Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (2019/2990(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona(1), tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea(2), tas-16 ta' Frar 2017 dwar il-kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro(3), u tat-13 ta' Frar 2019 dwar l-istat tad-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa(4),
– wara li kkunsidra l-proposta mill-President Nominat tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen tas-16 ta' Lulju 2019 fil-qafas tal-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2019‑2024 u l-organizzazzjoni ta' Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa ("il-Konferenza"),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-12 ta' Diċembru 2019 dwar l-approċċ ġenerali għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa,
– wara li kkunsidra l-opinjoni fil-forma ta' ittra tad-9 ta' Diċembru 2019 tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali rigward l-organizzazzjoni ta' Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa,
– wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħa tad-19 ta' Diċembru 2019 tal-grupp ta' ħidma tal-Konferenza tal-Presidenti rigward l-organizzazzjoni ta' Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-parteċipazzjoni tal-votanti fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019 żdiedet, b'mod li juri li l-involviment u l-interess taċ-ċittadini fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea qiegħed jikber, kif ukoll l-istennija li l-Ewropa sejra tindirizza l-isfidi kurrenti u futuri tagħha;
B. billi hemm bżonn li jiġu indirizzati sew l-isfidi interni u sew dawk esterni li l-Ewropa qed tiffaċċja, kif ukoll l-isfidi soċjetali u transnazzjonali ġodda li ma kinux għalkollox previsti meta ġie adottat it-Trattat ta' Lisbona; billi l-għadd ta' kriżijiet sinifikanti li għaddiet minnhom l-Unjoni juri li jeħtieġ li jsiru proċessi ta' riforma f'għadd ta' oqsma ta' governanza;
C. billi l-prinċipju tal-integrazzjoni Ewropea, sa mill-ħolqien tal-Komunità Ekonomika Ewropea fl-1957, u wara kkonfermat mill-ġdid mill-kapijiet ta' stat u ta' gvern kollha kif ukoll mill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri f'kull ċiklu ta' integrazzjoni u ta' bidliet suċċessivi fit-Trattati, minn dejjem kien "il-ħolqien ta' għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli tal-Ewropa";
D. billi hemm kunsens li l-mandat ta' Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandu jkun proċess li jieħu sentejn, u li l-ħidma tal-Konferenza tibda preferibbilment f'Jum Schuman, id-9 ta' Mejju 2020 (is-70 anniversarju mid-Dikjarazzjoni ta' Schuman), bil-ħsieb li tiġi kkompletata sas-sajf tal-2022;
E. billi dan il-proċess tal-Konferenza għandu jkun okkażjoni biex iċ-ċittadini tal-UE jiġu involuti mill-qrib f'eżerċizzju minn isfel għal fuq, li fih jinstemgħu u l-vuċijiet tagħhom jikkontribwixxu għad-dibattiti dwar il-futur tal-Ewropa;
F. billi l-Parlament Ewropew huwa l-unika istituzzjoni tal-UE li hija eletta direttament miċ-ċittadini tal-UE, u billi għandu jkollu rwol ewlieni f'dan il-proċess tal-Konferenza;
L-għan u l-ambitu tal-Konferenza
1. Jilqa' l-proposta għal Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u jemmen li, għaxar snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, dan huwa żmien propizju biex iċ-ċittadini tal-UE jingħataw opportunità ġdida ħalli jissieħbu f'dibattitu robust dwar il-futur tal-Ewropa, għat-tiswir tal-Unjoni li fiha rridu ngħixu flimkien;
2. Jemmen li l-Konferenza hija opportunità biex nidentifikaw dak li l-UE twettaq sewwa u x'miżuri ġodda teħtieġ biex twettaq aħjar, biex tkabbar il-kapaċità tagħha li taġixxi u biex issir aktar demokratika; iqis li l-għan tagħha għandu jkun li tadotta approċċ minn isfel għal fuq biex tinvolvi liċ-ċittadini direttament fi djalogu sinifikanti, u huwa tal-fehma li, fit-tul, għandu jkun previst mekkaniżmu permanenti għall-ħidma maċ-ċittadini fil-ħsieb dwar il-futur tal-Ewropa;
3. Huwa tal-fehma li, qabel ma jiġi varat il-proċess ta' konferenza, għandha tinbeda fażi ta' smigħ biex iċ-ċittadini minn madwar l-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jesprimu l-ideat tagħhom, jagħmlu suġġerimenti u jipproponu l-viżjoni proprja tagħhom dwar dak li l-Ewropa tfisser għalihom; jipproponi li l-metodoloġiji użati biex jinġabru u jiġu pproċessati l-kontributi taċ-ċittadini jkunu uniformi u konsistenti fl-Istati Membri kollha u fil-livell tal-UE;
4. Jemmen li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tal-Konferenza għandha tkun organizzata b'tali mod li d-diversità tas-soċjetajiet tagħna tkun rappreżentata bis-sħiħ; jemmen li l-konsultazzjonijiet għandhom jiġu organizzati bl-użu tal-aktar pjattaformi effiċjenti, innovattivi u adatti, inklużi għodod online, u għandhom jilħqu kull parti tal-UE, sabiex jiġi garantit li kwalunkwe ċittadin jista' jkun involut matul il-ħidma tal-Konferenza; jemmen li l-iżgurar tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ se jkun parti essenzjali mill-impatti dejjiema tal-Konferenza;
5. Jissottolinja li l-proċess tal-Konferenza għandu jkun wieħed miftuħ u trasparenti li jieħu approċċ inklużiv, parteċipattiv u bbilanċjat sew għaċ-ċittadini u sew għall-partijiet ikkonċernati; jenfasizza li l-involviment taċ-ċittadini, tas-soċjetà ċivili organizzata u ta' firxa ta' partijiet ikkonċernati fil-livell Ewropew u f'dawk nazzjonali, reġjonali u lokali għandu jkun l-element prinċipali ta' dan il-proċess innovattiv u oriġinali;
6. Jipproponi li l-Konferenza għandha tkun proċess immexxi minn firxa ta' korpi b'responsabbiltajiet definiti/ad hoc, inklużi korpi istituzzjonali, u bl-involviment dirett taċ-ċittadini;
7. Jipproponi li l-Plenarja tal-Konferenza għandha tagħti lok għal forum miftuħ għal diskussjonijiet fost il-parteċipanti differenti, mingħajr eżitu predeterminat, filwaqt li tinkludi kontribut mill-Agoras taċ-Ċittadini, u mingħajr ma tillimita l-ambitu għal oqsma ta' politika jew metodi ta' integrazzjoni predefiniti; jissuġġerixxi li, bħala massimu, jistgħu jiġu identifikati prijoritajiet ta' politika predefiniti iżda mhux eżawrjenti, bħal:
—
il-valuri, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali Ewropej,
—
l-aspetti demokratiċi u istituzzjonali tal-UE,
—
l-isfidi ambjentali u l-kriżi tal-klima,
—
il-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza,
—
il-kwistjonijiet ekonomiċi u tal-impjiegi, inkluża t-tassazzjoni,
—
it-trasformazzjoni diġitali,
—
is-sigurtà u r-rwol tal-UE fid-dinja;
jissottolinja li din hija ġabra mhux eżawrjenti ta' politiki li jistgħu jservu ta' gwida għall-Konferenza; jissuġġerixxi li jsiru stħarriġiet speċjali tal-Ewrobarometru biex jappoġġjaw it-tfassil tal-aġenda u d-dibattiti fil-qafas tal-proċess tal-Konferenza;
8. Jemmen li l-Konferenza għandha tieħu kont tal-inizjattivi li ntużaw fit-tħejjija għall-elezzjonijiet tal-2019; jemmen li, sabiex inħejju sewwa bil-quddiem għall-elezzjonijiet Ewropej li jmiss fl-2024, matul il-proċess tal-Konferenza għandu jittieħed kont tal-ħidma fuq kwistjonijiet bħas-sistema tal-kandidati ewlenin u l-listi transnazzjonali, fil-qies tal-iskadenzi eżistenti u bl-użu tal-għodod interistituzzjonali, politiċi u leġiżlattivi kollha disponibbli;
L-organizzazzjoni, il-kompożizzjoni u l-governanza tal-proċess tal-Konferenza
9. Jipproponi li l-Konferenza tkun magħmula minn firxa ta' korpi b'responsabbiltajiet differenti, bħal: Plenarja tal- Konferenza, Agoras taċ-Ċittadini, agoras taż-żgħażagħ, Kumitat ta' Tmexxija u Bord ta' Koordinament Eżekuttiv; jitlob li l-korpi kollha fil-livelli kollha tal-Konferenza jkunu bbilanċjati bejn is-sessi;
10. Jipproponi li, tul il-proċess sħiħ tal-konferenza, isiru diversi Agoras taċ-Ċittadini tematiċi li jirriflettu l-prijoritajiet ta' politika, u li dawn għandhom ikunu magħmula minn massimu ta' 200‑300 ċittadin b'minimu ta' tlieta għal kull Stat Membru, ikkalkulati skont il-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva; jenfasizza li dawn isiru f'postijiet differenti madwar l-Unjoni u jridu jkunu rappreżentattivi (f'termini ta' ġeografija, sess, età, sfond soċjoekonomiku u/jew livell ta' edukazzjoni);
11. Jipproponi wkoll li l-għażla taċ-ċittadini li jieħdu sehem minn fost iċ-ċittadini kollha tal-UE ssir b'mod aleatorju minn istituzzjonijiet indipendenti fl-Istati Membri skont il-kriterji msemmija hawn fuq, u li l-kriterji jkunu definiti biex jiggarantixxu li politiċi eletti, rappreżentanti għolja tal-gvern u rappreżentanti ta' gruppi ta' interess professjonali ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fl-Agoras taċ-Ċittadini; jitlob li l-Agoras taċ-Ċittadini jkollhom parteċipanti differenti fil-postijiet differenti, filwaqt li kull Agora taċ-Ċittadini tematika individwali trid tkun magħmula mill-istess parteċipanti f'kull waħda mil-laqgħat tagħha, biex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza; jinsisti fuq minimu ta' żewġ laqgħat ta' kull Agora taċ-Ċittadini tematika, sabiex jagħtu kontribut lill-Plenarja tal-Konferenza u jirċievu feedback globali dwar id-deliberazzjonijiet f'laqgħa oħra f'format ta' djalogu; jissottolinja li l-Agoras taċ-Ċittadini għandhom ifittxu li jilħqu qbil b'kunsens u, fejn dan ma jkunx possibbli, tista' tiġi espressa opinjoni tal-minoranza;
12. Jipproponi li, minbarra l-Agora taċ-Ċittadini, isiru tal-anqas żewġ agoras taż-żgħażagħ: waħda fil-bidu tal-Konferenza, u waħda lejn tmiemha, peress li ż-żgħażagħ jistħoqqilhom li jkollhom forum proprju tagħhom minħabba li l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ huma l-futur tal-Ewropa, u huma dawk li sejrin jintlaqtu l-aktar minn kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed illum dwar id-direzzjoni futura tal-UE; jitlob li l-età tal-parteċipanti tiġi stabbilita bejn 16-il sena u 25 sena u li l-għażla, id-daqs, l-istatus u l-metodi ta' ħidma jkunu bbażati fuq l-istess kriterji bħal dawk li jintużaw għall-Agora taċ-Ċittadini;
13. Jitlob li jsiru arranġamenti biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha (inklużi ż-żgħażagħ) li jieħdu sehem fil-proċess tal-Konferenza jiġu assistiti f'termini ta' rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni tagħhom u, fejn xieraq, tal-arranġamenti għal leave awtorizzat ta' assenza mill-post tax-xogħol tagħhom kif ukoll kumpens għall-kosti soċjali (eż. t-telfien ta' introjtu, faċilitajiet ta' kura u arranġamenti speċjali għall-persuni b'diżabbiltà);
14. Jitlob li s-sħubija fil-Plenarja tal-Konferenza tkun kostitwita minn:
—
il-Parlament Ewropew, li jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-Unjoni, b'massimu ta' 135 membru,
—
il-Kunsill li jirrappreżenta lill-Istati Membri, b'27 membru,
—
il-parlamenti nazzjonali, b'bejn żewġ membri u erba' membri għal kull parlament ta' Stat Membru,
il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, b'erba' membri kull wieħed,
—
is-sħab soċjali fil-livell tal-UE b'żewġ membri kull naħa;
15. Jenfasizza li, bil-għan li ċ-ċirkwit ta' feedback ikun żgurat, ir-rappreżentanti mill-Agoras taċ-Ċittadini tematiċi u mill-Agora taż-Żgħażagħ se jiġu mistiedna għall-Plenarja tal-Konferenza biex jippreżentaw u jiddiskutu l-konklużjonijiet tagħhom, sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati matul id-deliberazzjoni fil-plenarja tal-Konferenza;
16. Jinsisti li r-rappreżentanza tal-Kunsill trid tkun fil-livell ministerjali u li r-rappreżentanti mill-Parlament Ewropew u mill-parlamenti nazzjonali għandhom jiżguraw rappreżentanza politika bbilanċjata li tirrifletti d-diversità rispettiva tagħhom; jissottolinja li l-partiti istituzzjonali tal-Konferenza sejrin jipparteċipaw bħala sħab ugwali, u li se tiġi żgurata parità stretta bejn il-Parlament Ewropew, min-naħa l-waħda, u l-Kunsill u l-parlamenti nazzjonali, min-naħa l-oħra; jinsisti li jsir sforz biex jintlaħaq kunsens fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Plenarja tal-Konferenza jew, bħala minimu, li r-rakkomandazzjonijiet jirrappreżentaw il-fehmiet tal-maġġoranza tar-rappreżentanti ta' kull waħda mit-tliet istituzzjonijiet tal-UE u tal-parlamenti nazzjonali;
17. Jipproponi li l-Konferenza tiltaqa' f'sessjoni plenarja tal-anqas darbtejn f'kull semestru fil-Parlament Ewropew; jissuġġerixxi li, fl-ewwel laqgħa tagħha, il-Plenarja tal-Konferenza tadotta pjan ta' ħidma u li, wara kull laqgħa tal-Plenarja tal-Konferenza, rapport tal-plenarja b'konklużjonijiet u rapporti tal-gruppi ta' ħidma jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-parteċipanti tal-Konferenza u tal-pubbliku ġenerali; huwa tal-fehma li l-konklużjonijiet finali għandhom jiġu adottati fil-laqgħa finali tal-Plenarja tal-Konferenza, b'mod li jiġbru fil-qosor l-eżitu tal-proċess tal-Konferenza kollha kemm hi;
18. Jenfasizza l-ħtieġa li jingħata appoġġ permezz ta' sessjonijiet preparatorji u minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u minn esperti oħra stabbiliti sew u ta' esperjenza; jirrikonoxxi l-importanza tal-għarfien espert ta' NGOs, universitajiet, ċentri ta' riċerka u gruppi ta' riflessjoni madwar l-Ewropa, u jistedinhom isostnu l-proċess tal-Konferenza fil-livelli differenti u jipprovdu appoġġ lill-korpi differenti;
19. Jemmen li l-Konferenza għandha tifittex modi kif il-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE jiġu involuti fid-diskussjonijiet dwar il-futur tal-Ewropa;
20. Huwa tal-fehma li l-patroċinju għandu jkun żgurat mit-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE fl-ogħla livell, jiġifieri mill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea; jemmen li dan il-patroċinju ta' livell għoli għandu jiggarantixxi l-proċess u jipprovdi għas-sorveljanza fuqu kollha kemm hu, kif ukoll jagħti bidu għall-proċess tal-Konferenza;
21. Huwa tal-fehma li, biex tiġi żgurata gwida effiċjenti tal-proċess kollu kemm hu u għall-korpi kollha kkonċernati, il-governanza tal-proċess tal-Konferenza għandha tkun żgurata minn Kumitat ta' Tmexxija u minn Bord ta' Koordinament Eżekuttiv;
22. Jipproponi li l-Kumitat ta' Tmexxija jkun magħmul minn:
—
rappreżentanti tal-Parlament (b'rappreżentanza tal-gruppi politiċi kollha, kif ukoll b’rappreżentant tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u rappreżentant tal-Bureau tal-Parlament Ewropew),
—
rappreżentanti tal-Kunsill (il-Presidenzi tal-UE),
—
rappreżentanti tal-Kummissjoni (it-tliet Kummissarji responsabbli);
jitlob li l-Kumitat ta' Tmexxija jkun kompost b'tali mod li jiżgura bilanċ politiku u istituzzjonali u li l-komponenti kollha tal-Kumitat ta' Tmexxija jkollhom l-istess piż;
23. Huwa tal-fehma li l-Kumitat ta' Tmexxija għandu jkun responsabbli għat-tħejjija tal-laqgħat tal-Plenarja tal-Konferenza (tfassil ta' aġendi, rapporti u konklużjonijiet tal-plenarja) kif ukoll tal-Agoras taċ-Ċittadini għas-sorveljanza tal-attivitajiet u tal-organizzazzjoni tal-proċess tal-Konferenza;
24. Jipproponi wkoll li l-Bord ta' Koordinament Eżekuttiv ikun magħmul mit-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE taħt it-tmexxija tal-Parlament; jinsisti li membri tal-Bord ta' Koordinament Eżekuttiv ikunu parti mill-Kumitat ta' Tmexxija; jirrakkomanda li l-Bord ikun responsabbli għat-tmexxija ta' kuljum tal-proċess tal-Konferenza, b'mod partikolari tal-organizzazzjoni prattika tal-Konferenza, tal-gruppi ta' ħidma, tal-Agoras taċ-Ċittadini u ta' kwalunkwe inizjattiva oħra ddeterminata mill-Kumitat ta' Tmexxija;
25. Jipproponi li l-proċess tal-Konferenza jkun assistit minn segretarjat, li l-membri tiegħu għandhom jittieħdu mit-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE;
Il-komunikazzjoni u memorandum politiku tal-proċess tal-Konferenza
26. Huwa tal-fehma li l-komunikazzjoni maċ-ċittadini u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tal-Konferenza, kif ukoll fil-ħidma u fl-eżitu tal-Konferenza, huma ta' importanza kbira; jenfasizza li l-għodod ta' komunikazzjoni eżistenti u ġodda kollha għall-parteċipazzjoni diġitali u fiżika għandhom jiġu kkoordinati bejn it-tliet istituzzjonijiet, qabelxejn permezz tar-riżorsi eżistenti tal-Parlament u l-Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew (EPLOs), biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jżommu ruħhom aġġornati dwar il-proċess sħiħ tal-konferenza, u jkunu jistgħu jsegwu l-proċedimenti ladarba s-sessjonijiet plenarji u l-Agoras taċ-Ċittadini u taż-Żgħażagħ ikunu bdew;
27. Huwa tal-fehma li l-laqgħat kollha tal-Konferenza (inklużi l-laqgħat plenarji u l-Agoras taċ-Ċittadini u taż-żgħażagħ) għandhom jixxandru dirett fuq l-internet u jkunu miftuħa għall-pubbliku; jinsisti li d-dokumenti kollha li jappartjenu għall-Konferenza jiġu ppubblikati, inklużi l-kontributi mill-partijiet ikkonċernati, u li l-proċedimenti kollha jsiru bil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni;
28. Huwa tal-fehma li l-proċess tal-Konferenza, flimkien mal-kunċett, l-istruttura, iż-żminijiet u l-ambitu tagħha, għandhom jiġu miftiehma f'memorandum ta' qbil, b'mod konġunt mill-Parlament, mill-Kummissjoni u mill-Kunsill;
Riżultati
29. Jitlob li l-Konferenza tipproduċi rakkomandazzjonijiet konkreti li mbagħad iridu jiġu indirizzati mill-istituzzjonijiet u jissarrfu f'azzjonijiet sabiex jissodisfaw l-istennijiet taċ-ċittadini u tal-partijiet interessati wara proċess u dibattitu ta' sentejn;
30. Jitlob impenn ġenerali mill-parteċipanti kollha fil-Konferenza biex jiżguraw li r-riżultati tagħha jkollhom segwitu xieraq, kull wieħed minnhom skont ir-rwoli u l-kompetenzi rispettivi tagħhom;
31. Jimpenja ruħu favur segwitu ġenwin tal-Konferenza mingħajr dewmien, bi proposti leġiżlattivi, bil-ftuħ ta' bidliet fit-trattati jew b'kull mod ieħor; jitlob li ż-żewġ istituzzjonijiet l-oħra jieħdu l-istess impenn;
o o o
32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kummissjoni, lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-presidenza tal-Kunsill fil-kariga.