Indiċi 
Testi adottati
It-Tlieta, 17 ta' Settembru 2019 - StrasburguVerżjoni finali
Ħatra tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew - Kandidata: Is-Sa Christine Lagarde
 Ħatra tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew
 It-tnedija ta' skambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi fl-Irlanda *

Ħatra tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew - Kandidata: Is-Sa Christine Lagarde
PDF 120kWORD 48k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2019 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-ħatra tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew (N9-0023/2019 - C9-0048/2019 – 2019/0810(NLE))
P9_TA(2019)0008A9-0008/2019

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2019(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 283(2), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu l-Kunsill Ewropew ikkonsulta lill-Parlament (C9-0048/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 130 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0008/2019),

A.  billi, b'ittra tas-16 ta' Lulju 2019, il-Kunsill Ewropew ikkonsulta lill-Parlament dwar il-ħatra ta' Christine Lagarde bħala President tal-Bank Ċentrali Ewropew għal mandat ta' tmien snin, b'effett mill-1 ta' Novembru 2019;

B.  billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament imbagħad ipproċeda għall-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidata proposta, b'mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 283(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, kif jirriżulta mill-Artikolu 130 tat-Trattat, tal-ħtieġa tal-indipendenza totali tal-BĊE; billi fit-twettiq ta' din l-evalwazzjoni, il-Kumitat irċieva l-curriculum vitae mill-kandidata kif ukoll it-tweġibiet tagħha għall-kwestjonarju bil-miktub li kien intbagħtilha;

C.  billi, fl-4 ta' Settembru 2019, il-kumitat sussegwentement kellu smigħ ta' sagħtejn u nofs mal-kandidata, li matulu għamlet dikjarazzjoni tal-ftuħ u mbagħad wieġbet għall-mistoqsijiet li sarulha mill-membri tal-Kumitat;

1.  Jagħti opinjoni favorevoli dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-ħatra ta' Christine Lagarde bħala President tal-Bank Ċentrali Ewropew;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 235, 12.7.2019, p. 1.


Ħatra tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew
PDF 121kWORD 48k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2019 dwar il-proposta tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-ħatra tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (N9-0008/2019 – C9-0028/2019 – 2019/0903(NLE))
P9_TA(2019)0009A9-0007/2019

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta' April 2019 għall-ħatra tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (C9-0028/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 26(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizzju tal-kompiti mogħtija lill-BĊE fil-qafas tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 131 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0007/2019),

A.  billi l-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jipprevedi li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu jibgħat il-proposta tiegħu lill-Parlament għall-approvazzjoni tal-ħatra tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju tiegħu u li l-Viċi President għandu jintgħażel minn fost il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE;

B.  billi l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jipprevedi li l-ħatriet għall-Bord Superviżorju skont dan ir-Regolament għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-bilanċ bejn is-sessi, l-esperjenza u l-kwalifiki;

C.  billi fit-22 ta' Novembru 2012, il-Kunsill Ewropew ħatar lil Yves Mersch bħala membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għal mandat ta' tmien snin mill-15 ta' Diċembru 2012 b'konformità mal-Artikolu 283(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

D.  billi f'ittra tad-9 ta' April 2019 il-BĊE ressaq proposta lill-Parlament għall-ħatra ta' Yves Mersch bħala l-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE għall-bqija tal-mandat tiegħu bħala membru tal-Bord Eżekuttiv sal-14 ta' Diċembru 2020;

E.  billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament imbagħad ipproċeda għall-evalwazzjoni tal-kredenzjali tal-kandidat propost, b'mod partikolari fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 26(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

F.  billi l-Kumitat, fl-4 ta' Settembru 2019, organizza seduta ta' smigħ mal-kandidat propost, li matulha l-kandidat għamel dikjarazzjoni tal-ftuħ u mbagħad wieġeb il-mistoqsijiet imressqa mill-membri tal-Kumitat;

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ħatra ta' Yves Mersch bħala Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.
(2) ĠU L 320, 30.11.2013, p. 1.
(3) Testi adottati, P8_TA(2019)0211.


It-tnedija ta' skambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi fl-Irlanda *
PDF 115kWORD 48k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar it-tnedija ta' skambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi fl-Irlanda (07290/2019 – C8-0154/2019 – 2019/0806(CNS))
P9_TA(2019)0010A9-0003/2019

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (07290/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0154/2019),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 82 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0003/2019),

1.  Japprova l-abbozz tal-Kunsill;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza