Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2019 dwar is-sitwazzjoni tal-Ujguri fiċ-Ċina (China Cables) (2019/2945(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina, partikolarment dik tat-18 ta' April 2019 dwar iċ-Ċina, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-minoranzi reliġjużi u etniċi(1), dik tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar id-detenzjoni arbitrarja tal-massa tal-Ujguri u l-Każaki fir-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang(2), dik tat-12 ta' Settembru 2018 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Ċina(3), dik tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar il-każijiet tal-Akkademja Buddista Tibetana ta' Larung Gar u Ilham Tohti(4), dik tal-10 ta' Marzu 2011 dwar is-sitwazzjoni u l-wirt kulturali f'Kashgar (ir-Reġjun Awtonomu Xinjiang Uyghur, iċ-Ċina)(5), u dik tas-26 ta' Novembru 2009 dwar iċ-Ċina: drittijiet tal-minoranzi u l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt(6),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu li jassenja l-Premju Sakharov 2019 lil Ilham Tohti, ekonomista Ujgur li qed jiġġieled għad-drittijiet tal-minoranza Ujgura fiċ-Ċina,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-21 Summit UE-Ċina tad-9 ta' April 2019,
– wara li kkunsidra s-37 Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem UE-Ċina li sar Brussell fl-1 u t-2 ta' April 2019,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-12 ta' Marzu 2019 bit-titlu "UE-Ċina: Perspettiva strateġika" (JOIN(2019)0005),
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-24 ta' Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Ottubru 2018 tal-portavuċi tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar is-sitwazzjoni fix-Xinjiang,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-9 ta' Diċembru 2019 dwar il-varar ta' ħidma preparatorja fuq reġim ta' sanzjonijiet orizzontali biex jiġi indirizzat ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem(7),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-UE dwar ir-raba' punt fid-39 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-18 ta' Settembru 2018, u d-dikjarazzjonijiet tar-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza, il-Finlandja u l-Kanada, li esprimew tħassib dwar id-detenzjoni arbitrarja tal-Ujguri f'kampijiet fix-Xinjiang,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar l-abbuż u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang, li saret mir-Rappreżentant Permanenti tar-Renju Unit għan-NU f'isem 23 Stat, fosthom 14-il Stat Membru tal-UE, quddiem il-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali fid-29 ta' Ottubru 2019,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jiggarantixxi liċ-ċittadini kollha d-dritt għal-libertà tar-reliġjon, u l-Artikolu 4 tagħha, li jiddefendi d-drittijiet tan-nazzjonalitajiet minoritarji,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966, li qatt ma ġie rratifikat miċ-Ċina minkejja li ffirmatu fl-1998,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-2011,
– wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tar-rapport tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali dwar iċ-Ċina,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt għandhom jibqgħu fil-qalba tal-politika tal-UE dwar iċ-Ċina, f'konformità mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn l-istess valuri fl-azzjoni esterna tagħha u mal-impenn taċ-Ċina li taderixxi għalihom fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha;
B. billi, minn mindu tela' fil-poter il-President Xi Jinping f'Marzu 2013, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina baqgħet sejra għall-agħar; billi l-Gvern Ċiniż żied l-ostilità tiegħu għad-dissens paċifiku, għal-libertajiet tal-espressjoni u tar-reliġjon, u għall-istat tad-dritt; billi l-awtoritajiet Ċiniżi żammew lil mijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati u ġurnalisti, u bdew proċedimenti legali kontrihom;
C. billi s-sitwazzjoni fir-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang, fejn jgħixu aktar minn 10 miljun Ujgur Musulman u Każaki etniku, marret għall-agħar malajr ħafna f'dawn l-aħħar snin, mhux l-inqas mill-varar tal-kampanja "Strike Hard against Violent Terrorism" (Azzjoni Ħarxa kontra t-Terroriżmu Vjolenti) fl-2014, peress li l-kontroll tax-Xinjiang sar prijorità ewlenija għall-awtoritajiet Ċiniżi, minħabba l-instabbiltà u t-theddid għas-sigurtà li l-Ujguri allegatament qed joħolqu għax-Xinjiang u għall-pożizzjoni strateġika tax-Xinjiang bħala reġjun ewlieni għall-Inizjattiva "Belt and Road" (BRI), b'miri ta' produzzjoni ambizzjużi għall-futur fir-rigward tat-tessuti u prodotti oħra tal-manifattura li jirrikjedu ħafna ħaddiema; billi l-gwerra tal-Gvern Ċiniż kontra t-terroriżmu fix-Xinjiang qed tinbidel dejjem aktar fi gwerra kontra r-reliġjon u l-appartenenza etnika; billi teżisti informazzjoni li tindika li s-sistema ta' kampijiet fix-Xinjiang ġiet estiża għal partijiet oħra taċ-Ċina;
D. billi l-awtoritajiet Ċiniżi qed iwettqu kampanja dejjem aktar intensa ta' internament tal-massa, sorveljanza diġitali invażiva (inklużi teknoloġija ta' rikonoxximent tal-wiċċ u ġbir ta' data), indottrinazzjoni politika u assimilazzjoni kulturali furzata; billi, barra minn hekk, teżisti informazzjoni affidabbli li tindika li l-Ujguri u minoranzi etniċi oħra fir-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang – primarjament Musulmani – kienu qed jiġu soġġetti għal detenzjoni arbitrarja, tortura, restrizzjonijiet drastiċi fuq il-prattika u l-kultura reliġjuża, kif ukoll sistema ta' sorveljanza diġitalizzata tant mifruxa li kull aspett tal-ħajja ta' kuljum ikun sorveljat, permezz ta' kameras ta' rikonoxximent tal-wiċċ, scans tat-telefon ċellulari, ġbir tad-DNA u preżenza ta' pulizija invażiva u estensiva;
E. billi bosta stimi juru li l-għadd ta' persuni li huma detenuti jew li ġew detenuti arbitrarjament f'dawk li qed jissejħu ċentri ta' "riedukazzjoni politika" għal perjodi ta' żmien indeterminati bil-pretest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu reliġjuż, jista' saħansitra jkun ta' madwar miljun ruħ; billi dawn l-istrutturi ta' riedukazzjoni huma msemmija wkoll "ċentri ta' taħriġ vokazzjonali"; billi dan jirrappreżenta l-akbar inkarċerazzjoni tal-massa ta' popolazzjoni ta' minoranza etnika fid-dinja llum; billi, skont xi ex detenuti, it-trattament u l-kundizzjonijiet f'dawn il-kampijiet huma kkaratterizzati minn affollament eċċessiv u sanità ħażina, deprivazzjoni alimentari, swat u abbużi sesswali; billi jeżistu rapporti li tfal żgħar kienu qed jintbagħtu f'orfanotrofji mmexxija mill-Istat anke jekk ġenitur wieħed biss ikun detenut f'kamp ta' internament; billi f'ċerti kampijiet ta' riedukazzjoni hemm fabbriki li jipproduċu oġġetti destinati għall-esportazzjoni;
F. billi r-rivelazzjonijiet taċ-China Cables, li ġew ippubblikati f'Novembru 2019, huma investigazzjoni dwar is-sorveljanza u l-internament tal-massa, mingħajr kapijiet ta' akkuża u lanqas proċessi, ta' Ujguri u minoranzi Musulmani oħra fil-provinċja Ċiniża tax-Xinjiang, li hija bbażata fuq dokumenti klassifikati tal-gvern; billi d-dokumenti sigrieti waslu għand il-Konsorzju Internazzjonali ta' Ġurnalisti Investigattivi permezz ta' katina ta' Ujguri eżiljati, u l-awtentiċità tagħhom ġiet ikkonfermata minn diversi esperti ewlenin; billi l-pubblikazzjoni ta' dawn id-dokumenti kixfet ukoll informazzjoni klassifikata tal-Gvern Ċiniż li żvelat il-mekkaniżmi interni tal-kampijiet, is-severità tal-kundizzjonijiet t'hemm ġew, u r-reġim ta' diżumanizzazzjoni li jirregola r-rutini ta' kuljum tal-internati; billi d-dokumenti jikxfu l-ikkondizzjonar tal-moħħ sistematiku miċ-Ċina ta' mijiet ta' eluf ta' Musulmani f'netwerk ta' kampijiet ta' detenzjoni ta' sigurtà għolja u l-mekkaniżmi tas-sistema ta' sorveljanza tal-massa u tal-pulizija predittiva tax-Xinjiang, u b'hekk ikkonfermaw il-konstatazzjonijiet ta' esperti abbażi ta' immaġni satellitari, data u rapporti ta' xhieda li ġew ippubblikati f'dawn l-aħħar snin; billi l-Gvern Ċiniż dejjem sostna li l-kampijiet joffru edukazzjoni u taħriġ volontarji; billi ċ-China Cables juru evidenza bla preċedent li l-arranġamenti għall-miżuri repressivi kontra l-Ujguri, il-Każaki u oħrajn kienu qed jitħejjew fl-ogħla livell politiku sa minn April tal-2014;
G. billi d-detenzjoni u l-persekuzzjoni tal-Ujguri u ta' minoranzi Musulmani oħra fix-Xinjiang ġiegħlu lil ħafna persuni ma jibqgħux jikkomunikaw mal-familji u l-ħbieb tagħhom barra l-pajjiż, inkluż fl-Ewropa, minħabba l-biża' ta' tpattija min-naħa tal-awtoritajiet;
H. billi r-repressjoni intensifikat minn meta daħlu fis-seħħ ir-regolamenti dwar affarijiet reliġjużi fi Frar 2018, li rrestrinġew l-attivitajiet tal-gruppi reliġjużi u ġegħluhom jaġixxu aktar mill-qrib f'konformità mal-politiki tal-partit; billi, skont dawn ir-regolamenti, dimostrazzjonijiet pubbliċi u saħansitra privati ta' affiljazzjoni reliġjuża u kulturali jistgħu jitqiesu bħala estremisti; billi r-regoli l-ġodda jheddu lill-persuni assoċjati mal-komunitajiet reliġjużi li m'għandhomx status legali fil-pajjiż; billi l-komunitajiet reliġjużi ilhom iħabbtu wiċċhom ma' repressjoni dejjem akbar fiċ-Ċina, u b'hekk il-pajjiż issa jospita waħda mill-akbar popolazzjonijiet ta' priġunieri reliġjużi;
I. billi, f'Awwissu 2018, il-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali kkonfronta lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (PRC) dwar l-abbużi fix-Xinjiang, fosthom il-ħolqien ta' kampijiet ta' detenzjoni arbitrarja tal-massa; billi, f'Settembru 2018, fl-ewwel diskors tagħha f'dan ir-rwol, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet innutat "l-allegazzjonijiet ferm inkwetanti ta' detenzjonijiet arbitrarji fuq skala kbira fil-konfront tal-Ujguri u ta' komunitajiet Musulmani oħra f'hekk imsejħa 'kampijiet ta' riedukazzjoni' fix-Xinjiang"; billi l-Gvern Ċiniż irrifjuta bosta talbiet mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għajbien Furzat jew Involontarju (WGEID), mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u minn mandati oħra ta' Proċeduri Speċjali tan-NU biex jibagħtu investigaturi indipendenti fix-Xinjiang u jagħtuhom aċċess għall-kampijiet;
J. billi l-kampijiet ta' internament fix-Xinjiang espandew b'rata mgħaġġla wara l-ħatra ta' Chen Quanguo bħala kap tal-partit għar-reġjun f'Awwissu 2016; billi l-Gvernatur tax-Xinjiang, Shohrat Zakir, f'Diċembru 2019 iddikjara li l-1,5 miljun ruħ kollha fil-kampijiet ta' riedukazzjoni u ta' internament kienu "ntbagħtu lura fis-soċjetà" mingħajr ma ta ebda prova ta' dan;
K. billi xi komunitajiet minoritarji Ċiniżi li jgħixu fl-UE ngħataw fastidju mill-awtoritajiet Ċiniżi; billi l-Ujguri li jgħixu barra l-pajjiż saritilhom pressjoni biex jirritornaw iċ-Ċina; billi d-dokumenti taċ-China Cables isemmu fid-dettall direttivi espliċiti għall-arrest ta' Ujguri b'ċittadinanza barranija u għat-tiftix ta' Ujguri tax-Xinjiang residenti barra, li wħud minnhom tkeċċew lejn iċ-Ċina minn gvernijiet awtoritarji; billi d-dokumenti jindikaw li l-ambaxxati Ċiniżi kellhom rwol strumentali f'din il-prattika;
L. billi, fl-4 ta' Diċembru 2019, il-Kungress tal-Istati Uniti adotta l-Uyghurs Human Rights Policy Act, li jħeġġeġ lis-Segretarju tal-Istat jieħu miżuri immedjati biex jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u jikkunsidra l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi u fir-rigward tal-viżi, skont il-Global Magnitsky Act, fuq uffiċjali tal-PRC responsabbli għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-provinċja tax-Xinjiang, filwaqt li jipproteġi lill-Ujguri li jgħixu fl-Istati Uniti mill-fastidju u l-persekuzzjoni min-naħa taċ-Ċina;
M. billi l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tal-2019 ingħata lil Ilham Tohti, professur Ujgur tal-ekonomija, li ġie kkundannat għomru l-ħabs fit-23 ta' Settembru 2014 bl-akkuża ta' allegat separatiżmu wara li kien ġie arrestat f'Jannar tal-istess sena; billi sebgħa mill-ex studenti tiegħu wkoll ġew arrestati u kkundannati għal bejn tliet snin u tmien snin priġunerija talli allegatament ikkollaboraw mas-Sur Tohti; billi Ilham Tohti dejjem ċaħad is-separatiżmu u l-vjolenza u fittex ir-rikonċiljazzjoni bbażata fuq ir-rispett tal-kultura Ujgura;
N. billi fil-Qafas Strateġiku tagħha dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, l-UE impenjat ruħha li żżid l-isforzi tagħha biex tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-aspetti kollha tal-azzjoni esterna tagħha, u li tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem fil-qofol tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi kollha, inklużi s-sħab strateġiċi tagħha;
1. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar ir-reġim dejjem aktar repressiv li l-Ujguri u minoranzi etniċi oħra qed jiffaċċjaw, u jitlob b'insistenza li l-awtoritajiet jirrispettaw il-libertajiet fundamentali tagħhom, kif rakkomandat minn rapporti kredibbli; jikkundanna bil-qawwa t-teħid ta' mijiet ta' eluf ta' Ujguri u Każaki etniċi f"kampijiet ta' riedukazzjoni" politika abbażi ta' sistema ta' pulizija predittiva, anke sempliċement għax wieħed ikun siefer barra jew jitqies devot wisq; jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi fix-Xinjiang jipprovdu informazzjoni dwar fejn jinsabu l-persuni detenuti u dwar il-kundizzjonijiet mediċi tagħhom; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż itemm minnufih il-prattika tad-detenzjoni arbitrarja ta' membri tal-minoranzi Ujguri u Każaki mingħajr ebda akkuża, proċess jew kundanna għal reati kriminali, jagħlaq il-kampijiet u ċ-ċentri tad-detenzjoni kollha u jeħles lill-persuni miżmuma minnufih u bla kundizzjonijiet; jenfasizza li kwalunkwe tip ta' detenzjoni, meta tiġi applikata bi ksur tal-liġijiet internazzjonali fundamentali, kif ukoll il-persekuzzjoni kontra persuni jew gruppi speċifiċi għal raġunijiet etniċi, kulturali jew reliġjużi u atti inumani oħra li jikkawżaw tbatija kbira jew ġrieħi serji, meta jsiru bħala parti minn attakk mifrux jew sistematiku fuq kwalunkwe popolazzjoni ċivili, huma inaċċettabbli fid-dawl tal-qafas legali internazzjonali;
2. Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-istudjuż Ujgur, Ilham Tohti, u lid-difensuri, l-attivisti, l-avukati, il-ġurnalisti u l-petizzjonanti l-oħra kollha tad-drittijiet tal-bniedem li ġew detenuti biss minħabba l-eżerċizzju paċifiku tal-libertà tal-espressjoni tagħhom, u jtemmu r-repressjoni li qed isseħħ u li tinvolvi d-detenzjoni, il-fastidju ġudizzjarju u l-intimidazzjoni; jistieden lill-Gvern Ċiniż jiżgura li jkollhom aċċess regolari u mingħajr restrizzjonijiet għall-familji tagħhom u għall-avukati tal-għażla tagħhom, u jiżguraw li huma, il-familji tagħhom u l-avukati tagħhom ma jkunux soġġetti għal tortura jew trattament ħażin ieħor; jinsisti li l-kundizzjonijiet tad-detenuti kollha jridu jissodisfaw l-istandards stabbiliti fil-Korp tal-Prinċipji għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha taħt Kwalunkwe Forma ta' Detenzjoni jew Priġunerija adottat mir-riżoluzzjoni 43/173 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Diċembru 1988, inkluż l-aċċess għall-kura medika; jitlob li ssir investigazzjoni immedjata, effikaċi u imparzjali b'rabta mal-allegati torturi fil-konfront ta' Ilham Tohti u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;
3. Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Ċiniżi biex il-ġurnalisti indipendenti u l-osservaturi internazzjonali, inklużi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-detenturi ta' mandat tal-proċeduri speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, jingħataw aċċess ħieles, suffiċjenti u bla xkiel għar-Reġjun Awtonomu Ujgur ta' Xinjiang; jinnota l-iżbilanċ fl-aċċess u l-libertà tal-istampa bejn l-UE u ċ-Ċina; jistieden liċ-Ċina tagħti lill-istabbilimenti tal-media tal-UE l-istess drittijiet u aċċess li jingħataw lill-istabbilimenti tal-media Ċiniżi fl-Istati Membri; jemmen li, matul is-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, l-UE u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-inizjattiva rigward riżoluzzjoni li tistabbilixxi missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fix-Xinjiang;
4. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar rapporti ta' fastidju min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi fil-konfront tal-Ujguri barra l-pajjiż sabiex iġegħluhom jaġixxu bħala informaturi kontra Ujguri oħra, imorru lura x-Xinjiang jew jibqgħu siekta dwar is-sitwazzjoni t'hemmhekk, xi drabi bl-arrest tal-membri tal-familja tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha jinvestigaw dawn ir-rapporti b'urġenza, jieħdu miżuri speċifiċi biex jiżguraw li l-membri tad-dijaspora tax-Xinjiang jiġu protetti fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, u jħaffu l-applikazzjonijiet għall-asil imressqa mill-Ujguri u minn Musulmani oħra ta' oriġini Torka; jilqa' d-deċiżjoni meħuda minn xi Stati Membri li jissospendu r-ritorn tal-Ujguri, il-Każaki jew Musulmani oħra ta' oriġini Torka fiċ-Ċina fid-dawl tar-riskju ta' detenzjoni arbitrarja, tortura jew trattament ħażin ieħor, u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-istess;
5. Jinnota bi tħassib li l-importanza kritika ta' "stabbiltà fit-tul" għas-suċċess tal-BRI fix-Xinjiang wasslet biex jiġu intensifikati l-istrateġiji ta' kontroll li ilhom għaddejjin u li ssaħħew b'varjetà ta' innovazzjonijiet teknoloġiċi u b'żieda mgħaġġla fin-nefqa fuq is-sigurtà domestika, u l-użu ta' miżuri antiterroristiċi biex il-kontestazzjoni u l-individwi dissidenti jiġu kriminalizzati bl-applikazzjoni ta' definizzjoni wiesgħa ta' "terroriżmu"; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-miżuri meħuda mill-Istat Ċiniż biex jiżgura s-"superviżjoni komprensiva" tax-Xinjiang bl-installazzjoni tas-sorveljanza elettronika Skynet f'żoni urbani ewlenin u sistemi tal-GPS fil-karozzi kollha, l-użu ta' scanners ta' rikonoxximent tal-wiċċ fil-punti ta' kontroll, fl-istazzjonijiet tal-ferrovija u fil-pompi tal-petrol, u l-kampanja ta' ġbir tad-demm mill-pulizija fix-Xinjiang biex id-database tad-DNA taċ-Ċina tkompli tikber; jesprimi wkoll il-biża' li ċ-Ċina qed tesporta dawn it-teknoloġiji lejn reġimi awtoritarji fid-dinja kollha;
6. Jesprimi tħassib serju dwar rapporti ta' xogħol furzat li possibbilment qed isir minn ħaddiema meħudin mill-kampijiet ta' internament fil-katina tal-provvista ta' kumpaniji internazzjonali li jagħmlu negozju fix-Xinjiang u dwar rapporti ta' kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet Ċiniżi involuti fis-sorveljanza tal-massa jew fid-detenzjoni ta' membri tal-popolazzjoni Ujgura; jenfasizza li atturi mis-settur privat għandhom jivvalutaw l-involviment tagħhom fix-Xinjiang sabiex jiskrutinaw il-katini ta' provvista tagħhom biex jiżguraw li ma jkunux involuti fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż billi jqiegħdu fis-seħħ sistema robusta ta' diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem biex jiżguraw li ma jkunux involuti f'xogħol furzat jew li jkunu kompliċi f'atti ta' repressjoni kontra l-poplu Ujgur; jenfasizza li l-prodotti manifatturati f'kampijiet ta' riedukazzjoni għandhom ikunu pprojbiti mis-swieq tal-UE;
7. Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż jippubblika minnufih lista tad-detenuti kollha u ta' dawk kollha li nħelsu, u jirrilaxxa d-dettalji sħaħ tal-persuni li għebu fix-Xinjiang lill-familji tagħhom;
8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jikkonvinċu lill-Gvern Ċiniż jagħlaq il-kampijiet, itemm kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang, u jirrispetta l-libertajiet lingwistiċi, kulturali u reliġjużi u l-libertajiet fundamentali l-oħra tal-Ujguri; iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lis-SEAE u lill-Istati Membri biex jimmonitorjaw b'mod aktar intensiv l-iżviluppi inkwetanti rigward id-drittijiet tal-bniedem fix-Xinjiang, inkluża ż-żieda fir-repressjoni u s-sorveljanza min-naħa tal-gvern, u biex jitkellmu kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina kemm privatament kif ukoll pubblikament u fl-ogħla livelli; jesprimi d-diżappunt tiegħu li s-37 ċiklu tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina ma wassal għal ebda riżultat sostanzjali, minkejja li l-UE qajmet il-kwistjoni tas-sistema tal-kampijiet ta' riedukazzjoni politika bħala żvilupp inkwetanti; jiddispjaċih li l-approċċ meħud u l-għodod użati mill-UE s'issa ma wasslux għal progress tanġibbli fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, li fl-aħħar għaxar snin marret għall-agħar; jistieden lill-VP/RGħ jinsisti fuq investigazzjoni indipendenti dwar l-iskala u n-natura tas-sistema tal-kampijiet ta' internament u dwar il-bosta allegazzjonijiet ta' ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Kummissjoni l-ġdida tfassal u timplimenta strateġija olistika fil-livell tal-UE bil-ħsieb li jsir progress ġenwin fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina;
9. Jissottolinja l-fatt li l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina, fid-dikjarazzjoni konġunta li ħarġu wara l-21 Summit UE-Ċina, reġgħu affermaw li d-drittijiet kollha tal-bniedem huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati; jenfasizza li l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt iridu jkomplu jinżammu fil-qalba tal-involviment tal-UE maċ-Ċina;
10. Jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jikkunsidraw modi kif iwaqqfu l-esportazzjoni u t-trasferimenti teknoloġiċi kollha ta' oġġetti u servizzi li qed jintużaw miċ-Ċina biex testendi s-sorveljanza ċibernetika tagħha, bl-użu effikaċi ta' mekkaniżmi xierqa ta' kontroll tal-esportazzjoni; jistieden lill-koleġiżlaturi, f'dan ir-rigward, biex jikkonkludu pożizzjoni komuni dwar ir-riforma tar-Regolament dwar l-Użu Doppju abbażi ta' kunsiderazzjonijiet dwar is-sigurtà nazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-Parlament kompla jiżviluppa u jsaħħaħ il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni ta' kontrolli stretti tal-esportazzjoni għal teknoloġija ta' sorveljanza ċibernetika elenkata u mhux;
11. Ifakkar fl-importanza li l-UE tkompli tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, u b'mod partikolari l-każ tal-minoranzi fix-Xinjiang, f'kull djalogu politiku u dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Ċiniżi, f'konformità mal-impenn tal-UE li titkellem b'vuċi waħda, ċara u b'saħħitha fl-approċċ tagħha lejn il-pajjiż; itenni li, fil-proċess ta' riforma li għaddejja minnu u l-impenn globali dejjem akbar tagħha, iċ-Ċina għażlet li tkun parteċipi fil-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem billi ffirmat numru kbir ta' trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jitlob, għalhekk, li jinbeda djalogu maċ-Ċina sabiex tkun imħeġġa tonora dawn l-impenji; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jkomplu jimplimentaw ir-riformi nazzjonali meħtieġa biex jirratifikaw il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, iffirmat miċ-Ċina fl-1998, u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-korpi tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem;
12. Jilqa' l-adozzjoni tal-Uyghur Human Rights Policy Act min-naħa tal-Kungress tal-Istati Uniti, u d-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill Affarijiet Barranin li jibda jaħdem fuq reġim ta' sanzjonijiet globali tal-UE għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kunsill jadotta sanzjonijiet immirati u ffriżar tal-assi – jekk jitqiesu opportuni u effikaċi – kontra l-uffiċjali Ċiniżi responsabbli mit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ta' detenzjoni tal-massa tal-Ujguri u ta' Musulmani oħra ta' oriġini Torka fix-Xinjiang u l-orkestrazzjoni ta' repressjoni qawwija tal-libertà reliġjuża, il-moviment liberu u drittijiet bażiċi oħra fir-reġjun;
13. Jistieden lis-SEAE jinkludi l-prattiki t-tajba tad-djalogu interreliġjuż bħala strument tal-istrateġija ta' komunikazzjoni tiegħu fil-konfront tal-pajjiżi terzi u jippromwovi l-medjazzjoni fis-sitwazzjonijiet ta' kunflitt għall-protezzjoni tal-minoranzi reliġjużi u tal-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.