Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2954(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0240/2019

Testi mressqa :

B9-0240/2019

Dibattiti :

PV 17/12/2019 - 2
CRE 17/12/2019 - 2

Votazzjonijiet :

PV 18/12/2019 - 13.8
CRE 18/12/2019 - 13.8

Testi adottati :

P9_TA(2019)0103

Testi adottati
PDF 182kWORD 51k
L-Erbgħa, 18 ta' Diċembru 2019 - Strasburgu
L-istat tad-dritt f'Malta, wara r-rivelazzjonijiet reċenti rigward il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia
P9_TA(2019)0103B9-0240/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar l-istat tad-dritt f'Malta wara r-rivelazzjonijiet reċenti rigward il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia (2019/2954(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 4, 5, 6, 7, 9 u 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 7, 8, 10, 11, 12 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni dwar l-arranġamenti kostituzzjonali u s-separazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza tal-ġudikatura u l-infurzar tal-liġi f'Malta, adottata mill-Kummissjoni ta' Venezja fil-117-il Sessjoni Plenarja tagħha (Venezja, l-14 u l-15 ta' Diċembru 2018),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-23 ta' Jannar 2019 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolat "Skemi ta' Ċittadinanza u ta' Residenza b'Investiment fl-Unjoni Ewropea" (COM(2019)0012),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2014 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ(1) u l-istqarrija konġunta għall-istampa tad-29 ta' Jannar 2014 tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet Maltin dwar il-Programm tal-Investituri Individwali (IIP) ta' Malta,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(2)u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-ħtieġa ta' mekkaniżmu komprensiv tal-UE għall-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar l-istat tad-dritt f'Malta(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-pluraliżmu tal-midja u l-libertà tal-midja fl-Unjoni Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-11 ta' Jannar 2018 dwar iż-żjara f'Malta mit-30 ta' Novembru sal-1 ta' Diċembru 2017 tad-delegazzjoni ad hoc tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat ta' Inkjesta biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' kontravvenzjoni u ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (PANA),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-16 ta' Novembru 2018 dwar iż-żjara f'Malta u fis-Slovakkja mis-17 sal-20 ta' Settembru 2018 mid-delegazzjoni ad hoc tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra s-seduti ta' smigħ u l-iskambji ta' fehmiet li saru mill-Grupp ta' Monitoraġġ tad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali minn mindu twaqqaf mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fl-4 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Prim Ministru ta' Malta li ġġib id-data tat-13 ta' Marzu 2019;

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2293 (2019) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-26 ta' Ġunju 2019 intitolata "Daphne Caruana Galizia’s assassination and the rule of law in Malta and beyond – ensuring that the whole truth emerges" (Daphne Caruana Galizia u l-istat tad-dritt f'Malta u lil hinn minnha – niżguraw li toħroġ il-verità kollha),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE, b'mod speċifiku f'Malta u fis-Slovakkja(6),

–  wara li kkunsidra d-delegazzjoni ad hoc tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern f'Malta tat-3 u l-4 ta' Diċembru 2019,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea tissejjes fuq il-valuri tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u billi dawn il-valuri huma universali u komuni għall-Istati Membri kollha;

B.  billi l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-valuri u l-prinċipji minquxa fit-Trattati tal-UE u fi strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, huma obbligi għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha u jridu jiġu osservati; billi, skont l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 7 tat-TUE, l-Unjoni għandha s-setgħa li taġixxi biex tipproteġi l-valuri komuni li fuqhom tissejjes, u billi l-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt għandu jiġi applikat bl-istess qawwa għall-Istati Membri kollha;

C.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija parti mil-liġi primarja tal-UE; billi l-libertà ta' espressjoni u l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja huma minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB);

D.  billi l-indipendenza tal-ġudikatura hija minquxa fl-Artikolu 19(1) tat-TFUE, fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6 tal-KEDB, u hija rekwiżit essenzjali tal-prinċipju demokratiku tas-separazzjoni tas-setgħat;

E.  billi r-rifjut sistematiku ta' Stat Membru wieħed li jikkonforma mal-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattati li aderixxa magħhom b'mod ħieles jaffettwa lill-UE kollha kemm hi;

Investigazzjonijiet

F.  billi l-ġurnalista investigattiva u blogger Maltija Daphne Caruana Galizia, li ħaditha kontra l-korruzzjoni, sfat assassinata f'attakk b'karozza bomba fis-16 ta' Ottubru 2017;

G.  billi l-investigazzjonijiet dwar il-qtil, immexxija mill-awtoritajiet Maltin, bl-għajnuna tal-Europol, sal-lum wasslu għall-identifikazzjoni u t-tressiq quddiem il-qrati ta' diversi suspettati u ta' mandant potenzjali wieħed tal-qtil, jiġifieri s-sid tal-kumpanija bbażata f'Dubai 17 Black Ltd., li ġie arrestat fl-20 ta' Novembru 2019 waqt li jidher li kien qed jipprova jaħrab minn Malta fuq il-jott tiegħu;

H.  billi wieħed mill-allegati kompliċi u l-allegat mandant implikaw lill-ex Chief of Staff tal-Prim Ministru fl-ippjanar u l-finanzjament tal-qtil;

I.  billi dawn ir-rivelazzjonijiet taw lok għal bosta dimostrazzjonijiet kbar fit-toroq u għal protesti mis-soċjetà ċivili f'Malta, li talbu ġustizzja, rispett tal-obbligu ta' rendikont u rispett tal-istat tad-dritt;

J.  billi ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru kellu aċċess għall-informazzjoni f'tgħarrif dwar is-sigurtà mill-pulizija u mis-Servizz tas-Sigurtà ta' Malta; billi rriżenja fis-26 ta' Novembru 2019 wara li ġie interrogat mill-pulizija rigward il-każ ta' Daphne Caruana Galizia; billi, minn dakinhar, reġa' ġie arrestat, interrogat u rilaxxat diversi drabi mill-pulizija, bla ma sarulu akkużi formali;

K.  billi, barra minn hekk, il-Ministru għat-Turiżmu rriżenja fis-26 ta' Novembru 2019; billi l-Ministru għall-Ekonomija ssospenda lilu nnifsu mid-dmirijiet ministerjali fl-istess jum, iżda reġa' ddaħħal fil-kariga fl-1 ta' Diċembru 2019;

L.  billi l-Prim Ministru ta' Malta ħabbar li sejjer jirriżenja wara l-elezzjoni ta' mexxej tal-partit, li se ssir fit-12 ta' Jannar 2020 fost it-taqlib politiku li qed jikber b'rabta mal-investigazzjoni dwar il-qtil;

M.  billi l-Gvern ta' Malta ħabbar it-twaqqif ta' "inkjesta pubblika indipendenti dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia" fl-20 ta' Settembru 2019; billi, wara kritika sostantiva mill-familja Caruana Galizia u minn osservaturi internazzjonali, il-Prim Ministru ħatar żewġ membri ġodda fil-bord u għamel bidla sinifikanti fl-ambitu tal-inkjesta, b'mod li issa jissodisfa lill-partijiet kollha;

N.  billi s-suspettat li huwa l-intermedjarju preżunt fil-qtil ingħata maħfra presidenzjali fil-25 ta' Novembru 2019 fid-diskrezzjoni unika tal-Prim Ministru, bi skambju għal informazzjoni li twassal għall-mandant, dment li l-informazzjoni kollha tkun ikkorroborata mill-evidenza; billi l-mandant suspettat, li l-avukat tiegħu stqarr pubblikament li l-klijent tiegħu seta' jipprovdi informazzjoni dwar il-komplott tal-qtil u dwar korruzzjoni li tinvolvi individwi qrib il-Prim Ministru, inklużi l-ex Chief of Staff u l-ex Ministru għat-Turiżmu, ra t-talba tiegħu għal maħfra miċħuda mill-Prim Ministru, li aġixxa waħdu, l-ewwel darba, u mbagħad mill-kabinett it-tieni darba fuq il-parir tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali;

O.  billi għaxriet ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, aġenziji tal-midja, organizzazzjonijiet tal-istudenti, unions u assoċjazzjonijiet professjonali, bħall-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija u l-Kamra tal-Avukati ta' Malta, għamlu talbiet pubbliċi biex il-Prim Ministru jirriżenja b'effett immedjat;

P.  billi għad hemm preokkupazzjonijiet serji rigward il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata f'Malta; billi dan jhedded li jimmina l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet pubbliċi, b'mod li jista' potenzjalment jirriżulta f'rabtiet perikolużi bejn gruppi kriminali u l-awtoritajiet pubbliċi;

Q.  billi, minkejja talbiet ripetuti mill-Parlament Ewropew u minn istituzzjonijiet internazzjonali oħra, ma nstabet l-ebda soluzzjoni rigward il-mafkar improvvizzat fil-Belt Valletta, peress li l-liġijiet u l-approċċ tal-gvern baqgħu l-istess u billi l-oġġetti ta' kommemorazzjoni qed jitwarrbu kważi kuljum mill-impjegati tal-amministrazzjoni pubblika;

Libertà tal-midja

R.  billi l-familja ta' Daphne Caruana Galizia għadha qed tħabbat wiċċha ma' kampanji ta' mibegħda u ma' bosta kawżi ta' libell, inkluż minn membri tal-Gvern ta' Malta, u billi diversi uffiċjali tal-gvern, fosthom il-Prim Ministru, indikaw li ma jarawx għala dawn il-kawżi ta' libell għandhom jiġu rtirati;

S.  billi l-World Press Freedom Index (Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa) 2019 tal-organizzazzjoni Reporters Without Borders jikklassifika lil Malta fis-77 post, hekk li l-pajjiż imur lura mill-65 post fl-2018 u mis-47 post fl-2017(7);

T.  billi l-klassifikazzjoni tal-ispazju ċiviku ta' Malta nbidlet minn "miftuħ" għal "imnaqqas" fiċ-CIVICUS Monitor 2019; billi CIVICUS jiddeskrivi l-ambjent għall-ġurnalisti bħala "dejjem aktar ostili, b'mod partikolari għal dawk li jirrapportaw dwar il-korruzzjoni" u jistqarr li "l-impunità wara l-qtil [...] ta' [...] Daphne Caruana Galizia ħolqot l-ispazju biex l-Istat ikun jista' jintimida u jiffastidja lill-attivisti u lil dawk li jippromwovu l-ġustizzja"(8);

U.  billi l-ġurnalisti, u b'mod partikolari iżda mhux esklużiv il-ġurnalisti investigattivi, qed iħabbtu wiċċhom dejjem aktar mal-hekk imsejħa ''Strategic Lawsuits Against Public Participation" (SLAPP, Kawżi Strateġiċi Kontra l-Parteċipazzjoni Pubblika) kontrihom, maħsuba purament biex jiffrustrawlhom xogħolhom;

V.  billi, wara konferenza stampa fl-uffiċċju tal-Prim Ministru fid-29 ta' Novembru 2019, il-ġurnalisti temporanjament ma tħallewx joħorġu mill-kamra u mill-binja fejn kienu; billi n-nuqqas ta' sikurezza għall-ġurnalisti u t-tidjiq tal-ispazju għas-soċjetà ċivili minħabba fastidju u intimidazzjoni qed jimminaw is-sorveljanza fuq is-setgħa eżekuttiva u jnaqqru l-impenn ċiviku taċ-ċittadini;

Ħasil tal-flus/korruzzjoni

W.  billi ħames inkjesti maġisterjali għadhom għaddejjin dwar allegazzjonijiet ta' korruzzjoni, jiġifieri inkjesta dwar Pilatus Bank, inkjesta dwar ammont ta' flus li ġie ttrasferit bejn l-ex Chief of Staff tal-Prim Ministru u l-awditur ta' Nexia BT, inkjesta dwar atti ta' tixħim bejn l-ex Chief of Staff tal-Prim Ministru u Adrian Hillman tat-Times of Malta, inkjesta dwar 17 Black Ltd. u żewġ kumpaniji oħra, Tillgate u Hearnville, u inkjesta dwar Vitals;

X.  billi bejn Mejju 2016 u Novembru 2019 iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u l-Ministru għat-Turiżmu u ex Ministru għall-Enerġija ta' Malta kienu l-uniċi uffiċjali għolja ta' gvern fil-kariga fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE li nstab li kienu sidien benefiċjarji ta' kumpanija mikxufa fil-Panama Papers;

Y.  billi wieħed mill-allegati mandanti tal-qtil huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black Ltd., ibbażata f'Dubai, u ex membru tal-bord tal-kumpanija Electrogas Malta Ltd. li hija involuta fl-implimentazzjoni tal-ftehim fit-tul għall-provvista tal-gass mill-Ażerbajġan għal Malta;

Z.  billi, fir-rapport tiegħu tat-12 ta' Settembru 2019, il-korp tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-ħasil tal-flus, MONEYVAL, talab lill-awtoritajiet Maltin isaħħu l-applikazzjoni prattika tal-miżuri tagħhom immirati lejn il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, iddeċieda li japplika l-proċedura ta' segwitu msaħħa tiegħu u stieden lil Malta tirrapporta lura f'Diċembru 2020; billi, skont ir-rapport, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi bħalissa mhumiex f'pożizzjoni li jsegwu b'mod effikaċi u f'waqtu każijiet kumplessi u ta' livell għoli ta' ħasil tal-flus relatati ma' reati finanzjarji, ta' tixħim u ta' korruzzjoni(9);

AA.  billi l-korp tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-korruzzjoni, GRECO, fir-rapport tiegħu tat-22 ta' Marzu 2019, ikkonkluda li qed jinxteħet dubju fuq l-effikaċja tal-istituzzjonijiet pubbliċi involuti fiż-żamma tal-ekwilibriju tas-setgħat, minħabba li f'dawn l-aħħar snin il-pajjiż iffaċċja mewġa ta' kontroversji bla preċedent dwar l-integrità tal-uffiċjali għolja tal-gvern sal-ogħla livell(10);

AB.  billi, fir-Rapport tas-Semestru Ewropew 2019 dwar Malta (SWD(2019)1017), il-Kummissjoni semmiet li l-qafas istituzzjonali ta' kontra l-korruzzjoni għandu nuqqasijiet, u hemm riskju ta' kunflitt ta' interessi f'diversi livelli tal-gvern;

AC.  billi rapport tal-Kummissjoni ta' Settembru 2019 juri li Malta għandha l-ogħla rata ta' evażjoni tat-taxxa fl-Ewropa b'marġni wiesa' u jiżvela li ċ-ċittadini Maltin għandhom ġid offshore estensiv u jrekknu l-assi tagħhom barra mill-pajjiż(11),

AD.  billi rapport tal-Bank Ċentrali Ewropew maħruġ fis-sajf tal-2019 indika allegazzjonijiet ta' nuqqasijiet serji li setgħu għamluha possibbli li l-ħasil tal-flus jew attivitajiet kriminali oħra jibqgħu għaddejjin fil-Bank of Valletta matul is-snin minkejja twissijiet ripetuti;

AE.  billi l-GRECO kkonkluda wkoll li l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni qajla tista' titqies bħala korp speċjalizzat maħsub biex jiffaċilita l-investigazzjoni tal-korruzzjoni u li l-kontribut tagħha għall-isforzi ta' Malta kontra l-korruzzjoni kien negliġibbli(12);

Skema ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment

AF.  billi fl-2019 ġew irrapportati tal-anqas ħames każijiet li fihom klijenti tal-iskema Maltija ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment kienu qed jiġu akkużati b'reati finanzjarji serji;

AG.  billi, f'intervista bil-moħbi li saret mill-programm televiżiv Franċiż "Enquête exclusive", rappreżentant tal-aġent tal-passaporti Chetcuti Cauchi Advisors Ltd. issuġġerixxa li l-konnessjonijiet personali tiegħu mal-Prim Ministru, mal-Ministru għall-Ġustizzja u mas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi seta' jkollhom effetti benefiċi fuq il-proċess tal-applikazzjoni, anke għal klijenti bi preċedenti kriminali; billi dawn ir-rivelazzjonijiet iqajmu dubji serji dwar l-affidabbiltà u l-iskrutinju tal-programmi Maltin ta' ċittadinanza u ta' residenza;

AH.  billi fit-8 ta' Novembru 2019 il-Gvern ta' Malta ppubblika rapport mir-Regolatur tal-Programm tal-Investituri Individwali (IIP) rigward investigazzjoni dwar Chetcuti Cauchi Advocates fil-kwalità tagħha bħala aġent tal-IIP; billi, fis-sommarju eżekuttiv, dan ir-rapport jistqarr li l-analiżi "ma kixfet l-ebda bandiera ħamra li, globalment jew parzjalment, tappoġġja l-allegazzjonijiet li saru" (13);

AI.  billi Chetcuti Cauchi Advisors Ltd. ressqet l-ewwel applikazzjoni b'suċċess fil-Programm tal-Investituri Individwali f'Malta li kien għadu kemm ġie stabbilit u ġiet promossa għall-istatus privileġġjat ta' "Aġent Approvat" fl-2016, peress li "ssodisfat ir-rekwiżiti ta' kwalità, affidabbiltà u volum stabbiliti minn Identità Malta"; billi filmat promozzjonali għall-kumpanija nġibed fil-Berġa ta' Kastilja, l-uffiċċju tal-Prim Ministru, u fih deher ukoll is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza; billi fit-23 ta' Settembru 2019 il-gvern issospenda l-Liċenzji għall-Aġenti taċ-Ċittadinanza Nru IIP 001 u Nru IIP 124 għar-raġuni li l-kumpanija kienet xerrdet "informazzjoni qarrieqa";

AJ.  billi l-użu ta' "skemi ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment" mill-Istati Membri tal-UE joħloq riskji serji għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, jimmina l-fiduċja reċiproka u l-integrità taż-żona Schengen, jippermetti l-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi sempliċement abbażi tal-ġid akkumulat aktar milli abbażi ta' għarfien u ħiliet utli jew ta' kunsiderazzjonijiet umanitarji, u jikkostitwixxi l-bejgħ reali taċ-ċittadinanza tal-UE; billi l-Kummissjoni ddikjarat b'mod espliċitu li ma tapprovax l-iskemi Maltin ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment;

Riforma kostituzzjonali

AK.  billi l-Kummissjoni ta' Venezja, fl-opinjoni tagħha dwar Malta adottata fil-117-il Sessjoni Plenarja tagħha tal-14 u l-15 ta' Diċembru 2018(14), stabbiliet sensiela ta' proposti għal riformi kostituzzjonali;

AL.  billi Malta bdiet diskussjonijiet dwar proċess ta' riformi kostituzzjonali, taħt is-superviżjoni tal-President tagħha, li fih huma involuti forzi politiċi differenti u s-soċjetà ċivili, u billi l-biċċa l-kbira ta' dawn ir-riformi se jirrikjedu maġġoranza ta' żewġ terzi fil-Parlament biex jiġu implimentati; billi bħalissa għaddej proċess ta' riforma li jindirizza r-rwol kostituzzjonali kontroversjali tal-Avukat Ġenerali u s-sistema kurrenti ta' ħatriet ġudizzjarji;

AM.  billi l-Parlament Ewropew u diversi istituzzjonijiet internazzjonali oħra esprimew ripetutament tħassib dwar l-imparzjalità tal-infurzar tal-liġi, is-separazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza tal-ġudikatura f'Malta, speċjalment rigward il-politiċizzazzjoni u n-nuqqas ta' trasparenza fil-proċessi ta' għażla u ta' ħatra, bħal pereżempju għall-kariga ta' Kap tal-Pulizija;

AN.  billi fis-17 ta' Lulju 2019 il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni dwar "It-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni – Pjan ta' azzjoni" (COM(2019)0343), wara diversi riżoluzzjonijiet(15) tal-Parlament Ewropew li rċevew appoġġ wiesa' u li kienu jipproponu mekkaniżmu komprensiv u indipendenti għall-monitoraġġ tas-sitwazzjoni rigward id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fuq bażi annwali fl-Istati Membri kollha;

1.  Jinsab imħasseb serjament dwar l-integrità u l-kredibbiltà tal-investigazzjonijiet dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia; jinnota l-perċezzjonijiet negattivi mifruxa fil-konfront tal-azzjonijiet tal-gvern f'dan ir-rigward, kif ukoll it-tnaqqis tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet u tal-kredibbiltà tagħhom; jissottolinja li huwa ta' importanza fundamentali li jkun hemm fiduċja inkontestabbli fil-proċess investigattiv, kemm miċ-ċittadini Maltin kif ukoll mill-komunità Ewropea; jagħraf il-progress fl-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia; jissottolinja, madankollu, li l-każ għadu miftuħ minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin;

2.  Jenfasizza li kwalunkwe riskju – perċepit jew reali – li l-investigazzjonijiet jisfaw kompromessi jrid jiġi eskluż bil-mezzi kollha; ikompli jenfasizza li dan ir-riskju se jippersisti dment li l-Prim Ministru jibqa' fil-kariga;

3.  Jinsab imħasseb bil-kbir li bosta investigazzjonijiet oħra dwar każijiet relatati ta' ħasil tal-flus u ta' korruzzjoni ma mxewx 'il quddiem jew lanqas biss ma nbdew, speċjalment rigward l-ex Chief of Staff tal-Prim Ministru u l-ex Ministru għat-Turiżmu; jitlob lill-awtoritajiet Maltin jibdew tali investigazzjonijiet u jmexxuhom 'il quddiem;

4.  Itenni t-talba tiegħu għall-involviment sħiħ u kontinwu tal-Europol fl-aspetti kollha tal-investigazzjoni dwar il-qtil u dwar l-investigazzjonijiet relatati kollha; jitlob li l-involviment tal-Europol jissaħħaħ, għax qed jagħti l-frott;

5.  Jiddispjaċih bil-kbir li l-iżviluppi li saru Malta f'dawn l-aħħar snin wasslu għal theddid serju u persistenti għall-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-midja, l-indipendenza tal-pulizija u tal-ġudikatura, u l-libertà ta' għaqda paċifika; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' garanziji kostituzzjonali xierqa rigward is-separazzjoni tas-setgħat;

6.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni f'dawn l-aħħar snin naqset milli tieħu kwalunkwe miżura konkreta kontra l-Gvern ta' Malta minkejja talbiet ripetuti min-naħa tal-Parlament Ewropew; iħeġġeġ lill-Kummissjoni l-ġdida tidħol fi djalogu mal-Gvern ta' Malta fil-kuntest tal-Qafas tal-Istat tad-Dritt mingħajr aktar dewmien żejjed;

7.  Jinnota li proċess ta' riforma li jindirizza r-rwol kostituzzjonali kontroversjali tal-Avukat Ġenerali u s-sistema kurrenti ta' ħatriet ġudizzjarji u ta' żvilupp tal-karriera tal-ġudikatura, kif propost mill-Kummissjoni ta' Venezja, jinsab fl-istadji finali; iħeġġeġ lill-Parlament u lill-Gvern ta' Malta jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet kollha pendenti tal-Kummissjoni ta' Venezja u tal-GRECO fi żmien debitu;

8.  Jagħraf il-kummenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni Jourová, li stqarret li l-fatt li Malta naqset milli tippromulga riformi ġudizzjarji jista' jservi ta' bażi biex tinbeda proċedura skont l-Artikolu 7;

9.  Jinnota li l-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi u tal-informaturi hija fl-interess vitali tas-soċjetà; jitlob lill-awtoritajiet Maltin jiżguraw f'kull ħin u akkost ta' kollox il-protezzjoni tal-ġurnalisti u s-sikurezza personali u l-għajxien tal-informaturi u, għaldaqstant, l-indipendenza tagħhom;

10.  Jitlob lill-Emirati Għarab Magħquda jikkooperaw mal-awtoritajiet Maltin u Ewropej u jiżguraw li l-fondi ffriżati fil-kontijiet tal-bank ta' 17 Black jibqgħu ffriżati sakemm tkun saret investigazzjoni bir-reqqa; jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Maltin jużaw l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiżguraw il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet tal-Emirati Għarab Magħquda u assistenza legali xierqa fl-investigazzjonijiet kollha;

11.  Itenni l-ħtieġa imminenti ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali kif propost mill-Parlament fil-forma ta' patt interistituzzjonali għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali li jkun jikkonsisti minn rieżami annwali indipendenti, ibbażat fuq l-evidenza u mhux diskriminatorju, li jivvaluta, fuq bażi ugwali, il-konformità tal-Istati Membri kollha tal-UE mal-valuri stipulati fl-Artikolu 2 tat-TUE u li jkun akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (ir-Rapport Ewropew dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali) u segwit minn dibattitu interparlamentari, u ċiklu ta' politika permanenti dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-istituzzjonijiet tal-UE(16); itenni t-talba tiegħu biex il-Kummissjoni tippreżenta proposti ħalli tipprevjeni l-hekk imsejħa "Strategic Lawsuits Against Public Participation" (SLAPP – Kawżi Strateġiċi Kontra l-Parteċipazzjoni Pubblika);

12.  Itenni t-talba tiegħu biex il-Gvern ta' Malta jtemm l-iskemi tiegħu ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment u jikkummissjona investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-impatt ta' dan il-bejgħ ta' ċittadinanza u ta' residenza fuq il-kapaċitajiet ta' Malta għall-infurzar ta' miżuri kontra l-ħasil tal-flus, fuq reati transfruntieri oħra u fuq l-integrità taż-żona Schengen; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tissorvelja u tivvaluta l-iskemi kollha eżistenti ta' ċittadinanza u ta' residenza b'investiment u tieħu passi xierqa, kif propost f'riżoluzzjonijiet preċedenti; jitlob lill-Kunsill jiddiskuti l-kwistjoni(17);

13.  Jitlob lill-Kummissjoni tuża l-għodod u l-proċeduri kollha għad-dispożizzjoni tagħha bil-għan li tiżgura konformità sħiħa mal-liġi tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (speċjalment fl-oqsma tal-investigazzjoni dwar il-ħasil tal-flus u l-infurzar ta' miżuri kontra l-ħasil tal-flus kif ukoll l-indipendenza tal-awtoritajiet kompetenti), is-superviżjoni bankarja, l-indipendenza tal-ġudikatura, l-akkwist pubbliku kif ukoll l-ippjanar u l-iżvilupp urban; jitlob lill-awtoritajiet Maltin jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet kollha maħruġa mill-MONEYVAL;

14.  Jilmenta li, minkejja talbiet ripetuti, il-gvern ma għamel l-ebda progress biex isib soluzzjoni għall-monument improvvizzat li jitlob li ssir ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia; jitlob lill-Prim Ministru jtemm minnufih il-qerda, kważi kuljum, tal-mafkar improvvizzat fil-Belt Valletta;

15.  Jilqa' l-fatt li l-Bureau tal-Parlament approva l-ħolqien ta’ "Premju Ewropew Daphne Caruana Galizia għall-ġurnaliżmu investigattiv", li għandu jingħata kull sena għal ġurnaliżmu investigattiv eċċellenti fl-Ewropa, u jitlob lill-Bureau jiffinalizza l-arranġamenti meħtieġa mill-aktar fis possibbli;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President tar-Repubblika ta' Malta.

(1) ĠU C 482, 23.12.2016, p. 117.
(2) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 162.
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0456.
(4) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 29.
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0204.
(6) Il-mistoqsija għal tweġiba orali O-000015/2019 lill-Kummissjoni – B8–0017/2019).
(7) https://rsf.org/en/malta
(8) The Civicus Monitor, People Power Under Attack 2019 (L-Osservatorju Civicus, Attakki fuq is-Setgħa tal-Poplu 2019).
(9) Il-Kumitat ta' Esperti dwar l-Evalwazzjoni ta' Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (MONEYVAL), "Anti-money laundering and counter-terrorist financing measures – Malta – Fifth Round Mutual Evaluation Report" (Miżuri kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu – Malta — Rapport dwar il-Ħames Ċiklu ta' Evalwazzjonijiet Reċiproċi), Lulju 2019.
(10) GRECO, "Fifth Evaluation Round – Preventing corruption and promoting integrity in central governments (top executive functions) and law enforcement agencies – Evaluation Report – Malta" (Il-Ħames Ċiklu ta' Evalwazzjonijiet – Il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-promozzjoni tal-integrità fil-gvernijiet ċentrali (l-ogħla funzjonijiet eżekuttivi) u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi – Rapport ta' Evalwazzjoni – Malta), 3 ta' April 2019.
(11) Il-Kummissjoni Ewropea, Dokumenti dwar it-Tassazzjoni, Dokument ta' Ħidma Nru 76 – 2019 – "Estimating International Tax Evasion by Individuals" (Stima tal-Evażjoni tat-Taxxa Internazzjonali minn Individwi), Settembru 2019.
(12) GRECO, "Fifth Evaluation Round – Preventing corruption and promoting integrity in central governments (top executive functions) and law enforcement agencies – Evaluation Report – Malta" (Il-Ħames Ċiklu ta' Evalwazzjonijiet – Il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-promozzjoni tal-integrità fil-gvernijiet ċentrali (l-ogħla funzjonijiet eżekuttivi) u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi – Rapport ta' Evalwazzjoni – Malta), it-3 ta' April 2019.
(13) L-Uffiċċju tar-Regolatur tal-Programm tal-Investituri Individwali, "Analysis of IIP Applications presented by Chetcuti Cauchi Advocates" (Analiżi tal-applikazzjonijiet għall-IIP ippreżentati minn Chetcuti Cauchi Advocates), 8 ta' Novembru 2019.
(14) "Malta – Opinion on Constitutional arrangements and separation of powers" (Malta – Opinjoni dwar l-arranġamenti kostituzzjonali u s-separazzjoni tas-setgħat), adottata mill-Kummissjoni ta' Venezja fil-117-il Sessjoni Plenarja tagħha) (Venezja, l-14 u l-15 ta' Diċembru 2018).
(15) Ir-riżoluzzjoni tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali – ĠU C 215, 19.6.2018, p. 162; ir-riżoluzzjoni tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-ħtieġa ta' mekkaniżmu komprensiv tal-UE għall-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali – Testi adottati, P8_TA(2018)0456.
(16) Ir-riżoluzzjoni tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali – ĠU C 215, 19.6.2018, p. 162; ir-riżoluzzjoni tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-ħtieġa ta' mekkaniżmu komprensiv tal-UE għall-protezzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali – Testi adottati, P8_TA(2018)0456.
(17) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa – Testi adottati, P8_TA(2019)0240; ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE, b'mod speċifiku f'Malta u fis-Slovakkja – Testi adottati, P8_TA(2019)0328; ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ – Testi adottati, P7_TA(2014)0038.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Mejju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza