Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2019 dwar it-trażżin vjolenti tal-protesti reċenti fl-Iran (2019/2993(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, inkluża l-aktar waħda reċenti tiegħu tad-19 ta' Settembru 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u taċ-ċittadini tal-UE b'ċittadinanza doppja miżmuma priġunieri(1),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iran tal-4 ta' Frar 2019,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Diċembru 2019 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Josep Borrell Fontelles, f'isem l-UE, dwar il-protesti reċenti fl-Iran,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tal-21 ta' Novembru 2019 dwar l-iżviluppi fl-Iran,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2018 li jestendi l-miżuri restrittivi tiegħu għal 12-il xahar oħra b'reazzjoni għal atti ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt, il-Linji Gwida tal-UE dwar it-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem rigward il-libertà ta' espressjoni online u offline,
– wara li kkunsidra r-rapport tiegħu dwar strateġija tal-UE rigward l-Iran wara l-ftehim nukleari, tal-25 ta' Ottubru 2016(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 73/181 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-17 ta' Diċembru 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,
– wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, tat-30 ta' Jannar 2019,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Iran huwa parti fih,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi għaxriet ta' eluf ta' persuni minn kull rokna tal-Iran u li jirrappreżentaw kull parti tas-soċjetà eżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom għal-libertà ta' għaqda u, fl-akbar taqlib soċjali li seħħ f'dawn l-aħħar 40 sena, esprimew l-ilmenti ekonomiċi tagħhom rigward iż-żieda, b'tal-anqas 50 %, fil-prezzijiet tal-fjuwil;
B. billi, minkejja talbiet internazzjonali ripetuti għar-rażan, il-forzi tas-sigurtà Iranjani użaw mezzi sproporzjonati u forza kontra d-dimostranti; billi, skont rapporti tas-soċjetà ċivili, il-forzi tas-sigurtà Iranjani fetħu n-nar fuq dimostranti mhux armati li ma kienu jirrappreżentaw l-ebda riskju imminenti, u allegatament sparaw bil-ħsieb li joqtlu;
C. billi, skont Amnesty International, tal-anqas 304 persuni nqatlu, fosthom minorenni, ħafna aktar sfaw midruba u eluf ta' dimostranti, kif ukoll ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u studenti ġew arrestati; billi l-awtoritajiet Iranjani ma ħabbrux l-għadd uffiċjali tal-imwiet u rrifjutaw li jirrilaxxaw l-iġsma tal-vittmi lill-familji tagħhom;
D. billi, fis-16 ta' Novembru 2019, l-awtoritajiet Iranjani għal ħamest ijiem sħaħ implimentaw qtugħ kważi totali tal-komunikazzjoni bl-Internet, hekk li waqqfu kważi kull mezz ta' komunikazzjoni online għan-nies fl-Iran u waqqfu kwalunkwe fluss ta' informazzjoni relatata mat-trażżin brutali; billi l-qtugħ tal-komunikazzjoni bl-Internet huwa ksur tad-dritt fundamentali ta' aċċess għall-informazzjoni, jikkostitwixxi limitazzjoni sproporzjonata tal-libertà ta' espressjoni u sar modus operandi regolari għall-awtoritajiet;
E. billi r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar strateġija tal-UE dwar l-Iran wara l-ftehim nukleari(3) tisħaq fuq l-importanza taż-żamma mal-linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iran;
F. billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-avukati u l-attivisti online fl-Iran għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' atti ta' fastidju u ta' arrest, detenzjoni u prosekuzzjoni arbitrarji minħabba xogħolhom; billi l-Ministeru tal-Intelligence Iranjan u forzi oħra imponew ripressjoni severa fil-konfront tas-soċjetà ċivili; billi 77 membru tal-oppożizzjoni riformista, fil-biċċa l-kbira membri tal-Partit tal-Front ta' Parteċipazzjoni, ħarġu dikjarazzjoni miftuħa li tikkundanna l-użu eċċessiv tal-forza fir-ripressjoni tal-protesti; billi wħud minnhom ġew imħarrka mill-ġudikatura tal-Iran talli "xerrdu propaganda kontra r-Repubblika Iżlamika" u tnejn – Mohammad Kianoosh Rad u Mehdi Mahmoudian – ġew arrestati;
G. billi l-qrati Iranjani jonqsu regolarment milli jipprovdu proċessi ġusti, bit-tiċħid mill-aċċess għal avukat u miż-żjarat minn organizzazzjonijiet konsulari, tan-NU jew umanitarji, kif ukoll bl-użu ta' ammissjonijiet ta' ħtija miksuba bit-tortura bħala evidenza fil-qrati; billi ma hemm l-ebda mekkaniżmu indipendenti biex tiġi żgurata r-responsabbiltà fi ħdan il-ġudikatura, u billi għad hemm tħassib serju dwar il-politiċizzazzjoni tal-imħallfin, b'mod partikolari ta' dawk li jippresiedu fuq il-Qrati Rivoluzzjonarji;
H. billi bosta persuni b’ċittadinanza doppja tal-UE u tal-Iran jinsabu detenuti minħabba l-attiviżmu tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem jew ix-xogħol akkademiku tagħhom; billi, minn Ġunju 2019 'il hawn, żewġ riċerkaturi Franċiżi ntbagħtu l-ħabs fl-Iran, jiġifieri s-Sinjura Fariba Adelkhah u, kif ġie kkonfermat dan l-aħħar, is-Sur Roland Marchal;
1. Jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jawgura fejqan ta' malajr lil dawk li sfaw midruba;
2. Jiddeplora l-użu mifrux u sproporzjonat tal-forza min-naħa tal-Iran kontra dimostranti mhux vjolenti li mhuma qed jagħmel xejn aktar milli jeżerċitaw drittijiethom għal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika; jenfasizza li azzjonijiet bħal dawn mhumiex aċċettabbli, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jippubblikaw l-għadd totali ta' mwiet u ta' detenuti, iwettqu investigazzjoni pronta, imparzjali, indipendenti u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet ta' użu eċċessiv tal-forza, inklużi l-attakki mmirati direttament kontra d-dimostranti mill-forzi tas-sigurtà, u jżommu responsabbli lill-awturi kollha tal-vjolenza;
3. Jesiġi li d-dimostranti kollha, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti li bħalissa qed jinżammu arrestati fl-Iran talli eżerċitaw id-drittijiet leġittimi tagħhom għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda jinħelsu mingħajr kundizzjonijiet; jesiġi, barra minn hekk, li l-awtoritajiet jinformaw lill-familji kollha bil-post fejn qed jinżammu detenuti l-qraba tagħhom u jitlob li avukati u osservaturi internazzjonali jingħataw aċċess bla xkiel għall-persuni kollha li ġew detenuti fil-protesti, kif ukoll li l-komunità internazzjonali tingħata informazzjoni dwar l-identità tad-detenuti; itenni t-talbiet preċedenti tiegħu għar-rilaxx ta' Nazanin Zaghari-Ratcliffe u ta' ħafna oħrajn li sfaw detenuti b'mod illegali;
4. Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-Iran li jagħlaq l-aċċess bl-Internet għan-netwerks globali, azzjoni li qatgħet il-komunikazzjoni u l-fluss liberu tal-informazzjoni għaċ-ċittadini Iranjani; jissottolinja li tali azzjonijiet huma ksur ċar tal-libertà tal-kelma; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jneħħu l-imblokki kollha fil-komunikazzjoni u s-servizzi online;
5. Jenfasizza li d-drittijiet fundamentali bħal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda jridu dejjem jiġu rrispettati, u jitlob li l-awtoritajiet Iranjani jonoraw l-obbligi internazzjonali tagħhom, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;
6. Jitlob lin-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tagħha, mingħajr dewmien jiftaħ investigazzjoni komprensiva rigward il-ġrajjiet li seħħew f'dawn l-aħħar ġimgħat, taħt it-tmexxija tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, bil-għan li jixħet dawl fuq l-allegazzjonijiet ta' atti ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż minn mindu bdew il-protesti, u jitlob lill-Iran jagħti aċċess sħiħ u bla restrizzjonijiet lil dawk li jkunu qed jagħmlu din l-inkjesta;
7. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Settembru 2019; jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' progress fil-każijiet li jirrigwardaw persuni b'ċittadinanza doppja UE-Iranjana li jinsabu detenuti fl-Iran; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jeħilsu minnufih lil Roland Marchal u Fariba Adelkhah, kif ukoll lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem li ġew impriġunati u kkundannati għal xejn iktar milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-libertà ta’ espressjoni, ta’ assoċjazzjoni u ta’ għaqda paċifika;
8. Jitlob li l-UE, inkluż il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tibqa' tqajjem il-preokkupazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Iranjani fil-forums bilaterali u multilaterali, b'mod partikolari fil-kuntest tad-Djalogu Politiku ta' Livell Għoli bejn l-UE u l-Iran;
9. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għar-rebbieħa tal-Premju Sakharov Nasrin Sotoudeh u Jafar Panahi; jiddeplora l-fatt li Nasrin Sotoudeh għadha miżmuma l-ħabs tiskonta sentenza ta' 33 sena u 148 daqqa ta' frosta, u jinsisti li tinħeles minnufih mingħajr kundizzjonijiet; jitlob lill-awtoritajiet Iranjani jneħħu l-projbizzjoni tal-ivvjaġġar li ilha imposta fuq Jafar Panahi sa mill-2010;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Mexxej Suprem tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, lill-President tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran u lill-Membri tal-Majlis tal-Iran.