Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2927(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0193/2019

Dibattiti :

PV 28/11/2019 - 3.1
CRE 28/11/2019 - 3.1

Votazzjonijiet :

PV 28/11/2019 - 8.1

Testi adottati :

P9_TA(2019)0072

Testi adottati
PDF 149kWORD 49k
Il-Ħamis, 28 ta' Novembru 2019 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni tal-libertajiet fl-Alġerija
P9_TA(2019)0072RC-B9-0193/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar is-sitwazzjoni tal-libertajiet fl-Alġerija (2019/2927(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Alġerija, b'mod partikolari dik tat-30 ta' April 2015 dwar il-priġunerija tal-ħaddiema u attivisti tad-drittijiet ta' bniedem fl-Alġerija(1), u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Marzu 2019 intitolata "Wara r-Rebbiegħa Għarbija: It-triq 'il quddiem għar-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq (MENA)"(2),

–  wara li kkunsidra l-aġġornament dwar il-pajjiż tal-Alġerija fir-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2018, adottat mill-Kunsill Ewropew fit-18 ta' Marzu 2019,

–  wara li kkunsidra l-11-il sessjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Alġerija tal-14 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra t-tielet Rieżami Perjodiku Universali (UPR) dwar l-Alġerija, adottat mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fis-36 sessjoni tiegħu fil-21 u t-22 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-prijoritajiet kondiviżi ta' sħubija adottati skont il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) riveduta mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija u l-Unjoni Ewropea fit-13 ta' Marzu 2017, li jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tar-reviżjoni kostituzzjonali u l-appoġġ tal-UE għall-progress tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fl-Alġerija,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Alġerija(3) u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, li jistipula li r-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem iridu jikkostitwixxu element essenzjali tal-ftehim u jispiraw il-politiki interni u internazzjonali tal-partijiet fih,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Alġerija, kif riveduta fis-7 ta' Frar 2016, u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 34, 35, 36, 39, 41, 42, 48 u 54 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dwar il-piena tal-mewt, dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, dwar il-libertà ta' espressjoni online u offline, u dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni l-ġodda tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, li għandu l-għan li jqiegħed il-protezzjoni u s-sorveljanza tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-politiki kollha tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew tat-Twemmin,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Liġi Alġerina 12-06 dwar l-assoċjazzjonijiet u l-Ordinanza 06-03 li tirregola l-qima reliġjuża mhux Musulmana,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Alġerija hija ġar qrib u sieħba ewlenija tal-Unjoni Ewropea u tar-reġjun tal-Afrika ta' Fuq;

B.  billi, fis-16 ta' Frar 2019, għaxart ijiem wara li Abdelaziz Bouteflika ħabbar il-kandidatura tiegħu għall-ħames mandat presidenzjali, bdew fl-Alġerija l-protesti paċifiċi magħrufa bħala l-Hirak (il-Moviment); billi, fit-2 ta' April 2019, Bouteflika rriżenja; billi l-President tal-Kunsill tan-Nazzjon, Abdelkader Bensalah, assuma l-kariga ta' Aġent Kap tal-Istat; billi t-tmexxija militari taħt il-Logutenent Ġeneral Ahmed Gaïd Salah ilha apertament iżżomm il-poter f'idejha fil-pajjiż mir-riżenja ta' Bouteflika 'l hawn;

C.  billi Abdelaziz Bouteflika kien ilu President sa mill-1999; billi r-reviżjoni kostituzzjonali tal-2016 llimitat l-għadd massimu ta' termini presidenzjali ta' presidenti futuri għal żewġ mandati biss; billi r-reviżjoni kostituzzjonali ma setgħetx tiġi applikata b'mod retroattiv, hekk li Bouteflika tħalla joħroġ kandidat għall-ħames mandat; billi l-elezzjoni presidenzjali, oriġinarjament skedata għat-18 ta' April 2019, ġiet inizjalment posposta għall-4 ta' Lulju 2019 u wara għat-12 ta' Diċembru 2019;

D.  billi saru dimostrazzjonijiet paċifiċi fil-pajjiż kollu fi Frar, Marzu u April 2019, u mbagħad kull nhar ta' Tlieta u nhar ta' Ġimgħa għal dawn l-aħħar 40 ġimgħa; billi, f'dawn l-aħħar ġimgħat, id-dimostranti bdew jagħmlu mixjiet ta' bil-lejl fil-pajjiż kollu;

E.  billi l-Hirak igawdi appoġġ kbir u jikkostitwixxi l-akbar moviment ta' protesta fl-Alġerija; billi ż-żgħażagħ jikkostitwixxu l-maġġoranza tad-dimostranti; billi d-dimostranti qed jitolbu li jintemmu l-korruzzjoni, in-nuqqas ta' opportunitajiet għall-impenn politiku, ir-rati għolja tal-qgħad u r-repressjoni tad-dimostrazzjonijiet, kif ukoll qafas aktar pluralista u inklużiv bi tħejjija għal elezzjonijiet ħielsa, bħala parti mit-tranżizzjoni politika usa';

F.  billi l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2019 jikklassifika l-Alġerija fil-141 post mill-180 stat li ġew mistħarrġa, u billi jiddeskrivi l-libertà tal-istampa fil-pajjiż bħala "mhedda" u jinnota li l-ġurnalisti spiss iħabbtu wiċċhom mal-persekuzzjoni; billi organizzazzjonijiet tal-midja indipendenti, ċittadini ġurnalisti tal-midja soċjali u sorsi medjatiċi oħra jiffaċċjaw ċensura strutturali min-naħa tal-awtoritajiet Alġerini għal kwalunkwe rappurtaġġ li jitqies li jagħti appoġġ lil pożizzjonijiet ta' dissens;

G.  billi, minn Jannar 2018, l-awtoritajiet Alġerini għalqu bosta knejjes, li l-maġġoranza vasta tagħhom huma parti mill-Église protestante d'Algérie (EPA), l-organizzazzjoni li tħaddan fiha l-knejjes Protestanti fl-Alġerija u li tgawdi rikonoxximent legali;

H.  billi l-kap editur tal-istazzjon tar-radju pubbliku La Chaîne 3, Meriem Abdou, irriżenja fit-23 ta' Frar 2019 bi protesta kontra t-trattament preġudikat tal-Hirak; billi diversi ġurnalisti oħra ġew arrestati jew soġġetti għal intimidazzjoni, bħall-ex korrispondent Għarbi ta' France 24, Sofiane Merakchi, u l-ġurnalisti Alla El Sheikh u Abdelmouji Khelladi, li ilhom miżmuma mis-26 ta' Settembru 2019 u mill-14 ta' Ottubru 2019 rispettivament;

I.  billi, fl-4 ta' Marzu 2019, Nadia Madassi, li kienet ilha tippreżenta Canal Algérie għal dawn l-aħħar 15-il sena, irriżenjat fost allegazzjonijiet li kienet ġiet iċċensurata; billi, fil-5 ta' Marzu 2019, il-gazzetta Echorouk u l-istazzjon televiżiv El Bilad ġew sanzjonati mill-Ministeru tal-Komunikazzjoni talli rrappurtaw dwar id-dimostrazzjonijiet; billi l-grupp "Algérie – Debout!" fuq Facebook, b'aktar minn 500 000 membru, safa magħluq, filwaqt li l-fundatur u l-amministratur tiegħu Sofiane Benyounes ġie ffastidjat u interrogat diversi drabi qabel ma tressqu akkużi kontrih; billi l-pubblikazzjonijiet Jeune Afrique, Tout Sur l'Algérie, Algérie Part, Interlignes, u Observ'Algérie ġew iċċensurati;

J.  billi dimostranti tal-Hirak, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u bloggers kull ma jmur dejjem aktar qed jiġu fil-mira jew jisfaw arrestati biex ma jitħallewx jeżerċitaw il-libertà tagħhom ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni jew ta' għaqda paċifika;

K.  billi l-kamra tal-avukati tal-Alġerija (Union nationale des ordres des avocats, UNOA) unanimament iddenunzjat l-arresti ta' attivisti tal-Hirak u s-soppressjoni tal-libertajiet; billi, fl-24 ta' Ottubru 2019, madwar 500 avukat iddimostraw fl-Alġier biex jesiġu li jiġu rrispettati d-dritt tad-dimostranti għal proċess ġust u l-indipendenza tal-ġudikatura; billi l-UNOA waqqfet kumitat biex jappoġġja lill-avukati li jiddefendu lid-dimostranti u lid-dissidenti miżmuma;

L.  billi, skont il-Lega Alġerina għad-Difiża tad-Drittijiet tal-Bniedem (Ligue algérienne pour la défense des droits de l'homme, LADDH), aktar minn mitt persuna ġew arrestati u miżmuma b'rabta mal-protesti paċifiċi mindu beda l-Hirak; billi l-akkużi li jinżammu fuqhom – "li jimminaw l-unità nazzjonali u l-integrità territorjali", "li jxewxu favur għaqdiet illegali" u "li jdgħajfu l-moral tal-armata" – huma vagi u jiksru l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

M.  billi, ta' 87 sena, Lakhdar Bouregaa – veteran tal-gwerra tal-indipendenza – safa arrestat fid-29 ta' Ġunju 2019 talli kkritika lill-kap tal-armata; billi studenta tal-liġi ta' 22 sena, Nour el Houda Dahmani, inħelset fil-25 ta' Novembru 2019 wara li ġiet ikkundannata għal sentenza ta' sitt xhur priġunerija, wara dimostrazzjoni tal-istudenti fis-17 ta' Settembru 2019 u saret ikona għad-dimostrazzjonijiet tal-istudenti ta' kull ġimgħa; billi Ibrahim Daouadji u erba' attivisti oħra ġew arrestati fit-12 ta' Ottubru 2019 talli kkontestaw żjara mill-Ministru għaż-Żgħażagħ;

N.  billi Kamal Eddine Fekhar, tabib, difensur tad-drittijiet tal-bniedem, difensur tal-komunità Amazigh At-Mzab u ex membru tal-LADDH, miet fid-detenzjoni fit-28 ta' Mejju 2019, wara li kien ġie arrestat waqt protesti fuq skala kbira, wara 53 jum fuq strajk tal-ġuħ, u billi huwa mifhum li mewtu kienet ir-riżultat tal-kundizzjonijiet li fihom kien miżmum u ta' negliġenza medika; billi Ramzi Yettou, żagħżugħ ta' 22 sena, miet minħabba l-ġrieħi li ġarrab meta l-pulizija sawtuh b'mod brutali f'April 2019;

O.  billi Karim Tabbou, protagonista ewlieni tal-oppożizzjoni, ex segretarju ġenerali tal-Front tal-Forzi Soċjalisti (Front des forces socialistes, FFS), partit storiku tal-oppożizzjoni u llum kap tal-partit mhux rikonoxxut Unjoni Soċjali u Demokratika, safa arrestat fit-12 ta' Settembru 2019; billi nħeles mill-Qorti ta' Tipaza fis-26 ta' Settembru 2019, iżda inqas minn 14-il siegħa wara reġa' ġie arrestat taħt ġurisdizzjoni differenti (Sidi M'Hamed) iżda taħt kundizzjonijiet simili, u issa qed jinżamm f'reklużjoni de facto;

P.  billi bosta membri tal-assoċjazzjoni Rassemblement actions jeunesse (RAJ), fosthom il-fundatur tagħha Hakim Addad, il-President tagħha Abdelouahab Fersaoui, u l-membri tagħha Massinissa Aissous, Djalal Mokrani, Ahmed Bouider, Kamel Ouldouali, Karim Boutata, Ahcene Kadi, Wafi Tigrine u Khireddine Medjani ġew arrestati waqt dimostrazzjonijiet paċifiċi b'appoġġ għall-priġunieri tal-kuxjenza fl-Alġerija;

Q.  billi diversi dimostranti, bħal Samir Belarbi, Fodil Boumala, Fouad Ouicher, Saida Deffeur u Raouf Rais, li għadhom miżmuma, u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem – fosthom Said Boudour, Hamid Goura u Slimane Hamitouche – qed jiġu mħarrka minħabba li "jdgħajfu l-moral tal-armata";

R.  billi, fil-11 ta' Novembru 2019, il-qorti ta' Sidi M'Hamed fl-Alġier fetħet il-proċess ta' 42 attivist, fosthom membru tal-Assemblea Provinċjali ta' Wilaya, Samira Messouci, fuq akkużi li "kkompromettew l-integrità tat-territorju nazzjonali" talli refgħu l-emblema tal-Amazigh; billi din il-bandiera tperpret maġenb dik nazzjonali fil-pajjiż kollu matul id-dimostrazzjonijiet ta' kull ġimgħa; billi diversi tribunali fil-pajjiż ħelsu lid-dimostranti li kienu ġew arrestati fuq l-istess akkuża;

S.  billi libertajiet fundamentali huma minquxa fil-Kostituzzjoni Alġerina, inkluża l-libertà ta' assoċjazzjoni, li hija definita ulterjorment mil-Liġi 12-06; billi l-Liġi 12-06 tirrikjedi li kull assoċjazzjoni, inklużi dawk li diġà rnexxielhom jirreġistraw ruħhom, jirreġistraw u jiksbu riċevuta tar-reġistrazzjoni mill-Ministeru tal-Intern qabel ma jkunu jistgħu joperaw legalment; billi l-applikazzjonijiet għall-prereġistrazzjoni ta' diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, mhux governattivi, reliġjużi u karitatevoli, bħal LADDH, Euromed Rights, RAJ, Amnesty International, l-Assoċjazzjoni Protestanta tal-Alġerija, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Gruppi Reliġjużi mhux Musulmani u l-Assoċjazzjoni Femminista għall-Iżvilupp Personali u l-Eżerċizzju taċ-Ċittadinanza (AFEPEC) għadhom pendenti, minkejja li jissodisfaw ir-rekwiżiti legali kollha; billi għaldaqstant ma għandhomx status legali uffiċjali;

T.  billi, skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Alġerija rratifikatu, il-gvernijiet iridu jiżguraw id-dritt għal-libertà tar-reliġjon, tal-ħsieb u tal-kuxjenza ta' kull persuna taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, u b'mod partikolari tal-minoranzi reliġjużi; billi dan id-dritt jinkludi l-libertà li wieħed jeżerċita r-reliġjon jew it-twemmin tal-għażla tiegħu, pubblikament jew privatament, waħdu jew ma' oħrajn;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-arresti arbitrarji u illegali, id-detenzjoni, l-intimidazzjoni u l-attakki fil-konfront ta' ġurnalisti, attivisti tat-trade unions, avukati, studenti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili u tad-dimostranti paċifiċi kollha li qed jieħdu sehem fid-dimostrazzjonijiet paċifiċi tal-Hirak;

2.  Jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil dawk li jinsabu taħt akkuża talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni, b'mod partikolari Hakim Addad, Abdelouahab Fersaoui, Massinissa Aissous, Djalal Mokrani, Ahmed Bouider, Kamel Ould Ouali, Karim Boutata, Ahcene Kadi, Wafi Tigrine, Khireddine Medjani, Samir Belarbi, Karim Tabbou, Fodil Boumala, Lakhdar Bouregaa, Samira Messouci, Ibrahim Daouadji, Salah Maati, Sofiane Merakchi, Azeb El Cheikh, Fouad Ouicher, Saïda Deffeur u d-dimostranti paċifiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti l-oħra li qed jinżammu l-ħabs b'mod arbitrarju, minkejja l-fatt li l-attivitajiet tagħhom huma permessi skont il-liġi Alġerina, f'konformità mal-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li l-Alġerija rratifikathom; jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jneħħu l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u l-probation imposti fuq Slimane Hamitouche, Abdelmonji Khelladi u Mustapha Bendjama;

3.  Jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jtemmu kull forma ta' intimidazzjoni, inklużi fastidju ġudizzjarju u leġiżlattiv, kriminalizzazzjoni, u arresti u detenzjoni arbitrarji, kontra dimostranti paċifiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u bloggers kritiċi, u jitlobhom jieħdu passi adatti biex jiżguraw il-protezzjoni fiżika u psikoloġika, is-sikurezza, is-sigurtà u l-libertà li dawn il-persuni jagħmlu l-attivitajiet leġittimi u paċifiċi tagħhom; jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jiżguraw u jiggarantixxu d-dritt għal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni, ta' għaqda paċifika u tal-libertà tal-midja, li huma ggarantiti mill-Kostituzzjoni Alġerina u mill-ICCPR, li l-Alġerija ffirmatu u rratifikatu;

4.  Jitlob li jintemm il-ksur tal-libertà ta' qima tal-Insara, tal-Ahmadi u tal-minoranzi reliġjużi l-oħra; ifakkar lill-Gvern Alġerin li l-Ordinanza 06-03 tiggarantixxi l-eżerċizzju liberu tal-qima; jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jerġgħu jiftħu l-binjiet tal-knejjes konċernati;

5.  Jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jemendaw l-Att 91-19 tat-2 ta' Diċembru 1991 biex ineħħu kull restrizzjoni fuq dimostrazzjonijiet paċifiċi li ma tkunx assolutament meħtieġa jew proporzjonata, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 tal-ICCPR; jesprimi t-tħassib tiegħu li, minkejja d-dispożizzjonijiet tar-reviżjoni kostituzzjonali tal-2016, id-digriet tat-18 ta' Ġunju 2001, li jipprojbixxi d-dimostrazzjonijiet fil-belt kapitali, ma ġiex irrevokat u qed jiġi applikat b'mod ġenerali fil-pajjiż kollu;

6.  Jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jeliminaw u jipprevjenu b'mod effikaċi kwalunkwe forma ta' użu eċċessiv tal-forza mill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi huma u jferrxu l-ġemgħat pubbliċi; jikkundanna bil-qawwa l-użu eċċessiv tal-forza li wassal għall-mewt ta' Ramzi Yettou; jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jwettqu investigazzjoni indipendenti dwar il-każijiet kollha ta' użu eċċessiv tal-forza minn membri tal-forzi tas-sigurtà u jżommu lil min wettaq dawn l-atti responsabbli għal għemilu;

7.  Jirrileva li ġudikatura indipendenti hija waħda mill-elementi fundamentali għall-funzjonament ta' demokrazija u jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jrawmu u jiżguraw l-indipendenza ġudizzjarja;

8.  Jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jappoġġjaw il-gruppi tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u d-dimostranti, inkluż billi jorganizzaw żjarat fil-ħabsijiet, jissorveljaw il-proċessi u joħorġu dikjarazzjonijiet pubbliċi, biex jappoġġjaw lill-Kummissjoni tal-UNOA u lil organizzazzjonijiet oħra li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, u jitlobhom jissorveljaw mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Alġerija, billi jużaw l-istrumenti disponibbli kollha, inkluż l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;

9.  Jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jirrevokaw il-Liġi 12-06 tal-2012 dwar l-assoċjazzjonijiet u jidħlu fi djalogu ġenwin mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex ifasslu liġi ġdida li tkun konformi mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u mal-Kostituzzjoni Alġerina;

10.  Jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jiggarantixxu l-eżerċizzju sħiħ tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon jew tat-twemmin għal kulħadd, kif jiggarantixxu l-Kostituzzjoni Alġerina u l-ICCPR;

11.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-ostakoli amministrattivi li qed jiffaċċjaw il-minoranzi reliġjużi fl-Alġerija, u b'mod partikolari fir-rigward tal-Ordinanza 06-03; iħeġġeġ lill-Gvern Alġerin biex jirrevedi l-Ordinanza 06-03 biex jagħmilha aktar konformi mal-Kostituzzjoni u mal-obbligi internazzjonali tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, jiġifieri mal-Artikolu 18 tal-ICCPR;

12.  Jilqa' r-rikonoxximent kostituzzjonali tat-Tamazight bħala lingwa uffiċjali fl-2016 u jħeġġeġ li dan ir-rikonoxximent jiġi implimentat fil-prattika; jitlob li jinħelsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet it-42 dimostrant li sfaw miżmuma talli perpru l-bandiera tal-Amazigh;

13.  Jitlob li tinstab soluzzjoni għall-kriżi, abbażi ta' proċess politiku paċifiku u inklużiv; huwa konvint li riformi demokratiċi u djalogu kostruttiv u inklużiv li jiżgura l-istabbiltà politika, ekonomika u soċjali fl-Alġerija jistgħu jservu bħala mod biex terġa' tiġi varata Unjoni tal-Magreb Għarbi prospera, li hija importanti għal kooperazzjoni b'suċċess bejn iż-żewġ naħat tal-Mediterran;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lid-Delegazzjoni tal-UE fl-Alġier, lill-Gvern tal-Alġerija, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU C 346, 21.9.2016, p. 106.
(2) Testi adottati, P8_TA(2019)0318.
(3) ĠU L 265, 10.10.2005, p. 2.

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Marzu 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza