Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2019 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Greċja (COM(2019)0496 – C9-0144/2019 – 2019/2137(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2019)0496 – C9-0144/2019),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9‑0040/2019),
1. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni bħala sinjal ta' solidarjetà tal-UE maċ-ċittadini tal-UE u mar-reġjuni milquta minn diżastri naturali;
2. Ifakkar li l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ("il-Fond") għandu l-għan li jirrispondi malajr u b'mod effiċjenti għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza bħala espressjoni ta' solidarjetà; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-proċeduri interni għar-rilaxx finali tal-għajnuna finanzjarja permezz tal-Fond m'għandhomx iwasslu għal xi tip ta' dewmien, minħabba li d-diżastri naturali normalment jikkawżaw ħsara estensiva li tinterferixxi serjament mal-ħajja ta' kuljum tan-nies u mal-ekonomiji lokali;
3. Jinnota li, skont il-memorandum ta' spjegazzjoni tal-Kummissjoni, EUR 265 252 381 mill-allokazzjoni għall-Fond baqgħu ma ntużawx fl-2018 u ġew riportati u li jibqa' disponibbli l-ammont ta' EUR 557 530 278 għall-2019;
4. Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li tingħata assistenza finanzjarja mill-Fond lir-reġjuni kollha fl-Unjoni milquta minn diżastri naturali fl-2019;
5. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
6. Jenfasizza l-ħtieġa li l-ammont li jifdal jiġi rilaxxat mill-aktar fis possibbli u f'perjodu ta' żmien raġonevoli, peress li l-operazzjonijiet ta' rkupru fi Kreta jeħtieġ jiġu konklużi immedjatament minħabba kundizzjonijiet severi tat-temp li għandhom it-tendenza li jseħħu dejjem aktar ta' spiss fi Kreta u f'reġjuni oħra tal-Greċja;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.