Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2982(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0258/2019

Dibattiti :

PV 19/12/2019 - 2.3
CRE 19/12/2019 - 2.3

Votazzjonijiet :

PV 19/12/2019 - 6.3

Testi adottati :

P9_TA(2019)0108

Testi adottati
PDF 138kWORD 47k
Il-Ħamis, 19 ta' Diċembru 2019 - Strasburgu
Il-Liġi Russa dwar l-"Aġenti Barranin"
P9_TA(2019)0108RC-B9-0258/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2019 dwar il-Liġi Russa dwar l-"Aġenti Barranin" (2019/2982(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-23 ta' Novembru 2019 rigward l-emendi dwar il-liġi tal-"Aġenti Barranin" fil-Federazzjoni Russa, u tas-26 ta' Novembru 2017 dwar il-liġi Russa li tippermetti li l-midja barranija tiġi rreġistrata bħala "aġenti barranin",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Delegazzjoni tal-UE għall-Kunsill tal-Ewropa dwar l-emendi għal-liġi dwar l-"Aġenti Barranin" fil-Federazzjoni Russa tal-11 ta' Diċembru 2019,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha dwar id-dritt tal-opinjoni u tal-espressjoni u l-Artikolu 20 tagħha dwar id-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), b'mod partikolari l-Artikolu 22 tiegħu dwar id-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli tagħha, b'mod partikolari l-Artikolu 10 dwar id-dritt tal-espressjoni u l-Artikolu 11 dwar id-dritt għal-libertà ta' għaqda u għal-libertà ta' assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa, b'mod partikolari l-Kapitolu 2 tagħha dwar id-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Novembru 2019 mir-Rappreżentant tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) dwar il-Libertà tal-Midja,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-15 ta' Lulju 2013 tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-"Leġiżlazzjoni tal-Federazzjoni Russa dwar l-Organizzazzjonijiet Mhux Kummerċjali fid-dawl tal-Istandards tal-Kunsill tal-Ewropa, u l-opinjoni aġġornata tiegħu dwar il-"Leġiżlazzjoni u l-Prattika fil-Federazzjoni Russa dwar l-Organizzazzjonijiet Mhux‑ Kummerċjali fid-dawl tal-Istandards tal-Kunsill tal-Ewropa: Aġġornament" maħruġa fid-9 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tas-27 ta' Ġunju 2014 tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta' Venezja) dwar il-liġi federali dwar organizzazzjonijiet mhux kummerċjali (il-"Liġi dwar l-Aġenti Barranin"), l-opinjoni tat-13 ta' Ġunju 2016 dwar il-Liġi Federali Russa Nru 129-FZ (dwar attivitajiet mhux mixtieqa minn organizzazzjonijiet mhux governattivi barranin u internazzjonali), u r-rapport tal-Kummissjoni ta' Venezja tat-18 ta' Marzu 2019 dwar il-finanzjament ta' assoċjazzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-drittijiet għal-libertà tal-ħsieb u tal-kelma, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika huma minquxa fil-kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa;

B.  billi l-Federazzjoni Russa hija firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u hija wkoll membru tal-Kunsill tal-Ewropa, u għaldaqstant impenjat ruħha li tirrispetta l-istandards u l-prinċipji li jirregolaw l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

C.  billi f'Lulju 2012, il-Parlament Russu adotta liġi dwar l-"aġenti barranin" li tirrikjedi li NGOs Russi jirreġistraw mal-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Federazzjoni Russa bħala "organizzazzjonijiet li jwettqu l-funzjonijiet ta' aġenti barranin", f'każ li jirċievu finanzjament barrani u jipparteċipaw f'attivitajiet li huma deskritti b'mod vag bħala "attivitajiet politiċi"; billi f'Ġunju 2014 il-liġi ġiet emendata biex il-Ministeru tal-Ġustizzja jkun jista' jirreġistra l-NGOs bħala "aġenti barranin" fuq inizjattiva tiegħu stess; billi f'Novembru 2017 il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi ġie estiż biex jimponi l-użu tat-tikketta ta’ “aġenti barranin” fuq kwalunkwe midja barranija li, direttament jew indirettament, tirċievi finanzjament barrani;

D.  billi l-aktar emendi riċenti għal-liġi dwar l-"aġenti barranin", li jestendu l-istatus ta' "aġenti barranin" għal persuni privati, inklużi bloggers u ġurnalisti indipendenti, ġew approvati mill-Parlament Russu fil-21 ta' Novembru 2019 u ġew ippromulgati fit-2 ta' Diċembru 2019 mill-President Vladimir Putin; billi l-liġi timponi rekwiżiti speċifiċi għar-reġistrazzjoni, il-kontabbiltà u t-tikkettar tal-pubblikazzjonijiet, u tagħmel in-nuqqas ta' konformità reat kriminali, inkluża l-possibbiltà ta' sanzjonijiet b'pieni amministrattivi kbar jew priġunerija sa massimu ta' sentejn;

E.  billi taħt din il-liġi, kemm ir-Russi u kemm il-barranin li jaħdmu jew li jiddistribwixxu l-kontenut ta' aġenziji tal-aħbarijiet ittikkettati bħala "aġenti barranin", b’mod li potenzjalment jesponi lill-ġurnalisti, lis-sorsi tagħhom, u saħansitra lil dawk li jaqsmu l-materjal fuq in-networks soċjali għall-istigmatizzazzjoni bħala "aġenti barranin", u li potenzjalment jista' jwassal għal awtoċensura filwaqt li jiskoraġġihom mhux biss milli jippubblikaw iżda anki milli jaqsmu l-pubblikazzjonijiet tagħhom;

F.  billi l-liġi Russa dwar l-"aġenti barranin" tikser il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-ftehim internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, li jiddefendi, fost affarijiet oħra, il-libertà tal-espressjoni u tal-midja; billi r-Russja, għalhekk, mhijiex qed tissodisfa l-obbligi tagħha bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa; billi l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa qieset din il-liġi bħala mhux kompatibbli mal-istandards għad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u Ewropej; billi l-liġi dwar l-"aġenti barranin" tikser l-impenji tar-Russja bħala membru tal-OSKE u bħala firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; billi l-UE tistenna li l-Federazzjoni Russa, bħala membru permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, tirrispetta bis-sħiħ l-impenji internazzjonali li ħadet;

G.  billi għadd ta' organizzazzjonijiet u NGOs li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, fosthom Amnesty International u Human Rights Watch jikkunsidraw li l-liġi emendata se tħalli impatt ta' ħsara fuq ambjent diġà restrittiv għall-ġurnaliżmu indipendenti fir-Russja, hekk li dan ikompli jdgħajjef il-libertà ta' espressjoni; billi l-midja ta' kwalità, li hija indipendenti minn strutturi governattivi jew progovernattivi, li taħdem flimkien ma' bosta korrispondenti Russi madwar il-pajjiż u li spiss hija l-unika sors ta' informazzjoni affidabbli u alternattiva għall-midja tal-istat f'reġjuni remoti, tinsab fil-mira tal-liġi, u b'hekk ixxekkel ħidmietha u, għaldaqstant, l-aċċess għal kopertura medjatika imparzjali;

H.  billi, f'dawn l-aħħar xhur, ir-restrizzjonijiet leġiżlattivi u l-prosekuzzjonijiet immirati taħt il-liġi dwar l-aġenti barranin fir-Russja ħadu suriet aktar ripressivi, bir-riżultat li llimitaw l-aċċess għal finanzjament indipendenti mill-midja u mis-soċjetà ċivili, bi ħsara għar-reputazzjoni tagħhom u b'mod li jxekkel l-attivitajiet tagħhom, jirrestrinġi l-eżerċizzju tagħhom tal-libertajiet fundamentali u jnaqqas l-ispazju għal atturi indipendenti u dissidenti fir-Russja;

I.  billi l-liġi dwar l-“aġenti barranin” hija parti minn kampanja usa' biex toħnoq id-dissens, l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili madwar ir-Russja; billi l-ispazju jonqos għas-soċjetà ċivili indipendenti Russa u jippermetti l-preżenza msaħħa ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi mhux indipendenti u organizzati mill-gvern (GONGOs); billi l-gvern Russu juża l-GONGOs biex jippromwovi l-politiki tiegħu stess filwaqt li jżomm l-apparenza ta' soċjetà ċivili indipendenti;

J.  billi l-liġi dwar l-"aġenti barranin" s'issa kienet immirata prinċipalment lejn l-NGOs; billi total ta' madwar 80 NGO huma meqjusa bħala "aġenti barranin" taħt din il-liġi, inklużi kważi l-NGOs ewlenin kollha favur id-drittijiet tal-bniedem fir-Russja; billi 49 NGO Russu għandhom applikazzjonijiet pendenti quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li fihom qed jargumentaw li l-liġi dwar l-"aġenti barranin" tikser għadd ta’ drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, u qed jipprotestaw kontra l-kwalità tal-liġi u kontra l-prosekuzzjoni tagħhom talli naqsu milli jirreġistraw bħala "aġenti barranin", kif ukoll kontra l-kontroll eċċessiv mill-istat;

K.  billi sa mill-2014, għaxriet ta' organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq kwistjonijiet ambjentali tqiegħdu bil-forza fuq il-lista ta' "aġenti barranin", minkejja d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Russja li teskludi l-gruppi ambjentali mill-ambitu ta' dik il-liġi; billi bosta mill-gruppi milquta kellhom jagħlqu biex jevitaw li jiġu ttikkettati bħala "aġenti barranin" jew għaliex ma setgħux iħallsu l-multi;

L.  billi tul dawn l-aħħar għaxar snin feġġet xejra globali allarmanti li rat numru dejjem akbar ta' stati jintroduċu u jużaw liġijiet li jxekklu d-dritt tal-libertà ta' espressjoni, li tinkludi l-libertà li jirċievu u jikkomunikaw informazzjoni u ideat mingħajr interferenza mill-awtoritajiet pubbliċi u irrispettivament mill-fruntieri, kif ukoll il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni; billi tali liġijiet qed ixekklu wkoll il-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-individwi;

M.  billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, f'ħafna mid-deċiżjonijiet tagħha, enfasizzat li r-rwol ta' sorveljanza pubblika eżerċitat mill-NGOs huwa essenzjali f'soċjetà demokratika u huwa ta’ importanza simili għar-rwol tal-midja;

N.  billi l-għan leġittimu li tiġi żgurata t-trasparenza tal-NGOs li jirċievu finanzjament barrani ma jiġġustifikax miżuri li jirrestrinġu l-attivitajiet tal-NGOs li joperaw fl-oqsma tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

1.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi biex minnufih jirrevokaw il-liġi dwar l-"aġenti barranin" u biex jikkonformaw il-leġiżlazzjoni eżistenti mal-kostituzzjoni Russa u mal-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali; iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa sabiex tieqaf milli deliberatament toħloq ambjent ostili għas-soċjetà ċivili u għaldaqstant jikkundanna l-użu tal-liġi dwar l-"aġenti barranin" bħala mezz ta' fastidju u ta' trażżin tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jikkooperaw ma' donaturi internazzjonali jew li jesprimu opinjonijiet politiċi;

2.  Jikkundanna l-emendi li ġew approvati dan l-aħħar għal-liġi dwar l-"aġenti barranin" li jwessgħu konsiderevolment il-kamp ta' applikazzjoni tagħha u sejrin jippermettu li individwi jiġu stigmatizzati bħala "aġenti barranin", bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, b'mod partikolari l-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, u d-drittijiet tagħhom bħala ċittadini, b'restrizzjoni tal-impenn u tal-kontribut tagħhom lejn is-soċjetà ċivili Russa u bit-tqegħid fil-periklu tas-sikurezza personali tagħhom minħabba li jkollhom tali stigma;

3.  Jikkundanna l-isforzi kontinwi mill-awtoritajiet Russi biex jirrestrinġu d-dibattitu online u offline, kif ukoll il-ġurnaliżmu indipendenti; ifakkarhom li l-libertà tal-kelma hija dritt fundamentali tal-bniedem li jsaħħaħ id-drittijiet tal-bniedem l-oħrajn kollha, li jippermettu lis-soċjetà tiżviluppa u tagħmel progress; jistieden lill-Federazzjoni Russa tirrikonoxxi l-kontribut pożittiv għall-istat tad-demokrazija u għas-soċjetà, li jiġi minn soċjetà ċivili vibranti u attiva;

4.  Iqis li din il-liġi u l-użu eċċessiv ta' multi u ħlasijiet kontra l-midja, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili għandhom l-għan aħħari li jisfurzawhom jiffukaw ir-riżorsi tagħhom fuq il-ħlas tal-multi u tal-pagamenti għad-difiża ġudizzjarja, biex b'hekk tiġi limitata l-libertà tal-espressjoni; jinsab imħasseb ħafna dwar l-attakki immirati fuq l-organizzazzjonijiet u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jkomplu jħassru s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, li sejra għall-agħar; jikkundanna, fost l-oħrajn, ix-xoljiment tal-moviment storikament importanti "Għad-Drittijiet tal-Bniedem";

5.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-riskju ta' applikazzjoni selettiva tal-liġi biex jiġu attakkati individwi konkreti, partikolarment ġurnalisti indipendenti u attivisti politiċi tal-oppożizzjoni, minħabba n-nuqqas ta' kriterji ċari, kif ukoll inċertezzi legali abbażi tar-raġunijiet u l-konsegwenzi tal-applikazzjoni tagħha għal ċittadini normali; jappella lill-awtoritajiet Russi jistabbilixxu qafas ta' attivitajiet għal organizzazzjonijiet mhux kummerċjali (NGOs) li jkun ċar, koerenti u konsistenti u jkun konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali, partikolarment bl-użu ta' definizzjonijiet ċari, billi jiġi evitat kliem stigmatizzanti bħal "aġenti barranin" jew ta' dispożizzjonijiet diskriminatorji legali marbuta mas-sorsi ta' finanzjament, u billi jevitaw il-prosekuzzjoni kriminali tal-NGOs, tal-midja u l-bloggers, jew ta' persuni individwali li jwettqu attivitajiet għall-NGOs jew għall-midja; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-esklużjoni‑ tal-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili mill-NGOs organizzati mill-gvern; jinnota bi tħassib is-sitwazzjoni speċifika ta' Anastasiya Shevchenko f'Rostov-on-Don;

6.  Jopponi bil-qawwa l-metodi tal-awtoritajiet Russi li jisfruttaw il-poter tal-istat biex joħonqu l-libertà ta' espressjoni u tal-kelma u b'hekk inisslu biża' fis-soċjetà; jappella lill-awtoritajiet Russi jappoġġjaw l-imparzjalità tal-midja, inklużi dawk ta' proprjetà tal-kumpaniji statali Russi, u jtejbu s-sikurezza u l-ambjent tax-xogħol tal-ġurnalisti fir-Russja, inkluż bl-avvanz tal-ħiliet professjonali tagħhom bl-użu tal-programmi internazzjonali eżistenti; jenfasizza l-bżonn li jiġu garantiti proċeduri ta' rikors legali għal dawk il-ġurnalisti li l-libertà ta' ħidma tagħhom ġiet mhedda, bil-għan li tiġi evitata l-awtoċensura;

7.  Ifaħħar u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-individwi u l-organizzazzjonijiet kollha li għadhom qed iwettqu x-xogħol leġittimu u paċifiku tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem minkejja li sfaw fil-mira tar-ripressjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jwaqqfu kull fastidju, intimidazzjoni u attakk diretti lejn is-soċjetà ċivili, il-midja u l-organizzazzjonijiet u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jikkundanna n-nuqqas min-naħa tal-awtoritajiet Russi li jipproteġu dawn l-atturi kontra l-attakki, il-fastidju u l-intimidazzjoni minn partijiet terzi jew li jinvestigaw l-attakki kontrihom b'mod imparzjali;

8.  Jinnota li r-reġistru Russu ta' midja li huma “aġenti barranin” għandu għaxar entrati, li huma kollha aġenziji b'rabtiet ma' Radio Free Europe jew mal-Voice of America; ifakkar li l-gvern Russu kkritika midja barranija oħra talli rrappurtaw dwar id-dimostrazzjonijiet li saru fil-pajjiż;

9.  Jistenna li l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), il-Kunsill u l-Kummissjoni jqajmu t-tħassib tagħhom dwar il-liġi dwar l-"aġenti barranin" fil-kuntatti , il-laqgħat u l-komunikazzjonijiet tagħhom mar-rappreżentanti Russi, inkluż fl-ogħla livelli, u jitlobhom jirrappurtaw lura lill-Parlament dwar l-iskambji tagħhom mal-awtoritajiet Russi;

10.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri biex ikomplu jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa, u jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE fir-Russja u lill-ambaxxati tal-Istati Membri jkomplu jimmonitorjaw il-każijiet fil-qrati li jinvolvu organizzazzjonijiet u attivisti tas-soċjetà ċivili; jistieden ukoll lill-VP/RGħ u lis-SEAE jiżguraw li jirreferu għall-każijiet ta' persuni mħarrka għal raġunijiet politiċi fil-komunikazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet Russi u biex ir-rappreżentanti Russi jintalbu formalment biex jirrispondu dwar dawn il-każijiet; jitlob lill-VP/RGħ u lis-SEAE jirrapportaw lura lill-Parlament dwar l-iskambji tagħhom mal-awtoritajiet Russi;

11.  Jistieden lill-VP/RGħ jagħmel użu minn kull possibbiltà biex jappoġġja lis-soċjetà ċivili li tippromwovi l-valuri demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u biex isaħħaħ il-kuntatti bejn il-persuni maċ-ċittadini tar-Russja;

12.  Jitlob lill-Istati Membri tal-UE jqajmu l-kwistjoni tal-liġi dwar l-"aġenti barranin" fl-istituzzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa, primarjament fil-Kumitat tal-Ministri u fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE); jitlob lill-Kummissjoni ta' Venezja teżamina l-liġi emendata dwar l-"aġenti barranin" bil-ħsieb li tipproduċi opinjoni legali u rakkomandazzjonijiet xierqa; jappella lill-awtoritajiet Russi jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, b'konformità mal-obbligi internazzjonali tar-Russja f'dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE japplikaw pressjoni kostanti fuq l-awtoritajiet Russi fi ħdan il-fora tal-OSKE biex jissodisfaw l-istandards tal-OSKE dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura;

13.  Iħeġġeġ lill-UE tistieden lir-Russja b'mod kontinwu biex tirrevoka jew temenda l-liġijiet kollha li mhumiex kompatibbli mal-istandards internazzjonali; jistieden lill-VP/RGħ ifassal strateġija UE-Russja ġdida u komprensiva li jkollha l-għan li ssaħħaħ il-paċi u l-istabbiltà; itenni li kwalunkwe djalogu għandu jkun ibbażat fuq prinċipji sodi, li jinkludu r-rispett tad-dritt internazzjonali u l-integrità territorjali tal-ġirien tar-Russja; jissottolinja li s-sanzjonijiet kontra r-Russja jistgħu jitneħħew biss meta r-Russja tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi tagħha;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-OSKE, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Mejju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza