Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2956(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0040/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2020 - 10.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2020)0005

Testi adottati
PDF 246kWORD 76k
L-Erbgħa, 15 ta' Jannar 2020 - Strasburgu
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew
P9_TA(2020)0005RC-B9-0040/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (2019/2956(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" (COM(2019)0640),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Pjaneta Nadifa għal kulħadd - Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773) u l-analiżi fil-fond li tappoġġa dik il-komunikazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni Ambjentali sal-2020 tal-UE u l-viżjoni tagħha għall-2050,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), il-Protokoll ta' Kjoto għaliha u l-Ftehim ta' Pariġi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tal-4 ta' Diċembru 2019 bit-titolu "The European environment – state and outlook 2020" (L-ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti 2020),

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) bit-titolu "Global Warming of 1,5 °C" (Tisħin globali ta' 1,5 °C), il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sinteżi dwaru, kif ukoll ir-rapport speċjali tiegħu dwar it-tibdil fil-klima u l-art, u r-rapport speċjali tiegħu dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qiegħda tinbidel,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet 2019 tal-Programm Ambjentali tan-NU, ippubblikat fis-26 ta' Novembru 2019, u l-ewwel rapport ta' sinteżi dwar il-produzzjoni tal-karburanti fossili ta' Diċembru 2019 (Rapport dwar id-Diskrepanza fil-Produzzjoni 2019),

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Valutazzjoni Globali dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES) tal-31 ta' Mejju 2019,

–  wara li kkunsidra l-Global Resources Outlook 2019 (Il-prospettivi tar-riżorsi globali 2019) tal-Panel tar-Riżorsi Internazzjonali fi ħdan il-Programm Ambjentali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra s-26 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC li se ssir f'Novembru 2020 u l-fatt li l-Partijiet kollha għall-UNFCCC jeħtieġu jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom stabbiliti fil-livell nazzjonali bi qbil mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi,

–  wara li kkunsidra l-15-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (COP 15), li ser issir f'Kunming, iċ-Ċina, f'Ottubru 2020, fejn il-Partijiet jeħtieġ jiddeċiedu fuq il-qafas globali ta' wara l-2020 biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 bit-titolu "It-tibdil fil-klima – viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi"(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2019 f'Madrid, Spanja (COP 25(3)),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2019,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi din ir-riżoluzzjoni tikkostitwixxi r-reazzjoni ġenerali inizjali tal-Parlament għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew; billi l-Parlament, malli tipprogressa l-ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku, se jirritorna b'pożizzjonijiet aktar dettaljati dwar l-azzjonijiet ta' politika u l-miżuri speċifiċi u se juża s-setgħat leġiżlattivi kollha tiegħu biex jeżamina mill-ġdid u jemenda kwalunkwe proposta mill-Kummissjoni biex jiżgura li tali proposti jappoġġaw l-għanijiet kollha tal-Patt Ekoloġiku;

1.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' azzjoni ambizzjuża biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali u tat-tibdil fil-klima, biex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1.5  C u biex jiġi evitat telf massiv tal-bijodiversità; jilqa' għalhekk il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew"; jikkondividi l-impenn tal-Kummissjoni favur it-trasformazzjoni tal-UE f'soċjetà aktar b'saħħitha, sostenibbli, ġusta u prospera b'newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; jappella għat-tranżizzjoni meħtieġa lejn soċjetà newtrali għall-klima sa mhux aktar tard mill-2050 u biex din tkun storja Ewropea ta' suċċess;

2.  Jenfasizza li n-nies kollha li jgħixu fl-Ewropa għandhom jingħataw id-dritt fundamentali għal ambjent sikur, nadif, san u sostenibbli u għal klima stabbli, mingħajr diskriminazzjoni, u li dan id-dritt irid ikun jingħata permezz ta' politiki ambizzjużi u jrid ikun kompletament infurzabbli permezz tas-sistema ġudizzjarja fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE;

3.  Jemmen bis-sħiħ li l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu jrawwem approċċ integrat u bbażat fuq ix-xjenza u jġib flimkien is-setturi kollha sabiex jitqiegħdu fuq l-istess binarju lejn l-istess għan; iqis li l-integrazzjoni tal-politiki differenti lejn viżjoni olistika hija l-valur miżjud reali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u għalhekk għandha tissaħħaħ; iqis il-Patt Ekoloġiku bħala katalist għal tranżizzjoni soċjetali inklużiva u nondiskriminatorja bin-newtralità klimatika, il-protezzjoni tal-ambjent, l-użu sostenibbli tar-riżorsi u s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini fi ħdan il-limiti pjanetarji bħala għanijiet ewlenin;

4.  Jenfasizza li l-Patt Ekoloġiku għandu jkun fil-qalba tal-istrateġija tal-Ewropa għal tkabbir sostenibbli ġdid, f'rispett tal-limiti pjanetarji tad-Dinja u għall-ħolqien ta' opportunitajiet ekonomiċi, filwaqt li jiġi xprunat l-investiment u jiġu pprovduti impjiegi ta' kwalità; jemmen li dan ikun ta' benefiċċju għall-kumpaniji u ċ-ċittadini Ewropej u jġib miegħu ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-ġenerazzjoni tal-iskart, l-użu tar-riżorsi u l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra globali tal-UE; jenfasizza li l-Patt Ekoloġiku jrid iwassal għal progress soċjali, permezz tat-titjib tal-benesseri għal kulħadd u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi soċjali, tal-iżbilanċi ekonomiċi bejn l-Istati Membri, u tad-disparitajiet bejn is-sessi u l-ġenerazzjonijiet; jemmen li tranżizzjoni ġusta ma għandha tħalli lill-ebda persuna u lill-ebda post jibqgħu lura u għandha tindirizza l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi;

5.  Jemmen li i l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU għandhom ikunu fil-qalba tal-proċess tal-UE għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki sabiex l-UE tippromwovi mudell għall-iżvilupp tal-bniedem li jkun kompatibbli ma' pjaneta b'saħħitha; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-fatt li l-Patt Ekoloġiku Ewropew irid jikkombina d-drittijiet soċjali, l-integrità ambjentali, il-koeżjoni reġjonali, is-sostenibbiltà u industriji li jibqgħu validi fil-futur u li jkunu globalment kompetittivi, għall-benefiċċju ta' kulħadd;

6.  Jenfasizza li l-Patt Ekoloġiku jrid jimmira għal ekonomija prosperuża, ġusta, sostenibbli u kompetittiva li taħdem għal kulħadd, fir-reġjuni kollha fl-Ewropa; jemmen li l-Patt Ekoloġiku għandu joħloq opportunitajiet ekonomiċi u ġustizzja fost il-ġenerazzjonijiet; jisħaq fuq l-importanza tar-rispett u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali fil-livelli u s-setturi kollha sabiex tkun żgurata tranżizzjoni ġusta; jenfasizza l-ħtieġa ta' perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-azzjonijiet u l-għanijiet fil-Patt Ekoloġiku, inklużi azzjonijiet ta' integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi u azzjonijiet sensittivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru; itenni li t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u soċjetà sostenibbli trid titwettaq flimkien mal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u jinsisti li l-inizjattivi kollha meħuda skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew iridu jkunu kompatibbli bis-sħiħ mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

7.  Jissottolinja li sabiex l-Unjoni tilħaq l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku, jeħtieġ jiġu mmobilizzati investimenti pubbliċi u privati sostanzjali, u jqisu dan bħala prekundizzjoni għas-suċċess tal-Patt Ekoloġiku; jemmen li l-UE trid tipprovdi prevedibbiltà regolatorja u ċertezza fit-tul għall-investituri kif ukoll qafas finanzjarju adegwat, riżorsi u inċentivi fiskali u tas-suq għal tranżizzjoni ekoloġika ta' suċċess għal bidla soċjali, industrijali u ekonomika pożittiva; itenni li l-Patt Ekoloġiku għandu jqiegħed lill-Ewropa fit-triq ta' benesseri, prosperità u tkabbir sostenibbli u fit-tul, filwaqt li jiżgura li l-politiki ambjentali, ekonomiċi u soċjali tagħna jiġu żviluppati biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta;

8.  Jenfasizza li l-isfidi globali tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali jirrikjedu reazzjoni globali; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE turi ambizzjoni u l-ħtieġa li jiġu mobilizzati wkoll reġjuni oħra tad-dinja biex kulħadd jaħdem fl-istess direzzjoni; jenfasizza r-rwol tal-UE bħala mexxej globali fir-rigward tal-azzjoni ambjentali u klimatika;

9.  Jipproponi li l-azzjonijiet kollha skont il-Patt Ekoloġiku għandu jkollhom approċċ ibbażat fuq ix-xjenza u jkunu bbażati fuq valutazzjonijiet tal-impatt olistiċi;

10.  Jirrikonoxxi r-responsabbiltà istituzzjonali tiegħu li jnaqqas il-marka tal-karbonju tiegħu; jipproponi li jadotta l-miżuri proprji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, inkluż bit-tibdil tal-vetturi tal-flotta tiegħu b'vetturi b'emissjonijiet żero, u jistieden urġentement lill-Istati Membri kollha jaqblu fuq sede unika għall-Parlament Ewropew;

Inżidu l-ambizzjoni klimatika tal-UE għall-2030 u l-2050

11.  Jemmen li impenn legalment vinkolanti tal-UE favur newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 se jkun għodda b'saħħitha biex jiġu mmobilizzati l-forzi soċjetali, politiċi, ekonomiċi u teknoloġiċi meħtieġa għat-tranżizzjoni; jissottolinja bis-sħiħ li t-tranżizzjoni hija sforz komuni għall-Istati Membri kollha, u li kull Stat Membru jrid jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tan-newtralità klimatika fl-UE sa mhux aktar tard mill-2050; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal Liġi Ewropea dwar il-Klima sa Marzu 2020;

12.  Jitlob Liġi Ewropea dwar il-Klima ambizzjuża b'mira domestika u għall-ekonomija kollha li tkun legalment vinkolanti biex tintlaħaq newtralità f'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra sa mhux aktar tard mill-2050, u miri intermedji tal-UE għall-2030 u l-2040 biex jiġu ffinalizzati bħala parti minn dik il-liġi sa mhux aktar tard minn meta tiġi adottata mill-koleġiżlaturi, abbażi ta' valutazzjonijiet tal-impatt kif ukoll qafas ta' governanza b'saħħtu; jenfasizza li l-Liġi dwar il-Klima trid tirrifletti l-aħjar xjenza disponibbli, bl-għan li t-tisħin globali jiġi limitat għal 1.5° C, u li din il-liġi għandha tinżamm aġġornata sabiex tirrifletti l-iżviluppi fil-qafas legali tal-UE u ċ-ċiklu ta' rieżami tal-Ftehim ta' Pariġi; jemmen li l-Liġi dwar il-Klima trid tinkludi wkoll komponenti ta' adattament speċifiċi, jiġifieri billi tirrikjedi li l-Istati Membri kollha jadottaw pjanijiet ta' azzjoni ta' adattament;

13.  Jappella żieda fil-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra domestiċi tal-UE għall-2030 għal 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta għal dan il-għan mill-aktar fis possibbli sabiex l-UE tkun tista' tadotta din il-mira bħala l-kontribut aġġornat tagħha stabbilit fil-livell nazzjonali (NDC) ferm qabel il-COP 26; jappella, barra minn hekk, biex din il-mira tiġi sussegwentement integrata fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima;

14.  Jemmen li l-UE għandu jkollha rwol attiv u għandha turi tmexxija b'saħħitha fit-tħejjijiet għall-COP 26, fejn il-Partijiet għandhom iżidu l-impenji kollettivi dwar il-klima sabiex dawn jirriflettu l-ogħla livell ta' ambizzjoni possibbli; jemmen, b'kont meħud ta' dan, li l-UE għandha tadotta NDC aktar ambizzjuż kemm jista' jkun malajr fl-2020 sabiex tinkoraġġixxi lil pajjiżi oħra li mhumiex fl-UE, b'mod partikolari l-emittenti ewlenin, jagħmlu l-istess; jissottolinja, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jkun hemm qbil dwar NDC aktar ambizzjuż qabel is-Summit bejn l-UE u ċ-Ċina ppjanat għal Settembru u s-Summit bejn l-UE u l-Afrika;

15.  Jirrikonoxxi li l-Istati Membri jista' jkollhom trajettorji differenti biex jiksbu n-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 b'mod ġust u kosteffettiv, u jirrikonoxxi li l-pajjiżi għandhom punti ta' tluq u riżorsi differenti u li wħud minnhom qegħdin jimxu b'rata aktar mgħaġġla mill-oħrajn, iżda li t-tranżizzjoni ekoloġika għandha tiġi ttrasformata f'opportunità ekonomika u soċjali għar-reġjuni kollha tal-Ewropa;

16.  Jenfasizza li l-emissjonijiet netti se jkollhom jitnaqqsu għal kważi żero fis-setturi tal-ekonomija kollha sabiex jikkontribwixxu b'mod konġunt għall-għan li tinkiseb newtralità klimatika; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, fejn meħtieġ, proposti bbażati fuq valutazzjonijiet tal-impatt, bil-ħsieb li jiġu riveduti l-miżuri leġiżlattivi tal-UE fil-qasam tal-klima u l-enerġija sa Ġunju 2021 sabiex titwettaq iż-żieda fl-ambizzjoni klimatika fuq terminu medju u twil; jitlob lill-Kummissjoni tuża wkoll il-potenzjal addizzjonali ta' leġiżlazzjoni eżistenti oħra tal-UE biex tikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika, bħad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart, il-miżuri relatati mal-ekonomija ċirkolari u r-Regolament dwar il-Gassijiet Fluworurati; jissottolinja, barra minn hekk, li soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura jistgħu jgħinu lill-Istati Membri jilħqu l-għanijiet tagħhom ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u tal-bijodiversità, iżda jinsisti li dawn għandhom ikunu addizzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra f'ras il-għajn;

17.  Jemmen li l-miri ġodda u miżjuda tal-gassijiet b'effett ta' serra jirrikjedu li s-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) tkun adattata għall-iskop tagħha; jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid u b'mod rapidu d-Direttiva dwar l-ETS, inkluż billi tindirizza l-fattur lineari ta' tnaqqis, ir-regoli għall-allokazzjoni tal-kwoti mingħajr ħlas u l-ħtieġa potenzjali ta' prezz minimu tal-karbonju;

18.  Fid-dawl tad-differenzi globali persistenti fl-ambizzjoni klimatika, jappoġġa l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taħdem fuq mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju kompatibbli mad-WTO; iqis l-iżvilupp ta' tali mekkaniżmu bħala parti minn strateġija usa' għal ekonomija kompetittiva u dekarbonizzata tal-UE li tiddefendi l-ambizzjoni klimatika tal-UE filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet ekwi; jinnota l-fehma tal-Kummissjoni li l-mekkaniżmu jkun alternattiva għall-miżuri eżistenti għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fl-EU ETS; jenfasizza li l-miżuri attwali biex tiġi indirizzata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju m'għandhomx jitħassru sakemm tidħol fis-seħħ sistema ġdida u jitlob lill-Kummissjoni, qabel ma tressaq kwalunkwe proposta, biex twettaq analiżi fil-fond tal-forom differenti li l-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri jista' jieħu qabel ir-rieżami tal-leġiżlazzjoni dwar il-klima li mistennija ssir f'Ġunju 2021; jemmen li mekkaniżmu ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera għandu jżomm inċentivi ekonomiċi għal tranżizzjoni ekoloġika b'suċċess, anki għal dawk avvanzati fir-rigward tal-klima, jappoġġa suq għal prodotti b'livell baxx ta' karbonju fl-UE, u jiżgura prezz effettiv għall-karbonju fl-UE filwaqt li jippromwovi l-ipprezzar tal-karbonju f'partijiet oħra tad-dinja; jemmen li dan għandu jqis l-ispeċifiċitajiet ta' kull settur, u li jkun jista' jiġi introdott b'mod gradwali f'setturi magħżula, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe spiża amministrattiva żejda, speċjalment għall-SMEs Ewropej;

19.  Jilqa' l-proposta ppjanata biex tiġi riveduta d-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija fir-rigward ta' kwistjonijiet ambjentali sabiex jiġi applikat il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, filwaqt li jitqiesu l-politiki fiskali nazzjonali u filwaqt li jiġi evitat kwalunkwe twessigħ tal-inugwaljanzi;

20.  Jitlob strateġija tal-UE ġdida u aktar ambizzjuża dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima; ifakkar li jinħtieġu aktar sforzi rigward il-protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima, it-tisħiħ tar-reżiljenza, il-prevenzjoni u t-tħejjija fl-UE u l-Istati Membri tagħha; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mmobilizzati investimenti pubbliċi u privati fl-adattament u jappella għal koerenza politika ġenwina fl-infiq tal-UE sabiex l-adattament u r-reżiljenza għall-klima jiġu vvalutati bħala kriterji ewlenin fil-finanzjament rilevanti kollu tal-UE; fl-istess waqt jemmen li l-prevenzjoni tad-diżastri, it-tħejjija u r-reazzjoni għalihom għandhom jifformaw strument ta' solidarjetà b'saħħtu u b'riżorsi suffiċjenti; jappella għal allokazzjoni konsistenti u suffiċjenti ta' fondi fil-baġit tal-UE u akkomunament tar-riżorsi għall-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni ċivili;

21.  Jilqa' l-aħbar li l-Kummissjoni se tniedi Patt Klimatiku Ewropew; jenfasizza li l-Patt Klimatiku Ewropew irid iġib flimkien liċ-ċittadini, ir-reġjuni, il-komunitajiet lokali, is-soċjetà ċivili, in-negozji (inklużi l-SMEs) u t-trade unions bħala parteċipanti attivi fit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika, abbażi ta' djalogu ġenwin u proċessi trasparenti u parteċipattivi, inkluż fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki; iqis li huwa importanti li jkun hemm kooperazzjoni mal-partijiet konċernati minn setturi intensivi fl-użu tal-enerġija u s-sħab soċjali rilevanti, speċjalment l-impjegaturi, il-ħaddiema, l-NGOs u l-qasam akkademiku, sabiex isir kontribut biex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli fit-tranżizzjoni lejn ekonomiji newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju;

Il-provvista ta' enerġija nadifa, għal but kulħadd u sigura

22.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-enerġija fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet żero netti ta' gassijiet b'effett ta' serra u jilqa' l-mira tal-Kummissjoni li tkompli tiddekarbonizza s-sistema tal-enerġija sabiex l-UE tkun tista' tilħaq l-emissjonijiet żero netti sa mhux aktar tard mill-2050; jitlob li d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tiġi riveduta f'konformità ma' din l-ambizzjoni, b'miri nazzjonali vinkolanti stabbiliti għal kull Stat Membru; jilqa', barra minn hekk, il-prijorità mogħtija lill-effiċjenza enerġetika; f'dan il-kuntest, jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jimplimentaw il-prinċipju "l-ewwel l-effiċjenza enerġetika" fis-setturi u l-politiki kollha, li huwa fundamentali għat-tnaqqis tad-dipendenza enerġetika u tal-emissjonijiet tal-UE mill-produzzjoni tal-enerġija, filwaqt li jipprovdi wkoll impjiegi lokali f'xogħlijiet ta' rinnovament u jnaqqas il-kontijiet tal-enerġija taċ-ċittadini; jitlob li d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika (EED) u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika tal-Binjiet (EEBD) jiġu riveduti skont l-ambizzjoni klimatika mqawwija tal-UE, u li l-implimentazzjoni tagħhom tiġi msaħħa, permezz ta' miri nazzjonali vinkolanti, b'attenzjoni speċjali għaċ-ċittadini vulnerabbli, filwaqt li titqies ukoll il-ħtieġa tal-prevedibbiltà ekonomika għas-setturi kkonċernati;

23.  Jenfasizza li, sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, l-infurzar fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE huwa kruċjali; jitlob li l-Istati membri u l-Kummissjoni jiżguraw li l-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima jkunu għalkollox allinjati mal-miri tal-UE; ifakkar fil-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar it-taħlita tal-enerġija tagħhom fi ħdan il-qafas tal-UE għall-klima u l-enerġija;

24.  Jissottolinja l-fatt li, sabiex jilħqu l-għanijiet tal-UE dwar il-klima u s-sostenibbiltà, is-setturi kollha jridu jżidu l-użu li jagħmlu mill-enerġija rinnovabbli; jitlob li ssir reviżjoni tal-linji gwida dwar l-enerġija trans-Ewropea (TEN-E) qabel ma tiġi adottata l-lista li jmiss ta' proġetti ta' interess komuni (PCI) biex il-qafas leġiżlattiv jiġi allinjat mal-prijorità ta' implimentazzjoni ta' grilja intelliġenti u biex ma jitħalliex li jseħħ intrappolament f'investimenti li jinvolvu ħafna karbonju; jenfasizza l-ħtieġa li jitħaddem approċċ strateġiku rigward ir-raggruppamenti tal-enerġija tal-UE bil-għan li jintużaw l-aktar investimenti effikaċi f'sorsi tal-enerġija rinnovabbli; jilqa' b'sodisfazzjon, għalhekk, it-tħabbira ta' strateġija dwar l-enerġija mir-riħ fuq il-baħar; iqis li l-politiki tal-UE għandhom itejbu speċifikament l-innovazzjoni u l-użu tal-ħżin tal-enerġija sostenibbli u tal-idroġenu ekoloġiku; jenfasizza l-ħtieġa li niżguraw li l-użu tas-sorsi tal-enerġija bħall-gass naturali jkun biss ta' natura tranżizzjonali, fid-dawl tal-objettiv li nilħqu n-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050;

25.  Jissottolinja li huwa kruċjali li fl-Ewropa niżguraw suq tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb u jkun għalkollox integrat, iċċentrat fuq il-konsumatur u kompetittiv; jissottolinja l-importanza ta' interkonnessjonijiet transfruntieri għal suq tal-enerġija għalkollox integrat; jilqa' t-tħabbira li l-Kummissjoni sejra tipproponi miżuri dwar l-integrazzjoni intelliġenti sa nofs l-2020, u jissottolinja li aktar integrazzjoni tas-suq tal-enerġija tal-UE se taqdi rwol importanti fit-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u fit-twettiq ta' ekonomija b'emissjonijiet żero netti ta' gassijiet b'effett ta' serra; jirrileva li Aġenzija għall-Kooperazzjoni bejn ir-Regolaturi tal-Enerġija hija meħtieġa biex issaħħaħ u tkabbar il-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri;

26.  Jinsisti fuq l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji diretti u indiretti tal-fjuwils fossili sal-2020, fl-UE u f'kull Stat Membru;

27.  Jilqa' l-mewġa mħabbra ta' rinnovament ta' binjiet pubbliċi u privati u jħeġġeġ li jsir enfasi fuq ir-rinnovament tal-iskejjel u tal-isptarijiet kif ukoll tal-akkomodazzjoni soċjali u tal-akkomodazzjoni mikrija, biex jgħinu lill-familji bi dħul baxx; jissottolinja l-ħtieġa li l-istokk tal-binjiet eżistenti jiġi rinnovat hekk li dawn isiru binjiet bi kważi żero konsum tal-enerġija, bil-għan li nilħqu n-newtralità tal-karbonju sa mhux aktar tard mill-2050: jissottolinja li s-settur tal-bini għandu potenzjal kbir ta' ffrankar tal-enerġija, kif ukoll potenzjal għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-post, fatt li jista' jagħti spinta lill-impjiegi u jgħin lill-SMEs jespandu; iqis li qafas leġiżlattiv intelliġenti u li jħares lejn il-ġejjieni huwa esenzjali; jilqa', għalhekk, il-proposti għal tnaqqis tal-ostakli regolatorji nazzjonali għar-rinnovament, kif ukoll ir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti tal-Kostruzzjoni; jitlob li jkun hemm infurzar rigoruż tal-obbligi tal-Istati Membri li jirrinnovaw il-binjiet pubbliċi skont id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika; jinkoraġġixxi l-promozzjoni tal-bini bl-injam u tal-materjali tal-bini ekoloġiċi;

28.  Jirrileva li t-tranżizzjoni tal-enerġija trid tkun soċjalment sostenibbli u ma taggravax il-faqar enerġetiku, u jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni f'dak ir-rigward; jemmen li l-komunitajiet li jiġġieldu kontra l-faqar enerġetiku jridu jkunu mgħammra bl-għodod meħtieġa biex jipparteċipaw fit-tranżizzjoni ekoloġika permezz tal-edukazzjoni u s-servizzi ta' konsulenza, u billi jistimulaw investimenti fit-tul; jitlob azzjonijiet immirati b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-iskambju tal-aħjar prattiki, bil-għan li l-faqar enerġetiku jitnaqqas filwaqt li jiġi appoġġjat l-aċċess ugwali għal għodod ta' finanzjament għal xogħlijiet ta' rinnovament għall-effiċjenza enerġetika; jemmen li l-ispejjeż ta' xogħlijiet ta' rinnovament għall-effiċjenza enerġetika ma għandhomx iġarrbuhom familji bi dħul baxx; jirrileva, barra minn hekk, ir-rwol tat-tisħin distrettwali fil-provvista ta' enerġija għal but kulħadd;

29.  Jappoġġja, b'mod ġenerali, l-idea ta' miżuri bbażati fis-suq bħala waħda mill-għodod biex għall-ilħiq tal-objettivi tal-klima; jesprimi riserva, madankollu, dwar l-inklużjoni potenzjali tal-emissjonijiet mill-binjiet fl-ETS tal-UE, peress li dan jista' jneħħi r-responsabbiltà mill-azzjoni pubblika u jwassal għal kontijiet tal-enerġija ogħla għal min jikri u għas-sidien tad-djar; iqis li kwalunkwe miżura ta' dan it-tip tirrikjedi aktar analiżi;

Il-mobilizzazzjoni tal-industrija għal ekonomija nadifa u ċirkolari

30.  Huwa tal-fehma li t-tranżizzjoni lejn bażi industrijali newtrali għall-klima, effiċjenti ħafna fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva fl-UE sa mhux aktar tard mill-2050 hija sfida u opportunità ewlenija, u jilqa' l-aħbar li l-Kummissjoni se tressaq strateġija industrijali ġdida, kif ukoll strateġija għall-SMEs, f'Marzu 2020; jenfasizza li l-kompetittività industrijali u l-politika dwar il-klima jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku, u li r-riindustrijalizzazzjoni innovattiva u newtrali għall-klima sejra toħloq impjiegi lokali u tiżgura l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea;

31.  Jenfasizza li l-istrateġija industrijali għandha tiffoka fuq l-inċentivar ta' katini ta' valur għal prodotti, proċessi u mudelli kummerċjali ekonomikament vijabbli u sostenibbli, immirati lejn l-ilħiq tan-newtralità klimatika, tal-effiċjenza tar-riżorsi, taċ-ċirkolarità u ta' ambjent mhux tossiku, filwaqt li żżomm u tiżviluppa l-kompetittività internazzjonali u tevita d-delokalizzazzjoni tal-industriji Ewropej; jaqbel mal-Kummissjoni li l-industriji li jużaw ħafna enerġija bħal dawk tal-azzar, tal-kimika u tas-siment huma kruċjali għall-ekonomija tal-Ewropa, u li l-modernizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni ta' dawn l-industriji huma kruċjali;

32.  Jitlob li l-Kummissjoni tiżgura l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tat-tranżizzjonijiet, b'attenzjoni partikolari lir-reġjuni l-aktar żvantaġġati, iż-żoni milquta minn tranżizzjoni industrijali (prinċipalment reġjuni tal-minjieri tal-faħam u żoni li jiddependu fuq industriji b'livell għoli ta' karbonju bħall-manifattura tal-azzar), iż-żoni b'popolazzjoni baxxa u t-territorji vulnerabbli mil-lat ambjentali;

33.  Jissottolinja li l-istrateġiji industrijali u tal-SMEs iridu jistabbilixxu pjanijiet direzzjonali ċari biex jipprovdu sett komprensiv ta' inċentivi u opportunitajiet ta' finanzjament għall-innovazzjoni, kif ukoll għall-użu ta' teknoloġiji li jġibu qabża 'l quddiem, kif ukoll għat-tneħħija ta' ostakli regolatorji mhux meħtieġa; jitlob li l-UE tagħti appoġġ lil dawk li jinsabu fuq quddiem nett rigward il-klima u r-riżorsi, permezz ta' approċċ newtrali għat-teknoloġija li jkun konsistenti mal-aqwa xjenza disponibbli u mal-objettivi fit-tul tal-UE rigward il-klima u l-ambjent; jissottolinja r-rwol tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju, b'mod sikur u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, biex l-industrija tqila ssir newtrali għall-klima, fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda alternattiva ta' tnaqqis dirett tal-emissjonijiet;

34.  Ifakkar fir-rwol fundamentali tat-teknoloġiji diġitali fl-appoġġ lit-tranżizzjoni ekoloġika, pereżempju billi jtejbu l-effiċjenza fir-riżorsi u fl-enerġija u permezz ta' monitoraġġ ambjentali aħjar, kif ukoll permezz tal-benefiċċji klimatiċi ta' diġitalizzazzjoni sħiħa tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni u tal-applikazzjonijiet intelliġenti; iqis li l-istrateġija industrijali għandha tintegra ma' xulxin, kif ġie propost, it-trasformazzjoni ekoloġika u dik diġitali, u għandha tidentifika l-objettivi ewlenin u l-ostakli li jfixklu l-isfruttament sħiħ tal-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali; jitlob li l-Kummissjoni tiżviluppa strateġiji u finanzjament għall-użu ta' teknoloġiji diġitali innovattivi; fl-istess ħin, jenfasizza l-importanza li jittejbu l-effiċjenza enerġetika u l-prestazzjoni tal-ekonomija ċirkolari tas-settur diġitali nnifsu, u jilqa' l-impenji tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward; jitlob li l-Kummissjoni tistabbilixxi metodoloġija għall-monitoraġġ u l-kwantifikazzjoni tal-impatt ambjentali tat-teknoloġiji diġitali, li qiegħed jikber, mingħajr ma toħloq piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa;

35.  Jenfasizza li l-istrateġija industrijali trid tinkludi l-kunsiderazzjoni debita tal-impatti fuq il-forza tax-xogħol, kif ukoll tat-taħriġ, tat-taħriġ mill-ġdid u tat-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema ; jitlob li l-Kummissjoni teżamina bir-reqqa d-dimensjoni reġjonali ta' din l-istrateġija, b'tali mod li tiżgura li ħadd u l-ebda reġjun ma jitħalla jaqa' lura; jinsisti li din l-istrateġija trid tinkludi djalogu soċjali li l-ħaddiema jkunu involuti fih bis-sħiħ;

36.  Jitlob pjan ta' azzjoni ġdid u ambizzjuż għal ekonomija ċirkolari, li jrid ikollu l-għan li jnaqqas l-impronta totali tal-produzzjoni u l-konsum tal-UE fuq l-ambjent u r-riżorsi, filwaqt li jipprovdi inċentivi qawwija għall-innovazzjoni, għal negozji u swieq sostenibbli bi prodotti ċirkolari, newtrali għall-klima u mhux tossiċi, bl-użu effiċjenti tar-riżorsi, b'żero tniġġis u bil-prevenzjoni tal-iskart bħala prijoritajiet ewlenin; jenfasizza s-sinerġiji qawwija bejn l-azzjoni klimatika u l-ekonomija ċirkolari, b'mod partikolari fl-industriji b'użu intensiv tal-enerġija u b'ħafna karbonju; jitlob li tiġi stabbilita mira fil-livell tal-UE għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi;

37.  Jitlob li l-Kummissjoni tipproponi miri għall-ġbir separat, it-tnaqqis tal-iskart, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, kif ukoll azzjonijiet speċifiċi oħra bħar-responsabbiltà estiża tal-produttur, f'setturi ta' prijorità bħall-iskart kummerċjali, it-tessuti, il-plastik, l-elettronika, il-kostruzzjoni u l-ikel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa miżuri li jappoġġjaw is-suq għal materjali riċiklati fl-Ewropa, inklużi standards ta' kwalità komuni, kif ukoll miri mandatorji għall-użu ta' materjali rkuprati f'setturi ta' prijorità, fejn dan ikun fattibbli; jissottolinja li huwa importanti li jiġu żviluppati ċikli ta' materjali mhux tossiċi, li tiġi intensifikata s-sostituzzjoni ta' sustanzi li jagħtu lok għal tħassib gravi ħafna, u li jiġu promossi r-riċerka u l-innovazzjoni għall-iżvilupp ta' prodotti mhux tossiċi; jitlob li l-Kummissjoni tikkunsidra miżuri li jindirizzaw prodotti importati li jkun fihom sustanzi jew komponenti pprojbiti fl-UE, u jqis li dawn ma għandhomx jerġgħu jiddaħħlu fis-suq tal-UE fi prodotti għall-konsumatur permezz ta' attivitajiet ta' riċiklaġġ;

38.  Jappoġġja miżuri ta' politika għal prodotti sostenibbli, inkluża espansjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-ekodisinn b'leġiżlazzjoni li l-prodotti tagħmilhom jifilħu aktar għall-istrapazz, jistgħu jissewwew u jistgħu jintużaw mill-ġdid u jiġu rriċiklati, u programm qawwi ta' ħidma fl-ekodisinn u l-ekotikkettar mill-2020 'il quddiem, li jkun jinkludi wkoll smartphones u tagħmir ġdid ieħor tal-IT; jitlob proposti leġiżlattivi dwar id-dritt għat-tiswija, l-eliminazzjoni tal-obsolexxenza programmata, u chargers komuni għat-tagħmir tal-IT mobbli; japprova l-pjanijiet tal-Kummissjoni għal proposti leġiżlattivi biex jiżguraw katina tal-valur tal-batteriji sikura, ċirkolari u sostenibbli għall-batteriji kollha, u jistenna li din il-proposta jkun fiha, tal-anqas, miżuri dwar l-ekodisinn, miri għall-użu mill-ġdid u riċiklaġġ, kif ukoll sorsi ta' provvista sostenibbli u soċjalment responsabbli; jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq raggruppament qawwi u sostenibbli dwar il-batteriji u l-ħżin fl-Ewropa; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi l-konsum u l-produzzjoni lokali abbażi tal-prinċipji ta' rifjut, riduzzjoni, użu mill-ġdid, riċiklaġġ u tiswija, biex jitwaqqfu l-istrateġiji ppjanati tan-negozju tal-obsolexxenza fejn il-prodotti huma mfassla biex ikollhom perjodu qasir ta' żmien u jeħtieġ li jiġu sostitwiti, u biex il-konsum jiġi adattat għal-limiti tal-pjaneta; jemmen li d-dritt għat-tiswija u l-appoġġ kontinwu għas-servizzi tal-IT huma imperattivi biex jinkiseb konsum sostenibbli; jitlob biex dawn id-drittijiet jiġu stabbiliti fid-dritt tal-UE;

39.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tintensifika l-miżuri tal-UE kontra t-tniġġis tal-plastik, b'mod partikolari fl-ambjent tal-baħar, u jitlob li jiġu imposti restrizzjonijiet usa' fuq oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss u li dawn jiġu sostitwiti; jappoġġja l-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni maħsuba biex tindirizza l-imballaġġ żejjed u tiżgura li l-imballaġġ kollu fl-UE li ma jistax jerġa' jintuża jew jiġi riċiklat b'mod ekonomikament vijabbli, ma jitħalliex jidħol fis-suq tal-UE sa mhux aktar tard mill-2030, filwaqt li tiżgura s-sikurezza tal-ikel; jitlob miżuri li jippromwovu l-koordinament transfruntiera tas-sistemi ta' depożitu u ritorn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tindirizza l-mikroplastiċi b'mod komprensiv, inkluż bili tadotta eliminazzjoni gradwali tal-mikroplastiċi li jiġu miżjuda intenzjonalment u permezz ta' miżuri ġodda, inklużi miżuri regolatorji, kontra r-rilaxx mhux intenzjonat tal-plastik, pereżempju mit-tessuti, mit-tajers u mill-boċoċ tal-plastik; jieħu nota li l-Kummissjoni biħsiebha tiżviluppa qafas regolatorju għall-plastik bijodegradabbli u b'bażi bijoloġika; jirrileva l-ħtieġa ta' ekonomija tal-plastik għalkollox ċirkolari;

40.  Jitlob li jkun hemm suq uniku ekoloġiku tal-UE li jagħti spinta lid-domanda għal prodotti sostenibbli, b'dispożizzjonijiet speċifiċi bħat-twessigħ tal-użu tal-akkwist pubbliku ekoloġiku; jilqa', f'dan ir-rigward, l-impenji tal-Kummissjoni li tipproponi aktar leġiżlazzjoni u gwida dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku; jitlob li l-akkwist mill-istituzzjonijiet tal-UE jkun eżemplari; jissottolinja l-ħtieġa, barra minn hekk, li jsiru rieżami u reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-UE, speċjalment għal dawk li jipproduċu prodotti jew servizzi sostenibbli, bħal fil-qasam tat-trasport pubbliku;

41.  Jisħaq fuq l-importanza li l-konsumaturi jkollhom is-setgħa u jkunu infurmati sewwa; jitlob miżuri li jiżguraw li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni trasparenti, komparabbli u armonizzata dwar il-prodotti, inkluż it-tikkettar ta' prodotti, abbażi ta' data tajba u evidenza xjentifika, b'mod li jgħinuhom jagħmlu għażliet aktar sani u sostenibbli, u biex ikunu infurmati dwar kemm il-prodotti jkunu jifilħu għall-istrapazz u jkunu jistgħu jissewwew, kif ukoll dwar l-impronta ambjentali tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa li l-konsumaturi jkunu mgħammra b'rimedji effettivi, li jinftiehmu faċilment u li jkunu infurzabbli, filwaqt li jqisu l-aspetti ta' sostenibbiltà u jagħtu prijorità lill-użu mill-ġdid jew lit-tiswija, minflok ir-rimi ta' prodotti li ma jaħdmux sewwa;

42.  Jemmen li l-materjali rinnovabbli minn sorsi sostenibbli se jkollhom rwol importanti fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, u jirrileva l-ħtieġa li jiġu stimulati l-investimenti fl-iżvilupp ta' bijoekonomija sostenibbli li fiha l-materjali fossili jiġu sostitwiti b'oħrajn rinnovabbli u b'bażi bijoloġika, pereżempju fil-binjiet, fit-tessuti, fil-prodotti kimiċi, fl-imballaġġ, fil-bini tal-bastimenti u, meta s-sostenibbiltà tkun tista' tiġi żgurata, fil-produzzjoni tal-enerġija; jenfasizza li dan se jkollu jsir b'mod sostenibbli u li jirrispetta l-limiti ekoloġiċi; jirrileva l-potenzjal tal-bijoekonomija biex toħloq impjiegi ekoloġiċi ġodda, inkluż f'partijiet rurali tal-UE, u biex tistimula l-innovazzjoni; jitlob appoġġ għar-riċerka u għall-innovazzjoni f'soluzzjonijiet bijoekonomiċi sostenibbli, li għandhom iqisu l-ħtieġa li jipproteġu l-bijodiversità u l-ekosistemi uniċi; jitlob l-implimentazzjoni effiċjenti tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijoekonomija bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew;

L-aċċelerar tal-bidla lejn mobbiltà sostenibbli u intelliġenti

43.  Jilqa' l-istrateġija mistennija għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti, u jaqbel mal-Kummissjoni li l-modi kollha tat-trasport (it-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bl-ajru u fuq l-ilma) ser ikollhom jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport f'konformità mal-objettiv li tintlaħaq ekonomija newtrali għall-klima, filwaqt li jirrikonoxxi li dan se jkun sew sfida u sew opportunità; jappoġġja l-applikazzjoni tal-prinċipju li min iniġġes iħallas; jitlob strateġija olistika fit-tul għal tranżizzjoni ġusta li tqis ukoll il-kontribut tas-settur tat-trasport għall-ekonomija tal-UE u l-ħtieġa li livell għoli ta' konnettività tat-trasport aċċessibbli u għal but kulħadd, kif ukoll aspetti soċjali u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema, ikunu żgurati;

44.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tagħti spinta lit-trasport multimodali bil-għan li tqawwi l-effiċjenza u tnaqqas l-emissjonijiet; jemmen, madankollu, li l-multimodalità tista' titwettaq bl-aħjar mod biss permezz ta' proposti leġiżlattivi konkreti; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi miżuri biex tkabbar l-interkonnettività bejn it-toroq, il-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni, b'mod li jwassal għal bidla modali ġenwina; jitlob li jissaħħu u jiġu appoġġjati investimenti fil-konnettività tan-netwerks ferrovjarji tal-UE, b'mod li jippermetti aċċess ugwali għat-trasport pubbliku bil-ferrovija madwar l-UE kollha, u jagħmel it-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri aktar attraenti; jenfasizza li ż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea hija prerekwiżit għall-bidla modali, u jitlob li l-Kummissjoni tressaq strateġija sa tmiem l-2020, u warajha proposti leġiżlattivi konkreti, biex ittemm il-frammentazzjoni tas-suq intern;

45.  Jissottolinja li t-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma b'żero emissjonijiet huwa essenzjali għall-iżvilupp ta' trasport multimodali sostenibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa qafas Ewropew u koordinat ta' regoli għall-passaġġi fuq l-ilma interni; jitlob li l-Kummissjoni tappoġġja b'mod attiv l-intermodalità li tinvolvi l-passaġġi fuq l-ilma interni, speċjalment it-tixbik transfruntiera tas-sistemi nazzjonali tal-passaġġi fuq l-ilma, li jridu jittejbu;

46.  Itenni li l-Ajru Uniku Ewropew (SES) kapaċi jnaqqas l-emissjonijiet tal-avjazzjoni mingħajr kosti kbar, iżda fih innifsu mhuwiex se jwassal għal tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-avjazzjoni b'mod li jaqbel mal-għan fit-tul tal-UE; jitlob pjan direzzjonali regolatorju ċar għad-dekarbonizzazzjoni tal-avjazzjoni, abbażi ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi, infrastruttura, rekwiżiti għal fjuwils alternattivi sostenibbli u operazzjonijiet effiċjenti, flimkien ma' inċentivi għal bidla modali;

47.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi d-Direttiva dwar l-Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi u r-Regolament dwar in-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) bil-ħsieb li titħaffef l-adozzjoni ta' vetturi u bastimenti b'emissjonijiet żero jew baxxi; jilqa' l-enfasi fuq iż-żieda fl-infrastruttura tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi; jitlob, madankollu, pjan ta' mobbiltà urbana aktar komprensiv biex titnaqqas il-konġestjoni u jitjieb l-għajxien fil-bliet u l-irħula, pereżempju permezz ta' appoġġ għal trasport pubbliku b'emissjonijiet żero u infrastruttura għar-roti u l-mixi, speċjalment f'żoni urbani;

48.  Iqis li hu kruċjali li jiġi żgurat biżżejjed investiment fl-iżvilupp ta' infrastruttura adegwata għal mobbiltà b'emissjonijiet żero, u li l-fondi rilevanti kollha tal-UE (il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, InvestEU, eċċ.) kif ukoll is-self tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għat-trasport għandhom ikunu mfassla apposta għal dan; jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom favur finanzjament adegwat u jħaffu l-pass fl-adozzjoni ta' strateġiji innovattivi, infrastrutturi tal-iċċarġjar u fjuwils alternattivi; iqis li d-dħul mit-taxxi jew mill-miżati fuq it-trasport għandu jiġi allokat biex jgħin f'din it-tranżizzjoni sabiex dawn l-ispejjeż ikunu aktar soċjalment aċċettabbli; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li jiġu żviluppati sistemi intelliġenti għall-ġestjoni tat-traffiku u soluzzjonijiet ta' "mobbiltà bħala servizz", speċjalment f'żoni urbani; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet innovattivi, teknoloġiji ġodda, mudelli kummerċjali ġodda u sistemi ġodda u innovattivi ta' mobbiltà fl-Ewropa kollha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fil-futur, tinvolvi l-bliet – bl-esperjenza prattika u n-know-how tagħhom – fid-diskussjoni dwar l-implimentazzjoni ta' politiki ta' mobbiltà fil-livell tal-UE;

49.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinkludi s-settur marittimu fl-ETS; jenfasizza li l-UE għandha tiddefendi livell għoli ta' ambizzjoni fit-tnaqqis ta' GHGs fis-settur marittimu kemm fil-livell internazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE, filwaqt li kwalunkwe miżura ġdida tal-UE m'għandhiex timmina l-kompetittività internazzjonali ta' vapuri li jtajru bandiera tal-UE; jemmen li l-miżuri meħuda fil-livell internazzjonali u dawk meħuda fil-livell tal-UE għandhom jimxu id f'id sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta' regolamenti doppji għall-industrija u li kwalunkwe azzjoni, jew nuqqas ta' azzjoni, meħuda fil-livell globali m'għandhiex tfixkel il-kapaċità tal-UE li tieħu azzjoni aktar ambizzjuża fil-livell tal-Unjoni; jissottolinja wkoll il-ħtieġa ta' miżuri li jitbiegħdu mill-użu tal-HFO u l-bżonn ta' investimenti urġenti fir-riċerka f'teknoloġiji ġodda għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu u l-iżvilupp ta' vapuri b'emissjonijiet żero u bastimenti ekoloġiċi;

50.  Jappoġġja l-miżuri proposti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-settur tal-avjazzjoni u t-tisħiħ tal-ETS f'konformità mal-ambizzjoni tal-UE dwar il-klima, u l-eliminazzjoni gradwali tal-allokazzjoni libera tal-kwoti lil-linji tal-ajru għal titjiriet intra-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fl-istess ħin, jagħmlu l-almu tagħhom biex isaħħu l-iskema ta' kumpens u tnaqqis tal-karbonju għall-avjazzjoni internazzjonali (CORSIA) u jappoġġjaw l-adozzjoni ta' għan fit-tul għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-settur min-naħa tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), filwaqt li titħares l-awtonomija leġiżlattiva tal-UE fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-ETS; jissottolinja li, bħala koleġiżlaturi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma l-uniċi istituzzjonijiet li jistgħu jiddeċiedu dwar kwalunkwe modifika tad-Direttiva tal-ETS fil-futur; jenfasizza l-fatt li kwalunkwe modifika tad-Direttiva tal-ETS għandha ssir biss jekk tkun konsistenti mal-impenn tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' GHGs;

51.  Jissottolinja l-importanza li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn il-modi ta' trasport differenti; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tagħmel proposti għal miżuri kkoordinati biex – fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija – jintemmu l-eżenzjonijiet fiskali għall-fjuwils marittimi u tal-avjazzjoni fl-Istati Membri, filwaqt li jiġu evitati konsegwenzi ambjentali, ekonomiċi jew soċjali negattivi involontarji;

52.  Jistenna bil-ħerqa l-proposti imminenti tal-Kummissjoni għal standards aktar stretti dwar l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja għal vetturi b'magna bil-kombustjoni (Euro 7), u għal standards riveduti dwar ir-rendiment tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet, kif ukoll għat-trakkijiet, biex b'hekk jiġi żgurat perkors lejn mobbiltà b'emissjonijiet żero mill-2025 'il quddiem; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġiji għall-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja; ifakkar fir-riżultat tal-analiżi fil-fond li takkumpanja l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu "Pjaneta Nadifa għal kulħadd: Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" li, mill-2040 'il quddiem – fix-xenarji biex sal-2050 tintlaħaq il-mira ta' newtralità klimatika – il-karozzi l-ġodda kollha introdotti fis-suq tal-UE jridu jkunu b'emissjonijiet żero, u jappella għal qafas ta' politika koerenti u skemi ta' tranżizzjoni li jappoġġaw dan l-iżvilupp; jinnota li se jkun hemm bżonn issir reviżjoni tar-regoli attwali biex il-pajjiżi li qegħdin fuq quddiem ikunu jistgħu japplikaw miżuri aktar stretti fil-livell nazzjonali meta l-Istati Membri jiddeċiedu hekk;

53.  Jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni li tindirizza t-tniġġis fl-arja mit-trasport marittimu u mill-avjazzjoni, inkluż bir-regolamentazzjoni tal-aċċess għall-portijiet tal-UE għall-vapuri li jniġġsu l-aktar u b'azzjoni regolatorja biex jiġi indirizzat it-tniġġis mill-vapuri rmiġġati fil-portijiet; jenfasizza l-importanza li jitrawwem l-iżvilupp ta' infrastruttura ta' portijiet b'emissjonijiet żero li jużaw enerġija rinnovabbli; jissottolinja li l-introduzzjoni ta' żoni ta' kontroll tal-emissjonijiet ġodda, kif previst mill-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL), kif ukoll it-tnaqqis tal-veloċità tat-tbaħħir, huma soluzzjonijiet rilevanti – u li jistgħu jiġu implimentati faċilment – biex jitnaqqsu l-emissjonijiet;

54.  Jieħu nota tal-pjanijiet tal-Kummissjoni li tikkunsidra l-estensjoni tas-sistema ta' skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet Ewropea għall-emissjonijiet mit-trasport bit-triq; jopponi inklużjoni diretta fl-iskema tal-EU ETS u t-twaqqif ta' kwalunkwe tip ta' skema parallela; jenfasizza bil-qawwa li l-ebda sistema ta' pprezzar m'għandha tissostitwixxi jew iddgħajjef l-istandards eżistenti jew futuri tas-CO2 għall-karozzi u t-trakkijiet u tqiegħed xi piż żejjed direttament fuq il-konsumaturi;

"Mill-għalqa sal-platt": it-tfassil ta' sistema alimentari ġusta, tajba għas-saħħa u favorevoli għall-ambjent

55.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex fl-2020 tiġi ppreżentata strateġija "mill-għalqa sal-platt" li twassal għal politika alimentari aktar sostenibbli billi jinġabru flimkien l-isforzi biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, jitħares l-ambjent u tiġi ppreservata u rrestawrata l-bijodiversità, bl-ambizzjoni li l-Ewropej ikollhom ikel affordabbli, ta' kwalità għolja u sostenibbli, filwaqt li jiġi żgurat li l-bdiewa u s-sajjieda jkollhom għajxien deċenti u li s-settur agrikolu jibqa' kompetittiv; jemmen li l-politika agrikola komuni (PAK) għandha tkun konformi bis-sħiħ mal-ambizzjoni dejjem akbar tal-UE fil-qasam tal-klima u l-bijodiversità; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tara li l-ikel Ewropew isir standard globali għas-sostenibbiltà; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-istrateġija "mill-għalqa sal-platt" biex tibni viżjoni verament fit-tul għal sistemi alimentari sostenibbli u kompetittivi filwaqt li tippromwovi r-reċiproċità tal-istandards tal-produzzjoni tal-UE fil-ftehimiet kummerċjali;

56.  Jirrimarka r-rwol importanti li se jkollhom il-bdiewa u l-agrikoltura sostenibbli biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jenfasizza l-importanza tal-agrikoltura Ewropea u l-potenzjal tagħha li tikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika, l-ekonomija ċirkolari u t-tisħiħ tal-bijodiversità filwaqt li tippromwovi l-użu sostenibbli ta' materja prima rinnovabbli; jenfasizza li l-bdiewa tal-UE għandhom jingħataw l-għodod meħtieġa biex jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima u jadattaw ruħhom għalih, pereżempju bl-investiment fit-tranżizzjoni lejn sistemi agrikoli aktar sostenibbli; jenfasizza li l-mira tal-istrateġija "mill-għalqa sal-platt" għandha tkun dik ta' tnaqqis ambizzjuż fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra agrikoli u d-degradazzjoni tal-art;

57.  Jissottolinja li l-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista agroalimentari trid tissaħħaħ; jenfasizza li għandu jiġi indirizzat l-impatt tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE fuq is-sostenibbiltà tal-katina tal-provvista tal-ikel, pereżempju billi jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali inġusti u jiġu ppremjati l-produtturi li jissupplixxu ikel u beni pubbliċi ta' kwalità għolja bħal standards ogħla fir-rigward tal-ambjent u l-benessri tal-annimali li attwalment mhumiex riflessi biżżejjed fil-prezzijiet barra mill-irziezet;

58.  Jitlob PAK sostenibbli li tappoġġja attivament lill-bdiewa u li, permezz tal-miżuri tagħha, tinkoraġġihom jipproduċu aktar benefiċċji ambjentali u klimatiċi u jimmaniġġjaw aħjar il-volatilità u l-kriżijiet; jitlob lill-Kummissjoni tanalizza l-kontribut tar-riforma tal-PAK għall-impenji tal-UE favur l-ambjent, il-klima u l-ħarsien tal-bijodiversità sabiex tallinjaha bis-sħiħ mal-għanijiet stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li tqis il-ħtieġa li jinżammu kundizzjonijiet ekwi fl-Ewropa u li tkun possibbli produzzjoni agrikola b'saħħitha, reżiljenti u sostenibbli; jenfasizza li l-pjanijiet strateġiċi tal-PAK iridu jirriflettu bis-sħiħ l-ambizzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jistieden lill-Kummissjoni biex – meta tivvaluta l-pjanijiet strateġiċi – iżżomm sod dwar dan il-punt u, speċjalment, tivverifika l-ambizzjoni u l-effikaċja tal-ekoskemi tal-Istati Membri u ssegwi mill-qrib ir-riżultati tal-implimentazzjoni tagħhom; jisħaq fuq l-importanza ta' approċċ ibbażat fuq ir-riżultati u mmirat b'aktar simplifikazzjoni u trasparenza dwar riżultati konkreti tanġibbli u objettivi ta' valur miżjud fl-ambitu tal-mudell ta' implimentazzjoni l-ġdid; iqis li l-bdiewa hemm bżonn jiġu megħjuna jagħmlu t-tranżizzjoni lejn agrikoltura aktar sostenibbli u, għal dan il-għan, jaqbel li l-PAK tingħata baġit li jippermettilha tikseb l-objettivi kollha tagħha, inkluż li tissodisfa l-ambizzjoni ambjentali tal-UE;

59.  Itenni li t-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-pestiċidi jikkostitwixxi waħda mill-miri prijoritarji għal agrikoltura sostenibbli; jilqa', f'dan ir-rigward, l-impenn tal-Kummissjoni li tindirizza l-pressjoni li joħolqu l-pestiċidi fuq l-ambjent u s-saħħa, u li jitnaqqas b'mod sinifikanti l-użu u r-riskju tal-pestiċidi kimiċi kif ukoll l-użu ta' fertilizzanti u antibijotiċi, inkluż permezz ta' miżuri leġiżlattivi; jenfasizza li l-istrateġija "mill-għalqa sal-platt" għandha tinkludi miri ta' tnaqqis vinkolanti għall-pestiċidi perikolużi; jitlob strateġija tal-UE li tiffaċilita l-aċċess għas-suq għal alternattivi sostenibbli ssostanzjati xjentifikament; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni fuq l-appelli magħmula fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-proċedura tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi(4);

60.  Jinnota bi tħassib li l-agrikoltura, is-sajd u l-produzzjoni tal-ikel għadhom l-akbar kawża ta' telf ta' bijodiversità terrestri u tal-baħar; jemmen li t-telf tad-dakkara, inklużi n-naħal, huwa ta' tħassib partikolari mil-lat ta' sigurtà alimentari peress li l-għelejjel li jiddependu mid-dakkara għandhom rwol importanti fid-dieti tagħna; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw b'urġenza l-adozzjoni sħiħa tal-gwida tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tal-2013 dwar in-naħal u jħeġġeġ lill-Istati Membri jallinjaw il-valutazzjonijiet tagħhom dwar il-pestiċidi skont dik il-gwida;

61.  Jenfasizza li hemm bżonn tekniki u metodi ta' produzzjoni agrikola intelliġenti sabiex jiġi żgurat biżżejjed ikel nutrittiv għal popolazzjoni dejjem akbar u jkun hemm inqas telf u ħela ta' ikel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu aktar biex inaqqsu l-ħela tal-ikel u jiġġieldu l-frodi alimentari; jitlob mira infurzabbli ta' 50 % tnaqqis fil-ħela tal-ikel fl-UE kollha sal-2030, abbażi ta' metodoloġija komuni; jissottolinja l-effetti pożittivi li ktajjen tal-provvista tal-ikel qosra jista' jkollhom biex tonqos il-ħela tal-ikel;

62.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni dwar il-materjal li jiġi f'kuntatt mal-ikel u l-livell massimu ta' residwi tal-pestiċidi għandha tiġi riveduta u tkun ibbażata fuq l-aħħar sejbiet xjentifiċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprojbixxi l-addittivi tal-ikel li huma ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem; ifakkar fir-rwol kruċjali tal-ikel tajjeb għas-saħħa biex jitnaqqas il-mard kardjovaskulari, kif ukoll il-kanċer; jenfasizza l-importanza li jinħoloq qafas legali – li jinkludi mekkaniżmi ta' infurzar – biex il-prodotti tal-ikel impurtati jkunu konformi mal-istandards ambjentali Ewropej;

63.  Jinnota li ċ-ċittadini tal-UE jqisu li "l-provvista ta' ikel sikur, tajjeb għas-saħħa u ta' kwalità tajba" għall-konsumaturi kollha għandha tkun il-prijorità ewlenija tal-PAK u l-politika komuni tas-sajd (PKS); jemmen li mezzi informattivi diġitali jistgħu jissupplimentaw iżda mhux jissostitwixxu l-informazzjoni fuq it-tikketta; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni, għalhekk, li tesplora modi ġodda kif il-konsumaturi jistgħu jingħataw informazzjoni aħjar; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra titjib fit-tikkettar tal-ikel – pereżempju f'termini ta' tikkettar dwar in-nutrizzjoni, tikkettar dwar il-pajjiż tal-oriġini ta' ċertu ikel u tikkettar dwar l-ambjent u l-benessri tal-annimali – bil-għan li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq uniku u tingħata informazzjoni oġġettiva, trasparenti u li faċli tinftiehem mill-konsumatur;

64.  Jirrimarka li l-agrikoltura għandha l-potenzjal li tgħin lill-UE tnaqqas l-emissjonijiet tagħha permezz ta' prattiki sostenibbli, bħalma huma l-agrikoltura bi preċiżjoni, il-biedja organika, l-agroekoloġija, l-agroforestrija, it-titjib fil-benessri tal-annimali u fil-prevenzjoni ta' mard tal-bniedem u tal-annimali, inklużi l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, il-ġbir tal-karbonju u t-titjib fil-ġestjoni tan-nutrijenti, sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jisħaq fuq l-importanza li l-bdiewa jingħataw inċentiv biex jaqilbu għal metodi li jġibu magħhom benefiċċji akbar għall-klima, l-ambjent u l-bijodiversità b'mod ġust, f'waqtu u ekonomikament vijabbli; jilqa' l-fatt li l-istrateġija "mill-għalqa sal-platt" se tindirizza wkoll il-benefiċċji ta' teknoloġiji ġodda, inkluża d-diġitalizzazzjoni, u ttejjeb l-effiċjenza, l-użu tar-riżorsi u s-sostenibbiltà ambjentali filwaqt li ġġib magħha benefiċċji ekonomiċi għas-settur; itenni l-appell tiegħu biex jiġi implimentat pjan strateġiku wiesa' għall-produzzjoni u l-provvista tal-proteini veġetali fil-livell Ewropew ibbażat fuq l-iżvilupp sostenibbli tal-għelejjel kollha mkabbra fl-UE;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fl-istrateġija "mill-għalqa sal-platt" bil-għan li ssaħħaħ il-katina tal-valur sostenibbli fis-settur tas-sajd (mis-sajd sal-konsum); jirrikonoxxi l-potenzjal tas-settur tas-sajd fil-kontribut li jista' jagħti għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li s-settur ikun konformi mal-objettivi tal-UE dwar l-ambjent, il-klima u s-sostenibbiltà kif ukoll max-xjenza; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat appoġġ adegwat għas-sajjieda rġiel u nisa Ewropej fit-tranżizzjoni tagħhom lejn attivitajiet tas-sajd sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta biex ittejjeb it-traċċabbiltà tal-prodotti kollha tal-frott tal-baħar, inkluż it-tikkettar tal-oriġini ta' prodotti tal-ħut fil-laned u r-rifjut ta' prodotti li jagħmlu ħsara fl-ambjent tal-baħar jew idgħajfuh;

66.  Jemmen fl-importanza li jogħlew l-istandards eżistenti dwar il-benessri tal-annimali u li, jekk ikun il-każ, jiġu żviluppati oħrajn ġodda – abbażi ta' sejbiet xjentifiċi ġodda – u li jinbdew proċeduri ta' ksur fil-konfront ta' kwalunkwe nonkonformità sistemika min-naħa tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-benessri tal-annimali; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, mingħajr dewmien żejjed, strateġija ġdida għall-benessri tal-annimali li twitti t-triq għal liġi qafas dwar il-benessri tal-annimali u tiżgura li l-annimali jitqiesu bħala ħlejjaq senzjenti fil-politiki rilevanti kollha;

Il-preservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi u l-bijodiversità

67.  Jiddispjaċih ħafna li l-Ewropa u d-dinja qed ikomplu jitilfu l-bijodiversità b'rata allarmanti u li l-miri attwali – inklużi l-miri ta' Aichi biex jitrażżan it-telf tal-bijodiversità – mhumiex qed jintlaħqu; jenfasizza l-bżonn li l-bijodiversità tiġi ppreservata u rrestawrata, u jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li sa Marzu 2020 – qabel il-15-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika – tkun ippreżentat strateġija għall-bijodiversità; jenfasizza li l-UE għandha tinsisti fuq ftehim globali ambizzjuż u vinkolanti dwar qafas għall-bijodiversità għal wara l-2020 b'objettivi ċari u miri vinkolanti dwar żoni protetti kemm fl-UE kollha kif ukoll globalment; jemmen li hu kruċjali li, sal-2030, jitwaqqaf u jitreġġa' lura t-telf tal-bijodiversità kemm fl-UE kif ukoll globalment, inkluż b'azzjonijiet speċifiċi għat-territorji extra-Ewropej;

68.  Jissottolinja li l-istrateġija tal-bijodiversità għall-2030 irid ikun fiha miżuri legali ambizzjużi u infurzabbli kif ukoll miri vinkolanti biex issaħħaħ il-protezzjoni u r-restawr ta' ekosistemi vulnerabbli kif ukoll miżuri komprensivi li jindirizzaw il-fatturi li jwasslu għat-telf tal-bijodiversità; jenfasizza l-importanza li jiżdiedu l-effikaċja u d-daqs tan-netwerks ta' żoni protetti, kemm għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih u kemm biex il-bijodiversità tkun tista' tirkupra; jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-istrateġija għall-bijodiversità, tinkludi mira għall-eliminazzjoni gradwali tas-sustanzi kimiċi perikolużi u torbotha mal-istrateġija għal ambjent mhux tossiku; jieħu nota tal-pjanijiet tal-Kummissjoni li tidentifika miżuri li jtejbu u jirrestawraw l-ekosistemi li tkun saritilhom ħsara, u li tipproponi pjan ta' restawr tan-natura; jemmen li żoni ta' infrastruttura ekoloġika urbana b'bijodiversità rikka jgħinu biex jiġi indirizzat it-tniġġis tal-arja, l-istorbju, l-effetti tat-tibdil fil-klima, il-mewġiet tas-sħana, l-għargħar u problemi ta' saħħa pubblika; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni se tagħmel proposti biex il-bliet Ewropej isiru aktar ekoloġiċi u tiżdied il-bijodiversità fl-ispazji urbani;

69.  Jenfasizza li l-koerenza politika kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali hija kruċjali għal politika ta' suċċess għall-protezzjoni tan-natura u l-bijodiversità; fir-rigward tal-implimentazzjoni, iqis li hu importanti li jiġu skambjati l-aħjar prattiki u esperjenzi fost l-Istati Membri; jitlob li l-Kummissjoni tibda proċeduri ta' ksur kontra Stati Membri li ma jirrispettawx il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tan-natura; jitlob li l-Kummissjoni ssaħħaħ id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu adottata fit-26 ta' Ottubru 2017;

70.  Iqis li l-kawżi tat-telf tal-bijodiversità huma globali u mhumiex limitati għal fruntieri nazzjonali; jappoġġja għaldaqstant il-proposta tal-Kummissjoni għal mira globali vinkolanti għall-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità li għandha tiġi stabbilita fil-Konferenza dwar il-Bijodiversità tan-NU f'Ottubru 2020; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jingħaqdu fl-isforzi biex jintlaħaq qbil dwar mira ambizzjuża għal żoni protetti globali għal żoni tal-baħar u terrestri;

71.  Ifakkar li l-foresti huma indispensabbli għall-pjaneta u għall-bijodiversità tagħna; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza d-deforestazzjoni globali u jitlobha li tintensifika l-azzjonijiet tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, mingħajr dewmien, proposta għal qafas legali Ewropew abbażi tad-diliġenza dovuta biex tiżgura katini ta' provvista sostenibbli u mingħajr deforestazzjoni għal prodotti li jitqiegħdu fis-suq tal-UE, b'enfasi partikolari fuq l-indirizzar tal-kawżi ewlenin ta' deforestazzjoni importata u minflok tinkoraġġixxi importazzjonijiet li ma joħolqux deforestazzjoni barra mill-Unjoni;

72.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta Strateġija ġdida ambizzjuża tal-UE għall-Foresti biex tirrikonoxxi b'mod xieraq ir-rwol importanti, multifunzjonali u transettorjali li l-foresti Ewropej, is-settur u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għandhom fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità, filwaqt li jitqiesu wkoll aspetti soċjali, ekonomiċi u ambjentali; ifakkar fil-ħtieġa li tittieħed azzjoni biex jiġi miġġieled il-qtugħ illegali tas-siġar fl-Ewropa; jisħaq li l-isforzi kollha ta' afforestazzjoni, riforestazzjoni u restawr għandhom jimmiraw li jipproteġu u jtejbu l-bijodiversità kif ukoll il-ħżin tal-karbonju;

73.  Jenfasizza li t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u l-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi huma xprunaturi ewlenin għat-telf tal-bijodiversità; jissottolinja l-fatt li l-pjan ta' azzjoni tal-2016 kontra t-traffikar ta' organiżmi selvaġġi jispiċċa fl-2020; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ġġedded u ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet tagħha, biex tintegrahom bis-sħiħ fl-Istrateġija dwar il-Bijodiversità tal-2030 u biex tiżgura finanzjament adegwat; jistieden lill-Kummissjoni tqiegħed il-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab element ewlieni fil-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi u t-tnaqqis tal-bijodiversità;

74.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-ekonomija blu fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima; jissottolinja l-fatt li l-Ekonomija Blu, inklużi l-enerġija rinnovabbli, it-turiżmu u l-industrija, trid tkun verament sostenibbli peress li l-użu tar-riżorsi tal-baħar jiddependi direttament jew indirettament mill-kwalità u mir-reżiljenza fit-tul tal-oċeani; jemmen li l-oċeani għandhom ikunu in-naħa ta' fuq tal-aġenda tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti dimensjoni "blu" lill-Patt Ekoloġiku u tinkludi bis-sħiħ id-dimensjoni tal-oċeani bħala element ewlieni tal-Patt Ekoloġiku, filwaqt li tirrikonoxxi bis-sħiħ is-servizzi ekosistemiċi li jipprovdu l-oċeani, billi tiżviluppa "Pjan ta' Azzjoni għall-Oċeani u l-Akkwakultura", inklużi azzjonijiet konkreti li jġibu flimkien viżjoni strateġika integrata għal kwistjonijiet tal-politika marittima bħat-trasport, l-innovazzjoni u l-għarfien, il-bijodiversità, l-ekonomija blu, l-emissjonijiet u l-governanza;

75.  Jemmen li l-Politika Komuni tas-Sajd għandu jkollha l-għan li ttemm is-sajd eċċessiv u li terġa' tibni l-istokkijiet tal-ħut lil hinn mir-rendiment massimu sostenibbli, biex jiġu żviluppati sistemi sostenibbli tal-akkwakultura tal-baħar u tal-ilma ħelu, u biex tiġi stabbilita sistema ta' ġestjoni effikaċi u integrata bbażata fuq l-ekosistemi li tqis il-fatturi kollha li għandhom impatt fuq l-istokkijiet tal-ħut u l-ekosistema tal-baħar, inklużi t-tibdil fil-klima u t-tniġġis; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta dwar riforma tal-PAK f'dan ir-rigward;

76.  Jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi ta' konservazzjoni tal-oċean u tal-kosta, kemm dawk ta' mitigazzjoni kif ukoll ta' adattament għat-tibdil fil-klima, biex jiġu protetti u rrestawrati l-ekosistemi marini u kostali u jitlob li jkun hemm proposta għat-twaqqif ta' mira vinkolanti għall-espansjoni tan-netwerk ta' żoni protetti tal-baħar għal mill-inqas 30 % fil-livell tal-UE fl-istrateġija tal-bijodiversità għall-2030, sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-Oċean; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu r-riżorsi finanzjarji u ta' kapaċità biex jitjieb l-għarfien dwar il-baħar fir-rigward tal-bijodiversità, il-klima u t-tniġġis, sabiex jiġu mifhuma aħjar l-impatti tal-attivitajiet fuq l-ekosistemi tal-baħar u l-istat tal-istokkijiet tal-ħut u biex jiġu stabbiliti pjanijiet ta' azzjoni xierqa ta' adattament u ta' mitigazzjoni;

77.  Jenfasizza l-importanza li jitrawwem ir-rwol tal-UE bħala mexxej globali fil-governanza tal-oċeani, inkluża d-dimensjoni kummerċjali, billi tiġi promossa l-adozzjoni ta' mekkaniżmu internazzjonali taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar għall-protezzjoni tal-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar lil hinn mill-oqsma ta' ġurisdizzjoni nazzjonali kif ukoll politika ta' tolleranza żero kontra s-sajd illegali, inkluża strateġija komuni mal-pajjiżi ġirien għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis; jirrimarka l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tal-UE fil-kontribut għad-Deċennju tan-Nazzjonijiet Uniti għax-Xjenza dwar l-Oċeani għall-Iżvilupp Sostenibbli sabiex ikun hemm involviment aħjar fix-xjenza tal-oċeani u jingħata kontribut biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

Ambizzjoni ta' żero tniġġis għal ambjent ħieles mit-tossiċità

78.  Jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni li tippreżenta pjan ta' azzjoni ta' żero tniġġis tal-arja, tal-ilma u l-ħamrija, li għandu jindirizza wkoll it-tniġġis mill-art għall-ilma, għandu jinkludi monitoraġġ imsaħħaħ, u għandu jiffoka l-azzjonijiet tiegħu fuq il-prevenzjoni tat-tniġġis; iqis li huwa ta' dispjaċir li l-preżentazzjoni ta' Strateġija ta' Ambjent Mhux Tossiku ma seħħitx, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta Strateġija ambizzjuża transettorjali dwar Ambjent Mhux Tossiku mingħajr dewmien fl-2020 biex tiżgura li l-Ewropej kollha jkunu protetti kif xieraq kontra sustanzi ta' ħsara, inklużi l-konsumaturi, il-ħaddiema u l-popolazzjonijiet vulnerabbli;

79.  Iqis li l-Istrateġija Ambjentali Mhux Tossika għandha tagħlaq il-lakuni regolatorji kollha fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi u tikkontribwixxi b'mod effettiv għas-sostituzzjoni rapida ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna u ta' sustanzi kimiċi perikolużi oħra inklużi interferenti endokrinali, sustanzi kimiċi persistenti ħafna, newrotossikanti u immuno-tossikanti, kif ukoll l-indirizzar tal-effetti kkombinati ta' sustanzi kimiċi, nanoforom ta' sustanzi, u l-esponiment għal sustanzi kimiċi perikolużi minn prodotti; itenni li kwalunkwe projbizzjoni ta' dawn is-sustanzi kimiċi għandha tqis l-aspetti kollha tas-sostenibbiltà; jissottolinja l-ħtieġa ta' impenn ċar biex jiġu żgurati fondi għal riċerka ta' alternattivi aktar sikuri u li jagħmlu riċerka dwarhom, u biex jiġu promossi s-sostituzzjoni ta' sustanzi kimiċi ta' ħsara, il-produzzjoni nadifa u l-innovazzjoni sostenibbli; jissottolinja l-ħtieġa li l-ittestjar fuq l-annimali jitnaqqas fil-valutazzjonijiet tar-riskju, u jitlob li jkun hemm aktar sforzi u fondi għal dan l-għan;

80.  Jitlob proposta leġiżlattiva ambizzjuża sa Ġunju 2020 li tindirizza l-interferenti endokrinali speċjalment fil-kożmetiċi, il-ġugarelli u l-imballaġġ tal-ikel, u pjan ta' azzjoni li jipprovdi qafas komprensiv b'miri u skadenzi li jnaqqsu l-esponiment taċ-ċittadini għal interferenti endokrinali kimiċi (EDCs); jindika li l-qafas komprensiv ġdid dwar l-EDCs irid jiżgura li jitqiesu l-effetti tat-taħlita u tal-esponimenti kkombinati;

81.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni leġiżlattiva ċara dwar it-trattament tal-farmaċewtiċi fl-ambjent, kemm bħala riżultat tal-proċess ta' manifattura kif ukoll tal-użu u r-rimi tal-farmaċewtiċi; jinnota bi tħassib ir-rwol li għandhom il-farmaċewtiċi biex jikkontribwixxu għar-reżistenza antimikrobika meta jiġu rilaxxati fl-ambjent permezz tar-rimi tad-demel tal-annimali

82.  Jindika li l-Pjan ta' Azzjoni ta' Tniġġis Żero għall-arja, l-ilma u l-ħamrija jrid jifforma strateġija komprensiva u trasversali li tħares is-saħħa taċ-ċittadini mid-degradazzjoni ambjentali u t-tniġġis; jistieden lill-Kummissjoni tgħolli l-livell ta' protezzjoni tal-kwalità tal-arja, f'konformità mal-aħħar sejbiet xjentifiċi u linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO); iħeġġeġ monitoraġġ aħjar tat-tniġġis tal-arja fl-Istati Membri permezz tal-implimentazzjoni ta' metodi ta' kejl robusti u armonizzati, u aċċess faċli għall-informazzjoni għaċ-ċittadini Ewropej; jitlob li tittieħed azzjoni komprensiva kontra s-sustanzi niġġiesa kollha rilevanti, sabiex il-funzjonijiet naturali tal-art u tal-ilma tal-wiċċ jiġu restawrati; jissottolinja l-fatt li r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali għandha tagħmel enfasi fuq il-prevenzjoni tat-tniġġis, il-koerenza mal-politiki dwar l-ekonomija ċirkolari u d-dekarbonizzazzjoni; jitlob, barra minn hekk, li ssir reviżjoni tad-Direttiva Seveso;

Il-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-iżgurar ta' tranżizzjoni ġusta

83.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-ħtiġijiet finanzjarji konsiderevoli biex nilħqu l-għanijiet stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew; jilqa' wkoll ir-rikonoxximent fil-komunikazzjoni li s-sostenibbiltà għandha tiġi inkorporata aktar fis-setturi kollha; iqis li l-Kummissjoni għandha tressaq pjan ta' finanzjament komprensiv ibbażat fuq sett koerenti ta' proposti li għandu jkollu l-għan li jagħti spinta lill-investimenti pubbliċi u privati f'kull livell; jemmen li pjan bħal dan huwa meħtieġ sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' finanzjament konsiderevoli u l-investiment addizzjonali meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, li jaqbeż sew iċ-ċifra konservattiva ta' EUR 260 biljun iddikjarata mill-Kummissjoni, li ma tqisx, pereżempju, il-ħtiġijiet ta' investiment għall-adattament għall-klima u għal sfidi ambjentali oħra bħall-bijodiversità, jew l-investiment pubbliku meħtieġ biex jiġu indirizzati l-ispejjeż soċjali; jenfasizza li issa l-ispejjeż tad-dekarbonizzazzjoni qawwija huma ferm inqas mill-ispejjeż li jirriżultaw mill-effetti tat-tibdil fil-klima;

84.  Jappoġġja l-pjanijiet għal Pjan ta' Investiment Sostenibbli biex jgħin ħalli tingħalaq id-diskrepanza fl-investiment, jgħin biex tiġi ffinanzjata t-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju u jiżgura tranżizzjoni ġusta madwar ir-reġjuni kollha tal-UE; jissottolinja l-fatt li l-pjan għandu jqis l-esperjenzi tal-programmi preċedenti (il-"Pjan Juncker") u jagħmel enfasi speċjali fuq l-investimenti verament addizzjonali ta' valur miżjud Ewropew; jappella għal azzjonijiet koordinati biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fl-investiment fl-UE kollha, inkluż permezz tal-baġit tal-UE, il-finanzjament mill-BEI u istituzzjonijiet finanzjarji oħra u l-programmi tal-UE, pereżempju permezz ta' InvestEU;

85.  Jilqa' l-politika ġdida ta' self għall-enerġija u l-istrateġija l-ġdida għall-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali adottata mill-BEI fl-14 ta' Novembru 2019 bħala kontribut importanti biex jintlaħaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew; jilqa' l-fatt li l-BEI se jiġi trasformat fil-Bank Klimatiku Ewropew l-ġdid tal-UE, b'50 % tal-operazzjonijiet tiegħu ddedikati għall-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali sal-2025, bil-għan li jtemm l-appoġġ tiegħu għal proġetti tal-fjuwils fossili sal-2021, u bl-attivitajiet kollha ta' finanzjament tiegħu allinjati mal-prinċipji u l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi sal-2020; iħeġġeġ lill-BEI jieħu rwol attiv fl-appoġġ ta' proġetti li jsostnu tranżizzjoni ġusta, bħar-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi u l-investiment soċjali u fil-ħiliet; jitlob li l-politika ta' investiment tal-BEI tipprovdi finanzjament immirat għal inizjattivi tal-Ftehim Ekoloġiku Ewropew bħala kwistjoni ta' prijorità, filwaqt li titqies l-addizzjonalità li l-finanzjament tal-BEI jista' jipprovdi flimkien ma' sorsi oħra; jenfasizza li l-koordinament ma' strumenti ta' finanzjament oħra huwa kruċjali minħabba li l-BEI waħdu ma jistax jiffinanzja l-inizjattivi kollha tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jilqa' d-dikjarazzjonijiet reċenti mill-President elett ġdid tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li l-istituzzjoni, kemm fir-rwol monetarju kif ukoll f'dak superviżorju tiegħu, għandu jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mal-BĊE f'dan ir-rigward ħalli tiżgura l-azzjoni koerenti mwiegħda fil-komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, mingħajr preġudizzju għall-mandat tal-BĊE skont it-Trattati;

86.  Jenfasizza li jrid jiġi indirizzat l-iżbilanċ kurrenti tas-suq bejn il-provvista baxxa u d-domanda għolja ta' prodotti finanzjarji sostenibbli; itenni r-rwol ta' finanzjament sostenibbli u jqis li huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali ewlenin jadottaw u jiżviluppaw malajr finanzjament sostenibbli bil-għan li jiżguraw trasparenza sħiħa tal-livell ta' sostenibbiltà tas-sistema finanzjarja tal-UE u jwasslu għal dekarbonizzazzjoni b'suċċess tal-ekonomija globali; jissottolinja l-ħtieġa li nkomplu nibnu fuq is-suċċessi ta' strateġija ta' finanzjament sostenibbli u jissottolinja l-ħtieġa li jiġi implimentat malajr il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Finanzi Sostenibbli, inkluża tikketta ekoloġika għal prodotti finanzjarji, l-istandard dwar il-bonds ekoloġiċi u l-integrazzjoni tal-fatturi (ESG) ambjentali, soċjali u ta' governanza fil-qafas prudenzjali tal-banek, u jilqa' t-twaqqif tal-Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzi Sostenibbli;

87.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' appoġġ għal tranżizzjoni ġusta u jilqa' l-impenji tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward; jemmen li l-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta mfassal tajjeb, inkluż Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, se jkun għodda importanti li tiffaċilita t-tranżizzjoni u tilħaq miri klimatiċi ambizzjużi filwaqt li tindirizza l-impatti soċjali; jenfasizza li finanzjament robust ta' dan l-istrument, inklużi riżorsi baġitarji addizzjonali, se jkun element ewlieni għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jemmen li tranżizzjoni ġusta hija aktar minn sempliċiment finanzjament, iżda hija approċċ ta' politika globali bbażat fuq investiment li jrid jiżgura li ħadd ma jibqa' lura, u jenfasizza r-rwol tal-politiki soċjali tal-Istati Membri f'dan il-kuntest; jemmen li l-mekkaniżmu ma għandux ikun sempliċiment trasferiment nett għall-gvernijiet nazzjonali jew kumpaniji, u lanqas ma għandu jintuża biex jitħallsu obbligazzjonijiet korporattivi, iżda għandu jgħin b'mod konkret lill-ħaddiema tas-setturi u tal-komunitajiet kollha fl-UE l-aktar affettwati mid-dekarbonizzazzjoni, bħall-minjieri tal-faħam u reġjuni b'użu intensiv tal-faħam, biex jagħmlu t-tranżizzjoni lejn ekonomija nadifa tal-futur, filwaqt li ma jkunx hemm effett skoraġġanti fuq proġetti u inizjattivi proattivi; jemmen li l-fond għandu inter alia jippromwovi t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid sabiex iħejji u jadatta l-ħaddiema għal perspettivi, rekwiżiti u kompetenzi ta' impjiegi ġodda u jappoġġja l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja u sostenibbli; jenfasizza bil-qawwa li l-finanzjament għal tranżizzjoni ġusta jrid ikun kundizzjonali fuq progress dwar miżuri ta' dekarbonizzazzjoni konkreti u vinkolanti f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, speċjalment l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam u t-trasformazzjoni ta' reġjuni ekonomiċi b'użu intensiv tal-karbonju; iqis li huwa importanti li jiġi żgurat qafas ta' monitoraġġ xieraq sabiex ikun hemm segwitu dwar kif qed jiġu użati l-fondi fl-Istati Membri; jenfasizza, madankollu, li l-fondi waħedhom ma jistgħux jipprovdu t-tranżizzjoni u li hija meħtieġa strateġija komprensiva tal-UE bbażata fuq djalogu ġenwin u sħubija mal-poplu u l-komunitajiet ikkonċernati, inklużi t-trejdjunjins;

88.  Jenfasizza r-rwol strumentali tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021-2027 għat-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-ħtieġa urġenti għal qabża kbira oħra fl-isforzi politiċi u finanzjarji, inklużi approprjazzjoni baġitarji ġodda, sabiex jinkisbu l-objettivi tiegħu, kif ukoll tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija newtrali f'termini ta' karbonju bbażati fuq l-ogħla kriterji ta' ġustizzja soċjali sabiex ħadd ma jitħalla barra; jistenna li l-mezzi baġitarji matul il-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja li jmiss ikunu proporzjonati ma' din l-ambizzjoni, filwaqt li jenfasizza li QFP imnaqqas ovvjament jirrappreżenta pass lura;

89.  Jitlob li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jiżgura koordinazzjoni, koerenza u konsistenza tajba bejn il-politiki kollha disponibbli, l-istrumenti ta' finanzjament u l-investimenti tal-UE, inkluż il-BEI, bil-ħsieb li tiġi evitata d-duplikazzjoni u jissaħħu s-sinerġiji, il-komplementarjetajiet u l-addizzjonalità tal-finanzjament tagħhom, u biex jiġi sfruttat l-investiment privat u pubbliku sostenibbli, b'hekk jiġi ottimizzat u integrat aħjar l-appoġġ finanzjarju għall-Patt Ekoloġiku Ewropew; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-appoġġ tiegħu għall-prinċipju tal-integrazzjoni tal-miri fil-QFP sabiex tinkiseb koerenza politika; iqis li l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-ħasil tal-flus għandha rwol importanti x'taqdi sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tissawwar soċjetà ġusta u ekonomija b'saħħitha;

90.  Jitlob li jiġu stabbiliti miri ambizzjużi u vinkolanti għall-infiq għall-bijodiversità u għall-integrazzjoni klimatika sistematika, li jmorru lil hinn mil-livell ta' ishma ta' infiq immirat kif stabbilit fir-rapport interim tal-Parlament dwar il-QFP, inkluża metodoloġija stretta u komprensiva għad-definizzjoni u t-traċċar ta' infiq rilevanti għall-klima u l-bijoversità; jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li l-ebda finanzjament pubbliku tal-UE, minn kwalunkwe politika tal-UE, ma jmur kontra l-għan tal-Ftehim ta' Pariġi jew kontra l-objettivi ambjentali u l-impenji u l-obbligi internazzjonali l-oħra tal-UE;

91.  Jappoġġa l-introduzzjoni ta' pakkett ta' riżorsi proprji ekoloġiċi ġodda u mmirati sew li jikkorrispondu għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jippromwovu u jiffaċilitaw tranżizzjoni ekoloġika u soċjalment ġusta, inkluża l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-ambjent; iqis il-proposti tal-Kummissjoni bħala punt ta' tluq f'dan ir-rigward;

92.  Jemmen li r-reviżjoni ppjanata tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għandha tirrifletti l-objettivi tal-politika tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u timmira li ssaħħaħ u tissimplifika l-investiment f'soluzzjonijiet sostenibbli, filwaqt li tiżgura t-tneħħija gradwali rapida tas-sussidji diretti u indiretti għall-faħam u l-fjuwils fossili fl-Unjoni u tipprovdi linji gwida konsistenti għalkollox mal-objettivi tat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra u mal-objettivi ambjentali għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, li r-rwol tagħhom se jkun strumentali f'implimentazzjoni effettiva u innovattiva tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; iqis li r-reviżjoni għandha tagħti lok għal appoġġ nazzjonali għal bidliet strutturali dovuti għat-tneħħija gradwali tal-faħam li jsegwi l-istess kundizzjonalità bħall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta; jisħaq fuq il-fatt li reviżjoni ta' dan it-tip m'għandhiex iddgħajjef is-sett qawwi ta' regoli tal-kompetizzjoni tal-UE;

93.  Jenfasizza li ammont sostanzjali ta' finanzjament meħtieġ mill-Patt Ekoloġiku se jkollu jiġi mill-baġits tal-Istati Membri; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taħdem mal-Istati Membri fuq l-ekoloġizzazzjoni tal-baġits nazzjonali; jinsab imħasseb dwar il-fatt li mingħajr politika fiskali sostenibbli u sitwazzjoni finanzjarja kredibbli fl-Istati Membri, kwalunkwe mudell finanzjarju futur tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jaf ikun ipperikolat; jitlob, għaldaqstant, l-introduzzjoni ta' qafas abilitanti għal investimenti pubbliċi sostenibbli biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, iżda jenfasizza li jkun liema jkun il-mudell ta' finanzjament li jintagħżel, dan jeħtieġ li ma jdgħajjifx is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fl-UE; jissottolinja, madankollu, li l-investimenti sostenibbli fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għandhom verament ikunu addizzjonali, u m'għandhomx jirriżultaw f'esklużjoni tal-finanzjament tas-suq; jindika, f'dan ir-rigward, il-possibiltajiet tal-investimenti privati u pubbliċi li jibbenefikaw mill-ambjent prevalenti ta' imgħaxijiet baxxi;

94.  Jitlob li l-aġenda trasformattiva tal-Patt Ekoloġiku Ewropew tiġi riflessa f'Semestru Ewropew aktar ekoloġiku; jissottolinja l-fatt li s-Semestru Ewropew kif jiffunzjona attwalment m'għandux jiġi mdgħajjef; jemmen li l-SDGs tan-NU għandhom jiġu integrati, sabiex il-proċess isir mutur tal-bidla lejn benesseri sostenibbli għall-kulħadd fl-Ewropa; jappoġġa, għalhekk, l-integrazzjoni ulterjuri ta' indikaturi u miri soċjali u ambjentali fis-semestru fejn l-Istati Membri jkunu meħtieġa jippreżentaw pjanijiet nazzjonali għall-kisba tagħhom; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjonijiet dwar il-konsistenza tal-baġits tal-Istati Membri mal-objettivi klimatiċi aġġornati tal-UE;

Il-mobilizzazzjoni tar-riċerka u t-trawwim tal-innovazzjoni

95.  Jenfasizza li r-riċerka u l-innovazzjoni mexxejja fil-livell dinja huma fundamentali għall-futur tal-Ewropa u essenzjali għall-kisba tal-għanijiet ambjentali u klimatiċi tagħna, għall-iżgurar ra' strateġija bbażata fuq ix-xjenza biex tinkiseb Ewropa newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sa mhux aktar tard mill-2050 u t-tranżizzjoni nadifa tas-soċjetà, filwaqt li fl-istess ħin jiġu żgurati l-kompetittività ekonomika u l-prosperità; jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq il-ħtieġa ta' ħidma bejn is-setturi u d-dixxiplini; jenfasizza l-bżonn ta' integrazzjoni klimatika u reżiljenza klimatika sistemiċi għall-programmi kollha fl-aġenda tal-UE fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni; jinnota r-rwol ta' teknoloġiji ġodda fl-għoti ta' benefiċċji addizzjonali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu r-riċerka fit-teknoloġiji ta' adattament;

96.  Jissottolinja l-importanza tal-programm Orizzont Ewropa 2021-2027 orjentat lejn il-missjonijiet, li jipprovdi opportunità biex tiġi involuta firxa wiesgħa ta' atturi, inklużi ċ-ċittadini Ewropej, biex tiġi indirizzata l-isfida globali urġenti tat-tibdil fil-klima u biex nimxu lejn riċerka aktar kollaborattiva u prattiki innovattivi biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew; jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm baġit ambizzjuż għall-Orizzont Ewropa ta' EUR 120 biljun fi prezzijiet kurrenti bil-għan li jiġu indirizzati l-isfidi sinifikanti tal-innovazzjoni għal tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika, filwaqt li jitqies li mill-inqas 35 % tal-baġit ta' Orizzont Ewropa għandu jikkontribwixxi għall-għanijiet klimatiċi; jenfasizza li fondi oħra tal-UE għandhom jiddedikaw sehem akbar mill-baġit tagħhom għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji nodfa; jitlob li l-Kummissjoni timmassimizza l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-ambjent ta' innovazzjoni usa' minħabba li diversi teknoloġiji abilitanti essenzjali ġodda se jkunu kruċjali għall-ksib tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050;

97.  Jenfasizza li l-UE jeħtiġilha żżomm u tkompli tiżviluppa l-programmi spazjali ċivili emblematiċi tagħha, Copernicus u Galileo, u l-Aġenzija tal-UE għall-Programm Spazjali, li jipprovdu kontribut siewi għall-monitoraġġ u l-ġbir ta' data ambjentali; jenfasizza li s-servizzi tat-tibdil fil-klima ta' Copernicus għandhom jibdew joperaw bis-sħiħ mill-aktar fis possibbli, b'hekk jipprovdu l-fluss kontinwu tad-data meħtieġa għal azzjonijiet effettivi ta' mitigazzjoni u ta' adattament għat-tibdil fil-klima;

98.  Jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tat-trasferiment tat-teknoloġija u l-kondiviżjoni tal-għarfien fl-oqsma tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament, il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u ċ-ċirkolarità, u teknoloġiji bi ftit emissjonijiet ta' karbonju kif ukoll teknoloġiji mingħajr ebda emissjonijiet ta' karbonju, inkluż il-ġbir ta' data biex jiġi appoġġat it-twettiq tal-objettivi tal-Ftehim Ekoloġiku Ewropew; jinsisti fuq l-importanza li tiġi appoġġata l-introduzzjoni fis-suq, li hi mutur ewlieni fit-trasformazzjoni tal-assi sostanzjali ta' għarfien tal-UE f'innovazzjonijiet; hu tal-fehma li l-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa wkoll opportunità biex jiġu stabbiliti rabtiet bejn is-setturi differenti involuti, li għandhom ikollhom benefiċċji simbjotiċi; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-bijoekonomija tipprovdi l-opportunità li jinħolqu benefiċċji simbjotiċi ta' dan it-tip f'setturi differenti u tiġi komplementata l-ekonomija ċirkolari;

99.  Itenni li l-politiki tal-UE għandhom jappoġġaw l-eċċellenza xjentifika u x-xjenza parteċipattiva, isaħħu l-kollaborazzjoni bejn l-akkademja u l-industrija u jippromwovu t-tfassil ta' politika dwar l-innovazzjoni u bbażata fuq l-evidenza filwaqt li jrawmu l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam, inkluż l-iffaċilitar ta' skambji ta' prattiki tajba sabiex jissaħħu l-ħiliet marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika fil-professjonijiet il-ġodda assoċjati wkoll magħha, għall-ħaddiema, l-għalliema u ż-żgħażagħ; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taġġorna l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex issaħħaħ l-impjegabbiltà fl-ekonomija ekoloġika u jħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi azzjonijiet relatati mat-taħriġ vokazzjonali; iqis li l-promozzjoni tal-"mobbiltà ekoloġika" fil-programm Erasmus+ 2021-2027 hi kwistjoni ta' koerenza mal-objettivi tal-komunikazzjoni;

"Tagħmel ebda ħsara" - l-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fil-politiki kollha tal-UE

100.  Jilqa' l-kunċett tal-prinċipju "tagħmel ebda ħsara" u l-impenn tal-Kummissjoni li tiżgura li l-azzjonijiet kollha tal-UE għandhom jgħinu lill-UE tikseb futur sostenibbli u tranżizzjoni ġusta, inkluż l-użu ta' għodod tal-ibbaġitjar ekoloġiku, u biex taġġorna l-linji gwida ta' regolamentazzjoni aħjar skont il-ħtieġa; jinsisti fuq approċċ koerenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, kemm fil-politiki interni kif ukoll f'dawk esterni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-leġiżlazzjoni ambjentali u klimatika attwali u imminenti fl-Istati Membri u tiżgura li jkun hemm konsegwenzi f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità;

101.  Jenfasizza r-rwol essenzjali tal-prinċipju ta' prekawzjoni fl-iggwidar tal-azzjonijiet tal-UE fl-isferi kollha tal-politika, flimkien mal-prinċipju ta' "tagħmel ebda ħsara", bl-akbar attenzjoni għall-prinċipju tal-koerenza tal-politiki; jemmen li l-prinċipju ta' prekawzjoni għandu jirfed l-azzjonijiet kollha meħuda fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew sabiex jgħin biex jitħarsu s-saħħa u l-ambjent; jinsisti li l-UE jeħtieġ tapplika l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas meta tressaq proposti għal miżuri ġusti u kkoordinati għall-indirizzar tal-isfidi klimatiċi u ambjentali;

102.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-proposti leġislattivi futuri kollha, jiġu bbażati fuq valutazzjonijiet komprensivi tal-impatt li jidentifikaw l-effetti soċjoekonomiċi, ambjentali u fuq is-saħħa ta' għażliet differenti, inklużi l-impatti klimatiċi u ambjentali totali u l-prezz ta' nuqqas ta' azzjoni, kif ukoll l-effetti fuq il-kompetittività internazzjonali tan-negozji tal-UE, inklużi l-SMEs, u l-ħtieġa li tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, l-effetti fuq Stati Membri, reġjuni u setturi differenti, l-effetti fuq l-impjiegi, u l-effetti fuq iċ-ċertezza tal-investiment fit-tul; jenfasizza l-ħtieġa li jintwerew lill-pubbliku l-benefiċċji ta' kull proposta filwaqt li tiġi żgurata l-koerenza mal-miri tat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u mal-miri tal-limitazzjoni tat-tisħin dinji għal 1.5 °C, u li jiġi żgurat li ma jkunux qed jikkontribwixxu għat-telf tal-bijodiversità; jilqa' l-fatt li l-memorandum ta' spjegazzjoni li jakkumpanja l-proposti leġiżlattivi u l-atti delegati kollha se jkun fih taqsima speċifika li tispjega kif kull inizjattiva tiddefendi l-prinċipju ta' "tagħmel ebda ħsara"; jitlob li dan jiġi estiż biex jinkludi l-atti ta' implimentazzjoni u miżuri tal-proċedura regolatorja bi skrutinju (PRS);

103.  Itenni li huwa essenzjali li jiġi ggarantit liċ-ċittadini tal-UE l-aċċess ġenwin għall-ġustizzja u d-dokumenti inkorporat fil-Konvenzjoni ta' Aarhus; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tiżgura li l-UE tikkonforma mal-Konvenzjoni, u jilqa' l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni tar-reviżjoni tar-Regolament ta' Aarhus;

104.  Jistieden lill-Kummissjoni tissodisfa x-Xenarju 1 tad-Dokument ta' Riflessjoni "Lejn Ewropa sostenibbli sal-2030", kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-14 ta' Marzu 2019 bit-titolu "Rapport strateġiku annwali dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs)(5),", li tirrikjedi, inter alia, li prinċipju ta' "sostenibbiltà l-ewwel" jiġi integrat fl-Aġendi għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-UE u tal-Istati Membri tagħha;

105.  Jenfasizza li t-8 Programm ta' Azzjoni Ambjentali jrid jirrifletti l-ambizzjoni ppreżentata fil-Ftehim Ekoloġiku Ewropew u jkun allinjat bis-sħiħ ma' u jmexxi 'l quddiem l-implimentazzjoni tal-SDGs;

106.  Jenfasizza l-impronta klimatika u ambjentali kbira tal-konsum tal-UE f'pajjiżi barra mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mira biex titnaqqas l-impronta globali tal-konsum u l-produzzjoni tal-UE, b'rispett tal-limiti tal-pjaneta; jilqa', f'dan ir-rigward, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippromwovi ktajjen ta' provvista sostenibbli biex iżżid il-benefiċċji tal-ekonomija ċirkolari fil-livell domestiku u dinji;

L-UE bħala mexxejja dinjija

107.  Jissottolinja l-fatt li bħala l-akbar suq uniku fid-dinja, l-UE tista' tistabbilixxi standards li japplikaw għal ktajjen tal-valur dinjija, u jemmen li l-UE għandha ssaħħaħ is-sensibilizzazzjoni politika tagħha abbażi ta' "diplomazija dwar il-Patt Ekoloġiku" kif ukoll "diplomazija dwar il-klima"; jemmen li l-UE għandha tistimola d-dibattitu f'pajjiżi oħra sabiex tkabbar l-ambizzjonijiet klimatiċi tagħhom, u għandha ssaħħaħ l-ambizzjoni tagħha fl-istabbiliment ta' standards ġodda għat-tkabbir sostenibbli u tuża l-piż ekonomiku tagħha biex issawwar standards internazzjonali li jkunu tal-inqas konformi mal-ambizzjonijiet ambjentali u klimatiċi tal-UE; jenfasizza li l-UE għandha rwol x'tiżvolġi fl-iżgurar ta' tranżizzjoni ġusta u ordnata fil-partijiet kollha tad-dinja, speċjalment f'reġjuni li huma dipendenti ħafna fuq il-fjuwils fossili;

108.  Jilqa' l-movimenti dinjija tal-klima, bħall-moviment "Fridays for Future" li qed ipoġġu l-kriżi klimatika fuq quddiem nett tad-dibattitu u l-kuxjenza pubbliċi;

109.  Iqis il-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala opportunità ta' spinta ġdida għad-dibattitu pubbliku Ewropew; jenfasizza kemm hu importanti li ċ-ċittadini, il-parlamenti nazzjonali u reġjonali, is-soċjetà ċivili u l-partijiet konċernati bħall-NGOS, l-għaqdiet tal-ħaddiema u n-negozji jiġu involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

110.  Jenfasizza li l-kummerċ jista' jkun għodda importanti għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u biex jgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jemmen li l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu jiżgura li l-ftehimiet internazzjonali kollha tal-kummerċ u l-investiment jinkludu kapitoli sodi, vinkolanti u infurzabbli dwar l-iżvilupp sostenibbli, fosthom dwar il-klima u l-ambjent, li jirrispettaw għalkollox l-impenji internazzjonali, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi, u li jkunu konformi mar-regoli tad-WTO; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinkludi l-Ftehim ta' Pariġi bħala element essenzjali tal-ftehimiet kollha kummerċjali u tal-investiment fil-futur u li tiżgura li s-sustanzi kimiċi, il-materjali, l-ikel u l-prodotti l-oħra kollha imqiegħda fis-suq Ewropew ikunu konformi għalkollox mar-regolamenti u l-istandards rilevanti tal-UE;

111.  Jemmen li l-fatt li ma ntlaħaqx kunsens dwar livell globali akbar ta' ambizzjoni klimatika, flimkien mal-ħruġ tal-Istati Uniti mill-Ftehim ta' Pariġi, jissottolinja l-ħtieġa dejjem tikber li l-UE tiżvolġi rwol mexxej fil-livell dinji, u se jirrikjedi li l-UE ssaħħaħ id-diplomazija klimatika u ambjentali tagħha u żżid l-impenji bilaterali ma' pajjiżi sħab, speċjalment qabel il-COP26 fi Glasgow u l-COP15 f'Kunming, iċ-Ċina; iqis il-COP26 bħala mument kruċjali li se jimmina jew isaħħaħ l-integrità tal-Ftehim ta' Pariġi;

112.  Jilqa' l-enfasi li saret fuq id-diplomazija dwar il-klima u jinsisti li sabiex tikseb riżultati l-UE trid titkellem b'vuċi waħda, filwaqt li tiżgura konsistenza u koerenza bejn il-politiki kollha tagħha u matul iċ-ċiklu kollu tal-politika, f'konformità mal-prinċipju tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, u jeħtiġilha tindirizza d-diplomazija ambjentali u dwar il-klima tal-UE b'mod olistiku billi toħloq rabtiet bejn it-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-bijodiversità, l-iżvilupp sostenibbli, l-agrikoltura, is-soluzzjoni tal-kunflitti u s-sigurtà, il-migrazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem u l-kwistjonijiet umanitarji u tal-ġeneru; jenfasizza li l-attivitajiet esterni kollha tal-UE għandu jsirilhom "skrinjar ekoloġiku";

113.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-isforzi tagħha biex tippromwovi lill-UE bħala protagonista fin-negozjati internazzjonali dwar il-klima u l-bijodiversità, tfassal pjan ta' azzjoni konkret biex jitwettqu l-impenji tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fuq ħames snin – imġedded u maqbul waqt il-COP25 (il-programm ta' ħidma msaħħaħ ta' Lima) – filwaqt li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-proċess tal-UNFCCC u taħtar punt fokali permanenti tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tibdil fil-klima, b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, biex ikun hemm implimentazzjoni u monitoraġġ ta' azzjoni klimatika sensittiva għal kwistjonijiet relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE u madwar id-dinja;

114.  Ifakkar il-fatt li t-tibdil fil-klima jdgħajjef il-progress fl-iżvilupp u fit-tnaqqis tal-faqar u jista' jpoġġi lil miljuni ta' nies f'pożizzjoni ta' faqar estrem sal-2030; jinsisti, għalhekk, li l-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għandhom ikunu interrelatati mill-qrib;

115.  Itenni l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-konsegwenzi drammatiċi li t-tibdil fil-klima għandu fuq l-iżvilupp ekonomiku fit-tul tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari l-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) u l-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw (SIDS); jemmen li l-istati b'emissjonijiet kbar ta' CO2, bħall-Istati Membri tal-UE, għandhom dmir morali li jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jadattaw għat-tibdil fil-klima; iqis li l-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tintegra l-istrateġiji klimatiċi bħala parti essenzjali, f'approċċ imfassal apposta u msejjes fuq il-ħtiġijiet, għandha tiżgura l-involviment tal-partijiet konċernati lokali u reġjonali, inklużi l-gvernijiet, is-settur privat u s-soċjetà ċivili, u għandha tallinja mal-pjanijiet nazzjonali u l-istrateġiji klimatiċi tal-pajjiżi sħab;

116.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi għajnuna finanzjarja u teknika addizzjonali biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fit-tranżizzjoni ekoloġika; jistieden b'mod partikolari lill-UE żżid il-finanzjament klimatiku tagħha għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari l-pajjiżi l-inqas żviluppati, l-SIDS u l-pajjiżi fraġli, u tagħti prijorità lill-investimenti fil-bini tar-reżiljenza, l-innovazzjoni, l-adattament u t-teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u l-infrastruttura reżiljenti u bl-inqas ħsara possibbli għall-klima, sabiex twieġeb għall-intensifikazzjoni tad-diżastri naturali; jemmen li huma meħtieġa aktar sforzi f'termini ta' kondiviżjoni tal-għarfien, żvilupp tal-kapaċitajiet u trasferiment ta' teknoloġija lil pajjiżi li qed jiżviluppaw;

117.  Jenfasizza li l-Istrateġija Komprensiva għall-Afrika u l-ftehim ta' sħubija AKP-UE futur jipprovdu opportunitajiet uniċi biex jiġu mwettqa l-aspetti esterni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, tiġi riveduta s-sħubija tal-UE mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw f'termini ta' klima u ambjent u jiġu allinjati l-politiki tal-UE mal-impenji internazzjonali l-aktar reċenti tagħha;

118.  Jappoġġa l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li ttemm l-esportazzjoni mill-UE tar-riżorsi tal-iskart u li ssaħħaħ l-ekonomija ċirkolari madwar id-dinja; jitlob l-introduzzjoni ta' projbizzjoni dinjija fuq il-plastik li jintuża darba biss;

119.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva għal ftehim internazzjonali biex jiġu miġġielda t-tixrid tar-reżistenza antimikrobika u l-mard infettiv li kulma jmur qed jitfaċċa dejjem aktar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw kif xieraq ir-riskju ta' nuqqas ta' mediċini;

o
o   o

120.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P8_TA(2019)0217.
(2) Testi adottati, P9_TA(2019)0078.
(3) Testi adottati, P9_TA(2019)0079.
(4) Testi adottati, P8_TA(2019)0023.
(5) Testi adottati, P9_TA(2019)0220.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' April 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza