Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2912(RPS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0229/2019

Testi mressqa :

B9-0229/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2019)0095

Testi adottati
PDF 124kWORD 42k
L-Erbgħa, 18 ta' Diċembru 2019 - Strasburgu
Ebda oġġezzjoni għal miżura ta' implimentazzjoni: emendi għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 39 u l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 7 u 9
P9_TA(2019)0095B9-0229/2019

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għall-abbozz tar-regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 39, l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 7 u 9 (D064618/01 – 2019/2912(RPS))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni (D064618/01),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tas-7 ta' Novembru 2019, li permezz tagħha talbet lill-Parlament jiddikjara li mhuwiex se joġġezzjona għall-abbozz ta' Regolament,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tat-3 ta' Diċembru 2019 lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 112(4)(d) u l-Artikolu 111(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

A.  billi, fis-26 ta' Settembru 2019, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB) ħareġ emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 9 – Strumenti Finanzjarji u għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 39 – Strumenti Finanzjarji; billi dawk l-emendi għandhom l-għan li jipprovdu eżenzjoni ġenerali fid-dawl tal-"1 fażi" tas-sostituzzjoni tar-rata Interbankarja Offruta (IBOR); billi dawk l-emendi jipprovdu ċarezza lill-kumpaniji li jirrapportaw skont l-IFRS u l-awdituri tagħhom li s-sostituzzjoni tar-rati ta' referenza fis-suq kollu b'rati ta' referenza mtejba (kważi) mingħajr riskju mhux se tfixkel ir-relazzjonijiet tal-iħħeġġjar minħabba l-inċertezza ta' sostituzzjoni; billi dawk l-emendi jipprovdu ċertezza legali fil-qafas tar-rapportar finanzjarju tal-IFRS u tal-IAS u jipprevjenu stress żejjed fis-sistema finanzjarja; billi l-Kummissjoni ħeġġet lill-IASB biex tħaffef il-ħruġ ta' dawk l-emendi sabiex l-Unjoni tapprova dawn l-emendi fil-ħin;

B.  billi l-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rapportar Finanzjarju (EFRAG) pprovda lill-Kummissjoni b'parir ta' approvazzjoni pożittiv fis-16 ta' Ottubru 2019;

C.  billi l-Kummissjoni kkonkludiet li l-interpretazzjoni tissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 u ssostni li dawk l-emendi proposti jevitaw il-waqfien tar-relazzjonijiet tal-iħħeġġjar bħala riżultat ta' inċertezzi relatati mat-tranżizzjoni tal-IBOR sabiex ir-rapporti finanzjarji skont l-IFRS ikunu jistgħu juru b'mod xieraq l-impatt tal-ġestjoni tar-riskju u jipprevjenu volatilità bla bżonn fil-profitt jew it-telf;

D.  billi l-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità ħareġ opinjoni pożittiva dwar dawk l-emendi fil-5 ta' Novembru 2019;

E.  billi l-IASB stabbilixxa l-1 ta' Jannar 2020 bħala d-data effettiva għal dawk l-emendi għall-IFRS 9 u għall-IAS 39 bil-possibbiltà li tiġi applikata qabel; billi l-istituzzjonijiet finanzjarji soġġetti għall-IFRS u l-kontabbiltà IAS, għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħhom tal-2019, ma jistgħux jużaw it-trattament skont dawk l-emendi proposti qabel l-approvazzjoni u l-pubblikazzjoni tagħhom; billi l-kumpaniji tal-Unjoni jitqiegħdu fi żvantaġġ meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom f'ġurisdizzjonijiet oħra jekk ma jkunux f'pożizzjoni li jagħmlu użu mill-eżenzjoni pprovduta minn dawk l-emendi; billi għalhekk dawk l-emendi għandhom jiġu approvati u ppubblikati qabel l-aħħar ta' Diċembru 2019 sabiex ikunu applikabbli għall-perjodi finanzjarji li jibdew minn, wara jew qabel l-1 ta' Jannar 2020;

1.  Jiddikjara li ma joġġezzjonax għall-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kummissjoni u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kunsill.

(1) ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.
(2) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Mejju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza