Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2978(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0251/2019

Dibattiti :

PV 18/12/2019 - 21
CRE 18/12/2019 - 21

Votazzjonijiet :

PV 19/12/2019 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0111

Testi adottati
PDF 133kWORD 46k
Il-Ħamis, 19 ta' Diċembru 2019 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fin-Nikaragwa
P9_TA(2019)0111RC-B9-0251/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fin-Nikaragwa (2019/2978(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dawk tat-18 ta' Diċembru 2008(1), tas-26 ta' Novembru 2009(2), tas-16 ta' Frar 2017(3), tal-31 ta' Mejju 2018(4) u tal-14 ta' Marzu 2019(5),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-2012 bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' strateġija għall-pajjiż tal-UE u l-programm indikattiv pluriennali 2014-2020 dwar in-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Ottubru 2019 li jistabbilixxu qafas għal sanzjonijiet immirati,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-UE dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa, b'mod partikolari dik tal-20 ta' Novembru 2019,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), Rupert Colville, tad-19 ta' Novembru 2019,

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni ta' Livell Għoli dwar in-Nikaragwa tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) tad-19 ta' Novembru 2019,

–  wara li kkunsidra l-bullettini ppubblikati mill-Mekkaniżmu Speċjali ta' Monitoraġġ għan-Nikaragwa (MESENI) stabbilit mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Ġunju 2004,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u persuni oħra li jikkritikaw l-istorja tad-drittijiet tal-bniedem tal-Gvern tan-Nikaragwa qed ikunu dejjem aktar fil-mira ta' theddid ta' mewt, ta' intimidazzjoni, ta' kampanji ta' malafama online, ta' fastidju, ta' sorveljanza, ta' attakki u persekuzzjoni ġudizzjarja; billi l-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw li aktar minn 80 000 persuna ġew imġiegħla jitilqu min-Nikaragwa b'riżultat tal-kriżi attwali, u li r-ripressjoni fil-pajjiż intensifikat;

B.  billi skont l-aħħar ċifri ta' MESENI, 328 persuna mietu u mijiet sfaw feruti, aktar minn 150 priġunier politiku għadhom arbitrarjament detenuti sempliċement talli eżerċitaw id-drittijiet tagħhom u 144 student tkeċċew minn universitajiet talli pparteċipaw fid-dimostrazzjonijiet favur id-demokrazija, il-libertà u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) irrapporta li aktar minn 100 ġurnalist u ħaddiem tal-midja kellhom jitilqu mill-pajjiż; billi l-Gvern tan-Nikaragwa mblokka l-importazzjonijiet tal-karta għall-istampar tal-gazzetti, li ġiegħel lil diversi gazzetti jagħlqu, inkluża l-gazzetta ikonika "Nuevo Diario";

C.  billi r-rispett għall-indipendenza tal-ġudikatura, il-pluraliżmu politiku u l-libertà tal-għaqda u l-espressjoni huma pilastri essenzjali tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

D.  billi fl-14 ta' Novembru 2019, tmienja mill-qraba ta' avversarji politiċi li ntbagħtu l-ħabs, fost oħrajn, bdew strajk tal-ġuħ fil-knisja San Miguel f'Masaya, u qed jitolbu l-ħelsien ta' 130 individwu li qed jinżammu arrestati fil-kuntest tal-protesti; billi l-pulizija dawret il-knisja u qatgħetilha l-provvista tal-ilma u tal-elettriku; billi l-pulizija la ħallew persuni jidħlu fil-knisja u lanqas li tingħata assistenza umanitarja u medika;

E.  billi fl-istess lejl, grupp ta' mill-inqas 13-il membru tal-oppożizzjoni ġew arrestati wara li taw xi ilma lill-persuni mdawra mill-pulizija, inkluża Amaya Eva Coppens, difensur tad-drittijiet tal-bniedem b'ċittadinanza Nikaragwana u Belġjana, li kienet ġiet arrestata fil-kuntest tal-protesti għal tmien xhur u nħelset fil-11 ta' Ġunju 2019 skont il-Liġi dwar l-Amnestija flimkien ma' aktar minn 100 priġunier politiku; billi din il-liġi hija inkompatibbli mal-istandards internazzjonali u tipperpetwa l-impunità billi teskludi l-investigazzjoni dwar reati suspettati mwettqa kontra d-dimostranti;

F.  billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tan-Nikaragwa akkuża b'mod inġust lill-grupp b'diversi reati, inkluż il-ħtif, il-pussess illegali ta' armi tan-nar u terroriżmu, li jikkostitwixxi ksur ċar tal-garanzija ta' proċess ġust u tad-dritt tagħhom għal proċess ġust; billi l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet tan-Nikaragwa lanqas ma jissodisfaw l-istandards internazzjonali; billi membri tal-oppożizzjoni Nikaragwana rrappurtaw b'mod ċar l-użu tat-tortura u tal-vjolenza sesswali fil-ħabs;

G.  billi, skont MESENI, il-Gvern tan-Nikaragwa qed jintensifika l-persekuzzjoni tal-familji tal-vittmi tal-kriżi demokratika, istituzzjonali u politika permezz ta' intimidazzjoni u sorveljanza, bil-għan li ma jħallihomx iwettqu azzjonijiet privati u pubbliċi b'tifkira tal-għeżież tagħhom u fit-tfittxija tagħhom għall-ġustizzja;

H.  billi, skont il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, il-Gvern tan-Nikaragwa qed jieħu azzjonijiet ta' tpattija kontra dawk li jitkellmu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa u li jappellaw għall-għajnuna mingħand uffiċjali u mekkaniżmi internazzjonali u tan-NU;

I.  billi l-Gvern tan-Nikaragwa keċċa mill-pajjiż organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) u l-Uffiċċju Reġjonali tal-OHCHR għall-Amerka Ċentrali, li appellaw biex jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u talbu r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali; billi r-ritorn ta' dawn l-organizzazzjonijiet jaġixxi bħala garanti għat-twettiq tal-ftehimiet pendenti mal-oppożizzjoni; billi r-ripressjoni kontra l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ġiet intensifikata permezz tat-tneħħija tal-istatus legali tagħhom f'pajjiż b'qafas istituzzjonali dgħajjef, hekk li l-vittmi tar-ripressjoni sfaw ikkastigati doppjament;

J.  billi kien hemm għadd ta' okkażjonijiet meta uffiċjali ta' livell għoli minn xi Stati Membri tal-UE ma tħallewx jidħlu fin-Nikaragwa; billi l-Gvern tan-Nikaragwa rrifjuta d-dħul fil-pajjiż tal-Kummissjoni ta' Livell Għoli tal-OAS dwar in-Nikaragwa, li l-għan tagħha kien li tippromwovi riforma elettorali; billi r-riforma elettorali hija element ewlieni fit-triq lejn l-istabbiliment regolari ta' istituzzjonijiet demokratiċi fin-Nikaragwa;

K.  billi l-Gvern tan-Nikaragwa ma wera l-ebda interess li jerġa' jibda djalogu kredibbli u inklużiv mal-Alleanza Ċivika u li jimplimenta bis-sħiħ il-ftehimiet ta' Marzu 2019; billi n-negozjati bejn il-Gvern u l-Alleanza Ċivika kienu ssokktaw fi Frar 2019; billi fis-27 ta' Marzu 2019 intlaħaq ftehim dwar ir-rilaxx ta' persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom fil-kuntest tal-protesti tal-2018; billi fid-29 ta' Marzu 2019 intlaħaq ftehim ieħor dwar it-tisħiħ tad-drittijiet u l-garanziji taċ-ċittadini; billi fl-20 ta' Mejju 2019 l-Alleanza Ċivika telqet mill-mejda tan-negozjati, minħabba li qieset li l-implimentazzjoni taż-żewġ ftehimiet kienet limitata; billi sal-11 ta' Ġunju 2019, il-Gvern kien ħeles 492 persuna li kienu detenuti fil-kuntest tal-protesti tal-2018; billi n-negozjati għadhom weqfin minkejja t-tentattivi biex dawn jissokktaw;

L.  billi l-Kummissjoni ta' Livell Għoli tal-OAS dwar in-Nikaragwa hija tal-fehma li l-azzjonijiet meħuda minn jew permessi mill-Gvern tan-Nikaragwa minn April 2018 huma inkonsistenti mad-drittijiet u l-garanziji protetti fil-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa tal-1987 u li dawn qed iwasslu għal bidla fir-reġim kostituzzjonali li jfixkel b'mod serju l-ordni demokratiku fin-Nikaragwa, kif deskritt fl-Artikolu 20 tal-Karta Demokratika Inter-Amerikana;

M.  billi l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jridu jkunu parti integrali mill-politiki esterni tal-UE, inkluż il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-2012 bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali; billi dan il-ftehim jinkludi klawżola demokratika, li hija element essenzjali tal-ftehim; billi minħabba ċ-ċirkostanzi attwali, il-klawżola demokratika għandha tiġi attivata billi n-Nikaragwa tiġi sospiża mill-ftehim;

1.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-popolazzjoni tan-Nikaragwa u jikkundanna l-azzjonijiet ripressivi kollha tal-Gvern tan-Nikaragwa, b'mod partikolari l-imwiet ikkawżati, ir-restrizzjoni ġeneralizzata tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tad-dimostrazzjoni, il-projbizzjoni tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili, it-tkeċċija ta' organizzazzjonijiet internazzjonali mill-pajjiż, l-għeluq tal-midja u l-attakki fuqha, il-limitazzjonijiet fuq id-dritt għall-informazzjoni u l-espulsjoni ta' studenti mill-universitajiet;

2.  Jeżorta lill-Gvern tan-Nikaragwa jtemm ir-ripressjoni persistenti tad-dissidenti u l-prattiki rikorrenti bħall-arresti arbitrarji, it-tortura u l-vjolenza sesswali, biex ma jikkriminalizzax, ma jippersegwitax u ma jattakkax lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-avversarji politiċi, lill-familji tal-vittmi u lil kwalunkwe vuċi oħra li ma taqbilx miegħu, u biex iżarma minnufih il-forzi paramilitari li joperaw fil-pajjiż; jitlob li jsiru investigazzjonijiet fil-pront, imparzjali, trasparenti u bir-reqqa dwar il-vjolenza;

3.  Jitlob il-ħelsien immedjat ta' dawk kollha detenuti b'mod arbitrarju, inkluża Amaya Eva Coppens, biex l-akkużi kollha kontrihom jiġu rtirati u biex jiġu rispettati s-salvagwardji legali fundamentali tagħhom; jitlob li dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u dawk li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt jinżammu responsabbli; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet tan-Nikaragwa jeħtiġilhom jiggarantixxu s-sikurezza u l-benesseri fiżiku u psikoloġiku tad-detenuti kollha u jipprovdulhom kura medika adegwata;

4.  Jappella għal rieżami indipendenti tal-kundanni u s-sentenzi bil-ħsieb li tiġi riformata l-ġudikatura, inkluż li l-ħatriet ikunu f'konformità ma' standards internazzjonali, bħall-Prinċipji Bażiċi dwar l-Indipendenza tal-Ġudikatura u l-Linji Gwida dwar ir-Rwol tal-Prosekuturi;

5.  Jitlob li tiġi riveduta l-Liġi dwar l-Amnestija u l-Liġi dwar il-Kura Komprensiva għall-Vittmi sabiex jiġi garantit id-dritt għall-verità, il-ġustizzja u r-riparazzjoni adegwata għall-vittmi;

6.  Jinsisti dwar ir-ritorn ta' proprjetà kkonfiskata u r-restawr ta' liċenzji sospiżi għall-aġenziji tal-istampar tal-aħbarijiet u jinsisti li dawn jitħallew iwettqu xogħolhom mingħajr l-ebda ostaklu jew ritaljazzjoni;

7.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jadotta qafas għal miżuri restrittivi mmirati għal dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi u għar-ripressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa; jistieden lill-Istati Membri jaqblu malajr dwar il-lista speċifika ta' individwi u entitajiet li għandhom jiġu sanzjonati, inklużi l-President u l-Viċi President;

8.  Jikkundanna n-nuqqas ta' rieda tal-Gvern tan-Nikaragwa biex jerġa' jniedi djalogu intern sinifikanti; jistieden lill-awtoritajiet jissokktaw bid-djalogu mal-Alleanza Ċivika bil-għan li tinkiseb soluzzjoni demokratika, sostenibbli u paċifika li tippermetti l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta' Marzu 2019; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ggarantiti l-libertajiet politiċi u ċivili għan-Nikaragwani kollha, ir-ritorn ta' dawk li jinsabu fl-eżilju, ir-ritorn ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u l-kooperazzjoni magħhom, ir-restawr tal-personalità ġuridika tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u l-istabbiliment ta' proċess elettorali kredibbli, b'Kunsill Elettorali Suprem riformat li jkun jiżgura elezzjonijiet immedjati, ġusti u trasparenti bil-preżenza ta' osservaturi internazzjonali;

9.  Jitlob lill-VP/RGħ u lid-Delegazzjoni tal-UE għan-Nikaragwa jimmonitorjaw mill-qrib l-iżviluppi fil-pajjiż u jkomplu jindirizzaw il-problemi tad-drittijiet tal-bniedem li rriżultaw mis-sitwazzjoni fil-pajjiż u li jaffettwaw lill-priġunieri, lill-istudenti, lid-dimostranti, lill-familji tal-vittmi u lill-ġurnalisti, fost oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-assistenza tagħha għal kooperazzjoni ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u li bl-ebda mod ma tikkontribwixxi għall-politiki ripressivi attwali tal-awtoritajiet tan-Nikaragwa;

10.  Ifakkar li, fid-dawl tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa trid tirrispetta u tikkonsolida l-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u jitlob li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali, tiskatta l-klawżola demokratika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

11.  Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE u lill-Istati Membri b'missjonijiet diplomatiċi fuq il-post jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u jagħtu l-appoġġ kollu xieraq lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li huma detenuti, inklużi żjarat fil-ħabsijiet u monitoraġġ tal-proċessi;

12.  Jitlob li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament fin-Nikaragwa kemm jista' jkun malajr sabiex tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni fil-pajjiż u jeżorta lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jippermettulha dħul mingħajr xkiel fil-pajjiż, u aċċess għall-interlokuturi u l-faċilitajiet kollha;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp ta' Lima, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

(1) ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 89.
(2) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 74.
(3) ĠU C 252, 18.7.2018, p. 189.
(4) Testi adottati, P8_TA(2018)0238.
(5) Testi adottati, P8_TA(2019)0219.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Mejju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza