Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Novembru 2019 dwar il-Haiti (2019/2928(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Haiti, b'mod partikolari dik tad-19 ta' Jannar 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Haiti sena wara t-terremot: għajnuna umanitarja u rikostruzzjoni(1) u dik tat-8 ta' Frar 2018 dwar l-iskjavitù tat-tfal fil-Haiti(2),
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2018, b'mod partikolari l-aġġornament tiegħu dwar il-Haiti, adottat mill-Kunsill fit-13 ta' Mejju 2019,
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Segwitu Elettorali tal-UE fil-Haiti bejn id-19 u t-23 ta' Novembru 2018,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Missjoni għall-Istabbilizzazzjoni fil-Haiti (MINUSTAH) u tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Haiti, mill-1 ta' Lulju 2015 sal-31 ta' Diċembru 2016, ta' Lulju 2017,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-MINUSTAH u tal-OHCHR tan-NU dwar allegazzjonijiet ta' ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem tat-13 u l-14 ta' Novembru 2018 fid-distrett ta' La Saline, Port-au-Prince,
– wara li kkunsidra r-Rieżami Perjodiku Universali (UPR) dwar il-Haiti, adottat mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-34 sessjoni tiegħu fis-17 ta' Marzu 2017,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-16 ta' Diċembru 1966 u li għalih il-Haiti huwa Stat parti,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li tagħha il-Haiti huwa firmatarju,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2476 (2019) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-25 ta' Ġunju 2019,
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE tal-2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-Unjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni fil-Haiti tas-7 ta' Novembru 2019,
– wara li kkunsidra l-artiklu ppubblikat minn Amnesty International fil-31 ta' Ottubru 2019, li jipprovdi evidenza ta' użu eċċessiv tal-forza kontra d-dimostranti,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-NU rigward is-sitwazzjoni fil-Haiti tal-1 ta' Ottubru 2019,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Haiti fit-28 ta' Mejju 2019,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi d-dikjarazzjoni tal-gvern f'Lulju 2018 li se jelimina s-sussidji, b'żidiet sa 50 % fil-prezzijiet tal-fjuwil, wasslet għal protesti mifruxa u l-agħar diżordni ċivili li l-pajjiż ra fis-snin; billi din il-miżura kienet reazzjoni għat-tnaqqis maqbul mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) fi Frar 2018 bi skambju għal self finanzjarju ta' USD 96 miljun biex il-pajjiż jiġi megħjun iħallas id-dejn estern tiegħu;
B. billi d-dimostrazzjonijiet organizzati mill-mexxejja tal-oppożizzjoni talbu b'insistenza r-riżenja tal-President Jovenel Moïse minħabba inflazzjoni rampanti, allegazzjonijiet ta' korruzzjoni sistematika tal-gvern li kienu jinvolvu wkoll l-eks president Michel Martelly, u nuqqas ta' sigurtà ekonomika u alimentari, mingħajr ma dan ingħata attenzjoni kbira mid-dinja esterna; billi d-dimostrazzjonijiet li bdew aktar minn sena ilu bi protesta għall-iskandli ta' korruzzjoni li kienu jinvolvu l-awtoritajiet tal-Haiti ħallew madwar mitt ruħ mejta u eskalaw f'qerda kbira; billi jidher li l-korruzzjoni hija problema endemika tas-soċjetà u l-politika tal-Haiti;
C. billi l-forzi tas-sigurtà rażżnu l-protesti bl-użu ta' munizzjon attiv u gass tad-dmugħ; billi, skont l-OHCHR tan-NU, fi Frar mietu 41 ruħ u ndarbu 100 fil-protesti; billi, skont l-aħħar ċifri tal-OHCHR, bejn il-15 ta' Settembru u l-1 ta' Novembru 2019 mill-inqas 42 persuna mietu fi protesti simili, li minnhom 19 inqatlu mill-forzi tal-infurzar tal-liġi, u 86 sfaw midruba;
D. billi l-Haiti ilu minn Marzu 2019 mingħajr gvern, fatt li xekkel il-kapaċità tal-pajjiż li jkollu aċċess għal fondi ta' għajnuna internazzjonali u self mill-Bank Dinji; billi minn Jannar 2020 il-Haiti se jkun mingħajr parlament minħabba li naqas milli jorganizza elezzjonijiet parlamentari f'Ottubru 2019; billi s-Sur Moïse indika l-intenzjoni tiegħu li jintroduċi riformi kostituzzjonali li jsaħħu s-setgħat tal-uffiċċju tal-President;
E. billi ma ttieħdet ebda azzjoni legali minkejja d-dimostrazzjonijiet; billi din l-impunità u n-nuqqas ta' attenzjoni mill-komunità internazzjonali komplew ikebbsu l-vjolenza; billi waħda mill-konsegwenzi ta' din il-kriżi mġebbda u kontinwa hija li kompliet tillimita l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-ikel, l-edukazzjoni u ħtiġijiet oħra, kif ukoll ikkawżat aktar skarsezzi fil-provvista tal-elettriku u tal-fjuwil;
F. billi ħafna komunitajiet għadhom neqsin mill-aċċess għall-grilja elettrika wara t-terremot tal-2010 u jiddependu minn ġeneraturi tal-elettriku għall-ħtiġijiet tagħhom ta' kuljum; billi ż-żieda fil-prezz tal-fjuwil kompliet tillimita l-opportunitajiet ekonomiċi;
G. billi hemm evidenza kredibbli li pulizija armati b'azzarini semiawtomatiċi sparaw munizzjon attiv matul il-protesti, bi ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-istandards internazzjonali dwar l-użu tal-forza; billi l-ġurnalisti huma fil-mira ta' fastidju u attakki fiżiċi kontinwi; billi Néhemie Joseph, ġurnalist ma' Radio Méga li rrapporta dwar il-protesti, inqatel b'arma tan-nar fil-karozza tiegħu fil-11 ta' Ottubru 2019, il-fotoġurnalist tal-Associated Press Chery Dieu-Nalio qala' tir ta' arma tan-nar f'wiċċu f'Settembru 2019, il-ġurnalist ta' Radio Sans Fin Pétion Rospide nqatel b'arma tan-nar fil-karozza tiegħu f'Ġunju 2019 u l-ġurnalist Vladjimir Legagneur għeb f'Marzu 2018;
H. billi l-impunità pprevaliet ukoll f'każijiet bħall-massakru f'La Saline, fil-periferija tal-kapitali Port-au-Prince, fejn f'Ottubru 2018 inqatlu 70 persuna b'mod arbitrarju u ġew stuprati13-il mara; billi l-gvern attribwixxa l-massakru għal gwerra bejn gruppi kriminali; billi l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) u l-Missjoni tan-NU għall-Appoġġ tal-Ġustizzja fil-Haiti (MINUJUSTH), abbażi tal-informazzjoni miġbura min-Netwerk Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem (RNDDH), jattribwixxu dan il-massakru għal tentattiv min-naħa ta' mart il-President, Martine Moïse, u diversi rappreżentanti tal-gvern biex ixaħħmu l-poplu ta' La Saline bil-għan li jwaqqfu d-dimostrazzjonijiet kontra l-President Moïse, u jallegaw li l-massakru kien konsegwenza tar-rifjut tagħhom li jaċċettaw it-tixħim; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-Haiti appellaw biex il-massakru jiġi investigat minn missjoni tal-OAS;
I. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż marret lura drastikament minn Ottubru 2017 'l hawn, meta l-forzi taż-żamma tal-paċi tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fil-Haiti (UNSTAMIH) ġew sostitwiti mill-MINUJUSTH, li l-persunal tagħha għandu taħriġ tal-pulizija limitat;
J. billi d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru għadha toħloq tħassib serju fil-pajjiż; billi l-Haiti għandu Indiċi ta' Inugwaljanza tal-Ġeneru ta' 0,593 u jikklassifika fil-142 post minn 159 fl-Indiċi 2015; billi fil-Haiti d-diskriminazzjoni, l-istigmatizzazzjoni, l-esklużjoni u l-vjolenza kontra l-persuni LGBTI huma sistemiċi u mifruxa; billi l-bniet iż-żgħar ma jirċievu l-ebda edukazzjoni jew inkella ftit li xejn; billi l-liġijiet li jikkriminalizzaw l-istupru u l-vjolenza domestika ma ġewx adottati qabel l-2005, il-kodiċi kriminali ma ġiex rivedut mill-1835 'l hawn u ħafna drabi n-nisa u l-bniet iħabbtu wiċċhom ma' protezzjoni legali inugwali; billi, fis-7 ta' Novembru 2019, 10 detenuti ta' sess femminil, inkluża tifla ta' 15-il sena, ġew stuprati fil-Ħabs Ċivili ta' Gonaïves; billi l-affollament eċċessiv, l-ikel skars, in-nuqqas ta' żjarat mill-familji u kundizzjonijiet inumani oħrajn ilhom mifruxa fil-ħabsijiet tal-Haiti sa mill-bidu tal-protesti;
K. billi l-biċċa l-kbira tat-tfal fil-Haiti ilhom ma jistgħux imorru skola sa mill-bidu tas-sena skolastika f'Settembru; billi l-illitteriżmu u l-aċċess għall-edukazzjoni huma problemi kbar fil-Haiti, peress li madwar nofs il-Haitjani ta' 15-il sena u aktar huma illitterati u fost it-tfal u ż-żgħażagħ mill-anqas 350 000 għadhom barra mill-iskola primarja u sekondarja fil-pajjiż kollu;
L. billi fil-pajjiż għadha tiġi prattikata s-sistema tar-"Restavèk", forma moderna ta' skjavitù li permezz tagħha t-tfal Haitjani minn djar foqra jintbagħtu mill-ġenituri tagħhom biex jgħixu ma' familji oħra u jaħdmu għalihom bħala sefturi fid-djar, fejn ħafna drabi jġarrbu abbuż u trattament ħażin u ma jkollhom ebda aċċess għat-tagħlim fl-iskejjel;
M. billi, fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-UNDP, il-Haiti kklassifika fil-168 post f'livell dinji, liema pożizzjoni hija aktar baxxa minn dik ta' snin preċedenti, u jinsab fi bżonn kontinwu ta' għajnuna umanitarja u ta' għajnuna għall-iżvilupp; billi, skont il-Bank Dinji, il-Haiti għadu l-aktar pajjiż fqir fil-Kontinent Amerikan u wieħed mill-aktar pajjiżi foqra tad-dinja, peress li 59 % tal-popolazzjoni jgħixu taħt is-soll nazzjonali tal-faqar u 24 % jgħixu taħt is-soll nazzjonali tal-faqar estrem, filwaqt li 'l fuq minn 40 % tal-popolazzjoni jinsabu qiegħda; billi l-korruzzjoni tal-gvern hija bla rażan u l-Indiċi 2018 dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni ta' Transparency International jikklassifika lill-Haiti fil-161 post minn fost il-180 pajjiż li ġew mistħarrġa;
1. Jikkundanna bil-qawwa r-repressjoni tal-protesti paċifiċi mill-awtoritajiet Haitjani, kif ukoll l-użu tal-forza letali, id-detenzjoni arbitrarja, l-intimidazzjoni, il-fastidju u l-vjolenza sesswali; jitlob b'insistenza li l-awtoritajiet Haitjani jtemmu minnufih l-użu illegali tal-forza, b'mod partikolari l-armi tan-nar u l-munizzjon attiv, fil-konfront tad-dimostranti paċifiċi u jħarsu d-dritt li n-nies jipprotestaw b'mod ħieles u paċifiku; japprova t-talbiet tal-poplu Haitjan biex jintemmu l-korruzzjoni u l-impunità;
2. Jissottolinja li, biex jiġu evitati aktar instabbiltà u tbatija tal-popolazzjoni, il-partijiet kollha involuti jeħtiġilhom jastjenu mill-vjolenza; jistieden lill-partijiet kollha jimpenjaw ruħhom fi djalogu sinċier, miftuħ u inklużiv inter-Haitjan sabiex jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet bażiċi u l-aspirazzjonijiet tal-popolazzjoni u jistedinhom jipprovdu soluzzjonijiet dejjiema għall-kriżi politika, ekonomika u umanitarja attwali;
3. Ifakkar li r-riforma tal-ġustizzja, il-waqfien mill-użu tal-arrest preventiv qabel il-proċess u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni jridu jibqgħu prijorità, kif identifikat fl-aħħar Eżami Perjodiku Universali; jitlob lill-komunità internazzjonali tgħin lill-poplu Haitjan jibni sistema ġudizzjarja indipendenti u b'saħħitha, li tkun kapaċi tressaq lit-trasgressuri quddiem il-qorti u tikkastigahom, irrispettivament mill-istatus soċjali tagħhom;
4. Jappella biex issir investigazzjoni indipendenti dwar il-każ tal-massakru ta' La Saline, dwar il-fastidju u l-attakki fil-konfront tal-ġurnalisti u dwar l-imwiet li seħħew f'nofs Settembru 2019; jitlob b'insistenza li l-awturi tad-delitti jitressqu quddiem il-ġustizzja u jiġu kkastigati; isostni mill-ġdid l-importanza tal-libertà tal-midja li tirrapporta dwar is-sitwazzjoni; iħeġġeġ lill-atturi kollha jżommu lura milli joħduha kontra l-ġurnalisti u jippermettulhom jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż; itenni li d-dritt ta' espressjoni paċifika ta' opinjoni u ta' kritika jrid jiġi ggarantit;
5. Japprova l-appell biex tintbagħat missjoni indipendenti ta' esperti tal-OAS fil-Haiti għal perjodu itwal, bil-kompitu li tiċċara l-vjolazzjonijiet diversi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u bil-għan li twettaq investigazzjonijiet imparzjali, bir-reqqa, trasparenti u indipendenti, kif ukoll li ssaħħaħ l-obbligu ta' rendikont u li tipprovdi l-ġustizzja u l-verità lill-familji u lill-vittmi superstiti, kif jesiġu l-organizzazzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
6. Jopponi kwalunkwe tentattiv minn xi forzi biex jerġa' jiġi stabbilit dittatorjat; jissottolinja l-ħtieġa urġenti ta' governanza strutturali u riformi ekonomiċi biex terġa' tinkiseb il-fiduċja fis-sistema politika tal-pajjiż; jenfasizza l-ħtieġa li jinqerdu l-korruzzjoni sistemika tal-gvern, il-klijenteliżmu u l-erożjoni tal-istat tad-dritt;
7. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Ambaxxata tal-UE f'Port-au-Prince jappoġġjaw l-istabbilizzazzjoni demokratika sħiħa tal-pajjiż u jgħinu biex jintemmu l-korruzzjoni u forom oħra ta' kriminalità;
8. Jilqa' l-istabbiliment tal-Uffiċċju Integrat tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Haiti (BINUH) mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fis-16 ta' Ottubru 2019, li għandu jiġi fdat bil-kompitu li jagħti parir lill-Gvern tal-Haiti dwar kif għandhom jittejbu l-istabbiltà politika u l-governanza tajba; jitlob lin-NU jkomplu jwettqu rwol attiv fi proċess ta' żamma u tħejjija tal-paċi, mingħajr ma jirrepetu l-iżbalji tal-passat; jistieden lin-NU u lill-pajjiżi membri tagħha jinvestigaw b'mod effikaċi l-każijiet ta' allegat sfruttament jew abbuż sesswali min-naħa tal-forzi taż-żamma tal-paċi tal-MINUSTAH u min-naħa tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-Haiti u jressqu lill-awturi ta' dawn id-delitti quddiem il-ġustizzja u jipprovdu appoġġ u kumpens lill-vittmi;
9. Jistieden lill-UE ssaħħaħ u tappoġġja l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet Haitjani li jkunu minn ta' quddiem fid-deċiżjoni dwar it-tip ta' assistenza mogħtija lill-pajjiż, kif ukoll dwar il-benefiċjarji tagħha;
10. Jistieden b'urġenza lill-Gvern tal-Haiti jippermetti aċċess bla xkiel lill-organizzazzjonijiet umanitarji sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-operazzjonijiet tagħhom, jassistu lil dawk fil-bżonn u jqassmu l-ikel u għajnuna vitali oħra;
11. Jitlob li tintemm il-prattika ta' Restavèk; jitlob lill-Gvern Haitjan jimplimenta miżuri li jiżguraw ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni tat-tfal, kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament, u biex jinforza l-edukazzjoni; jitlob lill-UE tikkoopera mal-Gvern Haitjan sabiex jimplimenta qafas leġiżlattiv li jħares id-drittijiet tat-tfal;
12. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, li ssir leġiżlazzjoni kontra kull forma ta' vjolenza bbażata fuq il ġeneru u li jiġi dekriminalizzat l-abort li attwalment huwa pprojbit fiċ-ċirkostanzi kollha, inkluż f'każijiet ta' vjolenza sesswali; iqis li jeħtieġ li jiġu implimentati miżuri urġenti għall-protezzjoni u l-appoġġ tan-nisa u t-tfal li huma vittmi ta' abbuż sesswali, bħall-kura medika u psikoloġika u programmi speċifiċi ta' inklużjoni soċjali u riabilitazzjoni; jikkundanna l-gang rape fuq nisa detenuti fil-ħabs ta' Gonaïves; jitlob investigazzjoni f'waqtha, imparzjali, indipendenti u effettiva tal-allegazzjonijiet; ifakkar li meta l-istati jċaħħdu lin-nies mil-libertà tagħhom, huma responsabbli biex jiggarantixxu l-integrità tagħhom u jipproteġuhom minn atti ta' vjolenza;
13. Jikkundanna l-abbozzi ta' liġijiet kontra l-LGBT mgħoddija fl-2017 li appellaw għal projbizzjoni taż-żwieġ gay u elenkaw l-omosesswalità, flimkien mal-pornografija tat-tfal, l-inċest u l-isfruttament sesswali kummerċjali tat-tfal, bħala raġuni biex ċittadin jiċċaħħad minn ċertifikat ta' reputazzjoni tajba; jesprimi tħassib dwar iċ-ċirkostanzi madwar il-mewt ta' Charlot Jeudy, il-President tal-grupp ta' promozzjoni LGBTQI Kouraj;
14. Jistieden lill-Gvern Haitjan jimplimenta sistema amministrattiva li tiggarantixxi li t-trabi tat-twelid kollha jiġu reġistrati mat-twelid u biex jiġi żgurat li jittieħdu miżuri biex jiġu reġistrati dawk li ma ġewx reġistrati mat-twelid;
15. Jitlob li jkun hemm ġlieda sistematika kontra l-vjolenza fuq l-anzjani;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, lill-istituzzjonijiet tal-Cariforum, lill-gvern u l-parlament tal-Haiti u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.