Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2929(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0200/2019

Dibattiti :

PV 28/11/2019 - 3.2
PV 28/11/2019 - 5.1
CRE 28/11/2019 - 3.2
CRE 28/11/2019 - 5.1

Votazzjonijiet :

PV 28/11/2019 - 8.2

Testi adottati :

P9_TA(2019)0073

Testi adottati
PDF 136kWORD 46k
Il-Ħamis, 28 ta' Novembru 2019 - Strasburgu
Kuba, il-każ ta' José Daniel Ferrer
P9_TA(2019)0073RC-B9-0200/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar Kuba, il-każ ta' José Daniel Ferrer (2019/2929(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Kuba, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Novembru 2004 dwar Kuba(1), tat-2 ta' Frar 2006 dwar il-politika tal-UE lejn il-Gvern Kuban(2), tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar Kuba(3), tal-11 ta' Marzu 2010 dwar il-priġunieri ta' kuxjenza f'Kuba(4), tal-5 ta' Lulju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra(5), u tal-15 ta' Novembru 2018(6),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Kuba, iffirmat f'Diċembru 2016 u applikat b'mod proviżorju mill-1 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra t-tieni Kunsill Konġunt bejn l-UE u Kuba li sar fid-9 ta' Settembru 2019 f'Havana,

–  wara li kkunsidra t-tieni Djalogu formali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u Kuba, li sar fl-ambitu tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u Kuba, fit-3 ta' Ottubru 2019 fi Brussell,

–  wara li kkunsidra r-Rieżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar Kuba ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u trattati u strumenti internazzjonali oħra fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-10 ta' Diċembru 1984 u li Kuba hija Stat Parti tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li Kuba hija pajjiż firmatarju tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fl-1 ta' Ottubru 2019, il-mexxej tal-oppożizzjoni tal-Unjoni Patrijottika ta' Kuba (UNPACU), José Daniel Ferrer, ġie arrestat b'mod arbitrarju mingħajr l-ebda akkuża u ġie miċħud kuntatt estern għal mill-inqas 72 siegħa;

B.  billi l-awtoritajiet Kubani żammewh il-ħabs, ippersegwitawh u intimidawh għal aktar minn għaxar snin minħabba l-attiviżmu politiku paċifiku tiegħu; billi fl-2018, inżamm f'iżolament għal għaxart ijiem;

C.  billi fit-2 ta' Novembru 2019, is-Sur Ferrer irnexxielu jibgħat ittra bil-moħbi li fiha stqarr li kien ġie ttorturat u maltrattat, li ħajtu tqiegħdet f'periklu waqt li kien qed jinżamm f'detenzjoni, u li ma ngħatax attenzjoni medika xierqa; billi skont informazzjoni pprovduta mill-familja tiegħu fil-15 ta' Novembru 2019, hu qed jiġi miżmum fil-ħabs ta' Aguadores f'Santiago de Cuba, fejn ittieħed f'ċella ta' kastig; billi fis-7 ta' Novembru 2019, martu ratu għal ftit minuti u kkonfermat li s-saħħtu kienet fi stat kritiku minħabba li kien tilef nofs il-piż ta' ġismu, b'riżultat ukoll ta' strajk tal-ġuħ li kien beda jagħmel;

D.  billi, skont diversi NGOs, is-Sur Ferrer huwa biss wieħed minn 120 priġunier politiku f'Kuba; billi ħafna ġurnalisti indipendenti, dissidenti paċifiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li fil-parti l-kbira tagħhom huma membri tal-oppożizzjoni demokratika, qed jiġu ppersegwitati, detenuti b'mod arbitrarju jew miżmuma l-ħabs f'Kuba, b'mod partikolari José Guía Piloto, Silverio Portal Contreras, Mitzael Díaz Paseiro, Orlando Zapata Tamayo, Eliecer Bandera Barrera, Edilberto Ronal Azuaga u Roberto de Jesús Quiñones Hacess;

E.  billi fit-28 ta' Ottubru 2019, miet Armando Sosa Fortuny – il-priġunier politiku Kuban li dam l-itwal ammont ta' żmien detenut - (43 sena); billi l-awtoritajiet Kubani ma qablux li jeħilsuh minkejja l-kundizzjoni ħażina ta' saħħtu;

F.  billi skont l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem dawk kollha li jiġu arrestati jew detenuti jridu jiġu infurmati bir-raġunijiet fil-mument tal-arrest tagħhom, u jitressqu quddiem imħallef mingħajr dewmien;

G.  billi l-azzjonijiet tal-Gvern Kuban jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1(5) u 22 tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Kuba ffirmat fl-2016, li fih il-Gvern Kuban jimpenja ruħu li jirrispetta u jtejjeb id-drittijiet tal-bniedem;

H.  billi, fil-5 ta' Lulju 2017, il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu għall-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni; billi l-approvazzjoni tal-Parlament tesprimi b'mod ċar it-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba u tinkludi klawsola ta' sospensjoni fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem;

I.  billi d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u Kuba, immexxi mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, beda fl-2015, bil-ħames sensiela ssir fid-9 ta' Ottubru 2018; billi fit-3 ta' Ottubru 2019, l-UE u Kuba kellhom it-tieni Djalogu formali tagħhom dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi dan ma tax riżultati tanġibbli minkejja r-rielezzjoni ta' Kuba fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għall-perjodu 2017-2019; billi kull djalogu politiku jrid jinkludi djalogu dirett intensiv mas-soċjetà ċivili u mal-oppożizzjoni mingħajr ebda restrizzjoni;

J.  billi fi żmien it-tieni laqgħa tal-Kunsill Konġunt bejn l-UE u Kuba fid-9 ta' Settembru 2019 f'Havana, aktar minn 100 attivist ġew arrestati b'mod arbitrarju; billi l-UE baqgħet siekta dwar dawn l-azzjonijiet, u baqgħet siekta wkoll rigward il-każ tas-Sur Ferrer;

K.  billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lil attivisti Kubani fi tliet okkażjonijiet: Oswaldo Payá fl-2002, in-Nisa Lebsin l-Abjad fl-2005 u Guillermo Fariñas fl-2010; billi r-rebbieħa tal-Premju Sakharov u qrabathom għadhom jiġu ffastidjati u intimidati b'mod regolari, u miżmuma milli jitilqu mill-pajjiż u jipparteċipaw f'avvenimenti internazzjonali;

L.  billi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, u d-dinjità u l-interess tan-nies huma rappreżentati u difiżi bl-aħjar mod f'demokrazija;

1.  Jikkundanna d-detenzjoni arbitrarja ta' José Daniel Ferrer, u jitlob lill-awtoritajiet Kubani jeħilsuh b'mod immedjat; jitlob li s-Sur Ferrer jingħata aċċess għall-avukat tal-għażla tiegħu, ikollu kuntatt mal-familja tiegħu u jkollu aċċess għad-dokumentazzjoni kollha marbuta mad-detenzjoni tiegħu u r-raġunijiet allegati li għaliha ġie detenut;

2.  Jikkundanna t-tortura u t-trattament ħażin li s-Sur Ferrer irrapporta li ġarrab fl-ittra tiegħu; ifakkar li l-awtoritajiet Kubani għandhom dmir li jipprevjenu t-tortura u t-trattament ħażin u li jiżguraw investigazzjoni fil-pront u imparzjali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kubani jagħtu lis-Sur Ferrer aċċess immedjat għall-kura medika tal-għażla tiegħu u jiggarantixxu l-provvista ta' ikel u ilma sanitarji xierqa;

3.  Itenni t-tħassib kbir tiegħu dwar il-persekuzzjoni, il-fastidju u l-attakki kontinwi kontra dissidenti paċifiċi, ġurnalisti indipendenti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-oppożizzjoni politika f'Kuba; jitlob it-tmiem immedjat ta' dawn l-azzjonijiet, u l-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha u ta' dawk detenuti b'mod arbitrarju unikament talli eżerċitaw il-libertà tagħhom ta' espressjoni u ta' għaqda; jitlob li jkun hemm garanziji aħjar tad-dritt għal proċess ġust u tal-indipendenza tal-ġudikatura u li jiġi żgurat li l-persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom ikollhom aċċess għal avukat indipendenti;

4.  Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri, lis-SEAE u lid-delegazzjoni tiegħu f'Kuba biex jikkundannaw b'saħħa u pubblikament l-arrest arbitrarju tas-Sur Ferrer u tal-individwi msemmija hawn fuq, u biex jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jiddefendu d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li, minkejja l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni adottat, is-sitwazzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem ma tjibitx; jitlob li jiġu ssodisfati l-obbligi vinkolanti stabbiliti permezz tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u Kuba, u jitlob punti ta' riferiment ċari f'dan ir-rigward;

6.  Itenni li l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni jinkludi dispożizzjoni dwar is-sospensjoni tal-ftehim li għandha tapplika fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinsisti, għalhekk, li l-Unjoni Ewropea għandha ssegwi u tissorvelja mill-qrib ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f'Kuba waqt l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni, u li tissottometti rapporti regolari dwar dan lill-Parlament; iqis il-priġunerija u t-trattament ta' José Daniel Ferrer u ta' priġunieri politiċi oħra bħala "każ ta' urġenza speċjali", kif stabbilit fl-Artikolu 85(3)(b) tal-Ftehim, u f'dan ir-rigward jitlob li l-UE titlob li ssir laqgħa urġenti;

7.  Jitlob li l-Gvern Kuban jimplimenta riformi legali sabiex jiggarantixxi l-libertà tal-istampa, tal-assoċjazzjoni u tad-dimostrazzjoni, u jvara r-riformi politiċi li jippermettu elezzjonijiet ħielsa, ġusti u demokratiċi li jqisu r-rieda sovrana u espressa liberament tal-poplu Kuban; iħeġġeġ lill-Gvern Kuban jallinja l-politika tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-istandards internazzjonali ddefiniti fl-istatuti, fid-dikjarazzjonijiet u fl-istrumenti internazzjonali li Kuba hija firmatarja tagħhom u jippermetti lis-soċjetà ċivili u lill-atturi politiċi tal-oppożizzjoni jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħajja politika u soċjali, mingħajr restrizzjonijiet; jistieden lill-Gvern jippermetti li osservaturi indipendenti domestiċi u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem ikollhom aċċess mingħajr xkiel għal Kuba, jestendi stediniet lir-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika, ta' espressjoni u dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Ifakkar li Kuba ilha mill-2003 tosserva moratorju fuq il-piena tal-mewt; jistieden lill-awtoritajiet Kubani jabolixxu l-piena tal-mewt għad-delitti kollha; jitlob li jsir rieżami tas-sentenzi kollha tal-mewt biex ikun żgurat li dawn il-proċessi kriminali kienu konformi mal-istandards internazzjonali;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Kubani jiggarantixxu l-libertà tal-midja u l-libertà tal-espressjoni, fosthom billi jirtiraw id-Digriet 349, li jillimita l-libertà tal-espressjoni artistika, u jtemmu l-fastidju u d-detenzjoni ta' ġurnalisti indipendenti; jistieden lill-Gvern Kuban itemm l-impożizzjoni ta' ċensura online u ma jkomplix jimblokka s-siti tal-internet u jillimita l-aċċess għall-informazzjoni;

10.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej u Kubani ġew miċħuda l-possibbiltà li jipparteċipaw fi djalogu mas-soċjetà ċivili, fi ħdan id-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem usa' tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u Kuba li sar fit-2 ta' Ottubru 2019 minħabba li l-Gvern Kuban ma tahomx approvazzjoni; barra minn hekk jitlob li jiġi stabbilit djalogu istituzzjonalizzat, formali, miftuħ u pubbliku mas-soċjetà ċivili verament indipendenti mal-UE u Kuba, simili għal dawk fis-seħħ ma' pajjiżi oħra li magħhom l-UE għandha ftehimiet ta' kooperazzjoni;

11.  Jistieden lill-VP/RGħ il-ġdid jirrikonoxxi l-eżistenza tal-oppożizzjoni politika għall-Gvern Kuban u jappoġġa l-inklużjoni tal-oppożizzjoni fid-djalogu politiku bejn l-UE u Kuba; f'dan ir-rigward, jistieden lir-rappreżentanti kollha tal-Istati Membri biex iqajmu tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem waqt żjarat mal-awtoritajiet Kubani u biex jiltaqgħu mar-rebbieħa tal-Premju Sakharov meta jżuru Kuba, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti interna u esterna tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, u b'hekk tiġi msaħħa l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili indipendenti;

12.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jappoġġaw attivament lil gruppi tas-soċjetà ċivili u lil individwi li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem f'Kuba, anke billi jorganizzaw żjarat fil-ħabsijiet u jagħmlu monitoraġġ tal-proċessi kriminali u dikjarazzjonijiet pubbliċi; jistieden lill-VP/RGħ il-ġdid jirrapporta lura lill-Parlament dwar l-azzjonijiet meħuda s'issa mid-Delegazzjoni tal-UE;

13.  Jistieden lill-VP/RGħ il-ġdid jitlob lill-awtoritajiet Kubani biex, wara snin ta' nuqqas ta' azzjoni, ivaraw riformi li jwasslu għal trasformazzjoni demokratika tal-pajjiż f'konformità mal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni; jindika li s-sitwazzjoni attwali f'Kuba ddgħajjef il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija li fuqhom huwa msejjes il-Ftehim;

14.  Jiddispjaċih ferm dwar il-fatt li l-awtoritajiet Kubani ma ħallewx lill-Parlament, lid-delegazzjonijiet tiegħu u lil xi gruppi politiċi jżuru Kuba, minkejja li l-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu għall-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet biex b'mod immedjat jippermettu d-dħul fil-pajjiż;

15.  Jikkundanna l-attitudni intervenzjonistika tal-Gvern Kuban u jitlob li dan itemm l-attivitajiet kollha ta' ndħil f'diversi pajjiżi tal-Amerika Latina;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Poter Popolari ta' Kuba, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew.

(1) ĠU C 201 E, 18.8.2005, p. 83.
(2) ĠU C 288 E, 24.11.2006, p. 81.
(3) ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 377.
(4) ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 82.
(5) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 99
(6) Testi adottati, P8_TA(2018)0460.

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Marzu 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza