Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2803(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0233/2019

Testi mressqa :

B9-0233/2019

Dibattiti :

PV 17/12/2019 - 15
CRE 17/12/2019 - 15

Votazzjonijiet :

PV 18/12/2019 - 13.9
CRE 18/12/2019 - 13.9

Testi adottati :

P9_TA(2019)0104

Testi adottati
PDF 180kWORD 54k
L-Erbgħa, 18 ta' Diċembru 2019 - Strasburgu
Inizjattiva tal-UE dwar id-Dakkara
P9_TA(2019)0104B9-0233/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar l-Inizjattiva tal-UE dwar id-Dakkara (2019/2803(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2018 dwar l-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi (COM(2018)0395),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar Pjan ta' Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-proċedura tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.  billi l-Kummissjoni varat l-Inizjattiva tal-UE dwar id-Dakkara fl-1 ta' Ġunju 2018 b'reazzjoni għas-sejħiet tal-Parlament u tal-Kunsill biex jiġi indirizzat it-tnaqqis fid-dakkara;

B.  billi diġà saret ħafna riċerka dwar ir-raġunijiet għat-tnaqqis fid-dakkara; billi l-implimentazzjoni tas-sejbiet ta' din ir-riċerka għadha 'l bogħod minn dak li hu mixtieq;

C.  billi d-dakkara selvaġġi għandhom rwol vitali fid-dakkir tal-għelejjel; billi n-naħal tal-għasel jappoġġjaw din il-kontribuzzjoni;

D.  billi d-dakkir min-naħal tal-għasel jissupplimenta biss, pjuttost milli jissostitwixxi, id-dakkir pprovdut minn firxa wiesgħa ta' speċijiet ta' insetti(4) inklużi n-naħal solitarji, il-friefet, is-syrphidae u l-ħanfus;

E.  billi, fil-11 ta' Ottubru 2019, l-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) ħarġet sejħa urġenti biex l-azzjoni ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet tiżdied b'mod massiv b'reazzjoni għall-kriżi li qed teskala tal-bijodiversità; billi l-IUCN appellat lill-gvernijiet tad-dinja biex sal-2030 iwaqqfu t-tnaqqis fl-ispeċijiet u jipprevjenu l-estinzjonijiet ikkawżati mill-bniedem u jtejbu l-istatus ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet mhedda bil-għan li sal-2050 ikun seħħ irkupru mifrux ;

F.  billi d-dakkara jipprovdu servizzi ta' ekosistemi diretti u indiretti essenzjali bħad-dakkir, il-kontroll tal-organiżmi ta' ħsara, iż-żamma tal-kwalità tal-ħamrija u tal-ilma, u l-estetika tal-pajsaġġ;

G.  billi huma meħtieġa sforzi kontinwi biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent tal-importanza tad-dakkara għall-produttività agrikola;

H.  billi fl-Unjoni biss, 78 % tal-ispeċijiet tal-fjuri selvaġġi jiddependu, tal-inqas b'mod parzjali, mid-dakkir permezz tal-annimali(5);

I.  billi d-data u l-informazzjoni dwar l-insetti dakkara għajr in-naħal u l-friefet huma inadegwati;

J.  billi d-dakkara jinkludu insetti bħalma huma n-naħal, is-syrphidae, il-friefet, il-baħrijiet, il-ħanfus, in-naħal bagħli, it-thysanoptera, il-mammiferi bħall-friefet il-lejl, u l-għasafar;

K.  billi d-dakkara b'saħħithom huwa essenzjali għall-attività agrikola fl-Unjoni Ewropea, peress li 84 % tal-ispeċijiet tal-għelejjel(6) u 76 % tal-produzzjoni Ewropea tal-ikel jiddependu mid-dakkir mill-insetti; billi sa EUR 15-il biljun mill-produzzjoni agrikola annwali tal-UE jistgħu jiġu attribwiti direttament lid-dakkara(7);

L.  billi d-dakkara jirrappreżentaw wieħed mill-aktar indikaturi importanti tas-saħħa tal-ambjent tagħna; billi l-istatistika u x-xejriet minn madwar l-Ewropa, filwaqt li xi kultant ikunu parzjali, ilkoll jindikaw tnaqqis inkwetanti fil-popolazzjonijiet tad-dakkara;

M.  billi huwa ċar li l-istatus ta' konservazzjoni tal-friefet u tal-ħabitats ta' bwar seminaturali tagħhom huwa wieħed ħażin u huwa indikatur tajjeb tas-sitwazzjoni tan-naħal selvaġġ, tas-syrphidae, tal-baħrijiet u ta' dakkara oħra;

N.  billi 56 speċi biss ta' dakkara huma protetti bid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (id-Direttiva dwar il-Ħabitats)(8) u 67 % tal-valutazzjonijiet tagħhom huma sfavorevoli;

O.  billi l-Parlament Ewropew beda diversi proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji biex ikompli jistudja t-tnaqqis fid-dakkara u jiżviluppa soluzzjonijiet konkreti biex itaffi t-tnaqqis inkwetanti fil-popolazzjonijiet tad-dakkara(9);

P.  billi, bl-għan li d-dakkara jiġu mħarsa u rkuprati b'mod adegwat, hemm bżonn li l-użu tal-pestiċidi li jagħmlu ħsara lid-dakkara u lill-ikel tagħhom jitnaqqas bil-kbir;

Q.  billi l-użu ta' ċerti pestiċidi nstab li għandu rabta ma' effetti ekoloġiċi avversi, inklużi riskji qawwija kemm għan-naħal domestiku kif ukoll għal dak selvaġġ li huma responsabbli biex idakkru l-biċċa l-kbira tal-uċuh madwar id-dinja kollha;

R.  billi skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti(10), l-utenti professjonali tal-pestiċidi għandhom iżommu rekords tal-użu tal-pestiċidi għal mill-inqas tliet snin, li jkun fihom l-isem tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, il-ħin u d-doża tal-applikazzjoni, u iż-żona u l-għalla fejn intuża l-prodott;

S.  billi, f'April tal-2018, l-Unjoni qablet li tipprojbixxi kompletament l-użu fil-miftuħ tal-imidakloprid, tal-klotijanidin u tat-tijametoksam, magħrufa bħala neonikotinojdi;

T.  billi għadd ta' Stati Membri rrapportaw derogi ta' emerġenza rigward l-użu ta' dawn in-neonikotinojdi fuq it-territorju tagħhom; billi tali notifiki għandhom ikunu ta' kwalità tajba u jinħarġu b'mod pubbliku; billi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ikkonkludiet li għal madwar terz tal-prodotti li għalihom ingħataw awtorizzazzjonijiet ta' emerġenza, kien hemm alternattivi disponibbli; billi l-EFSA jista' jkollha rwol fl-eżaminazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet ta' emerġenza(11);

U.  billi ntwera li l-użu tal-glifosat huwa ta' ħsara għall-batterji tan-naħal tal-għasel u b'hekk jikkontribwixxi għat-tnaqqis fid-dakkara u t-telf tal-ħabitat; billi ċerti fungiċidi jistgħu jirdoppjaw it-tossiċità akuta tal-insettiċidi(12);

V.  billi d-Dokument ta' Gwida tal-EFSA dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq in-naħal (2013 EFSA bee guidance - Gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013), li ġie approvat fl-2013 u li jirrappreżenta l-aktar metodoloġija xjentifika aġġornata tar-riskji tal-pestiċidi fuq l-Apis mellifera, il-Bombus spp. u n-naħal solitarju, ma ġiex approvat bis-sħiħ mill-Istati Membri; billi din is-sitwazzjoni ddgħajjef l-applikazzjoni xierqa tal-kriterji ta' approvazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u, għalhekk, ma tiżgurax protezzjoni aħjar ta' dawn l-ispeċijiet;

W.  billi, minbarra l-impatt tal-insettiċidi fuq id-dakkara, l-erbiċidi tal-ispettru wiesa' li jintużaw fuq l-iskala ta' pajsaġġ, bħala erbiċidi preventivi għal qabel ma jinbet il-ħaxix ħażin jew bħala aġenti tat-tnixxif, jeqirdu s-sorsi tal-ikel tad-dakkara barra mill-perjodi ta' fjoritura tal-għelejjel ewlenin u jikkontribwixxu għat-tnaqqis drastiku tal-popolazzjonijiet;

X.  billi anke l-applikazzjoni sħiħa tal-gwida dwar in-naħal tal-EFSA tal-2013 xorta tkun tħalli l-friefet, il-baħrijiet u s-Syrphidae mingħajr protezzjoni mis-sistema ta' approvazzjoni tal-pestiċidi;

Y.  billi l-ħabitats konnessi tad-dakkara bħalma huma l-ifilsa ta' art ta' lqugħ, ir-ringieli tas-sġajriet u l-mogħdijiet tal-ilma bil-ħaxix ma' tulhom, jistgħu jikkontribwixxu biex tiġi kkontrollata l-erożjoni tal-art u, b'mod ġenerali, jikkontribwixxu għat-titjib tal-bijodiversità, u huma potenzjalment utli għat-titjib tal-kwalità tal-ikel disponibbli kemm għan-naħal domestiku kif ukoll għad-dakkara selvaġġi;

Z.  billi ħafna ħabitats tad-dakkara saru frammentati ħafna u l-ispeċijiet speċjalizzati qed jiġu mhedda dejjem aktar mill-ġestjoni ħażina tal-ħabitats u mit-tibdil fil-klima;

AA.  billi l-okkorrenza, il-konservazzjoni u l-irkupru taż-żoni ta' fjuri indiġeni, anke f'żoni urbani, huma essenzjali għal popolazzjonijiet b'saħħithom ta' dakkara selvaġġi;

AB.  billi d-dakkara selvaġġi u dawk li jrabbu n-naħal fl-Ewropa jipprovdu servizzi ta' dakkir kważi għalkollox mingħajr ħlas; billi dan jikkontrasta b'mod drastiku ma' partijiet oħra tad-dinja, fejn il-kost tad-dakkir huwa konsistenti ma' kosti oħra tal-fatturi produttivi tal-azjendi agrikoli bħalma huma ż-żrieragħ, il-fertilizzanti u l-pestiċidi;

AC.  billi d-dakkara jġibu ġid soċjali u kulturali fis-sura ta' rimedji, prodotti, arti u tradizzjonijiet;

AD.  billi dan is-servizz ta' dakkir li fil-parti l-kbira tiegħu jingħata b'xejn jissupplimenta s-servizz tad-dakkara selvaġġi u huwa possibbli biss minħabba li l-għajn prinċipali tad-dħul għal dawk li jrabbu n-naħal huwa l-bejgħ tal-għasel u ta' prodotti oħra tan-naħal; billi l-importazzjonijiet ta' għasel adulterat jheddu l-bażi ekonomika tat-trobbija tan-naħal fl-UE;

AE.  billi l-miżuri agroambjentali ma ġewx implimentati fuq skala suffiċjenti madwar l-UE biex jikkumpensaw għat-telf tal-ħabitats tad-dakkara u għat-tnaqqis fil-kwalità tal-ħabitats; billi l-ekoloġizzazzjoni naqset milli tipprovdi titjib sinifikanti;

AF.  billi l-introduzzjoni ta' indikatur tal-impatt tad-dakkara ġiet mitluba fil-pożizzjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali fil-kuntest tal-proposta għal regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (COM(2018)0392);

AG.  billi l-introduzzjoni ta' indikatur tad-dakkara tista' tikkontribwixxi għal proċessi ottimali ta' teħid ta' deċiżjonijiet, infiq pubbliku aktar effikaċi, aktar responsabbiltà u fehim tal-impatt tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni;

AH.  billi l-fertilizzazzjoni żejda tal-għelejjel tikkontribwixxi biex tonqos l-okkorrenza tal-pjanti li jagħmlu l-fjuri li jirrappreżentaw bażi alimentari potenzjali għad-dakkara;

AI.  billi l-emissjonijiet tan-nitrati jikkawżaw l-ewtrofikazzjoni u t-tkabbir sfiq tal-ħaxix, li joħnoq il-ħxejjex aromatiċi u l-fjuri fil-ħaxix irqiq, jgħattu l-art vojta użata bħala ħabitat għat-tibjit minn ħafna dakkara, u jikkawżaw dell f'livell baxx li joħloq mikroklima friska li mhix adattata għal ħafna mill-ispeċijiet indiġeni;

Kummenti ġenerali

1.  Jagħraf il-valur miżjud tal-Inizjattiva tal-UE dwar id-Dakkara fl-istabbiliment ta' objettivi strateġiċi u serje ta' azzjonijiet li jridu jittieħdu mill-UE u mill-Istati Membri tagħha; ifaħħar il-ħidma li diġà qed issir fil-livell lokali biex il-ħabitats tad-dakkara jiġu protetti;

2.  Madankollu, iqis li l-Inizjattiva tonqos milli tindirizza b'mod suffiċjenti l-ħafna kawżi tat-tnaqqis fid-dakkara, li jinkludu t-tibdil fl-użu tal-art, it-telf tal-ħabitats u ta' kemm huma konnessi bejniethom, il-prattiki ta' ġestjoni agrikola intensiva, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, it-tniġġis ambjentali, l-effetti tal-patoġeni u tal-parassiti bħalma hu l-araknidu Varroa destructor, it-tibdil fil-klima u l-ispeċijiet aljeni invażivi(13); iqis li l-implimentazzjoni tal-"Prijorità II: Nindirizzaw b'mod determinat il-kawżi tat-tnaqqis fid-dakkara" hija tal-akbar urġenza;

3.  Iqis li d-dakkara huma komponent essenzjali tal-bijodiversità u huma indispensabbli għar-riproduzzjoni tal-maġġoranza tal-ispeċijiet tal-pjanti; jirrikonoxxi li t-tnaqqis fil-popolazzjoni tad-dakkara jaffettwa l-kwalità u l-kwantità tar-rendimenti agrikoli u r-redditi ekonomiċi għall-bdiewa;

4.  Jenfasizza l-importanza tad-dakkara għall-agrikoltura, it-theddida għall-produzzjoni tal-ikel minħabba t-tnaqqis attwali tagħhom u l-ħtieġa li tittieħed azzjoni urġenti u trasformattiva biex id-dakkara u s-servizzi tagħhom jiġu protetti u rkuprati;

5.  Jissottolinja kemm hu importanti li jiġi adottat approċċ olistiku u li jiġi evalwat l-impatt tal-miżuri ta' politika eżistenti sabiex it-tnaqqis fid-dakkara fl-Unjoni jiġi indirizzat b'mod determinat u effettiv; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi applikat il-prinċipju ta' prekawzjoni ħalli d-dakkara b'mod ġenerali jiġu protetti, kemm dawk domestiċi kif ukoll dawk selvaġġi;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li d-diversità tal-ispeċijiet tad-dakkara fl-Ewropa tiġi protetta – inklużi madwar 2 000 speċi ta' naħal selvaġġ u insetti oħra li jinkludu d-dubbien, il-ħanfus, il-baħrijiet u l-friefet – kif ukoll madwar id-dinja;

7.  Jenfasizza kemm hu importanti li jiġu promossi miżuri għall-inkoraġġiment tal-bijodiversità, kemm fiż-żoni rurali kif ukoll f'dawk urbani, peress li s-saħħa tad-dakkara u s-sopravivenza tagħhom jiddependu minn ħabitati li jkunu għanja fl-ispeċijiet li jipprovdu varjetà ta' ikel b'mod kontinwu, bħan-nektar u l-għabra tad-dakra, fi kwantitajiet suffiċjenti, kif ukoll ħabitats fejn jistgħu jbejtu, jgħammru u jqattgħu x-xitwa;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra l-Inizjattiva tal-UE dwar id-Dakkara u r-riżultati tagħha fl-iżvilupp tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE għal wara l-2020, u tittrasforma l-għanijiet tal-inizjattiva fi programm ta' azzjoni fuq skala sħiħa għad-dakkara, u talloka riżorsi suffiċjenti għal dan il-għan;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza t-tnaqqis fl-għadd ta' dakkara fil-livell internazzjonali u tippromwovi miżuri b'saħħithom biex tipproteġi lid-dakkara u l-ħabitats tagħhom fid-dinja kollha;

Il-bijodiversità u l-prattiki agrikoli

10.  Jenfasizza li l-għoti ta' spinta lill-bijodiversità biex b'hekk tiġi inkoraġġita l-okkorrenza u l-kwalità tal-ħabitats tad-dakkara fuq l-art agrikola jrid isir għan ewlieni fl-iżvilupp tal-politika agrikola komuni (PAK) futura, li trid b'mod partikolari tappoġġja l-preservazzjoni taż-żoni fejn titħaddem biedja b'valur naturali għoli (HNV), li artijiet jiġu rriservati għal skopijiet ekoloġiċi u t-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi u tal-fertilizzanti minerali, u tħeġġeġ il-polikulturi u n-newba tal-uċuħ tar-raba';

11.  Jinnota li t-tnaqqis tad-dipendenza mill-pestiċidi huwa objettiv ewlieni tad-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi (2009/128/KE)(14); jenfasizza li fil-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali ta' kull Stat Membru adottat skont din id-direttiva għandu jiġi spjegat pjan ta' tnaqqis tal-pestiċidi, b'miri, stadji importanti u kalendarji ċari, u li t-tnaqqis tal-pestiċidi għandu jiġi stabbilit bħala “indikatur komuni” li permezz tiegħu jiġi mmonitorjat is-suċċess; jemmen li l-miri mandatorji ta' tnaqqis fl-UE kollha għandhom jiġu inklużi fir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva tal-UE (2009/128/KE) wara valutazzjoni tal-impatt xierqa;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali riveduti li ġew adottati skont id-Direttiva 2009/128/KE u tieħu l-miżuri kollha possibbli biex tiżgura li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'mod adegwat għall-miri tat-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi u l-monitoraġġ meħtieġ tagħhom;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-għoti ta' pariri ta' kwalità għolja lill-bdiewa, permezz ta' sistemi sistemi konsultattivi tal-biedja nazzjonali u reġjonali, dwar kif għandhom jippromwovu u jipproteġu l-bijodiversità u d-dakkara;

14.  Itenni li d-dakkir huwa kruċjali għall-produzzjoni agrikola u għalhekk li l-appoġġ fil-qafas tal-ewwel pilastru tal-PAK m'għandux iwassal għal servizzi ta' dakkir mdgħajfa jew mitlufa; jistieden lill-Kummissjoni tapprova biss il-pjanijiet strateġiċi fejn dan il-fattur ikun indirizzat b'mod xieraq bl-elementi ta' kundizzjonalità u l-ekoskemi rilevanti skont l-ewwel pilastru;

15.  Jenfasizza li bosta programmi nazzjonali ta' żvilupp rurali diġà jinkludu miżuri li jippromwovu l-bijodiversità u jassistu lid-dakkara; josserva li sabiex tali programmi u miżuri jitkomplew u jiġu estiżi aktar, huwa primarjament meħtieġ li jiġi pprovdut finanzjament adegwat għat-tieni pilastru tal-PAK; jenfasizza li, b'dan il-mod, iridu jitqiesu d-diversità tar-reġjuni u tal-ħabitats, kif ukoll il-bosta dakkara differenti li jeżistu, fatt li joħloq il-ħtieġa ta' approċċ nazzjonali u reġjonali;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċettaw it-talba tal-Parlament li fil-PAK ikun hemm Indikatur tad-Dakkara;

17.  Jenfasizza li fl-2017, il-bejgħ tal-insettiċidi(15) żdied fi 18-il pajjiż tal-UE meta mqabbel mal-2016; jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li fil-kategorija ta' insettiċidi oħra(16), f'9 mit-13-il pajjiż li għalihom kien hemm disponibbli din id-diżaggregazzjoni, il-bejgħ fl-2017 żdied meta mqabbel mal-2016, u li l-Inizjattiva dwar id-Dakkara ma tqisx din it-tendenza bħala waħda rilevanti;

18.  Jenfasizza li miżuri favur il-bijodiversità u t-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi għandhom ukoll jiġu stabbiliti bħala mira fil-pjanijiet strateġiċi tal-Istati Membri fi ħdan il-PAK, u li t-tnaqqis fil-pestiċidi u ż-żieda fil-bijodiversità għandhom jiġu stabbiliti bħala "indikaturi komuni" li permezz tagħhom jiġi mmonitorjat is-suċċess;

19.  Jenfasizza li l-indikatur li jkejjel id-diversità u l-abbundanza tad-dakkara li qed jiġi żviluppat se jippermetti li ssir evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-PAK f'dan il-qasam;

20.  Jenfasizza li skont id-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, huma l-metodi mhux kimiċi tal-kontroll tal-organiżmi ta' ħsara li għandhom jintużaw l-ewwel minflok il-pestiċidi, bil-għan li d-dakkara jiġu protetti;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni testendi l-projbizzjoni imposta fuq l-imidakloprid, il-klotijanidin u t-tijametoksam fuq il-pestiċidi kollha bbażati fuq in-neonikotinojdi;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni titlob b'mod sistematiku l-opinjoni tal-EFSA f'każ li l-Istati Membri joħorġu awtorizzazzjoni ta' emerġenza għal pestiċida, abbażi tal-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009; iqis li huwa importanti li l-EFSA tinvestiga wkoll l-effett ta' sostituzzjoni, kif ukoll id-disponibbiltà ta' metodi mhux kimiċi;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jiġu applikati sew u b'hekk tiggarantixxi, inter alia, standard minimu ta' notifiki dwar awtorizzazzjonijiet ta' pestiċidi b'emerġenza, inkluża l-ħtieġa li l-Istati Membri jagħtu spjegazzjonijiet kompleti u dettaljati, u li dawk in-notifiki joħorġuhom b'mod pubbliku; jilqa' r-rwol tal-EFSA fl-eżami ta' dawn id-derogi;

24.  Jenfasizza li l-utenti professjonali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom, għal mill-inqas tliet snin, iżommu rekords dettaljati tal-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u taż-żona, iż-żmien u d-doża tal-applikazzjoni tagħhom; jinnota li l-informazzjoni rilevanti rreġistrata għandha tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti meta din tintalab, sabiex tiġi mmonitorjata l-konformità mar-regoli ta' kundizzjonalità u biex tiġi segwita l-prestazzjoni tal-PAK f'dak li hu tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi madwar l-UE;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza u jippromwovu opportunitajiet ta' finanzjament f'dan il-qasam; jirrimarka li l-għodod u l-mudelli komuni għall-iżvilupp ta' strateġiji u pjanijiet għad-dakkara bbażati fuq l-aħjar prattiki eżistenti se jħeġġu l-adozzjoni ta' miżuri addizzjonali fil-livell nazzjonali, dak reġjonali u dak lokali;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-adozzjoni sħiħa tal-gwida dwar in-naħal tal-2013 tal-EFSA bħala kwistjoni ta' urġenza, inklużi r-rekwiżiti li jirrigwardaw it-tossiċità kronika u tal-larva kif ukoll speċijiet oħra għajr in-naħal tal-għasel;

27.  Sakemm il-gwida tal-EFSA dwar in-naħal tiġi adottata bis-sħiħ fil-livell tal-UE, jistieden lill-Istati Membri jallinjaw il-valutazzjonijiet tagħhom tal-pestiċidi kif xieraq;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni titlob lill-EFSA dokument ta' gwida dwar il-pestiċidi li jispjega t-testijiet ta' qabel l-approvazzjoni biex tingħata protezzjoni lill-friefet, lill-baħrijiet u lis-Syrphidae;

29.  Jenfasizza li l-preżenza tal-ħabitats tad-dakkara żżid ir-rendiment produttiv tal-art;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi limiti fuq l-objettiv tal-PAK li tiżdied il-produttività, tirregola l-prattiki tal-biedja intensiva, u tinkoraġġixxi l-użu ta' miżuri ta' ekoloġizzazzjoni li jtejbu b'mod kwalitattiv u kwantitattiv l-ispazju tal-ħabitati u tal-foraġġ għad-dakkara u jiġġieldu l-omoġenizzazzjoni tal-pajsaġġi Ewropej;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-użu tal-ħabitats tal-mergħat u dawk pastorali, inklużi l-mergħat imsaġġra u sistemi oħra ta' agroforestrija, bħala prekundizzjoni kritika għall-ħolqien ta' substrati fejn id-dakkara jkunu jistgħu jbejtu, jgħammru u jqattgħu x-xitwa, f'sinerġija maż-żamma ta' komunitajiet ta' bwar b'valur naturali għoli (HNV) li jkunu riservati għar-ragħa u għal forom tradizzjonali ta' biedja estensiva;

32.  F'dan ir-rigward, jenfasizza li n-newba tal-għelejjel, l-użu ta' varjetajiet b'saħħithom, u t-tneħħija mekkanika tal-ħaxix ħażin/il-kontroll bijoloġiku tal-organiżmi ta' ħsara, se jgħinu biex il-ħabitats tad-dakkara jiġu rkuprati, filwaqt li oqsma kbar b'monokulturi jikkontribwixxu biex id-dakkara jonqsu;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw infrastruttura ekoloġika li toħloq mill-ġdid u treġġa' għal li kienu l-mużajki ta' ħabitats u l-konnettività funzjonali għad-dakkara fil-pajsaġġi rurali u urbani;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu ż-żamma ta' ringieli ta' sġajriet ġestiti tajjeb kif ukoll il-kunċetti ta' ifilsa ta' art ta' lqugħ, inklużi ifilsa bil-ħaxix jew li jwarrdu ma' tul il-mogħdijiet tal-ilma u żoni li jwarrdu b'mod perenni bħala miżuri li jħeġġu l-bijodiversità sabiex jipproteġu l-opportunitajiet ta' foraġġ u l-ħabitats għad-dakkara u l-aġenti ta' kontroll bijoloġiku, kif ukoll biex jipprovdu kontroll aħjar tal-erożjoni fiż-żoni rurali, semiurbani, u urbani;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-elenkar bikri fuq il-lista tal-UE tal-ispeċijiet li jippreżentaw riskju għad-dakkara, jirreaġixxu malajr biex jikkontrollaw u jeliminaw dawn l-ispeċijiet, iżidu l-viġilanza, u jieħdu azzjoni restrittiva meta jiġu identifikati l-modi kif dawn jidħlu u jixterdu;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex tgħin ħalli tiġi indirizzata b'mod determinat il-pressjoni li hemm fuq id-dakkara li jista' jkun li tirriżulta mill-abbandun tal-art agrikola;

37.  Jenfasizza li jeħtieġ li jiġu introdotti miżuri effettivi ta' bijosigurtà għall-pjanti f'qasrija u għall-ħamrija qabel ma jiġu mċaqalqa fuq distanzi sinifikanti u jħeġġeġ lill-korpi pubbliċi responsabbli għall-ġestjoni taż-żoni ħodor jużaw pjanti lokali, biex b'hekk jimmassimizzaw il-benefiċċji għad-dakkara lokali u jimminimizzaw it-tifrix tal-ispeċijiet aljeni invażivi;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal il-kriterji meħtieġa biex tistabbilixxi Ekotikketta tal-UE għall-pjanti f'qasrija li jiffavorixxu d-dakkara li jkollhom imniżżel il-post ta' oriġini tagħhom, ikunu mqiegħda f'kontenitur sostenibbli, ma jużawx il-pit u ma jkunx fihom insettiċidi;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw lis-settur tat-trobbija tan-naħal billi jsaħħu l-ispezzjonijiet tal-importazzjonijiet sabiex jevitaw l-importazzjonijiet ta' għasel adulterat u billi jadottaw tikkettar obbligatorju dwar l-oriġini tal-għasel (bl-isem ta' kull pajjiż) għat-taħlitiet tal-għasel;

40.  Jitlob li jiġu promossi u żviluppati l-ħabitats tad-dakkara fiż-żoni urbani;

Riċerka, taħriġ u sorveljanza

41.  Jinsisti, b'mod partikolari, fir-rigward tan-naħal tal-għasel (Apis mellifera), fuq ir-rwol tar-riċerka dwar il-kawżi tat-tnaqqis fl-istennija tal-għomor tal-irġejjen tan-naħal, li jikkostitwixxi fenomenu inkwetanti;

42.  Iqis li huwa kruċjali li jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' dawk il-linji gwida għall-ittestjar li għadhom mhumiex disponibbli, speċjalment dwar it-tossiċità akuta u kronika għan-naħal solitarju, it-tossiċità kronika għan-naħal bagħli, l-effetti subletali, il-koesponiment għal komposti multipli (effetti kumulattivi u sinerġistiċi), kif ukoll testijiet għal speċijiet oħra ta' dakkara;

43.  Jissottolinja li l-programm ta' riċerka tal-inizjattiva jonqos milli jikkunsidra l-iskemi bbażati fuq ir-riżultati li għandhom il-monitoraġġ inkorporat fihom u li jistgħu jkunu utli, parzjalment billi jkopru l-ħtiġijiet ta' monitoraġġ, u jipprovdu inċentivi rilevanti lill-bdiewa; jenfasizza li skemi bħal dawn jistgħu jitmexxew u jitwessgħu fil-qafas ta' diversi strumenti finanzjarji u politiki tal-UE, inkluża l-PAK;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-finanzjament għar-riċerka bażika u applikata dwar id-dakkara u l-iżvilupp ta' trattamenti kontra mard ġdid, parassiti u virus li jaffettwawhom, u jinvestu fit-tisħiħ u l-espansjoni tal-pul ta' esperti tassonomiċi, inkluż permezz tal-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni; jitlob li ssir aktar enfasi fuq ir-riċerka fuq il-post u r-riċerka fuq id-dakkara apparti n-naħal tal-għasel u l-friefet;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu monitoraġġ sistematiku u standardizzat fil-kundizzjonijiet reali tal-ħajja tad-dakkara selvaġġi u tal-pressjonijiet ewlenin li jiffaċċjaw, sabiex jitkejjel il-kobor tat-tnaqqis fid-dakkara u l-kawżi tiegħu u biex tkun tista' ssir evalwazzjoni sħiħa tal-effikaċja tal-politiki rilevanti tal-UE u dawk nazzjonali;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħtiġijiet ta' finanzjament għall-monitoraġġ tad-dakkara selvaġġi jkunu inklużi fil-pjanijiet strateġiċi tal-PAK, sabiex tiġi żgurata data robusta għall-bini ta' indikatur tal-PAK dwar id-dakkara skont l-impenn li sar fl-Inizjattiva tal-UE dwar id-Dakkara;

47.  Iqis li huwa xieraq li tiġi appoġġjata l-ekoinnovazzjoni(17) fl-agrikoltura u li jitħeġġu arranġamenti ta' sħubija ma' ċirki akkademiċi u kooperazzjoni ma' riċerkaturi minn fergħat differenti biex jappoġġjaw l-iżvilupp ta' pestiċidi b'livell baxx ta' riskju li ma jagħmlux ħsara lid-dakkara;

48.  Iqis li huwa meħtieġ li tiġi appoġġjata riċerka rigward it-tranżizzjoni agroekoloġika tal-agrikoltura u l-iżvilupp ulterjuri ta' metodi ta' ġestjoni tal-organiżmi ta' ħsara li ma jagħmlux ħsara lid-dakkara, bħal tekniki ta' kultivazzjoni xierqa, in-newba tal-għelejjel u fertilizzazzjoni bilanċjata;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw ix-xjenza taċ-ċittadini li tiffoka fuq ir-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ tad-dakkara u t-taħriġ ta' dawk li jrabbu n-naħal biex tiġi promossa is-sorveljanza mhux intrużiva tan-naħal min-naħa tal-Unjoni permezz tal-iżvilupp ta' indikaturi tal-vitalità tal-kolonji;

o
o   o

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 2.
(2) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 38.
(3) Testi adottati, P8_TA(2019)0023.
(4) Garibaldi, L. A. et al, Wild Pollinators Enhance Fruit Set of Crops Regardless of Honey Bee Abundance, 2013.
(5) Potts, S. et al., Status and Trends of European Pollinators. Key Findings of the STEP Project, Pensoft Publishers, Sofia, 72 pp.
(6) Potts, S. et al., Status and Trends of European Pollinators. Key Findings of the STEP Project, Pensoft Publishers, Sofia, 72 pp.
(7) Gallai, N. et al., Economic Valuation of the Vulnerability of World Agriculture Confronted with Pollinator Decline, Ecological Economics, 68:3, pp. 810-821.
(8) ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.
(9) b'mod partikolari l-iskema ta' monitoraġġ u indikaturi tad-dakkara tal-UE; il-monitoraġġ ambjentali tal-użu tal-pestiċidi permezz tan-naħal tal-għasel; il-kejl tal-polz tal-bijodiversità bl-użu tal-Indiċi tal-Lista l-Ħamra (RLI); u l-iżvilupp ta' sett ta' għodda għall-bdiewa favur prattiki ta' ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara minn madwar l-Unjoni Ewropea kollha.
(10) Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).
(11) https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/approval_active_substances/approval_renewal/neonicotinoids_en
(12) Tsvetkov, N., Samson-Robert, O., Sood, K., Patel, H. S., Malena, D. A., Gajiwala, P. H., Maciukiewicz, P., Fournier, V., Zayed, A. (2017): "Chronic exposure to neonicotinoids reduces honey bee health near corn crops" (L-esponiment kroniku għan-neonikotinojdi jdgħajjef is-saħħa tan-naħal tal-għasel qrib l-għelejjel tal-qamħ), Science, Vol. 356, Nru 6345, pp. 1395–1397. https://doi.org/10.1126/science.aam7470
(13) Potts, S.G., et al., (2016), The Assessment Report of the Intergovernmental Science-Policy Platform on Biodiversity and Ecosystem Services on Pollinators, Pollination and Food Production, Secretariat of the Intergovernmental Science-Policy Platform on Biodiversity and Ecosystem Services, Bonn, Germany. 552 pp.
(14) Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71).
(15) Teżisti data tal-Eurostat għall-kategorija ta' insettiċidi u akariċidi; teżisti aktar data għal kategoriji differenti ta' insettiċidi (piretrojdi, organoklorurati, organofosfati, karbamati u ossimokarbamati, u insettiċidi oħra); disponibbli fuq http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/submitViewTableAction.do
(16) Inklużi wkoll in-neonikotinojdi.
(17) Definita mill-Kummissjoni bħala kwalunkwe innovazzjoni li twassal għal progress sinifikanti lejn l-iħuq tal-għan ta' żvilupp sostenibbli, billi tnaqqas l-impatti tal-modi ta' produzzjoni tagħna fuq l-ambjent, ittejjeb ir-reżiljenza tan-natura għall-pressjonijiet ambjentali, jew tikseb użu aktar effiċjenti u responsabbli tar-riżorsi naturali.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Mejju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza