Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2901(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0238/2019

Testi mressqa :

B9-0238/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/12/2019 - 13.7

Testi adottati :

P9_TA(2019)0102

Testi adottati
PDF 182kWORD 52k
L-Erbgħa, 18 ta' Diċembru 2019 - Strasburgu
Tassazzjoni ġusta f'ekonomija diġitalizzata u globalizzata - BEPS 2.0
P9_TA(2019)0102B9-0238/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar tassazzjoni ġusta f'ekonomija diġitalizzata u globalizzata: BEPS 2.0 (2019/2901(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 4 u 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 107, 108, 113, 115 u 116 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-BEPS maħruġ mill-OECD f'Ottubru 2015, u b'mod partikolari l-Azzjoni 1 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma tal-OECD tad-29 ta' Mejju 2019 dwar l-iżvilupp ta' soluzzjoni ta' kunsens għall-isfidi fiskali li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija,

–  wara li kkunsidra d-dokumenti ta' konsultazzjoni pubblika tal-OECD tad-9 ta' Ottubru 2019 u tat-8 ta' Novembru 2019, intitolati, rispettivament, "Secretariat Proposal for a 'Unified Approach' under Pillar One" u "Global Anti-Base Erosion Proposal ("GloBE") – Pillar Two" (żewġ proposti tas-Segretarjat tal-OECD),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat TAXE tal-25 ta' Novembru 2015 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(1), ir-riżoluzzjoni tal-Kumitat TAX2 tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(2), ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat PANA tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa(3), u r-riżoluzzjoni tal-Kumitat TAX3 tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tas-16 ta' Diċembru 2015 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-taxxa fuq il-kumpaniji fi ħdan l-Unjoni(5),

–  wara li kkunsidra s-segwitu mogħti mill-Kummissjoni lil kull waħda mir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament imsemmijin hawn fuq(6),

–  wara li kkunsidra l-eżiti ta' diversi summits tal-G7, tal-G8 u tal-G20 dwar kwistjonijiet fiskali internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' politika tal-Fond Monetarju Internazzjonali dwar it-tassazzjoni korporattiva fl-ekonomija globali(7),

–  wara li kkunsidra l-bosta skandli żvelati mill-ġurnalisti investigattivi, bħal-LuxLeaks, il-Panama Papers, il-Paradise Papers u – dan l-aħħar – l-iskandli CumEx, kif ukoll il-każijiet ta' ħasil tal-flus li jinvolvu, partikolarment, banek fid-Danimarka, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Latvja, in-Netherlands u r-Renju Unit,

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu dwar l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq kwistjonijiet fiskali internazzjonali(8),

–  wara li kkunsidra l-istudji tal-Kummissjoni dwar l-indikaturi tal-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva(9),

–  wara li kkunsidra l-evidenza miġbura mill-Kumitat TAX3 fl-34 seduta ta' smigħ mal-esperti jew skambji ta' fehmiet ma' Kummissarji u Ministri kif ukoll waqt il-missjonijiet fl-Istati Uniti, fil-Latvja, f'Isle of Man, fl-Estonja u fid-Danimarka,

–  wara li kkunsidra l-qafas modernizzat u aktar robust għat-taxxa korporattiva introdott f'din il-leġiżlatura, b'mod partikolari d-Direttivi kontra l-Evitar tat-Taxxa (ATAD I(10) u ATAD II(11)),

–  wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni li għadhom ma ġewx adottati, partikolarment dawk dwar il-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva (BK(K)TK)(12), il-pakkett tat-tassazzjoni diġitali(13) u r-rapport għal kull pajjiż (CBCR)(14), kif ukoll il-pożizzjoni tal-Parlament dwar dawn il-proposti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata fl-1 ta' Diċembru 1997 mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri dwar kodiċi ta' kondotta dwar it-tassazzjoni tal-impriżi(15), u r-rapporti regolari tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Impriżi) lill-Kunsill ECOFIN,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Marzu 2018 dwar ir-rekwiżiti l-ġodda għall-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa introdotti fil-leġiżlazzjoni tal-UE li tirregola l-operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment (C(2018)1756),

–  wara li kkunsidra l-investigazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat(16),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2016 dwar Strateġija Esterna għal Tassazzjoni Effettiva (COM(2016)0024), li fiha l-Kummissjoni tistieden lill-UE "tmexxi bl-eżempju",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2017 dwar il-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa,

–  wara li kkunsidra n-nota tal-Presidenza tat-28 ta' Ottubru 2019 dwar is-sitwazzjoni attwali fit-tassazzjoni diġitali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa bħala sfidi għall-governanza, il-protezzjoni soċjali u l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(17),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Jannar 2019 bit-titlu "Lejn teħid ta' deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE" (COM(2019)0008),

–  wara li kkunsidra l-ittri ta' missjoni u s-seduti ta' smigħ tal-Viċi President Eżekuttiv għal Ewropa Lesta għall-Era Diġitali, il-Viċi President Eżekuttiv għal Ekonomija għas-Servizz tan-Nies u l-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Euro(18),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar tassazzjoni ġusta f'ekonomija diġitalizzata u globalizzata: BEPS 2.0 (O-000040/2019 – B9-000060/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-regoli tat-taxxa korporattiva internazzjonali attwali jistgħu jkunu disfunzjonali u jaf hemm bżonn jiġu aġġornati għax imorru lura għall-bidu tas-seklu 20 u ma kinux imfassla għall-isfidi tal-ekonomija diġitali, bir-riżultat li l-pajjiżi jieħdu miżuri unilaterali biex jindirizzaw dawn l-isfidi;

B.  billi wara l-kriżi finanzjarja tal-2008-2009 u sensiela ta' skandli żvelati minn ġurnalisti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar prattiki ta' evażjoni tat-taxxa, pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, evitar tat-taxxa u ħasil tal-flus, il-pajjiżi tal-G20 qablu li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet globalment fil-livell tal-OECD permezz tal-proġett tal-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS), li wassal għall-Pjan ta' Azzjoni dwar il-BEPS; billi kien hemm diversi livelli ta' determinazzjoni u impenn fl-applikazzjoni tar-regoli tal-OECD dwar il-BEPS;

C.  billi l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-BEPS irnexxielu jwassal għal kunsens globali dwar ħafna aspetti sabiex jiġu miġġielda l-evażjoni tat-taxxa, il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u l-evitar tat-taxxa; billi, madankollu, ma ntlaħaqx qbil dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi fiskali li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija, bir-riżultat li fl-2015 ġie ppubblikat rapport finali separat dwar l-Azzjoni 1 tal-BEPS;

D.  billi l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjonijiet tal-Kumitati TAXE, TAX2, TAX3 u PANA, kif ukoll fl-opinjoni tiegħu dwar bażi komuni għat-taxxa korporattiva, talab ripetutament riforma tas-sistema tat-taxxa korporattiva internazzjonali bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u l-isfidi tal-intaxxar tal-ekonomija diġitali, u appella biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jaslu għal qbil dwar pożizzjoni Ewropea komuni fil-livell tal-OECD/G20 jew jaġixxu fil-livell tal-UE jekk ma jkunx jista' jintlaħaq qbil internazzjonalment;

E.  billi, fl-2018, matul in-negozjati li għaddejjin biex jintlaħaq qbil fil-livell internazzjonali, il-Kummissjoni ressqet żewġ proposti li jindirizzaw l-intaxxar tal-ekonomija diġitali; billi l-Parlament Ewropew qabel mal-proposti, iżda dawn ma ġewx adottati fil-Kunsill għax għadd żgħir ta' Stati Membri opponewhom u b'hekk ma setax jintlaħaq qbil unanimu: soluzzjoni immedjata li tintroduċi taxxa fuq is-servizzi diġitali (DST), u soluzzjoni fit-tul li tiddefinixxi preżenza diġitali sinifikanti (SDP) bħala rabta taxxabbli għal finijiet ta' tassazzjoni korporattiva u tieħu post id-DST;

F.  billi, wara mandat mill-Ministri tal-Finanzi tal-G20 f'Marzu 2017, il-Qafas Inklużiv (IF) tal-OECD/G20 dwar il-BEPS, permezz tat-Task Force dwar l-Ekonomija Diġitali, f'Marzu 2018 ħareġ rapport interim bit-titlu "Tax Challenges Arising from Digitalisation";

G.  billi, f'Mejju 2019, l-IF adotta Programm ta' Ħidma biex jintlaħaq kunsens – approvat mill-G20 – bil-ħsieb li jintlaħaq qbil qabel tmiem l-2020;

H.  billi l-IF issuġġerixxa li l-proposti li tressqu mill-membri u li qed jiġu kkunsidrati biex jiġu indirizzati l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni jinġabru f'żewġ pilastri: l-ewwel pilastru jiffoka fuq l-allokazzjoni ta' drittijiet ta' ntaxxar permezz ta' regoli ġodda dwar ir-rabtiet u l-allokazzjoni tal-profitti u t-tieni wieħed jindirizza l-kwistjonijiet l-oħra tal-BEPS u jintroduċi miżuri li jiżguraw livell ta' taxxa minimu;

I.  billi, fid-9 ta' Ottubru 2019, is-Segretarjat tal-OECD nieda konsultazzjoni pubblika abbażi tal-proposta tiegħu għal "approċċ unifikat" bil-għan li jintlaħaq kunsens dwar it-tliet alternattivi stabbiliti fl-ewwel pilastru; billi, fit-18 ta' Ottubru 2019, il-G20(19) laqa' l-isforzi tas-Segretarjat tal-OECD biex jippreżenta l-approċċ unifikat propost fl-ewwel pilastru iżda ma approvax il-proposta formalment; billi, fit-8 ta' Novembru 2019, is-Segretarjat tal-OECD nieda konsultazzjoni pubblika dwar il-proposta "GloBE" fit-tieni pilastru;

J.  billi, flimkien ma' kundizzjonijiet ekwi bejn il-kumpaniji – speċjalment fost l-intrapriżi żgħar u medji – sistema ta' tassazzjoni ġusta u effiċjenti hija fundamentali biex tiġi indirizzata l-inugwaljanza u jiġu żgurati ċ-ċertezza u l-istabbiltà, li huma prerekwiżiti għall-kompetittività; billi sistema ta' tassazzjoni ġusta u effiċjenti hija essenzjali wkoll biex l-Istati Membri jiżguraw dħul mit-taxxa li jippermettilhom jimplimentaw politiki sodi, u li tgawdi minnu l-UE kollha kemm hi permezz ta' stabbiltà akbar;

K.  billi, fil-livell tal-UE, ir-rati nominali tat-taxxa korporattiva naqsu bi 32 %, minn medja ta' 32 % fl-2000 għal 21,7 % fl-2019(20); billi dan it-tnaqqis jista' jkollu implikazzjonijiet għas-sostenibbiltà tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali tal-UE u effetti konsegwenzjali fuq pajjiżi oħra; billi, mit-38 pajjiż mistħarreġ fir-rapport tal-OECD dwar ir-riformi fil-politika tat-tassazzjoni għall-2018(21), 22 kienu kkombinaw ir-rati statutorji tat-taxxa korporattiva fil-livell ta' 25 % jew inqas, meta mqabbla ma' sitta biss fl-2000;

L.  billi, f'xi rapporti dwar il-pajjiżi, il-Kummissjoni kkritikat in-nuqqasijiet li jiffaċilitaw il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva fis-sistemi tat-taxxa nazzjonali, għar-raġuni li dawn jimminaw l-integrità tas-suq uniku Ewropew;

M.  billi fil-ktajjen tal-valur tal-intrapriżi multinazzjonali (MNEs) kien hemm tranżizzjoni gradwali minn produzzjoni tanġibbli għal assi intanġibbli, kif jidher mir-rati relattivi ta' tkabbir fid-dħul mir-royalties u t-tariffi tal-liċenzji f'dawn l-aħħar ħames snin (kważi 5 % kull sena) meta mqabbla mal-kummerċ fil-merkanzija u l-investiment dirett barrani (inqas minn 1 % kull sena); billi, f'xi Stati Membri, xi MNEs ma jħallsu kważi xejn f'taxxi billi jagħmlu użu minn strateġiji ta' pjanifikazzjoni fiskali legali, minkejja l-preżenza diġitali sinifikanti tagħhom u d-dħul kbir li jiġġeneraw f'dawk l-Istati Membri;

N.  billi t-trasferiment tal-kompetenzi fil-qasam tat-tassazzjoni mil-livell nazzjonali għal dak tal-UE jirrikjedi bidla fit-trattat;

It-tfittxija ta' soluzzjoni ta' kunsens għall-isfidi fiskali li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija

1.  Jirrikonoxxi l-progress magħmul mill-Pjan ta' Azzjoni dwar il-BEPS u l-implimentazzjoni tiegħu fl-UE permezz tal-ATAD, iżda jirrikonoxxi li xi sfidi, partikolarment dawk marbuta mal-globalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija, għadhom ma ġewx indirizzati;

2.  Jirrimarka li l-ATAD marret lil hinn mill-Pjan ta' Azzjoni dwar il-BEPS u, bir-regoli l-ġodda dwar il-kumpaniji barranin ikkontrollati fl-UE, il-profitti pparkjati fir-rifuġji fiskali jistgħu jiġu ntaxxati fl-Istat Membru fejn MNE jkollha l-kwartieri ġenerali tagħha; jinnota li dawn it-tipi ta' miżuri jillimitaw il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u l-evitar tat-taxxa; jistieden lill-Kummissjoni l-ġdida biex tevalwa l-implimentazzjoni tal-ATAD mill-Istati Membri, biex tanalizza modi ġodda possibbli biex tiġi evitata din id-direttiva, u biex tippreżenta proposti leġiżlattivi ġodda biex jiġu miġġielda tali metodi meta jkun meħtieġ;

3.  Ifakkar li l-proposti tal-UE għall-BK(K)TK imorru ferm lil hinn minn dawn l-alternattivi tal-OECD fil-livell tal-UE, partikolarment billi jabbandunaw il-prinċipju ta' "entità separata"; ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-BK(K)TK;

4.  Iqis li l-proposti tal-UE dwar il-BK(K)TK huma ta' benefiċċju kemm għall-kumpaniji kif ukoll għaċ-ċittadini billi jissimplifikaw il-qafas fiskali u jgħinu fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa; jenfasizza l-importanza tal-konsolidazzjoni fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv, l-ispejjeż relatati mal-konformità u l-ostakli fiskali għall-kumpaniji transfruntiera fl-UE u t-tneħħija tal-bżonn ta' arranġamenti kumplessi fejn jidħol l-ipprezzar ta' trasferiment; iħeġġeġ lill-Kunsill, għalhekk, jadotta ż-żewġ proposti malajr;

5.  Ifakkar li l-UE kienet pijunier fl-isforzi biex jiġu indirizzati l-isfidi fiskali li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni, partikolarment permezz tal-proposti dwar il-BK(K)TK, id-DST u l-SDP;

6.  Jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri ma kinux kapaċi jilħqu qbil dwar approċċ konġunt rigward il-BK(K)TK, id-DST u l-SDP; jinnota li l-mira tal-OECD hi li, sa tmiem l-2020, ikunu ġew indirizzati l-isfidi fiskali relatati mad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u tkun instabet soluzzjoni fit-tul abbażi ta' kunsens; iqis li soluzzjoni globali tkun l-aktar mod effiċjenti biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi;

7.  Jinnota li xi Stati Membri stabbilew DST jew SDP fil-livell nazzjonali – jew qed jikkunsidraw jistabbilixxu waħda – bħala soluzzjoni alternattiva f'każ li n-negozjati fil-livell tal-OECD u tal-UE ma jirnexxux;

8.  Jilqa' l-Programm ta' Ħidma tal-IF bħala pass importanti lejn qbil fil-livell internazzjonali fi ħdan l-OECD/IF dwar ir-riforma tas-sistema tat-taxxa korporattiva internazzjonali, kif mitlub mill-Parlament;

9.  Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kollha involuti fl-IF bħala partijiet indaqs, f'qafas li jlaqqa' flimkien aktar minn 130 pajjiż u ġurisdizzjoni biex jikkollaboraw fl-implimentazzjoni tal-pakkett BEPS tal-OECD/G20 u jinnegozjaw soluzzjonijiet konġunti biex jiġu indirizzati l-isfidi l-oħra tal-BEPS; ifakkar, madankollu, li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma kinux involuti fil-proċess tal-BEPS ħlief fl-aħħar stadji tan-negozjati; jilqa', għalhekk, l-inklużività tan-negozjati li għaddejjin bħalissa; ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-ħolqien ta' korp fiskali intergovernattiv fl-ambitu tan-NU;

10.  Jinnota li s-sejbiet preliminari tal-valutazzjoni tal-impatt tas-Segretarjat tal-OECD jissuġġerixxu li l-effett kombinat tal-Ewwel Pilastru u tat-Tieni Pilastru jwassal għal żieda sinifikanti fid-dħul mit-taxxa globali kif ukoll għar-ridistribuzzjoni tad-drittijiet ta' ntaxxar għall-ġurisdizzjonijiet tas-suq; jinnota b'mod partikolari li t-Tieni Pilastru jwassal għal żieda sinifikanti fid-dħul mit-taxxa korporattiva fuq livell globali; jifhem li ż-żewġ pilastri ma jaffettwawx b'mod negattiv il-kwistjoni kritika tal-ambjent tal-investiment(22); jistieden lill-Istati Membri jinsistu li l-OECD tkabbar l-ambitu tal-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha biex tinkludi verżjonijiet differenti tal-proposti u analiżi ta' kif ir-rabta taffettwa d-dħul mit-taxxa korporattiva ta' pajjiżi individwali, u li tippubblika dawk il-valutazzjonijiet tal-impatt ladarba jkunu ġew iffinalizzati sabiex tipprovdi l-gwida meħtieġa dwar ir-riformi proposti;

11.  Jenfasizza l-ispeċifiċitajiet tas-suq uniku, li jipprovdi għall-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi, u għalhekk iqis li kwalunkwe riforma tat-taxxa korporattiva internazzjonali għandha tiżgura l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku, b'mod partikolari billi jiġu ssalvagwardjati kundizzjonijiet ekwi għall-impriżi kollha, b'mod partikolari għall-SMEs, inkluż billi jiġi żgurat li l-kumpaniji jħallsu sehem ġust tat-taxxa fejn iseħħu l-attivitajiet ekonomiċi u l-attivitajiet ekonomiċi sostantivi u ġenwini tagħhom u li d-dħul mit-taxxa jkun imqassam b'mod ġust fl-Istati Membri kollha; iqis li l-aċċess għas-suq uniku, li huwa wieħed mill-akbar ġabriet ta' konsumaturi fid-dinja u li jżid il-kompetittività tal-UE, imur id f'id mar-responsabbiltà tat-taxxa;

12.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-kompetizzjoni fiskali bejn l-Istati Membri tinżamm ġusta u trasparenti, u għalhekk twassal għat-tkabbir u l-impjiegi;

L-Ewwel Pilastru – Lejn approċċ unifikat għal allokazzjoni aktar ġusta ta' drittijiet ta' ntaxxar

13.  Jilqa' l-proposta tas-Segretarjat tal-OECD li jgħaqqad it-tliet alternattivi kollha li qed jiġu kkunsidrati fl-Ewwel Pilastru peress li huma jikkondividu l-objettivi li ġejjin:

   ir-riallokazzjoni tad-drittijiet ta' ntaxxar favur l-utent/ġurisdizzjoni tas-suq,
   jipprevedu regola ġdida ta' rabta li ma tkunx tiddependi fuq preżenza fiżika fil-ġurisdizzjoni tal-utent/tas-suq,
   jibdew mill-profitti globali tal-kumpaniji multinazzjonali u jitbiegħdu mill-prinċipju ta' entità separata,
   jimmiraw għas-sempliċità, l-istabbilizzazzjoni tas-sistema tat-taxxa u ż-żieda fiċ-ċertezza tat-taxxa fl-implimentazzjoni;

Kamp ta' applikazzjoni

14.  Jitlob li l-ekonomija diġitali ma tiġix iżolata peress li l-isfidi fiskali li s-sistema fiskali internazzjonali qed tiffaċċja bħalissa mhumiex biss minħabba d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija iżda huma marbuta wkoll ma' ekonomija globalizzata akbar;

15.  Iqis li l-ambitu tar-riforma, filwaqt li jipprevjeni li jitqiegħdu aktar piżijiet u piżijiet mhux meħtieġa fuq l-SMEs, għandu jkopri d-ditti kbar kollha li għandhom il-possibbiltà li jinvolvu ruħhom fil-prattiki BEPS billi jużaw skemi tal-ippjanar tat-taxxa legali f'diversi Stati Membri u pajjiżi terzi; jinnota li l-proposta attwali tas-Segretarjat tal-OECD tillimita l-kamp ta' applikazzjoni ta' din ir-riforma għal negozji diġitali jew li jaffaċċjaw direttament lill-konsumatur, kunċett li għadu ma ġiex definit b'mod ċar, u għandu impatt biss fuq numru limitat ta' intrapriżi multinazzjonali involuti fl-ippjanar aggressiv tat-taxxa;

16.  Jirrakkomanda li, bħala bażi, il-profitti operazzjonali għandhom jiġu minn kontijiet finanzjarji kkonsolidati wara analiżi ta' fattibbiltà; jirrikonoxxi, madankollu, l-eżistenza ta' lakuni temporali meta wieħed jiddependi fuq kontijiet finanzjarji konsolidati u jistieden lill-Istati Membri biex jiċċaraw dan il-punt matul in-negozjati fil-livell tal-IF;

17.  Jinnota li l-proposta attwali tas-Segretarjat tal-OECD tipprevedi l-esklużjoni ta' setturi speċifiċi bħas-settur tal-estrazzjoni u s-settur tal-prodotti bażiċi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi dawk l-esklużjonijiet fl-analiżi tal-impatt tagħha, b'mod partikolari sabiex jiġi żgurat li r-riforma internazzjonali tirrispetta l-inizjattiva tal-UE tal-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp;

18.  Iħeġġeġ lill-OECD tagħmel distinzjoni ċara bejn is-setturi u d-daqsijiet ta' negozju fil-proposta tagħha;

19.  Iqis li l-qafas tat-taxxa għandu jkun kapaċi jilħaq bilanċ bejn is-sitwazzjonijiet differenti, b'mod partikolari d-dħul minn monopolju u kumpaniji innovattivi b'rata għolja ta' tkabbir;

Rabta ġdida

20.  Jilqa' l-idea li tiġi żviluppata rabta ġdida li tmur lil hinn mill-kunċett ta' preżenza fiżika f'pajjiż li tagħti lil dak il-pajjiż drittijiet ta' ntaxxar; iqis li r-rabta għandha tkun imfassla sabiex tinkludi l-kumpaniji kollha li jinteraġixxu mal-konsumaturi u l-utenti f'dak il-pajjiż, anke b'mezzi diġitali;

21.  Jilqa' l-idea li jiġi żviluppat limitu ta' dħul speċifiku għall-pajjiż ikkalibrat biex jiġi żgurat li l-ekonomiji iżgħar ikollhom ukoll is-sehem ġust tagħhom ta' drittijiet ta' ntaxxar; ifakkar, f'dan il-kuntest, il-proposta tal-UE għal SDP;

22.  Jilqa' l-idea li din ir-rabta ġdida tkun dispożizzjoni awtonoma li telimina l-ħtieġa li jiġu riveduti t-trattati kollha dwar it-taxxa;

Allokazzjoni ġdida ta' drittijiet ta' ntaxxar

23.  Jilqa' l-idea li tiġi żviluppata allokazzjoni ġdida ta' drittijiet ta' ntaxxar li tmur lil hinn mill-prinċipju ta' distakkament ("arm' s length principle" - ALP) u li talloka drittijiet ġodda ta' ntaxxar lill-ġurisdizzjonijiet tas-suq;

24.  Iqis li l-fatt li ssir distinzjoni bejn profitti ta' rutina u mhux ta' rutina, kunċetti li għadhom mhumiex definiti b'mod ċar u li jistgħu jwasslu għal distinzjoni artifiċjali biss, u li jinżammu regoli tal-ipprezzar ta' trasferiment ibbażati fuq l-ALP għall-biċċa l-kbira tal-allokazzjoni tal-profitti, se jżidu piż sinifikanti ta' kumplessità u inċertezza għan-negozji, b'mod partikolari fir-rigward tal-linji gwida tal-OECD dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti; jemmen li reviżjoni aktar sħiħa tal-ALP tkun xierqa; jinsab imħasseb li dan jista' jżid opportunitajiet biex jiġu evitati r-regoli ġodda maqbula;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiċċaraw kif ir-rabta l-ġdida u l-allokazzjoni ta' drittijiet ta' ntaxxar jistgħu jeżistu flimkien mar-regoli attwali tal-ipprezzar ta' trasferiment kif issuġġerit mill-OECD; għalhekk jippreferi soluzzjoni li tiffavorixxi t-tqassim frazzjonali ta' profitti globali, ibbażata fuq fatturi li jirrappreżentaw attività ekonomika sostantiva u ġenwina u l-ħolqien tal-valur, speċjalment il-bejgħ, l-impjegati, l-assi u l-utenti; f'dan ir-rigward, ifakkar għalhekk il-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposti C(C)CTB u SDP, inkluż fuq l-investimenti tar-R&Ż;

26.  Jilqa' r-rieda li tiġi żgurata ċ-ċertezza tat-taxxa u li jiġi limitat it-tilwim li jista' jinqala' mill-implimentazzjoni tar-rabta ġdida u l-allokazzjoni l-ġdida ta' drittijiet ta' ntaxxar; jitlob, għalhekk, li tiġi studjata l-fattibilità ta' mekkaniżmu, bħal "punt uniku ta' servizz" li jissimplifika l-kalkolu u l-ħlas tat-taxxa dovuta u jnaqqas il-piż amministrattiv kemm fuq il-kumpaniji kif ukoll fuq l-awtoritajiet tat-taxxa, filwaqt li jikkonforma mal-obbligi nazzjonali tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa; jenfasizza, madankollu, li ċ-ċertezza tat-taxxa tinkiseb l-aħjar billi jiġu stabbiliti regoli sempliċi, ċari u armonizzati li qabelxejn jipprevjenu t-tilwim; iqajjem tħassib dwar il-proposta tal-Ammont C tas-Segretarjat tal-OECD għall-arbitraġġ obbligatorju minħabba l-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim eżistenti fil-livell tal-UE(23);

It-tieni pilastru - Proposta globali kontra l-erożjoni tal-bażi (GloBE)

27.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim dwar it-Tieni Pilastru tal-PoW li ntlaħaq(24) mill-membri tal-IF "biex jesploraw approċċ li jħalli lill-ġurisdizzjonijiet ħielsa li jiddeterminaw is-sistema tat-taxxa tagħhom stess, inkluż jekk għandhomx taxxa korporattiva u fejn jistabbilixxu r-rati tat-taxxa tagħhom, iżda jqis id-dritt ta' ġurisdizzjonijiet oħra li japplikaw ir-regoli esplorati aktar 'l isfel fejn id-dħul jiġi intaxxat b'rata effettiva taħt rata minima"(25);

28.  Jieħu nota tal-impenji tal-G7, fejn "taħt it-tieni pilastru, il-ministri qablu li livell minimu ta' tassazzjoni effettiva, bħal pereżempju r-reġim tal-GILTI tal-Istati Uniti, jikkontribwixxi biex jiġi żgurat li l-kumpaniji jħallsu s-sehem ġust tagħhom ta' taxxa"(26);

29.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta GloBE, li għandha l-għan li tiżgura li jitħallas livell minimu ta' taxxa fejn qed jinħoloq valur u fejn qed isseħħ attività ekonomika; iqis li l-għan aħħari tal-miżuri tal-Pilastru II għandu jkun li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li fadal tal-BEPS filwaqt li tiġi evitata l-kompetizzjoni tat-taxxa li tagħmel ħsara, b'mod partikolari billi jitnaqqsu l-pressjonijiet biex jingħataw inċentivi tat-taxxa mhux ġustifikati mingħajr ebda impatt ekonomiku pożittiv, flimkien ma' miżuri eżistenti mmirati biex jindirizzaw l-evażjoni tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta u timmonitorja l-impatt ta' dan l-istandard minimu futur dwar tnaqqis potenzjali ġenerali fir-rata tat-taxxa statutorja korporattiva fl-UE kollha;

30.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-proposta GloBE tipprovdi għall-eħfef qafas li ma jwassalx għall-iżvilupp ta' skemi fiskali dannużi; ifakkar fit-talba tal-Parlament għal elenkar tal-UE ta' miżuri fiskali dannużi; jenfasizza li l-użu ta' eċċezzjonijiet u eżenzjonijiet jimminaw l-volontà politika u l-effikaċja tal-proposta GloBE; jirrakkomanda li l-prattiki tat-taxxa dannużi kollha li jinsabu fl-Azzjoni BEPS 5 huma koperti mill-proposta GloBE;

31.  Jifhem li l-proposta GloBE tikkostitwixxi sett ta' miżuri difensivi bħal regola ta' inklużjoni tad-dħul, regola ta' bdil, regola ta' pagamenti insuffiċjenti tat-taxxa u regola ta' suġġett għal taxxa; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament dwar l-ATAD(27);

32.  Iqis li l-kalkolu tal-bażijiet tat-taxxa, fil-qafas tal-proposta GloBE, għandu jsir skont prinċipji internazzjonali maqbula biex tiġi evitata l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa kif ukoll kompetizzjoni dannuża fost il-pajjiżi li tirriskja li timmina l-effikaċja ta' kwalunkwe deċiżjoni possibbli meħuda f'livell minimu ta' tassazzjoni;

33.  Iqis li kwalunkwe diskussjoni fil-livell tal-OECD/G20 lejn rata ta' taxxa minima għandha tinkludi riflessjonijiet dwar definizzjoni tal-bażi assoċjata ma' dik ir-rata; iqis li kwalunkwe rata minima għandha tkun stabbilita f'livell ġust u suffiċjenti sabiex tiskoraġġixxi t-trasferimenti tal-profitt u tipprevjeni l-kompetizzjoni fiskali li tagħmel ħsara;

34.  Iqis li, fir-rigward tar-regola tal-inklużjoni tad-dħul, għandu jiġi stabbilit livell minimu ta' tassazzjoni għal kull ġurisdizzjoni fejn ikunu jinsabu l-MNEs sabiex jiġu limitati l-possibbiltajiet li jkomplu jinvolvu ruħhom fl-ippjanar aggressiv tat-taxxa, u għalhekk tinżamm l-ekonomija kompetittiva tagħna;

Konklużjonijiet

35.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' approċċ komuni fil-livell tal-UE fir-rigward tan-negozjati internazzjonali attwali li għaddejjin bħalissa; jistieden lil kull Stat Membru u lill-Kummissjoni biex jippubblikaw il-pożizzjonijiet tagħhom dwar il-proposti tas-Segretarjat tal-OECD għall-Ewwel Pilastru u t-Tieni Pilastru;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaqblu dwar pożizzjoni konġunta u ambizzjuża tal-UE għan-negozjati tal-OECD, li tiżgura li l-UE titkellem b'vuċi waħda u tmexxi bl-eżempju biex tiżgura allokazzjoni aktar ġusta ta' drittijiet ta' ntaxxar u livell minimu ta' tassazzjoni, li jippermettu li jkun hemm ġustizzja fl-ambjent fiskali internazzjonali sabiex jiġu indirizzati l-evażjoni tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ fl-iżvilupp tal-pożizzjoni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni tal-impatt dwar id-dħul għal kull Stat Membru għaż-żewġ pilastri, inklużi l-effetti kollaterali, b'mod partikolari biex tissalvagwardja l-approċċ tal-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-Kunsill u lill-Parlament dwar is-sejbiet tagħha;

38.  Jistenna li l-Istati Membri jikkondividu d-data rilevanti kollha li tista' tintuża biex jiġu abbozzati l-valutazzjonijiet tal-impatt l-aktar preċiżi u l-analiżi rilevanti kemm mal-OECD kif ukoll mal-Kummissjoni;

39.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiksbu ftehim fil-livell internazzjonali li mbagħad jiġi traspost fil-livell tal-UE permezz tal-leġiżlazzjoni tal-UE u nazzjonali rilevanti; bl-istess mod jappoġġja l-impenn tal-President tal-Kummissjoni li jipproponi soluzzjoni tal-UE jekk ma jintlaħaqx ftehim internazzjonali sa tmiem l-2020, bil-kundizzjoni li din is-soluzzjoni tal-UE ma tkunx limitata għal negozji diġitali; jifhem li soluzzjoni bħal din issaħħaħ is-suq uniku billi tistabbilixxi livell minimu ta' taxxa li jipprevjeni miżuri unilaterali;

40.  Ifakkar li r-riforma tat-taxxa korporattiva internazzjonali li għadha għaddejja hija magħmula minn żewġ pilastri ta' importanza ugwali u li dawn iż-żewġ pilastri huma komplementari; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jinnegozjaw dawn iż-żewġ pilastri bħala pakkett uniku ta' riformi meħtieġa;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jippreparaw il-bażi legali għall-inkorporazzjoni tar-riżultat ta' ftehim internazzjonali fil-liġi tal-UE u biex jippreżentaw proposta leġiżlattiva malajr kemm jista' jkun;

42.  Jistieden lill-Kunsill, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, biex jevalwa l-kriterji tal-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa ladarba r-regoli internazzjonali u/jew ir-riformi ġodda maqbula tal-UE jkunu ġew adottati, u biex jivvaluta jekk huwiex meħtieġ aġġornament;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li tiġi evitata bażi legali li tirrikjedi l-unanimità fil-Kunsill; ifakkar fil-kontribut tal-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha "Lejn teħid ta' deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE" li tipproponi pjan direzzjonali għall-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata;

44.  Jenfasizza li riforma internazzjonali effiċjenti u komprensiva għandha tkun akkumpanjata minn trasparenza; jilqa' l-isforzi reċenti tal-Presidenza tal-Kunsill biex tniedi mill-ġdid diskussjonijiet dwar il-proposta tal-UE għal rappurtar pubbliku għal kull pajjiż; jiddeplora l-fatt li l-Kunsill ma setax jaqbel, sal-lum, fuq approċċ ġenerali dwar din il-proposta; jistieden lill-Istati Membri jaqblu dwar approċċ ġenerali mill-aktar fis possibbli; jenfasizza li r-rappurtar pubbliku għal kull pajjiż għandu jagħmel ir-riforma tal-BEPS 2.0 aktar effettiva;

o
o   o

45.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarjat tal-OECD, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 366, 27.10.2017, p. 51.
(2) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 79.
(3) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 132.
(4) Testi adottati, P8_TA(2019)0240.
(5) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 74.
(6) Is-segwitu konġunt għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (ECON) b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-taxxa fuq il-kumpaniji fi ħdan l-Unjoni u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (TAXE) dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili, adottat mill-Kummissjoni fis-16 ta' Marzu 2016, is-segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (TAX2) dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili, adottata mill-Kummissjoni fis-16 ta' Novembru 2016, u s-segwitu għar-riżoluzzjoni nonleġiżlattiva tal-Parlament Ewropew (PANA) tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar l-abbozz ta' rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, adottat mill-Kummissjoni f'April 2018.
(7) Policy Paper No 19/007, Fond Monetarju Internazzjonali, 10.3.2019.
(8) Hadzhieva, E., Impact of Digitalisation on International Tax Matters: Challenges and Remedies, Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku A – Politika Ekonomika, Xjentifika u tal-Kwalità tal-Ħajja, Frar 2019.
(9) "Study on Structures of Aggressive Tax Planning and Indicators – Final Report" (Taxation paper No 61, 27 ta' Jannar 2016), "The Impact of Tax Planning on Forward-Looking Effective Tax Rates" (Taxation paper No 64, 25 ta' Ottubru 2016) u "Aggressive tax planning indicators – Final Report" (Taxation paper No 71, 7 ta' Marzu 2018).
(10) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta' Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU L 193, 19.7.2016, p. 1).
(11) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/952 tad-29 ta' Mejju 2017 li temenda d-Direttiva (UE) 2016/1164 fir-rigward ta' diskrepanzi ibridi ma' pajjiżi terzi, ĠU L 144, 7.6.2017, p. 1.
(12) Il-proposta tal-25 ta' Ottubru 2016 għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva (BKTK) (COM(2016)0685) u dik tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) (COM(2016)0683).
(13) Il-pakkett jinkludi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Marzu 2018 bit-titlu "Wasal iż-żmien li jiġi stabbilit standard modern, ġust u effiċjenti tat-tassazzjoni għall-ekonomija diġitali" (COM(2018)0146), il-proposta tal-21 ta' Marzu 2018 għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi r-regoli dwar it-tassazzjoni korporattiva ta' preżenza diġitali sinifikanti (COM(2018)0147), il-proposta tal-21 ta' Marzu 2018 għal Direttiva tal-Kunsill dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq is-servizzi diġitali fir-rigward tad-dħul li jirriżulta mill-provvista ta' ċerti servizzi diġitali (COM(2018)0148) u r-rakkommandazzjoni tal-21 ta' Marzu 2018 dwar it-tassazzjoni korporattiva ta' preżenza diġitali sinifikanti (C(2018)1650).
(14) Il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' April 2016 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat (COM(2016)0198).
(15) ĠU C 2, 6.1.1998, p. 2.
(16) B'rabta ma' Fiat, Starbucks u d-deċiżjonijiet tal-Belġju dwar qligħ eċċessiv, kif ukoll il-ftuħ ta' investigazzjonijiet dwar għajnuna mill-Istat fil-konfront ta' McDonald's, Apple u Amazon.
(17) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 59.
(18) Ir-rapporti verbatim tas-seduti ta' smigħ ta' Margrethe Vestager (Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea), Valdis Dombrovskis (Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea) u Paolo Gentiloni (Kummissarju), huma disponibbli f'dan l-indirizz: https://www.europarl.europa.eu/news/en/hearings2019/commission-hearings-2019
(19) Komunikat tal-G20: https://www.mof.go.jp/english/international_policy/convention/g20/g20_191018it.htm
(20) Data dwar it-tassazzjoni fid-dokument "Taxation Trends in the European Union", Tabella 3: Top statutory corporate income tax rates (including surcharges), 1995-2019, Kummissjoni Ewropea, 2019, disponibbli fl-indirizz: https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/taxation_trends_report_2019_statutory_rates.xlsx.
(21) OECD (2018), Tax Policy Reforms 2018: OECD and Selected Partner Economies. Ta' min jinnota wkoll li t-28 Stat Membru tal-UE diġà qegħdin ferm 'l isfel minn dan il-livell u, skont il-Kummissjoni, ir-rata tat-taxxa korporattiva medja naqset minn 32 % fl-2000 għal 21,9 % fl-2018: Taxation Trends in the European Union, 2018 – data għall-Istati Membri tal-UE, l-Iżlanda u n-Norveġja (p. 36) u Taxation Trends in the European Union, 2015 – data għall-Istati Membri tal-UE, l-Iżlanda u n-Norveġja (p. 147).
(22) Ir-rapport tat-Taxxa tas-Segretarju Ġenerali tal-OECD lill-Ministri għall-Finanzi tal-G20 u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali, Ottubru 2019, OECD, Pariġi.
(23) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/1852 tal-10 ta' Ottubru 2017 dwar mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar it-taxxa fl-Unjoni Ewropea, ĠU L 265, 14.10.2017, p. 1.
(24) Approvat mill-OECD/G20 IF dwar il-BEPS fis-7 Sessjoni tiegħu li saret mit-28 sad-29 ta' Mejju 2019.
(25) Il-Programm ta' Ħidma tal-OECD biex jiżviluppa soluzzjoni ta' kunsens għall-isfidi tat-taxxa li ġejjin mid-diġitalizzazzjoni tal-Ekonomija, OECD, 2019, Pariġi, p. 25, paragrafu 50.
(26) G7, sommarju tal-President: Laqgħa tal-ministri tal-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-G7, li saret mis-17 sat-18 ta' Lulju 2019 https://www.gouvernement.fr/sites/default/files/locale/piece-jointe/2019/07/g7_chairs_summary.pdf .
(27) Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern, ĠU C 86, 6.3.2018, p. 176.

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Awwissu 2023Avviż legali - Politika tal-privatezza