Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2918(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0181/2019

Testi mressqa :

B9-0181/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 28/11/2019 - 8.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0083

Testi adottati
PDF 123kWORD 42k
Il-Ħamis, 28 ta' Novembru 2019 - Strasburgu
Il-Kriżi tal-Korp tal-Appell tad-WTO
P9_TA(2019)0083B9-0181/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-kriżi tal-Korp tal-Appell tad-WTO (2019/2918(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Marrakesh tal-15 ta' April 1994 li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 17 tal-Fehim dwar ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw is-soluzzjoni tat-tilwim (DSU), li jistabbilixxi l-Korp tal-Appell Permanenti tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Unjoni Ewropea, iċ-Ċina, il-Kanada, l-Indja, in-Norveġja, New Zealand, l-Iżvizzera, l-Awstralja, ir-Repubblika tal-Korea, l-Iżlanda, Singapore, il-Messiku, il-Costa Rica u l-Montenegro lill-Kunsill Ġenerali tad-WTO tal-11 ta' Diċembru 2018 (WT/GC/W/752/Rev. 2) u l-Komunikazzjoni mill-Unjoni Ewropea, iċ-Ċina, il-Kanada, l-Indja u l-Montenegro lill-Kunsill Ġenerali tad-WTO tal-11 ta' Diċembru 2018 (WT/GC/W/753/Rev.1),

–  wara li kkunsidra l-arranġament interim tal-arbitraġġ ta' appell bejn l-UE u l-Kanada, skont l-artikolu 25 tad-DSU, tal-25 ta' Lulju 2019, kif ukoll arranġament simili man-Norveġja, konkluż fil-21 ta' Ottubru 2019,

–  wara li kkunsidra l-proċess informali dwar kwistjonijiet relatati mal-funzjonament tal-Korp tal-Appell taħt l-awspiċi tal-Kunsill Ġenerali u r-rapporti pprovduti mill-Ambaxxatur ta' New Zealand, David Walker, lill-Kunsill Ġenerali tad-WTO fit-28 ta' Frar 2019 (JOB/GC/215), is-7 ta' Mejju 2019 (JOB/GC/217), it-23 ta' Lulju 2019 (JOB/GC/220), u l-15 ta' Ottubru 2019 (JOB/GC/222), kif ukoll l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali dwar il-Funzjonament tal-Korp tal-Appell ippreżentat mill-Ambaxxatur Walker lill-Kunsill Ġenerali fil-15 ta' Ottubru 2019, kif anness mar-rapport tiegħu ta' dik id-data,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2019,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

A.  billi d-WTO nħolqot biex issaħħaħ il-multilateraliżmu, tippromwovi ordni ekonomika dinjija inklużiva u trawwem sistema kummerċjali multilaterali miftuħa, ibbażata fuq ir-regoli u mhux diskriminatorja;

B.  billi s-sistema tas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO, bis-saħħa tal-karattru vinkolanti tagħha, ta' żewġ livelli ta' aġġudikazzjoni u tal-indipendenza u l-imparzjalità tal-aġġudikaturi tagħha, ikkontribwiet b'suċċess fl-iżgurar tar-rispett tar-regoli tad-WTO u tas-sigurtà u l-prevedibilità tas-sistema kummerċjali multilaterali, u b'hekk evitat miżuri unilaterali;

C.  billi l-Korp tal-Appell tad-WTO għandu rwol fundamentali fis-sistema tas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO;

D.  billi l-Istati Uniti ilhom mill-2017 jimblokkaw is-sostituzzjoni ta' kwalunkwe membru mis-seba' membri tal-Korp tal-Appell u ċaħdu bosta proposti biex jibda l-proċess tal-għażla għall-assenjazzjoni tal-postijiet vakanti li fadal;

E.  billi fl-10 ta' Diċembru 2019 se jiskadu l-mandati ta' tnejn mit-tliet membri li fadal tal-Korp tal-Appell u l-Korp tal-Appell mhux se jkun jista' jkompli jisma' appelli ġodda, peress li hemm bżonn ta' tliet membri biex dan ikun jista' jsir;

1.  Huwa mħasseb ħafna li, mingħajr soluzzjoni, il-Korp tal-Appell se jieqaf jiffunzjona wara l-10 ta' Diċembru 2019, u dan jista' jkollu konsegwenzi serji ħafna fuq is-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli;

2.  Jiddeplora l-fatt li d-diskussjonijiet li għaddejjin bejn il-Membri tad-WTO għadhom ma tawx riżultati pożittivi;

3.  Jappoġġa bis-sħiħ il-proċess informali ffaċilitat mill-Ambaxxatur Walker u jqis il-proposti tiegħu bħala bażi tajba ħafna biex tinstab soluzzjoni sodisfaċenti li tindirizza t-tħassib komuni dwar il-funzjonament tal-Korp tal-Appell u l-ħtieġa li dan jiġi riformat; jistieden lill-Membri kollha tad-WTO biex jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv f'dawn id-diskussjonijiet sabiex il-postijiet battala jkunu jistgħu jimtlew mill-aktar fis possibbli, filwaqt li jiżguraw li d-WTO tkun mgħammra b'riżorsi finanzjarji u umani skont il-ħtiġijiet tagħha;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli d-djalogu tagħha mal-Membri kollha tad-WTO, inklużi l-Istati Uniti, sabiex tiġi żblokkata l-proċedura ta' ħatra bħala kwistjoni ta' prijorità, anke wara l-10 ta' Diċembru 2019, jekk ikun neċessarju;

5.  Jappoġġa l-inizjattivi li dan l-aħħar ħadet l-UE biex tikkonkludi arranġamenti interim għal soluzzjonijiet provviżorji mas-sħab kummerċjali ewlenin tagħna li jippreservaw id-dritt tal-Unjoni Ewropea għas-soluzzjoni ta' tilwim kummerċjali fid-WTO permezz ta' aġġudikazzjoni vinkolanti fuq żewġ livelli, indipendenti u imparzjali, filwaqt li jfakkar li Korp Permanenti tal-Appell jibqa' l-objettiv ewlieni tal-istrateġija tal-UE;

6.  Ifakkar fl-importanza ta' djalogu interparlamentari bħala mod kif isir kontribut għad-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa u biex tinkiseb konklużjoni pożittiva;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Membri tad-WTO u lid-Direttur Ġenerali tad-WTO.

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Marzu 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza