– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Alġerija, b'mod partikolari dik tat-30 ta' April 2015 dwar il-priġunerija tal-ħaddiema u attivisti tad-drittijiet ta' bniedem fl-Alġerija(1), u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Marzu 2019 intitolata "Wara r-Rebbiegħa Għarbija: It-triq 'il quddiem għar-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq (MENA)"(2),
– wara li kkunsidra l-aġġornament dwar il-pajjiż tal-Alġerija fir-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2018, adottat mill-Kunsill Ewropew fit-18 ta' Marzu 2019,
– wara li kkunsidra l-11-il sessjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Alġerija tal-14 ta' Mejju 2018,
– wara li kkunsidra t-tielet Rieżami Perjodiku Universali (UPR) dwar l-Alġerija, adottat mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fis-36 sessjoni tiegħu fil-21 u t-22 ta' Settembru 2017,
– wara li kkunsidra l-prijoritajiet kondiviżi ta' sħubija adottati skont il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) riveduta mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija u l-Unjoni Ewropea fit-13 ta' Marzu 2017, li jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tar-reviżjoni kostituzzjonali u l-appoġġ tal-UE għall-progress tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fl-Alġerija,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Alġerija(3) u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, li jistipula li r-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem iridu jikkostitwixxu element essenzjali tal-ftehim u jispiraw il-politiki interni u internazzjonali tal-partijiet fih,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Alġerija, kif riveduta fis-7 ta' Frar 2016, u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 34, 35, 36, 39, 41, 42, 48 u 54 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dwar il-piena tal-mewt, dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, dwar il-libertà ta' espressjoni online u offline, u dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni l-ġodda tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, li għandu l-għan li jqiegħed il-protezzjoni u s-sorveljanza tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-politiki kollha tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew tat-Twemmin,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,
– wara li kkunsidra l-Liġi Alġerina 12-06 dwar l-assoċjazzjonijiet u l-Ordinanza 06-03 li tirregola l-qima reliġjuża mhux Musulmana,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Alġerija hija ġar qrib u sieħba ewlenija tal-Unjoni Ewropea u tar-reġjun tal-Afrika ta' Fuq;
B. billi, fis-16 ta' Frar 2019, għaxart ijiem wara li Abdelaziz Bouteflika ħabbar il-kandidatura tiegħu għall-ħames mandat presidenzjali, bdew fl-Alġerija l-protesti paċifiċi magħrufa bħala l-Hirak (il-Moviment); billi, fit-2 ta' April 2019, Bouteflika rriżenja; billi l-President tal-Kunsill tan-Nazzjon, Abdelkader Bensalah, assuma l-kariga ta' Aġent Kap tal-Istat; billi t-tmexxija militari taħt il-Logutenent Ġeneral Ahmed Gaïd Salah ilha apertament iżżomm il-poter f'idejha fil-pajjiż mir-riżenja ta' Bouteflika 'l hawn;
C. billi Abdelaziz Bouteflika kien ilu President sa mill-1999; billi r-reviżjoni kostituzzjonali tal-2016 llimitat l-għadd massimu ta' termini presidenzjali ta' presidenti futuri għal żewġ mandati biss; billi r-reviżjoni kostituzzjonali ma setgħetx tiġi applikata b'mod retroattiv, hekk li Bouteflika tħalla joħroġ kandidat għall-ħames mandat; billi l-elezzjoni presidenzjali, oriġinarjament skedata għat-18 ta' April 2019, ġiet inizjalment posposta għall-4 ta' Lulju 2019 u wara għat-12 ta' Diċembru 2019;
D. billi saru dimostrazzjonijiet paċifiċi fil-pajjiż kollu fi Frar, Marzu u April 2019, u mbagħad kull nhar ta' Tlieta u nhar ta' Ġimgħa għal dawn l-aħħar 40 ġimgħa; billi, f'dawn l-aħħar ġimgħat, id-dimostranti bdew jagħmlu mixjiet ta' bil-lejl fil-pajjiż kollu;
E. billi l-Hirak igawdi appoġġ kbir u jikkostitwixxi l-akbar moviment ta' protesta fl-Alġerija; billi ż-żgħażagħ jikkostitwixxu l-maġġoranza tad-dimostranti; billi d-dimostranti qed jitolbu li jintemmu l-korruzzjoni, in-nuqqas ta' opportunitajiet għall-impenn politiku, ir-rati għolja tal-qgħad u r-repressjoni tad-dimostrazzjonijiet, kif ukoll qafas aktar pluralista u inklużiv bi tħejjija għal elezzjonijiet ħielsa, bħala parti mit-tranżizzjoni politika usa';
F. billi l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2019 jikklassifika l-Alġerija fil-141 post mill-180 stat li ġew mistħarrġa, u billi jiddeskrivi l-libertà tal-istampa fil-pajjiż bħala "mhedda" u jinnota li l-ġurnalisti spiss iħabbtu wiċċhom mal-persekuzzjoni; billi organizzazzjonijiet tal-midja indipendenti, ċittadini ġurnalisti tal-midja soċjali u sorsi medjatiċi oħra jiffaċċjaw ċensura strutturali min-naħa tal-awtoritajiet Alġerini għal kwalunkwe rappurtaġġ li jitqies li jagħti appoġġ lil pożizzjonijiet ta' dissens;
G. billi, minn Jannar 2018, l-awtoritajiet Alġerini għalqu bosta knejjes, li l-maġġoranza vasta tagħhom huma parti mill-Église protestante d'Algérie (EPA), l-organizzazzjoni li tħaddan fiha l-knejjes Protestanti fl-Alġerija u li tgawdi rikonoxximent legali;
H. billi l-kap editur tal-istazzjon tar-radju pubbliku La Chaîne 3, Meriem Abdou, irriżenja fit-23 ta' Frar 2019 bi protesta kontra t-trattament preġudikat tal-Hirak; billi diversi ġurnalisti oħra ġew arrestati jew soġġetti għal intimidazzjoni, bħall-ex korrispondent Għarbi ta' France 24, Sofiane Merakchi, u l-ġurnalisti Alla El Sheikh u Abdelmouji Khelladi, li ilhom miżmuma mis-26 ta' Settembru 2019 u mill-14 ta' Ottubru 2019 rispettivament;
I. billi, fl-4 ta' Marzu 2019, Nadia Madassi, li kienet ilha tippreżenta Canal Algérie għal dawn l-aħħar 15-il sena, irriżenjat fost allegazzjonijiet li kienet ġiet iċċensurata; billi, fil-5 ta' Marzu 2019, il-gazzetta Echorouk u l-istazzjon televiżiv El Bilad ġew sanzjonati mill-Ministeru tal-Komunikazzjoni talli rrappurtaw dwar id-dimostrazzjonijiet; billi l-grupp "Algérie – Debout!" fuq Facebook, b'aktar minn 500 000 membru, safa magħluq, filwaqt li l-fundatur u l-amministratur tiegħu Sofiane Benyounes ġie ffastidjat u interrogat diversi drabi qabel ma tressqu akkużi kontrih; billi l-pubblikazzjonijiet Jeune Afrique, Tout Sur l'Algérie, Algérie Part, Interlignes, u Observ'Algérie ġew iċċensurati;
J. billi dimostranti tal-Hirak, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u bloggers kull ma jmur dejjem aktar qed jiġu fil-mira jew jisfaw arrestati biex ma jitħallewx jeżerċitaw il-libertà tagħhom ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni jew ta' għaqda paċifika;
K. billi l-kamra tal-avukati tal-Alġerija (Union nationale des ordres des avocats, UNOA) unanimament iddenunzjat l-arresti ta' attivisti tal-Hirak u s-soppressjoni tal-libertajiet; billi, fl-24 ta' Ottubru 2019, madwar 500 avukat iddimostraw fl-Alġier biex jesiġu li jiġu rrispettati d-dritt tad-dimostranti għal proċess ġust u l-indipendenza tal-ġudikatura; billi l-UNOA waqqfet kumitat biex jappoġġja lill-avukati li jiddefendu lid-dimostranti u lid-dissidenti miżmuma;
L. billi, skont il-Lega Alġerina għad-Difiża tad-Drittijiet tal-Bniedem (Ligue algérienne pour la défense des droits de l'homme, LADDH), aktar minn mitt persuna ġew arrestati u miżmuma b'rabta mal-protesti paċifiċi mindu beda l-Hirak; billi l-akkużi li jinżammu fuqhom – "li jimminaw l-unità nazzjonali u l-integrità territorjali", "li jxewxu favur għaqdiet illegali" u "li jdgħajfu l-moral tal-armata" – huma vagi u jiksru l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
M. billi, ta' 87 sena, Lakhdar Bouregaa – veteran tal-gwerra tal-indipendenza – safa arrestat fid-29 ta' Ġunju 2019 talli kkritika lill-kap tal-armata; billi studenta tal-liġi ta' 22 sena, Nour el Houda Dahmani, inħelset fil-25 ta' Novembru 2019 wara li ġiet ikkundannata għal sentenza ta' sitt xhur priġunerija, wara dimostrazzjoni tal-istudenti fis-17 ta' Settembru 2019 u saret ikona għad-dimostrazzjonijiet tal-istudenti ta' kull ġimgħa; billi Ibrahim Daouadji u erba' attivisti oħra ġew arrestati fit-12 ta' Ottubru 2019 talli kkontestaw żjara mill-Ministru għaż-Żgħażagħ;
N. billi Kamal Eddine Fekhar, tabib, difensur tad-drittijiet tal-bniedem, difensur tal-komunità Amazigh At-Mzab u ex membru tal-LADDH, miet fid-detenzjoni fit-28 ta' Mejju 2019, wara li kien ġie arrestat waqt protesti fuq skala kbira, wara 53 jum fuq strajk tal-ġuħ, u billi huwa mifhum li mewtu kienet ir-riżultat tal-kundizzjonijiet li fihom kien miżmum u ta' negliġenza medika; billi Ramzi Yettou, żagħżugħ ta' 22 sena, miet minħabba l-ġrieħi li ġarrab meta l-pulizija sawtuh b'mod brutali f'April 2019;
O. billi Karim Tabbou, protagonista ewlieni tal-oppożizzjoni, ex segretarju ġenerali tal-Front tal-Forzi Soċjalisti (Front des forces socialistes, FFS), partit storiku tal-oppożizzjoni u llum kap tal-partit mhux rikonoxxut Unjoni Soċjali u Demokratika, safa arrestat fit-12 ta' Settembru 2019; billi nħeles mill-Qorti ta' Tipaza fis-26 ta' Settembru 2019, iżda inqas minn 14-il siegħa wara reġa' ġie arrestat taħt ġurisdizzjoni differenti (Sidi M'Hamed) iżda taħt kundizzjonijiet simili, u issa qed jinżamm f'reklużjoni de facto;
P. billi bosta membri tal-assoċjazzjoni Rassemblement actions jeunesse (RAJ), fosthom il-fundatur tagħha Hakim Addad, il-President tagħha Abdelouahab Fersaoui, u l-membri tagħha Massinissa Aissous, Djalal Mokrani, Ahmed Bouider, Kamel Ouldouali, Karim Boutata, Ahcene Kadi, Wafi Tigrine u Khireddine Medjani ġew arrestati waqt dimostrazzjonijiet paċifiċi b'appoġġ għall-priġunieri tal-kuxjenza fl-Alġerija;
Q. billi diversi dimostranti, bħal Samir Belarbi, Fodil Boumala, Fouad Ouicher, Saida Deffeur u Raouf Rais, li għadhom miżmuma, u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem – fosthom Said Boudour, Hamid Goura u Slimane Hamitouche – qed jiġu mħarrka minħabba li "jdgħajfu l-moral tal-armata";
R. billi, fil-11 ta' Novembru 2019, il-qorti ta' Sidi M'Hamed fl-Alġier fetħet il-proċess ta' 42 attivist, fosthom membru tal-Assemblea Provinċjali ta' Wilaya, Samira Messouci, fuq akkużi li "kkompromettew l-integrità tat-territorju nazzjonali" talli refgħu l-emblema tal-Amazigh; billi din il-bandiera tperpret maġenb dik nazzjonali fil-pajjiż kollu matul id-dimostrazzjonijiet ta' kull ġimgħa; billi diversi tribunali fil-pajjiż ħelsu lid-dimostranti li kienu ġew arrestati fuq l-istess akkuża;
S. billi libertajiet fundamentali huma minquxa fil-Kostituzzjoni Alġerina, inkluża l-libertà ta' assoċjazzjoni, li hija definita ulterjorment mil-Liġi 12-06; billi l-Liġi 12-06 tirrikjedi li kull assoċjazzjoni, inklużi dawk li diġà rnexxielhom jirreġistraw ruħhom, jirreġistraw u jiksbu riċevuta tar-reġistrazzjoni mill-Ministeru tal-Intern qabel ma jkunu jistgħu joperaw legalment; billi l-applikazzjonijiet għall-prereġistrazzjoni ta' diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, mhux governattivi, reliġjużi u karitatevoli, bħal LADDH, Euromed Rights, RAJ, Amnesty International, l-Assoċjazzjoni Protestanta tal-Alġerija, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Gruppi Reliġjużi mhux Musulmani u l-Assoċjazzjoni Femminista għall-Iżvilupp Personali u l-Eżerċizzju taċ-Ċittadinanza (AFEPEC) għadhom pendenti, minkejja li jissodisfaw ir-rekwiżiti legali kollha; billi għaldaqstant ma għandhomx status legali uffiċjali;
T. billi, skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Alġerija rratifikatu, il-gvernijiet iridu jiżguraw id-dritt għal-libertà tar-reliġjon, tal-ħsieb u tal-kuxjenza ta' kull persuna taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, u b'mod partikolari tal-minoranzi reliġjużi; billi dan id-dritt jinkludi l-libertà li wieħed jeżerċita r-reliġjon jew it-twemmin tal-għażla tiegħu, pubblikament jew privatament, waħdu jew ma' oħrajn;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-arresti arbitrarji u illegali, id-detenzjoni, l-intimidazzjoni u l-attakki fil-konfront ta' ġurnalisti, attivisti tat-trade unions, avukati, studenti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili u tad-dimostranti paċifiċi kollha li qed jieħdu sehem fid-dimostrazzjonijiet paċifiċi tal-Hirak;
2. Jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil dawk li jinsabu taħt akkuża talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni, b'mod partikolari Hakim Addad, Abdelouahab Fersaoui, Massinissa Aissous, Djalal Mokrani, Ahmed Bouider, Kamel Ould Ouali, Karim Boutata, Ahcene Kadi, Wafi Tigrine, Khireddine Medjani, Samir Belarbi, Karim Tabbou, Fodil Boumala, Lakhdar Bouregaa, Samira Messouci, Ibrahim Daouadji, Salah Maati, Sofiane Merakchi, Azeb El Cheikh, Fouad Ouicher, Saïda Deffeur u d-dimostranti paċifiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti l-oħra li qed jinżammu l-ħabs b'mod arbitrarju, minkejja l-fatt li l-attivitajiet tagħhom huma permessi skont il-liġi Alġerina, f'konformità mal-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li l-Alġerija rratifikathom; jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jneħħu l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u l-probation imposti fuq Slimane Hamitouche, Abdelmonji Khelladi u Mustapha Bendjama;
3. Jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jtemmu kull forma ta' intimidazzjoni, inklużi fastidju ġudizzjarju u leġiżlattiv, kriminalizzazzjoni, u arresti u detenzjoni arbitrarji, kontra dimostranti paċifiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u bloggers kritiċi, u jitlobhom jieħdu passi adatti biex jiżguraw il-protezzjoni fiżika u psikoloġika, is-sikurezza, is-sigurtà u l-libertà li dawn il-persuni jagħmlu l-attivitajiet leġittimi u paċifiċi tagħhom; jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jiżguraw u jiggarantixxu d-dritt għal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni, ta' għaqda paċifika u tal-libertà tal-midja, li huma ggarantiti mill-Kostituzzjoni Alġerina u mill-ICCPR, li l-Alġerija ffirmatu u rratifikatu;
4. Jitlob li jintemm il-ksur tal-libertà ta' qima tal-Insara, tal-Ahmadi u tal-minoranzi reliġjużi l-oħra; ifakkar lill-Gvern Alġerin li l-Ordinanza 06-03 tiggarantixxi l-eżerċizzju liberu tal-qima; jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jerġgħu jiftħu l-binjiet tal-knejjes konċernati;
5. Jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jemendaw l-Att 91-19 tat-2 ta' Diċembru 1991 biex ineħħu kull restrizzjoni fuq dimostrazzjonijiet paċifiċi li ma tkunx assolutament meħtieġa jew proporzjonata, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 tal-ICCPR; jesprimi t-tħassib tiegħu li, minkejja d-dispożizzjonijiet tar-reviżjoni kostituzzjonali tal-2016, id-digriet tat-18 ta' Ġunju 2001, li jipprojbixxi d-dimostrazzjonijiet fil-belt kapitali, ma ġiex irrevokat u qed jiġi applikat b'mod ġenerali fil-pajjiż kollu;
6. Jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jeliminaw u jipprevjenu b'mod effikaċi kwalunkwe forma ta' użu eċċessiv tal-forza mill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi huma u jferrxu l-ġemgħat pubbliċi; jikkundanna bil-qawwa l-użu eċċessiv tal-forza li wassal għall-mewt ta' Ramzi Yettou; jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jwettqu investigazzjoni indipendenti dwar il-każijiet kollha ta' użu eċċessiv tal-forza minn membri tal-forzi tas-sigurtà u jżommu lil min wettaq dawn l-atti responsabbli għal għemilu;
7. Jirrileva li ġudikatura indipendenti hija waħda mill-elementi fundamentali għall-funzjonament ta' demokrazija u jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jrawmu u jiżguraw l-indipendenza ġudizzjarja;
8. Jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jappoġġjaw il-gruppi tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u d-dimostranti, inkluż billi jorganizzaw żjarat fil-ħabsijiet, jissorveljaw il-proċessi u joħorġu dikjarazzjonijiet pubbliċi, biex jappoġġjaw lill-Kummissjoni tal-UNOA u lil organizzazzjonijiet oħra li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, u jitlobhom jissorveljaw mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Alġerija, billi jużaw l-istrumenti disponibbli kollha, inkluż l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;
9. Jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jirrevokaw il-Liġi 12-06 tal-2012 dwar l-assoċjazzjonijiet u jidħlu fi djalogu ġenwin mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex ifasslu liġi ġdida li tkun konformi mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u mal-Kostituzzjoni Alġerina;
10. Jitlob li l-awtoritajiet Alġerini jiggarantixxu l-eżerċizzju sħiħ tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon jew tat-twemmin għal kulħadd, kif jiggarantixxu l-Kostituzzjoni Alġerina u l-ICCPR;
11. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-ostakoli amministrattivi li qed jiffaċċjaw il-minoranzi reliġjużi fl-Alġerija, u b'mod partikolari fir-rigward tal-Ordinanza 06-03; iħeġġeġ lill-Gvern Alġerin biex jirrevedi l-Ordinanza 06-03 biex jagħmilha aktar konformi mal-Kostituzzjoni u mal-obbligi internazzjonali tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, jiġifieri mal-Artikolu 18 tal-ICCPR;
12. Jilqa' r-rikonoxximent kostituzzjonali tat-Tamazight bħala lingwa uffiċjali fl-2016 u jħeġġeġ li dan ir-rikonoxximent jiġi implimentat fil-prattika; jitlob li jinħelsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet it-42 dimostrant li sfaw miżmuma talli perpru l-bandiera tal-Amazigh;
13. Jitlob li tinstab soluzzjoni għall-kriżi, abbażi ta' proċess politiku paċifiku u inklużiv; huwa konvint li riformi demokratiċi u djalogu kostruttiv u inklużiv li jiżgura l-istabbiltà politika, ekonomika u soċjali fl-Alġerija jistgħu jservu bħala mod biex terġa' tiġi varata Unjoni tal-Magreb Għarbi prospera, li hija importanti għal kooperazzjoni b'suċċess bejn iż-żewġ naħat tal-Mediterran;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lid-Delegazzjoni tal-UE fl-Alġier, lill-Gvern tal-Alġerija, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Kunsill tal-Ewropa.
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Kuba, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Novembru 2004 dwar Kuba(1), tat-2 ta' Frar 2006 dwar il-politika tal-UE lejn il-Gvern Kuban(2), tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar Kuba(3), tal-11 ta' Marzu 2010 dwar il-priġunieri ta' kuxjenza f'Kuba(4), tal-5 ta' Lulju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra(5), u tal-15 ta' Novembru 2018(6),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Kuba, iffirmat f'Diċembru 2016 u applikat b'mod proviżorju mill-1 ta' Novembru 2017,
– wara li kkunsidra t-tieni Kunsill Konġunt bejn l-UE u Kuba li sar fid-9 ta' Settembru 2019 f'Havana,
– wara li kkunsidra t-tieni Djalogu formali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u Kuba, li sar fl-ambitu tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u Kuba, fit-3 ta' Ottubru 2019 fi Brussell,
– wara li kkunsidra r-Rieżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar Kuba ta' Mejju 2018,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u trattati u strumenti internazzjonali oħra fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-10 ta' Diċembru 1984 u li Kuba hija Stat Parti tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li Kuba hija pajjiż firmatarju tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, fl-1 ta' Ottubru 2019, il-mexxej tal-oppożizzjoni tal-Unjoni Patrijottika ta' Kuba (UNPACU), José Daniel Ferrer, ġie arrestat b'mod arbitrarju mingħajr l-ebda akkuża u ġie miċħud kuntatt estern għal mill-inqas 72 siegħa;
B. billi l-awtoritajiet Kubani żammewh il-ħabs, ippersegwitawh u intimidawh għal aktar minn għaxar snin minħabba l-attiviżmu politiku paċifiku tiegħu; billi fl-2018, inżamm f'iżolament għal għaxart ijiem;
C. billi fit-2 ta' Novembru 2019, is-Sur Ferrer irnexxielu jibgħat ittra bil-moħbi li fiha stqarr li kien ġie ttorturat u maltrattat, li ħajtu tqiegħdet f'periklu waqt li kien qed jinżamm f'detenzjoni, u li ma ngħatax attenzjoni medika xierqa; billi skont informazzjoni pprovduta mill-familja tiegħu fil-15 ta' Novembru 2019, hu qed jiġi miżmum fil-ħabs ta' Aguadores f'Santiago de Cuba, fejn ittieħed f'ċella ta' kastig; billi fis-7 ta' Novembru 2019, martu ratu għal ftit minuti u kkonfermat li s-saħħtu kienet fi stat kritiku minħabba li kien tilef nofs il-piż ta' ġismu, b'riżultat ukoll ta' strajk tal-ġuħ li kien beda jagħmel;
D. billi, skont diversi NGOs, is-Sur Ferrer huwa biss wieħed minn 120 priġunier politiku f'Kuba; billi ħafna ġurnalisti indipendenti, dissidenti paċifiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li fil-parti l-kbira tagħhom huma membri tal-oppożizzjoni demokratika, qed jiġu ppersegwitati, detenuti b'mod arbitrarju jew miżmuma l-ħabs f'Kuba, b'mod partikolari José Guía Piloto, Silverio Portal Contreras, Mitzael Díaz Paseiro, Orlando Zapata Tamayo, Eliecer Bandera Barrera, Edilberto Ronal Azuaga u Roberto de Jesús Quiñones Hacess;
E. billi fit-28 ta' Ottubru 2019, miet Armando Sosa Fortuny – il-priġunier politiku Kuban li dam l-itwal ammont ta' żmien detenut - (43 sena); billi l-awtoritajiet Kubani ma qablux li jeħilsuh minkejja l-kundizzjoni ħażina ta' saħħtu;
F. billi skont l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem dawk kollha li jiġu arrestati jew detenuti jridu jiġu infurmati bir-raġunijiet fil-mument tal-arrest tagħhom, u jitressqu quddiem imħallef mingħajr dewmien;
G. billi l-azzjonijiet tal-Gvern Kuban jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1(5) u 22 tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Kuba ffirmat fl-2016, li fih il-Gvern Kuban jimpenja ruħu li jirrispetta u jtejjeb id-drittijiet tal-bniedem;
H. billi, fil-5 ta' Lulju 2017, il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu għall-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni; billi l-approvazzjoni tal-Parlament tesprimi b'mod ċar it-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba u tinkludi klawsola ta' sospensjoni fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem;
I. billi d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u Kuba, immexxi mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, beda fl-2015, bil-ħames sensiela ssir fid-9 ta' Ottubru 2018; billi fit-3 ta' Ottubru 2019, l-UE u Kuba kellhom it-tieni Djalogu formali tagħhom dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi dan ma tax riżultati tanġibbli minkejja r-rielezzjoni ta' Kuba fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għall-perjodu 2017-2019; billi kull djalogu politiku jrid jinkludi djalogu dirett intensiv mas-soċjetà ċivili u mal-oppożizzjoni mingħajr ebda restrizzjoni;
J. billi fi żmien it-tieni laqgħa tal-Kunsill Konġunt bejn l-UE u Kuba fid-9 ta' Settembru 2019 f'Havana, aktar minn 100 attivist ġew arrestati b'mod arbitrarju; billi l-UE baqgħet siekta dwar dawn l-azzjonijiet, u baqgħet siekta wkoll rigward il-każ tas-Sur Ferrer;
K. billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lil attivisti Kubani fi tliet okkażjonijiet: Oswaldo Payá fl-2002, in-Nisa Lebsin l-Abjad fl-2005 u Guillermo Fariñas fl-2010; billi r-rebbieħa tal-Premju Sakharov u qrabathom għadhom jiġu ffastidjati u intimidati b'mod regolari, u miżmuma milli jitilqu mill-pajjiż u jipparteċipaw f'avvenimenti internazzjonali;
L. billi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, u d-dinjità u l-interess tan-nies huma rappreżentati u difiżi bl-aħjar mod f'demokrazija;
1. Jikkundanna d-detenzjoni arbitrarja ta' José Daniel Ferrer, u jitlob lill-awtoritajiet Kubani jeħilsuh b'mod immedjat; jitlob li s-Sur Ferrer jingħata aċċess għall-avukat tal-għażla tiegħu, ikollu kuntatt mal-familja tiegħu u jkollu aċċess għad-dokumentazzjoni kollha marbuta mad-detenzjoni tiegħu u r-raġunijiet allegati li għaliha ġie detenut;
2. Jikkundanna t-tortura u t-trattament ħażin li s-Sur Ferrer irrapporta li ġarrab fl-ittra tiegħu; ifakkar li l-awtoritajiet Kubani għandhom dmir li jipprevjenu t-tortura u t-trattament ħażin u li jiżguraw investigazzjoni fil-pront u imparzjali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kubani jagħtu lis-Sur Ferrer aċċess immedjat għall-kura medika tal-għażla tiegħu u jiggarantixxu l-provvista ta' ikel u ilma sanitarji xierqa;
3. Itenni t-tħassib kbir tiegħu dwar il-persekuzzjoni, il-fastidju u l-attakki kontinwi kontra dissidenti paċifiċi, ġurnalisti indipendenti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-oppożizzjoni politika f'Kuba; jitlob it-tmiem immedjat ta' dawn l-azzjonijiet, u l-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha u ta' dawk detenuti b'mod arbitrarju unikament talli eżerċitaw il-libertà tagħhom ta' espressjoni u ta' għaqda; jitlob li jkun hemm garanziji aħjar tad-dritt għal proċess ġust u tal-indipendenza tal-ġudikatura u li jiġi żgurat li l-persuni mċaħħda mil-libertà tagħhom ikollhom aċċess għal avukat indipendenti;
4. Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri, lis-SEAE u lid-delegazzjoni tiegħu f'Kuba biex jikkundannaw b'saħħa u pubblikament l-arrest arbitrarju tas-Sur Ferrer u tal-individwi msemmija hawn fuq, u biex jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jiddefendu d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;
5. Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li, minkejja l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni adottat, is-sitwazzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem ma tjibitx; jitlob li jiġu ssodisfati l-obbligi vinkolanti stabbiliti permezz tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u Kuba, u jitlob punti ta' riferiment ċari f'dan ir-rigward;
6. Itenni li l-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni jinkludi dispożizzjoni dwar is-sospensjoni tal-ftehim li għandha tapplika fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinsisti, għalhekk, li l-Unjoni Ewropea għandha ssegwi u tissorvelja mill-qrib ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f'Kuba waqt l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni, u li tissottometti rapporti regolari dwar dan lill-Parlament; iqis il-priġunerija u t-trattament ta' José Daniel Ferrer u ta' priġunieri politiċi oħra bħala "każ ta' urġenza speċjali", kif stabbilit fl-Artikolu 85(3)(b) tal-Ftehim, u f'dan ir-rigward jitlob li l-UE titlob li ssir laqgħa urġenti;
7. Jitlob li l-Gvern Kuban jimplimenta riformi legali sabiex jiggarantixxi l-libertà tal-istampa, tal-assoċjazzjoni u tad-dimostrazzjoni, u jvara r-riformi politiċi li jippermettu elezzjonijiet ħielsa, ġusti u demokratiċi li jqisu r-rieda sovrana u espressa liberament tal-poplu Kuban; iħeġġeġ lill-Gvern Kuban jallinja l-politika tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-istandards internazzjonali ddefiniti fl-istatuti, fid-dikjarazzjonijiet u fl-istrumenti internazzjonali li Kuba hija firmatarja tagħhom u jippermetti lis-soċjetà ċivili u lill-atturi politiċi tal-oppożizzjoni jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħajja politika u soċjali, mingħajr restrizzjonijiet; jistieden lill-Gvern jippermetti li osservaturi indipendenti domestiċi u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem ikollhom aċċess mingħajr xkiel għal Kuba, jestendi stediniet lir-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika, ta' espressjoni u dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
8. Ifakkar li Kuba ilha mill-2003 tosserva moratorju fuq il-piena tal-mewt; jistieden lill-awtoritajiet Kubani jabolixxu l-piena tal-mewt għad-delitti kollha; jitlob li jsir rieżami tas-sentenzi kollha tal-mewt biex ikun żgurat li dawn il-proċessi kriminali kienu konformi mal-istandards internazzjonali;
9. Jistieden lill-awtoritajiet Kubani jiggarantixxu l-libertà tal-midja u l-libertà tal-espressjoni, fosthom billi jirtiraw id-Digriet 349, li jillimita l-libertà tal-espressjoni artistika, u jtemmu l-fastidju u d-detenzjoni ta' ġurnalisti indipendenti; jistieden lill-Gvern Kuban itemm l-impożizzjoni ta' ċensura online u ma jkomplix jimblokka s-siti tal-internet u jillimita l-aċċess għall-informazzjoni;
10. Jiddispjaċih dwar il-fatt li diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej u Kubani ġew miċħuda l-possibbiltà li jipparteċipaw fi djalogu mas-soċjetà ċivili, fi ħdan id-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem usa' tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u Kuba li sar fit-2 ta' Ottubru 2019 minħabba li l-Gvern Kuban ma tahomx approvazzjoni; barra minn hekk jitlob li jiġi stabbilit djalogu istituzzjonalizzat, formali, miftuħ u pubbliku mas-soċjetà ċivili verament indipendenti mal-UE u Kuba, simili għal dawk fis-seħħ ma' pajjiżi oħra li magħhom l-UE għandha ftehimiet ta' kooperazzjoni;
11. Jistieden lill-VP/RGħ il-ġdid jirrikonoxxi l-eżistenza tal-oppożizzjoni politika għall-Gvern Kuban u jappoġġa l-inklużjoni tal-oppożizzjoni fid-djalogu politiku bejn l-UE u Kuba; f'dan ir-rigward, jistieden lir-rappreżentanti kollha tal-Istati Membri biex iqajmu tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem waqt żjarat mal-awtoritajiet Kubani u biex jiltaqgħu mar-rebbieħa tal-Premju Sakharov meta jżuru Kuba, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti interna u esterna tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, u b'hekk tiġi msaħħa l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili indipendenti;
12. Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jappoġġaw attivament lil gruppi tas-soċjetà ċivili u lil individwi li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem f'Kuba, anke billi jorganizzaw żjarat fil-ħabsijiet u jagħmlu monitoraġġ tal-proċessi kriminali u dikjarazzjonijiet pubbliċi; jistieden lill-VP/RGħ il-ġdid jirrapporta lura lill-Parlament dwar l-azzjonijiet meħuda s'issa mid-Delegazzjoni tal-UE;
13. Jistieden lill-VP/RGħ il-ġdid jitlob lill-awtoritajiet Kubani biex, wara snin ta' nuqqas ta' azzjoni, ivaraw riformi li jwasslu għal trasformazzjoni demokratika tal-pajjiż f'konformità mal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni; jindika li s-sitwazzjoni attwali f'Kuba ddgħajjef il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija li fuqhom huwa msejjes il-Ftehim;
14. Jiddispjaċih ferm dwar il-fatt li l-awtoritajiet Kubani ma ħallewx lill-Parlament, lid-delegazzjonijiet tiegħu u lil xi gruppi politiċi jżuru Kuba, minkejja li l-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu għall-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet biex b'mod immedjat jippermettu d-dħul fil-pajjiż;
15. Jikkundanna l-attitudni intervenzjonistika tal-Gvern Kuban u jitlob li dan itemm l-attivitajiet kollha ta' ndħil f'diversi pajjiżi tal-Amerika Latina;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Poter Popolari ta' Kuba, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew.
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Haiti, b'mod partikolari dik tad-19 ta' Jannar 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Haiti sena wara t-terremot: għajnuna umanitarja u rikostruzzjoni(1) u dik tat-8 ta' Frar 2018 dwar l-iskjavitù tat-tfal fil-Haiti(2),
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2018, b'mod partikolari l-aġġornament tiegħu dwar il-Haiti, adottat mill-Kunsill fit-13 ta' Mejju 2019,
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Segwitu Elettorali tal-UE fil-Haiti bejn id-19 u t-23 ta' Novembru 2018,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Missjoni għall-Istabbilizzazzjoni fil-Haiti (MINUSTAH) u tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Haiti, mill-1 ta' Lulju 2015 sal-31 ta' Diċembru 2016, ta' Lulju 2017,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-MINUSTAH u tal-OHCHR tan-NU dwar allegazzjonijiet ta' ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem tat-13 u l-14 ta' Novembru 2018 fid-distrett ta' La Saline, Port-au-Prince,
– wara li kkunsidra r-Rieżami Perjodiku Universali (UPR) dwar il-Haiti, adottat mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-34 sessjoni tiegħu fis-17 ta' Marzu 2017,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-16 ta' Diċembru 1966 u li għalih il-Haiti huwa Stat parti,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li tagħha il-Haiti huwa firmatarju,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2476 (2019) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-25 ta' Ġunju 2019,
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE tal-2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-Unjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni fil-Haiti tas-7 ta' Novembru 2019,
– wara li kkunsidra l-artiklu ppubblikat minn Amnesty International fil-31 ta' Ottubru 2019, li jipprovdi evidenza ta' użu eċċessiv tal-forza kontra d-dimostranti,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-NU rigward is-sitwazzjoni fil-Haiti tal-1 ta' Ottubru 2019,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Haiti fit-28 ta' Mejju 2019,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi d-dikjarazzjoni tal-gvern f'Lulju 2018 li se jelimina s-sussidji, b'żidiet sa 50 % fil-prezzijiet tal-fjuwil, wasslet għal protesti mifruxa u l-agħar diżordni ċivili li l-pajjiż ra fis-snin; billi din il-miżura kienet reazzjoni għat-tnaqqis maqbul mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) fi Frar 2018 bi skambju għal self finanzjarju ta' USD 96 miljun biex il-pajjiż jiġi megħjun iħallas id-dejn estern tiegħu;
B. billi d-dimostrazzjonijiet organizzati mill-mexxejja tal-oppożizzjoni talbu b'insistenza r-riżenja tal-President Jovenel Moïse minħabba inflazzjoni rampanti, allegazzjonijiet ta' korruzzjoni sistematika tal-gvern li kienu jinvolvu wkoll l-eks president Michel Martelly, u nuqqas ta' sigurtà ekonomika u alimentari, mingħajr ma dan ingħata attenzjoni kbira mid-dinja esterna; billi d-dimostrazzjonijiet li bdew aktar minn sena ilu bi protesta għall-iskandli ta' korruzzjoni li kienu jinvolvu l-awtoritajiet tal-Haiti ħallew madwar mitt ruħ mejta u eskalaw f'qerda kbira; billi jidher li l-korruzzjoni hija problema endemika tas-soċjetà u l-politika tal-Haiti;
C. billi l-forzi tas-sigurtà rażżnu l-protesti bl-użu ta' munizzjon attiv u gass tad-dmugħ; billi, skont l-OHCHR tan-NU, fi Frar mietu 41 ruħ u ndarbu 100 fil-protesti; billi, skont l-aħħar ċifri tal-OHCHR, bejn il-15 ta' Settembru u l-1 ta' Novembru 2019 mill-inqas 42 persuna mietu fi protesti simili, li minnhom 19 inqatlu mill-forzi tal-infurzar tal-liġi, u 86 sfaw midruba;
D. billi l-Haiti ilu minn Marzu 2019 mingħajr gvern, fatt li xekkel il-kapaċità tal-pajjiż li jkollu aċċess għal fondi ta' għajnuna internazzjonali u self mill-Bank Dinji; billi minn Jannar 2020 il-Haiti se jkun mingħajr parlament minħabba li naqas milli jorganizza elezzjonijiet parlamentari f'Ottubru 2019; billi s-Sur Moïse indika l-intenzjoni tiegħu li jintroduċi riformi kostituzzjonali li jsaħħu s-setgħat tal-uffiċċju tal-President;
E. billi ma ttieħdet ebda azzjoni legali minkejja d-dimostrazzjonijiet; billi din l-impunità u n-nuqqas ta' attenzjoni mill-komunità internazzjonali komplew ikebbsu l-vjolenza; billi waħda mill-konsegwenzi ta' din il-kriżi mġebbda u kontinwa hija li kompliet tillimita l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-ikel, l-edukazzjoni u ħtiġijiet oħra, kif ukoll ikkawżat aktar skarsezzi fil-provvista tal-elettriku u tal-fjuwil;
F. billi ħafna komunitajiet għadhom neqsin mill-aċċess għall-grilja elettrika wara t-terremot tal-2010 u jiddependu minn ġeneraturi tal-elettriku għall-ħtiġijiet tagħhom ta' kuljum; billi ż-żieda fil-prezz tal-fjuwil kompliet tillimita l-opportunitajiet ekonomiċi;
G. billi hemm evidenza kredibbli li pulizija armati b'azzarini semiawtomatiċi sparaw munizzjon attiv matul il-protesti, bi ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-istandards internazzjonali dwar l-użu tal-forza; billi l-ġurnalisti huma fil-mira ta' fastidju u attakki fiżiċi kontinwi; billi Néhemie Joseph, ġurnalist ma' Radio Méga li rrapporta dwar il-protesti, inqatel b'arma tan-nar fil-karozza tiegħu fil-11 ta' Ottubru 2019, il-fotoġurnalist tal-Associated Press Chery Dieu-Nalio qala' tir ta' arma tan-nar f'wiċċu f'Settembru 2019, il-ġurnalist ta' Radio Sans Fin Pétion Rospide nqatel b'arma tan-nar fil-karozza tiegħu f'Ġunju 2019 u l-ġurnalist Vladjimir Legagneur għeb f'Marzu 2018;
H. billi l-impunità pprevaliet ukoll f'każijiet bħall-massakru f'La Saline, fil-periferija tal-kapitali Port-au-Prince, fejn f'Ottubru 2018 inqatlu 70 persuna b'mod arbitrarju u ġew stuprati13-il mara; billi l-gvern attribwixxa l-massakru għal gwerra bejn gruppi kriminali; billi l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) u l-Missjoni tan-NU għall-Appoġġ tal-Ġustizzja fil-Haiti (MINUJUSTH), abbażi tal-informazzjoni miġbura min-Netwerk Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem (RNDDH), jattribwixxu dan il-massakru għal tentattiv min-naħa ta' mart il-President, Martine Moïse, u diversi rappreżentanti tal-gvern biex ixaħħmu l-poplu ta' La Saline bil-għan li jwaqqfu d-dimostrazzjonijiet kontra l-President Moïse, u jallegaw li l-massakru kien konsegwenza tar-rifjut tagħhom li jaċċettaw it-tixħim; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-Haiti appellaw biex il-massakru jiġi investigat minn missjoni tal-OAS;
I. billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż marret lura drastikament minn Ottubru 2017 'l hawn, meta l-forzi taż-żamma tal-paċi tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fil-Haiti (UNSTAMIH) ġew sostitwiti mill-MINUJUSTH, li l-persunal tagħha għandu taħriġ tal-pulizija limitat;
J. billi d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru għadha toħloq tħassib serju fil-pajjiż; billi l-Haiti għandu Indiċi ta' Inugwaljanza tal-Ġeneru ta' 0,593 u jikklassifika fil-142 post minn 159 fl-Indiċi 2015; billi fil-Haiti d-diskriminazzjoni, l-istigmatizzazzjoni, l-esklużjoni u l-vjolenza kontra l-persuni LGBTI huma sistemiċi u mifruxa; billi l-bniet iż-żgħar ma jirċievu l-ebda edukazzjoni jew inkella ftit li xejn; billi l-liġijiet li jikkriminalizzaw l-istupru u l-vjolenza domestika ma ġewx adottati qabel l-2005, il-kodiċi kriminali ma ġiex rivedut mill-1835 'l hawn u ħafna drabi n-nisa u l-bniet iħabbtu wiċċhom ma' protezzjoni legali inugwali; billi, fis-7 ta' Novembru 2019, 10 detenuti ta' sess femminil, inkluża tifla ta' 15-il sena, ġew stuprati fil-Ħabs Ċivili ta' Gonaïves; billi l-affollament eċċessiv, l-ikel skars, in-nuqqas ta' żjarat mill-familji u kundizzjonijiet inumani oħrajn ilhom mifruxa fil-ħabsijiet tal-Haiti sa mill-bidu tal-protesti;
K. billi l-biċċa l-kbira tat-tfal fil-Haiti ilhom ma jistgħux imorru skola sa mill-bidu tas-sena skolastika f'Settembru; billi l-illitteriżmu u l-aċċess għall-edukazzjoni huma problemi kbar fil-Haiti, peress li madwar nofs il-Haitjani ta' 15-il sena u aktar huma illitterati u fost it-tfal u ż-żgħażagħ mill-anqas 350 000 għadhom barra mill-iskola primarja u sekondarja fil-pajjiż kollu;
L. billi fil-pajjiż għadha tiġi prattikata s-sistema tar-"Restavèk", forma moderna ta' skjavitù li permezz tagħha t-tfal Haitjani minn djar foqra jintbagħtu mill-ġenituri tagħhom biex jgħixu ma' familji oħra u jaħdmu għalihom bħala sefturi fid-djar, fejn ħafna drabi jġarrbu abbuż u trattament ħażin u ma jkollhom ebda aċċess għat-tagħlim fl-iskejjel;
M. billi, fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-UNDP, il-Haiti kklassifika fil-168 post f'livell dinji, liema pożizzjoni hija aktar baxxa minn dik ta' snin preċedenti, u jinsab fi bżonn kontinwu ta' għajnuna umanitarja u ta' għajnuna għall-iżvilupp; billi, skont il-Bank Dinji, il-Haiti għadu l-aktar pajjiż fqir fil-Kontinent Amerikan u wieħed mill-aktar pajjiżi foqra tad-dinja, peress li 59 % tal-popolazzjoni jgħixu taħt is-soll nazzjonali tal-faqar u 24 % jgħixu taħt is-soll nazzjonali tal-faqar estrem, filwaqt li 'l fuq minn 40 % tal-popolazzjoni jinsabu qiegħda; billi l-korruzzjoni tal-gvern hija bla rażan u l-Indiċi 2018 dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni ta' Transparency International jikklassifika lill-Haiti fil-161 post minn fost il-180 pajjiż li ġew mistħarrġa;
1. Jikkundanna bil-qawwa r-repressjoni tal-protesti paċifiċi mill-awtoritajiet Haitjani, kif ukoll l-użu tal-forza letali, id-detenzjoni arbitrarja, l-intimidazzjoni, il-fastidju u l-vjolenza sesswali; jitlob b'insistenza li l-awtoritajiet Haitjani jtemmu minnufih l-użu illegali tal-forza, b'mod partikolari l-armi tan-nar u l-munizzjon attiv, fil-konfront tad-dimostranti paċifiċi u jħarsu d-dritt li n-nies jipprotestaw b'mod ħieles u paċifiku; japprova t-talbiet tal-poplu Haitjan biex jintemmu l-korruzzjoni u l-impunità;
2. Jissottolinja li, biex jiġu evitati aktar instabbiltà u tbatija tal-popolazzjoni, il-partijiet kollha involuti jeħtiġilhom jastjenu mill-vjolenza; jistieden lill-partijiet kollha jimpenjaw ruħhom fi djalogu sinċier, miftuħ u inklużiv inter-Haitjan sabiex jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet bażiċi u l-aspirazzjonijiet tal-popolazzjoni u jistedinhom jipprovdu soluzzjonijiet dejjiema għall-kriżi politika, ekonomika u umanitarja attwali;
3. Ifakkar li r-riforma tal-ġustizzja, il-waqfien mill-użu tal-arrest preventiv qabel il-proċess u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni jridu jibqgħu prijorità, kif identifikat fl-aħħar Eżami Perjodiku Universali; jitlob lill-komunità internazzjonali tgħin lill-poplu Haitjan jibni sistema ġudizzjarja indipendenti u b'saħħitha, li tkun kapaċi tressaq lit-trasgressuri quddiem il-qorti u tikkastigahom, irrispettivament mill-istatus soċjali tagħhom;
4. Jappella biex issir investigazzjoni indipendenti dwar il-każ tal-massakru ta' La Saline, dwar il-fastidju u l-attakki fil-konfront tal-ġurnalisti u dwar l-imwiet li seħħew f'nofs Settembru 2019; jitlob b'insistenza li l-awturi tad-delitti jitressqu quddiem il-ġustizzja u jiġu kkastigati; isostni mill-ġdid l-importanza tal-libertà tal-midja li tirrapporta dwar is-sitwazzjoni; iħeġġeġ lill-atturi kollha jżommu lura milli joħduha kontra l-ġurnalisti u jippermettulhom jirrappurtaw dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż; itenni li d-dritt ta' espressjoni paċifika ta' opinjoni u ta' kritika jrid jiġi ggarantit;
5. Japprova l-appell biex tintbagħat missjoni indipendenti ta' esperti tal-OAS fil-Haiti għal perjodu itwal, bil-kompitu li tiċċara l-vjolazzjonijiet diversi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u bil-għan li twettaq investigazzjonijiet imparzjali, bir-reqqa, trasparenti u indipendenti, kif ukoll li ssaħħaħ l-obbligu ta' rendikont u li tipprovdi l-ġustizzja u l-verità lill-familji u lill-vittmi superstiti, kif jesiġu l-organizzazzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
6. Jopponi kwalunkwe tentattiv minn xi forzi biex jerġa' jiġi stabbilit dittatorjat; jissottolinja l-ħtieġa urġenti ta' governanza strutturali u riformi ekonomiċi biex terġa' tinkiseb il-fiduċja fis-sistema politika tal-pajjiż; jenfasizza l-ħtieġa li jinqerdu l-korruzzjoni sistemika tal-gvern, il-klijenteliżmu u l-erożjoni tal-istat tad-dritt;
7. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Ambaxxata tal-UE f'Port-au-Prince jappoġġjaw l-istabbilizzazzjoni demokratika sħiħa tal-pajjiż u jgħinu biex jintemmu l-korruzzjoni u forom oħra ta' kriminalità;
8. Jilqa' l-istabbiliment tal-Uffiċċju Integrat tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Haiti (BINUH) mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fis-16 ta' Ottubru 2019, li għandu jiġi fdat bil-kompitu li jagħti parir lill-Gvern tal-Haiti dwar kif għandhom jittejbu l-istabbiltà politika u l-governanza tajba; jitlob lin-NU jkomplu jwettqu rwol attiv fi proċess ta' żamma u tħejjija tal-paċi, mingħajr ma jirrepetu l-iżbalji tal-passat; jistieden lin-NU u lill-pajjiżi membri tagħha jinvestigaw b'mod effikaċi l-każijiet ta' allegat sfruttament jew abbuż sesswali min-naħa tal-forzi taż-żamma tal-paċi tal-MINUSTAH u min-naħa tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-Haiti u jressqu lill-awturi ta' dawn id-delitti quddiem il-ġustizzja u jipprovdu appoġġ u kumpens lill-vittmi;
9. Jistieden lill-UE ssaħħaħ u tappoġġja l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet Haitjani li jkunu minn ta' quddiem fid-deċiżjoni dwar it-tip ta' assistenza mogħtija lill-pajjiż, kif ukoll dwar il-benefiċjarji tagħha;
10. Jistieden b'urġenza lill-Gvern tal-Haiti jippermetti aċċess bla xkiel lill-organizzazzjonijiet umanitarji sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-operazzjonijiet tagħhom, jassistu lil dawk fil-bżonn u jqassmu l-ikel u għajnuna vitali oħra;
11. Jitlob li tintemm il-prattika ta' Restavèk; jitlob lill-Gvern Haitjan jimplimenta miżuri li jiżguraw ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni tat-tfal, kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament, u biex jinforza l-edukazzjoni; jitlob lill-UE tikkoopera mal-Gvern Haitjan sabiex jimplimenta qafas leġiżlattiv li jħares id-drittijiet tat-tfal;
12. Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, li ssir leġiżlazzjoni kontra kull forma ta' vjolenza bbażata fuq il ġeneru u li jiġi dekriminalizzat l-abort li attwalment huwa pprojbit fiċ-ċirkostanzi kollha, inkluż f'każijiet ta' vjolenza sesswali; iqis li jeħtieġ li jiġu implimentati miżuri urġenti għall-protezzjoni u l-appoġġ tan-nisa u t-tfal li huma vittmi ta' abbuż sesswali, bħall-kura medika u psikoloġika u programmi speċifiċi ta' inklużjoni soċjali u riabilitazzjoni; jikkundanna l-gang rape fuq nisa detenuti fil-ħabs ta' Gonaïves; jitlob investigazzjoni f'waqtha, imparzjali, indipendenti u effettiva tal-allegazzjonijiet; ifakkar li meta l-istati jċaħħdu lin-nies mil-libertà tagħhom, huma responsabbli biex jiggarantixxu l-integrità tagħhom u jipproteġuhom minn atti ta' vjolenza;
13. Jikkundanna l-abbozzi ta' liġijiet kontra l-LGBT mgħoddija fl-2017 li appellaw għal projbizzjoni taż-żwieġ gay u elenkaw l-omosesswalità, flimkien mal-pornografija tat-tfal, l-inċest u l-isfruttament sesswali kummerċjali tat-tfal, bħala raġuni biex ċittadin jiċċaħħad minn ċertifikat ta' reputazzjoni tajba; jesprimi tħassib dwar iċ-ċirkostanzi madwar il-mewt ta' Charlot Jeudy, il-President tal-grupp ta' promozzjoni LGBTQI Kouraj;
14. Jistieden lill-Gvern Haitjan jimplimenta sistema amministrattiva li tiggarantixxi li t-trabi tat-twelid kollha jiġu reġistrati mat-twelid u biex jiġi żgurat li jittieħdu miżuri biex jiġu reġistrati dawk li ma ġewx reġistrati mat-twelid;
15. Jitlob li jkun hemm ġlieda sistematika kontra l-vjolenza fuq l-anzjani;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, lill-istituzzjonijiet tal-Cariforum, lill-gvern u l-parlament tal-Haiti u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-Allokazzjoni ta' sehem fil-kwota tariffarja għall-importazzjonijiet ta' laħam taċ-ċanga ta' kwalità għolja ***
126k
42k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar l-Allokazzjoni lill-Istati Uniti ta' Sehem fil-Kwota Tariffarja għal-Laħam taċ-Ċanga ta' Kwalità Għolja msemmija fil-Memorandum ta' Qbil Rivedut Rigward l-Importazzjoni tal-Laħam taċ-Ċanga minn Annimali li Ma Jkunux Ġew Ittrattati b'Ċerti Ormoni Tat-Tkabbir u Rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal Ċerti Prodotti tal-Unjoni Ewropea (2014) (10681/2019 – C9-0107/2019 – 2019/0142(NLE))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (10681/2019),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar l-Allokazzjoni lill-Istati Uniti ta' Sehem fil-Kwota Tariffarja għal-Laħam taċ-Ċanga ta' Kwalità Għolja msemmija fil-Memorandum ta' Qbil Rivedut Rigward l-Importazzjoni tal-Laħam taċ-Ċanga minn Annimali li Ma Jkunux Ġew Ittrattati b'Ċerti Ormoni Tat-Tkabbir u Rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal Ċerti Prodotti tal-Unjoni Ewropea (2014) (10678/2019),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0107/2019),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tiegħu tat-28 ta’ Novembru 2019(1) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(1) u (4) u l-Artikolu 114(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0038/2019),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Istati Uniti tal-Amerka.
Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar l-Allokazzjoni ta' Sehem fil-Kwota Tariffarja għall-importazzjonijiet ta' laħam taċ-ċanga ta' kwalità għolja (riżoluzzjoni)
138k
46k
Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Novembru 2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar l-Allokazzjoni lill-Istati Uniti ta' Sehem fil-Kwota Tariffarja għal-Laħam taċ-Ċanga ta' Kwalità Għolja msemmija fil-Memorandum ta' Qbil Rivedut Rigward l-Importazzjoni tal-Laħam taċ-Ċanga minn Annimali li Ma Jkunux Ġew Ittrattati b'Ċerti Ormoni Tat-Tkabbir u Rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal Ċerti Prodotti tal-Unjoni Ewropea (2014) (10681/2019 – C9-0107/2019 – 2019/0142M(NLE))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (10681/2019),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar l-Allokazzjoni lill-Istati Uniti ta' Sehem fil-Kwota Tariffarja għal-Laħam taċ-Ċanga ta' Kwalità Għolja msemmija fil-Memorandum ta' Qbil Rivedut Rigward l-Importazzjoni tal-Laħam taċ-Ċanga minn Annimali Li Ma Jkunux Ġew Ittrattati b'Ċerti Ormoni tat-Tkabbir u Rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal Ċerti Prodotti tal-Unjoni Ewropea (2014) (10678/2019),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C9-0107/2019),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet UE-Stati Uniti(1), tat-3 ta' Lulju 2018 dwar id-diplomazija dwar il-klima(2) u tal-14 ta' Marzu 2019 dwar it-tibdil fil-klima – viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi(3),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-Istati Uniti u l-UE tal-25 ta' Lulju 2018 wara ż-żjara tal-President Juncker fil-White House (Dikjarazzjoni Konġunta)(4),
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress dwar l-Implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Stati Uniti tal-25 ta' Lulju 2018(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-28 ta’ Novembru 2019(6) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0037/2019),
A. billi l-UE u l-Istati Uniti għandhom l-akbar relazzjoni kummerċjali u ta' investiment bilaterali, igawdu l-aktar relazzjoni ekonomika integrata fid-dinja u jikkondividu valuri u interessi ekonomiċi u politiċi importanti, u dan minkejja t-tensjonijiet kummerċjali kurrenti;
B. billi fl-2009, l-UE u l-Istati Uniti kkonkludew Memorandum ta' Qbil (MtQ, rivedut fl-2014(7)) li jipprevedi soluzzjoni interim għal tilwima li ilha għaddejja fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) rigward miżuri li l-UE imponiet fl-1989 fuq l-esportazzjonijiet ta' laħam mill-Istati Uniti li fih ormoni ta' tkabbir artifiċjali taċ-ċanga(8); billi l-MtQ stabbilixxa kwota tariffarja (KT) ta' 45 000 tunnellata għal ċanga mhux ittrattata bl-ormoni, miftuħa għall-fornituri kollha li jikkwalifikaw fl-istati membri tad-WTO;
C. billi fl-2019, il-Kummissjoni nnegozjat allokazzjoni ġdida tal-KT mal-Istati Uniti (35 000 tunnellata għall-Istati Uniti mill-45 000 tunnellata globali), filwaqt li l-fornituri l-oħra (l-Awstralja, l-Urugwaj u l-Arġentina) qablu li jikkondividu l-bqija tal-kwota;
D. billi dan il-ftehim għandu jitqies fid-dawl tat-tnaqqis tat-tensjoni kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti li kien hemm qbil dwaru fid-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-Istati Uniti u l-UE tal-25 ta' Lulju 2018;
E. billi l-Istati Uniti, huma u jinvokaw tħassib dwar is-sigurtà nazzjonali, f'Marzu 2018 imponew tariffi addizzjonali fuq l-importazzjonijiet tal-azzar u l-aluminju, u qed jheddu li japplikaw tariffi simili fuq l-importazzjonijiet ta' vetturi bil-mutur u parts ta' vetturi bil-mutur mill-UE (skont it-Taqsima 232 tat-Trade Expansion Act tal-Istati Uniti tal-1962);
F. billi l-UE qed toġġezzjona fid-WTO għall-impożizzjoni ta' dazji anti-dumping u kumpensatorji mill-Istati Uniti fuq iż-żebbuġ Spanjol(9);
G. billi, abbażi tad-deċiżjoni arbitrali tad-WTO ċċirkolata fit-2 ta' Ottubru 2019(10), u b'ritaljazzjoni għal sussidji illegali mill-UE li ngħataw lill-manifattur tal-inġenji tal-ajru Airbus, l-Istati Uniti fit-18 ta' Ottubru 2019 imponew tariffi fuq b'kemm jiswew USD 7,5 biljun f'importazzjonijiet mill-UE, hekk li pperikolaw parti kbira mis-setturi agrikoli tal-UE b'tariffa ta' 25 % minflok dik industrijali, inklużi l-inġenji tal-ajru b'tariffa ta' 10 %;
H. billi l-Parlament Ewropew ripetutament ħeġġeġ lill-UE tikkunsidra modi biex iżżid il-livell ta' ambizzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u tintegra l-ambizzjoni klimatika fil-politiki kollha tal-UE, inkluża l-politika kummerċjali, u billi huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali kollha ffirmati mill-UE jkunu kompletament kompatibbli mal-Ftehim ta' Pariġi;
1. Jilqa' dan il-ftehim mal-Istati Uniti dwar l-allokazzjoni ta' sehem fil-KT għal ċanga ta' kwalità għolja bħala soluzzjoni għal tilwima kummerċjali twila, peress li jagħti eżempju pożittiv ta' soluzzjoni negozjata bejn l-UE u l-Istati Uniti;
2. Jilqa' u jirrikonoxxi l-fatt li l-membri l-oħra tad-WTO li jesportaw ċanga mhux ittrattata bl-ormoni lejn l-UE qablu li jappoġġjaw dan il-ftehim billi jaċċettaw li l-parti l-kbira ħafna tal-kwota tiġi allokata lill-Istati Uniti; jirrikonoxxi l-fatt li, skont il-Kummissjoni, ma ngħata l-ebda kumpens lil dawk il-membri tad-WTO talli appoġġjaw il-ftehim;
3. Jinnota li l-ftehim ma jaffettwax il-livelli kurrenti tal-aċċess taċ-ċanga għas-suq tal-UE, u li l-kwota ġenerali tal-aċċess għas-suq tal-UE għal ċanga mhux ittrattata bl-ormoni ma tridx tiżdied; jirrikonoxxi li l-ftehim m'għandux jaffettwa l-karatteristiċi tekniċi tal-kwota, kif definit fl-Anness 2 tar-Regolament (UE)Nru 481/2012(11), inkluża l-kwalità u t-traċċabbiltà tal-prodotti, sabiex jiġi ggarantit l-ogħla livell possibbli ta' protezzjoni għall-konsumaturi tal-UE; jinnota li l-ftehim ma jaffettwax il-projbizzjoni tal-UE fuq l-importazzjonijiet taċ-ċanga minn annimali ttrattati b'ċerti ormoni tat-tkabbir;
4. Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex issib soluzzjoni ġusta u bbilanċjata bil-għan li tikkalma t-tensjonijiet kummerċjali kurrenti, inkluż permezz ta' dan il-ftehim; jisħaq fuq l-importanza li jinstabu soluzzjonijiet negozjati, jinnota li l-UE għamlet dak kollu li tista' biex ittaffi t-tensjonijiet kummerċjali attwali; jistieden lill-Istati Uniti biex jaħdmu mal-UE f'dan ir-rigward; jiddeplora n-notifika formali tal-Istati Uniti tal-4 ta' Novembru 2019 dwar l-irtirar tagħhom mill-Ftehim ta' Pariġi; ifakkar li l-Politika Kummerċjali Komuni tal-UE trid tikkontribwixxi għall-promozzjoni tat-twettiq tal-Ftehim ta' Pariġi;
5. Jenfasizza l-importanza li dan il-ftehim jiġi stabbilit apparti minn negozjati kummerċjali oħra li għaddejjin bejn l-Istati Uniti u l-UE, li fihom ma għandux jiġi inkluż is-settur agrikolu;
6. Jieħu nota tan-nuqqas ta' progress fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta, għalkemm l-UE qed twettaq l-objettivi biex tnaqqas it-tensjoni kummerċjali, kif stipulat fid-Dikjarazzjoni;
7. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Istati Uniti sa issa rrifjutaw li jaħdmu mal-UE fuq soluzzjoni ġusta u bilanċjata għall-industriji rispettivi tagħna tal-inġenji tal-ajru fil-kuntest tat-tilwima Airbus/Boeing li ilha għaddejja żmien, u jistieden lill-Istati Uniti biex jibdew negozjati ħalli din tissolva; jinsab imħasseb dwar il-miżuri li ħadu l-Istati Uniti li jaffettwaw lis-settur tal-avjazzjoni Ewropew u lil bosta prodotti agroalimentari; jitlob li l-Kummissjoni timplimenta miżuri ta' appoġġ għall-produtturi Ewropej;
8. Jistieden lill-Istati Uniti biex jirrevokaw it-tariffi unilaterali addizzjonali fuq l-azzar u l-aluminju, u dawk fuq iż-żebbuġ, u biex jirtiraw it-theddida tagħhom li jimponu tariffi addizzjonali fuq il-karozzi u l-parts tal-karozzi;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Istati Uniti tal-Amerka.
Memorandum ta' Qbil Rivedut mal-Istati Uniti tal-Amerika Rigward l-Importazzjoni taċ-Ċanga ġejja minn Annimali li Ma Jkunux Ġew Ittrattati b'Ċerti Ormoni tat-Tkabbir u Rigward id-Dazji Ogħla Applikati mill-Istati Uniti għal ċerti prodotti tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 27, 30.1.2014, p. 2).
Komunikazzjoni konġunta tas-17 ta' April 2014 mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar miżuri li jikkonċernaw il-laħam u l-prodotti tal-laħam (ormoni) (WT/DS26/29).
Il-Komunitajiet Ewropej u Ċerti Stati Membri – Miżuri li jolqtu l-Kummerċ ta' Inġenji tal-Ajru Ċivili ta' Daqs Kbir: Rikors għall-Artikolu 7.9 tal-Ftehim SCM u l-Artikolu 22.7 tad-DSU mill-Istati Uniti tal-4 ta' Ottubru 2019 (WT/DS316/42).
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 481/2012 tas-7 ta' Ġunju 2012 li jistipula regoli għall-ġestjoni ta' kwota tariffarja għal ċanga ta' kwalità għolja, (ĠU L 148, 8.6.2012, p. 9).
Is-sitwazzjoni fil-Bolivja
130k
44k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Bolivja (2019/2896(RSP))
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-22 ta' Ottubru 2019 dwar il-proċess elettorali fil-Bolivja u tal-15 ta' Novembru 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Bolivja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) fil-Bolivja tal-21 ta' Ottubru 2019,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Awdituri dwar il-Proċess Elettorali fil-Bolivja tal-10 ta' Novembru 2019,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet, tas-16 ta' Novembru 2019,
– wara li kkunsidra r-referendum kostituzzjonali li sar fil-Bolivja fil-21 ta' Frar 2016,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bolivja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-aħħar dikjarazzjonijiet għall-istampa dwar il-Bolivja maħruġa mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari dawk tat-23 ta' Ottubru, tat-12 ta' Novembru u tad-19 ta' Novembru 2019,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Bolivja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fl-20 ta' Ottubru 2019, saru l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi fil-Bolivja f'ambjent polarizzat ferm, peress li l-President Morales huwa persunaġġ kontroversjali ħafna u li kien hemm kontroversja dwar l-aċċettazzjoni tal-kandidatura tiegħu;
B. billi, wara li ma rnexxilux jirbaħ referendum biex jemenda l-Kostituzzjoni tal-Bolivja fl-2016, Evo Morales ippreżenta ruħu bħala kandidat għar-raba' mandat bl-approvazzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, deċiżjoni li wriet in-nuqqas ċar ta' indipendenza tal-ġudikatura fil-Bolivja;
C. billi wara li kienu ngħaddew aktar minn 80 % tal-voti permezz tas-sistema rapida u sikura għat-trażmissjoni tar-riżultati preliminari (TREP), il-Qorti Elettorali Suprema waqfet milli tiżvela aktar riżultati preliminari; billi, f'dan il-punt, iċ-ċifri kienu jindikaw b'mod ċar li l-votazzjoni kellha ssir it-tieni darba; billi, 24 siegħa wara, il-Qorti Elettorali Suprema "ppreżentat data b'bidla inspjegabbli fix-xejra, li mmodifikat radikalment l-eżitu tal-elezzjoni u ġġenerat telf ta' fiduċja fil-proċess elettorali", kif iddikjarat mill-OAS; billi t-Tribunal Kostituzzjonali eskluda l-possibbiltà li l-votazzjoni ssir it-tieni darba fuq il-bażi li d-differenza perċentwali meħtieġa ta' 10 % bejn iż-żewġ kandidati ewlenin kienet intlaħqet;
D. billi l-azzjonijiet tat-Tribunal Elettorali Suprem wasslu għal nuqqas ta' qbil u suspetti ta' frodi mhux biss fost il-partitarji tal-kandidati tal-oppożizzjoni, iżda anke fost l-osservaturi nazzjonali u internazzjonali u l-maġġoranza tal-komunità internazzjonali;
E. billi l-President Morales ipproklama lilu nnifsu pubblikament bħala r-rebbieħ tal-elezzjoni, anke qabel ma r-riżultati uffiċjali kollha ġew trażmessi u mħabbra pubblikament;
F. billi dikjarazzjonijiet tal-OAS, l-UE u l-komunità internazzjonali esprimew tħassib serju dwar l-interruzzjoni mhux ġustifikata tal-għadd tal-voti, li tindika l-possibbiltà ta' approċċ preġudikat mill-osservaturi tal-Kummissjoni Elettorali; billi r-rakkomandazzjoni tal-interlokuturi domestiċi u internazzjonali kienet li l-elezzjoni ssir it-tieni darba bħala mod kif tissolva l-kriżi politika;
G. billi l-interruzzjoni mhux mistennija tal-għadd tal-voti u l-proklamazzjoni tar-rebħa mill-President Morales wasslu għal protesti u mobilizzazzjoni enormi mill-partitarji tal-oppożizzjoni, kif ukoll mill-partitarji tal-President Morales stess; billi dawn id-dimostrazzjonijiet kienu kawża ta' tħassib kbir għall-komunità internazzjonali kollha u, sal-lum, wasslu għall-qtil ta' mill-inqas 32 ruħ, filwaqt li mijiet aktar indarbu u aktar minn 600 ruħ ġew arrestati; billi l-pajjiż kien qed ibati minħabba nuqqas ta' ikel u ta' fjuwil li qed ikollu konsegwenzi serji għall-popolazzjoni ċivili minħabba mblokki fit-toroq mis-sostenituri ta' Morales; billi hemm tħassib dwar il-vjolenza, allegazzjonijiet ta' użu mhux meħtieġ u sproporzjonat tal-forza mill-forzi tas-sigurtà u t-tifrik tas-soċjetà;
H. billi l-korp inkarigat mill-amministrazzjoni tal-elezzjonijiet ma kellu ebda kredibbiltà, u wieħed mill-membri tiegħu rriżenja matul l-għadd tal-voti; billi l-oppożizzjoni ma rrikonoxxietx ir-riżultat tal-elezzjoni li saret f'ċirkustanzi bħal dawn, u ddenunzjat il-frodi elettorali allegata;
I. billi l-UE ma bagħtitx missjoni ta' osservazzjoni elettorali sħiħa iżda kienet rappreżentata biss minn tim tekniku żgħir magħmul minn tliet uffiċjali bi grad iktar baxx;
J. billi, bil-għan li terġa' tiġi stabbilita l-fiduċja, kemm il-gvern kif ukoll l-awtoritajiet elettorali aċċettaw awditu tekniku vinkolanti minn tim professjonali tal-OAS; billi dan l-awditu kellu l-appoġġ tas-Segretarju Ġenerali tan-NU;
K. billi, fl-10 ta' Novembru 2019, l-awditu tal-OAS żvela irregolaritajiet u manipulazzjoni gravi matul l-elezzjoni, talab l-annullament tar-riżultat tal-elezzjoni u rrakkomanda proċess elettorali ġdid li għandu jinkludi awtoritajiet elettorali ġodda sabiex jiġi żgurat li jsiru elezzjonijiet kredibbli;
L. billi, wara l-preżentazzjoni tar-rapport tal-awditu tal-OAS fl-10 ta' Novembru 2019 li talab li l-proċess elettorali jiġi annullat u jsir mill-ġdid, ħafna uffiċjali tal-istat bi grad għoli rriżenjaw, inklużi l-President, il-Viċi President, il-President tas-Senat u rappreżentanti tal-korp elettorali; billi Evo Morales u xi membri oħra tal-gvern tiegħu kellhom jirriżenjaw, jitilqu mill-pajjiż u jabbandunaw il-funzjonijiet tagħhom; billi membri anzjani tal-forzi armati ssuġġerew li l-ex President Evo Morales kellu jirreżenja; billi l-forzi armati u l-pulizija għandhom iżommu lura milli jinfluwenzaw il-proċessi politiċi u għandhom ikunu soġġetti għall-kontroll ċivili;
M. billi Jeanine Áñez iffirmat digriet kontroversjali li jipproteġi lill-forzi armati mill-prosekuzzjoni minħabba atti li jwettqu biex jerġa' jiġi stabbilit l-ordni pubbliku;
N. billi diversi riżenji wasslu biex it-Tieni Viċi President, Jeanine Áñez, assumiet il-presidenza interim, bl-obbligu li titlob malajr li jsiru elezzjonijiet presidenzjali ġodda peress li dan huwa l-uniku mod demokratiku u kostituzzjonali biex tissolva l-kriżi attwali;
O. billi kemm it-tieni kamra kif ukoll l-ewwel kamra tal-Parlament tal-Bolivja approvaw b'mod unanimu, fit-23 ta' Novembru 2019, leġiżlazzjoni li twitti t-triq għal elezzjoni presidenzjali ġdida, li sussegwentement ġiet iffirmata mill-President interim Áñez; billi l-leġiżlazzjoni approvata tipprojbixxi lil dawk li servew għal żewġ mandati konsekuttivi bħala president milli joħorġu għall-elezzjoni, u b'hekk Evo Morales mhuwiex eliġibbli;
1. Jilqa' l-approvazzjoni miż-żewġ kmamar tal-leġislazzjoni biex jitħejjew l-elezzjonijiet presidenzjali li jmiss, iżda jemmen li r-ritorn għall-istabbiltà fil-Bolivja jirrikjedi li ssir elezzjoni ġdida mill-aktar fis possibbli, u għalhekk jappoġġa l-objettiv li tinħatar Qorti Elettorali indipendenti ġdida li tiggarantixxi elezzjonijiet trasparenti; jistieden lill-awtoritajiet interim jassumu r-responsabbiltà għall-kredibbiltà tal-proċedura billi jorganizzaw elezzjonijiet li jsiru b'mod xieraq u inklużiv fejn l-atturi politiċi kollha jkollhom l-opportunità jikkompetu f'konformità mal-liġi Bolivjana u l-ordni kostituzzjonali;
2. Jiddenunzja n-nuqqas ta' trasparenza u kredibbiltà tal-awtoritajiet Bolivjani u t-tentattiv tagħhom li jwettqu frodi, biex b'hekk jimminaw id-dritt taċ-ċittadini Bolivjani li jeleġġu l-President tagħhom b'mod liberu u demokratiku; iqis li t-tentattiv ta' frodi elettorali jikkostitwixxi reat serju; ifakkar li, skont il-leġiżlazzjoni Bolivjana, l-elezzjoni trid tiġi ddikjarata nulla u bla effett u individwi u organizzazzjonijiet involuti f'tali proċessi illegali għandhom jiġu esklużi awtomatikament mill-korpi elettorali;
3. Jiddenunzja bil-qawwa l-vjolenza u l-qerda li seħħew wara l-elezzjoni tal-20 ta' Ottubru 2019, u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-membri kollha tal-familja tal-vittmi u jappella biex dawk responsabbli jitressqu l-qorti;
4. Jesprimi l-appoġġ sħiħ u r-rikonoxximent tiegħu għall-ħidma tal-osservaturi elettorali tal-OAS li ssir f'kundizzjonijiet estremament diffiċli fil-Bolivja;
5. Jilqa' d-deċiżjoni li l-armata tirtira miż-żoni ta' protesta u li l-liġi li tagħtihom diskrezzjoni wiesgħa fl-użu tal-forza tiġi rtirata; jistieden lill-forzi tas-sigurtà biex, fiż-żamma tas-sigurtà u l-ordni pubbliku, jeżerċitaw il-proporzjonalità u jrażżnu għemilhom; jappella għal investigazzjonijiet fil-pront, imparzjali, trasparenti u bir-reqqa dwar il-vjolenza, u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;
6. Jistieden lill-awtoritajiet interim il-ġodda jieħdu l-passi meħtieġa biex ibiddlu s-sitwazzjoni, jerġgħu jdaħħlu l-fiduċja, u, bħala l-għan ewlieni tagħhom, jorganizzaw il-proċess elettorali; jappella biex jiġi stabbilit djalogu bil-għan li tiġi organizzata minnufih elezzjoni ġdida demokratika, inklużiva, trasparenti u ġusta, b'korp elettorali magħmul minn nies ġodda, bħala soluzzjoni għall-kriżi attwali, filwaqt li tiġi evitata r-ritaljazzjoni politika; jistieden lill-gvern interim ma jieħu ebda miżura ta' tfixkil li tista' taggrava s-sitwazzjoni;
7. Jilqa' r-rwol ta' medjazzjoni tal-UE u l-Knisja Kattolika biex jintlaħaq ftehim bejn il-partijiet dwar it-twettiq ta' elezzjonijiet ħielsa, inklużivi u trasparenti fil-perjodu ta' żmien stabbilit u f'konformità mal-Kostituzzjoni tal-Bolivja;
8. Itenni l-fatt li r-rispett għall-indipendenza tal-ġudikatura, il-pluraliżmu politiku, u l-libertà tal-għaqda u tal-espressjoni għall-Bolivjani kollha, inklużi n-nazzjonijiet u l-popli indiġeni bdiewa, huma drittijiet fundamentali u pilastri essenzjali tad-demokrazija u l-istat tad-dritt;
9. Jitlob b'insistenza li l-proċess elettorali l-ġdid isir fil-preżenza ta' osservaturi internazzjonali kredibbli u trasparenti, li jkunu liberi jaħdmu u jikkondividu l-osservazzjonijiet indipendenti tagħhom;
10. Jesprimi d-disponibbiltà tiegħu li jgħin fi proċess elettorali bħal dan u jistieden lill-VP/RGħ tibgħat missjoni ta' osservazzjoni elettorali sħiħa tal-UE;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tal-Bolivja, lill-Parlament Andin u lill-Assemblea EuroLat.
Emerġenza klimatika u ambjentali
122k
43k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali (2019/2930(RSP))
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto anness magħha,
– wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP21) li saret f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB),
– wara li kkunsidra l-aktar evidenza xjentifika reċenti u komprensiva dwar l-effetti ta' ħsara tat-tibdil fil-klima li tinsab fir-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) bit-titlu "It-Tisħin Globali ta' 1,5 °C", il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sintesi tiegħu, kif ukoll ir-rapport speċjali tiegħu dwar it-tibdil fil-klima u l-art, u r-rapport speċjali tiegħu dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel,
– wara li kkunsidra t-theddida qawwija li ġejja mit-telf tal-bijodiversità kif deskritta fis-sintesi għal dawk li jfasslu l-politika tar-rapport ta' valutazzjoni globali dwar il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi tal-Ekosistema tad-29 ta' Mejju 2019,
– wara li kkunsidra l-25 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP25) li se ssir f'Madrid, Spanja mit-2 sat-13 ta' Diċembru 2019,
– wara li kkunsidra s-26 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC li se ssir f'Diċembru 2020 u l-fatt li l-Partijiet kollha għall-UNFCCC jeħtieġu jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom stabbiliti fil-livell nazzjonali bi qbil mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi,
– wara li kkunsidra l-15-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (COP15) li se ssir f'Kunming, iċ-Ċina, f'Ottubru 2020, fejn il-Partijiet jeħtieġ jiddeċiedu fuq il-qafas globali ta' wara l-2020 biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar it-tibdil fil-klima – viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2019 f'Madrid, Spanja (COP25)(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi huwa kruċjali li tittieħed azzjoni immedjata u ambizzjuża li tillimita t-tisħin globali għal 1,5 C u tipprevjeni t-telf tal-massa tal-bijodiversità;
B. billi din l-azzjoni trid tkun ibbażata fuq ix-xjenza u trid tinkludi ċ-ċittadini u s-setturi kollha tas-soċjetà u tal-ekonomija, inkluża l-industrija, b'mod soċjalment ibbilanċjat u sostenibbli; billi trid tappoġġja l-kompetittività tal-ekonomiji tagħna u tiġi akkumpanjata minn miżuri soċjali u inklużivi qawwija biex jiżguraw tranżizzjoni ġusta u ekwa li ssostni l-ħolqien tal-impjiegi, filwaqt li jiġi rispettat il-bżonn ta' standard ta' benesseri għoli u ta' impjiegi u taħriġ ta' kwalità għolja;
C. billi l-ebda emerġenza ma għandha tintuża biex tnawwar l-istituzzjonijiet demokratiċi jew biex timmina d-drittijiet fundamentali; billi l-miżuri kollha dejjem jiġu adottati permezz ta' proċess demokratiku;
1. Jiddikjara emerġenza klimatika u ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-atturi globali kollha sabiex, b'mod urġenti jieħdu l-azzjoni konkreta meħtieġa sabiex jiġġieldu din it-theddida u jrażżnuha qabel ma jkun tard wisq, u jiddikjara l-impenn tiegħu favur dan il-għan;
2. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni l-ġdida tivvaluta bis-sħiħ l-impatt klimatiku u ambjentali tal-proposti leġiżlattivi u baġitarji rilevanti kollha, u tiżgura li dawn ikunu allinjati bis-sħiħ mal-għan li t-tisħin globali jinżamm taħt il-1,5 °C u li ma jkunux qed jikkontribwixxu għat-telf tal-bijodiversità;
3. Jirrikonoxxi r-responsabbiltà istituzzjonali tiegħu li jnaqqas il-marka tal-karbonju tiegħu; jipproponi li jadotta l-miżuri proprji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, inkluż bit-tibdil tal-vetturi tal-flotta tiegħu b'vetturi b'emissjonijiet żero, u jistieden lill-Istati Membri kollha jaqblu fuq sede unika għall-Parlament Ewropew;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni l-ġdida tindirizza l-inkonsistenzi tal-politiki attwali tal-Unjoni dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali, b'mod partikolari permezz ta' riforma estensiva tal-politiki tagħha dwar l-agrikoltura, il-kummerċ, it-trasport, l-enerġija u l-investiment fl-infrastruttura;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
Konferenza tan-NU tal-2019 dwar it-Tibdil fil-Klima (COP25)
235k
73k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-Konferenza tan-NU tal-2019 dwar it-Tibdil fil-Klima f'Madrid, Spanja (COP 25) (2019/2712(RSP))
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto anness magħha,
– wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP 21) li saret f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),
– wara li kkunsidra l-24 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP 24) u l-14-il sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP 14), kif ukoll it-tielet parti tal-ewwel sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi (CMA 1.3), li saret f'Katowice, il-Polonja, bejn it-2 u l-14 ta' Diċembru 2018,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bureau tal-COP tal-UNFCCC tal-1 ta' Novembru 2019 li taċċetta l-proposta mill-Gvern taċ-Ċilì, bħala l-Presidenza li jmiss, biex il-COP 25 issir f'Madrid, Spanja mit-2 sat-13 ta' Diċembru 2019,
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra s-Summit dwar it-Tibdil fil-Klima organizzat mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u li sar fit-23 ta' Settembru 2019,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2018 f'Katowice, il-Polonja (COP 24)(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar it-tibdil fil-klima – viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi(2),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 intitolata "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Ġunju 2019,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Ottubru 2019,
– wara li kkunsidra li fis-6 ta' Marzu 2015 il-Latvja u l-Kummissjoni Ewropea ressqu l-kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali tal-UE u l-Istati Membri tagħha lill-UNFCCC,
– wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar it-tisħin globali ta' 1,5 oC, il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sinteżi tiegħu, kif ukoll ir-rapport speċjali tiegħu dwar it-tibdil fil-klima u l-art, u r-rapport speċjali dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel;
– wara li kkunsidra r-rapport ewlieni dwar l-adattament għall-klima tal-Kummissjoni Dinjija dwar l-Adattament,
– wara li kkunsidra d-disa' rapport ta' sinteżi tal-Programm tan-NU għall-Ambjent (UNEP) ta' Novembru 2018 (Ir-Rapport tal-2018 dwar id-Distakk f'Termini ta' Emissjonijiet) u r-raba' rapport ta' adattament dwar id-distakk f'termini ta' adattament tiegħu għall-2018;
– wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-indikaturi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent intitolata "economic losses from climate-related extremes in Europe" (Telfien ekonomiku minħabba fenomeni estremi relatati mal-klima fl-Ewropa), ippubblikata fit-2 ta' April 2019,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (WMO) dwar l-istat tal-klima globali fl-2018 ta' Marzu 2019 kif ukoll l-14-il "Greenhouse Gas Bulletin" (Bulettin dwar il-gassijiet b'effett ta' serra) tat-22 ta' Novembru 2018,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Silesia dwar is-Solidarjetà u t-Tranżizzjoni Ġusta, id-Dikjarazzjoni Ministerjali tas-Silesia "Foresti għall-Klima" u s-Sħubija "Nixprunaw il-Bidla Flimkien" għall-Elettromobbiltà u t-Trasport b'Emissjonijiet Żero, iffirmati fil-marġni tal-konferenza dwar il-klima tal-COP 24,
– wara li kkunsidra s-sinteżi – intiża għal dawk li jfasslu l-politika – tar-rapport ta' valutazzjoni globali dwar il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi tal-Ekosistema (IPBES) tad-29 ta' Mejju 2019,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar Pjan ta' Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija(3),
– wara li kkunsidra r-rapport ta' sintesi ta' livell għoli dwar l-aħħar informazzjoni dwar ix-xjenza klimatika mlaqqa' mill-Grupp Konsultattiv dwar ix-Xjenza tas-Summit dwar l-Azzjoni Klimatika tan-NU 2019, intitolat "United in Science" (Magħqudin fix-Xjenza),
– wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Ewrobarometru ta' April 2019 dwar it-tibdil fil-klima,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kunsill (O-000029/2019 – B9-0055/2019) u lill-Kummissjoni (O-000030/2019 – B9-0056/2019) dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2019 f'Madrid, Spanja (COP 25),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Ftehim ta' Pariġi daħal fis-seħħ fl-4 ta' Novembru 2016; billi mid-19 ta' Novembru 2019, 187 mill-197 Parti għall-UNFCCC kienu ppreżentaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni man-NU;
B. billi, fis-6 ta' Marzu 2015, l-UE u l-Istati Membri tagħha ppreżentaw il-kontribut maħsub stabbilit fil-livell nazzjonali tagħhom lill-UNFCCC, b'hekk huma impenjaw ruħhom li jilħqu mira vinkolanti ta' mill-inqas 40 % ta' tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-1990;
C. billi l-impenji meħuda s'issa mill-firmatarji tal-Ftehim ta' Pariġi mhux se jkunu biżżejjed biex tintlaħaq il-mira komuni tiegħu; billi l-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali (NDC) attwali ppreżentat mill-UE u l-Istati Membri tagħha mhuwiex konformi mal-għanijiet stabbiliti fil-Ftehim ta' Pariġi u jeħtieġ jiġi rivedut;
D. billi r-rapport tal-IPCC dwar iż-żieda ta' 1,5 °C juri li l-impatti fuq iż-żieda fit-temperatura x'aktarx ikunu ferm inqas gravi b'żieda ta' 1,5 °C minn żieda ta' 2 °C;
E. billi dawn l-aħħar erba' snin – mill-2015 sal-2018 – kienu l-iktar erba' snin sħan b'rekord globali, u billi fl-2018 ġie rreġistrat l-ogħla livell ta' emissjonijiet globali tal-karbonju; billi Lulju 2019 kien l-iktar xahar sħun irreġistrat, u billi fis-sena 2019 qed tippersisti l-istess xejra attwali, b'mod li l-perjodu 2015-2019 jinsab fit-triq biex ikun l-iktar ħames snin sħan irreġistrati, skont id-WMO;
F. billi, skont id-WMO, il-konċentrazzjoni globali ta' CO2 kienet ta' 407,8 parti għal kull miljun (ppm) fl-2018, 2,2 ppm ogħla mill-2017, u l-konċentrazzjonijiet tas-CO2 jinsabu fit-triq biex jilħqu jew saħansitra jaqbżu l-410 ppm sa tmiem l-2019;
G. billi f'185 pajjiż madwar id-dinja ġew organizzati strajks dwar il-klima bħala parti minn moviment globali, b'rekord ta' 7,6 miljun persuna li niżlu fit-toroq f'Settembru 2019, b'hekk saret l-ikbar mobilizzazzjoni klimatika fl-istorja;
H. billi l-preambolu għall-Ftehim ta' Pariġi jirrikonoxxi l-importanza li tiġi żgurata l-integrità tal-ekosistemi kollha, inklużi l-oċeani, u l-Artikolu 4(1)(d) tal-UNFCCC jenfasizza li l-Partijiet għalih għandhom jippromwovu l-ġestjoni sostenibbli, u l-konservazzjoni u t-titjib tal-bjar u tar-riservi tal-gassijiet b'effett ta' serra kollha, inklużi l-bijomassa, il-foresti u l-oċeani kif ukoll ekosistemi terrestri, kostali u tal-baħar oħra;
I. billi ċ-Ċilì, bħala l-Presidenza li jmiss tal-COP 25, diġà indika li se jenfasizza r-rwol tal-oċeani fil-ġlieda kontra t-tisħin globali, deċiżjoni li tagħmel iktar sens wara l-pubblikazzjoni ta' rapport allarmanti ġdid mill-IPCC dwar it-tisħin tal-oċeani;
J. billi l-foresti jikkontribwixxu sostanzjalment għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima; billi madwar 10 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-UE huma assorbiti minn foresti li qed jikbru; billi d-deforestazzjoni tirrappreżenta kważi 20 % tal-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra u hija kkawżata partikolarment mill-espansjoni tal-produzzjoni industrijali tal-bhejjem, tas-sojja u taż-żejt tal-palm, inklużi dawk destinati għas-suq tal-UE; billi l-UE għandha tnaqqas il-kontribuzzjonijiet indiretti tagħha għad-deforestazzjoni ("embodied deforestation"), li għalihom għandha wkoll responsabbiltà;
K. billi l-Parlament issa talab diversi drabi lill-Kummissjoni, inkluż fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar it-tibdil fil-klima tal-14 ta' Marzu 2019, biex teżamina l-ipprezzar tas-CO2 f'setturi li għadhom mhumiex koperti mill-iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS);
L. billi t-tibdil fil-klima jaffettwa b'mod sproporzjonat lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, minkejja l-fatt li dawn joħolqu emissjonijiet tas-CO2 ferm inqas mill-pajjiżi żviluppati;
1. Ifakkar li t-tibdil fil-klima jirrappreżenta waħda mill-iktar sfidi importanti li qed tiffaċċja l-umanità u li l-istati u l-atturi kollha madwar id-dinja jeħtieġ li jagħmlu l-almu tagħhom biex jiġġieldu dan it-tibdil; jissottolinja l-fatt li l-kooperazzjoni internazzjonali, is-solidarjetà, kif ukoll l-impenn koerenti u sod fil-ħin favur azzjoni konġunta huma l-unika soluzzjoni li tissodisfa r-responsabbiltà kollettiva tagħna għall-preservazzjoni tal-pjaneta kollha;
2. Jirrikonoxxi l-fatt li r-riskji serji tat-tibdil fil-klima jinsabu fiċ-ċentru tat-tħassib tan-nies; ifakkar li skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2019, 93 % taċ-ċittadini tal-UE jqisu t-tibdil fil-klima bħala problema serja; jilqa' l-fatt li l-popli madwar id-dinja, b'mod partikolari l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, qed isiru dejjem iktar attivi fil-ġlieda favur l-azzjoni dwar il-klima; jilqa' l-appelli tagħhom favur ambizzjoni kollettiva ikbar u azzjoni rapida biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u biex ma jinqabiżx il-limitu ta' 1,5 °C; iħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll l-UE, biex jagħtu widen għal dawn l-appelli;
3. Jirrikonoxxi li l-appoġġ pubbliku huwa indispensabbli għas-suċċess tal-politika u l-miżuri klimatiċi ambizzjużi u inklużivi tal-UE; iqis li dan għandu jkun rifless fl-isforzi tal-UE biex tindirizza t-tibdil fil-klima;
4. Jirrikonoxxi l-fatt li l-piż tat-tibdil fil-klima diġà jinħass, u se jkompli jinħass, b'mod qawwi fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tad-Dinja, li l-pajjiżi tan-Nofsinhar tad-Dinja huma iktar vulnerabbli għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima mit-Tramuntana tad-Dinja, diġà qed jesperjenzaw telf u ħsarat, u għandhom anqas kapaċitajiet biex jadattaw, u li l-pajjiżi tan-Nofsinhar tad-Dinja kkontribwew ferm anqas għall-kriżi klimatika mit-Tramuntana tad-Dinja;
5. Ifakkar li l-preambolu tal-Ftehim ta' Pariġi jirrikonoxxi d-"dritt għas-saħħa" bħala dritt fundamentali; jissottolinja l-fatt li l-Artikolu 4(1)(f) tal-UNFCCC jiddikjara li l-Partijiet kollha għandhom jużaw metodi xierqa, pereżempju valutazzjonijiet tal-impatt, imfassla u determinati fuq livell nazzjonali, bil-għan li jiġu minimizzati l-effetti negattivi fuq l-ekonomija, is-saħħa pubblika u l-kwalità tal-ambjent, ta' proġetti jew miżuri li jitwettqu biex itaffu jew jadattaw għat-tibdil fil-klima; iqis li għandha tiġi inkluża s-saħħa fil-pjanijiet ta' adattament nazzjonali u fil-komunikazzjonijiet nazzjonali lill-UNFCCC;
6. Jiddispjaċih mill-fatt li l-indikaturi tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) għat-tibdil fil-klima ma jinkludux is-saħħa; jieħu nota, madankollu, li s-sitwazzjoni qed tiġi rimedjata f'inizjattivi ta' riċerka akkademika mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u mis-Segretarjat tal-UNFCCC; jilqa' l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni politika ta' livell għoli tan-NU tat-23 ta' Settembru 2019 dwar il-kopertura universali tas-saħħa;
7. Jirrikonoxxi li ser ikun kważi impossibbli li jintlaħqu l-biċċa l-kbira tal-SDGs sakemm ma jiġux issodisfati l-ambizzjonijiet klimatiċi u ambjentali maqbula fil-COP 21;
8. Jenfasizza li l-impatti diretti tat-tibdil fil-klima diġà qed jinħassu; jissottolinja l-fatt li, skont ir-rapport mill-Kummissjoni Dinjija dwar l-Adattament, it-tibdil fil-klima jista' jirriduċi iktar minn 100 miljun persuna f'kundizzjonijiet ta' faqar sal-2030 u r-rendimenti tal-għelejjel jistgħu jonqsu bejn 5 sa 30 % sal-2050 u b'hekk iħallu impatti negattivi fuq is-sigurtà tal-ikel f'żoni partikolarment vulnerabbli;
9. Jenfasizza li t-tisħin mhux imrażżan huwa mistenni li jsawwar mill-ġdid l-ekonomija globali billi jnaqqas id-dħul medju globali bejn wieħed u ieħor bi 23 % sal-2100 u jżid l-inugwaljanza fl-introjtu globali; jenfasizza li b'kuntrast għal stimi preċedenti, it-telf globali mistenni huwa bejn wieħed u ieħor lineari għat-temperatura medja globali, b'telf medju iktar għoli minn dak indikat mill-mudelli prinċipali(4);
Bażi xjentifika favur l-azzjoni dwar il-klima
10. Jissottolinja l-fatt li r-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin ta' 1,5 °C jirrappreżenta l-iktar valutazzjoni komprensiva u xjentifika aġġornata tal-perkorsi ta' mitigazzjoni f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza l-fatt li, skont dan ir-rapport, sabiex ikun hemm possibbiltà li ż-żieda fit-tisħin globali tinżamm għal inqas minn 1,5 °C sal-2100, mingħajr l-ebda eċċess jew b'eċċess limitat, jeħtieġ li tintlaħaq newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fil-livell globali sa mhux iktar tard mill-2067, u li sal-2030 l-emissjonijiet globali annwali ta' gassijiet b'effett ta' serra jeħtieġ li jitnaqqsu għal massimu ta' 27,4 Gt CO2eq kull sena; jenfasizza l-fatt li, fid-dawl ta' dawn is-sejbiet u f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, jeħtieġ li l-UE bħala mexxejja globali u flimkien mal-ekonomiji globali ewlenin l-oħrajn jistinkaw biex jiksbu newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra malajr kemm jista' jkun u sa mhux iktar tard mill-2050;
11. Jenfasizza li r-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tibdil fil-klima u l-art jissottolinja l-effetti partikolarment drammatiċi tat-tisħin globali fuq l-art; jesprimi tħassib dwar il-fatt li d-degradazzjoni tal-art ikkawżata mill-bniedem, prinċipalment minħabba prattiki agrikoli insostenibbli, kif ukoll minħabba żieda fid-disturbi fl-użu tal-art bħan-nirien fil-foresti, qed jiddeterjoraw ulterjorment il-kapaċità tal-art li taġixxi bħala bir ta' karbonju; jissottolinja l-fatt li dawn il-konsegwenzi drammatiċi mistennija jmorru għall-agħar jekk ix-xejriet globali prevalenti jkomplu;
12. Jenfasizza li r-rapport speċjali tal-IPCC dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel jissottolinja l-fatt li l-mekkaniżmi klimatiċi jiddependu mis-saħħa tal-ekosistemi tal-oċeani u tal-baħar li bħalissa huma affettwati mit-tisħin globali, it-tniġġis, l-isfruttament żejjed tal-bijodiversità tal-baħar, livelli tal-baħar li qed jogħlew, l-aċidifikazzjoni, id-deossiġenazzjoni, il-mewġiet tas-sħana tal-baħar, it-tidwib bla preċedent tal-glaċieri u tas-silġ tal-baħar, u l-erożjoni tal-kosta; jenfasizza, barra minn hekk, il-konklużjonijiet tar-rapport fir-rigward tar-riskji aggravati għall-ekosistemi tal-baħar, għall-komunitajiet kostali u għall-mezzi ta' għajxien; ifakkar li l-oċeani huma parti mis-soluzzjoni għall-mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima u għall-adattament għalihom; jenfasizza li l-COP 25 se tkun l-ewwel "COP Blu"; jistieden għalhekk lill-UE tinkludi l-oċean bħala prijorità fl-aġenda ta' Ftehim Ekoloġiku Ewropew u fuq quddiem fin-negozjati internazzjonali li għaddejjin bħalissa dwar il-klima;
13. Jesprimi tħassib għall-fatt li l-konklużjonijiet tar-rapport tan-UNEP dwar id-diskrepanza fl-emissjonijiet għall-2018, b'mod partikolari l-fatt li l-kontributi inkondizzjonati stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) mhumiex remotament biżżejjed biex jinżamm il-limitu għat-tisħin tal-Ftehim ta' Pariġi ta' ferm inqas minn 2 °C, u minflok hu maħsub li jwasslu għal stima ta' tisħin ta' 3,2 °C(5) sal-2100 jekk wieħed jippreżumi li l-azzjoni dwar il-klima titkompla b'mod konsistenti matul is-seklu 21; jenfasizza li hemm riskju għoli li, b'tisħin ta' 3.2 °C, jiġu maqbuża ċerti punti kritiċi u jiġi indott tisħin addizzjonali massiv;
14. Jesprimi tħassib dwar is-sejbiet tar-rapport ta' sinteżi ta' livell għoli "United in Science" (Magħquda fix-Xjenza) fl-okkażjoni tas-Summit dwar l-Azzjoni Klimatika tan-NU tal-2019, b'mod partikolari li ż-żieda fl-emissjonijiet tal-faħam reġa' beda fl-2017 u li ż-żieda annwali fl-emissjonijiet tas-CO2 mill-fjuwils fossili laħaq livell għoli ġdid fl-2018, u b'hekk wassal għal konċentrazzjonijiet allarmanti u bla preċedent ta' gassijiet b'effett ta' serra fl-atmosfera;
15. Jenfasizza li l-livell attwali ta' ambizzjoni tal-NDC ikun jeħtieġ li jiżdied b'ħames darbiet sabiex ma jinqabiżx il-limitu ta' 1,5 °C; jenfasizza li din l-ambizzjoni globali għadha teknikament fattibbli, u tista' twassal għal diversi kobenefiċċji għall-ambjent u s-saħħa pubblika;
16. Jissottolinja li, skont id-WHO, it-tibdil fil-klima jaffettwa l-fatturi determinanti soċjali u ambjentali tas-saħħa – bħall-arja nadifa, l-ilma għax-xorb sikur, is-suffiċjenza alimentari u l-akkomodazzjoni sigura – u li bejn l-2030 u l-2050, huma previsti 250 000 mewta addizzjonali fis-sena, kaġun ta' malnutrizzjoni, malarja, dijarea u stress mis-sħana, flimkien ma' temperaturi tal-arja estremament għoljin li jwasslu b'mod dirett għal imwiet kaġun ta' mard kardjovaskulari u respiratorju, partikolarment fost il-popolazzjoni anzjana u ċ-ċittadini vulnerabbli; jenfasizza li minħabba ta' għargħar, mewġiet ta' sħana, nixfa u nirien, it-tibdil fil-klima għandu impatt konsiderevoli fuq is-saħħa tal-bniedem inkluż in-nuqqas ta' nutrizzjoni, fuq is-saħħa mentali, il-mard kardjovaskulari u respiratorju, u l-infezzjonijiet li jinġarru minn vetturi; jenfasizza li standards iktar fqar ta' iġjene u aċċess limitat għall-ilma tax-xorb u għas-servizzi tas-saħħa qed jipperikolaw is-saħħa tan-nisa, speċjalment waqt it-tqala;
17. Jenfasizza l-fatt li r-rapport ta' valutazzjoni globali tal-IPBES tal-2019 dwar il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema, ir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tibdil fil-klima u l-art, ir-rapport speċjali tal-IPCC dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel u r-rapport ewlieni dwar l-Adattament tal-Kummissjoni Dinjija dwar l-Adattament jirrikonoxxu t-tibdil fil-klima bħala wieħed mill-instigaturi diretti ewlenin għat-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-art; jissottolinja li l-effetti negattivi tiegħu fuq in-natura u l-bijodiversità, is-servizzi tal-ekosistemi, l-oċeani u s-sigurtà tal-ikel huma previsti li jsiru dejjem iktar importanti fid-deċennji li ġejjin;
18. Itenni li l-konservazzjoni stretta ta' ekosistemi b'livell għoli ta' karbonju bħal torbiera, artijiet mistagħdra, mergħat, mangrovji u foresti intatti hija rispons possibbli b'impatt immedjat li ma jista' bl-ebda mod jiġi sostitwit b'tisġir, riforestazzjoni u restawr ta' art degradata peress li dawn ma jħallux impatt immedjat;
19. Jirrimarka li, skont ir-rapport ta' valutazzjoni globali tal-IPBES dwar il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi, issa miljun speċi jinsabu mhedda bl-estinzjoni; ifakkar fir-rwol kruċjali tal-bijodiversità biex il-bniedem ikun jista' jiġġieled u jadatta kontra t-tisħin globali; jinsab imħasseb dwar l-impatt tat-tnaqqis fil-bijodiversità fuq il-livelli ta' reżiljenza tagħna; jenfasizza li t-telf tal-bijodiversità mhuwiex biss kwistjoni ambjentali, iżda għandu wkoll impatti soċjetali u ekonomiċi usa';
Politika ambizzjuża tal-UE dwar il-klima: l-NDC tal-UE u l-istrateġija fit-tul
20. Jappella lill-Partijiet kollha għall-UNFCCC, f'kooperazzjoni mar-reġjuni u l-atturi mhux statali, biex jagħtu kontribut kostruttiv favur il-proċess li se jiġi attwat sal-2020 meta jeħtieġ li l-NDCs jiġu aġġornati bil-għan li tiġi garantita l-kompatibbiltà tagħhom mal-għan fit-tul dwar it-temperatura tal-Ftehim ta' Pariġi; jirrikonoxxi li l-wegħdiet attwali mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim; jenfasizza għalhekk li l-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra għandhom jilħqu l-ogħla livell malajr kemm jista' jkun, u li l-Partijiet kollha, b'mod speċjali l-UE u n-nazzjonijiet kollha tal-G20, għandhom isaħħu l-isforzi tagħhom u jaġġornaw l-NDCs tagħhom sal-bidu tal-2020 kif previst mill-Ftehim ta' Pariġi;
21. Jilqa' t-tnedija tal-Alleanza għall-Ambizzjoni Klimatika matul is-Summit 2019 tan-NU dwar l-Azzjoni Klimatika, li jinkludi 59 Parti għall-UNFCCC li urew l-intenzjoni tagħhom li jippreżentaw NDCs imsaħħa sal-2020, kif previst fil-Ftehim ta' Pariġi, u 65 Parti, inkluża l-UE, qed jaħdmu biex jiksbu newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2050; jiddeplora l-fatt, madankollu, li mhux l-Istati Membri kollha tal-UE kienu lesti jappoġġaw żieda fil-livell ta' ambizzjoni tal-NDC tal-UE, minkejja t-talbiet tal-Parlament Ewropew;
22. Jenfasizza l-importanza li UE jkollha politika ambizzjuża u inklużiva dwar il-klima bil-għan li taġixxi bħala sieħba kredibbli u affidabbli fix-xena globali u biex l-UE żżomm ir-rwol tagħha bħala mexxejja globali fir-rigward tal-klima; jissottolinja l-ħtieġa, għalhekk, li l-UE tinvesti u tagħmel avvanzi sinifikanti fir-riċerka u l-innovazzjonijiet applikabbli b'mod industrijali;
23. Iħeġġeġ għal darb'oħra lill-mexxejja tal-UE, meta jiltaqgħu fil-Kunsill Ewropew tat-12 u t-13 ta' Diċembru 2019, biex jappoġġaw l-objettiv fit-tul tal-Unjoni li tintlaħaq newtralità domestika fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra malajr kemm jista' jkun u sa mhux iktar tard mill-2050; jistieden lill-pajjiż li għandu l-Presidenza tal-Kunsill u l-Kummissjoni biex suċċessivament jikkomunikaw dan l-objettiv lis-Segretarjat tal-UNFCCC kemm jista' jkun malajr; jenfasizza li sabiex tintlaħaq in-newtralità domestika fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2050 bl-iktar mod kosteffiċjenti, u bil-għan li tiġi evitata d-dipendenza fuq teknoloġiji tat-tneħħija tal-karbonju li jirrappreżentaw riskji sinifikanti għall-ekosistemi, il-bijodiversità u s-sigurtà tal-ikel, jeħtieġ li jogħla l-livell ta' ambizzjoni tal-2030; jissottolinja l-fatt li s-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura huma għodda ewlenija biex l-UE tilħaq l-objettivi tagħha dwar it-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra; jiddispjaċih li s-Summit dwar il-Klima tan-NU ta' Settembru 2019 kien opportunità mitlufa biex l-UE tistabbilixxi ambizzjonijiet ogħla u turi sens ta' tmexxija fil-ksib tal-Ftehim ta' Pariġi; iqis bħala ferm importanti li l-Unjoni tibgħat messaġġ ċar, matul il-COP 25, li hija tinsab lesta li ssaħħaħ il-kontribut tagħha għall-Ftehim ta' Pariġi;
24. Jappoġġa l-aġġornament tal-NDC tal-UE b'mira ta' tnaqqis ta' 55 % fl-ekonomija kollha fir-rigward tal-emissjonijiet domestiċi ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990; jistieden lill-mexxejja tal-UE, għaldaqstant, biex jappoġġaw żieda fil-livell ta' ambizzjoni tal-NDC tal-UE; jemmen li dan għandu jsir flimkien mal-inklużjoni fil-liġi tal-UE tal-għan li tinkiseb in-newtralità klimatika mill-iktar fis possibbli u mhux iktar tard mill-2050; jappella lil ekonomiji globali oħrajn jaġġornaw l-NDCs tagħhom bil-għan li jinkisbu effetti globali;
25. Jistenna li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jistabbilixxi strateġija komprensiva u ambizzjuża biex l-Ewropa ssir newtrali fejn jidħlu l-emissjonijiet tal-karbonju sa mhux iktar tard mill-2050, inkluża l-mira ta' tnaqqis ta' 55 % fl-emissjonijiet domestiċi ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2030; jistieden lill-Kummissjoni tadatta l-politiki rilevanti kollha tagħha kif xieraq, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-klima, l-agrikoltura u l-koeżjoni;
26. Jisħaq fuq il-punt li jeħtieġ li jittieħdu miżuri ta' implimentazzjoni u infurzar konkreti fil-livell nazzjonali u tal-UE sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, bħall-implimentazzjoni effettiva tal-miri tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika għall-2030;
27. Jenfasizza li l-politiki kollha dwar il-klima għandhom jiġu segwiti skont il-prinċipju ta' tranżizzjoni ġusta u f'kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali; iqis, għaldaqstant, li involviment tas-soċjetà ċivili u sħubijiet soċjali msaħħa, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, huma fundamentali biex tinkiseb in-newtralità klimatika fis-setturi kollha tas-soċjetà b'mod ġust, inklużiv u sostenibbli mil-lat soċjali; huwa tal-opinjoni li soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u r-restawr u l-konservazzjoni tal-ekosistemi u d-diversità bijoloġika huma fatturi essenzjali li jiffaċilitaw il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih;
28. Jemmen li, bħala mezz biex tiġi żgurata stabbiltà ikbar għas-swieq, ikun ukoll ta' benefiċċju għall-UE li tistabbilixxi mira interim ulterjuri għat-tnaqqis fl-emissjonijiet sal-2040, peress li din kieku tipprovdi stabbiltà addizzjonali u tiżgura li tintlaħaq il-mira ta' newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2050; ifakkar fil-ħtieġa li l-miri jiġu aġġornati b'mod regolari biex jiġi żgurat li jikkonformaw mal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi;
29. Jikkunsidra li għandha titkompla l-ħidma fuq l-iżvilupp ta' mudell affidabbli biex jitkejjel l-impatt klimatiku bbażat fuq il-konsum; jinnota l-konklużjoni fl-analiżi dettaljata tal-Kummissjoni li l-isforzi tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-produzzjoni tagħha huma xi ftit jew wisq stabbilizzati mill-importazzjonijiet ta' oġġetti b'marka tal-karbonju ogħla, iżda li minkejja dan, l-UE kkontribwiet b'mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet f'pajjiżi oħra minħabba ż-żieda fil-fluss kummerċjali u fit-titjib fl-effiċjenza tal-karbonju tal-esportazzjonijiet tagħha;
30. Jenfasizza li hemm bżonn qafas internazzjonali iktar b'saħħtu bil-għan li titħares il-bijodiversità globali, jitwaqqaf id-deterjorament attwali tagħha u biex kemm jista' jkun tiġi restawrata; jemmen li tali qafas għandu jkun ibbażat fuq miri u impenji sodi, li jinkludu l-NDCs u strumenti oħra xierqa, impenji finanzjarji u garanziji ta' bini ta' kapaċitajiet aħjar, kif ukoll mekkaniżmu ta' rieżami ta' kull ħames snin, b'enfasi fuq trajettorja aktar ambizzjuża;
COP25 f'Madrid, Spanja
31. Jirrikonoxxi l-kisbiet tal-COP24 f'Katowice, li saħħet ulterjorment l-ispinta favur l-azzjoni dwar il-klima, u li, flimkien mal-Programm ta' Ħidma tal-Ftehim ta' Pariġi (il-Ġabra ta' Regoli ta' Katowice), wasslet għal gwida operattiva għall-Ftehim ta' Pariġi; jinnota, madankollu, li waqt il-COP25 trid titlesta xi ħidma li għadha pendenti minn Katowice, partikolarment dwar il-mekkaniżmi taħt l-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' Pariġi; iqis, barra minn hekk, li waqt il-COP25 jeħtieġ li jittieħdu bosta deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma ta' mitigazzjoni, adattament, trasparenza u appoġġ; jistenna bil-ħerqa li fil-COP25 ikun hemm eżitu ta' suċċess kemm tar-Rieżami tal-Mekkaniżmu Internazzjonali ta' Varsavja għal Telf u Ħsara kif ukoll tan-negozjati dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi; jirrikonoxxi li ser ikun hemm iktar diskussjonijiet biex jintlaħaq qbil dwar limiti ta' żmien komuni fil-COP25;
32. Jissottolinja l-importanza li jiġu stabbiliti perjodi ta' implimentazzjoni komuni għall-NDCs, peress li għalkemm ħafna Partijiet għall-UNFCCC għandhom perjodi ta' żmien ta' ħames snin jew ta' għaxar snin, oħrajn għandhom perjodi ta' implimentazzjoni iqsar jew l-ebda perjodu; jinnota li t-tkomplija b'perjodi ta' żmien kunfliġġenti jaf tħalli impatt negattiv fuq in-negozjati futuri dwar l-ambizzjoni fil-qasam tal-klima; jemmen li perjodi ta' implimentazzjoni komuni għall-NDCs jiżguraw li l-Partijiet kollha jaġġornaw u jikkomunikaw l-impenji tagħhom flimkien u jtejbu l-ġabra sħiħa ta' sforzi globali u jagħmluhom iktar faċli biex jiġu kkwantifikati; jappoġġa l-introduzzjoni ta' perjodu ta' żmien komuni ta' ħames snin għall-NDCs kollha ta' wara l-2030, li jikkorrispondi maċ-ċiklu ta' ambizzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, u li huwa mingħajr ħsara għall-impenji fit-tul addizzjonali li l-Partijiet jistgħu jsegwu domestikament;
33. Jilqa' l-fatt li ċ-Ċilì huwa wieħed mill-iktar pajjiżi emerġenti li rnexxew fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, u, b'mod partikolari, li rreġistra l-ogħla żieda fil-produzzjoni tal-enerġija solari fid-dinja; jemmen li l-impenji taċ-Ċilì li jindirizza l-emerġenza klimatika għandhom jispiraw ħafna pajjiżi fl-Amerika t'Isfel u fid-dinja kollha;
34. Jisħaq fuq il-punt li l-azzjoni globali li se tkun qed tittieħed tul l-10 snin li ġejjin se jkollha impatt fuq il-futur tal-umanità għall-10 000 sena li ġejjin; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Partijiet kollha taħt il-COP25 biex jieħdu miżuri kuraġġużi u ambizzjużi;
35. Jirrikonoxxi r-rwol ta' approċċi kooperattivi biex jintlaħqu riżultati iktar ambizzjużi fil-mitigazzjoni u fl-adattament, kif ukoll fil-promozzjoni favur l-iżvilupp sostenibbli u l-integrità ambjentali; jisħaq fuq il-ħtieġa li dawn l-isforzi jiksbu tnaqqis ġenerali fl-emissjonijiet u jevitaw żieda fl-emissjonijiet, matul jew bejn perjodi tal-NDC; jesprimi tħassib rigward il-progress limitat li nkiseb matul il-50 laqgħa intersessjonali tal-UNFCCC f'Bonn dwar il-mekkaniżmi tas-suq u mhux tas-suq;
36. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu t-tfassil ta' regoli internazzjonali stretti u sodi b'rabta mal-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' Pariġi; jirrikonoxxi l-bosta problemi li għadd kbir ta' proġetti tal-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) u tal-Implimentazzjoni Konġunta (JI) taħt il-Protokoll ta' Kyoto ħolqu għall-integrità u s-sostenibbiltà ambjentali; jappella għall-prevenzjoni ta' lakuni fil-kontabbiltà jew fl-għadd doppju, u rigward l-addizzjonalità tat-tnaqqis tal-emissjonijiet; jesprimi tħassib dwar l-użu potenzjali tal-unitajiet maħruġa skont il-Protokoll ta' Kyoto għall-finijiet tal-miri tal-NDCs, peress li dan jimmina b'mod serju l-integrità ambjentali tal-mekkaniżmi futuri stabbiliti skont l-Artikolu 6; jissottolinja l-fatt li d-drittijiet tal-emissjonijiet innegozjati skont il-mekkaniżmi l-ġodda tas-suq iridu jkunu addizzjonali u jżidu l-isforzi ta' mitigazzjoni tal-NDCs eżistenti u futuri; jappoġġa l-allokazzjoni ta' sehem mir-rikavati mill-mekkaniżmi tal-Artikolu 6 għall-Fond ta' Adattament, li mhuwiex iffinanzjat biżżejjed;
37. Iqis li l-COP25 għandha tiddefinixxi livell ta' ambizzjoni ġdid, kemm fejn tidħol l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi kif ukoll fir-rigward tas-sessjoni li jmiss tal-NDCs, li għandhom jirriflettu l-impenji msaħħa favur l-azzjoni dwar il-klima fost is-setturi kollha, kemm fuq l-art kif ukoll fl-oċeani;
38. Jissottolinja l-importanza li l-UE titkellem b'vuċi waħda u magħquda waqt il-COP25 bil-għan li tħares is-setgħa politika u l-kredibbiltà tagħha; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jappoġġaw il-mandat tal-UE tul in-negozjati u fil-laqgħat bilaterali ma' atturi oħra;
Ir-rwol tal-foresti
39. Ifakkar li l-Ftehim ta' Pariġi jirrikjedi li l-Partijiet kollha jieħdu azzjoni sabiex jikkonservaw u jtejbu l-bjar, inklużi l-foresti; jinnota li t-twaqqif tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, u l-fatt li l-foresti jitħallew jerġgħu jikbru, jikkostitwixxu minn tal-inqas 30 % tal-azzjoni ta' mitigazzjoni kollha meħtieġa biex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 C; jissottolinja li l-foresti ġestiti b'mod sostenibbli huma importanti ferm fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima permezz ta' żieda fl-assorbiment tas-CO2 permezz tat-tkabbir tal-foresti, il-ħżin tal-karbonju fil-prodotti tal-injam u s-sostituzzjoni tal-materja prima u l-enerġija bbażati fuq il-fjuwils fossili, waqt li fl-istess ħin jitnaqqsu r-riskji ta' nirien fil-foresti, l-infestazzjonijiet b'organiżmi ta' ħsara u l-mard; jisħaq fuq l-importanza li jiġu inċentivati l-prattiki li jżommu l-bjar naturali tal-karbonju, inklużi l-foresti primarji u l-ħamrija tal-foresti intatta, li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE fir-rigward tar-restawr tal-foresti tirrikonoxxi bħala insostitwibbli;
40. Jistieden lill-Partijiet kollha, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, jonoraw l-impenji internazzjonali tagħhom, inter alia, dawk li ttieħdu fil-qafas tal-Forum tan-NU dwar il-Foresti, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, id-Dikjarazzjoni ta' New York dwar il-Foresti u l-SDG 15, b'mod partikolari l-mira 15.2 tiegħu, intiża biex tippromwovi l-implimentazzjoni ta' ġestjoni sostenibbli tat-tipi kollha ta' foresti, titwaqqaf id-deforestazzjoni, jiġu restawrati l-foresti degradati u jiżdiedu b'mod sostanzjali u globalment it-tisġir u r-riforestazzjoni sal-2020; jappella għal sforzi ikbar fil-livelli politiċi kollha biex jiġi evitat id-deterjorament tal-foresti fl-Ewropa u biex tiġi restawrata l-kundizzjoni tajba tagħhom fejn meħtieġ; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw miżuri favur ir-riforestazzjoni fuq art degradata u fuq art mhux adatta għall-użu agrikolu;
41. Fid-dawl tar-rwol fundamentali li għandhom il-foresti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom xi sidien tal-foresti fl-Ewropa minħabba nixfiet u pesti estremi, jemmen li l-Kummissjoni jenħtieġ li tikkunsidra qafas ta' inċentivi f'każ li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti ma tibqax vijabbli fuq livell ekonomiku;
Reżiljenza dwar il-klima permezz ta' adattament
42. Jilqa' l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima li jindika li sar xi progress fir-rigward ta' kull waħda mit-tmien azzjonijiet individwali tal-istrateġija; jinnota, madankollu, li minkejja l-isforzi globali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, l-impatti tat-tibdil fil-klima huma inevitabbli u huwa essenzjali li tittieħed azzjoni ta' adattament ulterjuri; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tirrevedi l-istrateġija fid-dawl tal-konklużjonijiet tar-rapport dwar kif l-UE għadha vulnerabbli għall-impatti klimatiċi, kemm fi ħdanha, kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-industrija tal-assigurazzjoni tinvesti fl-adattament, u li jsir investiment pubbliku u privat fir-riċerka u l-innovazzjoni; iqis li l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem, it-twaqqif tat-tnaqqis tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-art, u l-promozzjoni tal-adattament urban jikkostitwixxu prijoritajiet;
43. Jinnota li l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Pariġi (dwar it-Telf u l-Ħsara) jiddikjara li l-Partijiet għandhom jieħdu approċċ kooperattiv b'rabta mat-telf u l-ħsara assoċjati mal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza ta' azzjoni ta' appoġġ globali f'oqsma speċjalment vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima;
44. Itenni li l-azzjoni ta' adattament hija bżonn inevitabbli għall-pajjiżi kollha jekk dawn iridu jnaqqsu kemm jista' jkun l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u jisfruttaw għalkollox l-opportunitajiet diretti lejn tkabbir reżiljenti għall-klima u lejn l-iżvilupp sostenibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati sistemi u għodod uniformi li jimmonitorjaw il-progress u l-effikaċja tal-pjanijiet u tal-azzjonijiet ta' adattament nazzjonali; jiddispjaċih għall-fatt li l-abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali tal-Istati Membri għall-enerġija u l-klima (NECPs) kienu nieqsa mill-ambizzjoni fir-rigward tal-miri tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli; ifakkar li l-enerġija rinnovabbli inkluża l-enerġija rinnovabbli tal-baħar, bħala element tal-ekonomija ċirkolari, hija parti mis-soluzzjoni biex jiġu mitigati u adattati l-effetti tat-tibdil fil-klima; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-pjanijiet nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija u l-klima sabiex jimplimentaw għalkollox il-Ftehim ta' Pariġi;
Finanzjament klimatiku u mezzi ta' implimentazzjoni oħrajn
45. Jilqa' d-deċiżjoni meħuda fil-COP24 li l-Fond għall-Adattament għandu jkompli jaqdi l-Ftehim ta' Pariġi; jirrikonoxxi l-importanza ta' dan il-fond għall-komunitajiet l-iktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u għaldaqstant jilqa' l-kontribuzzjoni volontarja ġdida ta' USD 10 miljun magħmula mill-Istati Membri lill-Fond għall-2019;
46. Jirrikonoxxi li 37 % tal-baġit tal-UE bħalissa jmur lejn il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (PAK), li jista' jimmobilizza fondi sinifikanti fir-rigward tal-inċentivar u l-ippremjar ta' prattiki klimatiċi u favur l-ambjent fl-agrikoltura;
47. Itenni li l-PAK m'għandhiex tibqa' tipprovdi sussidji għal attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent u l-klima, fosthom it-tbattil tat-torbieri u l-astrazzjoni eċċessiva tal-ilma għall-irrigazzjoni, u lanqas m'għandha tippenalizza l-preżenza tas-siġar fiż-żoni agrikoli;
48. Jirrikonoxxi li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-ikbar fornitur ta' finanzjament pubbliku dwar il-klima; jilqa' d-deċiżjoni meħuda fil-COP24 li tittieħed deċiżjoni dwar mira iktar ambizzjuża mill-2025 'il quddiem, li tmur lil hinn mill-impenn attwali li jiġu mmobilizzati USD 100 biljun fis-sena sa mill-2020, iżda jesprimi tħassib li l-wegħdiet li saru mill-pajjiżi żviluppati xorta waħda għadhom 'il bogħod milli jilħqu l-mira kollettiva tagħhom ta' USD 100 biljun fis-sena; jistenna li l-ekonomiji emerġenti jikkontribwixxu, mill-2025 'il quddiem, għall-ammont ogħla ta' finanzjament internazzjonali għall-klima fil-futur;
49. Jirrikonoxxi li t-tibdil fil-klima mhuwiex sfida lokalizzata u li l-impatti tal-klima barra l-UE għandhom implikazzjonijiet fl-UE wkoll, minħabba li avvenimenti bħal uragani, nixfiet, għargħar u nirien fil-foresti jista' jkollhom impatt fuq is-sigurtà tal-ikel u tal-ilma tal-UE u fuq il-ktajjen tal-provvista ta' oġġetti u servizzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprijoritizzaw l-espansjoni tal-finanzjament internazzjonali għall-klima maħsub għall-adattament, bil-għan li jinkiseb l-istess livell ta' finanzjament għall-mitigazzjoni, u biex jipprovdu wkoll finanzjament għall-klima maħsuba għat-telf u l-ħsara;
50. Jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni tal-għan globali dwar l-adattament u tal-mobilizzazzjoni ta' fondi maġġuri ġodda għall-adattament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom favur żieda sinifikanti fil-finanzjament li jipprovdu għall-adattament; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' progress fil-kwistjoni ta' telf u ħsara, li għaliha għandhom jiġu pprovduti riżorsi addizzjonali permezz ta' sorsi innovattivi ta' finanzjamenti pubbliċi taħt il-Mekkaniżmu Internazzjonali ta' Varsavja;
51. Jissottolinja r-rwol ta' finanzjament sostenibbli u jqis li huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali ewlenin jadottaw u jiżviluppaw malajr finanzjament ekoloġiku favur id-dekarbonizzazzjoni b'suċċess tal-ekonomija globali; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi implimentat il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Finanzi Sostenibbli, u jilqa' t-twaqqif ta' Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzi Sostenibbli;
52. Jisħaq, barra minn hekk, fuq ir-rwol tas-settur privat, inklużi l-korporazzjonijiet u s-swieq finanzjarji, biex jintlaħqu l-għanijiet ta' sostenibbiltà: jilqa' l-isforzi biex tiġi introdotta leġiżlazzjoni dwar is-sostenibbiltà tal-finanzjament u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tintroduċi trasparenza u obbligu ta' rendikont għall-kumpaniji destinatarji ta' investiment, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mad-dgħufija tas-sostenibbiltà u tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
53. Jilqa' l-ftehim li 196 gvern laħqu fil-COP14 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika biex jiżdiedu l-investimenti fin-natura u n-nies sal-2020 u 'l quddiem; jenfasizza li l-uniku mod kif it-tkabbir ekonomiku jista' jiffaċilita l-iżvilupp sostenibbli huwa billi jkun diżakkoppjat mid-degradazzjoni tal-bijodiversità u tal-kapaċità tan-natura li taqdi lill-popolazzjonijiet;
54. Jenfasizza li l-baġit tal-UE għandu jkun konsistenti mal-impenji internazzjonali tagħha dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-miri fuq perjodu medju u fit-tul relatati mal-klima u l-enerġija u li l-baġit m'għandux ikun kontroproduttiv għal dawn il-miri jew jostakola l-implimentazzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tiżgura li l-investimenti tal-UE jirrispettaw il-klima u l-bijodiversità, u biex, fejn applikabbli, tressaq regoli armonizzati u vinkolanti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss ikun għalkollox konformi mal-Ftehim ta' Pariġi u li l-ebda nefqa m'għandha tmur kontra dan; jisħaq fuq l-importanza tar-riforniment tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima (GCF) u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex tal-anqas jirduppjaw il-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-mobilizzazzjoni inizjali tar-riżorsi; jilqa' d-deċiżjoni meħuda mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI biex, minn tmiem l-2021, jintemm il-finanzjament għall-biċċa l-kbira tal-proġetti tal-enerġija mill-fjuwils fossili, u biex gradwalment jiżdied is-sehem tal-finanzjament tiegħu ddedikat għall-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali, biex jilħaq 50 % tal-operazzjonijiet tiegħu mill-2025; jemmen li dan huwa l-ewwel pass ambizzjuż lejn it-trasformazzjoni tal-BEI f'Bank Ewropew għall-Klima; jitlob lill-Istati Membri japplikaw l-istess prinċipju fir-rigward tal-garanziji tal-kreditu għall-esportazzjoni; jitlob garanziji pubbliċi speċifiċi favur l-investimenti ekoloġiċi, tikketti ta' finanzjament ekoloġiku u vantaġġi fiskali għall-fondi ta' investiment ekoloġiċi u l-ħruġ ta' bonds ekoloġiċi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir finanzjament iktar ambizzjuż fir-riċerka u l-innovazzjoni applikabbli mil-lat industrijali;
55. Jistieden lill-BEI jeżamina mill-ġdid l-istrateġija tiegħu dwar il-klima fl-2020 u jadotta pjanijiet ta' azzjoni konkreti u ambizzjużi biex iwettaq l-impenn tiegħu li jallinja l-attivitajiet ta' finanzjament kollha tiegħu mal-Ftehim ta' Pariġi, kif ukoll biex jallinja b'mod urġenti l-politiki u l-linji gwida kollha tiegħu ta' self settorjali mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;
56. Jisħaq fuq l-importanza li ssir tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija newtrali għall-klima u l-ħtieġa ta' approċċ antiċipatorju u parteċipatorju li jiżgura li ċ-ċittadini jibbenefikaw mit-tranżizzjoni u jappoġġa lill-iktar komunitajiet u reġjuni vulnerabbli; iqis il-ħolqien ta' fond ta' tranżizzjoni ġust bħala waħda mill-għodod li tista' tintuża, fil-livell tal-UE, biex tiggarantixxi tranżizzjoni inklużiva u infurmata għall-persuni u r-reġjuni fl-UE li huma l-iktar affettwati mid-dekarbonizzazzjoni, bħar-reġjuni tal-minjieri tal-faħam li jinsabu fi tranżizzjoni; jirrikonoxxi li l-fondi ta' kumpens waħedhom mhumiex garanzija għal tranżizzjoni ġusta, u li kwalunkwe politika ta' tranżizzjoni għandha tkun ibbażata fuq strateġija komprensiva tal-UE għall-iżvilupp u l-modernizzazzjoni ta' dawk ir-reġjuni tal-UE u fuq sostenn għal dawk li jinsabu fuq quddiem nett tat-tranżizzjoni; jemmen li t-tranżizzjoni tal-UE f'dak li jikkonċerna l-klima trid tkun sostenibbli mil-lat ekoloġiku, ekonomiku u soċjali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jistabbilixxu politiki u finanzjament xierqa f'dan ir-rigward, politiki li jiddependu fuq impenji ta' dekarbonizzazzjoni ċari, kredibbli u infurzabbli, fuq medda ta' żmien qasira u twila li jinkludu lill-ekonomija kollha, meħuda mill-Istati Membri kkonċernati, inkluża l-integrazzjoni fl-NECPs finali tagħhom ta' politiki konkreti li għandhom l-għan li jeliminaw b'mod gradwali l-faħam, fjuwils fossili oħra u sussidji fuq il-fjuwils fossili, f'qafas ta' żmien konsistenti mal-impenn tal-UE li t-tisħin globali żżommu konformi mal-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi u l-mira tan-newtralità klimatika tal-2050;
57. Jemmen li d-demokratizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija hija kruċjali għas-suċċess tat-tranżizzjoni lejn l-enerġija sostenibbli; jitlob, għalhekk, li jittejbu d-drittijiet u l-ħiliet taċ-ċittadini biex b'hekk ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-produzzjoni ta' enerġija sikura u nadifa;
58. Jenfasizza l-importanza li jitnedew diskussjonijiet ma' pajjiżi madwar id-dinja li bħalissa jiddependu mill-esportazzjoni tal-fjuwils fossili, bil-ħsieb li jiġi ddeterminat kif tista' tiġi implimentata strateġija ta' sigurtà konġunta dwar l-enerġija u l-klima b'mod li jittejbu l-prospetti futuri ta' dawk ir-reġjuni;
59. Jemmen li l-enerġija nukleari jista' jkollha rwol fl-ilħuq tal-objettivi tal-klima minħabba li ma tipproduċix gassijiet b'effett ta' serra, u tista' wkoll tiżgura sehem sinifikanti tal-produzzjoni tal-elettriku fl-Ewropa; iqis madankollu li, minħabba l-iskart li tipproduċi, din l-enerġija teħtieġ strateġija medja u fit-tul li tqis l-avvanzi teknoloġiċi (il-laser, il-fużjoni, eċċ.) li għandha l-għan li ttejjeb is-sostenibbiltà tas-settur kollu;
60. Jappoġġja l-ħidma tal-Koalizzjoni tal-Ministri tal-Finanzi għall-Azzjoni Klimatika u jħeġġeġ lill-gvernijiet kollha jadottaw l-impenn tal-koalizzjoni biex il-politiki u l-prattiki kollha fil-mandat tal-ministeri tal-finanzi jallinjawhom mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi, u jadottaw prezzar effettiv tal-karbonju, kif stipulat fil-prinċipji ta' Helsinki;
61. Ifakkar lill-Partijiet dwar il-ħtieġa li jallokaw riżorsi suffiċjenti sabiex l-impenji jsarrfuhom f'azzjonijiet u jimplimentaw il-miżuri meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi; jappoġġja l-momentum li qed jikber għall-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri tal-UE għall-importazzjonijiet lejn l-UE sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi ta' kummerċ internazzjonali u tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;
Ir-rwol tal-atturi mhux statali
62. Jilqa' b'sodisfazzjon il-moviment determinat u li qed jikber taż-żgħażagħ kontra t-tibdil fil-klima; jenfasizza l-importanza li jkun hemm djalogu sinifikanti maż-żgħażagħ u li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom fit-tfassil tal-politika fil-livelli kollha; jilqa' l-mobilizzazzjoni globali li qed tikber ta' firxa dejjem usa' ta' atturi mhux statali impenjati favur l-azzjoni dwar il-klima permezz ta' objettivi konkreti u li jistgħu jitkejlu; jenfasizza r-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili, tas-settur privat u tal-gvernijiet sottostatali, li jinfluwenzaw u jmexxu l-opinjoni pubblika u l-azzjoni statali u li jikkondividu l-għarfien u l-aħjar prattiki dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' mitigazzjoni u ta' adattament; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lill-Partijiet kollha jħeġġu, jappoġġaw u jaħdmu flimkien mal-atturi mhux statali, li kulma jmur qegħdin isiru l-pijunieri fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; iqis, barra minn hekk, li ċ-ċittadini għandhom ikunu involuti u għandha tiżdied is-sensibilizzazzjoni;
63. Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-bliet fl-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi minħabba li, skont ta' sinteżi tan-NU tal-2018 dwar l-SDG 11 bit-titolu "Tracking Progress Towards Inclusive, Safe, Resilient and Sustainable Cities and Human Settlements", dawn huma s-sors ta' iktar minn 70 % tal-emissjonijiet kollha ta' gassijiet b'effett ta' serra, tal-iskart u tat-tniġġis tal-arja; jilqa' l-impenn meħud minn mija u żewġt ibliet fis-Summit ta' Azzjoni dwar il-Klima tan-NU favur il-kisba tan-newtralità f'termini ta' klima sal-2050; jistieden lill-Partijiet jinvolvu iktar mill-qrib lill-bliet fil-pjanijiet tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet;
Ftuħ, inklużività u trasparenza
64. Jenfasizza li, biex jintlaħaq l-objettiv li ż-żieda fit-temperatura medja globali tiġi limitata għal 1,5 °C, hemm bżonn ta' parteċipazzjoni effettiva min-naħa tal-Partijiet kollha, li tkun tirrikjedi li tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar l-interessi akkwistati jew kunfliġġenti; itenni, f'dan il-kuntest, is-sostenn tiegħu favur l-introduzzjoni ta' politika speċifika dwar il-kunflitti ta' interess bħala parti mill-UNFCCC; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu rwol ta' tmexxija f'dan il-proċess mingħajr ma jikkompromettu l-għanijiet u l-objettivi tal-UNFCCC u tal-Ftehim ta' Pariġi;
65. Jissottolinja li 80 % tal-persuni spostati minħabba t-tibdil fil-klima huma nisa u tfal, li ġeneralment jintlaqtu iktar mit-tibdil fil-klima mill-irġiel u jġorru iktar minnhom il-piż tiegħu, minkejja li ma jkunux involuti daqshom fit-teħid ta' deċiżjonijiet importanti fir-rigward tal-azzjoni dwar il-klima; jenfasizza, għalhekk, li l-emanċipazzjoni tal-ġeneri emarġinati kollha, kif ukoll il-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali fil-fora internazzjonali bħall-UNFCCC u fit-tmexxija tagħhom, u l-involviment tagħhom fl-azzjoni dwar il-klima fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, jirrappreżentaw elementi fundamentali għas-suċċess u l-effikaċja ta' tali azzjoni; jemmen li l-UE u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-UNFCCC, b'mod partikolari permezz tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fil-politiki tal-UE dwar il-klima u l-iżvilupp, u għandhom jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nisa indiġeni u tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa fil-proċess tal-UNFCCC;
66. Jinnota li l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima għas-sopravivenza, in-nutrizzjoni u l-aċċess għall-edukazzjoni, fost l-oħrajn, huma partikolarment serji għas-saħħa, il-protezzjoni u l-iżvilupp tat-tfal u l-adoloxxenti; iqis li jeħtieġ li tittieħed azzjoni biex jiġu limitati dawn l-effetti detrimentali;
Sforz komprensiv mis-setturi kollha
67. Jagħti parir lill-Kummissjoni tesplora rabtiet u forom oħra ta' kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati fis-swieq tal-karbonju ta' pajjiżi u reġjuni terzi u tħeġġeġ it-twaqqif ta' iktar swieq tal-karbonju u ta' mekkaniżmi ta' pprezzar tal-karbonju oħrajn, li għandhom iwasslu għal iktar effiċjenza u ffrankar tal-ispejjeż u jnaqqsu r-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju billi joħolqu kundizzjonijiet ekwi fuq il-livell globali; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi salvagwardji li jiżguraw li kwalunkwe rabta mal-EU ETS tkompli twassal għal kontributi ta' mitigazzjoni addizzjonali u permanenti, li ma jimminawx l-impenji tal-UE relatati mal-emissjonijiet interni ta' gassijiet b'effett ta' serra;
68. Ifakkar li s-setturi kollha għandhom jikkontribwixxu sabiex tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima u li d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE ma għandhiex twassal għal rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju lejn pajjiżi terzi permezz tar-rilaxx tal-karbonju, iżda għandha tirnexxi għall-ekonomija u l-industrija tagħna bis-saħħa ta' investiment adegwat, strumenti xierqa, u opportunitajiet biex jiġu żviluppati l-innovazzjonijiet u t-teknoloġija rivoluzzjonarji meħtieġa; jemmen fis-suċċess ta' approċċi bbażati fuq is-suq; iqis li l-miżuri ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera jeħtieġ li jkunu bbażati fuq studju ta' fattibbiltà u jeħtieġ li jkunu konformi mad-WTO;
69. Jieħu nota tal-aħbar tal-President elett tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen li l-ETS se tiġi estiża għal setturi li għadhom mhumiex koperti mis-sistema ta' negozjar tal-UE; jirrifjuta inklużjoni diretta fl-iskema tal-EU ETS;
70. Jenfasizza li s-settur tat-trasport huwa l-uniku settur li mill-1990 ra żieda fl-emissjonijiet; jenfasizza li dan mhuwiex kompatibbli mal-objettiv fit-tul tan-newtralità klimatika, li jirrikjedi tnaqqis ikbar u iktar mgħaġġel fl-emissjonijiet mis-setturi kollha tas-soċjetà, inklużi s-settur tal-avjazzjoni u s-settur marittimu; ifakkar li s-settur tat-trasport jeħtieġ li jkun kompletament dekarbonizzat sa mhux iktar tard mill-2050; jinnota li l-analiżi tal-Kummissjoni turi li l-miri u l-miżuri globali attwali previsti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), anke jekk jiġu implimentati bis-sħiħ, mhumiex se jwasslu għat-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet, u li tinħtieġ azzjoni ulterjuri sinifikanti li tkun konformi mal-objettiv mifrux mal-ekonomija kollha ta' emissjonijiet netti żero ta' gassijiet b'effett ta' serra; iqis li bil-għan li tiġi żgurata l-konsistenza tal-NDCs mal-impenji mifruxa fl-ekonomija kollha meħtieġa mill-Ftehim ta' Pariġi, il-Partijiet għandhom jitħeġġu jinkludu l-emissjonijiet mit-trasport internazzjonali bil-baħar u bl-ajru, u jaqblu dwar miżuri fil-livell internazzjonali, reġjonali u nazzjonali li jnaqqsu l-emissjonijiet minn dawn is-setturi, u li jimplimentawhom.
71. Ifakkar li, sal-2020, huwa mbassar li l-emissjonijiet globali tal-avjazzjoni internazzjonali jkunu madwar 70 % ogħla milli fl-2005 u jistgħu saħansitra jiżdiedu b'bejn 300 % u 700 % iktar sal-2050; jesprimi tħassib dwar il-livell ta' ambizzjoni tal-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) tal-ICAO meta titqies il-ħidma li għaddejja dwar l-istandards u l-prattiki rakkomandati li għandhom jiġu segwiti fl-implimentazzjoni tal-iskema mill-2019 'il quddiem; jenfasizza li l-istandards attwali mhumiex sodisfaċenti u li mhux aċċettabbli li jkun hemm dilwizzjoni ulterjuri tal-iskema CORSIA; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom bil-għan li jsaħħu d-dispożizzjonijiet tal-CORSIA u jappoġġjaw l-adozzjoni ta' objettiv fit-tul biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-emissjonijiet mis-settur tal-avjazzjoni, filwaqt li jissalvagwardjaw l-awtonomija leġiżlattiva tal-UE fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ETS; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li, fl-iskemi tal-UE u dawk internazzjonali, jiġu indirizzati l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra li mhumiex tal-karbonju prodotti mis-settur tal-avjazzjoni;
72. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni A40-19 fl-40 Assemblea tal-ICAO u tal-hekk imsejħa klawżola ta' esklużività tal-CORSIA; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippreżentaw riżerva formali rigward din il-parti tar-riżoluzzjoni sabiex titħares l-awtonomija leġiżlattiva tal-Unjoni fir-rigward tal-miżuri maħsuba biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mis-settur tal-avjazzjoni;
73. Ifakkar fl-obbligu legali li l-Kummissjoni għandha li tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fi żmien 12-il xahar minn meta l-ICAO tadotta l-istrumenti rilevanti, u qabel ma l-CORSIA tibda titħaddem, li fih hija teżamina, fost l-oħrajn, l-ambizzjoni u l-integrità ambjentali globali tal-CORSIA, inkluża l-ambizzjoni ġenerali tagħha fir-rigward tal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza li, bħala koleġiżlaturi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma l-uniċi istituzzjonijiet li jistgħu jiddeċiedu dwar kwalunkwe emenda futura għad-Direttiva tal-ETS; jenfasizza l-fatt li kwalunkwe emenda għad-Direttiva tal-ETS għandha ssir biss jekk tkun konsistenti mal-impenn tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, li ma jipprevedix l-użu ta' krediti ta' kumpens wara l-2020;
74. Jilqa' l-appoġġ dejjem jikber għal approċċ ikkoordinat fl-UE kollha għall-ipprezzar fil-qasam tal-avjazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni biex, mill-aktar fis possibbli, tippreżenta rieżami ambizzjuż tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija f'dan ir-rigward, inkluż it-tmiem tal-eżenzjonijiet mit-taxxa li bħalissa japplikaw għall-pitrolju u l-fjuwils marittimi;
75. Ifakkar li huwa previst li l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport bil-baħar se jiżdiedu b'bejn 50 % u 250 % fil-perjodu li jwassal sal-2050; jilqa' l-ftehim dwar l-istrateġija inizjali tal-IMO biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mill-bastimenti bħala l-ewwel pass tas-settur biex jikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan tal-Ftehim ta' Pariġi; iħeġġeġ lill-IMO tagħmel progress rapidu fir-rigward tal-adozzjoni ta' miżuri fuq perjodu qasir u medju biex tgħin sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija; jenfasizza l-importanza u l-urġenza li jiġu implimentati miżuri fuq perjodu ta' żmien qasir u medju qabel l-2023; jappella lill-UE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom biex jappoġġaw id-deżinjazzjoni rapida tal-Baħar Mediterran bħala żona konġunta ta' kontroll tal-emissjonijiet SOx u NOx bħala pass kruċjali 'l quddiem biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport bil-baħar fl-Ewropa; jissottolinja li jeħtieġ li jiġu esplorati minnufih miżuri u azzjonijiet ulterjuri, inklużi strumenti tal-ipprezzar tal-karbonju, sabiex jiġu indirizzati l-emissjonijiet marittimi skont l-istrateġija tas-settur għal trasformazzjoni lejn emissjonijiet baxxi; konsegwentement jesprimi li huwa jemmen li l-UE u l-Istati Membri għandhom jissorveljaw mill-qrib l-impatt u l-implimentazzjoni tal-istrateġija inizjali tal-IMO; jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta għal regolament tal-UE biex titqies kif xieraq is-sistema globali ta' ġbir ta' data dwar il-konsum taż-żejt kombustibbli tal-bastimenti (MRV) u s-sistema globali ta' ġbir ta' data tal-IMO għall-konsum taż-żejt kombustibbli tal-bastimenti; ifakkar li l-MRV huwa l-ewwel pass li finalment għandu jippermetti lill-UE tadotta miri obbligatorji biex tnaqqas l-emissjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi, malajr kemm jista' jkun, azzjonijiet addizzjonali tal-UE bħala parti mill-istrateġija tad-dekarbonizzazzjoni għall-2050 tagħha, bħall-inklużjoni tas-settur marittimu fl-ETS u l-introduzzjoni ta' standard tal-effiċjenza tal-bastimenti u tikketta tal-bastimenti, u biex tipproponi strateġija għall-kooperazzjoni ma' Partijiet oħra li huma lesti jaġixxu kemm jista' jkun bikri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet marittimi skont il-mira tat-temperatura tal-Ftehim ta' Pariġi;
76. Jenfasizza l-fatt li diġà jeżistu soluzzjonijiet sempliċi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, bħat-tnaqqis tal-limiti tal-veloċità jew l-istabbiliment ta' żoni ta' kontroll tal-emissjonijiet, li huma previsti mill-Konvenzjoni MARPOL internazzjonali; iqis li l-istrateġija ta' dekarbonizzazzjoni u l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandhom jixprunaw l-investiment, ir-riċerka ambizzjuża f'bastimenti b'livell ta' emissjonijiet żero u bastimenti ekoloġiċi b'komponenti ekoloġiċi, ġestjoni aħjar tal-iskart u tal-ilma u t-titjib meħtieġ fl-infrastruttura biex ikun possibbli li jikber is-suq qabel l-2030, bħall-elettrifikazzjoni tal-portijiet;
77. Iħeġġeġ żieda fil-finanzjament għar-riċerka u l-introduzzjoni fis-suq ta' fjuwils alternattivi;
78. Ifakkar li 23 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra joriġinaw mill-agrikoltura; jenfasizza li, sabiex tiġi żgurata nutrizzjoni suffiċjenti għal popolazzjoni dinjija li qed tikber, jinħtieġu investimenti f'tekniki agrikoli u metodi ta' produzzjoni intelliġenti, bħall-qbid tal-metan mid-demel, l-użu iktar effiċjenti tal-fertilizzanti, l-użu tal-bijomassa fiċ-ċikli u t-titjib fl-effiċjenza tal-metodi tal-produzzjoni tal-laħam u tal-prodotti tal-ħalib;
79. Ifakkar li, filwaqt li l-agrikoltura hija responsabbli għal madwar 10 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-UE, hija għandha l-potenzjal li tgħin lill-UE tnaqqas l-emissjonijiet tagħha permezz tal-ġestjoni tajba tal-ħamrija, l-agroforestrija, il-protezzjoni tal-bijodiversità u tekniki oħrajn ta' ġestjoni tal-art; jirrikonoxxi li l-agrikoltura għandha l-potenzjal li tnaqqas l-emissjonijiet annwali b'madwar 3,9 gigatunnellati ta' ekwivalenti ta' CO2 sal-2050 – li huwa madwar 8 % tal-emissjonijiet globali attwali ta' gassijiet b'effett ta' serra;
80. Jinnota li madwar 60 % tal-metan globali huwa rilaxxat minn sorsi bħall-agrikoltura, mis-siti tal-landfills, mill-faċilitajiet tal-ilma mormi, u mill-produzzjoni u t-trasport bil-pipeline tal-fjuwils fossili; ifakkar li l-metan huwa gass b'effett ta' serra qawwi ħafna, b'potenzjal ta' tisħin globali ta' mitt sena, u huwa 28 darba iktar qawwi mis-CO2; ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu legali tagħha li tesplora kemm jista' jkun malajr għażliet ta' politika li jnaqqsu malajr l-emissjonijiet tal-metan bħala parti minn pjan strateġiku tal-UE għall-metan; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti leġiżlattivi xierqa lill-Parlament u lill-Kunsill għal dak il-għan fl-ewwel nofs tal-mandat tagħha;
81. Jirrikonoxxi r-rwol pożittiv u sinifikanti li s-settur agrikolu jista' jkollu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jissottolinja l-importanza ta' riforma tal-PAK sabiex il-bdiewa jiġu megħjuna jiżviluppaw u jimplimentaw prattiki agrikoli intelliġenti dwar il-klima bħas-sekwestru tal-karbonju u r-riċiklaġġ tal-emissjonijiet tal-karbonju;
82. Jissottolinja r-rwol importanti tal-bjar naturali biex tinkiseb newtralità f'termini tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija dettaljata tal-UE għat-titjib sostenibbli tal-bjar naturali skont l-objettiv tal-2050 tan-newtralità f'termini ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; jħeġġeġ lill-Istati Membri jkopru dan l-aspett bir-reqqa fl-istrateġiji fit-tul tagħhom kif meħtieġ mill-Artikolu 15(4)b tar-Regolament dwar il-Governanza;
83. Jirrikonoxxi r-rwol attribwit lill-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS) fil-biċċa l-kbira tax-xenarji ta' tisħin globali b'1,5 °C fir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali b'1,5 °C u fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjaneta Nadifa għal Kulħadd;
84. Jappoġġja azzjoni ikbar biex jintlaħqu l-miri stabbiliti mill-Istati Membri skont il-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija bil-ħsieb li jiġi implimentat CCS fuq skala kummerċjali fis-setturi tal-enerġija u tal-industrija tal-UE u biex jiġi żviluppat qafas regolatorju sod biex jgħin it-tneħħija diretta tas-CO2 mill-atmosfera għall-ħżin sikur sal-2022;
85. Jiddispjaċih ħafna għall-fatt li s-sussidji fuq il-fjuwils fossili għadhom qed jiżdiedu u jammontaw għal madwar EUR 55 biljun kull sena fl-UE; jistieden b'mod urġenti lill-Istati Membri kollha jintegraw politiki, kalendarji u miżuri konkreti fl-NECPs finali tagħhom sabiex jeliminaw gradwalment is-sussidji kollha diretti u indiretti tal-fjuwils fossili sal-2020 sabiex jissodisfaw l-impenji globali tal-UE u jeħilsu r-riżorsi li jistgħu jintużaw biex tinkiseb soċjetà newtrali mil-lat ta' klima; jistieden lill-Partijiet l-oħrajn kollha jieħdu miżuri simili;
86. Jilqa' favorevolment id-dħul fis-seħħ tal-Emenda ta' Kigali għall-Protokoll ta' Montreal; jemmen li din għandha tagħti lill-UE momentum ġdid sabiex tirrivedi malajr ir-Regolament dwar il-gassijiet fluworurati biex tindirizza n-nuqqasijiet magħrufa li jheddu l-ambizzjoni tal-UE dwar il-klima, bħall-kummerċ illegali tal-idrofluworokarburi (HFCs) u azzjoni insuffiċjenti kontra l-użu tal-eżafluworur tal-kubrit (SF6);
L-industrija u l-kompetittività
87. Jemmen li l-prosperità ekonomika, il-kompetittività industrijali, l-iżvilupp sostenibbli u l-politika dwar il-klima għandhom isaħħu lil xulxin b'mod reċiproku; jenfasizza li l-UE għandha tkun minn ta' quddiem fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet netti żero ta' gassijiet b'effett ta' serra sal-2050, u b'hekk tiżgura vantaġġ kompetittiv għall-industriji tal-UE;
88. Jenfasizza l-importanza assoluta li jintlaħqu l-miri tal-Ftehim ta' Pariġi filwaqt li fl-istess ħin jinżammu l-impjiegi u bażi industrijali fl-UE, biex in-nies f'dan is-settur jingħataw perspettiva pożittiva u biex id-dinja tara li l-industrija u n-newtralità klimatika mhumiex inkompatibbli; jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-impenn u l-isforzi ta' ħafna atturi industrijali fl-Ewropa biex isiru newtrali f'termini ta' klima u jinkoraġġixxi lil dawk is-setturi jew kumpaniji li għadhom inċerti biex isegwu l-bosta eżempji tajbin;
89. Jilqa', barra minn hekk, l-isforzi u l-progress li saru s'issa miċ-ċittadini, in-negozji u l-industriji tal-UE biex jissodisfaw l-obbligi tal-Ftehim ta' Pariġi f'konformità mal-Ġabra ta' Regoli ta' Katowice; jinnota, madankollu, li dawn l-isforzi mhumiex biżżejjed biex tinkiseb ekonomija b'emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra sal-2050; għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri u r-reġjuni u l-muniċipalitajiet tagħhom, kif ukoll lin-negozji u lill-industriji, biex jistabbilixxu u jsegwu b'mod attiv ambizzjonijiet ogħla permezz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew sabiex jindirizzaw l-isfidi klimatiċi u jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet iġġenerati mill-Ftehim ta' Pariġi;
90. Jenfasizza li qafas legali stabbli u affidabbli u sinjali ċari ta' politika kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell globali jiffaċilitaw u jsaħħu l-investimenti relatati mal-klima u jistgħu jikkontribwixxu biex jiġi evitat lock-in tal-karbonju; f'dan ir-rigward, jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni xierqa u f'waqtha tal-leġiżlazzjoni "Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha" u jappella għall-iżvilupp ta' strateġija ta' politika industrijali tal-UE fit-tul u ta' liġi tal-UE dwar il-klima, f'konformità mal-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta' Pariġi, imfassla biex jiżguraw l-iżvilupp fuq żmien qasir u fit-tul tal-industrija tal-UE, b'mod partikolari billi tappoġġa l-SMEs, tiġġenera impjiegi ta' kwalità u tippermetti t-tranżizzjoni ekoloġika, filwaqt li tiżgura li l-industrija tal-UE tkun kompetittiva fuq skala globali, li l-UE tikseb emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra sal-2050 u li ħadd ma jitħalla barra;
91. Jilqa' l-fatt li diversi pajjiżi li fihom jinsabu l-kompetituri ewlenin tal-industriji intensivi fl-enerġija tal-UE introduċew mekkaniżmi ta' negozjar ta' kwoti tal-karbonju jew mekkaniżmi ta' pprezzar oħrajn; jinkoraġġixxi lil pajjiżi oħrajn jagħmlu bħalhom; jitlob li dawk il-mekkaniżmi jiġu estiżi biex ikopru l-industriji kollha b'użu intensiv tal-enerġija;
92. Jenfasizza l-importanza li jiżdied l-għadd ta' impjiegi ta' kwalità u ta' ħaddiema b'ħiliet fl-industrija tal-UE sabiex tingħata spinta lill-innovazzjoni u lit-tranżizzjoni lejn proċessi ta' produzzjoni sostenibbli; jissottolinja l-ħtieġa li r-reġjuni b'użu intensiv ta' faħam u karbonju jiġu assistiti b'sehem għoli ta' ħaddiema f'setturi li jiddependu mill-karbonju, biex isir investiment f'dawk ir-reġjuni u biex jiġu żviluppati programmi ta' taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet sabiex jiġu attirati negozji, start-ups u industriji ġodda u innovattivi bil-għan li tinbena ekonomija reġjonali sostenibbli, filwaqt li jiġi żgurat li ħadd ma jibqa' l-art;
93. Jenfasizza l-fatt li mhux ir-reġjuni kollha qed jibdew fuq l-istess livell fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, li mhux ir-reġjuni kollha għandhom l-istess għodod u li l-konsegwenzi huma, għaldaqstant, differenti; jenfasizza, għalhekk, li hija essenzjali li titwettaq tranżizzjoni li tqis il-partikolaritajiet tar-reġjuni, il-popolazzjonijiet u s-setturi l-iktar vulnerabbli;
ll-politika tal-enerġija
94. Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-enerġija fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra;
95. Jissottolinja li matul it-tranżizzjoni tal-enerġija sostenibbli, il-problema tal-faqar enerġetiku jeħtieġ li tiġi indirizzata b'mod determinat permezz tat-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-enerġija, billi tingħata informazzjoni aħjar lill-konsumaturi, jissaħħu l-miżuri għall-effiċjenza enerġetika fil-binjiet, speċjalment għall-unitajiet domestiċi bi dħul baxx, u billi l-kwistjoni tiġi indirizzata fil-politiki soċjali;
96. Jenfasizza l-importanza tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, is-sigurtà tal-enerġija u t-tnaqqis tal-faqar enerġetiku;
97. Jissottolinja li s-setturi kollha jeħtieġ li jaħdmu flimkien b'mod effettiv sabiex jiddekarbonizzaw l-ekonomija tal-UE u jilħqu livell ta' emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra; jenfasizza li l-pajjiżi għandhom ikunu flessibbli dwar kif jiddekarbonizzaw l-ekonomiji tagħhom biex jagħmluha iktar faċli li jittaffew il-kosti soċjali assoċjati mat-tranżizzjoni u li jirbħu l-aċċettazzjoni soċjali u l-appoġġ;
98. Iqis li l-integrazzjoni ulterjuri tas-suq intern tal-enerġija tal-UE se taqdi rwol essenzjali, b'mod partikolari fl-ilħuq ta' ekonomija b'emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b'effett ta' serra;
99. Ifakkar li l-prijoritizzazzjoni tal-effiċjenza enerġetika, b'mod partikolari permezz tal-prinċipju ta' prevalenza tal-effiċjenza enerġetika, u t-tmexxija globali fl-enerġija rinnovabbli, huma tnejn mill-għanijiet ewlenin tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE; jissottolinja li l-mira tal-UE għall-enerġija rinnovabbli sal-2030 ġiet stabbilita għal 32 % jew iktar u l-mira tal-effiċjenza enerġetika tagħha għal 32.5 % jew iktar; jenfasizza li dawn il-miri – għalkemm iwasslu għal tnaqqis ikbar fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra minn dak li kien previst qabel – mhumiex konformi mat-tnaqqis ta' 50 % sa 55 % propost mill-President-elett il-ġdid tal-Kummissjoni jew mal-għan li t-tisħin globali jiġi limitat għal 1.5 °C; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiddeterminaw l-isforzi addizzjonali meħtieġa biex tingħata spinta lill-enerġija rinnovabbli u lill-effiċjenza enerġetika skont il-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; jitlob li ssir promozzjoni globali tal-miżuri ta' effiċjenza enerġetika u li jsir użu f'waqtu tal-enerġija rinnovabbli;
100. Jilqa' s-sehem dejjem jiżdied tal-enerġija rinnovabbli fil-provvista tal-enerġija globali, speċjalment fis-settur tal-produzzjoni tal-elettriku; jinsab imħasseb dwar il-fatt li r-rata tal-adozzjoni tal-enerġija rinnovabbli għat-tisħin, it-tkessiħ u t-trasport, speċjalment fis-settur tal-avjazzjoni u dak marittimu, miexja bil-mod; jinsab imħasseb ħafna dwar it-tnaqqis (mill-2014 'il hawn) fir-rata tal-espansjoni tas-sehem ġenerali tas-suq tal-enerġija rinnovabbli fl-UE, sitwazzjoni li qed tipperikola l-ilħuq tal-miri tal-UE rigward l-enerġija u l-klima; jenfasizza li sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' sostenibbiltà fit-tul, is-setturi kollha jridu jżidu l-użu tagħhom tal-enerġija rinnovabbli;
Ir-riċerka, l-innovazzjoni, it-teknoloġiji diġitali u l-politika spazjali
101. Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali li għandhom ix-xjenza u l-innovazzjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza biex il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tkun suċċess u biex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi tal-ftehim ta' Pariġi u biex jitwettaq għalkollox kwalunkwe programm ieħor ambizzjuż fil-qasam tal-klima; jenfasizza l-ħtieġa ta' tmexxija min-naħa tal-UE kemm fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima kif ukoll fil-promozzjoni tal-progress teknoloġiku favur żvilupp li jkun reżiljenti għat-tibdil fil-klima;
102. Jenfasizza l-importanza tat-tkomplija u t-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-politiki ta' adattament, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, it-teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u mingħajr emissjonijiet, l-użu sostenibbli tal-materja prima sekondarja ("ekonomija ċirkolari") u l-ġbir ta' data dwar it-tibdil fil-klima biex dan il-fenomenu jiġi miġġieled; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-finanzjament għal proġetti tal-enerġija sostenibbli taħt il-programm il-ġdid Orizzont Ewropa fid-dawl tal-impenji tal-UE fi ħdan l-Unjoni tal-Enerġija u dawk meħuda fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi;
103. Ifakkar li r-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività huma wieħed mill-ħames pilastri tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE; ifakkar, għalhekk, fir-rwol fundamentali li r-riċerkaturi jwettqu fil-ġlieda kontra t-tisħin globali u jissottolinja kemm hi importanti l-kooperazzjoni xjentifika mill-qrib bejn is-sħab internazzjonali f'dan ir-rigward;
104. Ifakkar fir-rwol fundamentali li jaqdu t-teknoloġiji diġitali fl-appoġġ għat-tranżizzjoni tal-enerġija u industrijali, b'mod partikolari fit-titjib tal-effiċjenza enerġetika u fl-iffrankar u t-tnaqqis tal-emissjonijiet; jenfasizza l-benefiċċji klimatiċi li d-diġitalizzazzjoni tal-industriji Ewropej tista' ġġib permezz tal-użu iktar effiċjenti tar-riżorsi, inkluż ir-riċiklaġġ u t-tnaqqis tal-intensità tal-materjali; jiġbed l-attenjoni għall-benefiċċji klimatiċi li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni sħiħa tan-netwerks ta' trażmissjoni u ta' distribuzzjoni u taċ-ċentri ta' kummerċ tal-enerġija, u tal-programmi ta' domanda u rispons ġestiti permezz ta' applikazzjonijiet ta' softwer;
105. Jirrikonoxxi r-rwol tal-Programm Spazjali l-ġdid tal-UE fl-appoġġ mogħti lill-ġlieda tal-UE kontra t-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu; ifakkar fir-rwol kruċjali li kellhom is-servizzi tad-data u tal-informazzjoni ta' Copernicus, is-sistema Ewropea ta' osservazzjoni tad-dinja, fil-monitoraġġ tad-dinja; jenfasizza l-importanza ta' Copernicus fl-iffaċilitar tal-koordinazzjoni internazzjonali tas-sistemi ta' osservazzjoni u fl-iskambji relatati tad-data;
It-tibdil fil-klima u l-iżvilupp
106. Ifakkar li skont ir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-faqar estrem u d-drittijiet tal-bniedem tal-25 ta' Ġunju 2019 dwar it-tibdil fil-klima u l-faqar, "climate change threatens to undo the last 50 years of progress in development, global health and poverty reduction" ("it-tibdil fil-klima jhedded li jħassar l-aħħar 50 sena ta' progress fl-iżvilupp, is-saħħa globali u t-tnaqqis tal-faqar") u huwa stmat li "developing countries will bear 75-80 % of the costs of climate change" ("l-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jġarrbu minn 75 % sa 80 % tal-kosti tat-tibdil fil-klima");
107. Jenfasizza li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma l-iktar vulnerabbli u esposti għat-tibdil fil-klima u huma inqas mgħammra biex jirreżistu l-impatti dejjem iktar devastanti tagħhom, inklużi l-kriżijiet tal-ikel u tal-ilma, il-qerda fiżika kkawżata mid-diżastri naturali, l-ispostament u t-tensjonijiet li qed jikbru fuq l-iskarsezza tar-riżorsi; ifakkar li t-tibdil fil-klima għandu konsegwenzi drammatiċi fuq l-iżvilupp ekonomiku fit-tul tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'mod partikolari tal-pajjiżi l-anqas żviluppati;
108. Jiġbed l-attenzjoni għall-eżempju taċ-ċikluni tropikali Idai u Kenneth – fejn dan tal-aħħar kien iċ-ċiklun l-iktar b'saħħtu li qatt laqat lill-kontinent Afrikan – li ħallew ħerba fil-Comoros, fil-Malawi, fil-Mozambique u fiż-Żimbabwe fl-ewwel nofs tal-2019, u li ħallew lil ħafna nies mejta u iktar minn żewġ miljun ruħ fi bżonn immedjat ta' għajnuna umanitarja, li l-ispiża tagħha telgħet għas-somma ta' kważi USD 400 miljun, li l-parti l-kbira tagħha tħallset mill-UE, u l-ispiża tar-rikostruzzjoni ġiet stmata għal USD 3 biljun;
109. Jirrimarka li r-reżiljenza tal-infrastruttura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw se tkun kruċjali għall-kapaċità tagħhom li jadattaw għat-tibdil fil-klima; jinsisti, għalhekk, fuq il-ħtieġa li jitħeġġeġ l-investiment f'infrastruttura reżiljenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ikunu jistgħu jifilħu għaż-żieda fis-severità tad-diżastri naturali;
110. Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li mill-inqas 45 % tal-finanzjament mill-Strument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) propost għall-2021-2027 għandu jappoġġa l-objettivi dwar il-klima u l-ambjent;
111. Jinsisti fuq approċċ konġunt għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u tal-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-2030, kemm fil-politiki interni kif ukoll f'dawk esterni u bl-ikbar attenzjoni għall-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, b'mod partikolari f'dawk li huma żvilupp, kummerċ, agrikoltura, enerġija u klima;
112. Jenfasizza l-interdipendenza tal-klima, tal-ekonomija u tas-soċjetà; jissottolinja, b'mod partikolari, l-effetti diretti li t-tibdil fil-klima għandu fuq il-komunitajiet indiġeni u t-theddida eżistenzjali akuta li ħafna minnhom, inklużi l-komunitajiet mhux ikkuntattjati, jiffaċċjaw; jenfasizza li skont l-IPCC, l-għarfien indiġenu u tradizzjonali huwa riżorsa ewlenija għall-prevenzjoni tat-tibdil fil-klima, mhux l-inqas minħabba li madwar 80 % tal-bijodiversità li fadal fid-dinja tinsab fit-territorji tal-popli indiġeni; jinsab ixxukkjat bil-qtil reċenti tal-mexxej indiġenu Emrya Wajãpi fit-Tramuntana tal-Brażil u jilqa' d-dikjarazzjoni li saret mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-29 ta' Lulju 2019 li fiha ħeġġeġ "lill-Gvern tal-Brażil biex iwaqqaf l-invażjoni tat-territorji indiġeni u jiżgura l-eżerċizzju paċifiku tad-drittijiet kollettivi tagħhom għall-art tagħhom", b'konformità mal-Konvenzjoni 169 tal-ILO;
113. Jistieden lill-pajjiżi żviluppati, inklużi l-Istati Membri tal-UE, iżidu l-appoġġ tagħhom għall-qsim tal-għarfien, il-bini tal-kapaċità u t-trasferiment tat-teknoloġija lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u b'hekk jonoraw l-Artikoli 9 sa 11 tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Artikoli 49, 116 u 120 tal-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa dwar il-finanzjament għall-iżvilupp, u fl-istess ħin iwettqu wkoll l-impenji tagħhom fir-rigward tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 17, inklużi l-miri 17.6 sa 17.8; għal dan il-għan, jenfasizza l-potenzjal pożittiv taż-żieda fl-investiment tal-UE fi proġetti ta' riċerka xjentifika promettenti; jitlob, barra minn hekk, li l-UE tinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' dikjarazzjoni komparabbli mad-Dikjarazzjoni ta' Doha tal-2001 dwar il-Ftehim TRIPS u s-saħħa pubblika, sabiex jiġi promoss it-trasferiment legali ta' teknoloġija li ma tagħmilx ħsara lill-klima lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
114. Jiġbed l-attenzjoni lejn kemm l-investiment u t-tkabbir privat għandhom importanza kruċjali għat-tranżizzjoni lejn infrastruttura u metodi ta' produzzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-klima; jenfasizza l-ħtieġa li l-kontribut ta' tali investiment għall-azzjoni klimatika u biex jintlaħqu l-SDGs jiġi massimizzat, inkluż permezz ta' inċentivi u permezz tal-promozzjoni ta' sħubijiet pubbliċi-privati; iqis li l-Pjan ta' Investiment Estern huwa għodda essenzjali f'dan ir-rigward; jenfasizza, barra minn hekk, li hemm bżonn ta' żvilupp u ta' tkabbir inklużivi u sostenibbli biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jieħdu sehem fit-tranżizzjoni klimatika, inter alia permezz ta' strateġiji ta' innovazzjoni u avvanz teknoloġiku; jinsab konvint li l-UE għandha tippromwovi malajr finanzjament privat responsabbli u sostenibbli, b'mod partikolari rigward l-obbligi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-kontribuzzjonijiet għall-ekonomiji nazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iżda jwissi kontra d-dipendenza żejda fuq sforzi volontarji tas-settur privat;
115. Jieħu nota tal-interess dejjem ikbar fl-iżvilupp ta' standards għal investiment favur il-klima u sostenibbli u jtenni t-tħassib tiegħu li l-proliferazzjoni tal-inizjattivi tas-settur privat jirrendi diffiċli l-paragun u l-verifika; jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni u mill-komunità internazzjonali biex jappoġġaw l-investiment fl-azzjoni klimatika, kif ukoll id-djalogu politiku dwarha, fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħall-Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima Plus (GCCA +) u l-Fond Ekoloġiku għall-Klima; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom iktar f'fora internazzjonali, bil-ħsieb li jippromwovu l-effiċjenza u l-ġustizzja fl-investiment tal-azzjoni klimatika;
Id-diplomazija dwar il-klima
116. Jappoġġa bis-saħħa t-tkomplija u t-tisħiħ ulterjuri tal-komunikazzjoni tal-politika tal-UE u tad-diplomazija tagħha dwar il-klima, peress li dan huwa essenzjali biex tiġi mobilizzata l-azzjoni dwar il-klima fil-pajjiżi sħab u fl-opinjoni pubblika globali; iqis, madankollu, li jidher ċar li l-isforzi li saru ma kinux adegwati u li r-riżorsi umani allokati mill-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għadhom 'il bogħod milli jkunu biżżejjed; jipproponi, għalhekk, żieda drastika fir-riżorsi umani f'dan il-qasam; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri javviċinaw id-diplomazija tal-UE dwar il-klima b'mod olistiku billi joħolqu rabtiet bejn it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli, l-agrikoltura, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-migrazzjoni u tħassib umanitarju sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni globali lejn emissjonijiet netti żero, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u s-sigurtà tal-ikel u tal-ilma;
117. Jenfasizza l-implikazzjonijiet intensifikati tat-tibdil fil-klima għas-sigurtà internazzjonali u għall-istabbiltà reġjonali li jirriżultaw mid-degradazzjoni ambjentali, mit-telf tal-mezzi ta' għajxien, mill-ispostament ta' persuni minħabba l-klima u minn forom assoċjati ta' taqlib fejn it-tibdil fil-klima jista' sikwit jitqies bħala multiplikatur tat-theddid; iħeġġeġ, għalhekk, lill-UE u lill-Istati Membri jaħdmu mas-sħab tagħhom madwar id-dinja biex jifhmu aħjar, jintegraw, jantiċipaw u jimmaniġġjaw l-effetti destabbilizzanti tat-tibdil fil-klima; iħeġġeġ l-implimentazzjoni ta' programm ta' twissija bikrija għall-punti kritiċi potenzjali ewlenin, li jistgħu jikkompromettu l-istrutturi u l-ekosistemi sostenibbli f'reġjuni jew f'kontinenti ikbar;
118. Jilqa' l-impenn għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u l-passi konkreti meħuda għal dan il-għan f'ħafna partijiet tad-dinja, pereżempju l-impenji ambizzjużi ħafna ta' bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw u stati gżejjer żgħar; jiddispjaċih, madankollu, minħabba n-nuqqas ta' ambizzjoni u n-nuqqas ta' dibattitu dwar iż-żieda fil-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) f'ħafna ekonomiji ewlenin; ifakkar li l-UE hija responsabbli għal 9 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra filwaqt li fiha jgħammru biss 6.7 % tal-popolazzjoni dinjija, u dan jagħmilha assolutament kruċjali li l-UE turi ambizzjoni ikbar, speċjalment minħabba r-responsabbiltà storika tagħha għat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li tkun ta' eżempju tajjeb għall-bqija tad-dinja; jenfasizza li se jkun impossibbli li jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u li jiġu evitati l-punti kritiċi jekk ekonomiji ewlenin oħra ma jsegwux b'ambizzjoni ikbar;
119. Jitlob lill-Kummissjoni tanalizza minnufih il-possibbiltà li tieħu passi addizzjonali biex tinkoraġġixxi ekonomiji ewlenin oħra jżidu l-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali tagħhom, jimplimentaw miżuri konkreti addizzjonali u jikkunsidraw approċċi innovattivi;
120. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-istrumenti disponibbli kollha (eż. negozjati internazzjonali, ftehimiet kummerċjali u reġjonali, sħubijiet internazzjonali) biex jippromwovu u jrawmu l-kooperazzjoni fit-tranżizzjoni globali lejn l-emissjonijiet netti żero, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u s-sigurtà tal-ikel u tal-ilma;
121. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-ambizzjoni dwar il-klima tiġi integrata fil-politiki kollha tal-UE, inkluż fil-politika kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment ġodda kollha ffirmati mill-UE jkunu kompatibbli għalkollox mal-Ftehim ta' Pariġi u li d-dispożizzjonijiet ambjentali u dawk dwar il-klima jkunu legalment vinkolanti u infurzabbli; jitlob lill-Kummissjoni twettaq u tippubblika valutazzjoni komprensiva ta' kemm il-ftehimiet eżistenti u futuri huma konsistenti mal-Ftehim ta' Pariġi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe ftehim kummerċjali jkun fih dispożizzjonijiet vinkolanti rigward il-konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, inklużi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-ġestjoni u l-preservazzjoni sostenibbli tal-foresti; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali liċ-ċiklu tal-ħajja tal-oġġetti nnegozjati mill-konċepiment sal-konsum, biex tipproteġi r-riżorsi naturali u tqis l-impatti akkumulati, inkluż fuq it-trasport;
122. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkorporaw il-Ftehim ta' Pariġi fil-ftehimiet kummerċjali sabiex jinċentivaw lis-sħab kummerċjali biex jilħqu l-għanijiet stabbiliti fil-Ftehim ta' Pariġi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrevedu l-ftehimiet kummerċjali sabiex jinkorporaw obbligi klimatiċi ambizzjużi f'dawn il-ftehimiet bilaterali u b'hekk jinċentivaw lis-sħab biex jadottaw strateġiji klimatiċi skont il-Ftehim ta' Pariġi;
123. Jilqa' b'sodisfazzjon kbir it-tħabbira tar-Russja li se timplimenta l-Ftehim ta' Pariġi;
124. Jirrikonoxxi kemm għandha importanza kritika s-sħubija bejn l-UE u l-Istati Uniti biex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi tal-Ftehim ta' Pariġi u ta' strateġiji ambizzjużi oħra. itenni d-dispjaċir tiegħu, għalhekk, meta l-President tal-Istati Uniti Donald Trump ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jirtira l-Istati Uniti mill-Ftehim ta' Pariġi; jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-mobilizzazzjoni li għadha għaddejja favur l-azzjoni dwar il-klima mmexxija minn Stati, bliet, universitajiet u atturi mhux statali ewlenin oħra fl-Istati Uniti bil-kampanja "We Are Still In" ("Aħna Nkomplu bl-Appoġġ Tagħna"); jesprimi t-tama li l-Istati Uniti jerġgħu għal darba oħra jingħaqdu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u, fi sħubija mal-UE, ikunu minn ta' quddiem nett tan-negozjati għal ftehimiet dinjija dwar il-kummerċ, l-industrija u l-enerġija, b'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi;
125. Jiddeplora bil-qawwa r-reazzjoni medjokri tal-President Brażiljan Jair Bolsonaro u tal-Gvern Brażiljan għall-għadd u l-iskala bla preċedent ta' nirien fil-foresti fl-Amażonja Brażiljana; jemmen li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħmlu ħilithom kollha, permezz tal-kooperazzjoni u l-assistenza internazzjonali, biex jiġġieldu lid-devastazzjoni ambjentali tal-Amażonja u ta' żoni oħra fundamentali fl-ekosistema globali u jqisu r-rwol li jista' jkollhom il-politiki kummerċjali tagħhom stess;
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
126. Jemmen li, billi l-Parlament Ewropew irid jagħti l-kunsens tiegħu għall-ftehimiet internazzjonali u billi huwa jaqdi rwol ċentrali fl-implimentazzjoni interna tal-Ftehim ta' Pariġi bħala koleġiżlatur, jeħtieġ li huwa jifforma parti integrali mid-delegazzjoni tal-UE; jistenna, għalhekk, li jitħalla jattendi l-laqgħat ta' koordinament tal-UE fil-COP25 (il-25 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima) f'Madrid u li jkollu garanzija ta' aċċess għad-dokumenti preparatorji kollha mill-mument li fih jinfetħu n-negozjati;
o o o
127. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-UNFCCC, u jitlob li r-riżoluzzjoni tiġi ċċirkolata lill-Partijiet kollha għal dik il-konvenzjoni li mhumiex membri tal-UE.
Il-Programm Ambjentali tan-NU, "Emissions Gap Report 2018" (Rapport dwar id-diskrepanza fl-emissjonijiet għall-2018), p. 21.
L-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru
147k
50k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru (2019/2855(RSP))
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, li nfetħet għall-iffirmar f'Istanbul fil-11 ta' Mejju 2011 (minn hawn 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' Istanbul"),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u d-dokumenti finali sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing + 5 (2005), Beijing + 15 (2010) u Beijing + 20 (2015),
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti ġuridiċi tan-NU fl-isfera tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tan-nisa,
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Marzu 2016 (COM(2016)0109),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/865 tal-11 ta' Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta' materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali(1),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/866 tal-11 ta' Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-asil u n-non-refoulement(2),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tat-23 ta' Mejju 1969, u, b'mod partikolari. l-Artikoli 26 u 27 tagħha,
– wara li kkunsidra l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(3),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni(4) u r-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili(5),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI(6), kif ukoll id-Direttiva 2011/93/UE tat-13 ta' Diċembru 2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI(7),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(8) u d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi(9), li jiddefinixxu u jikkundannaw il-fastidju u l-fastidju sesswali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2019 li titlob opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati tal-proposti għall-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika u dwar il-proċedura għal dik l-adeżjoni(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju morali u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, fi spazji pubbliċi, u fil-ħajja politika fl-UE(11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE(12),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (COM(2016)0109 – 2016/0062(NLE))(13),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(14),
– wara li kkunsidra l-linji gwida tat-8 ta' Diċembru 2008 tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 intitolat "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" (Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2016-2019) (SWD(2015)0278),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) ta' Marzu 2014 intitolat "Violence against women: an EU-wide survey" (Il-vjolenza fuq in-nisa: stħarriġ madwar l-UE),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-14 ta' Ottubru 2019 dwar l-Armenja, dwar l-implikazzjonijiet kostituzzjonali tar-ratifika tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(15),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur fundamentali tal-UE; billi d-dritt għal trattament indaqs u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u għandu jiġi rispettat bis-sħiħ;
B. billi, skont l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), l-ebda pajjiż tal-UE għadu ma kiseb l-ugwaljanza totali bejn in-nisa u l-irġiel; billi l-eliminazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija rekwiżit essenzjali biex dan l-għan jintlaħaq;
C. billi l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija waħda mill-prijoritajiet tal-Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-perjodu 2016-2019;
D. billi skont id-definizzjoni fil-Konvenzjoni ta' Istanbul, bi "vjolenza fuq in-nisa" hu mifhum vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u forma ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa, u tfisser l-atti kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru li jirriżultaw, jew x'aktarx jirriżultaw, fi ħsara jew tbatija ta' natura fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika fil-konfront tan-nisa, inkluż it-theddid ta' atti bħal dawn, koerċizzjoni jew privazzjoni arbitrarja tal-libertà, kemm fil-ħajja pubblika kif ukoll fil-ħajja privata;
E. billi l-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ tal-Konvenzjoni ta' Belém do Pará (MESECVI) iddefinixxa t-terminu "femminiċidju" bħala l-mewt vjolenti ta' mara għal raġunijiet ta' ġeneru, li jsir f'kuntest tal-familja, f'konvivenza domestika jew fi kwalunkwe relazzjoni interpersonali oħra, fil-komunità, minn kwalunkwe persuna, jew meta dan isir jew jiġi tollerat, permezz ta' azzjoni jew l-ommissjoni tagħha, mill-Istat jew mill-aġenti tiegħu(16);
F. billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul tistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet kollha tagħha, b'mod partikolari l-miżuri biex jiġu protetti d-drittijiet tal-vittmi, għandhom jiġu assigurati mingħajr diskriminazzjoni għal ebda raġuni bħalma huma sess, razza, kulur, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew ta' natura oħra, oriġini nazzjonali jew soċjali, assoċjazzjoni ma' minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, orjentament sesswali, identità sesswali, età, stat tas-saħħa, diżabilità, status matrimonjali, status ta' migrant jew rifuġjat jew status ieħor;
G. billi l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, kemm fiżika kif ukoll psikoloġika, huma mifruxin u jolqtu lin-nisa fil-livelli kollha tas-soċjetà, indipendentement mill-età, il-livell ta' edukazzjoni, l-introjtu, il-pożizzjoni soċjali jew il-pajjiż ta' oriġini jew residenza;
H. billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru tikkostitwixxi kemm kawża kif ukoll konsegwenza tal-inugwaljanzi strutturali li jgħaddu minnhom in-nisa f'bosta aspetti tal-ħajja – ix-xogħol, is-saħħa, l-aċċess għar-riżorsi finanzjarji, il-poter u l-għarfien kif ukoll il-ġestjoni tal-ħin personali; billi l-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru teħtieġ li l-kawżi u l-fatturi li jikkontribwixxu għaliha jiġu mifhuma;
I. billi huwa importanti li tiġi rikonoxxuta l-vjolenza strutturali jew istituzzjonali, li tista' tkun iddefinita bħala subordinazzjoni tan-nisa fil-ħajja ekonomika, soċjali u politika, fit-tentattiv li tiġi spjegata l-prevalenza tal-vjolenza fuq in-nisa fis-soċjetajiet tagħna;
J. billi n-nisa ma jibbenefikawx mill-istess protezzjoni mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru fl-UE kollha minħabba d-differenzi bejn il-politiki u l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri;
K. billi s-sistemi ġudizzjarji spiss ma joffrux biżżejjed sostenn lin-nisa; billi, f'ħafna każijiet, il-vittma tista' tisfa fil-mira ta' kummenti degradanti minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jew tinsab f'pożizzjoni ta' dipendenza, u dan ikabbar il-biża' tagħhom li jirrapportaw il-vjolenza;
L. billi dan id-deċennju huwa kkaratterizzat minn offensiva viżibbli u organizzata fil-livell dinji u Ewropew kontra l-ugwaljanza tal-ġeneru u d-drittijiet tan-nisa, inklużi s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati;
M. billi l-istħarriġ li sar fl-2014 mill-FRA wera li terz tan-nisa kollha fl-Ewropa sfaw vittma ta' atti ta' vjolenza fiżika jew sesswali tal-anqas darba mill-età ta' 15-il sena, li 55 % tan-nisa ħabbtu wiċċhom ma' forma jew forom ta' fastidju sesswali, li 11 % ġarrbu fastidju online, mara waħda minn għoxrin (5 %) ġiet stuprata u aktar minn mara waħda minn għaxra ġarrbet vjolenza sesswali li tinvolvi l-użu tal-forza; billi, f'ħafna Stati Membri, aktar minn nofs in-nisa kollha vittmi ta' omiċidju huma maqtula minn sieħeb intimu, qarib jew membru tal-familja; billi l-vittmi kienu rrapportaw lill-pulizija l-aktar inċidenti gravi tagħhom ta' vjolenza minn id is-sieħeb tagħhom f'14 % biss tal-każijiet, u l-aktar inċidenti gravi ta' vjolenza mhux minn id is-sieħeb tagħhom fi 13 % biss tal-każijiet, u dan juri rata ta' rapportar estremament baxxa; billi f'dawn l-aħħar snin il-moviment #metoo ħeġġeġ lin-nisa u lill-bniet jirrapportaw il-każijiet ta' abbuż, vjolenza u fastidju;
N. billi l-forom moderni ta' skjavitù u traffikar tal-bnedmin, li jolqtu l-aktar lin-nisa, għadhom persistenti fl-UE; billi 71 % tal-vittmi kollha tat-traffikar tal-bnedmin fil-livell dinji huma nisa u bniet, u tliet nisa jew bniet minn dawn in-nisa jew bniet huma sfruttati sesswalment(17);
O. billi l-vjolenza u l-fastidju online spiss għandhom konsegwenzi fiżiċi u joħolqu r-riskju gravi li tali vjolenza ssir peress li jinkoraġġixxu lill-utenti online jimitaw il-vjolenza u l-fastidju li qraw dwarhom u jikkommettu atti bħal dawn;
P. billi ċerti gruppi ta' nisa u bniet, ngħidu aħna l-migranti nisa, ir-rifuġjati nisa u n-nisa li jfittxu asil, in-nisa u l-bniet b'diżabbiltà, in-nisa LBTI u n-nisa Rom, huma esposti għal forom trasversali u multipli ta' diskriminazzjoni, u għaldaqstant huma saħansitra aktar vulnerabbli għar-riskju ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiġihom impedit l-aċċess għall-ġustizzja u għas-servizzi ta' assistenza u protezzjoni kif ukoll l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom;
Q. billi n-nisa vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u wliedhom spiss għandhom bżonn assistenza speċjali u protezzjoni, minħabba r-riskju għoli ta' intimidazzjoni, ritaljazzjoni u vittimizzazzjoni ulterjuri marbuta ma' din il-vjolenza;
R. billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru timmina d-drittijiet tal-bniedem, l-istabbiltà soċjali u s-sigurtà, is-saħħa pubblika, l-opportunitajiet ta' edukazzjoni u ta' impjieg tan-nisa, kif ukoll il-benesseri u l-prospettivi ta' żvilupp tat-tfal u tal-komunitajiet;
S. billi l-espożizzjoni għall-vjolenza u għall-abbuż fiżiċi, sesswali jew psikoloġiċi tħalli impatt qawwi fuq il-vittmi, li tista' tirriżulta fi ħsara fiżika, sesswali, emottiva jew psikoloġika dejjiema jew telf ekonomiku u finanzjarju;
T. billi l-impunità għal dawk responsabbli minn reati kontra n-nisa għadha tippersisti u trid tinqered billi jiġi żgurat li dawk responsabbli jittellgħu quddiem il-ġustizzja u li n-nisa u l-bniet li kienu vittmi tal-vjolenza jirċievu sostenn u rikonoxximent xierqa mis-sistema ġudizzjarja; billi huwa fundamentali li jiġu offruti korsijiet ta' taħriġ lill-fornituri ta' servizzi li jittrattaw il-kwistjonijiet tal-vjolenza kontra n-nisa, bħall-uffiċjali tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-imħallfin u dawk li jfasslu l-politiki;
U. billi l-UE jeħtiġilha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri tagħha, biex tippromwovi u tħares id-dritt tan-nisa u tal-bniet kollha li jgħixu ħielsa mill-vjolenza, kemm fl-isfera pubblika kif ukoll f'dik privata;
V. billi, tmien snin wara l-approvazzjoni tagħha, il-Konvenzjoni ta' Istanbul għadha ma ġietx ratifikata mill-Istati Membri kollha jew mill-UE;
1. Jikkundanna l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiddeplora l-fatt li n-nisa u l-bniet għadhom esposti għal vjolenza psikoloġika, fiżika, sesswali u ekonomika, inklużi l-vjolenza domestika, il-fastidju sesswali, il-vjolenza online, is-segwiment ta' persuna bil-moħbi (stalking), l-istupru, iż-żwieġ prekoċi u furzat, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, id-delitti kommessi f'isem l-hekk imsejjaħ "unur", l-abort furzat, l-isterilizzazzjoni furzata, l-isfruttament sesswali u t-traffikar tal-bnedmin u forom oħra ta' vjolenza li jikkostitwixxu ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom u tad-dinjità tagħhom; jinsab imħasseb ferm bil-fenomenu tal-femminiċidju fl-Ewropa, li hija l-forma l-aktar estrema ta' vjolenza fuq in-nisa;
2. Jistieden lill-Kunsill jikkonkludi b'urġenza l-proċess ta' ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul min-naħa tal-UE abbażi ta' adeżjoni wiesgħa mingħajr l-ebda limitazzjoni u jippromwovi r-ratifika tagħha min-naħa tal-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw l-integrazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni fil-qafas leġiżlattiv u politiku tal-UE; ifakkar li l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul ma teżonerax lill-Istati Membri mir-ratifika nazzjonali tal-Konvenzjoni; jistieden lill-Istati Membri jħaffu n-negozjati dwar ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul u jistieden, b'mod partikolari, lill-Bulgarija, liċ-Ċekja, lill-Ungerija, lil-Latvja, lil-Litwanja, lis-Slovakkja u lir-Renju Unit li ffirmaw iżda ma rratifikawx il-Konvenzjoni jagħmlu dan mingħajr dewmien;
3. Jikkundanna bis-saħħa t-tentattivi f'ċerti Stati Membri biex jiġu revokati l-miżuri diġà meħuda għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul u tal-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa;
4. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni korretti tal-Konvenzjoni u jallokaw riżorsi finanzjarji u umani adegwati għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru kif ukoll l-protezzjoni tal-vittmi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżommu f'kunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' esperti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-azzjoni kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (GREVIO) u jtejbu l-leġiżlazzjoni tagħhom biex jallinjawha aktar mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Istanbul;
5. Jenfasizza li l-Konvenzjoni ta' Istanbul tibqa' l-istandard internazzjonali u l-istrument ewlieni biex tinqered il-pjaga tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru billi jiġi segwit approċċ olistiku, komprensiv u kkoordinat li jqiegħed fil-qalba lid-drittijiet tal-vittmi, jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza domestika, minn firxa wiesgħa ta' perspettivi permezz ta' miżuri bħall-prevenzjoni tal-vjolenza, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, miżuri fl-ambitu tad-dritt kriminali biex tkun miġġielda l-impunità, il-protezzjoni u l-assistenza lill-vittmi, il-protezzjoni tat-tfal, il-protezzjoni tan-nisa li jfittxu asil u tar-rifuġjati nisa, l-introduzzjoni ta' proċeduri ta' valutazzjoni tar-riskju u stimi tar-riskju u ġbir aħjar tad-data kif ukoll kampanji u programmi ta' sensibilizzazzjoni, anki f'kooperazzjoni mal-korpi nazzjonali kompetenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ugwaljanza, mas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs);
6. Jikkundanna l-attakki u l-kampanji kontra l-Konvenzjoni ta' Istanbul imsejsa fuq l-interpretazzjoni żbaljata volontarja tagħha u fuq il-preżentazzjoni falza tal-kontenut tagħha lill-pubbliku;
7. Jafferma bis-saħħa li t-tiċħid tas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati huwa forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, u jisħaq fuq il-fatt li f'diversi drabi l-QEDB esprimiet ruħha dwar il-fatt li l-liġijiet restrittivi dwar l-abort u n-nuqqas ta' implimentazzjoni tagħhom jiksru d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa;
8. Jenfasizza li l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni kontra l-isterjotipi tal-ġeneru u l-vjolenza patrijarkali u l-promozzjoni tat-tolleranza żero fil-konfront tal-fastidju u tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru huma strumenti fundamentali biex ikun miġġieled dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jemmen li l-istrateġiji edukattivi usa' bbażati fuq il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni huma strument essenzjali biex jiġu evitati l-forom kollha ta' vjolenza, b'mod partikolari l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u speċjalment fl-adolexxenza;
9. Jissottolinja li, biex ikunu aktar effikaċi, il-miżuri li jiġġieldu kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għandhom ikunu akkumpanjati minn azzjonijiet li jimmiraw li jippromwovu l-emanċipazzjoni u l-indipendenza ekonomika tan-nisa vittmi tal-vjolenza;
10. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw taħriġ, proċeduri u linji gwida adegwati u sensittivi għall-ispeċifiċitajiet tal-ġeneru, li jqiegħdu fil-qalba d-drittijiet tal-vittma għall-professjonisti kollha li jkollhom x'jaqsmu mal-vittmi tal-atti kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, bil-għan li jkunu evitati diskriminazzjoni, trawmi jew rivittimizzazzjoni matul il-proċedimenti ġudizzjarji, mediċi u tal-pulizija; jistieden li dan it-titjib isir biex tiżdied ir-rata ta' rapportar ta' tali reati;
11. Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu favur allokazzjoni speċifika ta' EUR 193,6 miljun għall-azzjonijiet maħsuba għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u għall-promozzjoni tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Istanbul fil-programm Drittijiet u Valuri u jisħaq fuq l-importanza li jiġu allokati biżżejjed finanzjamenti anki fil-livell tal-Istati Membri;
12. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tirrevedi, wara valutazzjoni tal-impatt, id-deċiżjoni qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali attwalment fis-seħħ, bil-għan li jiġi inkluż l-inċitament għall-mibegħda abbażi tal-ġeneru, tal-orjentament sesswali, tal-identità tal-ġeneru u tal-karatteristiċi sesswali;
13. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni sħaħ tal-leġiżlazzjoni rilevanti diġà fis-seħħ;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu d-disponibbiltà u l-komparabbiltà tad-data ta' kwalità diżaggregata dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru permezz tal-kooperazzjoni mal-Eurostat, l-EIGE u l-FRA, konformement mal-obbligi tal-Konvenzjoni rigward il-ġbir tad-data u r-riċerka; jistieden mill-ġdid lill-Kummissjoni twaqqaf Osservatorju Ewropew dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru b'data preċiża u komparabbli (fuq il-mudell tal-Osservatorju Statali dwar il-Vjolenza fuq in-Nisa tal-EIGE);
15. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu stabbiliti proċeduri formali għar-rapportar tal-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol kif ukoll taħriġ u kampanji ta' sensibilizzazzjoni speċifiċi bħala strument biex jiġi rispettat il-prinċipju tad-dinjità fuq il-post tax-xogħol u biex jiġi implimentat l-approċċ ta' tolleranza żero bħala n-norma; jemmen li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jagħtu eżempju tajjeb f'dan is-sens;
16. Jistieden lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-Bureau u lill-amministrazzjoni tal-Parlament ikomplu jaħdmu biex jiżguraw li l-Parlament Ewropew ikun spazju ta' xogħol mingħajr fastidju u sessiżmu u jimplimentaw il-miżuri li ġejjin, konformement mat-talbiet adottati fir-riżoluzzjoni tal-2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE: 1) jiġi kkummissjonat awditu estern taż-żewġ kumitati kompetenti għall-fastidju eżistenti fil-Parlament Ewropew u jaqsmu pubblikament ir-riżultati ta' tali awditu; 2) jerġgħu jiġu organizzati l-korpi kompetenti għall-fastidju bl-inklużjoni ta' esperti esterni fl-ambitu legali, mediku u terapewtiku bi drittijiet ta' vot sħaħ u 3) jiġu implimentati korsijiet ta' taħriġ obbligatorji dwar ir-rispett u d-dinjità fuq il-post tax-xogħol għall-Membri kollha tal-Parlament Ewropew u għall-kategoriji kollha tal-persunal;
17. Jilqa' pożittivament l-impenn tal-President elett tal-Kummissjoni biex tagħmel aktar ħalli tirreprimi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, ittejjeb is-sostenn tal-vittmi, tagħmel lill-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul prijorità għall-Kummissjoni u tisfrutta l-opportunitajiet offruti mit-Trattat biex żżid lill-vjolenza fuq in-nisa fil-lista tar-reati rikonoxxuti mill-UE;
18. Jitlob lill-Kummissjoni żżid il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fost il-prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropea dwar il-Ġeneri li jmiss billi jiġu inklużi miżuri politiċi, leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi adegwati;
19. Jitlob lill-Kummissjoni tressaq att leġiżlattiv dwar il-prevenzjoni u r-repressjoni tal-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet; jimpenja ruħu, f'dan ir-rigward, li jeżamina l-miżuri possibbli kollha, anki fil-qasam tal-vjolenza online, billi jagħmel użu mid-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva minqux fl-Artikolu 225 tat-TFUE;
20. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jattivaw il-klawsola "passerelle" minquxa fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE bil-għan li l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru jiġu inklużi fost ir-reati rikonoxxuti mill-UE;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.
Azzjonijiet riċenti mill-Federazzjoni Russa kontra mħallfin, prosekuturi u investigaturi Litwani involuti fl-investigazzjoni tal-ġrajjiet traġiċi tat-13 ta' Jannar 1991 f'Vilnius
137k
47k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar azzjonijiet riċenti mill-Federazzjoni Russa kontra mħallfin, prosekuturi u investigaturi Litwani involuti fl-investigazzjoni tal-ġrajjiet traġiċi tat-13 ta' Jannar 1991 f'Vilnius (2019/2938(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Federazzjoni Russa,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali.
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Indipendenza tal-Ġudikatura,
– wara li kkunsidra l-iskambju riċenti ta' fehmiet li sar fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fit-12 ta' Novembru 2019(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi bħala konsegwenza diretta tal-Patt Molotov-Ribbentrop, l-USSR Komunista annettiet ir-Repubblika tal-Litwanja, flimkien ma' pajjiżi oħra;
B. billi l-Federazzjoni Russa, li ħadet impenji fil-qafas tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, ikkommettiet ruħha li tosserva l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem;
C. billi bejn il-11 u t-13 ta' Jannar 1991 il-forzi armati tal-USSR wettqu att ta' aggressjoni kontra l-Istat indipendenti tal-Litwanja u n-nies li kienu qed jipprovaw jiddefendu b'mod paċifiku it-torri tat-televiżjoni ta' Vilnius, li rriżulta f'14-il persuna mejta u kważi 800 feruta; billi l-azzjonijiet soppressivi tal-forzi armati Sovjetiċi komplew sat-tentattiv ta' kolp ta' stat li sar f'Awwissu 1991 f'Moska;
D. billi t-tixrid ta' demm ġie kkundannat madwar id-dinja kollha, inkluż mill-Kap tal-Kunsill Suprem tar-Repubblika Soċjalista Federattiva Sovjetika Russa waqt dimostrazzjoni tal-massa f'Moska ftit jiem wara;
E. billi l-Federazzjoni Russa, fit-Trattat bejn ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika Soċjalista Federattiva Sovjetika Russa fuq il-Bażi tar-Relazzjonijiet bejn l-Istati tad-29 ta' Lulju 1991, irrikonoxxiet ir-restawr tar-Repubblika tal-Litwanja indipendenti fil-11 ta' Marzu 1990;
F. billi l-Federazzjoni Russa assumiet id-drittijiet u l-obbligi tal-eks Unjoni Sovjetika u hija l-Istat suċċessur tagħha;
G. billi fis-27 ta' Marzu 2019 il-Qorti Reġjonali ta' Vilnius tat deċiżjoni fl-hekk imsejħa "kawża tat-13 ta' Jannar", li fiha Dmitry Yazov, l-eks ministru tad-difiża tal-Unjoni Sovjetika, Vladimir Uskhopchik, l-eks kmandant tal-gwarniġjon ta' Vilnius tal-Armata Sovjetika, Mikhail Golovatov, l-eks kmandant tal-forzi speċjali tal-KGB, u 64 ċittadin Russu, Belarussu u Ukren instabu ħatja ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità għall-involviment tagħhom fl-att ta' aggressjoni kontra l-Istat tal-Litwana;
H. billi l-awturi kollha ta' dan l-attakk kienu kontumaċi fil-proċess, minbarra tnejn minnhom, Yuri Mel u Gennady Ivanov, eks uffiċjali tal-armata Sovjetika, u l-imputati ġew ikkundannati għal perjodu ta' priġunerija sa 14-il sena; billi s-sentenzi li ngħataw fir-rebbiegħa 2019 jikkonċernaw il-ġrajjiet traġiċi li ġraw wara d-dikjarazzjoni tal-indipendenza Litwana tal-11 ta' Marzu 1990 u t-tentattivi Sovjetiċi biex jisfurzaw lil-Litwanja tirrevoka d-dikjarazzjoni tal-indipendenza tagħha, tentattivi li bdew b'imblokk ekonomiku fl-ewwel nofs tal-1990 u kkulminaw fi sforz brutali biex iwaqqgħu lill-Gvern Litwan f'Jannar 1991;
I. billi, fit-twettiq tal-investigazzjoni preliminari għall-kawża tat-13 ta' Jannar, l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Litwanja talbu b'mod attiv li l-awtoritajiet kompetenti tal-Federazzjoni Russa jipprovdu assistenza legali f'dawn il-proċedimenti kriminali, iżda l-Federazzjoni Russa ma kkooperatx;
J. billi huwa mifhum li l-Federazzjoni Russa qiegħda toffri b'mod attiv kenn u protezzjoni lill-uffiċjali kapijiet eżekuttivi u awturi tal-atti ta' aggressjoni armata kontra persuni ċivili innoċenti u mhux armati, bħall-ogħla uffiċjal militari matul l-avvenimenti ta' Jannar 1991, Mikhail Golovatov, u qiegħda tieħu l-miżuri possibbli kollha biex tgħinhom jevitaw li jinżammu responsabbli;
K. billi r-reazzjoni inizjali tar-Russja għad-deċiżjoni tal-qorti kienet negattiva, u d-Duma tal-Istat Russu ppremettiet li l-proċess kien "politikament motivat" u "tentattiv biex l-istorja tinkiteb mill-ġdid", u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja ħabbar li "mhux se joqgħod mingħajr ma jirreaġixxi ulterjorment";
L. billi bejn Lulju 2018 u April 2019 il-Kumitat Investigattiv tal-Federazzjoni Russa fetaħ diversi proċedimenti kriminali kontra l-prosekuturi, l-investigaturi u l-imħallfin tar-Repubblika tal-Litwanja li kienu involuti fl-investigazzjoni jew fid-deċiżjonijiet fil-kawża tat-13 ta' Jannar, fuq il-bażi tal-Artikoli 299 u 305 tal-Kodiċi Kriminali tal-Federazzjoni Russa, li jipprevedu responsabbiltà kriminali għal min "jistabbilixxi r-responsabbiltà kriminali ta' persuna magħrufa bħala innoċenti" u għall-"imħallef (imħallfin) li joħorġu sentenza, deċiżjoni jew kwalunkwe att ġuridiku ieħor intenzjonalment inġusti";
M. billi din il-prosekuzzjoni kriminali, ibbażata fuq motivazzjonijiet politiċi, mibdija mill-Federazzjoni Russa tista' tirriżulta f'tentattivi ta' użu ħażin tas-sistema Interpol u ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni bilaterali u multilaterali oħra sabiex jiġu ristretti d-drittijiet tal-prosekuturi investigattivi u l-imħallfin aditi fil-kawża tat-13 ta' Jannar matul il-perkwiżizzjonijiet, l-interrogazzjonijiet u l-arresti; billi l-Federazzjoni Russa jaf tipprova tikseb mandati ta' arrest internazzjonali kontra l-uffiċjali Litwani involuti f'dawn il-proċedimenti;
N. billi qed issir kampanja ta' propaganda u diżinformazzjoni fil-midja kkontrollata mill-Istat tal-Federazzjoni Russa, kif ukoll mir-rappreżentanti uffiċjali tiegħu, immirata lejn l-iżvilupp ta' teoriji ta' konfoffa dwar il-kawża tat-13 ta' Jannar, u hija parti mit-theddid ibridu kontra l-UE u d-demokraziji;
O. billi l-istat tad-dritt, inkluża l-indipendenza ġudizzjarja, huwa wieħed mill-valuri komuni li fuqhom hija mibnija l-UE; billi l-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament u mal-Kunsill, hija responsabbli taħt it-Trattati biex tiggarantixxi r-rispett tal-istat tad-dritt bħala valur fundamentali tal-Unjoni u biex tiżgura li d-dritt, il-valuri u l-prinċipji tal-UE jiġu rispettati;
P. billi l-imħallfin ta' kwalunkwe Stat Membru huma wkoll imħallfin tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi;
Q. billi l-indipendenza tal-ġudikatura hija l-bażi tal-istat tad-dritt u hija essenzjali għall-funzjonament tad-demokrazija u l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-indipendenza tal-ġudikatura hija minquxa fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
R. billi l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Indipendenza tal-Ġudikatura jistipulaw li huwa d-dmir tal-istituzzjonijiet governattivi u oħrajn kollha li jirrispettaw u josservaw l-indipendenza tal-ġudikatura; billi huma jiddikjaraw ukoll li ma jrid ikun hemm ebda ndħil mhux xieraq jew mhux ġustifikat fil-proċess ġudizzjarju(2);
S. billi fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem hemm minqux b'mod partikolari l-prinċipji ta' ugwaljanza f'għajnejn il-liġi, il-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku minn tribunal kompetenti, indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi;
T. billi l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali – li ġiet ratifikata mill-Federazzjoni Russa – jistipula li "l-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jagħtu lil xulxin, skont id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, l-assistenza reċiproka l-aktar wiesgħa possibbli, fil-proċeduri li jikkonċernaw reati li l-piena li għalihom, fi żmien it-talba għall-assistenza, taqa' taħt il-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Parti li tagħmel it-talba";
U. billi l-Federazzjoni Russa qed tikser dejjem aktar id-dritt u l-impenji internazzjonali u tieħu pożizzjonijiet li jmorru kontra r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat, u b'hekk timmina kwalunkwe prospett ta' kooperazzjoni futura;
1. Jesprimi s-solidarjetà u s-simpatija tiegħu mal-familji tal-vittmi tal-kawża tat-13 ta' Jannar;
2. Jinnota li l-azzjonijiet tal-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa fir-rigward tal-imħallfin u l-prosekuturi Litwani jiksru valuri legali fundamentali, b'mod partikolari l-indipendenza tal-ġudikatura, kif ukoll il-prinċipju li d-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem jistgħu jiġu legalment ristretti biss għall-finijiet li għalihom tali restrizzjonijiet jiġu imposti mid-dritt internazzjonali;
3. Ifakkar li l-prosekuzzjoni kriminali tal-prosekuturi u l-imħallfin għall-attivitajiet professjonali tagħhom hija forma ta' influwenza esterna inaċċettabbli li tinterferixxi mal-preminenza tal-liġi;
4. Jenfasizza l-fatt li tali proċedimenti kriminali kontra prosekuturi u mħallfin ma jistgħux jitqiesu bħala leġittimi;
5. Jikkundanna bil-qawwa dan il-ksur ta' prinċipji u normi fundamentali tad-dritt internazzjonali mwettaq mill-awtoritajiet Russi u joġġezzjona għal dawn l-eżempji ta' prosekuzzjonijiet kriminali politikament motivati;
6. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-prosekuturi, l-investigaturi u l-imħallfin Litwani akkużati mill-Federazzjoni Russa f'dan il-każ u mal-isforzi tal-Gvern Litwan biex jattira l-attenzjoni lejn il-każ u jillimita l-ħsara u l-periklu li jiffaċċjaw dawk akkużati inġustament mill-awtoritajiet Russi;
7. Jenfasizza li l-garanziji universalment rikonoxxuti għall-indipendenza tal-imħallfin u l-prosekuturi jipprojbixxu kwalunkwe ndħil fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja mill-qorti jew l-eżerċizzju ta' saħansitra l-iċken influwenza fuq sentenza, kif ukoll il-prosekuzzjoni ta' mħallef għal sentenza mogħtija minnu jew indħil fil-ħidma tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fl-investigazzjoni ta' każijiet;
8. Jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Federazzjoni Russa jabbandunaw il-proċedimenti kriminali mibdija kontra l-prosekuturi, l-investigaturi u l-imħallfin Litwani fil-kawża tat-13 ta' Jannar;
9. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa, waqt li jimplimentaw it-Trattat bejn ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika Sovjetika Federattiva Soċjalista Russa fuq il-Bażi tar-Relazzjonijiet bejn l-Istati tad-29 ta' Lulju 1991, biex jivvalutaw ir-responsabbiltà tal-persuni li mexxew jew ipparteċipaw fl-att ta' aggressjoni tal-11 sat-13 ta' Jannar 1991 kontra l-Istat tal-Litwanja, u li jassistu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tar-Repubblika tal-Litwanja biex ifittxu li ssir ġustizzja fil-kawża tat-13 ta' Jannar;
10. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa u l-Belarussja jikkonformaw mat-talbiet tar-Repubblika tal-Litwanja għall-assistenza legali reċiproka fil-kawża tat-13 ta' Jannar;
11. Jistieden lill-awtoritajiet Russi jwaqqfu d-diżinformazzjoni irresponsabbli u d-dikjarazzjonijiet ta' propaganda li saru minn uffiċjali tal-Federazzjoni Russa fir-rigward tal-kawża tat-13 ta' Jannar;
12. Jistieden lill-Istati Membri biex, jekk il-Federazzjoni Russa tagħmel talbiet għall-assistenza legali reċiproka b'rabta mal-prosekuzzjoni kriminali fil-Federazzjoni Russa tal-prosekuturi u l-imħallfin Litwani involuti fil-kawża tat-13 ta' Jannar, jittrattaw dan il-każ bħala politikament motivat, jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet Litwani u jirrifjutaw assistenza legali mill-Federazzjoni Russa f'dan il-każ;
13. Jistieden lill-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Fajls tal-Interpol, inkarigata biex tipprevjeni mandati ta' arrest ta' natura politika abbużivi, biex tkun attenta għal kwalunkwe mandat ta' arrest internazzjonali mitlub kontra l-uffiċjali Litwani akkużati; jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-firmatarji l-oħra tal-Kostituzzjoni tal-ICPO-Interpol jinjoraw il-mandati ta' arrest internazzjonali kollha kontra l-uffiċjali Litwani akkużati; jistieden lill-Interpol tinjora t-talbiet Russi kollha għal mandati relatati mal-kawża tat-13 ta' Jannar;
14. Jistieden lill-Istati Membri kollha jżommu lura milli jittrasferixxu lejn ir-Russja kwalunkwe data personali li tkun tista' tintuża fi proċedimenti kriminali kontra l-imħallfin, il-prosekuturi u l-investigaturi Litwani;
15. Jappella biex l-Istati Membri jikkooperaw bis-sħiħ fil-livell Ewropew fir-rigward tal-politiki tagħhom dwar ir-Russja, peress li aktar konsistenza u koordinazzjoni aħjar huma essenzjali biex tinkiseb politika tal-UE aktar effikaċi, u biex jagħmlu sforzi akbar ħalli jibnu r-reżiljenza u jaħdmu favur soluzzjonijiet prattiċi li jappoġġaw u jsaħħu l-proċessi demokratiċi u ġudikatura indipendenti;
16. Jistieden lill-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, lill-VP / RGħ u lill-Istati Membri jkomplu jsegwu tali każijiet b'attenzjoni, iqajmu dawn il-kwistjonijiet f'formati differenti u fil-laqgħat mal-Federazzjoni Russa, u jirrapportaw lura lill-Parlament dwar l-iskambji li jsiru mal-awtoritajiet Russi, filwaqt li jgħarrfu lill-awtoritajiet Russi b'mod sħiħ dwar l-unità u s-solidarjetà tal-Unjoni Ewropea f'dan il-każ, kif ukoll f'każijiet relatati oħra; iħeġġeġ lill-Istati Membri jqajmu dan il-każ meta jikkomunikaw mal-awtoritajiet Russi;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-Presidenti, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Federazzjoni Russa u l-Belarussja.
Miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt fuq l-agrikoltura Ewropea tad-deċiżjoni tad-WTO dwar it-tilwima li tikkonċerna l-Airbus
136k
46k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt fuq l-agrikoltura Ewropea tad-deċiżjoni tad-WTO dwar it-tilwima li tikkonċerna l-Airbus (2019/2895(RSP))
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni li ttieħdet mill-arbitru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fit-tilwima dwar is-sussidju tal-Airbus (DS316) fitt-2 ta' Ottubru 2019, li tawtorizza lill-Istati Uniti japplikaw kontromiżuri fuq l-esportazzjonijiet tal-UE għall-valur ta' USD 7,5 biljun (EUR 6,8 biljun),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni formali meħuda mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO fl-14 ta' Ottubru 2019 li ta l-approvazzjoni tiegħu għal dawk il-kontromiżuri,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li jintroduċu tariffa ġdida ta' 25 % ad valorem fuq xi prodotti agroalimentari u xi prodotti mhux agrikoli u 10 % ad valorem fuq prodotti mhux agrikoli, sa mit-18 ta' Ottubru 2019,
– wara li kkunsidra l-artikoli rilevanti fir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008(1) (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar il-Promozzjoni") u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2019 dwar l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma għall-2020 ta' azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi,
– wara li kkunsidra l-artikoli rilevanti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli(2) (ir-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq Unika (OKS Unika)),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Istati Uniti tal-Amerika huma d-destinazzjoni numru wieħed għall-esportazzjonijiet agrikoli mill-UE-28, li ammontaw għal EUR 22,3 biljun fl-2018 (16,2 % tal-esportazzjonijiet agroalimentari kollha), u għalhekk jirrappreżentaw suq insostitwibbli f'termini kemm ta' valur kif ukoll ta' volum;
B. billi l-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE b'valur ta' EUR 4,3 biljun (60 % tal-valur totali tal-kontromiżuri) se jintlaqtu minn tariffi ġodda, li se jkunu ekwivalenti għal EUR 1,1 biljun;
C. billi r-Renju Unit, Franza, Spanja, l-Italja, il-Ġermanja u l-Irlanda huma l-pajjiżi ewlenin li huma affettwati mid-deċiżjoni tal-Istati Uniti, filwaqt li s-setturi agroalimentari ta' Stati Membri oħra tal-UE ukoll se jiġu affettwati b'mod negattiv;
D. billi l-prodotti agrikoli ewlenin fil-mira tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti se jkunu prodotti emblematiċi tal-UE b'valur miżjud għoli ħafna li ta' spiss huma protetti taħt l-iskemi tal-kwalità tal-UE (inbejjed u spirti bħal pereżempju s-"single malt whisky", iż-żejt taż-żebbuġa, u prodotti tal-ħalib bħall-butir u l-ġobon);
E. billi prodotti agroalimentari oħra, bħaż-żebbuġ tal-mejda, il-majjal, il-kafè, il-gallettini ħelwin, il-frott ipproċessat, il-frott taċ-ċitru, il-molluski, il-likuri u l-kaxmer huma wkoll fil-mira, għalkemm b'inqas intensità;
F. billi l-bdiewa u l-operaturi fil-katina agroalimentari huma għal darb'oħra, wara l-embargo Russu, vittmi ta' kunflitt kummerċjali mhux agrikolu li ma jaqax taħt l-influwenza tagħhom u billi d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li japplikaw dawn it-tariffi se tibqa' fis-seħħ indefinittivament sa meta l-Istati Membri jikkonformaw mar-riżoluzzjoni tad-WTO dwar it-tilwima tal-Airbus;
G. billi l-kontromiżuri tal-Istati Uniti se jżidu inċertezzi ekonomiċi u legali għall-produtturi Ewropej f'settur li huwa diġà volatili min-natura tiegħu stess, u se jżidu aktar instabbiltà fis-suq intern tal-UE, li diġà qed ikollu jħabbat wiċċu mad-disturb ikkawżat mill-embargo Russu u qed ikollu jipprepara ruħu għar-riperkussjonijiet ekonomiċi minħabba l-ħruġ potenzjali tar-Renju Unit mill-UE;
H. billi l-Istati Uniti tal-Amerika jistgħu, skont dispożizzjonijiet fil-liġi tal-Istati Uniti, jintroduċu l-hekk imsejjaħ karusell ta' tariffi li jkollu effett indirett fuq prodotti oħra, jamplifika l-konsegwenzi ekonomiċi tal-kontromiżuri u jkollu impatt sproporzjonat fuq is-settur agroalimentari;
I. billi t-tilwima dwar is-sussidji tal-Boeing għadha pendenti quddiem id-WTO;
J. billi għal ftit setturi, bħal dak taż-żebbuġ tal-mejda (diġà affettwat mill-applikazzjoni tat-tariffi tal-Istati Uniti sa minn Novembru 2017) u taż-żejt taż-żebbuġa, id-deċiżjoni tal-Istati Uniti se tkompli tipperikola aktar is-sitwazzjoni diġà fraġli tas-suq intern, filwaqt li għal setturi oħra bħal dawk tal-inbid, tal-whisky u tal-prodotti tal-ħalib, dan jirriskja li jikkawża disturbi serji fis-suq b'mod ġenerali; billi tali deċiżjoni għalhekk thedded it-tkabbir, l-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi u twassal għal telf sinifikanti ta' kompetittività u ta' sehem mis-suq – li ħadu s-snin biex jiġu stabbiliti u se jkun diffiċli li wieħed jirkupra minn dan it-telf;
K. billi t-tariffi se jwasslu għal żidiet sinifikanti fil-prezzijiet għall-konsumaturi u telf ekonomiku u telf ta' impjiegi għall-kumpaniji fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, u fl-aħħar mill-aħħar huma l-produtturi li ma jiġux mill-UE u l-Istati Uniti li se jibbenefikaw minn dan;
L. billi skont ir-regoli attwali tal-UE, il-kampanji ta' promozzjoni li diġà ġew approvati u li għandhom is-suq tal-Istati Uniti fil-mira ma jistgħux jiġu pprogrammati mill-ġdid, u xi azzjonijiet li diġà ttieħdu għall-promozzjoni ta' prodotti ta' valur għoli ħafna jistgħu jkunu inutli jekk jiġu applikati t-tariffi tal-Istati Uniti;
M. billi l-agrikoltura tal-UE, li min-natura tagħha stess għandha sensitivitajiet partikolari, qed tiġi dejjem aktar integrata fis-swieq internazzjonali, u b'hekk tiġi enfasizzata l-importanza ta' relazzjonijiet kummerċjali kostruttivi b'mod ġenerali u ż-żamma ta' katina tal-provvista tal-ikel bi prodotti ta' kwalità għolja li jissodisfaw id-domanda tal-konsumaturi;
1. Jesprimi tħassib kbir dwar il-ħsara kollaterali li s-settur agroalimentari tal-UE qed jiffaċċja tul il-katina agroalimentari kollha bħala konsegwenza tad-deċiżjoni meħuda mill-Istati Uniti li jimponu kontromiżuri fuq l-Unjoni Ewropea b'riżultat tat-tilwima tal-Airbus; iqis li mhuwiex aċċettabbli li s-settur agrikolu jkollu jħallas parti kbira mill-kost ta' tilwima legali li toriġina f'settur li m'għandu x'jaqsam xejn miegħu; jiddeplora d-deċiżjoni li jiġu imposti dazji fuq tant prodotti agrikoli;
2. Jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu dwar in-nuqqas ta' impenn min-naħa tal-Istati Uniti fir-rigward tat-tentattivi tal-UE biex tinstab soluzzjoni nnegozjata f'waqtha qabel l-applikazzjoni tat-tariffi; jissottolinja t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li, s'issa, l-Istati Uniti rrifjutaw li jaħdmu mal-UE fuq soluzzjoni f'waqtha għall-industriji rispettivi tagħna tal-inġenji tal-ajru fil-kuntest tat-tilwima Airbus-Boeing li ilha teżisti;
3. Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha u jħeġġiġha tkompli tipprova ssib soluzzjonijiet innegozjati biex tnaqqas it-tensjonijiet kummerċjali li hemm bħalissa bejn iż-żewġ partijiet;
4. Jenfasizza l-ħtieġa ta' tweġiba koordinata u magħquda tal-UE, speċjalment peress li t-tariffi tfasslu biex jolqtu lill-Istati Membri b'mod inugwali f'tentattiv biex tinħoloq firda fil-pożizzjoni tal-Unjoni;
5. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib is-suq agroalimentari tal-UE sabiex tidentifika, b'mod li jkun f'waqtu, id-disturbi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-tariffi, l-effetti kumulattivi ma' żviluppi oħra tas-suq, inklużi dawk tal-embargo Russu li għadu għaddej, u l-effett indirett tal-prodotti spostati fuq il-katina tal-provvista tal-ikel;
6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvestiga l-impatt li dawn il-kontromiżuri għandhom fuq is-setturi milquta u fuq is-suq intern, u fejn iġġustifikat, b'konformità mar-regoli tad-WTO u fil-limiti tal-baġit, timmobilizza appoġġ rapidu għas-setturi l-aktar milquta; jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu, f'dan il-kuntest, dwar in-nuqqas ta' finanzjament xieraq għal dawn l-iskopijiet fil-baġit 2020;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-użu ta' għodod taħt l-OKS Unika, bħalma huma l-iskemi ta' ħżin privat u l-irtirar mis-suq, u kwalunkwe strument ġdid jew strument ieħor disponibbli u miżuri rilevanti għat-trattament tad-disturbi li jirriżultaw fis-suq intern;
8. Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li se teżamina mill-ġdid il-leġiżlazzjoni sekondarja li hemm fis-seħħ koperta mill-OKS Unika biex tippermetti lill-operaturi jestendu d-durata tal-kampanji ta' promozzjoni fl-Istati Uniti biex tkun permessa aktar flessibbiltà fil-ġestjoni tal-kampanji ta' promozzjoni li għaddejjin bħalissa f'pajjiżi terzi, sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jkunu reattivi u jsaħħu l-azzjonijiet tagħhom fl-Istati Uniti u biex jiġġieldu l-impatt fuq il-konsumaturi, jew jiffukaw mill-ġdid, fejn meħtieġ, fuq swieq alternattivi billi jipprogrammaw mill-ġdid l-attivitajiet li diġà jkunu ġew approvati għas-suq tal-Istati Uniti; jitlob lill-Kummissjoni tintroduċi dawn il-modifiki kemm jista' jkun malajr u tadotta miżuri addizzjonali biex tipprovdi aktar flessibbiltà għall-ġestjoni tal-kampanji ta' promozzjoni skont ir-Regolament dwar il-Promozzjoni;
9. Jinsisti li s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti huma eċċezzjonali u ma setax ikun li jiġu mbassra u ġestiti mill-operaturi; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tadatta r-regoli ta' kontroll u verifika b'tali mod li l-operaturi ma jiġux ippenalizzati minħabba l-adattamenti inevitabbli li se jkollhom jagħmlu għall-azzjonijiet ta' promozzjoni jew għan-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' azzjonijiet ta' promozzjoni li diġà ġew ippjanati;
10. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq miżuri orizzontali ta' informazzjoni u promozzjoni li jistgħu jieħdu l-forma ta' missjonijiet ta' livell għoli, parteċipazzjoni f'fieri kummerċjali u f'wirjiet ta' importanza internazzjonali mmirati lejn it-titjib tal-immaġni u ż-żieda fil-promozzjoni tal-prodotti kkonċernati, b'konformità mal-Artikoli 2 u 9 tar-Regolament dwar il-Promozzjoni;
11. Jinnota li, minħabba din il-problema speċifika tas-suq, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tuża d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 15 u 19 tar-Regolament dwar il-Promozzjoni sabiex tappoġġja lill-operaturi li se jkollhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jidħlu fis-suq tal-Istati Uniti u biex tgħin ħalli jittaffew l-ostakli għal tali dħul;
12. Jitlob li l-Kummissjoni tapprova, fil-marġni disponibbli, sejħiet addizzjonali għal proposti akkumpanjati minn żieda fl-allokazzjonijiet għall-promozzjoni għall-2019, peress li l-baġit annwali diġà ġie impenjat, sabiex jiġi evitat kwalunkwe dewmien biex issir reazzjoni ta' malajr għall-kontromiżuri tal-Istati Uniti;
13. Jappoġġja t-tisħiħ tar-Regolament orizzontali dwar il-Promozzjoni, u li fl-istess ħin juża l-għarfien espert tal-uffiċċji nazzjonali għall-promozzjoni tal-kummerċ, sabiex jgħin lill-operaturi jkabbru u jikkonsolidaw il-pożizzjoni tagħhom fi swieq terzi u jsibu opportunitajiet ġodda għall-bejgħ tal-prodotti tal-UE fid-dawl tar-riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) u tar-reviżjoni li jmiss tar-Regolament dwar il-Promozzjoni;
14. Jenfasizza li, f'dawn iċ-ċirkostanzi, huwa vitali li jiġi evitat aktar tnaqqis fil-baġit tal-PAK u li titkompla r-riforma tar-riżerva għall-kriżijiet tal-PAK, peress li s-settur agrikolu qiegħed kulma jmur jiġi aktar affettwat mill-volatilità u minn kriżijiet internazzjonali b'motivazzjoni politika li jeħtieġu tweġiba baġitarja b'saħħitha u effiċjenti;
15. Jenfasizza l-ħtieġa li s-swieq tal-esportazzjoni jiġu diversifikati u li jiġi żgurat l-aċċess għas-swieq għall-prodotti agroalimentari milquta mit-tariffi tal-Istati Uniti, billi jiġu eliminati l-ostakli tekniċi persistenti li żammew lill-operaturi milli jieħdu vantaġġ sħiħ tal-possibbiltajiet ta' esportazzjoni taħt ftehimiet kummerċjali oħra;
16. Itenni l-impenn tiegħu favur il-kummerċ ħieles u s-swieq miftuħa, peress li dawn kabbru l-opportunitajiet ekonomiċi u ta' impjieg għal bosta intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-Istati Uniti u fl-UE, u jenfasizza l-importanza ta' relazzjonijiet kummerċjali kostruttivi li jkunu ta' benefiċċju reċiproku għall-UE u għall-l-Istati Uniti;
17. Jenfasizza l-appoġġ tiegħu għall-preservazzjoni ta' sistema kummerċjali bbażata fuq ir-regoli u għad-WTO bħala istituzzjoni, u fl-istess ħin jirrikonoxxi l-ħtieġa li ssir riforma komprensiva, b'mod partikolari fir-rigward tal-Korp tal-Appell tad-WTO;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Marrakesh tal-15 ta' April 1994 li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 17 tal-Fehim dwar ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw is-soluzzjoni tat-tilwim (DSU), li jistabbilixxi l-Korp tal-Appell Permanenti tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Unjoni Ewropea, iċ-Ċina, il-Kanada, l-Indja, in-Norveġja, New Zealand, l-Iżvizzera, l-Awstralja, ir-Repubblika tal-Korea, l-Iżlanda, Singapore, il-Messiku, il-Costa Rica u l-Montenegro lill-Kunsill Ġenerali tad-WTO tal-11 ta' Diċembru 2018 (WT/GC/W/752/Rev. 2) u l-Komunikazzjoni mill-Unjoni Ewropea, iċ-Ċina, il-Kanada, l-Indja u l-Montenegro lill-Kunsill Ġenerali tad-WTO tal-11 ta' Diċembru 2018 (WT/GC/W/753/Rev.1),
– wara li kkunsidra l-arranġament interim tal-arbitraġġ ta' appell bejn l-UE u l-Kanada, skont l-artikolu 25 tad-DSU, tal-25 ta' Lulju 2019, kif ukoll arranġament simili man-Norveġja, konkluż fil-21 ta' Ottubru 2019,
– wara li kkunsidra l-proċess informali dwar kwistjonijiet relatati mal-funzjonament tal-Korp tal-Appell taħt l-awspiċi tal-Kunsill Ġenerali u r-rapporti pprovduti mill-Ambaxxatur ta' New Zealand, David Walker, lill-Kunsill Ġenerali tad-WTO fit-28 ta' Frar 2019 (JOB/GC/215), is-7 ta' Mejju 2019 (JOB/GC/217), it-23 ta' Lulju 2019 (JOB/GC/220), u l-15 ta' Ottubru 2019 (JOB/GC/222), kif ukoll l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali dwar il-Funzjonament tal-Korp tal-Appell ippreżentat mill-Ambaxxatur Walker lill-Kunsill Ġenerali fil-15 ta' Ottubru 2019, kif anness mar-rapport tiegħu ta' dik id-data,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2019,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,
A. billi d-WTO nħolqot biex issaħħaħ il-multilateraliżmu, tippromwovi ordni ekonomika dinjija inklużiva u trawwem sistema kummerċjali multilaterali miftuħa, ibbażata fuq ir-regoli u mhux diskriminatorja;
B. billi s-sistema tas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO, bis-saħħa tal-karattru vinkolanti tagħha, ta' żewġ livelli ta' aġġudikazzjoni u tal-indipendenza u l-imparzjalità tal-aġġudikaturi tagħha, ikkontribwiet b'suċċess fl-iżgurar tar-rispett tar-regoli tad-WTO u tas-sigurtà u l-prevedibilità tas-sistema kummerċjali multilaterali, u b'hekk evitat miżuri unilaterali;
C. billi l-Korp tal-Appell tad-WTO għandu rwol fundamentali fis-sistema tas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO;
D. billi l-Istati Uniti ilhom mill-2017 jimblokkaw is-sostituzzjoni ta' kwalunkwe membru mis-seba' membri tal-Korp tal-Appell u ċaħdu bosta proposti biex jibda l-proċess tal-għażla għall-assenjazzjoni tal-postijiet vakanti li fadal;
E. billi fl-10 ta' Diċembru 2019 se jiskadu l-mandati ta' tnejn mit-tliet membri li fadal tal-Korp tal-Appell u l-Korp tal-Appell mhux se jkun jista' jkompli jisma' appelli ġodda, peress li hemm bżonn ta' tliet membri biex dan ikun jista' jsir;
1. Huwa mħasseb ħafna li, mingħajr soluzzjoni, il-Korp tal-Appell se jieqaf jiffunzjona wara l-10 ta' Diċembru 2019, u dan jista' jkollu konsegwenzi serji ħafna fuq is-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli;
2. Jiddeplora l-fatt li d-diskussjonijiet li għaddejjin bejn il-Membri tad-WTO għadhom ma tawx riżultati pożittivi;
3. Jappoġġa bis-sħiħ il-proċess informali ffaċilitat mill-Ambaxxatur Walker u jqis il-proposti tiegħu bħala bażi tajba ħafna biex tinstab soluzzjoni sodisfaċenti li tindirizza t-tħassib komuni dwar il-funzjonament tal-Korp tal-Appell u l-ħtieġa li dan jiġi riformat; jistieden lill-Membri kollha tad-WTO biex jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv f'dawn id-diskussjonijiet sabiex il-postijiet battala jkunu jistgħu jimtlew mill-aktar fis possibbli, filwaqt li jiżguraw li d-WTO tkun mgħammra b'riżorsi finanzjarji u umani skont il-ħtiġijiet tagħha;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli d-djalogu tagħha mal-Membri kollha tad-WTO, inklużi l-Istati Uniti, sabiex tiġi żblokkata l-proċedura ta' ħatra bħala kwistjoni ta' prijorità, anke wara l-10 ta' Diċembru 2019, jekk ikun neċessarju;
5. Jappoġġa l-inizjattivi li dan l-aħħar ħadet l-UE biex tikkonkludi arranġamenti interim għal soluzzjonijiet provviżorji mas-sħab kummerċjali ewlenin tagħna li jippreservaw id-dritt tal-Unjoni Ewropea għas-soluzzjoni ta' tilwim kummerċjali fid-WTO permezz ta' aġġudikazzjoni vinkolanti fuq żewġ livelli, indipendenti u imparzjali, filwaqt li jfakkar li Korp Permanenti tal-Appell jibqa' l-objettiv ewlieni tal-istrateġija tal-UE;
6. Ifakkar fl-importanza ta' djalogu interparlamentari bħala mod kif isir kontribut għad-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa u biex tinkiseb konklużjoni pożittiva;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Membri tad-WTO u lid-Direttur Ġenerali tad-WTO.
In-negozjati li għaddejjin għal Ftehim ta' Sħubija ġdid UE-AKP
136k
47k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Novembru 2019 dwar in-negozjati li għaddejjin għal Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (2019/2832(RSP))
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 ("il-Ftehim ta' Cotonou")(1), u r-reviżjonijiet tiegħu tal-2005 u l-2010(2),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2017 għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE wara l-2020(4) u tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar in-negozjati li jmiss għal Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku(5),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar in-negozjati li għaddejjin għal Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (O-000035/2019 – B9‑0057/2019 u O-000036/2019 – B9‑0058/2019),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,
A. billi n-negozjati għal Ftehim ta' Sħubija ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku għadhom għaddejjin u aktarx jieħdu aktar fit-tul milli kien mistenni oriġinarjament;
B. billi s-saħħa tal-Ftehim ta' Cotonou u l-acquis tiegħu huma bbażati fuq għadd ta' karatteristiċi uniċi li jeħtieġ li jinżammu u jissaħħu;
C. billi r-relazzjonijiet AKP-UE huma ta' importanza kbira, b'mod partikolari f'dan l-istadju fejn is-sistema multilaterali tinsab taħt pressjoni u qed jitqajmu dubji dwarha; billi l-Ftehim ta' Cotonou huwa element ewlieni tas-sistema multilaterali tagħna minħabba l-għadd ta' Stati li jiġbor flimkien u minħabba l-kontenut u l-istruttura tas-sħubija, u billi s-sħubija għandha tingħata aktar prominenza u viżibbiltà fin-Nazzjonijiet Uniti u f'fora globali oħra; billi, fl-2015, il-komunità internazzjonali ħadet impenji globali kbar bħala parti mill-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), il-Ftehim ta' Pariġi u l-Aġenda ta' Addis Ababa, u billi l-kooperazzjoni AKP-UE se tkun essenzjali biex jintlaħqu dawn l-objettivi globali;
D. billi t-tisħiħ tad-dimensjoni parlamentari bejn l-UE u l-Grupp AKP, bis-saħħa ta' aktar effiċjenza u rappreżentattività, għandu jkun element ewlieni tas-sħubija AKP-UE l-ġdida;
E. billi l-frekwenza u l-varjetà tal-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE ppermettew djalogu konsistenti matul is-snin u b'hekk ikkontribwew b'mod effikaċi għat-tisħiħ tad-diplomazija parlamentari; billi l-klima internazzjonali attwali għandha sservi ta' inċentiv biex l-Istati AKP-UE jibqgħu għaddejjin b'dan id-djalogu parlamentari u jsaħħu l-effikaċja tiegħu;
1. Jilqa' l-progress li sar s'issa rigward in-negozjati tal-prijoritajiet strateġiċi tal-ftehim bażi u l-ħidma dwar il-protokolli reġjonali;
2. Jieħu nota li se jkun hemm bżonn aktar żmien biex jiġu nnegozjati l-partijiet li fadal tal-ftehim u li n-negozjati ma ġewx iffinalizzati sal-aħħar ta' Ottubru 2019 kif kien mistenni oriġinarjament;
3. Jilqa', fid-dawl tal-fatt li l-Ftehim ta' Cotonou jiskadi fi Frar 2020, id-deċiżjoni li ħa l-Kunsill tal-Ministri AKP-UE li jiddelega lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE s-setgħa li jadotta miżuri tranżizzjonali sakemm is-sħubija AKP-UE l-ġdida tidħol fis-seħħ;
4. Jerġa' jikkonferma bil-qawwa l-pożizzjoni espressa fiż-żewġ riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-qafas ta' wara Cotonou, adottati f'Ottubru 2016 u f'Ġunju 2018 rispettivament, u jemmen li wħud mill-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou jeħtieġ li jiġu mtennija bis-saħħa sabiex ikunu jistgħu jitqiesu kompletament matul il-perjodu li fadal tan-negozjati;
5. Itenni l-importanza li tissaħħaħ id-dimensjoni parlamentari tal-ftehim futur, li jeħtieġ li jiżgura r-responsabbiltà demokratika fil-livelli kollha; jisħaq li l-qafas istituzzjonali għandu jinkludi Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE; iqis din l-esiġenza bħala waħda mhux negozjabbli biex il-Parlament Ewropew jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehim futur;
6. Ifakkar li l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE għandha rwol prominenti x'tiżvolġi biex tiżgura s-sorveljanza demokratika tal-ftehim futur u mill-ġdid jappella għat-tisħiħ tar-rwol tal-Assemblea Parlamentari Konġunta f'dak li jirrigwarda l-konsultazzjoni u l-iskrutinju; jinsab konvint li hemm bżonn laqgħat regolari fil-livell tal-AKP-UE biex tiġi żgurata sħubija b'saħħitha;
7. Huwa tal-fehma li l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tiżvolġi rwol ewlieni fil-kisba tal-SDGs u fil-valutazzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jinsab konvint li l-Assemblea Parlamentari Konġunta tippromwovi skambji dwar sfidi globali bħad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-governanza tajba, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-paċi u s-sigurtà, kif ukoll il-klima, l-ambjent u l-bijodiversità;
8. Itenni l-impenn tiegħu favur il-multilateraliżmu u jappella biex ikun hemm koordinazzjoni, notevolment fi ħdan il-qafas tal-Assemblea Parlamentari Konġunta, sabiex tiġi adottata pożizzjoni konġunta AKP-UE f'fora internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm aktar involviment ma' sħab internazzjonali oħra, kif ukoll mas-soċjetà ċivili, fit-tħejjija għal negozjati multilaterali;
9. Iqis li l-Assemblea Parlamentari Konġunta għandha tkun magħmula minn numru ndaqs ta' rappreżentanti tal-UE u tal-AKP u li għandha tiltaqa' darbtejn fis-sena f'sessjoni plenarja, darba fl-Unjoni Ewropea u darb'oħra fi Stat AKP;
10. Jisħaq li l-Kumitati Parlamentari tas-Sħubija Reġjonali jeħtiġilhom jiltaqgħu darba fis-sena f'kull reġjun, indipendentement mill-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tas-Sħubija Reġjonali; jisħaq, barra minn hekk, li r-reġjonalizzazzjoni tas-sħubija UE-AKP skont il-ftehim il-ġdid, li hija maħsuba bħala inċentiv biex tiġi mħeġġa integrazzjoni reġjonali aktar profonda fost il-pajjiżi AKP, m'għandhiex tiġi implimentata b'tali mod li tkun għad-detriment tal-objettivi komuni ġenerali tal-ftehim;
11. Itenni li wħud mill-karatteristiċi uniċi tal-Ftehim ta' Cotonou, jiġifieri r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-libertajiet fundamentali, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, jeħtieġ li jinżammu u jissaħħu;
12. Jisħaq li l-ftehim il-ġdid għandu jkompli jsaħħaħ l-idea ta' sħubija bejn partijiet indaqs, filwaqt li jqis l-ispeċifiċitajiet ta' kull pajjiż kif ukoll il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-AKP u l-UE bħala sħab magħquda u li joffru appoġġ lil xulxin fi ħdan is-sistema multilaterali; jirrimarka li, għaldaqstant, il-ftehim il-ġdid irid jagħmilha possibbli li r-relazzjoni bejn il-partijiet involuti tmur lil hinn minn sempliċement waħda ta' bejn donatur u benefiċjarju;
13. Itenni l-importanza tad-djalogu politiku kemm għad-difiża tal-valuri komuni tagħna kif ukoll bħala parti integrali mis-sħubija u jappella biex id-djalogu politiku jintuża sistematikament, kif ukoll b'mod aktar effikaċi u proattiv, sabiex jiġu evitati l-kriżijiet politiċi;
14. Jiddispjaċih li f'xi pajjiżi l-ispazju għas-soċjetà ċivili qiegħed jiċkien u jtenni li l-ftehim futur għandu jipprevedi rwol akbar għas-soċjetà ċivili, inklużi l-NGOs, il-gruppi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-gruppi lokali, id-dijaspori, il-knejjes u l-assoċjazzjonijiet u l-komunitajiet reliġjużi, ir-rappreżentanti taż-żgħażagħ u tan-nisa b'mod partikolari, bil-ħsieb li jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-persuni b'diżabbiltà, kif ukoll il-movimenti soċjali u t-trade unions, il-fondazzjonijiet u l-popli indiġeni, u r-rappreżentanza tal-persuni vulnerabbli u emarġinati li jsofru d-diskriminazzjoni, u li dan għandu jinkiseb bis-saħħa tad-djalogu politiku u fil-livelli kollha;
15. Jappella biex il-qerda tal-faqar u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli jkunu l-objettivi ġenerali tal-kooperazzjoni AKP-UE, f'konformità mal-prinċipju li "ħadd ma jitħalla barra"; itenni li l-ġlieda kontra l-esklużjoni, id-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi trid tkun fil-qalba ta' dan il-ftehim;
16. Ifakkar li l-parti tal-ftehim futur iddedikata għad-drittijiet tal-bniedem għandha tinkludi kliem espliċitu dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe raġuni, inkluża l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru, jew fil-konfront tat-tfal, il-persuni li jiċċaqilqu minn pajjiżhom, l-anzjani jew il-persuni b'diżabbiltà;
17. Jisħaq fuq l-importanza tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa bħala xprun tal-iżvilupp u jistieden lill-UE u lill-pajjiżi tal-AKP jinkludu l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala kwistjoni trasversali fil-ftehim; jissottolinja l-importanza li l-partijiet jimpenjaw ruħhom favur is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u favur l-implimentazzjoni sħiħa tal-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp;
18. Jistenna li, hija u talloka l-għajnuna finanzjarja tagħha, l-UE tagħti l-attenzjoni dovuta lill-politiki tal-pajjiżi sħab tagħha u lill-isfidi li dawn il-pajjiżi jkunu qed jiffaċċjaw, b'mod partikolari meta wieħed iqis li l-maġġoranza tal-movimenti migratorji jseħħu bejn il-pajjiżi AKP stess; itenni li l-ftehim futur irid joffri assistenza lill-komunitajiet ospitanti milquta minn għadd kbir ta' persuni spostati u jrid jindirizza l-kawżi ewlenin tal-ispostament furzat b'mod komprensiv u msejjes fuq id-drittijiet;
19. Jilqa' l-fatt li l-kisba tal-SDGs hija meqjusa bħala objettiv ewlieni tal-ftehim futur u mill-ġdid jitlob b'insistenza li jinħolqu mekkaniżmi ta' monitoraġġ b'saħħithom biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-ftehim tikkontribwixxi b'mod effikaċi għall-SDGs u tippromovihom; jisħaq fuq il-ħtieġa li kwistjonijiet trasversali, bħas-sostenibbiltà ambjentali, l-objettivi fil-qasam tat-tibdil fil-klima, il-kwistjonijiet tal-ġeneru u l-ġustizzja soċjali, jiġu integrati u inkorporati fil-politiki, il-pjanijiet u l-interventi kollha bħala parti mill-ftehim futur;
20. Itenni l-mira ewlenija tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) li hija l-promozzjoni tal-iżvilupp fit-tul u l-integrazzjoni reġjonali; jisħaq li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli u d-drittijiet tal-bniedem u jinsisti li dawn għandhom ikunu parti integrali mill-ftehim futur;
21. Jappella biex fl-EPAs kollha li qed jiġu nnegozjati fil-preżent u dawk kollha futuri jiġu inklużi dispożizzjonijiet infurzabbli dwar l-iżvilupp sostenibbli u d-drittijiet tal-bniedem u biex issir analiżi fil-fond dwar l-impatt tal-EPAs fuq l-ekonomiji lokali u l-kummerċ intrareġjonali bil-għan li jiġi indirizzat it-tħassib dwar l-implimentazzjoni tagħhom f'termini ta' integrazzjoni reġjonali u industrijalizzazzjoni;
22. Jemmen li l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u l-SDGs tirrikjedi l-parteċipazzjoni qawwija tal-awtoritajiet lokali u tal-atturi mhux statali biex tissaħħaħ is-sjieda demokratika; iqis li, biex jintlaħaq dan il-għan, ikun siewi li jiġi adottat mekkaniżmu AKP-UE ta' monitoraġġ bejn il-pari, ta' obbligu ta' rendikont u ta' rieżami, li jkun jinvolvi rappreżentanti mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, mis-soċjetà ċivili u mill-komunitajiet xjentifiċi u li jkollu d-dmir li kull sena jfassal konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet għal segwitu;
23. Ifakkar li s-settur privat huwa sieħeb essenzjali fl-isforzi favur l-iżvilupp sostenibbli, il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u l-ġlieda kontra l-faqar; jappella biex il-ftehim futur ikun fih dispożizzjonijiet ċari dwar ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-intrapriżi li huma involuti fi sħubijiet għall-iżvilupp u jippromwovu l-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva, il-Patt Globali tan-NU, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, l-istandards fundamentali tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), l-istandards ambjentali u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni;
24. Ifakkar lill-partijiet involuti fin-negozjati jinkludu dispożizzjonijiet ambizzjużi fil-ftehim il-ġdid biex jiġġieldu l-flussi finanzjarji illeċiti u l-evażjoni tat-taxxa u jagħtu għajnuna finanzjarja u teknika lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp biex dawn ikampaw ma' standards globali emerġenti għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, inkluż l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni, informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji u dwar ir-rapportar pubbliku għal kull pajjiż fir-rigward tal-kumpaniji multinazzjonali bil-għan li jintemmu l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitti, abbażi tal-mudelli tal-G20 u tal-OECD;
25. Itenni li l-allokazzjoni tal-għajnuna m'għandhiex tiddependi mill-kooperazzjoni mal-UE dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni, għax dan mhuwiex kompatibbli mal-prinċipji maqbula dwar l-effikaċja tal-iżvilupp;
26. Ifakkar li l-Parlament Ewropew jeħtieġlu jkun informat minnufih u bis-sħiħ fil-fażijiet kollha tal-proċedura tan-negozjati, konformement mal-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jtenni l-bżonn ta' qbil dwar it-titjib tal-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni u għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni tul iċ-ċiklu ta' ħajja kollu tal-ftehimiet internazzjonali;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ministri AKP, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan u lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.