imnut huwa kopert fil-Belġju għall-ewwel darba; ifakkar li s'issa din hija l-10 applikazzjoni tal-FEG li tkopri s-settur tal-bejgħ bl-imnut;

7.  Jirrikonoxxi li l-kummerċ bl-imnut għaddej minn perjodu ta' bidla kbira, minħabba l-globalizzazzjoni (il-kummerċ elettroniku, ix-xiri online), li jirriżulta f'sensji u li t-tibdil fix-xejriet fid-drawwiet tal-konsumaturi u d-diġitalizzazzjoni għandhom ukoll impatt fuq il-kummerċ bl-imnut; jenfasizza li s-sensji f'Carrefour Belgique SA ma jikkonċernawx direttament lill-industrija tal-ikel, iżda fil-biċċa l-kbira għandhom x'jaqsmu mal-kummerċ elettroniku ta' oġġetti, bħal kotba u tagħmir elettroniku; jinnota li dawn it-tipi ta' sensji jistgħu jiżdiedu aktar fil-futur minħabba d-diġitalizzazzjoni, problema li għandha tiġi kkunsidrata fid-diskussjonijiet futuri dwar il-FEG fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għas-snin 2021 sa 2027;

8.  Jemmen li l-globalizzazzjoni tirrappreżenta sfida għall-Unjoni; iqis, barra minn hekk, li l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u ta' qgħad ieħor jinvolvi l-ħolqien ta' opportunitajiet ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet fil-kumpaniji Ewropej; jistenna li Carrefour Belgique SA tiżgura d-djalogu soċjali ta' kwalità għolja meħtieġ mal-ħaddiema tagħha matul dan il-proċess;

9.  Jinnota li l-applikazzjoni tikkonċerna b'kollox 1 019 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn Carrefour Belgique SA, u li s-sensji kienu jikkonċernaw lill-Belġju kollu; jinnota, barra minn hekk, li l-Belġju jistenna li 400 biss mit-total ta' benefiċjarji eliġibbli se jipparteċipaw fil-miżuri (benefiċjarji fil-mira), jiġifieri l-ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-Wallonja peress li dawk is-sensji għandhom impatt negattiv partikolarment sinifikanti fuq is-sitwazzjoni tal-impjiegi u b'hekk fuq l-ekonomija reġjonali tal-Wallonja minħabba l-iskarsezza ta' impjiegi fir-reġjun, ir-rata relattivament għolja ta' qgħad u, b'konsegwenza ta' dan, id-diffikultajiet mistennija ta' riallokazzjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja, b'mod partikolari dawk li għandhom 50 sena jew aktar; ifakkar, f'dan ir-rigward, li r-rata tal-qgħad ta' 8,6 % fil-Wallonja hija konsiderevolment ogħla mir-rata tal-qgħad medja ta' 6,9 % fl-UE, li hija aktar mid-doppju tar-rata tal-qgħad ta' 3,5 % fir-reġjun Fjamming;

10.  Jinnota, barra minn hekk, li l-Belġju jipproponi servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG lil massimu ta' 330 żagħżugħ u żagħżugħa li jinsabu barra mill-impjieg, edukazzjoni, jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta' 25 sena fid-data ta' sottomissjoni tal-applikazzjoni, peress li 240 mis-sensji qed iseħħu fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 tal-Provinċja ta' Hainaut u l-Provinċja ta' Liège, li kellhom rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ ta' bejn il-15 u l-24 sena ta' mill-inqas 20 %, abbażi tad-data annwali disponibbli għall-2018;

11.  Jinnota li l-Belġju qiegħed jippjana ħames tipi ta' azzjonijiet għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li huma koperti minn din l-applikazzjoni:

   (i) Appoġġ/Gwida/Integrazzjoni,
   (ii) Taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali,
   (iii) Appoġġ lejn il-ħolqien tan-negozju,
   (iv) Kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju,
   (v) Benefiċċji; jenfasizza li, f'dan il-każ, ir-rilevanza tal-appoġġ, il-gwida u l-integrazzjoni, kif ukoll it-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid u t-taħriġ vokazzjonali hija evidenzjata mill-għadd ta' parteċipanti stmati (730 parteċipant stmat fl-ewwel azzjoni, 460 fit-tieni);

12.  Jenfasizza li n-NEETs se jkunu mħarrġa b'mod partikolari dwar kif jistgħu jfittxu u japplikaw għall-impjieg, u se jkunu infurmati aħjar dwar il-liġi tax-xogħol, id-drittijiet soċjali u l-appoġġ fil-proċeduri amministrattivi. Barra minn hekk, għandu jingħata benefiċċju ta' kull xahar ta' EUR 350 lill-ħaddiema u n-NEETs li jwettqu studji full-time ta' mill-inqas sena;

13.  Jilqa' l-fatt li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal fil-Belġju f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, b'mod partikolari mat-trade unions, mal-konsulenti vokazzjonali u mal-ħaddiema soċjali, sabiex jerġgħu jiġu kkunsidrati diversi soluzzjonijiet ta' riallokazzjoni adattati għall-ħtiġijiet ta' ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg;

14.  Jenfasizza li l-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

15.  Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tistax tissostitwixxi l-azzjonijiet li jkunu r-responsabbiltà tal-kumpaniji, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew tal-ftehimiet kollettivi, jew miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

16.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2019/001 BE/Carrefour

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li kienu jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)  Il-FEG ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (fi prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(3).

(3)  Fl-20 ta' Ġunju 2019, il-Belġju ppreżenta applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta' sensji f'Carrefour, Belgique SA. Din ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali mogħtija skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)  Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, il-Belġju ddeċieda li jipprovdi servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG lil 330 żagħżugħ u żagħżugħa li huma barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEETs) ukoll.

(5)  Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mmobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 1 632 028 għall-applikazzjoni ppreżentata mill-Belġju.

(6)  Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista' jkun, din id-deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni stabbilit għas-sena finanzjarja 2019, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 632 028 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni tapplika minn [data ta' adozzjoni ta' din id-deċiżjoni](4).

Magħmula fi ...,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(4)* Id-data trid tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Ġunju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza