Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2019 dwar il-kriminalizzazzjoni tal-edukazzjoni sesswali fil-Polonja (2019/2891(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (Konvenzjoni ta' Istanbul), li nfetħet għall-iffirmar fil-11 ta' Mejju 2011,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali (Konvenzjoni ta' Lanzarote) tal-25 ta' Ottubru 2007,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC) tal-20 ta' Novembru 1989,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "il-Karta"),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing + 5 (2005), Beijing + 15 (2010) u Beijing + 20 (2015),
– wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) tal-1994 li kienet saret fil-Kajr u l-programm ta' azzjoni tagħha,
– wara li kkunsidra l-Gwida Teknika Internazzjonali tal-UNESCO għall-Edukazzjoni Sesswali, tal-2018,
– wara li kkunsidra l-Gwida Operazzjonali tal-2014 għall-Edukazzjoni Komprensiva dwar is-Sesswalità tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni (UNFPA),
– wara li kkunsidra l-Istandards għall-Edukazzjoni dwar is-Sesswalità fl-Ewropa żviluppati mill-Uffiċċju Reġjonali għall-Ewropa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u miċ-Ċentru Federali Ġermaniż għall-Edukazzjoni tas-Saħħa,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa tal-4 ta' Diċembru 2017 bit-titolu "Women's sexual and reproductive health and rights in Europe"' (Is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa fl-Ewropa),
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) tal-20 ta' Ġunju 2017 fil-kawża Bayev et al. vs ir-Russja,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija(1), u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal(2),
– wara li kkunsidra "l-istħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-persuni leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru", ippubblikat mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) fl-2019,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Polonja, u, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu adottata fil-15 ta' Novembru 2017 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija fil-Polonja(3),
– wara li kkunsidra r-rapport ta' missjoni tal-10 ta' Lulju 2017 tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi wara l-missjoni tiegħu fil-Polonja mit-22 sal-24 ta' Mejju 2017,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' missjoni tat-3 ta' Diċembru 2018 tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern wara li ntbagħtet delegazzjoni ad hoc fil-Polonja dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt (mid-19 sal-21 ta' Settembru 2018),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE(4),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fis-17 ta' Lulju 2019, inizjattiva taċ-ċittadini għal liġi li temenda l-Artikolu 200b tal-Kodiċi Penali Pollakk ġiet ippreżentata lis-Sejm permezz tal-inizjattiva "Stop Pedofilii" (Stop għall-Pedofelija);
B. billi fil-15 ta' Ottubru 2019, wara l-elezzjoni parlamentari u wara li reġgħet bdiet sessjoni parlamentari sospiża, is-Sejm iddibatta l-abbozz ta' liġi fl-ewwel qari u, permezz ta' vot fis-16 ta' Ottubru 2019, warrab proposta għar-rifjut tal-abbozz ta' liġi; billi l-kunsiderazzjoni leġiżlattiva tal-abbozz ta' liġi mistennija terġa' tibda wara s-sessjoni ta' ftuħ tas-Sejm li għadu kif ġie elett fit-12 ta' Novembru 2019;
C. billi l-iskop allegat tal-abbozz ta' liġi huwa li jemenda l-liġijiet eżistenti dwar il-prevenzjoni u t-trattament tal-pedofelija; billi l-fatt li l-għoti liż-żgħażagħ ta' edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità qed jiġi allegat li jikkostitwixxi l-promozzjoni tal-pedofelija huwa sitwazzjoni allarmanti, sgwidata u ta' detriment;
D. billi d-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-abbozz ta' liġi jiddisponu li kwalunkwe persuna li tapprova jew tippromwovi pubblikament li l-minorenni jwettqu konġunġiment karnali tiġi soġġetta għal piena ta' mhux aktar minn sentejn ħabs;
E. billi d-dispożizzjonijiet ta' hawn fuq japplikaw ukoll għall-każijiet fejn tintuża l-komunikazzjoni tal-massa biex jiġi promoss jew approvat li l-minorenni jwettqu konġunġiment karnali jew attività sesswali oħra, u fil-kuntest ta' professjonijiet relatati mal-edukazzjoni, it-trattament jew il-kura jew il-kustodja tal-minorenni, b'piena ta' mhux aktar minn tliet snin ħabs; billi saru proposti biex din il-piena tiżdied għal ħames snin;
F. billi tali dispożizzjonijiet effettivament jikkriminalizzaw l-għoti ta' edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità lill-minorenni bl-iskuża tal-prevenzjoni tal-pedofelija, sitwazzjoni li jkollha impatt fuq, inter alia, l-edukaturi, l-attivisti, il-fornituri tal-kura tas-saħħa, il-psikologi, il-pubblikaturi u l-ġurnalisti u saħansitra l-ġenituri jew il-kustodji legali;
G. billi l-prinċipju kostituzzjonali tal-proporzjonalità jimplika li l-leġiżlaturi ma għandhomx id-diskrezzjoni assoluta li jistabbilixxu regoli tad-dritt kriminali u li d-dritt kriminali għandu jintuża biss bħala miżura tal-aħħar istanza, b'konformità mal-prinċipju tal-ultima ratio; billi dan l-abbozz ta' liġi jikser dak il-prinċipju;
H. billi l-Polonja rratifikat il-Konvenzjoni ta' Istanbul, il-Konvenzjoni ta' Lanzarote, is-CEDAW u s-CRC, u hija obbligata, skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, tipprovdi aċċess għal edukazzjoni u informazzjoni komprensivi dwar is-sesswalità, inkluż dwar ir-riskji tal-isfruttament u l-abbuż sesswali, u tisfida l-kunċetti tal-istereotipi tas-sessi fis-soċjetà;
I. billi l-forniment ta' xi forma ta' edukazzjoni dwar is-sesswalità u s-saħħa diġà huwa mandatarju f'20 Stat Membru; billi xi Stati Membri, inkluża l-Polonja, naqsu milli jikkonformaw mal-Istandards għall-Edukazzjoni dwar is-Sesswalità fl-Ewropa żviluppati mid-WHO;
J. billi l-edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità hija proċess ta' tagħlim u apprendiment ibbażat fuq il-kurrikulu dwar l-aspetti konjittivi, emozzjonali, fiżiċi u soċjali tas-sesswalità, u għandha l-għan li tarma lit-tfal u liż-żgħażagħ bl-għarfien, il-ħiliet, l-attitudnijiet u l-valuri li jagħtuhom is-setgħa biex jissalvagwardjaw is-saħħa, il-benesseri u d-dinjità tagħhom; billi l-edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità tippermetti li t-tfal u ż-żgħażagħ jiżviluppaw relazzjonijiet soċjali u sesswali rispettużi filwaqt li jikkunsidraw kif l-għażliet tagħhom jaffettwaw il-benesseri tagħhom stess u dak tal-oħrajn; billi dan jippermetti wkoll li t-tfal u ż-żgħażagħ jifhmu l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom matul ħajjithom kollha u jiżgurawhom;
K. billi l-għoti ta' edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità huwa wieħed mill-istrumenti ewlenin biex jitwettqu għalkollox l-impenji tal-25 anniversarju tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD25), jiġifieri żero każijiet li fihom ma tkunx ġiet issodisfata l-ħtieġa ta' ppjanar tal-familja, żero mwiet materni prevenibbli, żero vjolenza sessista u żero prattiki dannużi kontra n-nisa, il-bniet u ż-żgħażagħ;
L. billi, skont il-Karta, il-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa hija relatata ma' diversi drittijiet tal-bniedem, inklużi d-dritt għall-ħajja u għad-dinjità, il-libertà mit-trattament inuman u degradanti, id-dritt ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, id-dritt għall-privatezza, id-dritt għall-edukazzjoni u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, kif huwa rifless ukoll fil-Kostituzzjoni Pollakka;
M. billi l-abbozz ta' liġi jista' jitqies tentattiv ieħor biex jiġu limitati d-drittijiet sesswali u riproduttivi fil-Polonja f'dawn l-aħħar snin; billi t-tentattiv biex ikompli jiġi limitat id-dritt għall-abort twaqqaf fl-2018 bħala riżultat tal-oppożizzjoni tal-massa minn ċittadini Pollakki kif espress fil- mixjiet tal-'Jum il-Ġimgħa l-Iswed";
N. billi l-QEDB indikat li fi kwistjonijiet sensittivi, bħal waqt id-diskussjoni pubblika fuq l-edukazzjoni dwar is-sesswalità, li fihom il-fehmiet tal-ġenituri, il-politiki edukattivi u d-dritt tal-partijiet terzi għal-libertà tal-espressjoni jridu jkunu bbilanċjati, l-awtoritajiet ma għandhom l-ebda għażla ħlief li jirrikorru għall-kriterji tal-oġġettività, il-pluraliżmu, il-preċiżjoni xjentifika u, fl-aħħar mill-aħħar, l-utilità ta' tip partikolari ta' informazzjoni għall-udjenza żagħżugħa;
O. billi ħafna tfal u adolexxenti qed jieħdu l-ewwel tgħalim tagħhom dwar ir-relazzjonijiet intimi mill-pornografija, speċjalment online, u mill-messaġġi konfliġġenti tal-pari tagħhom; billi f'dan il-kuntest, l-edukazzjoni dwar is-sesswalità ssir saħansitra aktar essenzjali sabiex jiġu fornuti l-għodod meħtieġa biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jinnavigaw b'mod sikur l-internet u l-midja soċjali u biex ma jisfgħux vittmi ta' grooming online, biex ikunu jistgħu jagħmlu sens mill-kontenut li jaraw, u jidentifikaw l-informazzjoni bbażata fuq il-fatti u l-preżenza tal-istereotipi tas-sessi u s-sessiżmu;
P. billi l-minorenni jistgħu jħabbtu wiċċhom ma' ostakli biex ikollhom aċċess għall-kontraċezzjoni, bħalma huma liġijiet u politiki restrittivi dwar il-forniment ta' kontraċettivi, flimkien ma' nuqqas ta' għarfien; billi anke meta l-adolexxenti jkunu jistgħu jiksbu l-kontraċettivi, jista' jkun li huma jinżammu milli jagħmlu dan minħabba l-istigma marbuta mal-attività sesswali barra miż-żwieġ u/jew l-użu tal-kontraċezzjoni, il-biża' tal-effetti sekondarji, jew in-nuqqas ta' għarfien dwar l-użu korrett tal-kontraċettivi; billi skont il-liġi Pollakka dwar l-età tal-kunsens, l-adolexxenti ta' 'l fuq minn 15-il sena huma legalment kompetenti li jagħtu l-kunsens tagħhom għal atti sesswali; billi huma xorta jeħtieġu l-kunsens tal-kustodju tagħhom sabiex jirċievu riċetta għall-kontraċettivi;
Q. billi l-vjolenza sesswali hija mifruxa ħafna u taffettwa lill-minorenni b'mod partikolari, u għandha tinqered; billi t-tqala fost l-adolexxenti għadha kwistjoni soċjali ewlenija u tista' tikkontribwixxi għall-mortalità materna u tat-tfal; billi l-edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità tgħin biex jiżżarmaw l-istereotipi tas-sessi u biex tiġi prevenuta l-vjolenza sessista;
1. Ifakkar li s-saħħa sesswali hija fundamentali għas-saħħa u l-benesseri ġenerali tal-individwi, il-koppji u l-familji, l-istess kif inhi għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-komunitajiet u l-pajjiżi, u li l-aċċess għas-saħħa, inkluża s-saħħa sesswali u riproduttiva, huwa dritt tal-bniedem;
2. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar id-dispożizzjonijiet estremament vagi, wiesgħa u sproporzjonati fl-abbozz ta' liġi, li de facto jfittex li jikkriminalizza t-tixrid tal-edukazzjoni dwar is-sesswalità għall-minorenni u li l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu huwa potenzjalment ta' theddida għall-persuni kollha u b'mod partikolari għall-edukaturi fil-qasam tas-sesswalità, inklużi l-għalliema, il-fornituri tal-kura tas-saħħa, l-awturi, il-pubblikaturi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti u l-ġenituri jew il-kustodji legali, b'massimu ta' tliet snin ħabs għat-tagħlim dwar is-sesswalità tal-bniedem, is-saħħa u r-relazzjonijiet intimi; għadu mħasseb li dan l-abbozz ta' liġi se jkollu effett dissważiv fuq l-edukaturi u li wieħed mill-ostakli ewlenin għall-edukazzjoni dwar is-sesswalità huwa l-fatt li l-edukaturi ma jkunux appoġġati;
3. Itenni bil-qawwa li l-aċċess għal informazzjoni komprensiva dwar is-sess u s-sesswalità adattata skont l-età u l-aċċess għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi l-edukazzjoni dwar is-sesswalità, l-ippjanar tal-familja, il-metodi ta' kontraċezzjoni u l-abort sikur u legali, huma essenzjali għall-ħolqien ta' approċċ pożittiv u rispettuż lejn is-sesswalità u r-relazzjonijiet sesswali, flimkien mal-possibbiltà ta' esperjenzi sesswali sikuri, mingħajr koerċizzjoni, diskriminazzjoni u vjolenza; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jintroduċu edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet adattata skont l-età għaż-żgħażagħ fl-iskejjel;
4. Ifakkar li edukazzjoni bħal din hija parti neċessarja mill-kurrikulu skolastiku ħalli jiġu ssodisfati l-istandards tad-WHO biex l-Ewropa teduka u tipproteġi liż-żgħażagħ; jafferma li tali edukazzjoni għandha tinkludi suġġetti bħall-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni sesswali, ir-relazzjonijiet u l-kunsens affermattiv, u informazzjoni dwar eżiti negattivi jew kundizzjonijiet bħall-infezzjonijiet trażmessi sesswalment (STIs) u l-HIV, it-tqala mhux intenzjonata, il-vjolenza sesswali u l-prattiki li jagħmlu l-ħsara bħalma huma l-grooming u l-mutilazzjoni ġenitali femminili;
5. Ifakkar li l-edukazzjoni, minbarra li hija dritt fundamentali fiha nfisha, hija prekundizzjoni għat-tgawdija ta' drittijiet u libertajiet fundamentali oħra kif garantiti skont il-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), mill-Kostituzzjoni Pollakka u mill-Karta; jenfasizza li minflok ma jipproteġi liż-żgħażagħ, in-nuqqas ta' informazzjoni u edukazzjoni dwar is-sess u s-sesswalità jqiegħed f'riskju s-sikurezza u l-benesseri taż-żgħażagħ peress li jħallihom aktar vulnerabbli u inqas armati biex jidentifikaw l-isfruttament sesswali, l-abbuż u l-vjolenza, inklużi l-vjolenza domestika u l-forom online ta' abbuż bħall-vjolenza ċibernetika, il-fastidju online u l-pornografija b'vendetta; jemmen li l-edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità għandha wkoll impatt pożittiv fuq l-eżiti tal-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż billi tittrasforma n-normi dannużi tas-sessi u tal-attitudnijiet lejn il-vjolenza sessista, tgħin biex jiġu prevenuti l-vjolenza bejn is-sħab intimi u l-koerċizzjoni sesswali, tikser is-silenzju li hemm madwar il-vjolenza sesswali, l-isfruttament sesswali jew l-abbuż, u tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ ifittxu l-għajnuna;
6. Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni dwar is-saħħa u s-sesswalità, b'mod partikolari għall-bniet u ż-żgħażagħ LGBTI, li huma partikolarment milquta minn normi inġusti tas-sessi; jenfasizza li tali edukazzjoni trid tinkludi t-tagħlim taż-żgħażagħ dwar ir-relazzjonijiet abbażi tal-ugwaljanza bejn is-sessi, il-kunsens u r-rispett reċiproku bħala mod kif jiġu prevenuti u miġġielda l-istereotipi tas-sessi, l-omofobija, it-transfobija u l-vjolenza sessista; jinnota li l-edukazzjoni dwar is-sesswalità ma twassalx għal attività sesswali aktar bikrija;
7. Ifakkar li l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/93/UE jistieden lill-Istati Membri, inkluża l-Polonja, jieħdu l-miżuri xierqa mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili sabiex joħolqu sensibilizzazzjoni u jnaqqsu r-riskju li t-tfal jisfgħu vittmi ta' abbuż sesswali jew ta' sfruttament sesswali;
8. Jirrikonoxxi r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili fil-forniment tal-edukazzjoni dwar is-sesswalità; jitlob li jkun hemm finanzjament adegwat disponibbli għall-organizzazzjonijiet ikkonċernati permezz ta' strumenti ta' finanzjament differenti fil-livell tal-UE, bħall-programm Drittijiet u Valuri tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021 – 2027, u proġetti pilota oħra tal-UE li jista' jkollhom impatt f'dan il-qasam;
9. Jikkundanna l-iżviluppi li seħħew dan l-aħħar fil-Polonja li kienu maħsuba biex jagħtu informazzjoni ħażina, jistigmatizzaw u jipprojbixxu l-edukazzjoni dwar is-sesswalità, u b'mod partikolari l-kontenut aħrax, mhux xieraq u żbaljat tal-ġustifikazzjoni li għaliha jiddisponi l-abbozz ta' liġi; jistieden lill-Parlament Pollakk iżomm lura milli jadotta l-abbozz ta' liġi propost u jistiednu wkoll jiżgura li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess għal edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità u li dawk li jipprovdu tali edukazzjoni u informazzjoni jiġu appoġġati biex jagħmlu dan b'mod fattwali u oġġettiv;
10. Jistieden lill-Kunsill jindirizza din il-kwistjoni u allegazzjonijiet oħra ta' ksur tad-drittijiet fundamentali fil-Polonja fil-kuntest tas-seduti ta' smigħ tiegħu li qed isiru bħalissa dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja, b'konformità mal-Artikolu 7(1) tat-TUE;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Polonja u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.