Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2019 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward l-introduzzjoni ta' ċerti rekwiżiti għall-fornituri tas-servizzi ta' pagament (COM(2018)0812 – C8-0015/2019 – 2018/0412(CNS))
(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2018)0812),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C8-0015/2019),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 82 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0048/2019),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
3. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
4. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sostanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
Emenda 1 Proposta għal direttiva Premessa 2a (ġdida)
(2a) Skont ir-Rapport Finali tal-2019 imħejji għall-Kummissjoni fil-kuntest tal-Istudju u r-Rapporti dwar id-Diskrepanza tal-VAT fit-28 Stat Membru tal-EU ("Study and Reports on the VAT Gap in the EU-28 Member States")44a, fl-2017 id-diskrepanza tal-VAT, jiġifieri d-differenza bejn id-dħul mistenni mill-VAT u l-ammont effettivament miġbur, fl-Unjoni ammontat għal EUR 137,5 biljun, u dan jirrappreżenta EUR 267 ta' dħul mitluf għal kull persuna fl-Unjoni. Madankollu, hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri, fejn id-diskrepanzi tal-VAT ivarjaw minn inqas minn 0,7 % tad-dħul totali mistenni f'xi Stati Membri għal 35,5 % f'oħrajn. Dak jenfasizza l-bżonn ta' aktar kooperazzjoni transnazzjonali biex tiġi miġġielda aħjar il-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku b'mod partikolari, kif ukoll il-frodi tal-VAT b'mod aktar ġenerali (inkluża l-frodi karusell).
_________________
44a Disponibbli fuq https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/vat-gap-full-report-2019_en.pdf.
Emenda 2 Proposta għal direttiva Premessa 2b (ġdida)
(2b) L-istrateġija biex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT jenħtieġ li tevolvi b'mod parallel mal-modernizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni dejjem jiżdiedu tal-ekonomija tagħna filwaqt li s-sistema tal-VAT tiġi semplifikata kemm jista' jkun għan-negozji u ċ-ċittadini. Għalhekk huwa partikolarment importanti li l-Istati Membri jkomplu jinvestu fil-ġbir tat-taxxi mmexxi mit-teknoloġija, b'mod partikolari billi cash registers korporattivi u sistemi ta' bejgħ jintrabtu awtomatikament mad-dikjarazzjoni tal-VAT. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tat-taxxa jenħtieġ li jkomplu bl-isforzi tagħhom lejn skambju tal-aħjar prattiki u kooperazzjoni msaħħa, inkluż permezz tas-Summit tal-UE tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa (TADEUS), netwerk ta' kapijiet tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri li jfittex li jikseb koordinazzjoni aħjar bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa f'livell strateġiku. F'dak ir-rigward, l-awtoritajiet tat-taxxa jenħtieġ li jaħdmu lejn komunikazzjoni u interoperabilità effettivi bejn il-bażijiet ta' data kollha dwar kwistjonijiet fiskali fil-livell tal-Unjoni. It-teknoloġija blockchain tista' tintuża wkoll biex tiġi protetta aħjar id-data personali u jittejjeb l-iskambju ta' informazzjoni online bejn l-awtoritajiet tat-taxxa.
Emenda 3 Proposta għal direttiva Premessa 3a (ġdida)
(3a) Fil-preżent, peress li l-pagamenti permezz ta' pjattaformi ta' skambju ta' muniti virtwali huma eżegwiti biss f'numru limitat ta' każijiet, tali pjattaformi mhumiex meqjusa bħala fornituri ta' servizzi ta' pagament kif definit fid-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1a. Madankollu, ir-riskju ta' frodi tal-VAT, għalkemm attwalment limitat, jeżisti. Il-Kummissjoni għalhekk jenħtieġ li tevalwa fi żmien tliet snin jekk il-pjattaformi ta' skambju ta' muniti virtwali għandhomx jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
_______________
1a Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).
Emenda 4 Proposta għal direttiva Premessa 7
(7) Skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill46, importanti li l-obbligu fuq fornitur tas-servizz ta' pagament li jżomm u jipprovdi informazzjoni dwar tranżazzjoni ta' pagament transfruntier jenħtieġ li jkun proporzjonat u jkun jinkludi biss dak li huwa meħtieġ għall-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku. Barra minn hekk, l-unika informazzjoni li jenħtieġ li tinżamm dwar il-pagatur hija dik dwar fejn jinsab il-pagatur. Fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-benefiċjarju u t-tranżazzjoni ta' pagament nnifisha, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament jintalbu jżommu u jittrażmettu biss – lill-awtoritajiet tat-taxxa – l-informazzjoni li dawn jeħtieġu biex jidentifikaw frodaturi possibbli u biex iwettqu kontrolli tal-VAT. Għalhekk, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament jintalbu jżommu rekords ta' tranżazzjonijiet ta' pagament transfruntiera li x'aktarx jindikaw attivitajiet ekonomiċi. L-introduzzjoni ta' limitu massimu bbażat fuq l-għadd ta' pagamenti riċevuti minn benefiċjarju matul perjodu ta' tliet xhur kalendarji tagħti indikazzjoni affidabbli li dawk il-pagamenti jkunu ġew riċevuti bħala parti minn attività ekonomika u b'hekk jiġu esklużi l-pagamenti għal raġunijiet mhux kummerċjali. Meta jintlaħaq dan il-limitu massimu, jiskatta l-obbligu tal-kontabilità tal-fornitur tas-servizz ta' pagament.
(7) Skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill46, importanti li l-obbligu fuq fornitur tas-servizz ta' pagament li jżomm u jipprovdi informazzjoni dwar tranżazzjoni ta' pagament transfruntier jenħtieġ li jkun proporzjonat u jkun jinkludi biss dak li huwa meħtieġ għall-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku. Barra minn hekk, l-unika informazzjoni li jenħtieġ li tinżamm dwar il-pagatur hija dik dwar fejn jinsab il-pagatur. Fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-benefiċjarju u t-tranżazzjoni ta' pagament innifisha, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament jintalbu jżommu u jittrażmettu biss – lill-awtoritajiet tat-taxxa – l-informazzjoni li dawn jeħtieġu biex jidentifikaw frodaturi possibbli u biex iwettqu kontrolli tal-VAT. Għalhekk, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament jintalbu jżommu rekords ta' tranżazzjonijiet ta' pagament transfruntiera li x'aktarx jindikaw attivitajiet ekonomiċi. L-introduzzjoni ta' limitu massimu bbażat fuq l-għadd ta' pagamenti riċevuti minn benefiċjarju matul perjodu ta' tliet xhur kalendarji jew fuq ammont minimu għal kull pagament tagħti indikazzjoni affidabbli li dawk il-pagamenti jkunu ġew riċevuti bħala parti minn attività ekonomika u b'hekk jiġu esklużi l-pagamenti magħmula għal raġunijiet mhux kummerċjali. Meta jintlaħaq dan il-limitu massimu, jiskatta l-obbligu tal-kontabilità tal-fornitur tas-servizz ta' pagament.
_________________
_________________
46 Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
46 Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
Emenda 5 Proposta għal direttiva Premessa 8
(8) Minħabba l-volum sinifikanti ta' informazzjoni u s-sensittività tagħha f'termini ta' protezzjoni tad-data personali, huwa meħtieġ u proporzjonat li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament iżommu rekords tal-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet ta' pagament transfruntiera għal perjodu ta' sentejn sabiex jassistu lill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku u biex jidentifikaw il-frodaturi. Dan il-perjodu jikkostitwixxi l-minimu meħtieġ għall-Istati Membri biex iwettqu l-kontrolli b'mod effettiv u biex jinvestigaw is-suspetti ta' frodi tal-VAT jew biex jidentifikaw il-frodi tal-VAT.
(8) Minħabba l-volum sinifikanti ta' informazzjoni u s-sensittività tagħha f'termini ta' protezzjoni tad-data personali, huwa meħtieġ u proporzjonat li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament iżommu rekords tal-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet ta' pagament transfruntiera għal perjodu ta' tliet snin sabiex jassistu lill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku u biex jidentifikaw il-frodaturi. Dan il-perjodu jikkostitwixxi l-minimu meħtieġ għall-Istati Membri biex iwettqu l-kontrolli b'mod effettiv u biex jinvestigaw is-suspetti ta' frodi tal-VAT jew biex jidentifikaw il-frodi tal-VAT.
Emenda 6 Proposta għal direttiva Premessa 8a (ġdida)
(8a) Jenħtieġ li jkun hemm obbligu ta' rapportar u żamma tar-rekords anke meta fornitur ta' servizzi ta' pagament jirċievi fondi jew jaċċetta tranżazzjonijiet ta' pagament f'isem il-benefiċjarju u mhux biss meta fornitur ta' servizzi ta' pagament jittrasferixxi fondi jew joħroġ strumenti ta' pagament għall-pagatur.
Emenda 7 Proposta għal direttiva Premessa 8b (ġdida)
(8b) Jeħtieġ jiġi adottat mandat ambizzjuż għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) b'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali sabiex tiġi żgurata prosekuzzjoni effiċjenti fil-konfront tal-frodaturi quddiem il-qrati nazzjonali. Jenħtieġ li tittieħed azzjoni legali kontra l-frodi transfruntiera organizzata tal-VAT u l-frodaturi jiġu kkastigati.
Emenda 8 Proposta għal direttiva Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt b Direttiva 2006/112/KE Artikolu 243b – paragrafu 2 – punt b
(b) fir-rigward tat-trasferiment ta' fondi msemmi fil-punt (a), meta fornitur tas-servizzi ta' pagament jeżegwixxi aktar minn 25 tranżazzjoni ta' pagament lill-istess benefiċjarju matul perjodu ta' tliet xhur kalendarji.
(b) fir-rigward tat-trasferiment ta' fondi msemmi fil-punt (a), meta fornitur tas-servizzi ta' pagament jeżegwixxi aktar minn 25 tranżazzjoni ta' pagament lill-istess benefiċjarju matul perjodu ta' tliet xhur kalendarji jew jeżegwixxi trasferiment ta' fondi li jkollu valur monetarju ta' mill-inqas EUR 2 500 fi tranżazzjoni ta' pagament unika.
Emenda 9 Proposta għal direttiva Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt b Direttiva 2006/112/KE Artikolu 243b – paragrafu 3 – punt a
(a) jinżammu mill-fornitur tas-servizzi ta' pagament f'format elettroniku għal perjodu ta' sentejn minn tmiem is-sena li fiha tkun ġiet eżegwita t-tranżazzjoni ta' pagament;
(a) jinżammu mill-fornitur tas-servizzi ta' pagament f'format elettroniku għal perjodu ta' tliet snin minn tmiem is-sena li fiha tkun ġiet eżegwita t-tranżazzjoni ta' pagament;
Emenda 10 Proposta għal direttiva Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt b Direttiva 2006/112/KE Artikolu 243c – paragrafu 1 – punt a
(a) l-IBAN tal-kont ta' pagament tal-pagatur;
(a) l-IBAN tal-kont ta' pagament tal-pagatur jew kwalunkwe identifikatur ieħor li jidentifika l-pagatur u fejn jinsab il-pagatur mingħajr ambigwità;
Emenda 11 Proposta għal direttiva Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1 – punt b Direttiva 2006/112/KE Artikolu 243d – paragrafu 1 – punt h
(h) kull rifużjoni ta' pagament eżegwita għat-tranżazzjonijiet ta' pagament imsemmija fil-punt (g);
(h) kull rifużjoni ta' pagament eżegwita għat-tranżazzjonijiet ta' pagament imsemmija fil-punt (g), jekk disponibbli;
Emenda 12 Proposta għal direttiva Artikolu 1 - paragrafu 1 - punt 1a (ġdid) Direttiva 2006/112/KE Titolu XV – Kapitolu 2a – Artikolu 410c (ġdid)
(1a) Fil-Kapitolu 2a tat-Titolu XV, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
''Artikolu 410c
Sal-31 ta' Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha, abbażi ta' informazzjoni miksuba mill-Istati Membri, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tħaddim tat-Taqsima 2a tal-Kapitolu 4 tat-Titolu XI, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu inklużi pjattaformi ta' skambju ta' muniti virtwali fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dik it-Taqsima. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposta leġiżlattiva.''
Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2021, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta' dawk id-dispożizzjonijiet.
Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2023, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta' dawk id-dispożizzjonijiet.