Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2857(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0169/2019

Testi mressqa :

B9-0169/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/11/2019 - 5.5

Testi adottati :

P9_TA(2019)0055

Testi adottati
PDF 185kWORD 51k
Il-Ħamis, 14 ta' Novembru 2019 - Brussell
Fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 89788 (MON-89788-1)
P9_TA(2019)0055B9-0169/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 89788 (MON-89788-1), li jikkonsistu minn tali fażola tas-sojja jew li huma prodotti minnha skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D061871/04 – 2019/2857(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 89788 (MON-89788-1), li jikkonsistu minn tali fażola tas-sojja jew li huma prodotti minnha skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D061871/04),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 23(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tat-30 ta' April 2019, li fiha ma ngħatat ebda opinjoni, kif ukoll il-votazzjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-5 ta' Ġunju 2019, li fiha wkoll ma ngħatat ebda opinjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel fit-2 ta' Lulju 2008 u ppubblikata fil-11 ta' Lulju 2008(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni rigward it-tiġdid adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel fis-17 ta' Ottubru 2018, u ppubblikata fis-16 ta' Novembru 2018(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati ("OĠM")(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel;

A.  billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/933/KE(6) awtorizzat it-tqegħid fis-suq ta' ikel u għalf li fihom fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 89788 ("fażola tas-sojja MON 89788"), li jikkonsistu minn tali fażola tas-sojja jew li huma prodotti minnha;

B.  billi, fl-20 ta' Novembru 2017, id-detentur tal-awtorizzazzjoni, Monsanto Europe S.A./N.V., f'isem il-kumpanija Monsanto, ippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni, skont l-Artikoli 11 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tiġdid ta' dik l-awtorizzazzjoni;

C.  billi, fis-17 ta' Ottubru 2018, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli(7), li ġiet ippubblikata fis-16 ta' Novembru 2018, b'rabta mat-tiġdid ta' dik l-awtorizzazzjoni;

D.  billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jiddikjara li ikel jew għalf ġenetikament modifikat (ĠM) ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u jirrikjedi li l-Kummissjoni tikkunsidra kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħrajn li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha;

E.  billi l-fażola tas-sojja MON 89788 saret tolleranti għall-erbiċidi bbażati fuq il-glifosat; billi l-fażola tas-sojja MON 89788 ġiet żviluppata biex tipprovdi tolleranza għall-glifosat billi tesprimi l-proteina CP4 EPSPS(8);

Nuqqas ta' valutazzjoni tar-residwi u l-metaboliti tal-glifosat

F.  billi għadd ta' studji wrew li l-kultivazzjoni ta' għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi twassal għal użu akbar ta' dawk l-erbiċidi, fil-biċċa l-kbira minħabba l-emerġenza ta' ħaxix ħażin tolleranti għall-erbiċidi(9); billi, b'konsegwenza, għandu jkun mistenni li l-għelejjel tal-fażola tas-sojja MON 89788 ikunu esposti għal dożi kemm ogħla kif ukoll ripetuti ta' glifosat u dan l-esponiment potenzjalment iwassal għal kwantità ogħla ta' residwi fil-ħsad;

G.  billi għad hemm dubji dwar il-karċinoġeniċità tal-glifosat; billi, f'Novembru 2015, l-EFSA kkonkludiet li l-glifosat x'aktarx mhuwiex karċinoġeniku, filwaqt li, f'Marzu 2017, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) ikkonkludiet li ebda klassifikazzjoni ma kienet ġustifikata; billi, għall-kuntrarju, fl-2015, l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC), l-aġenzija speċjalizzata dwar il-kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, ikklassifikat il-glifosat bħala karċinoġenu possibbli għall-bnedmin; billi għadd ta' studji xjentifiċi reċenti bejn il-pari jikkonfermaw il-potenzjal karċinoġeniku tal-glifosat(10);

H.  billi fil-pjanti ĠM, tista' tkun il-ġenetika mmodifikata nnifisha li tiddetermina l-mod li erbiċidi komplementari jiddekomponu skont il-pjanta, kif ukoll il-kompożizzjoni u għalhekk it-tossiċità tal-prodotti ta' dekompożizzjoni ("metaboliti")(11); billi, skont l-EFSA, id-data tossikoloġika li tippermetti li titwettaq valutazzjoni tar-riskju għall-konsumaturi għal diversi prodotti ta' dekompożizzjoni tal-glifosat rilevanti għall-għelejjel ĠM tolleranti għall-glifosat hija nieqsa(12);

Nuqqas ta' livelli massimi ta' residwi u kontrolli relatati

I.  billi, skont ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(13), li għandu l-għan li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, għandhom jiġu stabbiliti livelli massimi ta' residwi (MRLs) speċifiċi għall-ikel u l-għalf prodotti f'pajjiżi terzi, meta l-użu tal-pestiċidi jirriżulta f'livelli ta' residwi differenti minn dawk li jirriżultaw minn prattiki agrikoli fl-Unjoni(14); billi dan huwa fil-fatt il-każ għall-għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi impurtati, minħabba ż-żieda fl-ammonti ta' erbiċidi użati fir-rigward tal-għelejjel mhux ĠM;

J.  billi, madankollu, skont rieżami tal-EFSA tal-2018 tal-MRLs eżistenti għall-glifosat, id-data disponibbli ma kinitx biżżejjed biex jiġu derivati l-MRLs u l-valuri tal-valutazzjoni tar-riskju għall-glifosat b'rabta ma' għadd ta' għelejjel ĠM, inkluża l-fażola tas-sojja b'modifika EPSPS(15);

K.  billi l-valutazzjoni tar-residwi ta' erbiċidi u tal-metaboliti tagħhom misjuba fi pjanti ĠM hija kkunsidrata li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati u għalhekk ma titwettaqx bħala parti mill-proċess ta' awtorizzazzjoni għall-OĠM;

L.  billi bosta awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri identifikaw in-nuqqas ta' analiżi tar-residwi tal-erbiċidi fuq l-għelejjel ĠM bħala tħassib fil-kummenti tagħhom dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-EFSA(16);

Rimarki oħrajn

M.  billi bosta Stati Membri esprimew tħassib dwar il-kwalità tal-pjan ta' monitoraġġ ambjentali wara t-tqegħid fis-suq, filwaqt li ddikjaraw, inter alia, li ma jissodisfax għalkollox l-objettivi stabbiliti fl-Anness VII tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(17) jew in-noti ta' gwida supplimentari rilevanti; L-Istati Membri kkummentaw ukoll b'mod ġenerali li l-monitoraġġ tal-fażola tas-sojja MON 89788 huwa inadegwat, ma jipprovdi ebda data soda li tappoġġja l-konklużjoni li ma kien hemm ebda effett negattiv fuq is-saħħa jew l-ambjent fir-rigward tal-importazzjoni u l-użu tal-fażola tas-sojja MON 89788 u ma jipprovdix lezzjonijiet rilevanti għas-sikurezza tal-użu tiegħu għall-konsum mill-annimali jew mill-bniedem(18);

N.  billi l-EFSA, b'reazzjoni għall-kummenti tal-Istati Membri, ripetutament iddikjarat li tqis li hemm bżonn ta' aktar diskussjoni bejn l-applikanti u l-Kummissjoni bħala maniġer tar-riskju dwar l-implimentazzjoni prattika tal-monitoraġġ ambjentali wara t-tqegħid fis-suq għal pjanti ĠM għall-importazzjoni u l-ipproċessar;

O.  billi l-grupp ta' ħidma dwar il-bijoteknoloġija tal-Aġenzija Franċiża għas-Sikurezza tal-Ikel, l-Ambjent u s-Saħħa (ANSES) jiddikjara li, peress li l-analiżi tal-letteratura li saret mill-applikant għal studji xjentifiċi ppubblikati minn mindu saret l-ewwel awtorizzazzjoni tal-fażola tas-sojja MON 89788 kienet restrittiva wisq, ma jistax jasal għal konklużjoni dwar is-sikurezza tal-fażola tas-sojja MON 89788;

P.  billi meta tiġi kkultivata f'pajjiżi bħall-Brażil u l-Arġentina, il-fażola tas-sojja ĠM tkun mutur ewlieni ta' deforestazzjoni fuq skala kbira; billi dan l-aspett, flimkien mal-obbligi tal-Unjoni skont l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u miri internazzjonali oħra dwar il-bijodiversità, ma ġiex ikkunsidrat fil-proċess ta' awtorizzazzjoni;

Teħid ta' deċiżjonijiet mhux demokratiku

Q.  billi l-votazzjoni fit-30 ta' April 2019 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ma tat ebda opinjoni, li jfisser li l-awtorizzazzjoni ma kinitx appoġġjata minn maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri; billi anki l-votazzjoni tal-5 ta' Ġunju 2019 tal-Kumitat tal-Appell ma tat ebda opinjoni;

R.  billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-fatt li d-deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni tal-OĠM għadhom jiġu adottati mill-Kummissjoni mingħajr maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur, li huwa verament l-eċċezzjoni għall-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti b'mod ġenerali iżda sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet ta' ikel u għalf ĠM, huwa problematiku(19); billi l-President tal-Kummissjoni diversi drabi ddeplora din il-prattika bħala waħda li mhijiex demokratika(20);

S.  billi, fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament Ewropew adotta total ta' 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għat-tqegħid fis-suq tal-OĠM għall-ikel u għall-għalf (33 riżoluzzjoni) u għall-kultivazzjoni tal-OĠM fl-Unjoni (tliet riżoluzzjonijiet); billi ma kienx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur l-awtorizzazzjoni ta' kwalunkwe wieħed minn dawk l-OĠM; billi minkejja r-rikonoxximent tagħha stess tan-nuqqasijiet demokratiċi, tan-nuqqas ta' appoġġ mill-Istati Membri u tal-oġġezzjonijiet tal-Parlament, il-Kummissjoni qed tkompli tawtorizza OĠM;

T.  billi ma hija meħtieġa ebda bidla fil-liġi biex il-Kummissjoni tkun tista' ma tawtorizzax OĠM meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur fil-Kumitat tal-Appell(21);

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhuwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(22), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward tal-ikel u l-għalf ĠM, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa umana, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, u l-interessi tal-ambjent u tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.  Itenni l-impenn tiegħu li jmexxi 'l quddiem il-ħidma fuq il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011; jistieden lill-Kunsill imexxi 'l quddiem il-ħidma tiegħu fir-rigward ta' dik il-proposta tal-Kummissjoni b'urġenza;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni, sadanittant, ma tibqax tawtorizza OĠM meta ma tingħata ebda opinjoni mill-Istati Membri fil-Kumitat tal-Appell, kemm għall-kultivazzjoni kif ukoll għall-ikel u l-għalf, skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizzax għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi sakemm ir-riskji għas-saħħa assoċjati mar-residwi jkunu ġew investigati b'mod komprensiv fuq bażi ta' każ b'każ, li jirrikjedi valutazzjoni sħiħa tar-residwi mill-bexx tal-għelejjel ĠM b'erbiċidi komplementari, il-metaboliti tagħhom u kwalunkwe effett kombinatorju;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra għalkollox il-valutazzjoni tar-riskju tal-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari u r-residwi tagħhom fil-valutazzjoni tar-riskju tal-pjanti ĠM tolleranti għall-erbiċidi, irrispettivament minn jekk il-pjanta ĠM tkunx maħsuba għall-kultivazzjoni fl-Unjoni jew għall-importazzjoni fl-Unjoni biex tintuża għall-ikel u l-għalf;

8.  Itenni t-tħassib qawwi tiegħu li d-dipendenza għolja tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet ta' għalf tal-annimali fil-forma ta' fażola tas-sojja tikkawża d-deforestazzjoni f'pajjiżi terzi u jfakkar li l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU jistgħu jinkisbu biss jekk il-ktajjen tal-provvista jsiru sostenibbli u jinħolqu sinerġiji bejn il-politiki(23);

9.  Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizzax l-importazzjoni tal-fażola tas-sojja ĠM dment li ma jkunx jista' jintwera biċ-ċar li l-kultivazzjoni tagħha ma kkontribwietx, direttament jew indirettament, għad-deforestazzjoni;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tittratta l-obbligi tal-Unjoni skont ftehimiet internazzjonali, bħall-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, bħala "dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni" u/jew "fatturi leġittimi" skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, u tagħtihom l-importanza li jistħoqqu, kif ukoll tikkomunika dwar kif tqiesu fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) Opinion of the Scientific Panel on Genetically Modified Organisms on application (reference EFSA-GMO-NL-2006-36) for the placing on the market of the glyphosate tolerant genetically modified soybean MON89788, for food and feed uses, import and processing under Regulation (EC) No 1829/2003 from Monsanto, (Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati dwar applikazzjoni (referenza EFSA-GMO-NL-2006-36) għat-tqegħid fis-suq tal-fażola tas-sojja MON89788 tolleranti għall-glufosinat u ġenetikament modifikata, għall-użu tal-ikel u l-għalf, l-importazzjoni u l-ipproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 minn Monsanto), EFSA Journal (2008) 758, p. 1-23, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2008.758
(4) Scientific opinion on the Assessment of genetically modified soybean MON 89788 for renewal of authorisation under Regulation (EC) No 1829/2003 (application EFSA‐GMO‐RX‐011), (Opinjoni xjentifika dwar il-Valutazzjoni tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 89788 għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (applikazzjoni EFSA-GMO-RX-011)), EFSA Journal 2018;16(11):5468, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2018.5468
(5)——— Fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament Ewropew adotta 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni tal-OĠM. Barra minn hekk, fid-disa' leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta r-riżoluzzjonijiet li ġejjin:Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat MZHG0JG (SYN-ØØØJG-2), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0028).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata A2704-12 (ACS-GMØØ5-3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0029).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 89034 × 1507 × MON 88017 × 59122 × DAS-40278-9, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina żewġ, tlieta jew erba' mill-eventi uniċi MON 89034, 1507, MON 88017, 59122 u DAS-40278-9 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0030).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/933/KE tal-4 ta' Diċembru 2008 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew prodotti mis-sojja modifikata ġenetikament MON89788 (MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 333, 11.12.2008, p. 7).
(7) Scientific opinion on the Assessment of genetically modified soybean MON 89788 for renewal of authorisation under Regulation (EC) No 1829/2003 (application EFSA‐GMO‐RX‐011), (Opinjoni xjentifika dwar il-Valutazzjoni tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 89788 għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (applikazzjoni EFSA-GMO-RX-011)), EFSA Journal 2018;16(11):5468, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2018.5468
(8) Opinjoni inizjali tal-EFSA, p. 1.
(9) Ara, pereżempju, Bonny, S., "Genetically Modified Herbicide-Tolerant Crops, Weeds, and Herbicides: Overview and Impact" (Għelejjel Ġenetikament Modifikati Tolleranti għall-Erbiċidi), Environmental Management, Jannar 2016, 57(1), p. 31-48, https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pubmed/26296738 u Benbrook, C.M., "Impacts of genetically engineered crops on pesticide use in the U.S. – the first sixteen years" (L-impatti ta' għelejjel ġenetikament modifikati fuq l-użu tal-pestiċidi fl-Istati Uniti – l-ewwel sittax-il sena), Environmental Sciences Europe, 28 ta' Settembru 2012, Vol 24(1), https://enveurope.springeropen.com/articles/10.1186/2190-4715-24-24
(10) Ara, pereżempju, https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/S1383574218300887, https://academic.oup.com/ije/advance-article/doi/10.1093/ije/dyz017/5382278, https://journals.plos.org/plosone/article?id=10.1371/journal.pone.0219610, and https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC6612199/
(11) Dan huwa fil-fatt il-każ għall-glifosat, kif iddikjarat fl-EFSA Review of the existing maximum residue levels for glyphosate according to Article 12 of Regulation (EC) No 396/2005 (Rieżami tal-EFSA tal-livelli massimi ta' residwi eżistenti għall-glifosat skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005), EFSA Journal 2018;16(5):5263, p. 12, https://www.efsa.europa.eu/fr/efsajournal/pub/5263
(12) EFSA conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance glyphosate (Konklużjoni tal-EFSA dwar ir-rieżami bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva tal-glifosat), EFSA Journal 2015; 13(11):4302, p. 3, https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4302
(13) Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).
(14) Ara l-premessa 26 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005.
(15) Reasoned Opinion on the review of the existing maximum residue levels for glyphosate according to Article 12 of Regulation (EC) No 396/2005 (Opinjoni Motivata dwar ir-rieżami tal-livelli massimi ta' residwi eżistenti għall-glifosat skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005), EFSA Journal 2018; 16(5):5263, p. 4. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2018.5263
(16) Il-kummenti tal-Istati Membri dwar il-fażola tas-sojja MON 89788 jistgħu jkunu kkonsultati fir-reġistru tal-mistoqsijiet tal-EFSA: http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/login?
(17) Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1: Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15 Volum 006 P. 77).
(18) Il-kummenti tal-Istati Membri dwar il-fażola tas-sojja MON 89788 jistgħu jkunu kkonsultati fir-reġistru tal-mistoqsijiet tal-EFSA: http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/login?
(19) Ara, pereżempju, il-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni ppreżentata fit-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 rigward il-possibbiltà li l-Istati Membri jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta' ikel u għalf ĠM fit-territorju tagħhom, u l-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni ppreżentata fl-14 ta' Frar 2017 li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011.
(20) Ara, pereżempju, id-Dikjarazzjoni Inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, 15 ta' Lulju 2014), jew fid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 (Strasburgu, 14 ta' Settembru 2016).
(21) Il-Kummissjoni "tista'", u mhux "għandha", tmexxi bl-awtorizzazzjoni jekk ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur fil-Kumitat tal-Appell, skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 (l-Artikolu 6(3)).
(22) Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).
(23) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-ġestjoni trasparenti u responsabbli tar-riżorsi naturali fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw: il-każ tal-foresti (Testi adottati, P8_TA(2018)0333), il-paragrafu 67.

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Ġunju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza