Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2981(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0242/2019

Dibattiti :

PV 19/12/2019 - 2.2
CRE 19/12/2019 - 2.2

Votazzjonijiet :

PV 19/12/2019 - 6.2

Testi adottati :

P9_TA(2019)0107

Testi adottati
PDF 132kWORD 45k
Il-Ħamis, 19 ta' Diċembru 2019 - Strasburgu
L-Afganistan, b'mod partikolari l-allegazzjonijiet ta' abbuż sesswali ta' subien fil-Provinċja ta' Logar
P9_TA(2019)0107RC-B9-0242/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2019 dwar l-Afganistan, b'mod partikolari l-allegazzjonijiet ta' abbuż sesswali ta' subien fil-Provinċja ta' Logar (2019/2981(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan, b'mod partikolari dik tal-14 ta' Diċembru 2017(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2019 dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-3 ta' Diċembru 2019 mill-Grupp ta' Ħbieb tat-Tfal fil-Kunflitti Armati (CAAC), li tiegħu l-Unjoni Ewropea hija membru, fir-rigward ta' allegazzjonijiet ta' abbuż sesswali ta' subien fil-provinċja ta' Logar u azzjonijiet sussegwenti kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Liġi Afgana dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal li ġiet ratifikata fil-5 ta' Marzu 2019,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-UNICEF ta' Novembru 2019 dwar il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, liema konvenzjoni tinsab f'salib it-toroq,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tat-23 ta' Marzu 2018 u tad-29 ta' Marzu 2019 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kunsill tas-Sigurtà dwar il-vjolenza sesswali b'rabta mal-konflitti , u r-rapport tal-10 ta' Marzu 2019 dwar it-tfal u l-konflitti armati fl-Afganistan,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, dwar it-Tfal fil-Konflitti Armati, u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Afganistan tat-8 ta' April 2019,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Afganistan dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp iffirmat fit-18 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi skont ir-rapport tal-2019 tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tfal u l-kunflitti armati fl-Afganistan, bejn l-2015 u l-2018 twettqu 14 000 każ ta' vjolazzjonijiet fuq tfal fl-Afganistan; billi mill-inqas 12 599 tifel u tifla sfaw maqtula jew immankati, li jirrappreżenta kważi terz tal-vittmi ċivili kollha; billi l-abbuż sesswali, l-istupru u l-isfruttament ta' subien, prattika magħrufa bħala bacha bazi li tikkostitwixxi skjavitù sesswali tat-tfal, hija prevalenti f'diversi provinċji tal-Afganistan;

B.  billi l-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA) irrapportat li 136 tifel Afgan f'mill-inqas sitt skejjel fil-provinċja ta' Logar ġew abbużati sesswalment minn ċirku ta' pedofeli; billi s'issa, l-investigazzjoni identifikat aktar minn 100 filmat imtella' online; billi mill-inqas seba' subien li dehru fil-filmati instabu mejta, u ħamsa nqatlu mill-familji tagħhom;

C.  billi l-bachas, tipikament subien ta' bejn 10 u 18-il sena, jinxtraw jew jinħatfu minn familji fil-bżonn minn membri influwenti tal-elit f'żoni rurali, inklużi politiċi u uffiċjali tal-armata; billi s-subien jilbsu ta' nisa u jiżfnu waqt festini privati u wara spiss jiġu abbużati sesswalment mill-irġiel;

D.  billi ġew implikati kapijiet ta' skejjel, għalliema u awtoritajiet lokali mill-provinċja ta' Logar; billi l-impunità għall-vjolenza sesswali hija komuni minħabba l-pożizzjonijiet b'saħħithom ħafna drabi miżmuma mill-awturi, l-in kredulità fi ħdan il-familji u l-komunitajiet tal-vittmi, u sistema ta' valur li tqiegħed l-unur tal-familja 'l fuq mill-interess individwali tat-tfal;

E.  billi t-tfal fl-Afganistan li jsofru stupru u sfruttament sesswali għandhom aċċess limitat ħafna għall-ġustizzja jew l-appoġġ; billi rapporti jindikaw li jiġri l-oppost, u li t-tfal li jirrapportaw abbuż sesswali spiss iħabbtu wiċċhom ma' abbuż ulterjuri, stigmatizzazzjoni, ostraċiżmu u saħansitra mewt minn idejn l-awturi, l-awtoritajiet, il-mexxejja tal-milizzja u l-familji tagħhom stess, li jirriżultaw fi trawma fiżika u psikoloġika ulterjuri;

F.  billi l-Istituzzjoni Soċjali u Ċivili taż-Żgħażagħ ta' Logar qed tinvestiga s-sitwazzjoni fi skejjel oħra fir-reġjun; billi huwa maħsub li eluf ta' subien oħra fil-provinċja huma vittmi tal-bacha bazi;

G.  billi l-Afganistan irriforma l-Kodiċi Penali tiegħu fl-2018, li jikkriminalizza l-abbuż sesswali tat-tfal; billi fl-2019 l-awtoritajiet Afgani adottaw Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal; billi l-infurzar tad-dispożizzjonijiet li jikkriminalizzaw ir-reklutaġġ, l-użu ta' tfal reklutati, u l-vjolenza sesswali u l-abbuż tat-tfal għadu sfida;

H.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Mohammad Musa Mahmudi u Ehsanullah Hamidi mill-Istituzzjoni Soċjali u Ċivili taż-Żgħażagħ ta' Logar ġew arrestati b'mod arbitrarju mid-Direttorat Nazzjonali tas-Sigurtà meta kienu fi triqthom biex jiltaqgħu mal-Ambaxxatur tal-UE f'Kabul; billi t-tnejn li huma ġew rilaxxati fis-27 ta' Novembru 2019 u s-sikurezza tagħhom għadha ta' tħassib; billi ż-żewġ difensuri tad-drittijiet tal-bniedem preċedentement irċevew theddid fuq il-midja soċjali, uħud minn uffiċjali pubbliċi; billi, barra minn hekk, il-gvernatur provinċjali hedded li jikkastigahom talli xerrdu informazzjoni falza;

I.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan kull ma jmur qed jiġu attakkati dejjem aktar mill-awtoritajiet u mill-gruppi armati Afgani, u huma soġġetti għal fastidju, intimidazzjoni, theddid u vjolenza; billi l-Gvern Afgan ripetutament naqas milli jinvestiga l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jiddeplora l-abbuż sesswali u l-iskjavitù mifruxa u kurrenti tas-subien fl-Afganistan; jesprimi l-appoġġ sħiħ u s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-prevalenza ta' prattiki ta' abbuż sesswali kontra s-subien li għandhom għeruq fondi, l-impunità tal-awturi tal-atti u l-pożizzjoni vulnerabbli tal-vittmi;

2.  Jirrikonoxxi r-reazzjoni reċenti tal-awtoritajiet Afgani u l-azzjoni li ħadu permezz ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli; ifakkar lill-awtoritajiet li l-protezzjoni tat-tfal u ta' gruppi vulnerabbli oħra trid tkun fil-qalba ta' kwalunkwe politika ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u jappella lill-awtoritajiet ċentrali u lokali Afgani biex ikomplu b'miżuri attivi biex jeqirdu l-prattika bacha bazi fil-pajjiż;

3.  Jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu li l-każijiet ta' abbuż sesswali allegatament seħħew fi skejjel, f'istituzzjonijiet fdati u rispettati, u li twettqu minn għalliema u minn kapijiet ta' skejjel, li għandhom influwenza enormi fuq l-istudenti tagħhom u responsabbiltà kbira għall-iżvilupp, kemm intellettwali kif ukoll psikoloġiku tagħhom;

4.  Jistieden lill-Gvern Afgan biex jissospendi immedjatament mill-pożizzjonijiet tagħhom il-persuni allegatament implikati f'każijiet ta' abbuż sesswali u vjolenza sakemm tiġi konkluża l-investigazzjoni, u biex jipprovdi lill-vittmi u lill-familji tagħhom bl-appoġġ mediku, psikoloġiku u soċjali meħtieġ;

5.  Jappella lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex iniedi investigazzjoni indipendenti u imparzjali dwar l-allegazzjonijiet ta' abbuż sesswali u ta' vjolenza fuq subien fil-provinċja ta' Logar li tiggarantixxi d-drittijiet tal-vittmi u l-protezzjoni tagħhom; ifakkar li minħabba li l-allegazzjonijiet saru wkoll kontra individwi fl-awtoritajiet nazzjonali, l-investigazzjoni għandha ssir b'kooperazzjoni ma' korpi internazzjonali inkluża l-UNAMA, u bi trasparenza sħiħa;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Afgani biex b'mod immedjat jistabbilixxu mekkaniżmu ta' protezzjoni u rapportar għall-organizzazzjonijiet u sostenituri li jirrapportaw u jesponu l-abbużi tad-drittijiet tat-tfal; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Afgani biex jistabbilixxu linja telefonika nazzjonali għall-għajnuna tal-vittmi ddedikata għall-abbużi tad-drittijiet tat-tfal;

7.  Jappella lill-awtoritajiet Afgani biex jagħmlu użu sħiħ mid-dritt nazzjonali u internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Afgani biex jimplimentaw bis-sħiħ il-Kodiċi Penali Afgan ġdid tal-2018 u l-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal tal-2019 sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà sħiħa fil-każijiet ta' abbuż sesswali u vjolenza fuq it-tfal;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern Afgan jibda kampanja nazzjonali biex jeduka lis-soċjetà dwar il-projbizzjoni tal-bacha bazi u dwar id-dritt tal-minuri li jkun protett minn tali abbuż fiżiku u sesswali; jenfasizza li huwa biss permezz ta' taħlita ta' infurzar tal-liġi u edukazzjoni dwar il-kwistjoni li se jkun possibbli li tinkiseb il-bidla kulturali meħtieġa fis-soċjetà Afgana biex tiġi eliminata din il-prattika; jinsisti li dawn l-isforzi jagħtu prijorità lit-tneħħija tal-istigmatizzazzjoni tal-vittmi tal-prattiki tal-bacha bazi u ma jagħtux lok li dawn jingħataw il-ġenb mill-komunitajiet tagħhom, jiġu mkeċċija minn familthom jew jinqatlu;

9.  Ifaħħar il-ħidma ta' Mohammad Musa Mahmudi, Ehsanullah Hamidi u d-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan, li joperaw f'wieħed mill-aktar ambjenti perikolużi fid-dinja, huma mhedda minn atturi statali u mhux statali, u ma jirċevux il-protezzjoni meħtieġa biex iwettqu xogħolhom mingħajr biża' ta' rappreżalji; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Afgani jeħtiġilhom li, fiċ-ċirkostanzi kollha, jiżguraw li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem mingħajr theddid, intimidazzjoni jew impediment;

10.  Iħeġġeġ skrutinju u monitoraġġ akbar tal-assistenza finanzjarja tal-UE lill-Afganistan sabiex jiġi żgurat li l-appoġġ baġitarju pprovdut attwalment jippromwovi ambjent li jwassal għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

11.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Afgani biex jiggarantixxu s-sikurezza ta' Mohammad Musa Mahmudi u Ehsanullah Hamidi; jappella, barra minn hekk, lill-awtoritajiet biex jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem, il-priġunieri ta' kuxjenza u l-ġurnalisti detenuti u kkundannati sempliċiment għaliex eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni u tal-assemblea paċifika;

12.  Jappella lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex iniedi investigazzjoni indipendenti u imparzjali dwar id-detenzjoni arbitrarja tal-membri tas-soċjetà ċivili li ġew arrestati wara li rrapportaw każijiet ta' abbuż sesswali u vjolenza, u li ġew rilaxxati wara bosta jiem;

13.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE b'missjonijiet diplomatiċi fl-Afganistan u lill-aġenziji tal-iżvilupp tagħhom fuq il-post biex jassistu lill-awtoritajiet u lill-atturi tas-soċjetà ċivili lokali li qegħdin jaħdmu biex jeqirdu l-prattika tal-bacha bazi mis-soċjetà Afgana;

14.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE b'missjonijiet diplomatiċi fuq il-post biex jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u jagħtu l-appoġġ kollu xieraq lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li huma detenuti, inklużi żjarat fil-ħabs u monitoraġġ tal-proċessi; ifakkar fl-importanza li d-Delegazzjoni tal-UE u l-Istati Membri tal-UE jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, u dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Afganistan.

(1) ĠU C 369, 11.10.2018, p. 85.
(2) Testi Adottati, P9_TA(2019)0066.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Mejju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza