Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 19 ta' Settembru 2019 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fit-Turkija, b'mod partikolari t-tneħħija ta' sindki eletti
 Il-Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya
 L-Iran, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u taċ-ċittadini tal-UE b'ċittadinanza doppja li qegħdin il-ħabs
 L-għoti ta' privattivi għall-pjanti u l-proċessi essenzjalment bijoloġiċi
 L-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa
 L-istat ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus

Is-sitwazzjoni fit-Turkija, b'mod partikolari t-tneħħija ta' sindki eletti
PDF 134kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Settembru 2019 dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija, b'mod partikolari t-tneħħija ta' sindki eletti (2019/2821(RSP))
P9_TA(2019)0017RC-B9-0049/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Novembru 2016 dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija(1), tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija(2), tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija(3) u tat-13 ta' Marzu 2019 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-Turkija(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2019 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2019)0260 u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tagħha li jakkumpanja r-Rapport 2019 dwar it-Turkija (SWD(2019) 0220),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2018 u l-konklużjonijiet preċedenti rilevanti tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet preliminari tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u l-impenn tat-Turkija fir-rigward tal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2260 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) tal-24 ta' Jannar 2019 intitolata "The worsening situation of opposition politicians in Turkey: what can be done to protect their fundamental rights in a Council of Europe Member State?",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet li saru mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) fid-19 ta' Awwissu 2019 dwar is-sospensjonijiet ta' sindki eletti u d-detenzjoni ta' mijiet ta' persuni fix-Xlokk tat-Turkija,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-kawża Selahattin Demirtaş v. it-Turkija,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2156 (2017) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-fatt li l-valuri kostituttivi tal-UE huma msejsa fuq l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-valuri, li japplikaw ukoll għall-pajjiżi kollha li huma kandidati għal sħubija fl-UE,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li t-Turkija hija Stat parti għalihom,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-Turkija hija sieħba importanti tal-UE u, bħala pajjiż kandidat, mistennija tirrispetta l-ogħla standards tad-demokrazija, inkluż ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, l-elezzjonijiet kredibbli, il-libertajiet fundamentali u d-dritt universali għal proċess ġust;

B.  billi fil-31 ta' Marzu 2019 saru elezzjonijiet lokali fit-Turkija u dawn "twettqu b'mod ordnat", skont il-konklużjonijiet preliminari tad-delegazzjoni ta' osservazzjoni elettorali mill-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa; billi l-għadd ta' persuni li vvutaw fl-elezzjonijiet lokali kien impressjonanti; billi l-elezzjoni ġiet ikkritikata fil-wisa' mill-osservaturi minħabba preġudizzju eċċessiv tal-media favur il-partit Alleanza tal-Poplu li qiegħed fil-gvern;

C.  billi, fl-elezzjonijiet lokali tal-31 ta' Marzu 2019, is-sindku Adnan Selçuk Mızraklı ta' Diyarbakır kiseb maġġoranza ta' 63 %, is-sindku Ahmet Türk ta' Mardin kiseb maġġoranza ta' 56 %, filwaqt li s-sindku Bedia Özgökçe ta' Van kisbet maġġoranza ta' 54 % tal-voti, jiġifieri, għalhekk, li t-tliet sindki kollha kisbu mandat ċar mill-poplu biex iwettqu d-dmirijiet li jikkonċernaw il-kariga tagħhom ta' sindku;

D.  billi t-tliet sindki kollha ngħataw l-approvazzjoni mill-Kunsill Elettorali Suprem tar-Repubblika tat-Turkija (YSK) biex joħorġu għall-elezzjonijiet bħala kandidati;

E.  billi s-sindki eletti demokratikament ta' Diyarbakır, Van u Mardin fix-Xlokk tat-Turkija ġew sostitwiti bi gvernaturi/amministraturi provinċjali maħtura mill-gvern minħabba li kienu għaddejjin minn investigazzjoni kriminali għal allegati rabtiet mat-terroriżmu;

F.  billi s-sostituzzjoni ta' Adnan Selçuk Mızraklı, Ahmet Türk u Bedia Özgökçe Ertan bi gvernaturi tal-Istat hija ta' tħassib serju peress li tqajjem dubji dwar ir-rispett tar-riżultati demokratiċi tal-elezzjonijiet tal-31 ta' Marzu 2019; billi 418-il persuna ċivili oħra, prinċipalment membri u impjegati tal-kunsill muniċipali minn 29 provinċja differenti madwar it-Turkija, ġew detenuti fit-18 ta' Awwissu 2019 abbażi ta' allegazzjonijiet simili u mhux sostanzjati;

G.  billi, f'Settembru 2016, il-liġi Torka dwar il-muniċipalitajiet inbidlet skont digriet ta' stat ta' emerġenza biex tiffaċilita t-tneħħija amministrattiva ta' sindki akkużati b'rabtiet mat-terroriżmu u s-sostituzzjoni tagħhom bi gvernaturi provinċjali; billi l-Kummissjoni ta' Venezja stiednet lill-awtoritajiet Torok jirrevokaw id-dispożizzjonijiet imdaħħla mid-Digriet Leġiżlattiv Tork Nru 674 tal-1 ta' Settembru 2016, li mhumiex strettament meħtieġa mill-istat ta' emerġenza, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw ir-regoli li jippermettu l-mili ta' postijiet battala għall-karigi ta' sindku, viċi sindku u membru tal-kunsill lokali permezz ta' ħatriet;

H.  billi, fid-9 ta' April 2019, il-YSK iddikjara lil erba' sindki u membri eletti oħra ta' kunsilli muniċipali fix-Xlokk tat-Turkija bħala ineliġibbli li jokkupaw il-kariga, minkejja li kien ikkonvalida l-kandidaturi tagħhom qabel l-elezzjonijiet tal-31 ta' Marzu 2019, għaliex qal li dawn il-kandidati preċedentement kienu impjegati taċ-ċivil u tkeċċew minn xogħolhom b'digriet tal-Gvern; billi, wara din id-deċiżjoni, il-YSK ta dawn il-karigi lil kandidati mill-Partit tal-Ġustizzja u l-Iżvilupp (AKP); billi t-trażżin tal-oppożizzjoni politika Torka qed iseħħ f'kuntest fejn l-ispazju għall-ilħna demokratiċi qiegħed jiċkien u fl-isfond ta' miżuri kontinwi meħuda mill-awtoritajiet Torok bil-għan li jsikktu lil min ma jaqbilx magħhom, inklużi l-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-akkademiċi, l-imħallfin u l-avukati;

I.  billi ħafna mill-miżuri li ttieħdu huma sproporzjonati, jiksru kemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali Torka kif ukoll l-impenji tal-pajjiż bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u jmorru kontra l-ICCPR; billi aktar minn 150 000 ruħ ġew detenuti fit-trażżin ta' wara l-kolp ta' stat u 78 000 ruħ ġew arrestati abbażi ta' akkużi ta' terroriżmu, filwaqt li aktar minn 50 000 ruħ għadhom il-ħabs – fil-biċċa l-kbira tal-każijiet mingħajr evidenza konklużiva; billi, minn Diċembru 2018 'il hawn, in-numru totali ta' persuni detenuti l-ħabs mingħajr akkuża jew li qed jistennew proċess huwa ta' madwar 57 000; billi aktar minn 20 % tal-popolazzjoni tal-ħabs qegħdin il-ħabs għal akkużi relatati mat-terroriżmu, inklużi ġurnalisti, attivisti politiċi, avukati u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u dan iwassal għal aktar tħassib dwar l-indipendenza tal-ġudikatura;

J.  billi d-deċiżjonijiet tal-YSK li terġa' ssir l-elezzjoni tas-sindku f'Istanbul u li l-kariga ta' sindku ta' muniċipalitajiet individwali fix-Xlokk tat-Turkija tingħata lill-kandidati li ġew it-tieni huma ta' tħassib serju, b'mod partikolari fir-rigward tar-rispett tal-legalità u l-integrità tal-proċess elettorali u tal-indipendenza tal-istituzzjoni mill-indħil politiku;

K.  billi, fit-3 ta' Settembru 2019, il-Ministru tal-Intern Tork ħabbar li kienu se jingħataw ordnijiet oħra biex jitneħħew uffiċjali eletti, u hedded b'mod speċifiku li jneħħi lis-sindku ta' Istanbul, Ekrem İmamoğlu;

L.  billi, fis-6 ta' Settembru 2019, il-President Provinċjali tal-Partit Popolari Repubblikan (CHP), Canan Kaftancıoğlu, ġiet ikkundannata 9 snin u 8 xhur ħabs fuq akkużi li insolentat lill-President u lil uffiċjali pubbliċi, umiljat lill-Istat, inċitat lill-poplu għall-ostilità u l-mibegħda, u użat il-kanali tal-media soċjali tagħha biex ixxerred il-propaganda għal organizzazzjoni terroristika bejn l-2012 u l-2017;

M.  billi diversi dimostrazzjonijiet pubbliċi organizzati kontra t-tneħħija tas-sindki ġew ipprojbiti għal raġunijiet ta' sigurtà, u dawk li seħħew ġew sfrattati bil-forza mill-pulizija, ħafna drabi b'detenzjonijiet tal-massa u bil-prosekuzzjoni tal-parteċipanti; billi dan huwa r-riżultat ta' leġiżlazzjoni introdotta immedjatament wara t-tneħħija tal-istat ta' emerġenza;

N.  billi t-Turkija ġarrbet numru ta' attakki u t-tentattiv ta' kolp ta' stat tal-2016 li fih inqatlu 248 ruħ;

1.  Jikkundanna d-deċiżjoni li ttieħdet mill-awtoritajiet Torok biex sindki eletti demokratikament jitneħħew mill-kariga abbażi ta' evidenza dubjuża; jenfasizza li dawn l-azzjonijiet ikomplu jdgħajfu l-kapaċità tal-oppożizzjoni politika li teżerċita d-drittijiet tagħha u twettaq ir-rwol demokratiku tagħha; jistieden lill-awtoritajiet Torok jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-membri tal-oppożizzjoni arrestati bħala parti mit-trażżin tal-ilħna kollha ta' dissens fil-pajjiż, u jwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom;

2.  Jikkritika bil-qawwa s-sostituzzjoni arbitrarja ta' rappreżentanti eletti lokali b'amministraturi mhux eletti, billi dan ikompli jdgħajjef l-istruttura demokratika tat-Turkija; jistieden lill-awtoritajiet Torok jerġgħu jagħtu l-kariga lis-sindki u lill-uffiċjali eletti l-oħra kollha li rebħu l-elezzjonijiet lokali fil-31 ta' Marzu 2019 u ma tħallewx jieħdu l-kariga jew tkeċċew jew ġew sostitwiti b'amministraturi mhux eletti abbażi ta' allegazzjonijiet mhux sostanzjati;

3.  Jikkundanna bil-qawwa s-sentenza motivata politikament ta' Canan Kaftancıoğlu, li huwa ċar li qed tiġi kkastigata talli kellha rwol ewlieni fil-kampanja elettorali ta' suċċess tas-sindku ta' Istanbul, u jitlob b'insistenza li titreġġa' lura minnufih;

4.  Jikkundanna t-theddid tal-awtoritajiet Torok li jkeċċu uffiċjali eletti oħra u jistieden lit-Turkija ma tkomplix tieħu miżuri intimidatorji oħra;

5.  Itenni l-importanza ta' relazzjonijiet tajbin mat-Turkija li jkunu bbażati fuq valuri komuni, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, elezzjonijiet ħielsa u demokratiċi, inkluż ir-rispett tar-riżultati elettorali, il-libertajiet fundamentali u d-dritt universali ta' proċess ġust; jistieden lill-Gvern Tork jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem ta' dawk kollha li jgħixu u jaħdmu fit-Turkija, inklużi dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali;

6.  Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar id-deterjorament kontinwu tal-libertajiet fundamentali u tal-istat tad-dritt fit-Turkija, u jikkundanna l-użu tad-detenzjoni arbitrarja, il-fastidju ġudizzjarju u amministrattiv, il-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar minbarra mezzi oħra maħsuba biex jippersegwitaw eluf ta' ċittadini Torok, inklużi politiċi u uffiċjali eletti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, impjegati taċ-ċivil, membri ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, akkademiċi u għadd bla qies ta' ċittadini ordinarji; jesprimi tħassib dwar rapporti ta' prosekuzzjonijiet u investigazzjonijiet kontinwi rigward reati ta' terroriżmu vagi u ġenerali żżejjed;

7.  Iħeġġeġ lit-Turkija tiżgura li l-leġiżlazzjoni tagħha kontra t-terroriżmu tkun konformi mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; itenni li leġiżlazzjoni Torka kontra t-terroriżmu definita f'termini ġenerali m'għandhiex tintuża biex tikkastiga liċ-ċittadini u lill-media talli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' libertà tal-espressjoni, jew biex rappreżentanti eletti jitneħħew b'mod arbitrarju u jiġu sostitwiti b'amministraturi tal-Gvern;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok jirrispettaw il-prinċipji internazzjonali, jiżguraw il-pluraliżmu u l-libertajiet tal-assoċjazzjoni u tal-espressjoni, isegwu l-aħjar prattiki u jiggarantixxu ambjent favorevoli għal dawk eletti permezz tal-espressjoni ħielsa u ġusta tar-rieda tal-poplu Tork; jenfasizza li dawn id-deċiżjonijiet jiksru d-dritt ta' elezzjonijiet ħielsa, id-dritt ta' parteċipazzjoni politika u d-dritt ta' libertà tal-espressjoni skont il-KEDB;

9.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-użu eċċessiv ta' proċedimenti legali kontra rappreżentanti eletti lokali fit-Turkija u s-sostituzzjoni tagħhom b'uffiċjali maħtura – prattika li ddgħajjef serjament il-funzjonament xieraq tad-demokrazija lokali;

10.  Jistieden lill-Gvern Tork jiżgura li l-individwi kollha jkollhom id-dritt ta' proċess ġust u li l-każijiet tagħhom jiġu eżaminati minn qorti ġudizzjarja indipendenti, f'konformità ma' standards internazzjonali, li tkun tista' tiżgura rimedju – inkluż kumpens għad-danni materjali u morali kkawżati; jistieden lit-Turkija tiżgura l-indipendenza operattiva, strutturali u finanzjarja tal-Istituzzjoni Torka tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Ugwaljanza u tal-Istituzzjoni Torka tal-Ombudsman sabiex tiggarantixxi l-kapaċità tagħhom li jipprovdu opportunitajiet ġenwini ta' rieżami u rimedju u tikkonforma mas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

11.  Jikkundanna l-fatt li Selahattin Demirtaş, kap tal-oppożizzjoni u kandidat presidenzjali, għadu arrestat, u jitlob li jinħeles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-każ tiegħu, li tistieden lill-awtoritajiet Torok jeħilsuh minnufih;

12.  Jesprimi tħassib serju dwar il-monitoraġġ tal-pjattaformi tal-media soċjali u l-għeluq ta' kontijiet tal-media soċjali mill-awtoritajiet Torok;

13.  Jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni jagħtu lill-Parlament rendikont sħiħ dwar is-suġġetti diskussi matul id-djalogu politiku bejn l-UE u t-Turkija tat-13 ta' Settembru 2019;

14.  Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jqajmu s-sitwazzjoni tal-membri tal-oppożizzjoni arrestati, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-attivisti politiċi, tal-avukati, tal-ġurnalisti u tal-akkademiċi li jinsabu f'detenzjoni mal-interlokuturi Torok tagħhom, u jipprovdulhom appoġġ diplomatiku u politiku, inklużi l-osservazzjoni tal-proċessi u l-monitoraġġ tal-każijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-użu ta' għotjiet ta' emerġenza għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President Tork, lill-Gvern tat-Turkija u lill-Parlament tagħha, u jitlob li din ir-riżoluzzjoni tiġi tradotta bit-Tork.

(1) ĠU C 224, 27.6.2018, p. 93.
(2) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 199.
(3) ĠU C 463, 21.12.2018, p. 56.
(4) Testi adottati, P8_TA(2019)0200.


Il-Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya
PDF 134kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Settembru 2019 dwar il-Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya (2019/2822(RSP))
P9_TA(2019)0018RC-B9-0050/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya, b'mod partikolari dawk adottati fil-21 ta' Mejju 2015(1), fis-7 ta' Lulju 2016(2), fil-15 ta' Diċembru 2016(3), fl-14 ta' Settembru 2017(4), fl-14 ta' Ġunju 2018(5) u fit-13 ta' Settembru 2018(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2018 dwar il-Myanmar/Burma, u dawk tal-10 ta' Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Ħames Djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u l-Myanmar dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li sar f'Nay Pyi Taw, il-Myanmar fl-14 ta' Ġunju 2019,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1948 dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine mmexxija minn Kofi Annan,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza sessista relatata mal-kunflitti, li ġie ppubblikat fit-23 ta' Marzu 2018 (S/2018/250),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (HRC) tat-8 ta' Awwissu 2018 (A/HRC/42/50) dwar is-sejbiet dettaljati tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar il-Myanmar (UNIFFM), ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-3 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħra fil-Myanmar (A/HRC/RES/39/2) u r-rapport tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-7 ta' Awwissu 2019 dwar il-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Indipendenti tan-NU fil-Myanmar (A/HRC/42/66),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-UNIFFM tat-22 ta' Awwissu 2019 dwar il-vjolenza sesswali u sessista fil-Myanmar u l-impatt fuq il-ġeneru tal-kunflitti etniċi tiegħu (A/HRC/42/CRP.4),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, mill-2017 'l hawn, aktar minn 700 000 Rohingya ħarbu mill-Myanmar għas-sikurezza tagħhom fil-Bangladesh wara r-repressjoni, il-vjolazzjonijiet serji kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-każijiet ta' qtil fuq skala kbira, l-istupru u l-ħruq ta' villaġġi mwettqa mill-gruppi armati tal-Myanmar fl-Istat ta' Rakhine, li fih kienu jgħixu aktar minn miljun Rohingya;

B.  billi r-Rohingya jitqiesu minn ħafna bħala wieħed mill-minoranzi l-aktar ippersegwitati u jikkostitwixxu l-akbar grupp ta' persuni mingħajr Stat, b'ħafna minnhom issa qed jgħixu fl-akbar kamp tar-refuġjati fid-dinja, Kutupalong, f'Cox' s Bazar, fil-Bangladesh;

C.  billi l-kampijiet tar-rifuġjati fil-Bangladesh huma ffullati wisq u għandhom kundizzjonijiet mhux sanitarji, jipprovdu aċċess limitat għall-kura materna u għall-kura tas-saħħa għan-nisa u għat-tfal u huma estremament vulnerabbli għal diżastri naturali, inklużi valangi u għargħar; billi l-popolazzjoni Rohingya li tgħix fil-kampijiet tar-refuġjati għadha qed tħabbat wiċċha ma' theddid serju u, minħabba ikel u ilma ta' kwalità baxxa, hemm riskju serju ta' diversi mardiet u infezzjonijiet; billi t-tfal Rohingya għad m'għandhomx biżżejjed aċċess għal edukazzjoni formali; billi f'dawn l-aħħar ġimgħat ir-rifuġjati Rohingya fil-Bangladesh sofrew restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tagħhom tal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni; billi l-curfews u l-waqfien tal-komunikazzjonijiet jista' jiffaċilita aktar abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem kontrihom;

D.  billi madwar 600 000 Rohingya huma stmati li għadhom fl-Istat ta' Rakhine, li qed jiġu soġġetti għal politiki u prattiki diskriminatorji li għaddejjin bħalissa, vjolazzjonijiet sistematiċi tad-drittijiet fundamentali tagħhom, arresti arbitrarji, għeluq f'kampijiet iffullati żżejjed, nuqqas ta' libertà ta' moviment u aċċess limitat ħafna għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa;

E.  billi minn Ġunju 2019, l-awtoritajiet ta' Myanmar imponew blackout tat-telekomunikazzjoni fuq it-Tramuntana u ċ-ċentru tal-Istat ta' Rakhine u ta' Paletwa fl-Istat ta' Chin; billi hemm kontrolli militari stretti fis-seħħ li jillimitaw l-aċċess għall-midja u għall-kopertura mill-midja fl-Istat ta' Rakhine;

F.  billi l-Myanmar u l-Bangladesh ħabbru pjanijiet ta' ripatrijazzjoni, li ġew ikkanċellati minħabba nuqqas ta' garanziji; billi r-rifuġjati ġew trawmatizzati severament u jibżgħu jmorru lura; billi kull ritorn irid ikun sikur, volontarju, dinjituż, sostenibbli u konformi mal-prinċipju ta' non-refoulement;

G.  billi fis-27 ta' Awwissu 2018 il-UNIFFM ippubblikat ir-rapport tagħha, li kkonkluda li kienu kommessi kontra r-Rohingya l-aktar vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem u l-aktar delitti gravi skont id-dritt internazzjonali, inklużi delitti kontra l-umanità u li x'aktarx seħħ ukoll il-ġenoċidju; billi fl-10 ta' Diċembru 2018 il-Kunsill esprima tħassib serju dwar is-sejbiet tal-UNIFFM; billi l-Myanmar s'issa rrifjuta li jippermetti missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU milli tidħol fil-pajjiż u pprojbixxa lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar;

H.  billi skont l-aħħar rapport tal-UNIFFM tas-16 ta' Settembru 2019, l-azzjonijiet tal-Gvern tal-Myanmar ikomplu jkunu parti minn attakk mifrux u sistematiku li jammonta għal persekuzzjoni u delitti oħra kontra l-umanità kontra l-bqija tar-Rohingya fl-Istat ta' Rakhine; billi, barra minn hekk, fir-rapport tagħha tat-22 ta' Awwissu 2019, l-UNIFFM irrapportat atti deliberati serji u kontinwi ta' vjolenza sesswali u sessista, inkluż stupru sistematiku, stupru minn grupp u atti sesswali furzati mill-forzi militari u tas-sigurtà tal-Myanmar kontra nisa Rohingya, tfal u persuni transġeneri bħala parti minn kampanja ta' tindif sabiex jitterrorizza u jikkastiga lill-minoranzi etniċi; billi l-vjolenza sesswali tintuża biex tifred lil komunitajiet sħaħ u biex twaqqaf lin-nisa u lill-bniet milli jirritornaw lejn djarhom; billi l-vittmi ta' stupru fil-kampijiet jista' jkollhom iħabbtu wiċċhom mal-esklużjoni soċjali mill-komunitajiet tagħhom;

I.  billi l-UE talbet b'mod konsistenti li dawk responsabbli għal tali delitti jinżammu responsabbli u li jiġu ppreżentati u sponsorjati r-riżoluzzjonijiet adottati fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fis-27 ta' Settembru 2018 u fit-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-16 ta' Novembru 2018; billi l-awtoritajiet fil-Myanmar jirrifjutaw li jinvestigaw serjament il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem kontra r-Rohingya u li jżommu l-awturi responsabbli għal għemilhom; billi l-Myanmar għadu qed jiċħad li dawn il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet qatt seħħew; billi l-aktar persuni militari mlaħħqa li kienu organizzaw l-attakki kontra r-Rohingya għadhom jokkupaw il-karigi tagħhom; billi l-awtoritajiet jirrifjutaw li jikkooperaw mal-mekkaniżmi tan-NU;

J.  billi, fid-29 ta' April 2019, il-Kunsill estenda l-miżuri restrittivi fuq il-Myanmar b'sena sat-30 ta' April 2020, inkluż l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni tal-ivvjaġġar fuq 14-il uffiċjal għoli militari, tal-gwardja tal-fruntiera u tal-pulizija fil-Myanmar responsabbli għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya, persuni ta' minoranza etnika u persuni ċivili fl-Istati ta' Rakhine, ta' Kachin u ta' Shan;

K.  billi l-poplu Rohingya ilu uffiċjalment mingħajr stat sa mill-promulgazzjoni tal-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza Burmiżi tal-1982, li jċaħħdu lir-Rohingya mid-drittijiet ċivili, politiċi u soċjoekonomiċi bażiċi bħal-libertà ta' moviment, il-parteċipazzjoni politika, l-impjieg u l-benesseri soċjali; billi huwa stmat li 1.1 miljun Rohingya huma mċaħħda mill-aċċess għaċ-ċittadinanza; billi r-Rohingya li jmorru lura jkunu mġiegħla jiffirmaw karti ta' verifika nazzjonali, ħaġa li ċċaħħadhom miċ-ċittadinanza tal-Myanmar;

1.  Itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-vjolazzjonijiet kollha passati u preżenti tad-drittijiet tal-bniedem u l-attakki sistematiċi u mifruxa, inkluż il-każijiet ta' qtil, il-fastidju, l-istupru u l-qerda ta' proprjetà li, skont ir-rekords tal-UNIFFM u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, jammontaw għal ġenoċidju, delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità mwettqa mill-forzi armati kontra l-popolazzjoni Rohingya; jikkundanna bil-qawwa r-rispons sproporzjonat tal-forzi militari u tas-sigurtà; jenfasizza li l-militar naqas b'mod kostanti milli jirrispetta d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

2.  Jesprimi t-tħassib l-aktar serju tiegħu dwar il-kunflitt, il-vjolazzjonijiet u l-vjolenza sesswali u sessista li għadhom għaddejjin kontra r-Rohingya fil-Myanmar mill-forzi armati; jikkundanna tali vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u jtenni t-talbiet tiegħu lill-Gvern tal-Myanmar, taħt it-tmexxija ta' Aung San Suu Kyi, u lill-forzi tas-sigurtà biex iwaqqfu immedjatament il-vjolazzjonijiet, il-każijiet ta' qtil u l-vjolenza sesswali u sessista kontra l-persuni Rohingya u gruppi etniċi oħra;

3.  Jikkundanna d-diskriminazzjoni li għaddejja kontra r-Rohingya u r-restrizzjonijiet ħorox imposti fuq il-libertà ta' moviment tagħhom u l-privazzjoni tas-servizzi bażiċi tagħhom fil-Myanmar; jissottolinja li l-libertà tal-midja u l-ġurnaliżmu kritiku huma pilastri essenzjali tad-demokrazija u huma essenzjali għall-promozzjoni ta' governanza tajba, trasparenza u r-responsabbiltà; jistieden lill-Gvern tal-Myanmar jippermetti aċċess sħiħ u bla xkiel għall-osservaturi internazzjonali fl-Istat ta' Rakhine, ta' Kachin u ta' Shan, inkluż ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, l-osservaturi indipendenti u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u dawk umanitarji sabiex jiġu żgurati investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali dwar l-allegazzjonijiet ta' vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet kollha u biex jitneħħa l-blackout tal-internet fl-erba' distretti l-oħra ta' Ponnagyun, ta' Mrauk-U, ta' Kyuaktaw u ta' Minbya;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Myanmar joħolqu kundizzjonijiet u garanziji għar-ritorn sikur, volontarju, dinjituż u sostenibbli, taħt is-sorveljanza tan-NU, ta' dawk ir-Rohingya li jixtiequ jirritornaw lura lejn l-art nattiva tagħhom; iħeġġeġ lill-gvernijiet kemm tal-Myanmar kif ukoll tal-Bangladesh jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju ta' non-refoulement; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar iqis u jirrikonoxxi ċ-ċittadinanza sħiħa tar-Rohingya, inklużi d-drittijiet korrispondenti u s-salvagwardji kostituzzjonali, u biex jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Konsultattiva ta' Rakhine mingħajr dewmien; jistieden ukoll lill-Gvern tal-Myanmar biex jidħol fi djalogu mal-uffiċjali tar-Rohingya u biex jirrikonoxxi r-Rohingya bħala wieħed mill-135 grupp etniku rikonoxxut mil-liġi fil-Myanmar;

5.  Jirrikonoxxi l-ħidma tal-Ħames Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Myanmar; jinnota li d-diskussjonijiet koprew firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża r-responsabbiltà għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, is-sitwazzjoni fl-Istati ta' Rakhine, ta' Kachin u ta' Shan, inkluż l-aċċess umanitarju, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, il-ħtiġijiet tal-persuni spostati, id-drittijiet ekonomiċi u soċjali, il-migrazzjoni u l-kooperazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem f'fora multilaterali; jiddispjaċih għall-fatt li d-djalogu ma kellu ebda effett fuq is-sitwazzjoni fil-post;

6.  Jistieden lill-Gvern u lill-forzi armati tal-Myanmar jippermettu investigazzjonijiet kredibbli u indipendenti dwar il-vjolazzjonijiet serji u sistematiċi allegati tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-awturi ta' dawn id-delitti jeħtiġilhom jitressqu quddiem il-ġustizzja mingħajr dewmien;

7.  Itenni t-talba tiegħu lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri biex ifittxu responsabbiltà f'fora multilaterali għall-awturi tad-delitti fil-Myanmar; jilqa', f'dan ir-rigward, it-tmexxija murija mill-UE fl-istabbiliment tal-Mekkaniżmu Investigattiv Indipendenti tan-NU għall-Myanmar (MIIM) sabiex jiġbor, jikkonsolida, jippreserva u janalizza l-evidenza tal-aktar delitti u vjolazzjonijiet internazzjonali serji mwettqa fil-Myanmar mill-2011; jistieden lill-Myanmar jikkoopera mal-isforzi internazzjonali biex jiżgura r-responsabbiltà, inkluż billi jippermetti aċċess għall-pajjiż għall-MIIM operattiv ġdid; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jiżguraw li l-MIIM ikollu l-appoġġ meħtieġ, inkluż l-appoġġ finanzjarju, biex iwettaq il-mandat tiegħu;

8.  Jilqa' l-adozzjoni ta' sanzjonijiet mill-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE fl-24 ta' Ġunju 2018 u fil-21 ta' Diċembru 2018 kontra militari u uffiċjali mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), gwardja tal-fruntiera u pulizija responsabbli għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-popolazzjoni Rohingya u jistenna li dawk l-individwi jkunu s-suġġett ta' rieżami kostanti taħt ir-reġim ta' sanzjonijiet; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jimponi embargo komprensiv fuq l-armi fuq il-Myanmar u biex jadotta sanzjonijiet immirati kontra dawk il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jidhru li huma responsabbli għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Ifakkar lill-Gvern tal-Myanmar li jeħtieġlu jissodisfa l-obbligi u l-impenji tiegħu fir-rigward tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, li huma komponent essenzjali tal-iskema Kollox ħlief Armi (EBA); jistenna li l-Kummissjoni tagħti bidu għal investigazzjoni f'dan ir-rigward; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni għadha ma bdietx investigazzjoni bħal din;

10.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) dwar il-ġurisdizzjoni tagħha fuq id-deportazzjoni ta' persuni Rohingya mill-Myanmar u d-deċiżjoni tal-Prosekutur Prinċipali tal-QKI li jiftaħ investigazzjoni preliminari dwar delitti mwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti minn Ottubru 2016; jistieden lill-awtoritajiet tal-Myanmar biex jikkooperaw mal-QKI; jistieden lill-Myanmar isir firmatarju tal-Istatut ta' Ruma tal-QKI; jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jirreferi s-sitwazzjoni fil-Myanmar lill-QKI, inklużi delitti kollha li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu mwettqa kontra r-Rohingya, jew joħloq tribunal kriminali internazzjonali ad hoc; itenni t-talba tiegħu li l-UE u l-Istati Membri tagħha jieħdu l-inizjattiva fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar it-talba biex is-sitwazzjoni fil-Myanmar tiġi riferuta lill-QKI; jitlob ukoll lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jingħaqdu u jappoġġjaw l-isforzi biex jinfetaħ każ dwar il-vjolazzjoni possibbli mill-Myanmar tal-Konvenzjoni dwar il-Ġenoċidju tan-NU quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja;

11.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jippromwovu l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni dwar il-Myanmar fis-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

12.  Ifaħħar l-isforzi tal-gvern u l-poplu tal-Bangladesh biex jipprovdu rifuġju u sigurtà lir-rifuġjati Rohingya, u jħeġġiġhom ikomplu jipprovdu assistenza umanitarja lir-rifuġjati li jiġu mill-Myanmar; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jiggarantixxu aċċess sħiħ u mingħajr diskriminazzjoni għal edukazzjoni ta' kwalità għat-tfal Rohingya, ineħħu r-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-internet u l-komunikazzjonijiet online u l-libertà ta' moviment, u jiżguraw li l-forzi tas-sigurtà li joperaw fil-kampijiet jirrispettaw l-istandards kollha biex jipproteġu s-sigurtà personali tar-rifuġjati;

13.  Jilqa' l-iżborż tal-UE, fil-bidu ta' Settembru 2019, ta' EUR 2 miljun f'għajnuna ta' ikel għall-Programm Dinji tal-Ikel tan-NU għall-kampijiet tar-Rohingya f'Cox's Bazar, iżda jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-ħtiġijiet fuq il-post, biex ikomplu bl-isforzi tagħhom f'dan ir-rigward; ifakkar li r-responsabbiltà finanzjarja għall-assistenza tal-popolazzjoni tar-rifuġjati ma għandhiex taqa' fuq il-Bangladesh b'mod sproporzjonat; jitlob aktar appoġġ internazzjonali għal dawk il-komunitajiet li jospitaw ir-rifuġjati, anke billi jiġu indirizzati l-isfidi domestiċi soċjali, edukattivi, ekonomiċi u tal-kura tas-saħħa;

14.  Ifakkar, barra minn hekk, fil-ħtieġa li tingħata assistenza medika u psikoloġika fil-kampijiet tar-rifuġjati, u biex tkun imfassla speċifikament għall-gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa u t-tfal; jitlob li jkun hemm aktar servizzi ta' appoġġ għall-vittmi ta' stupru u attakki sesswali;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar, lill-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

(1) ĠU C 353, 27.9.2016, p. 52.
(2) ĠU C 101, 16.3.2018, p. 134.
(3) ĠU C 238, 6.7.2018, p. 112.
(4) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 109.
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0261.
(6) Testi adottati, P8_TA(2018)0345.


L-Iran, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u taċ-ċittadini tal-UE b'ċittadinanza doppja li qegħdin il-ħabs
PDF 141kWORD 46k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Settembru 2019 dwar l-Iran, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u ċ-ċittadini tal-UE b'ċittadinanza doppja miżmuma priġunieri (2019/2823(RSP))
P9_TA(2019)0019RC-B9-0089/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, notevolment dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Marzu 2019 dwar l-Iran, partikolarment is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem(1), tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar l-Iran, b'mod partikolari l-każ ta' Nasrin Sotoudeh(2), tal-31 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni ta' persuni b'ċittadinanza doppja UE-Iran mitfugħa l-ħabs(3), tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istrateġija tal-UE rigward l-Iran wara l-ftehim nukleari(4), tat-3 ta' April 2014 dwar l-istrateġija tal-UE rigward l-Iran(5), tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-piena tal-mewt(6) tas-17 ta' Novembru 2011 dwar l-Iran – każijiet reċenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem(7),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iran, tal-4 ta' Frar 2019, u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/560 tat-8 ta' April 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran, li jestendi b'sena, sat-13 ta' April 2020(8), il-miżuri restrittivi relatati ma' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, tat-8 ta' Frar 2019,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran ta' Settembru 2018, tal-30 ta' Jannar 2019 u tat-18 ta' Lulju 2019, u d-dikjarazzjoni tiegħu tas-16 ta' Awwissu 2019 dwar id-detenzjoni u s-sentenzi twal ta' ħabs mogħtija lil Mojgan Keshavarz, Monireh Arabshahi u Yasaman Aryani, tliet nisa Iranjani detenuti arbitrarjament talli pprotestaw pubblikament kontra l-ilbies obbligatorju tal-veli,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Novembru 2018 mill-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, bit-titolu "L-Iran jeħtieġ li jħares lid-difensuri tad-drittijiet tan-nisa",

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt, dwar it-tortura, dwar il-libertà tal-espressjoni kemm online kif ukoll offline, u dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-12 ta' Marzu 2019 dwar il-kundanna tal-avukatessa Iranjana tad-drittijiet tal-bniedem Nasrin Sotoudeh,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 (ICCPR), li l-Iran huwa parti għalih,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-17 ta' Diċembru 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni l-ġodda tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, li għandhom l-għan li jqiegħdu l-protezzjoni u l-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-politiki kollha tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Korp tal-Prinċipji għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha taħt Kwalunkwe Forma ta' Detenzjoni jew Priġunerija, tal-1988,

–  wara li kkunsidra r-Regoli Standard Minimi dwar it-Trattament tal-Priġunieri (magħrufa wkoll bħala "r-Regoli Nelson Mandela"), tal-2015,

–  wara li kkunsidra l-Karta tal-President Iranjan dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi f'dawn l-aħħar xhur, il-qrati rivoluzzjonarji Iranjani żiedu b'mod sostanzjali t-trażżin ta' atti paċifiċi ta' reżistenza min-naħa tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa li jipprotestaw kontra l-ilbies obbligatorju tal-hijab, inkluż it-tul tas-sentenzi ta' ħabs; billi, skont in-NU, mill-inqas 32 persuna ġew arrestati u mill-inqas 10 inżammu priġunieri mill-2018 talli pprotestaw kontra l-ilbies obbligatorju tal-hijab;

B.  billi l-attivisti Iranjani Mojgan Keshavarz, Monireh Arabshahi u Yasaman Aryani ġew detenuti b'mod arbitrarju f'April 2019 wara li ppubblikaw filmat online li fih huma jidhru mingħajr il-velu, ipprotestaw paċifikament kontra l-liġijiet tal-velu obbligatorju tal-Iran filwaqt li qassmu l-fjuri fuq il-metro ta' Tehran fit-8 ta' Marzu 2019, il-Jum Internazzjonali tan-Nisa; billi Sahar Khodayari, mara Iranjana detenuta talli ppruvat tara logħba futbol fi stadium, ħarqet lilha nnifisha sal-mewt bi protesta meta saret taf li kienet se tingħata sentenza ta' sitt xhur ħabs għall-azzjonijiet tagħha;

C.  billi f'Awwissu 2019, Mojgan Keshavarz, Yasaman Aryani, Monireh Arabshahi u Saba Kord-Afshari ngħataw sentenza ta' bejn 16-il sena u 24 sena priġunerija; billi dawn ġew imċaħħda mill-aċċess għall-avukati matul il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, u ġie rappurtat li r-rappreżentanti legali tagħhom kienu pprojbiti milli jirrappreżentawhom waqt il-proċess tagħhom; billi s-sentenzi tagħhom huma marbuta direttament mal-eżerċitar paċifiku tad-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda fid-difiża tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Iran;

D.  billi fis-27 ta' Awwissu 2019, il-qorti tal-prim'istanza kkundannat tliet attivisti tad-drittijiet tal-ħaddiema nisa – Sepideh Gholian, Sanaz Allahyari and Asal Mohammadi – fuq akkużi li jinkludu "assemblea u kollużjoni għal azzjoni kontra s-sigurtà nazzjonali"; billi rriżulta, fl-24 u l-31 ta' Awwissu, li Marzieh Amiri u Atefeh Rangriz, żewġ difensuri tad-drittijiet tal-ħaddiema nisa li kien ilhom detenuti minn meta ġew arrestati waqt protesta paċifika f'Jum il-Ħaddiem, ġew ikkundannati għal għaxar snin u nofs ħabs u 148 daqqa tal-frosta, u ħdax-il sena u nofs ħabs u 74 daqqa ta' frosta, rispettivament, fuq akkużi li jinkludu "assemblea u kollużjoni għal azzjoni kontra s-sigurtà nazzjonali", "propaganda kontra l-istat" u "l-ksur tal-ordni pubbliku";

E.  billi l-Iran ma rratifikax il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, adottata fl-1979 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU, billi l-Iran għandu firxa ta' liġijiet diskriminatorji, b'mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet legali relatati mal-istatus personali;

F.  billi persuni b'ċittadinanza doppja (waħda tal-UE u l-oħra Iranjana) qed ikomplu jiġu arrestati, u l-arrest jiġi segwit minn reklużjoni prolongata u interrogazzjonijiet, b'nuqqas ta' proċess dovut tal-liġi, nuqqas ta' proċess ġust u sentenzi ta' ħabs twal ibbażati fuq akkużi vagi jew mhux speċifiċi relatati mas-"sigurtà nazzjonali" u mal-"ispjunaġġ", kif ukoll kampanji ta' malafama sponsorjati mill-istat kontra l-persuni miżmuma priġunieri; billi l-Iran ma jirrikonoxxix iċ-ċittadinanza doppja, u b'hekk jillimita l-aċċess tal-ambaxxati barranin għaċ-ċittadini tagħhom b'ċittadinanza doppja miżmuma hemmhekk;

G.  billi mill-inqas sitt persuni b'ċittadinanza doppja, waħda tal-UE u l-oħra Iranjana, Nazanin Zaghari-Ratcliffe, Ahmadreza Djalali, Kamal Ahmady, Kamran Ghaderi, Massud Mossaheb u Morad Tahbaz, bħalissa jinsabu miżmuma priġunieri fl-Iran;

H.  billi Nazanin Zaghari-Ratcliffe, ċittadina Iranjana-Britannika impjegata mit-Thomson Reuters Foundation, ilha miżmuma priġuniera b'mod illeċitu fl-Iran mit-3 ta' April 2016, wara li kienet ilha xhur detenuta b'mod illeċitu, akkużata bi spjunaġġ, u sussegwentement miċħuda proċess liberu u ġust; billi hija ġiet ripetutament imċaħħda mill-kura medika, u dan wassal għad-deterjorament tas-saħħa fiżika u mentali tagħha; billi dan l-aħħar ġiet miċħuda l-aċċess għas-sejħiet telefoniċi internazzjonali, filwaqt li ż-żjarat familjari tagħha ġew limitati għal żjar waħda biss fix-xahar;

I.  billi Kameel Ahmady, antropologu soċjali Iranjan-Brittaniku, ilu mill-11 ta' Awwissu 2019 detenut f'Tehran fuq akkużi mhux żvelati; billi n-negozjant Morad Tahbaz, li għandu ċittadinanza Iranjana, Brittanika u tal-Istati Uniti, ġie detenut f'Jannar 2018 ma' mill-inqas disa' ambjentalisti, allegatament fuq akkużi ta' spjunaġġ;

J.  billi Ahmadreza Djalali, xjentist u tabib Żvediż imwieled fl-Iran, ilu jinżamm fil-ħabs ta' Evin minn April 2016, u ngħata sentenza tal-mewt f'Ottubru 2017 fuq akkużi ta' spjunaġġ abbażi ta' konfessjoni furzata allegata;

K.  billi Kamran Ghaderi, ċittadin Awstrijakk u Iranjan, kien is-CEO ta' kumpanija Awstrijaka tal-IT meta l-aġenti tal-Ministeru tal-Intelligence arrestawh mal-wasla tiegħu fl-ajruport internazzjonali ta' Tehran fit-2 ta' Jannar 2016, u ngħata sentenza ta' 10 snin ħabs fuq l-akkuża ta' "spjunaġġ għal stati għedewwa";

L.  billi fil-11 ta' Marzu 2019, Nasrin Sotoudeh, rebbieħa tal-Premju Sakharov 2012, difensur tad-drittijiet tal-bniedem u avukat ġiet ikkundannata in absentia għal 38 sena ħabs u 148 daqqa ta' frosta, fost l-oħrajn b'rabta max-xogħol tagħha ta' difiża tan-nisa akkużati talli pprotestaw kontra l-hijab obbligatorju; billi aktar minn miljun persuna ngħaqdu f'kampanja dinjija f'Ġunju biex jitolbu lill-Gvern Iranjan jeħles lis-Sa Sotoudeh;

M.  billi Atena Daemi u Golrock Ebrahimi Iraee ġew ikkundannati għal sitt snin ħabs f'Ottubru 2016; billi f'Settembru 2019 żidulhom sentejn addizzjonali mas-sentenza tagħhom, wara li ġew akkużati li "insultaw lill-mexxej suprem"; billi din is-sentenza ġie rrappurtat li ngħatat bi tpattija għall-protesti mid-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fil-ħabs;

N.  billi ġew irrappurtati diversi każijiet ta' kundizzjonijiet inumani u degradanti, partikolarment fil-ħabs ta' Evin, u ta' nuqqas ta' aċċess adegwat għall-kura medika matul id-detenzjoni fl-Iran, bi ksur tar-regoli standard minimi dwar it-trattament tal-priġunieri, tan-NU;

O.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-avukati u l-attivisti ambjentali, tat-trade unions u attivisti online fl-Iran għadhom qed jiffaċċjaw fastidju, arrest arbitrarju, detenzjoni u prosekuzzjoni minħabba xogħolhom;

P.  billi l-awtoritajiet qed ikomplu jikkriminalizzaw l-attiviżmu tad-drittijiet tal-bniedem u jużaw l-Artikolu 48 tal-Liġi tal-Proċedura Kriminali Iranjana biex jirrestrinġu l-aċċess tad-detenuti għal parir legali tal-għażla tagħhom u biex jiċħdulhom assistenza konsulari; billi m'hemm l-ebda mekkaniżmu indipendenti fi ħdan il-ġudikatura biex tiġi assigurata r-responsabbiltà;

Q.  billi l-UE adottat miżuri restrittivi relatati mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjonijiet fuq il-viża għal individwi u entitajiet responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll projbizzjoni fuq l-esportazzjoni lejn l-Iran ta' tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna u ta' tagħmir għas-sorveljanza tat-telekomunikazzjonijiet; billi dawn il-miżuri qed jiġu aġġornati regolarment u ser jibqgħu fis-seħħ;

R.  billi l-Iran qed ikompli japplika l-piena tal-mewt fuq bażi frekwenti; billi Narges Mohammadi, rebbieħa tal-Premju Per Anger, bħalissa qed tiskonta sentenza ta' sittax-il sena ħabs għall-kampanja tagħha biex tiġi abolita l-piena tal-mewt u għall-ħidma tagħha mar-rebbieħa tal-Premju Nobel Shirin Ebadi;

1.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jannullaw dawn is-sentenzi kollha u jeħilsu b'mod immedjat u mingħajr kundizzjonijiet lil Mojgan Keshavarz, Yasaman Aryani, Monireh Arabshahi, Saba Kord-Afshari u Atena Daemi bħala difensuri tad-drittijiet tan-nisa li qed jipprotestaw kontra l-hijab obbligatorju; jitlob ukoll il-ħelsien ta' Nasrin Sotoudeh, Narges Mohammadi, Sepideh Gholian, Sanaz Allahyari, Asal Mohammadi, Marzieh Amiri u Atefeh Rangriz, u tad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem li ntbagħtu l-ħabs u kkundannati sempliċement għaliex eżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' assemblea paċifika;

2.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi r-repressjoni kontinwa fuq in-nisa għaliex joġġezzjonaw għall-ilbies obbligatorju tal-velu u għaliex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika; jistieden lill-Gvern Iranjan jirrispetta l-libertà tan-nisa Iranjani li jagħżlu l-kodiċi ta' lbies tagħhom stess;

3.  Jenfasizza li l-awtoritajiet Iranjani jridu f'kull ċirkostanza jiżguraw li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avukati u l-ġurnalisti jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom b'mod ħieles mit-theddid, l-intimidazzjoni u l-impediment, u jitlob li l-ġudikatura Iranjana ttemm il-fastidju permanenti; iħeġġeġ lill-ġudikatura Iranjana ttemm iċ-ċensura online u tirrispetta d-drittijiet universali tal-bniedem tal-persuni kollha, b'mod partikolari d-drittijiet tagħhom għal espressjoni libera online u offline;

4.  Ifaħħar u jappoġġa lin-nisa Iranjani li jibqgħu jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem minkejja d-diffikultajiet u r-riperkussjonijiet personali li qed jiffaċċjaw;

5.  Jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' progress li sar fil-każijiet li jirrigwardaw persuni b'ċittadinanza doppja UE-Iranjana detenuti fl-Iran; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-persuni b'ċittadinanza doppja UE-Iranjana kollha, inklużi Nazanin Zaghari-Ratcliffe, Ahmadreza Djalali, Kamal Ahmady, Kamran Ghaderi, Massud Mossaheb u Morad Tahbaz, li bħalissa jinsabu detenuti f'ħabsijiet Iranjani, sakemm ma jiġux ipproċessati mill-ġdid skont standards internazzjonali; jikkundanna l-prattika kontinwa ta' detenzjoni ta' persuni b'ċittadinanza doppja UE-Iranjana min-naħa tal-ġudikatura Iranjani wara proċessi inġusti;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jikkooperaw mingħajr aktar dewmien mal-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE f'Tehran sabiex jippermettu li tiġi stabbilita lista komprensiva ta' persuni b'ċittadinanza doppja UE-Iranjana li attwalment qed jinżammu fil-ħabsijiet Iranjani, u biex jimmonitorjaw mill-qrib kull każ individwali, peress li s-sigurtà taċ-ċittadini u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom huma tal-ogħla importanza għall-UE;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jirrevedu d-dispożizzjonijiet legali li jiddiskriminaw kontra n-nisa, b'mod partikolari dawk relatati mal-istatus personali tagħhom; jilqa' l-introduzzjoni mill-Parlament Iranjan tal-abbozz ta' liġi dwar il-protezzjoni tan-nisa mill-vjolenza u jenfasizza l-ħtieġa għal leġiżlazzjoni komprensiva li tiddefinixxi u tikkriminalizza b'mod speċifiku kull forma ta' vjolenza sessista kontra n-nisa;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw li n-nisa jingħataw aċċess għall-istadiums kollha, mingħajr diskriminazzjoni jew riskju ta' persekuzzjoni;

9.  Itenni s-sejħa tiegħu lill-awtoritajiet Iranjani jemendaw l-Artikolu 48 tal-Liġi dwar il-Proċedura Kriminali tal-pajjiż biex jiżguraw li l-konvenuti kollha jkollhom id-dritt li jkunu rappreżentati minn avukat tal-għażla tagħhom kif ukoll proċess ġust skont l-impenji tal-Iran taħt il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

10.  Jistieden lill-Parlament Iranjan jemenda l-liġijiet kriminali dwar is-sigurtà nazzjonali li jintużaw regolarment għall-prosekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-attivisti ambjentali u tat-trade unions u membri ta' minoranzi reliġjużi u etniċi, u li jmorru kontra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi ratifikat mill-Iran;

11.  Jikkundanna l-prattika kontinwa ta' ċaħda intenzjonata tal-kura medika lill-priġunieri; jiddeplora t-tortura sistematika fil-ħabsijiet Iranjani u jitlob il-waqfien immedjat ta' kull forma ta' tortura u trattament ħażin tad-detenuti kollha; jikkundanna l-prattika li ċċaħħad l-aċċess għat-telefon u għal żjarat familjari għad-detenuti;

12.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u bla riserva tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Iran huwa firmatarju tiegħu; iħeġġeġ lill-Iran jaderixxi mal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;

13.  Jinnota l-emendi għal-liġi dwar it-traffikar tad-droga, li għandhom inaqqsu l-għadd ta' sentenzi tal-piena kapitali;

14.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-piena kapitali, inkluż l-użu tagħha kontra delinkwenti minorenni; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jintroduċu moratorju immedjat bħala pass fundamentali lejn l-abolizzjoni tagħha;

15.  Jistieden lill-Iran jikkoopera mar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, inkluż billi jippermettilu jidħol fil-pajjiż;

16.  Iħeġġeġ koordinazzjoni qawwija fost l-ambaxxati tal-UE akkreditati f'Tehran; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha bi preżenza diplomatika f'Tehran jużaw il-mekkaniżmi previsti fil-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jappoġġaw u jipproteġu dawn l-individwi, b'mod partikolari d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u persuni tal-UE b'ċittadinanza doppja, inkluż permezz ta' dikjarazzjonijiet pubbliċi, inizjattivi diplomatiċi, monitoraġġ ta' proċessi u żjarat fil-ħabs;

17.  Jitlob li l-UE, inkluż il-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tkompli tqajjem tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Iranjani f'fora bilaterali u multilaterali u biex tuża l-impenji ppjanati kollha mal-awtoritajiet Iranjani għal dak il-għan, b'mod partikolari fil-kuntest tad-Djalogu Politiku ta' Livell Għoli bejn l-UE u l-Iran;

18.  Jistieden lis-SEAE jirrapporta lura dwar l-azzjonijiet meħuda fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament dwar l-Iran;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Iran.

(1) Testi adottati, P8_TA(2019)0204.
(2) Testi adottati, P8_TA(2018)0525.
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0231.
(4) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 86.
(5) ĠU C 408, 30.11.2017, p. 39.
(6) ĠU C 349, 17.10.2017, p. 41.
(7) ĠU C 153E, 31.5.2013, p. 157.
(8) ĠU L 98, 9.4.2019, p. 1.


L-għoti ta' privattivi għall-pjanti u l-proċessi essenzjalment bijoloġiċi
PDF 128kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-għoti ta' privattivi għall-pjanti u l-proċessi essenzjalment bijoloġiċi (2019/2800(RSP))
P9_TA(2019)0020RC-B9-0040/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 fuq il-privattivi ta' proċessi bijoloġiċi essenzjali(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-privattivi u d-drittijiet ta' min inissel il-pjanti(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 1998 dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi(3), b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha, li jiddikjara li l-prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi m'għandhomx ikunu s-suġġett ta' privattiva,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi (KEP) tal-5 ta' Ottubru 1973, b'mod partikolari l-Artikolu 53(b) tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-KEP, b'mod partikolari l-Artikolu 26 tagħhom, li jiddikjara li għal applikazzjonijiet għal privattivi Ewropej u privattivi Ewropej li jikkonċernaw invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, id-Direttiva 98/44/KE għandha tintuża bħala mezz ta' interpretazzjoni supplementari,

–  wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 2016 dwar ċerti artikoli tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Marzu 2017 dwar l-Avviż tal-Kummissjoni dwar ċerti artikoli tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi(5),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Amministrattiv tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi tad-29 ta' Ġunju 2017 li temenda l-Artikoli 27 u 28 tar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-KEP (CA/D 6/17)(6),

–  wara li kkunsidra r-rinviju ta' bosta mistoqsijiet dwar id-deċiżjoni T 1063/18 tal-Bord Tekniku tal-Appell 3.3.04 tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) tal-5 ta' Diċembru 2018 lill-Bord tal-Appell Estiż tal-UEP mill-President tal-UEP(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta' Lulju 1994 dwar drittijiet ta' varjetajiet ta' pjanti fil-Komunità(8) (minn hawn 'il quddiem ir-"Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94"), b'mod partikolari l-Artikolu 15(c) tiegħu, li jipprevedi l-eżenzjoni għal min inissel,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ, inkluż il-Kummerċ ta' Oġġetti Ffalsifikati (TRIPS), b'mod partikolari l-Artikolu 27(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-aċċess ħieles għall-materjal tal-pjanti (inklużi l-karatteristiċi tal-pjanti) huwa assolutament essenzjali għall-kapaċità innovattiva tas-setturi Ewropej tat-tnissil tal-pjanti u tal-biedja, għall-kompetittività tagħhom u għall-iżvilupp ta' varjetajiet ta' pjanti ġodda sabiex tiġi garantita s-sigurtà tal-ikel fuq livell globali, jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u jiġu evitati monopolji fis-settur tat-tnissil, filwaqt li fl-istess ħin jingħataw aktar opportunitajiet lill-SMEs u lill-bdiewa;

B.  billi kull restrizzjoni jew tentattiv biex jiġi ostakolat l-aċċess għal riżorsi ġenetiċi, jistgħu jwasslu għal konċentrazzjoni eċċessiva tas-suq fil-qasam tat-tnissil tal-pjanti, għad-detriment tal-kompetizzjoni tas-suq, tal-konsumaturi u tas-suq intern Ewropew kif ukoll tas-sigurtà tal-ikel;

C.  billi privattivi fuq prodotti li ġejjin minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi jew fuq materjal ġenetiku meħtieġ għat-tnissil konvenzjonali jistgħu jikkompromettu l-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 53(b) tal-KEP u fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/44/KE;

D.  billi l-prodotti li ġejjin minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi, bħal pjanti, żrieragħ, karatteristiċi awtoktoni u ġeni, iridu jiġu esklużi mill-għoti ta' privattivi;

E.  billi t-tnissil tal-pjanti u tal-annimali huwa proċess li ilu jintuża mill-bdiewa u l-komunitajiet tal-biedja sa mill-ħolqien tal-agrikoltura, u billi l-użu mingħajr restrizzjonijiet tal-varjetajiet u l-metodi ta' tnissil huwa importanti għad-diversità ġenetika;

F.  billi d-Direttiva 98/44/KE tirregola l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, b'mod partikolari l-inġinerija ġenetika;

G.  billi fl-Avviż tagħha tat-8 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-UE meta adotta d-Direttiva 98/44/KE kienet li jeskludi mill-għoti ta' privattivi prodotti miksuba permezz ta' proċessi essenzjalment bijoloġiċi;

H.  billi l-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tat-3 ta' Frar 2017 laqa' l-Avviż tal-Kummissjoni; billi l-leġiżlaturi kollha tal-UE involuti għamluha espliċitament ċara li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-UE meta adotta d-Direttiva 98/44/KE kienet li jeskludi mill-għoti ta' privattivi prodotti miksuba permezz ta' proċessi essenzjalment bijoloġiċi;

I.  billi fid-29 ta' Ġunju 2017 il-Kunsill Amministrattiv tal-UEP emenda l-Artikoli 27 u 28 tar-Regoli ta' Implimentazzjoni tal-KEP(9) u ddetermina li l-privattivi għall-pjanti u l-annimali li ġejjin minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi huma projbiti;

J.  billi t-38 Stat Kontraenti għall-KEP ikkonfermaw li l-liġi u l-prattika nazzjonali tagħhom huma allinjati biex jeskludu b'mod effikaċi l-prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi mill-għoti ta' privattivi;

K.  billi l-istati kontraenti għall-KEP esprimew it-tħassib tagħhom fir-rigward tal-inċertezza tad-dritt ikkawżata mid-deċiżjoni T 1063/18(10) tal-5 ta' Diċembru 2018 tal-Bord Tekniku tal-Appell 3.3.04;

L.  billi sar rinviju ta' din id-deċiżjoni lill-Bord tal-Appell Estiż tal-UEP mill-President tal-UEP waqt il-159 laqgħa tal-Kunsill Amministrattiv f'Marzu 2019;

M.  billi għadd kbir ta' applikazzjonijiet fir-rigward ta' prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi qed jistennew deċiżjoni mill-UEP, u dan qed iħalli lill-applikanti, flimkien ma' dawk kollha affettwati minn dawn il-privattivi, fi bżonn kbir ta' ċertezza tad-dritt dwar il-validità tal-Artikolu 28(2);

N.  billi huwa prinċipju fundamentali tas-sistema internazzjonali tad-drittijiet fuq varjetajiet ta' pjanti bbażata fuq il-Konvenzjoni tal-UPOV tal-1991, u tas-sistema tal-UE bbażata fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, li d-detentur ta' dritt fuq varjetà ta' pjanta ma jistax iwaqqaf lil oħrajn milli jużaw il-varjetà ta' pjanta protetta għal attivitajiet ta' tnissil ulterjuri;

1.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Tekniku 3.3.04 tal-UEP tal-5 ta' Diċembru 2018 (T 1063/18), li toħloq sitwazzjoni ta' inċertezza tad-dritt;

2.  Itenni li l-varjetajiet tal-pjanti u tal-annimali, inklużi partijiet u karatteristiċi, proċessi essenzjalment bijoloġiċi, kif ukoll prodotti li ġejjin minn tali proċessi, bl-ebda mod ma jistgħu jingħataw privattivi fir-rigward tagħhom, skont id-Direttiva 98/44/KE u l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-UE;

3.  Iqis li r-regoli tal-UEP għat-teħid ta' deċiżjonijiet m'għandhomx jimminaw il-kontroll politiku demokratiku tal-liġi Ewropea dwar il-privattivi u l-interpretazzjoni tagħha u l-intenzjoni tal-leġiżlatur kif iċċarata mill-Avviż tal-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 2016 dwar ċerti artikoli tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi;

4.  Iqis li kwalunkwe tentattiv biex jingħataw privattivi għal prodotti derivati mit-tnissil konvenzjonali, inklużi l-inkroċjar u l-għażla, jew għal materjal ġenetiku meħtieġ għat-tnissil konvenzjonali, jimmina l-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 53(b) tal-KEP u fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/44/KE;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu dak kollu li jinsab fis-setgħa tagħhom biex jiksbu mill-UEP ċarezza tad-dritt fir-rigward tal-projbizzjoni tal-għoti ta' privattivi għal prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi;

6.  Jilqa' l-Avviż tal-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 2016 li jiċċara li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-UE meta adotta d-Direttiva 98/44/KE kienet li jeskludi mill-għoti ta' privattivi l-prodotti li jinkisbu permezz ta' proċessi essenzjalment bijoloġiċi; jilqa' l-allinjament, mill-Istati Kontraenti għall-KEP, tal-liġi u l-prattika tagħhom, u d-deċiżjoni tal-Kunsill Amministrattiv tal-UEP li tiċċara l-kamp ta' applikazzjoni u t-tifsira tal-Artikolu 53(b) tal-KEP fir-rigward tal-eċċezzjonijiet għall-għoti ta' privattivi;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproteġu l-kapaċità innovattiva tas-setturi Ewropej tat-tnissil tal-pjanti u tal-biedja, u l-interess pubbliku ġenerali, u jiżguraw li l-Unjoni se tissalvagwardja b'mod effikaċi l-aċċess garantit għall-materjal miksub minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi, u l-użu ta' tali materjal, għat-tnissil tal-pjanti, sabiex – meta jkun applikabbli – ma jkunx hemm interferenzi mal-prattiki li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bdiewa u l-eżenzjoni ta' min inissel;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tippreżenta amicus curiae qabel l-1 ta' Ottubru 2019 quddiem il-Bord tal-Appell Estiż tal-UEP, li ssaħħaħ il-konklużjonijiet stabbiliti fl-Avviż tagħha tal-2016 li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-UE meta adotta d-Direttiva 98/44/KE kienet li jiġu esklużi mill-għoti ta' privattivi l-prodotti li jinkisbu permezz ta' proċessi essenzjalment bijoloġiċi, u li tehmeż din ir-riżoluzzjoni mad-dikjarazzjoni tagħha;

9.  Jistieden lill-Bord tal-Appell Estiż tal-UEP jistabbilixxi mill-ġdid, mingħajr dewmien, iċ-ċertezza tad-dritt billi jwieġeb fl-affermattiv il-mistoqsijiet kollha li ġew rinvijati lilu mill-President tal-UEP fl-interess ta' min inissel, tal-bdiewa u tal-pubbliku;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha b'mod attiv ma' pajjiżi terzi meta tinnegozja ftehimiet ta' kummerċ u ta' sħubija, bl-għan li tiġi żgurata l-esklużjoni ta' proċessi essenzjalment bijoloġiċi mill-għoti ta' privattivi;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur l-esklużjoni mill-għoti ta' privattivi ta' proċessi essenzjalment bijoloġiċi, u l-prodotti tagħhom, fil-kuntest ta' diskussjonijiet dwar l-armonizzazzjoni tal-liġi multilaterali tal-privattivi;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-iżvilupp u l-implikazzjonijiet tad-dritt tal-privattivi fil-qasam tal-bijoteknoloġija u l-inġinerija ġenetika, kif jirrikjedi l-Artikolu 16(c) tad-Direttiva 98/44/KE u kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 fuq il-privattivi u d-drittijiet ta' dawk li jnisslu l-pjanti, u sabiex tkompli tanalizza kwistjonijiet relatati mal-kamp ta' applikazzjoni tal-protezzjoni tal-privattivi;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni għall-inklużjoni tagħha f’dikjarazzjoni bil-miktub lill-Bord tal-Appell Estiż tal-UEP sal-1 ta' Ottubru 2019, u lill-Kunsill.

(1) ĠU C 261 E, 10.9.2013, p. 31.
(2) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 188.
(3) ĠU L 213, 30.7.1998, p. 13.
(4) ĠU C 411, 8.11.2016, p. 3.
(5) ĠU C 65, 1.3.2017, p. 2.
(6) Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UEP, A56, 31.7.2017.
(7) Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UEP, A52, 31.5.2019.
(8) ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1.
(9) Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UEP, A56, 31.7.2017 (CA/D 6/17).
(10) https://www.epo.org/news-issues/news/2019/20190329.html


L-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa
PDF 134kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa (2019/2819(RSP))
P9_TA(2019)0021RC-B9-0097/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji universali tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea bħala komunità msejsa fuq valuri komuni,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa fit-22 ta' Awwissu 2019 mill-Ewwel Viċi President Timmermans u l-Kummissarju Jourová qabel il-Jum ta' Tifkira fl-Ewropa kollha għall-vittmi tar-reġimi totalitarji u awtoritarji kollha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem adottata fl-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2005 dwar is-60 anniversarju ta' tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropea fit-8 ta' Mejju 1945(1),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1481 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-26 ta' Jannar 2006 dwar il-ħtieġa ta' kundanna internazzjonali tad-delitti tar-reġimi totalitarji Komunisti,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(2),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Praga dwar il-Kuxjenza Ewropea u l-Komuniżmu, adottata fit-3 ta' Ġunju 2008,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-proklamazzjoni tat-23 ta' Awwissu bħala l-Jum Ewropew ta' Tifkira tal-Vittmi tal-Istaliniżmu u tan-Naziżmu, adottata fit-23 ta' Settembru 2008(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2009 dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu(4),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-22 ta' Diċembru 2010 bit-titolu "Il-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji fl-Ewropa" (COM(2010)0783),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 u l-10 ta' Ġunju 2011 dwar il-memorja tad-delitti mwettqa minn reġimi totalitarji fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Varsavja tat-23 ta' Awissu 2011 fl-okkażjoni tal-Jum ta' Tifkira tal-Vittmi tar-Reġimi Totalitarji,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-23 ta' Awwissu 2018 tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE biex jikkommemoraw lill-vittmi tal-Komuniżmu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni storika tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja, adottata fit-13 ta' Jannar 1983 b'reazzjoni għall-"Appell Baltiku" ta' 45 ċittadin minn dawn il-pajjiżi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet dwar id-delitti tar-reġimi totalitarji Komunisti adottati minn għadd ta' parlamenti nazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi din hija s-sena tat-80 anniversarju mindu faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, li wasslet għal livelli bla preċedenti ta' tbatija umana u kkundannat lil pajjiżi fl-Ewropa għal bosta deċennji ta' okkupazzjoni;

B.  billi 80 sena ilu, fit-23 ta' Awwissu 1939, l-Unjoni Sovjetika Komunista u l-Ġermanja Nazista ffirmaw Trattat ta' Non-Aggressjoni, magħruf bħala l-Patt Molotov-Ribbentrop, u l-protokolli sigrieti tiegħu, li qassam l-Ewropa u lit-territorji tal-istati indipendenti bejn żewġ reġimi totalitarji u ġabarhom fi sferi ta' interess, ħaġa li wittiet it-triq biex tfaqqa' it-Tieni Gwerra Dinjija;

C.  billi, bħala konsegwenza diretta tal-Patt Molotov-Ribbentrop, li ġie segwit bit-Trattat dwar il-Konfini u l-Ħbiberija bejn in-Nazisti u s-Sovjetiċi tat-28 ta' Settembru 1939, ir-Repubblika Pollakka ġiet invaduta l-ewwel minn Hitler u ġimagħtejn wara minn Stalin – fatt li ċaħħad lill-pajjiż mill-indipendenza tiegħu u li kien traġedja bla preċedenti għall-poplu Pollakk – l-Unjoni Sovjetika Komunista bdiet gwerra aggressiva kontra l-Finlandja fit-30 ta' Novembru 1939, u f'Ġunju 1940 okkupat u annettiet partijiet mir-Rumanija – territorji li qatt ma traddew lura – u annettiet ir-repubbliki indipendenti tal-Litwanja, tal-Latvja u tal-Estonja;

D.  billi wara d-disfatta tar-reġim Nazista u t-tmien tat-Tieni Gwerra Dinjija, xi pajjiżi Ewropej kienu kapaċi jerġgħu jibnu u jidħlu fi proċess ta' rikonċiljazzjoni, filwaqt li pajjiżi Ewropej oħra baqgħu taħt dittatorjati – xi wħud taħt okkupazzjoni jew influwenza Sovjetika diretta – għal nofs seklu u komplew jiġu mċaħħda mil-libertà, mis-sovranità, mid-dinjità, mid-drittijiet tal-bniedem u mill-iżvilupp soċjoekonomiku;

E.  billi minkejja li d-delitti tar-reġim Nazista ġew iġġudikati u kkastigati permezz tal-proċessi ta' Nuremberg, għad hemm bżonn urġenti ta' sensibilizzazzjoni, li jitwettqu valutazzjonijiet morali u li jsiru inkjesti ġuridiċi dwar id-delitti tal-Istaliniżmu u ta' dittatorjati oħra;

F.  billi f'xi Stati Membri, l-ideoloġiji tal-Komuniżmu u tan-Naziżmu huma pprojbiti bil-liġi;

G.  billi l-integrazzjoni Ewropea, mill-bidu tagħha, kienet tweġiba għat-tbatija kkawżata miż-żewġ gwerer dinjija u mit-tirannija Nazista li wasslet għall-Olokawst, u għat-tifrix tar-reġimi totalitarji u Komunisti mhux demokratiċi fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u kienet ukoll mod li bih setgħu jingħelbu il-qasmiet profondi u l-ostilità fl-Ewropa permezz tal-kooperazzjoni u tal-integrazzjoni u biex tintemm il-gwerra u tiġi żgurata d-demokrazija fl-Ewropa, billi għall-pajjiżi Ewropej li batew taħt l-okkupazzjoni Sovjetika u d-dittaturjati Komunisti, it-tkabbir tal-UE, li beda fl-2004, ifisser li ġew lura fil-familja Ewropea li lilha jappartienu;

H.  billi l-memorji tal-imgħoddi traġiku tal-Ewropa għandhom jinżammu ħajjin, sabiex jiġu onorati l-vittmi, jiġu kkundannati dawk li wettqu d-delitti u jitħejjew il-pedamenti għal rikonċiljazzjoni msejsa fuq il-verità u fuq it-tifkira,

I.  billi t-tifkira tal-vittmi tar-reġimi totalitarji u r-rikonoxximent tal-wirt Ewropew kondiviż tad-delitti mwettqa mid-dittatorjat-Komunist, minn dak Nazist u minn dittatorjati oħra, kif ukoll is-sensibilizzazzjoni dwaru, huma ta' importanza vitali għall-għaqda tal-Ewropa u tal-poplu tagħha u għall-bini tar-reżiljenza Ewropea għat-theddid estern ta' żmienna;

J.  billi 30 sena ilu, fit-23 ta' Awwissu 1989, ġie mfakkar il-50 anniversarju tal-Patt Molotov-Ribbentrop u l-vittmi tar-reġimi totalitarji ġew imfakkra fil-Katina Baltika, dimostrazzjoni bla preċedenti minn żewġ miljun Litwan, Latvjan u Estonjan li qabdu id f'id biex iffurmaw katina ta' ħajja li bdiet minn Vilnius, għaddiet minn Riga u spiċċat Tallinn;

K.  billi minkejja l-fatt li fl-24 ta' Diċembru 1989 il-Kungress tad-Deputati tal-Poplu tal-URSS ikkundanna l-iffirmar tal-Patt Molotov-Ribbentrop, kif ukoll ftehimiet oħra li saru mal-Ġermanja Nazista, f'Awwissu 2019 l-awtoritajiet Russi ċaħdu r-responsabbiltà għal dan il-ftehim u l-konsegwenzi tiegħu u attwalment qegħdin jippromwovu l-idea li l-Polonja, l-Istati Baltiċi u l-Punent huma dawk li fil-verità instigaw it-Tieni Gwerra Dinjija;

L.  billi t-tifkira tal-vittmi tar-reġimi totalitarji u awtoritarji u r-rikonoxximent tal-wirt Ewropew kondiviż tad-delitti mwettqa mid-dittatorjat Stalinist, minn dak Nazist u minn dittatorjati oħra, kif ukoll is-sensibilizzazzjoni dwaru, huma ta' importanza vitali għall-għaqda tal-Ewropa u tal-poplu tagħha u għall-bini tar-reżiljenza Ewropea għat-theddid estern ta' żmienna;

M.  billi l-gruppi u l-partiti politiċi li huma apertament radikali, razzisti u ksenofobi kienu qegħdin ixewxu għall-mibegħda u l-vjolenza fis-soċjetà, pereżempju permezz tat-tixrid online ta' diskors ta' mibegħda, li spiss iwassal biex jiżdiedu l-vjolenza, il-ksenofobija u l-intolleranza;

1.  Ifakkar li, kif hemm minqux fl-Artikolu 2 tat-TUE, l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jappartienu lil minoranza; ifakkar li dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri kollha;

2.  Jisħaq fuq il-fatt li t-Tieni Gwerra Dinjija, l-aktar gwerra devastanti fl-istorja tal-Ewropa, inbdiet b'riżultat dirett tat-Trattat ta' Non-Aggressjoni bejn in-Nazisti u s-Sovjetiċi tat-23 ta' Awwissu 1939, magħruf ukoll bħala l-Patt Molotov-Ribbentrop, u l-protokolli sigrieti tiegħu, fejn żewġ reġimi totalitarji li kellhom l-objettiv komuni li jaħkmu d-dinja qasmu l-Ewropa f'żewġ żoni ta' influwenza;

3.  Ifakkar li r-reġimi Nazista u Komunista kkommettew qtil tal-massa, ġenoċidju u deportazzjonijiet u kkawżaw telf ta' ħajja u ta' libertà fis-seklu 20 fuq skala li l-istorja tal-bniedem qatt ma kienet rat bħalu qabel, u jfakkar fid-delitt tal-waħx tal-Olokawst li wettaq ir-reġim Nazista; Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-atti ta' aggressjoni, id-delitti kontra l-umanità u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fuq skala wiesgħa mwettqa min-Nazisti, mill-Komunisti u minn reġimi totalitarji oħra;

4.  Jesprimi r-rispett kbir tiegħu għal kull vittma ta' dawn ir-reġimi totalitarji u jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-atturi kollha tal-UE jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw li l-delitti totalitarji orribbli kontra l-umanità u l-ksur gravi u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem jitfakkru u jinġiebu quddiem il-qrati, u biex jiggarantixxu li tali delitti qatt ma jiġu ripetuti; jisħaq fuq l-importanza li l-memorji tal-imgħoddi jinżammu ħajjin, għaliex ma jistax ikun hemm rikonċiljazzjoni mingħajr tifkira, u jtenni l-pożizzjoni soda tiegħu kontra kull ħakma totalitarja minn kwalunkwe sfond ideoloġiku;

5.  Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jagħmlu valutazzjoni ċara u bi prinċipju tad-delitti u l-atti ta' aggressjoni mwettqa mir-reġimi totalitarji Komunisti u mir-reġim Nazista;

6.  Jikkundanna l-manifestazzjonijiet kollha u t-tixrid ta' ideoloġiji totalitarji, bħan-Naziżmu u l-Istaliniżmu, fl-UE;

7.  Jikkundanna r-reviżjoniżmu u l-glorifikazzjoni storiċi ta' kollaboraturi Nazisti f'xi Stati Membri tal-UE; jinsab imħasseb sew dwar iż-żieda tal-aċċettazzjoni ta' ideoloġiji radikali, u r-riverżjoni għall-faxxiżmu, ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza fl-Unjoni Ewropea, u jinsab inkwetat bir-rapporti f'xi Stati Membri ta' kollużjoni bejn il-mexxejja politiċi, il-partiti politiċi u l-entitajiet tal-infurzar tal-liġi u l-movimenti radikali, razzisti u ksenofobiċi ta' denominazzjonijiet politiċi differenti; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex dawn l-atti jikkundannawhom bl-aktar mod qawwi possibbli, peress li jdgħajfu l-valuri tal-UE, il-paċi, il-libertà u d-demokrazija;

8.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jikkommemoraw it-23 ta' Awwissu bħala l-Jum Ewropew ta' Tifkira għall-vittmi tar-reġimi totalitarji kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali, u biex jissensibilizzaw lill-ġenerazzjoni żagħżugħa dwar dawn il-kwistjonijiet, billi jinkludu l-istorja u l-analiżi tal-konsegwenzi tar-reġimi totalitarji fil-kurrikuli u fil-kotba tal-iskejjel kollha fl-UE; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jappoġġaw id-dokumentazzjoni tal-imgħoddi mimli inkwiet tal-Ewropa, pereżempju permezz tat-traduzzjoni tal-proċedimenti tal-Proċessi ta' Nuremberg fil-lingwi kollha tal-UE;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jikkundannaw u jikkontrobattu kull forma ta' ċaħda tal-Olokawst, inklużi t-trivjalizzazzjoni u l-minimizzazzjoni tad-delitti mwettqa min-Nazisti u l-kollaboraturi tagħhom, u jipprevjenu t-trivjalizzazzjoni fid-diskors politiku u medjatiku;

10.  Jappella għal kultura komuni ta' tifkira li twarrab id-delitti tar-reġimi Faxxisti, Stalinisti, u r-reġimi totalitarji u awtoritarji oħra tal-imgħoddi bħala mod kif titrawwem ir-reżiljenza kontra t-theddid modern għad-demokrazija, b'mod partikolari fost il-ġenerazzjonijiet aktar żagħżugħa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni permezz tal-kultura tradizzjonali dwar id-diversità tas-soċjetà tagħna u dwar l-istorja komuni tagħna, inkluża edukazzjoni dwar l-atroċitajiet tat-Tieni Gwerra Dinjija, bħall-Olokawst u d-diżumanizzazzjoni sistematika tal-vittmi tagħha tul għadd ta' snin;

11.  Jitlob, barra minn hekk, li l-25 ta' Mejju (anniversarju tal-eżekuzzjoni tal-Kaptan Witold Pilecki, eroj ta' Auschwitz) jiġi pproklamat "Jum Internazzjonali tal-Eroj tal-Ġlieda kontra t-Totalitariżmu", bħala turija ta' rispett u ġieħ lil dawk kollha li, huma u jiġġieldu t-tirannija, taw xhieda tal-eroiżmu tagħhom u ta' mħabba vera fil-konfront tal-umanità, u b'hekk taw lill-ġenerazzjonijiet tal-futur eżempju ċar tal-imġiba ġusta li għandha tiġi adottata quddiem it-theddida tat-tjassir totalitarju;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ effikaċi għall-proġetti ta' memorja storika u l-kommemorazzjoni fl-Istati Membri u għall-attivitajiet tal-Pjattaforma tal-Memorja u tal-Kuxjenza Ewropej, u talloka riżorsi finanzjarji adegwati fil-qafas tal-programm Ewropa għaċ-Ċittadini sabiex tappoġġja t-tifkira u l-kommemorazzjoni tal-vittmi tat-totalitariżmu, kif stabbilit fil-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri 2021-2027;

13.  Jiddikjara li l-integrazzjoni Ewropea bħala mudell għall-paċi u għar-rikonċiljazzjoni kienet għażla ħielsa mill-popli tal-Ewropa biex jimpenjaw ruħhom lejn futur kondiviż u li l-Unjoni Ewropea għandha responsabilità partikolari biex tippromwovi u tissalvagwardja d-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt, mhux biss fl-Unjoni Ewropea iżda wkoll barra minnha;

14.  Josserva li meta l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant ingħaqdu mal-UE u man-NATO, huma mhux biss irritornaw għall-familja Ewropea ta' pajjiżi demokratiċi ħielsa, iżda wrew ukoll suċċess, bl-għajnuna tal-UE, fir-riformi u l-iżvilupp soċjoekonomiku; jisħaq, madankollu, fuq il-punt li din l-għażla għandha tibqa' miftuħa għal pajjiżi oħra Ewropej kif stipulat fl-Artikolu 49 tat-TUE;

15.  Isostni li r-Russja għadha l-akbar vittma tat-totalitarjaniżmu Komunista u li l-iżvilupp tagħha fi stat demokratiku se jkompli jiġi mxekkel sakemm il-gvern, l-elite politiku u l-propaganda politika jkomplu jgħattu d-delitti Komunisti u jigglorifikaw ir-reġim totalitarju Sovjetiku; jistieden, għaldaqstant, lis-soċjetà Russa taċċetta l-imgħoddi traġiku tagħha;

16.  Jinsab inkwetat sew bl-isforzi tat-tmexxija Russa attwali biex tgħawweġ il-fatti storiċi u tgħatti d-delitti mwettqa mir-reġim totalitarju Sovjetiku, u jqis dawn l-isforzi bħala komponent perikoluż tal-gwerra ta' informazzjoni li qed issir kontra l-Ewropa demokratika bl-iskop li taqsam l-Ewropa, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni deċiżiva kontra dawn l-isforzi;

17.  Jesprimi tħassib minħabba l-użu kontinwu tas-simboli tar-reġim Sovjetiku fl-isferi pubbliċi u għal finijiet kummerċjali, u jfakkar li għadd ta' pajjiżi Ewropej introduċew projbizzjoni fuq l-użu ta' simboli kemm Nazisti kif ukoll Komunisti;

18.  Jinnota li f'xi Stati Membri għadhom jeżistu monumenti u memorjali fi spazji pubbliċi (parks, pjazez, toroq, eċċ.) li jigglorifikaw ir-reġimi totalitarji, u dan joħloq kundizzjonijiet għal distorsjoni tal-fatti storiċi dwar il-konsegwenzi tat-Tieni Gwerra Dinjija u għat-tixrid tas-sistema politika totalitarja;

19.  Jikkundanna l-fatt li l-forzi politiċi estremisti u ksenofobiċi fl-Ewropa qegħdin jirrikorru dejjem aktar għad-distorsjoni tal-fatti storiċi, jagħmlu użu minn simboliżmu u retorika li jfakkru aspetti ta' propaganda totalitarja, inklużi r-razziżmu, l-anti-Semitiżmu u l-mibegħda lejn minoranzi sesswali jew ta' tip ieħor;

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw il-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill, sabiex jiġġieldu kontra organizzazzjonijiet li jxerrdu diskors ta' mibegħda u vjolenza fi spazji pubbliċi u online, u jipprojbixxu b'mod effettiv il-gruppi neo-Faxxisti u neo-Nażisti kif ukoll kwalunkwe fondazzjoni jew assoċjazzjoni oħra li jfaħħru u jigglorifikaw in-Naziżmu u l-Faxxiżmu jew kwalunkwe forma oħra ta’ totalitarjaniżmu, fir-rispett tal-ordinament ġuridiku nazzjonali u l-kompetenza nazzjonali;

21.  Jisħaq fuq il-punt li l-imgħoddi traġiku tal-Ewropa għandu jkompli jservi ta' ispirazzjoni morali u politika biex tgħinha taffaċċja l-isfidi tad-dinja tal-lum, inkluża l-ġlieda għal dinja aktar ġusta, il-ħolqien ta' soċjetajiet u komunitajiet miftuħa għal minoranzi etniċi, reliġjużi u sesswali, u valuri Ewropej li jista' jibbenefika minnhom kulħadd;

22.  Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lid-Duma Russa u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.

(1) ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 392.
(2) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.
(3) ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 57.
(4) ĠU C 137 E, 27.5.2010, p. 25.


L-istat ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus
PDF 132kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Settembru 2019 dwar l-istat ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus (2019/2820(RSP))
P9_TA(2019)0022B9-0045/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE(1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus)(2), u kif emendata mid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (il-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus)(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 li tistabbilixxi regoli li jiffaċilitaw l-użu ta' informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' ċerti reati kriminali, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI(4), id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali(5) u r-Regolament (UE) 2018/1672 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta' Ottubru 2018 dwar kontrolli fir-rigward ta' flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005(6),

–  wara li kkunsidra l-Pakkett dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-Flus tal-Kummissjoni, adottat fl-24 ta' Lulju 2019, li jikkonsisti f'komunikazzjoni politika bl-isem "Fit-Triq lejn implimentazzjoni aħjar tal-qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu" (COM(2019)0360), ir-rapport dwar l-evalwazzjoni ta' każijiet reċenti allegati ta' ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta' kreditu tal-UE ("post-mortem") (COM(2019)0373), ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati mal-attivitajiet transfruntiera (ir-Rapport ta' Valutazzjoni tar-Riskju Sovranazzjonali) (COM(2019)0370) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjah (SWD(2019)0650), u r-rapport dwar l-interkonnessjoni ta' mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati nazzjonali (reġistri ċentrali jew sistemi ċentrali għall-irkupru ta' data elettronika) tal-Istati Membri dwar kontijiet bankarji (COM(2019)0372),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar komunikazzjonijiet lil entitajiet taħt superviżjoni rigward ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu f'superviżjoni prudenzjali, ippubblikata fl-24 ta' Lulju 2019,

–  wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni "Lejn metodoloġija ġdida għall-valutazzjoni min-naħa tal-UE ta' Pajjiżi Terzi b'Riskju Kbir skont id-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu",

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ġunju 2018 dwar il-metodoloġija għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir taħt id-Direttiva (UE) 2015/849 (SWD(2018)0362),

–  wara li kkunsidra l-erba' Regolamenti Delegati adottati mill-Kummissjoni – (UE) 2016/1675, (UE) 2018/105, (UE) 2018/212 u (UE) 2018/1467 – li jissupplementaw id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifikaw pajjiżi terzi b'riskju kbir b'defiċjenzi strateġiċi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar l-urġenza għal lista sewda tal-UE tal-pajjiżi terzi konformi mad-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus(7);

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019 dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tax-taxxa(8),

–  wara li kkunsidra l-iskambju ta' fehmiet tal-5 ta' Settembru 2019 fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji mal-Awtorità Bankarja Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-qafas tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CTF) issaħħaħ progressivament permezz tal-adozzjoni tar-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus f'Mejju 2015 u l-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus f'April 2018 u d-dati rispettivi tagħhom ta' traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri sa Ġunju 2017 u Jannar 2020, u permezz ta' leġiżlazzjoni u azzjonijiet oħra ta' akkumpanjament;

B.  billi, skont l-Europol, sa 0.7-1.28 % tal-PDG tal-Unjoni "jiġi identifikat bħala involut f'attività finanzjarja suspettuża"(9) bħall-ħasil tal-flus konness mal-korruzzjoni, it-traffikar tal-armi, it-traffikar ta' bnedmin, it-traffikar ta' drogi, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi, il-finanzjament tat-terroriżmu jew attivitajiet illeċiti oħra li jaffettwaw liċ-ċittadini tal-UE fil-ħajja tagħhom ta' kuljum;

C.  billi skont l-Artikolu 9 tar-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati sabiex tidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir, filwaqt li tqis id-defiċjenzi strateġiċi f'diversi oqsma; billi l-Parlament jappoġġja l-istabbiliment mill-Kummissjoni ta' metodoloġija ġdida li ma tiddependix biss fuq sorsi esterni ta' informazzjoni biex jiġu identifikati pajjiżi terzi b'riskju kbir b'defiċjenzi strateġiċi fir-rigward tal-AML u s-CTF, li jirrappreżentaw theddida għas-sistema finanzjarja tal-UE u li għalihom huma meħtieġa miżuri msaħħa ta' diliġenza dovuta tal-klijenti f'entitajiet tal-UE marbutin b'obbligu skont ir-Raba' u l-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus;

D.  billi t-Tielet Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, li kellha effett mill-15 ta' Diċembru 2007, tħassret bl-adozzjoni tar-ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus; billi l-implimentazzjoni ta' diversi dispożizzjonijiet tat-Tielet Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, inklużi s-setgħa u l-persunal adegwati tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ma ġietx ivverifikata b'mod xieraq fil-passat u għandha titqies bħala prijorità għal kontrolli kontinwi ta' kompletezza u korrettezza u proċeduri ta' ksur imwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus;

E.  billi l-Kunsill u l-Parlament irrifjutaw tliet regolamenti delegati emendatorji proposti(10) fuq il-bażi li jew il-proposti ma kinux stabbiliti fi proċess trasparenti u reżiljenti li b'mod attiv jinċentiva lill-pajjiżi affettwati biex jieħdu azzjoni deċiżiva filwaqt li jiġi rispettat ukoll id-dritt tagħhom li jinstemgħu, jew li l-proċess tal-Kummissjoni għall-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'riskju għoli ma kienx awtonomu biżżejjed;

F.  billi fit-13 ta' Frar 2019 il-Kummissjoni adottat lista ġdida ta' 23 pajjiż terz b'defiċjenzi strateġiċi fl-oqfsa finanzjarji tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu taħt il-metodoloġija l-ġdida, jiġifieri l-Afganistan, is-Samoa Amerikana, il-Bahamas, il-Botswana, ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, l-Etjopja, il-Ghana, il-Guam, l-Iran, l-Iraq, il-Libja, in-Niġerja, il-Pakistan, il-Panama, Puerto Rico, is-Samoa, l-Arabja Sawdija, is-Sri Lanka, is-Sirja, it-Trinidad u Tobago, it-Tuneżija, il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti u l-Jemen; billi fis-7 ta' Marzu 2019 il-Kunsill irrifjuta l-att delegat fil-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni;

G.  billi l-Kummissjoni bdiet proċeduri ta' ksur kontra l-maġġoranza tal-Istati Membri talli naqsu milli jittrasponu b'mod xieraq ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus fil-liġi nazzjonali;

H.  billi fl-24 ta' Lulju 2019 il-Kummissjoni adottat pakkett AML, filwaqt li infurmat lill-Parlament u lill-Kunsill dwar il-kisbiet aġġornati u n-nuqqasijiet li kien għad fadal fil-qafas AML/CTF tal-Unjoni, u b'hekk wittiet it-triq għal aktar titjib fl-infurzar u fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u għal riformi leġiżlattivi u istituzzjonali possibbli fil-futur;

I.  billi matul l-iskambju ta' fehmiet li sar mal-Kummissjoni u mal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji fil-5 ta' Settembru 2019, il-President tal-EBA, José Manuel Campa, iddikjara li l-EBA ma kinitx superviżur fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, iżda pjuttost awtorità b'mandat biex tipprovdi linji gwida biex tippromwovi l-kollaborazzjoni u l-koordinazzjoni, kif ukoll biex tevalwa l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni AML; billi huwa ssottolinja wkoll li r-responsabbiltà ċentrali għall-implimentazzjoni kienet tinsab f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali;

J.  billi, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2019 bl-isem "Fit-triq lejn implimentazzjoni aħjar tal-qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu", tista' tingħata kunsiderazzjoni għal aktar armonizzazzjoni tar-regoli rigward il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus/il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, pereżempju billi d-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus tinbidel f'Regolament, li joffri l-potenzjal li jiġi stabbilit qafas regolatorju tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus applikabbli direttament;

K.  billi, skont il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq, il-valutazzjonijiet juru ħtieġa għal mekkaniżmu aktar b'saħħtu il-kooperazzjoni u l-analiżi transfruntiera mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja jiġu kkoordinati u appoġġjati.

1.  Huwa mħasseb serjament dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni tar-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus minn numru kbir ħafna ta' Stati Membri; jilqa', għalhekk, il-ftuħ ta' proċeduri ta' ksur mill-Kummissjoni kontra l-Istati Membri abbażi ta' dak li rriżultalha mill-kontrolli tal-kompletezza; jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza kemm jista' jkun malajr kontrolli għal korrettezza bir-reqqa u tiftaħ proċeduri ta' ksur meta jkun meħtieġ; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ttrasponewx b'mod xieraq ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom malajr kemm jista' jkun;

2.  Jinsab imħasseb li l-iskadenza tat-traspożizzjoni għall-Ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus tal-10 ta' Jannar 2020, u l-iskadenzi rispettivi tal-10 ta' Jannar 2020 għar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja għal entitajiet korporattivi u ġuridiċi oħrajn u l-10 ta' Marzu 2020 għal trusts u arranġamenti legali simili, mhux se jiġu rrispettati mill-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni urġenti biex iħaffu l-proċess ta' traspożizzjoni;

3.  Japprezza r-rakkomandazzjoni tal-Bord tal-Ksur tad-Dritt tal-Unjoni tal-EBA, kif indirizzata matul l-iskambju ta' fehmiet mal-President tal-EBA José Manuel Campa, li sar fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji fil-5 ta' Settembru 2019, dwar il-każ tal-ħasil tal-flus tad-Danske Bank, li sal-lum huwa l-akbar każ magħruf ta' dan it-tip fl-UE, li kien jinvolvi tranżazzjonijiet suspettużi li jiswew 'il fuq minn EUR 200 biljun; jiddispjaċih li s-superviżuri tal-Istati Membri bħala l-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri tal-EBA, irrifjutaw proposta għal rakkomandazzjoni dwar il-ksur tad-dritt tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tibqa' ssegwi l-każ u tagħti bidu għal proċedura ta' ksur jekk ikun iġġustifikat;

4.  Huwa estremament imħasseb dwar il-frammentazzjoni regolatorja u superviżorja fil-qasam AML/CTF, li mhuwiex addattat għall-attività transfruntiera dejjem tikber fl-Unjoni u s-superviżjoni prudenzjali fl-Unjoni Bankarja u setturi oħra mhux bankarji;

5.  Jenfasizza li l-qafas kurrenti AML/CTF tal-UE jbati minn nuqqasijiet fl-infurzar tar-regoli tal-UE flimkien ma' nuqqas ta' superviżjoni effiċjenti; jenfasizza li ġie ssottolinjat ripetutament li l-leġiżlazzjoni bi "standards minimi" dwar l-AML/CTF tista' tkun ta' riskju għal superviżjoni effettiva, skambju mingħajr xkiel ta' informazzjoni u koordinazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, fil-kuntest ta' valutazzjoni tal-impatt meħtieġa għal kwalunkwe reviżjoni futura tal-leġiżlazzjoni AML, jekk regolament ikunx att ġuridiku aktar xieraq minn direttiva;

6.  Jindika l-ħtieġa għal kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet amministrattivi ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi fi ħdan l-UE, u b'mod partikolari l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (FIU) tal-Istati Membri, kif enfasizzat fir-rapport tal-Kummissjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex, fil-futur qrib, twettaq valutazzjoni tal-impatt biex tevalwa l-possibbiltà u l-adegwatezza tal-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' koordinazzjoni u ta' appoġġ; iqis li għandu jingħata impetu akbar għall-inizjattivi li jistgħu jinfurzaw azzjonijiet AML/CTF fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali;

7.  Jinnota l-valutazzjoni tal-Kummissjoni fir-rapport post-mortem tagħha tal-24 ta' Lulju 2019, li kompiti speċifiċi ta' sorveljanza tal-ħasil tal-flus jistgħu jingħataw lil korp tal-Unjoni;

8.  Iqis li sabiex tiġi ssalvagwardjata l-integrità tal-lista ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir, il-proċess ta' skrinjar u ta' teħid ta' deċiżjonijiet m'għandux jiġi affettwat minn kunsiderazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-qasam tad-defiċjenzi AML/CTF; jissottolinja li l-lobbjar u l-pressjoni diplomatika ma għandhomx jimminaw il-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-UE li jindirizzaw il-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu b'mod li huwa marbut mal-UE b'manjiera effettiva u awtonoma; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta l-possibbiltà li tiġi stabbilita "lista griża" ta' pajjiżi terzi potenzjalment b'riskju kbir fuq bażi analoga għall-approċċ tal-Unjoni fl-elenkar ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal skopijiet ta' taxxa; jesprimi t-tħassib tiegħu li t-tul tal-perjodu ta' tnax-il xahar li jwassal għall-valutazzjoni finali fl-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi b'defiċjenzi strateġiċi jista' jirriżulta f'dewmien żejjed għal azzjoni AML/CTF effettiva;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura proċess trasparenti b'parametri referenzjarji ċari u konkreti għall-pajjiżi li jimpenjaw ruħhom li jwettqu riformi sabiex jevitaw li jiġu inklużi fil-lista; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippubblika l-valutazzjonijiet inizjali u finali tagħha tal-pajjiżi elenkati, kif ukoll il-parametri referenzjarji applikati sabiex tiżgura skrutinju pubbliku b'tali mod li ma jkunux jistgħu jiġu abbużati;

10.  Jitlob li aktar riżorsi finanzjarji u umani jiġu allokati għall-unità rilevanti tad-Direttorat Ġenerali kompetenti, u jilqa' ż-żieda fir-riżorsi dedikati għall-EBA;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (it-Tielet Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus), (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15).
(2) ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.
(3) ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43.
(4) ĠU L 186, 11.7.2019, p. 122.
(5) ĠU L 284, 12.11.2018, p. 22.
(6) ĠU L 284, 12.11.2018, p. 6.
(7) Test adottati, P8_TA(2019)0216.
(8) Testi adottati, P8_TA(2019)0240.
(9) Ir-rapport tal-Grupp tal-Intelligence Finanzjarja tal-Europol "From suspicion to action" (2017).
(10) C(2019)1326, C(2016)7495 u C(2017)1951.

Avviż legali - Politika tal-privatezza