Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2980(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0261/2019

Dibattiti :

PV 19/12/2019 - 2.1
CRE 19/12/2019 - 2.1

Votazzjonijiet :

PV 19/12/2019 - 6.1

Testi adottati :

P9_TA(2019)0106

Testi adottati
PDF 159kWORD 51k
Il-Ħamis, 19 ta' Diċembru 2019 - Strasburgu
Ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-libertajiet reliġjużi, fil-Burkina Faso
P9_TA(2019)0106RC-B9-0261/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2019 dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-libertà tar-reliġjon, fil-Burkina Faso (2019/2980(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Diċembru 2019 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-UE f'Jum id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2019, li ħabbret EUR 35 miljun addizzjonali f'għajnuna umanitarja għar-reġjun tas-Saħel fl-Afrika,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-7 ta' Novembru 2019 tal-Kelliem tal-VP/RGħ dwar l-attakki fil-Burkina Faso,

–  wara li kkunsidra ż-żjara tal-VP/RGħ Federica Mogherini fir-reġjun tas-Saħel f'Lulju 2019, u d-diskors tagħha fid-9 ta' Lulju 2019 fil-Burkina Faso,

–  wara li kkunsidra d-diskors f'isem il-VP/RGħ Federica Mogherini tas-17 ta' Settembru 2019 waqt id-dibattitu fil-plenarja tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Burkina Faso,

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar il-libertà ta' reliġjon jew twemmin u l-libertà ta' espressjoni ("The Freedom of Religion or Belief and the Freedom of Expression"), ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Esterna tal-Unjoni fi Frar 2009,

–  wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ pubblika tas-Sottokumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew, dwar il-libertà ta' reliġjon jew twemmin: is-sitwazzjoni ta' minoranzi ppersegwitati, b'mod partikolari l-Insara, li saret fit-22 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Mibgħut Speċjali għall-Promozzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin tal-21 ta' Novembru 2019 dwar il-mandat tal-Mibgħut Speċjali għall-promozzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin barra l-Unjoni Ewropea: attivitajiet u rakkomandazzjonijiet ("The mandate of the Special Envoy for the promotion of freedom of religion or belief outside the European Union: activities and recommendations"),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, tal-2013,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Membri tal-Gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (il-Ftehim ta' Cotonou),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni attribwita lill-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli tal-Alleanza ta' Ċiviltajiet tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-1 ta' Diċembru 2019, dwar l-attakk fuq knisja fil-Burkina Faso,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-11 ta' Novembru 2019 dwar il-Forza Konġunta tal-Grupp tal-ħames pajjiżi tas-Saħel,

–  wara li kkunsidra l-aġġornament tal-operazzjoni fil-pajjiż ta' Ottubru 2019, tal-Aġenzija tar-Rifuġjati tan-NU (UNHCR), dwar il-Burkina Faso,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-13 ta' Ottubru 2019 dwar l-attakk fuq moskea fit-Tramuntana tal-Burkina Faso,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Nru 8 dwar is-Sitwazzjoni Umanitarja, tal-UNICEF, dwar il-Burkina Faso, ta' Ottubru 2019,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem 2019 dwar l-inugwaljanzi fl-iżvilupp tal-bniedem fis-seklu 21, u b'mod partikolari r-rapport dwar l-iżvilupp tal-bniedem dwar il-Burkina Faso,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948, li l-Burkina Faso hu pajjiż firmatarju tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Salvagwardja tas-Siti Reliġjużi, tat-12 ta' Settembru 2019,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Burkina Faso,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mill-isqfijiet, il-qassisin u d-delegati sekulari tal-konferenzi episkopali ta' Burkina Faso, in-Niġer, il-Mali, il-Kosta tal-Avorju u l-Ghana, wara l-Workshop Interkonferenzi dwar is-Sigurtà fis-Saħel, tal-12 u s-13 ta' Novembru 2019,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Isqof Laurent Birfuoré Dabiré ta' Dori fid-diskors tiegħu lill-organizzazzjoni karitattiva Kattolika "Aid to the Church in Need" fil-5 ta' Lulju 2019,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li ġiet adottata fis-27 ta' Ġunju 1981 u daħlet fis-seħħ fil-21 ta' Ottubru 1986,

–  wara li kkunsidra l-Forum ta' Pariġi dwar il-Paċi tat-12 u t-13 ta' Novembru 2019,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Burkina Faso kellu tradizzjoni qawwija ta' tolleranza reliġjuża u sekulariżmu iżda sar vulnerabbli għall-instabbiltà, b'mod partikolari bħala riżultat tar-radikalizzazzjoni Iżlamika, li fniet ir-reġjun kollu tas-Saħel akbar, u qed iħabbat wiċċu ma' taħlita ta' elementi negattivi: vjolenza dejjem teskala, spostament, ġuħ, faqar u tibdil fil-klima;

B.  billi n-nuqqas ta' sigurtà fil-Burkina Faso, li kulma jmur qiegħed dejjem jikber, wassal għal delitti terribbli mwettqa kemm minn gruppi ġiħadisti kif ukoll minn gruppi armati oħra; billi skont rapport ta' Human Rights Watch, dawn il-gruppi armati fil-Burkina Faso ġġustizzjaw persuni suspettati li huma kollaboraturi tal-gvern, intimidaw lill-għalliema u xerrdu l-biża' fost il-popolazzjoni ċivili fil-pajjiż kollu; billi l-forzi tas-sigurtà ta' Burkinabè wettqu operazzjonijiet kontra t-terroriżmu fl-2017 u fl-2018 li wasslu għal każijiet ta' qtil extraġudizzjarju, abbuż ta' persuni suspettati miżmuma f'kustodja u arresti arbitrarji; billi l-Gvern ta' Burkinabè wiegħed li jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet;

C.  billi mill-2015, ġiħadisti u gruppi armati oħra li qabel kienu attivi fil-pajjiż ġar tal-Mali bdew jitterrorizzaw lill-popolazzjoni Burkinabè u wettqu għadd ta' attakki kontra simboli tal-istat bħal miri militari, skejjel u faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, iżda wkoll b'mod partikolari kontra l-knejjes u l-Insara; billi mill-2015 'il hawn, l-attakki mill-ġiħadisti u minn gruppi armati oħra qatlu mill-inqas 700 persuna u darbu eluf f'Ouagadougou u fil-provinċji tat-Tramuntana, b'mod partikolari l-Provinċja ta' Soum, u nfirxu lejn il-provinċji tal-Lvant u tal-Punent fl-2018; billi l-vjolenza ma tolqotx lill-Insara biss; billi fil-11 ta' Ottubru 2019, pereżempju, moskea fil-belt ta' Salmossi, fit-Tramuntana tal-Burkina Faso, ġiet attakkata waqt it-talb ta' nhar ta' Ġimgħa;

D.  billi ġew irrappurtati 520 inċident tas-sigurtà bejn Jannar u Novembru 2019, meta mqabbla mal-404 rreġistrati bejn l-2015 u l-2018; billi fix-xahar ta' Ottubru 2019 ġew irreġistrati 52 inċident relatati ma' gruppi armati mhux statali, li minnhom kważi 70 % kellhom fil-mira lil membri tal-popolazzjoni ċivili u lil forzi tas-sigurtà;

E.  billi l-attakki twettqu kemm minn gruppi armati transnazzjonali li joperaw minn naħa għal oħra tal-fruntieri mal-Mali u man-Niġer, bħal Jamaat Nusrat al-Islam wal Muslimeen u l-Istat Iżlamiku tas-Saħara, kif ukoll minn gruppi domestiċi, primarjament Ansarul Islam, li joperaw mill-provinċji tat-Tramuntana u tal-Lvant tal-Burkina Faso;

F.  billi fl-2019, aktar minn 60 Nisrani nqatlu fil-Burkina Faso f'diversi attakki, inkluż l-aktar attakk reċenti tal-1 ta' Diċembru 2019 kontra dawk preżenti waqt servizz ta' nhar ta' Ħadd fi knisja Protestanta fil-belt ta' Hantoukoura fil-Lvant tal-pajjiż, attakk li ħalla 14-il persuna mejta;

G.  billi għadd ta' saċerdoti, nies tal-knisja u Nsara kienu l-vittmi ta' qtil u ħtif immirati fil-pajjiż kollu; billi bħala riżultat tal-vjolenza li qed tiżdied, ħafna nies, b'mod partikolari fit-Tramuntana, telqu d-djar tradizzjonali tagħhom, bħal pereżempju, l-aktar każ riċenti, l-irħula ta' Hitté u Rounga, u ħarbu lejn kampijiet għal persuni spostati internament (IDPs) jew lejn partijiet oħra tal-pajjiż, inkluża l-kapitali Ouagadougou;

H.  billi l-popolazzjoni tal-Burkina Faso hija fil-parti l-kbira Sunnita Malikita, b'minoranzi reliġjużi kbar Insara u indiġeni; billi l-konfini bejn ir-reliġjonijiet fil-Burkina Faso huma fluwidi, peress li s-segwaċi tar-reliġjonijiet kollha normalment jinvolvu ruħhom fi prattiki sinkretiċi, u t-tolleranza reliġjuża hija n-norma; billi kemm l-imqades Sunniti kif ukoll dawk Insara reċentement kienu l-miri ta' attakki gwerilla minn gruppi armati Salafiti; billi dan kompla jkebbes it-tensjonijiet interreliġjużi, u billi l-persekuzzjoni ta' komunitajiet reliġjużi, inklużi persuni minn għadd kbir ta' denominazzjonijiet Insara, wassal għal taqlib tan-nisġa soċjali u livelli ogħla ta' emigrazzjoni;

I.  billi l-gruppi ġiħadisti jridu jagħmlu pressjoni fuq il-koeżistenza tar-reliġjonijiet fil-Burkina Faso, bħala parti mill-istrateġija usa' tagħhom li jkebbsu l-kunflitti interetniċi u reliġjużi u li jispostaw il-popolazzjoni;

J.  billi bħala riżultat tan-nuqqas ta' protezzjoni min-naħa tal-gvern, ġew rakkomandati miżuri ta' sigurtà mill-Isqof Justin Kientega tad-Djoċesi ta' Ouahigouya fil-Grigal tal-Burkina Faso, sabiex l-Insara jiġu protetti aħjar;

K.  billi, bħala riżultat tal-vjolenza f'Awwissu, l-Isqof Laurent Birfuoré Dabiré ta' Dori, il-President tal-Konferenza Episkopali tal-Burkina Faso u n-Niġer, talab lill-komunità globali biex iżżid l-appoġġ tagħha għall-Insara fil-Burkina Faso sabiex tiġi impedita "l-eliminazzjoni tal-preżenza Kristjana"; billi kien hemm appelli ripetuti biex jiġi ddenunzjat it-theddid ta' ċensura u b'appoġġ għat-tkomplija tad-djalogu interreliġjuż;

L.  billi fil-Pjan ta' Azzjoni tiegħu għas-Salvagwardja ta' Siti Reliġjużi, ippubblikat fit-12 ta' Settembru 2019, is-Segretarju Ġenerali tan-NU enfasizza li l-imqades madwar id-dinja jeħtieġ li jkunu postijiet ta' kenn għar-riflessjoni u l-paċi, mhux siti ta' terrur u tixrid ta' demm, u n-nies jeħtieġ li jitħallew josservaw u jipprattikaw il-fidi tagħhom fil-paċi;

M.  billi l-organizzazzjonijiet umanitarji, li ħafna minnhom huma bbażati fuq it-twemmin reliġjuż, għandhom rwol essenzjali biex jgħinu lill-vittmi tal-vjolenza, b'mod partikolari n-nisa, it-tfal u l-persuni spostati internament;

N.  billi l-Gvern tal-Burkina Faso donnu li m'għandux il-kapaċità li jimplimenta b'mod effettiv soluzzjonijiet għall-isfidi enormi soċjali, ekonomiċi u tas-sigurtà li għandu l-pajjiż; billi xi reġjuni, b'mod partikolari fil-Grigal tal-pajjiż, huma effettivament maqtugħin mill-gvern ċentrali;

O.  billi l-Burkina Faso jikklassifika fost l-aktar 10 pajjiżi fqar fid-dinja; billi l-instabbiltà, it-tibdil fil-klima u l-kunflitt fil-pajjiż komplew inaqqsu l-opportunitajiet ekonomiċi, żiedu l-faqar u rriżultaw fi skarsezzi akuti tal-ikel; billi dawn il-konsegwenzi huma aggravati mid-deżertifikazzjoni rapida tar-reġjun tat-Tramuntana u mill-iskarsezza tal-ilma li tirriżulta minnha, tnaqqis fil-kwalità tal-ħamrija u skarsezza ta' riżorsi; billi b'konsegwenza ta' dan, aktar minn miljun persuna jinsabu f'riskju ta' skarsezza ta' ikel, filwaqt li miljun u nofs jeħtieġu għajnuna umanitarja urġenti;

P.  billi fl-2014, ir-rata tal-litteriżmu fl-adulti ġiet stmata li kienet 34.5 %; billi ż-żieda fin-nuqqas ta' sigurtà u fit-terroriżmu f'ċerti reġjuni tal-pajjiż qed ikollha effetti negattivi fuq is-setturi tal-edukazzjoni u tas-saħħa; billi 85 faċilità tas-saħħa u aktar minn 2 000 skola ġew imġiegħla jagħlqu, u dan jolqot rispettivament aktar minn miljun pazjent u 300 000 student; billi 93 faċilità tas-saħħa oħra jinsabu fil-livell minimu ta' funzjonament tagħhom minħabba s-sitwazzjoni mwiegħra tas-sigurtà ta' bħalissa;

Q.  billi l-vjolenza fil-Burkina Faso wasslet għall-ispostament ta' kważi nofs miljun ruħ; billi ħafna minnhom huma vulnerabbli u t-tfal jikkostitwixxu 44 % ta' dawk spostati; billi l-Burkina Faso jospita 31 000 rifuġjat addizzjonali mill-Mali; billi l-UNHCR qed jiffaċċja sfidi kbar biex jaċċessa l-persuni spostati internament u r-rifuġjati fil-Burkina Faso; billi l-persuni spostati internament u r-rifuġjati milquta mill-kriżi umanitarja fir-reġjun huma esposti għal riskji ta' protezzjoni u l-preżenza tagħhom tista' twassal għal kunflitt mal-popolazzjoni lokali fuq riżorsi naturali skarsi jekk ma jittiħdux miżuri adegwati biex jiġu pprovduti akkomodazzjoni, impjiegi u ikel; billi l-kunflitti fuq ir-riżorsi li jirriżultaw jheddu li jkomplu jżidu maċ-ċiklu ta' vjolenza fil-pajjiż;

R.  billi matul dawn l-aħħar seba' snin, l-UE mmobilizzat aktar minn EUR 1 biljun għall-programmi ta' żvilupp fil-Burkina Faso u reċentement allokat EUR 15,7 miljun biex tindirizza l-kwistjoni ewlenija tan-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u l-malnutrizzjoni fost il-persuni spostati internament; billi l-pajjiż huwa wieħed mill-benefiċjarji ewlenin tal-appoġġ finanzjarju (EUR 628 miljun) mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u qed jirċievi wkoll appoġġ finanzjarju sostanzjali (EUR 245,8 miljun) mill-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza ffinanzjat mill-FEŻ għall-perjodu 2016-2020;

S.  billi l-Burkina Faso jipparteċipa fil-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni f'Mali (MINUSMA) u l-Operazzjoni Ibrida Unjoni Afrikana-Nazzjonijiet Uniti fid-Darfur (UNAMID), is-Sħubija Trans-Saħarjana Kontra t-Terroriżmu (TSCTP) u l-G5 tas-Saħel; billi, minħabba l-parteċipazzjoni tal-pajjiż f'dawn il-missjonijiet u l-inizjattivi, huwa sar mira primarja għal gruppi armati mhux statali li jfittxu li jfixklu u jiskoraġġixxu l-kontribut tal-Burkina Faso għas-sigurtà reġjonali; billi rapport imfassal mis-Segretarju Ġenerali tan-NU enfasizza l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tat-truppi Maljani li jappartjenu lill-G5 tas-Saħel;

T.  billi l-UE tikkontribwixxi direttament għall-istabbiltà fir-reġjun tas-Saħel permezz tal-missjonijiet ċivili tal-EUCAP SAHEL fil-Mali u fin-Niġer u permezz tal-Missjoni ta' Taħriġ tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUTM Mali), u indirettament permezz tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri f'MINUSMA u fl-Operazzjoni Barkhane; billi l-G5 tas-Saħel appoġġat mill-UE, li huwa sforz kollaborattiv ta' difiża bejn il-Burkina Faso, iċ-Chad, il-Mali, il-Mauritania u n-Niġer, itejjeb il-koordinament tal-iżvilupp u s-sigurtà reġjonali sabiex jiġu nnewtralizzati l-gruppi armati u titnaqqas l-attraenza tagħhom; billi attakk fuq bażi militari f'Tahoua, in-Niġer, fil-11 ta' Diċembru 2019 qatel 71 suldat min-Niġer u darab 12, fl-agħar inċident li seħħ fir-reġjun mill-2016 'il hawn;

U.  billi f'summit f'Ouagadougou fl-14 ta' Settembru 2019, is-Summit tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) ħabbar pjan ta' USD 1 biljun għall-ġlieda kontra n-nuqqas ta' sigurtà li kulma jmur qed jiżdied fir-reġjun tas-Saħel;

V.  billi l-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) tal-UE għandha l-għan li tiżviluppa u tikkonsolida d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

1.  Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe forma ta' vjolenza, intimidazzjoni u ħtif ta' ċivili, li jkollhom fil-mira lis-servizzi tas-sigurtà, is-siti reliġjużi u l-prattikanti preżenti fl-imqades fil-Burkina Faso, b'mod partikolari l-vjolenza mmirata lejn komunitajiet reliġjużi speċifiċi, u l-istrumentalizzazzjoni politika u l-użu ħażin tar-reliġjon biex tiġi leġittimizzata l-persekuzzjoni tal-Insara u ta' minoranzi reliġjużi oħra;

2.  Jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u lill-Gvern tal-Burkina Faso; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Burkinabè, li kważi kuljum qed jgħix sitwazzjoni ta' luttu minħabba attakki fuq il-popolazzjoni ċivili, il-forzi tas-sigurtà u l-membri ta' komunitajiet Insara u minoranzi reliġjużi oħra;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali biex jinvestu aktar fid-djalogu nazzjonali bħala pedament importanti għall-koeżjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jitrawmu l-għaqda u d-djalogu bejn il-komunitajiet kollha fil-Burkina Faso, inklużi mexxejja tradizzjonali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex jiġi miġġieled it-tentattiv biex tinxtered il-mibegħda u jinħolqu tensjonijiet interkomunitarji;

4.  Jistieden lill-Gvern tal-Burkina Faso jżid l-appoġġ u l-protezzjoni tal-komunitajiet Musulmani, Insara u animisti sabiex tinżamm it-tradizzjoni twila ta' Burkinabè ta' koeżistenza paċifika tal-Iżlam u l-Kristjanità; jitlob appoġġ addizzjonali għall-vittmi tal-vjolenza, b'mod partikolari n-nisa u t-tfal;

5.  Ifakkar li l-ġlieda kontra t-terroriżmu tista' tagħti l-frott biss jekk il-forzi tas-sigurtà jirrispettaw l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Gvern ta' Burkinabè, f'dan il-kuntest, biex minnufih itemm l-istrateġija abbużiva tiegħu ta' kontra r-ribelljoni, b'mod partikolari l-eżekuzzjoni sommarja ta' persuni suspettati, li toħloq ir-riskju li tkebbes il-kunflitt billi twassal lil aktar nies biex jingħaqdu mal-militanti Iżlamisti;

6.  Jitlob lill-Gvern ta' Burkinabè biex iwettaq l-impenn tiegħu li jinvestiga allegazzjonijiet ta' abbużi min-naħa tal-forzi statali, jieħu miżuri konkreti biex jipprevjeni kwalunkwe abbuż ulterjuri u jibbaża l-istrateġija tiegħu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti fuq l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali, f'konformità mal-obbligi tiegħu skont id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju internazzjonali u l-liġi dwar ir-rifuġjati;

7.  Jinsisti fuq approċċ komprensiv lejn il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu li jiffoka fuq it-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u l-prevenzjoni tal-kriminalità; jistieden lill-awtoritajiet ta' Burkinabè jżidu l-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-faqar, joħolqu prospetti ta' impjieg aħjar, speċjalment għaż-żgħażagħ, u jagħtu s-setgħa u r-rispett lill-individwu, sabiex jeliminaw direttament mis-sors l-ilmenti u l-frustrazzjonijiet li potenzjalment jistgħu jiġu sfruttati min-naħa tal-estremisti vjolenti; itenni li l-investiment fl-edukazzjoni huwa essenzjali għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għar-rikostruzzjoni ta' soċjetajiet paċifiċi u inklużivi;

8.  Ifakkar li r-rabta bejn il-politika, is-sigurtà u l-iżvilupp sostenibbli, anke lejn is-sensibilizzazzjoni reliġjuża permezz tal-promozzjoni ta' djalogu interreliġjuż, se tkun essenzjali biex tinstab soluzzjoni dejjiema għall-isfidi diversi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-Burkina Faso u r-reġjun tas-Saħel;

9.  Jappella għal koordinament internazzjonali fir-reġjun kollu, b'mod partikolari fil-qafas tal-ECOWAS, bl-objettivi politiċi tas-salvagwardja tas-sovranità territorjali u l-integrità tal-membri tagħha, tal-istituzzjonijiet demokratiċi reġjonali, tas-sigurtà taċ-ċittadini kollha u tal-proprjetajiet tagħhom; ifakkar li s-sitwazzjoni fil-Burkina Faso għandha impatt dirett fuq l-istati ġirien tagħha; jistieden lill-Gvern ta' Burkinabè jintensifika aktar il-kooperazzjoni tiegħu mal-istati ġirien tiegħu, speċjalment fir-rigward tar-reġjuni tat-Tramuntana u ta' dawk l-istati li huma affettwati direttament mill-vjolenza, bħall-Mali u n-Niġer;

10.  Ifaħħar lill-UE u lill-Istati Membri tagħha talli appoġġaw il-G5 tas-Saħel, MINUSMA u l-Operazzjoni Barkhane; ifaħħar ukoll l-isforzi tal-missjonijiet ċivili tal-EUCAP SAHEL fil-Mali u n-Niġer u tal-missjoni ta' taħriġ militari EUTM Mali; jistieden lill-UE tkompli żżid l-appoġġ tagħha lill-Burkina Faso bil-għan li jiġu indirizzati l-isfidi enormi tas-sigurtà fil-pajjiż; jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni ta' sigurtà internazzjonali kkoordinata u aktar komprensiva fil-Burkina Faso; jistieden lill-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel u lid-donaturi internazzjonali jżidu l-isforzi tagħhom sabiex il-forza militari konġunta tal-G5 tas-Saħel tinbidel f'forza operattiva b'mezzi suffiċjenti mingħajr aktar dewmien, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem;

11.  Jisħaq fuq il-punt li s-sigurtà hija vitali, iżda li mhijiex l-unika soluzzjoni għall-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom il-Burkina Faso, u li, għaldaqstant, il-koordinament bejn is-sigurtà u l-politiki ta' żvilupp u kummerċ hija waħda mill-isfidi essenzjali; jenfasizza li s-sigurtà tal-popolazzjoni lokali għandha tkun il-prinċipju li jiggwida r-riforma tas-settur tas-sigurtà tal-UE u l-isforzi ta' assistenza f'pajjiżi u reġjuni vulnerabbli;

12.  Jinnota li l-kunflitt, l-ispostament u d-deżertifikazzjoni jagħmluha diffiċli biex dak li jkun jibda jaħdem f'tipi ta' impjiegi tradizzjonali; jenfasizza l-fatt li 65 % tal-popolazzjoni Burkinabè għandha inqas minn 25 sena; jemmen li l-operazzjonijiet ta' sigurtà fil-Burkina Faso jeħtieġ ikunu akkumpanjati minn sforzi ta' żvilupp lokali mmirati lejn it-tnaqqis tal-inugwaljanza u t-titjib tal-infrastruttura, il-parteċipazzjoni politika, l-applikazzjoni tal-ġustizzja, l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-opportunitajiet ekonomiċi;

13.  Jinnota s-sitwazzjoni li kulma jmur sejra għall-agħar fil-Burkina Faso u l-implikazzjonijiet ġeopolitiċi tagħha; jissottolinja li huwa imperattiv li l-UE tkompli tipprovdi assistenza politika u tas-sigurtà lill-isforzi mmexxija mill-G5 tas-Saħel, inkluż għall-proċess ta' paċi fil-Mali; jappella għal żieda fis-sostenn għall-forzi tas-sigurtà fil-Burkina Faso bil-għan li dawn ikunu jistgħu jirreaġixxu għat-theddid ta' vjolenza u attakki ġiħadisti, u jappoġġaw il-kontroll mill-gvern fir-reġjuni tat-Tramuntana u tal-Lvant;

14.  Jisħaq fuq il-punt li l-koordinament internazzjonali huwa kruċjali wkoll u li l-UE għandha tkun lesta timpenja ruħha aktar mar-reġjun kollu u li dan tintegrah fl-istrateġija l-ġdida tagħha "Strateġija UE-Afrika - sħubija għal żvilupp sostenibbli u inklużiv";

15.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jinkludi l-prattika effikaċi tad-djalogu interreliġjuż bħala strument fl-istrateġija ta' komunikazzjoni tiegħu ma' pajjiżi terzi u jħeġġeġ il-medjazzjoni fis-sitwazzjonijiet ta' kunflitt bil-għan li jiġu protetti l-minoranzi reliġjużi u l-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin;

16.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Salvagwardja tas-Siti Reliġjużi, li ġie żviluppat mill-Alleanza ta' Ċiviltajiet tan-Nazzjonijiet Uniti u mħabbar mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, is-Sur António Guterres, fit-12 ta' Settembru 2019;

17.  Jenfasizza li l-prijorità fil-ġlieda kontra t-terroriżmu hija li, min-naħa, jintemm il-finanzjament internazzjonali ta' gruppi armati ġiħadisti, u min-naħa l-oħra li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-faqar u l-inugwaljanza;

18.  Jemmen li l-UE jeħtiġilha taħdem mal-ECOWAS u l-gvern u l-partijiet ikkonċernati kollha fil-Burkina Faso, bil-għan li jissaħħu l-iżvilupp, l-edukazzjoni, u l-isforzi għall-adattament għat-tibdil fil-klima biex jiġi indirizzat il-faqar u tiġi evitata aktar radikalizzazzjoni; jisħaq fuq il-punt li t-tibdil fil-klima huwa multiplikatur kbir tar-riskji ta' kunflitt, nixfa, ġuħ u spostament; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Burkina Faso jagħti prijorità lill-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-impunità;

19.  Jesprimi tħassib partikolari rigward l-impatt tat-theddid għas-sigurtà fuq l-effikaċja tal-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jżidu l-għajnuna umanitarja tagħhom lill-Burkina Faso, b'mod partikolari permezz tal-forniment ta' ikel, ilma u servizzi mediċi; iwissi li se tinqala' kriżi umanitarja oħra jekk il-ħtiġijiet bażiċi tal-komunitajiet spostati u ospitanti (bħall-ikel, l-ilma, il-kenn u l-kura tas-saħħa) ma jiġux issodisfati;

20.  Jistieden lill-Gvern tal-Burkina Faso jissalvagwardja t-twassil ta' għajnuna umanitarja u għajnuna alimentari, b'mod partikolari f'żoni b'aċċess umanitarju limitat, u biex jieħu miżuri speċifiċi ħalli jsaħħaħ azzjonijiet għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' malnutrizzjoni akuta fil-kampijiet tal-persuni spostati internament, b'attenzjoni partikolari għall-gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa u t-tfal;

21.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Burkina Faso jiżgura u jiffaċilita l-movimenti ta' transumanza tal-bhejjem biex jiġu evitati kunflitti fil-komunità, u biex ikun hemm aktar aċċess għal u disponibbiltà ta' ikel, ilma u kura għall-bhejjem f'żoni b'nuqqas sinifikanti ta' għalf;

22.  Jesprimi l-gratitudni tiegħu għall-ħidma importanti li jwettqu l-NGOs, inklużi l-NGOs ibbażati fuq it-twemmin reliġjuż, u l-istituzzjonijiet internazzjonali fl-għoti ta' appoġġ lil għadd kbir ta' vittmi ta' vjolenza, b'mod partikolari n-nisa u t-tfal;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President tar-Repubblika tal-Burkina Faso, lill-Ispeaker tal-Parlament Burkinabè u lill-Unjoni Afrikana u lill-istituzzjonijiet tagħha.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Mejju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza