Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2989(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0241/2019

Testi mressqa :

B9-0241/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/12/2019 - 6.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0109

Testi adottati
PDF 123kWORD 43k
Il-Ħamis, 19 ta' Diċembru 2019 - Strasburgu
Kommemorazzjoni tat-30 anniversarju tar-rivoluzzjoni Rumena ta' Diċembru 1989
P9_TA(2019)0109B9-0241/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2019 dwar il-kommemorazzjoni tat-30 anniversarju tar-rivoluzzjoni Rumena ta' Diċembru 1989 (2019/2989(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji universali tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħala komunità msejsa fuq valuri komuni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet dwar id-delitti tar-reġimi totalitarji Komunisti adottati minn għadd ta' parlamenti nazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-2019 timmarka l-kommemorazzjoni ta' 30 sena mir-rivoluzzjoni Rumena, li rriżultat mir-rewwixti f'Timișoara, li aktar tard komplew fil-partijiet kollha tal-pajjiż u laħqu l-qofol tagħhom f'rivoluzzjoni antitotalitarja f'Bucharest, li wasslet għall-waqgħa tar-reġim komunista u għad-dħul fis-seħħ tad-demokrazija; billi din ir-rivoluzzjoni rrappreżentat it-tranżizzjoni tal-poplu Rumen lejn il-libertà u l-istat tad-dritt, li traġikament wasslet għal telf ta' 1 142 ħajja, 3 138 persuna midruba b'mod gravi, u aktar minn 760 individwu sfaw detenuti u ttorturati illegalment;

B.  billi r-rivoluzzjoni Rumena ta' Diċembru 1989 kienet l-aktar vjolenti mir-rewwixti kollha li wasslu għall-waqgħa tal-komuniżmu fl-istati wara l-Purtiera tal-Ħadid;

C.  billi r-rivoluzzjoni ta' Diċembru 1989 u s-sagrifiċċji taċ-ċittadini Rumeni li b'mod kuraġġuż kienu fil-linja tan-nar, fetħu t-triq għall-pajjiż lejn in-NATO, l-Unjoni Ewropea u d-dinja demokratika, li minnha nqata' wara tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija kontra r-rieda tal-poplu Rumen;

D.  billi l-użu tal-forza kontra l-poplu Rumen f'Diċembru 1989 heżżet għalkollox lis-soċjetà Rumena sal-qalba, u l-identifikazzjoni tal-awturi attwali ta' dawn ir-reati għadha kwistjoni mhux solvuta għall-vittmi, għall-familji tagħhom u għaċ-ċittadini Rumeni kollha;

E.  billi l-ebda att ta' aggressjoni militari kontra persuna mill-poplu proprju ma għandu jitħalla ma jiġix ikkastigat;

F.  billi s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Assoċjazzjoni "21 ta' Diċembru 1989" u Oħrajn vs ir-Rumanija; Acatrinei u Oħrajn vs ir-Rumanija; Șandru u Oħrajn vs ir-Rumanija) jirrikonoxxu li matul ir-rivoluzzjoni kien seħħ ksur enormi tad-drittijiet fundamentali - bħal ksur tad-dritt għall-ħajja, tal-projbizzjoni ta' tortura u trattament inuman jew degradanti u tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja - u li dan il-ksur twettaq mill-forzi tar-reġim dittatorjali komunista li fetaħ in-nar fuq dimostranti paċifiċi u ċaħħad lil numru kbir ta' dimostranti kontra l-oppressjoni ta' Ceușescu mil-libertà tagħhom; billi, anke wara li għaddew ħafna snin, la l-vittmi u lanqas l-eredi tagħhom ma tgħallmu l-verità dwar iċ-ċirkustanzi preċiżi ta' dawn it-traġedji;

G.  billi, skont kif inhu minqux fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri kollha;

H.  billi l-Istat Rumen dewwem bla bżonn il-proċess ta' kjarifika tal-verità u biex jagħmilha disponibbli għall-pubbliku, li huwa kruċjali biex jiġi ggarantit id-dritt tal-vittmi u l-eredi tagħhom għal kumpens u reparazzjoni ekwi; billi l-awtoritajiet nazzjonali naqsu milli jaġixxu bid-diliġenza dovuta meħtieġa imposta minn normi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

1.  Ifakkar u b'dan jagħti ġieħ lill-vittmi tar-rivoluzzjoni ta' Diċembru 1989, li ssagrifikaw ħajjithom biex jintemm id-dittatorjat totalitarju fir-Rumanija, u għall-familji tagħhom;

2.  Jirrikonoxxi li s-sagrifiċċju tad-dimostranti paċifiċi ta' Diċembru 1989 witta t-triq għat-tranżizzjoni tar-Rumanija lejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-istabbiliment ta' ekonomija tas-suq, kif ukoll l-integrazzjoni sussegwenti tagħha fl-Alleanza tal-Atlantiku tat-Tramuntana u l-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Istat Rumen biex isaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jiċċara l-verità fir-rigward tal-avvenimenti tar-rivoluzzjoni, ħtieġa assoluta għall-pajjiż, il-poplu Rumen, l-Ewropa u l-Unjoni Ewropea, fid-dawl tad-dritt tal-poplu Rumen li jsir jaf il-verità, 30 sena wara r-rivoluzzjoni ta' Diċembru 1989;

4.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha, inkluża r-Rumanija, jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw li r-reati tar-reġimi komunisti jibqgħu fil-memorja, u jiggarantixxu li dawn ir-reati qatt ma jerġgħu jitwettqu;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kollha.

(1) Testi adottati, P9_TA(2019)0021.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Mejju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza