Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2502(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0054/2020

Dibattiti :

PV 16/01/2020 - 4.1
CRE 16/01/2020 - 4.1

Votazzjonijiet :

PV 16/01/2020 - 6.1

Testi adottati :

P9_TA(2020)0011

Testi adottati
PDF 149kWORD 52k
Il-Ħamis, 16 ta' Jannar 2020 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-Burundi, b'mod partikolari l-libertà ta' espressjoni
P9_TA(2020)0011RC-B9-0054/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2020 dwar il-Burundi, b'mod partikolari l-libertà ta' espressjoni (2020/2502(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi, b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Lulju 2015(1), tas-17 ta' Diċembru 2015(2), tad-19 ta' Jannar 2017(3), tas-6 ta' Lulju 2017(4) u tal-5 ta' Lulju 2018(5),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ottubru 2019 dwar il-finanzjament tal-programm ta' azzjoni annwali tal-2019 għar-Repubblika tal-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-29 ta' Novembru 2019 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-UE dwar l-allinjament ta' ċerti pajjiżi terzi fir-rigward tal-miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-23 ta' Frar 2017, 25 ta’ Jannar 2018 u tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-Burundi, ippubblikat f'Settembru 2019,

–  wara li kkunsidra l-ittra tad-9 ta' Diċembru 2019, iffirmata minn 39 Membru tal-Parlament Ewropew, li tappella għall-ħelsien tal-ġurnalisti tal-midja tal-aħbarijiet Burundjana "Iwacu",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Diċembru 2019 tal-VP/RGħ f'isem l-UE dwar Jum id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2248 tat-12 ta' Novembru 2015 u 2303 tad-29 ta' Lulju 2016 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta dwar il-Burundi ppreżentat lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-15 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-13 ta' Marzu 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Investigazzjoni Indipendenti tan-NU dwar il-Burundi (UNIIB), ippubblikat fl-20 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi (il-Ftehim ta' Arusha) tat-28 ta' Awwissu 2000,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Burundi adottata fis-Summit tal-Unjoni Afrikana fit-13 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 36/19 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tad-29 ta' Settembru 2017 dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Kummissjoni ta' Inkjesta dwar il-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1755 tal-1 ta' Ottubru 2015(6) u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2015/1763 tal-1 ta' Ottubru 2015(7), (CFSP) 2016/1745 tad-29 ta' Settembru 2016(8) u (PESK) 2019/1788 tal-24 ta' Ottubru 2019(9) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Mejju 2018 tal-VP/RGħ, f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi qabel ir-referendum kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehim ta' Cotonou),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli li ġiet adottata fis-27 ta' Ġunju 1981 u daħlet fis-seħħ fil-21 ta' Ottubru 1986, u ġiet ratifikata mill-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/394 tal-14 ta' Marzu 2016 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta' konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra(10),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra t-taqsima tar-rapport Dinji tal-2019 tal-Human Rights Watch dwar il-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2019 tar-Reporters mingħajr fruntieri,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 fil-Burundi ħolqu inkwiet ċiviku, ġew ikkatterizzati, skont il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Burundi, b'deterjorament sever tal-kundizzjonijiet essenzjali għall-eżerċizzju effettiv tad-dritt tal-vot, u ġew ibbojkottjati mill-oppożizzjoni;

B.  billi l-istazzjonijiet tar-radju indipendenti jibqgħu magħluqa, għexieren ta' ġurnalisti għadhom ma jistgħux jirritornaw mill-eżilju awtoimpost, u dawk li baqgħu jsibuha diffiċli biex jaħdmu b'mod liberu, spiss minħabba l-fastidju min-naħa tal-forzi tas-sigurtà, li huwa mħeġġeġ mid-dibattiti uffiċjali li jassoċjaw lill-midja mhux allinjata mal-għedewwa tan-nazzjon;

C.  billi s-sitwazzjoni fil-Burundi għadha inkwetanti, b'ħafna rapporti dwar ksur ta' libertajiet ċiviċi u politiċi fundamentali, filwaqt li ż-żieda fil-prezzijiet qed ikollha impatt negattiv fuq id-drittijiet ekonomiċi u soċjokulturali, bħad-dritt għal livell ta' għajxien adegwat, id-dritt għall-edukazzjoni, id-drittijiet għal ikel adegwat u l-ħelsien mill-ġuħ, id-drittijiet tan-nisa, id-dritt għax-xogħol u d-drittijiet sindikali;

D.  billi l-istaġnar fil-progress biex tinstab soluzzjoni politika permezz tad-Djalogu Intern għall-Burundi jhedded serjament l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet skedati għal Mejju 2020; billi dawn l-elezzjonijiet jistgħu jikkonsolidaw aktar id-deġenerazzjoni tal-Burundi f'awtoritarjaniżmu fin-nuqqas ta' djalogu politiku sinifikanti; billi għad hemm inċertezza dwar il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha fil-proċess, fost spazju politiku li qed jiċkien u l-ħtieġa li jinħoloq ambjent li jwassal għal elezzjonijiet paċifiċi, trasparenti u kredibbli;

E.  billi l-Kummissjoni ta' Inkjesta dwar il-Burundi (COIB) inkarigata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, fir-rapport tagħha tal-4 ta' Settembru 2019, issottolinjat li ftit xhur qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari tal-2020, kien hemm klima ta' biża' u intimidazzjoni għal dawk li kienu kontra l-partit CNDD-FDD li jinsab fil-gvern, u filwaqt li t-tensjonijiet komplew jiżdiedu hekk kif kienu qed jersqu l-elezzjonijiet ta' Mejju 2019, l-awtoritajiet lokali u l-membri tas-sezzjoni notorja taż-żgħażagħ, l-Imbonerakure, komplew iwettqu vjolenza b'motivazzjoni politika u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem; billi minkejja t-talbiet ripetuti tas-COIB, il-Gvern tal-Burundi rrifjuta li jikkoopera magħha;

F.  billi l-Uffiċċju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Burundi, li ħadem mal-Gvern tal-Burundi dwar il-bini tal-paċi, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà u r-riforma tas-settur tal-ġustizzja u għen biex tinbena l-kapaċità istituzzjonali u tas-soċjetà ċivili dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, ingħalaq f'Marzu 2019 fuq l-insistenza tal-Gvern tal-Burundi, li kien diġà ssospenda kull forma ta' kooperazzjoni mal-Uffiċċju f'Ottubru 2016;

G.  billi l-Bank Dinji stima li t-tkabbir ekonomiku tal-Burundi kien ta' 1,8 % fl-2019, meta mqabbel ma' 1,7 % fl-2018; billi l-baġit ġenerali tal-Istat għall-2019–2020 juri defiċit ta' FBu 189,3 biljun (14.26 %), meta mqabbel mad-defiċit ta' FBu 163,5 biljun għall-istess perjodu fl-2018–2019; billi skont l-UNHCR, mit-30 ta' Settembru 2019, 369 517 refuġjat Burundjan kienu f'pajjiżi ġirien; billi total ta' 78 000 refuġjat reġgħu marru lura b'mod volontarju fil-Burundi minn Settembru 2017; billi 130 562 Burundjan ġew spostati internament mill-28 ta' Frar 2019;

H.  billi Reporters mingħajr fruntieri jikklassifikaw il-Burundi fil-159 post minn 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tagħhom tal-2019; billi l-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-kelma huma vitali biex jiġu żgurati elezzjonijiet ħielsa u infurmati; billi l-ġurnaliżmu ħieles, indipendenti u mhux parzjali jirrappreżenta estensjoni tad-dritt fundamentali tal-bniedem għal-libertà ta' espressjoni; billi l-midja tradizzjonali kkontrollata mill-Istat bħar-radju u l-gazzetti tibqa' sors dominanti ta' informazzjoni; billi t-tisħiħ tal-litteriżmu fil-midja u l-aċċess għall-internet u l-midja soċjali huma meħtieġa biex jippermettu aċċess għal informazzjoni u jsaħħu l-istabbiltà u d-djalogu soċjali u politiċi, u għalhekk jiżguraw elezzjonijiet ħielsa, infurmati u ġusti;

I.  billi l-Burundi huwa wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja, u 74,7 % tal-popolazzjoni tiegħu tgħix fil-faqar, u huwa kklassifikat fil-185 post mill-189 fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem; billi aktar minn 50 % tal-popolazzjoni Burundjana tbati minn nuqqas ta' sigurtà kronika tal-ikel, kważi nofs il-popolazzjoni hija taħt l-età ta' 15-il sena u, fl-2019 biss, aktar minn tmien miljun ruħ ħadu l-malarja, li 3 000 minnhom mietu bil-marda; billi l-faqar, is-servizzi soċjali fqar, il-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ u n-nuqqas ta' opportunitajiet qed ikomplu joħolqu l-vjolenza fil-pajjiż;

J.  billi fis-27 ta' Settembru 2018, il-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Burundi ħabbar sospensjoni ta' tliet xhur mill-organizzazzjonijiet internazzjonali mhux governattivi (NGOs), u b'hekk xekkel serjament il-ħidma ta' madwar 130 NGO internazzjonali, li xi wħud minnhom kienu qed jipprovdu assistenza li ssalva l-ħajjiet;

K.  billi fit-18 ta' Lulju 2019, il-Gvern adotta żewġ digrieti li ħolqu kumitat interministerjali ta' monitoraġġ u evalwazzjoni dwar l-NGOs internazzjonali li joperaw fil-Burundi;

L.  billi l-Gvern irrifjuta li jirrikonoxxi kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem sa mill-għeluq tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHCHR) fil-Burundi fit-28 ta' Frar 2019 u ma wera l-ebda impenn li jżomm kwalunkwe forma ta' kooperazzjoni mal-Uffiċċju; billi s-COIB bħalissa huwa l-uniku mekkaniżmu internazzjonali indipendenti li qed jinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi mwettqa fil-Burundi;

M.  billi l-awtoritajiet Burundjani komplew jirrifjutaw ix-xogħol tas-COIB b'mod sħiħ u sistematiku, u rrifjutaw li jagħtuha aċċess għall-pajjiż, hekk kif ikkunsidrawha politikament preġudikata, iżda ma offrew l-ebda evidenza biex jissostanzjaw l-akkużi tagħhom;

N.  billi f'Ottubru 2017, il-Burundi rtira mill-Istatut ta' Ruma li stabbilixxa l-Qorti Kriminali Internazzjonali; billi minkejja l-appelli mill-komunità internazzjonali biex titnieda proċedura biex jerġa' jaċċedi għall-Istatut ta' Ruma, ma ttieħdet l-ebda azzjoni min-naħa tal-Gvern tal-Burundi;

O.  billi t-Tanzanija u l-Burundi ffirmaw ftehim fl-2019 għar-ritorn tal-180 000 refuġjat Burundjan fit-Tanzanija lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom, kemm jekk b'mod volontarju kif ukoll jekk le, sal-31 ta' Diċembru 2019; billi f'Awwissu 2019, il-UNHCR irrapporta li l-kundizzjonijiet fil-Burundi ma kinux se jwasslu għall-promozzjoni tar-ritorni peress li r-rimpatrijati kienu fost il-miri ewlenin tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

P.  billi fit-30 ta' Diċembru 2019, il-prosekutur pubbliku tal-Burundi talab għal sentenza ta' 15-il sena għal erba' ġurnalisti minn Iwacu Press Group, Christine Kamikazi, Agnès Ndirubusa, Térence Mpozenzi, Egide Harerimana, u s-sewwieq tagħhom Adolphe Masabarakiza, li ġew arrestati fit-22 ta' Ottubru 2019 fid-Distrett ta' Musigati, il-Provinċja ta' Bubanza, hekk kif kienu qed jirrapportaw dwar il-kunflitti bejn ir-ribelli u l-forzi tal-gvern fil-majjistral tal-Burundi, u ġew akkużati b'kompliċità f'attakk kontra s-sigurtà interna tal-istat;

Q.  billi l-ġurnalist Jean Bigirimana tal-grupp Iwacu ilu nieqes mill-22 ta' Lulju 2016 u, skont rapporti, l-aħħar li deher kien fil-kustodja ta' membri tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence (SNR) f'Muramvya, 45 km lejn il-Lvant tal-Kapitali Bujumbura; billi l-awtoritajiet Burundjani qatt ma qalu xejn dwar l-għajbien tiegħu;

R.  billi fit-13 ta' Ottubru 2015, il-ġurnalist Christophe Nkezabahizi, martu u ż-żewġt uliedu nqatlu f'darhom f'Bujumbura; billi l-awtoritajiet ma għamlu l-ebda sforz reali biex jinvestigaw dan ir-reat vjolenti u jressqu lill-awturi tar-reat quddiem il-ġustizzja;

S.  billi l-Artikolu 31 tal-Kostituzzjoni tal-Burundi jiggarantixxi l-libertà ta' espressjoni, inkluża l-libertà tal-istampa; billi l-Burundi huwa wkoll parti għall-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li tiggarantixxi d-dritt ta' kull Burundjan li jirċievi u jxerred l-informazzjoni; billi l-Gvern Burundjan huwa responsabbli għall-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni kif minquxa fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li tiegħu l-Burundi huwa Stat Parti;

T.  billi f'dawn l-aħħar snin l-ispazju għas-soċjetà ċivili u l-midja sar ħafna aktar limitat, u ħafna attivisti tas-soċjetà ċivili u ġurnalisti indipendenti għadhom fl-eżilju; billi ħafna minn dawk li baqgħu fil-Burundi qed jiffaċċjaw intimidazzjoni, detenzjoni jew proċessi abbażi ta' akkużi infondati;

U.  billi l-Gvern u l-membri tat-taqsima taż-żgħażagħ tal-partit fil-gvern, l-Imbonerakure, orkestraw kampanja nazzjonali biex jinġabru kontribuzzjonijiet "volontarji" mill-popolazzjoni, biex jiffinanzjaw l-elezzjonijiet tal-2020; billi r-rapport tal-Human Rights Watch tas-6 ta' Diċembru 2019 sab li, għal dak il-għan, membri tal-Imbonerakure u uffiċjali tal-gvern lokali spiss għamlu użu minn vjolenza u intimidazzjoni, minn restrizzjoni ta' moviment u ta' aċċess għas-servizzi pubbliċi, u sawtu lil dawk li naqsu milli jobdu;

V.  billi l-attivist tad-drittijiet tal-bniedem, Germain Rukuki, membru tal-Azzjoni mill-Insara għall-Abolizzjoni tat-Tortura (ACAT), ġie kkundannat għal 32 sena ħabs f'April 2019 fuq akkużi ta' ribelljoni u theddid għas-sigurtà tal-istat, parteċipazzjoni f'moviment ta' insurrezzjoni u attakki fuq il-Kap tal-Istat; billi f'Awwissu 2018, l-attivist, Nestor Nibitanga, osservatur għall-Assoċjazzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Persuni Detenuti (APRODH), ġie kkundannat għal ħames snin talli hedded is-sigurtà tal-istat;

W.  billi l-BBC u l-Voice of America (VOA) ġew esklużi mix-xandir fil-Burundi minn Mejju 2019 meta l-liċenzji tagħhom ġew sospiżi, oriġinarjament għal sitt xhur, kif ġie rrappurtat dak iż-żmien mill-Kumitat għall-Ħarsien tal-Ġurnalisti; billi fid-29 ta' Marzu 2019, ir-regolatur tal-midja tal-Burundi, il-Kunsill Nazzjonali tal-Komunikazzjoni (CNC), ħabbar li kien irtira l-liċenzja operattiva tal-BBC u kien ġedded is-sospensjoni tiegħu tal-VOA; billi is-CNC ipprojbixxa wkoll lil kwalunkwe ġurnalist fil-Burundi milli "jforni informazzjoni diretta jew indiretta li tista' tiġi mxandra" mill-BBC jew mill-VOA;

X.  billi fl-24 ta' Ottubru 2019, il-Kunsill ġedded il-miżuri restrittivi tal-UE fis-seħħ kontra l-Burundi sal-24 ta' Ottubru 2020;

Y.  billi dawn il-miżuri jikkonsistu fi projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi kontra erba' persuni li l-attivitajiet tagħhom tqiesu li qed idgħajfu d-demokrazija jew ifixklu l-ħidma għal soluzzjoni politika għall-kriżi fil-Burundi;

Z.  billi l-isforzi tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) biex tinstab soluzzjoni medjata għall-kriżi politika li nħolqot mid-deċiżjoni tal-President fl-2015 li jikkontesta għat-tielet mandat komplew jistaġnaw; billi l-President, Pierre Nkurunziza, tenna f'diversi okkażjonijiet li huwa ma kienx se jikkontesta għal mandat ieħor fil-kariga, iżda l-partit fil-gvern għad irid jinnomina l-kandidat tiegħu għall-elezzjoni presidenzjali li jmiss;

1.  Jikkundanna bil-qawwa r-restrizzjonijiet kurrenti fuq il-libertà ta' espressjoni fil-Burundi, inklużi l-limitazzjonijiet usa' għal-libertajiet pubbliċi, kif ukoll il-ksur fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem, l-intimidazzjoni u l-arresti arbitrarji ta' ġurnalisti u l-projbizzjonijiet tax-xandir li saħħew il-klima ta' biża' għall-midja tal-Burundi, żiedu r-restrizzjonijiet fuq ir-rappurtar u pprevjenew il-kopertura xierqa, b'mod partikolari fil-perjodu ta' qabel l-elezzjonijiet tal-2020;

2.  Jibqa' mħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi, li timmina kwalunkwe inizjattiva għar-rikonċiljazzjoni, il-paċi u l-ġustizzja, b'mod partikolari, il-persistenza ta' arresti arbitrarji u ta' eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji;

3.  Jikkundanna bil-qawwa d-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, b'mod partikolari għall-partitarji reali u suspettati tal-oppożizzjoni, inkluż għall-Burundjani li jirritornaw minn barra l-pajjiż; ifakkar li l-Burundi huwa marbut bil-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-Ftehim ta' Cotonou; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Burundjani sabiex minnufih ireġġgħu lura din ix-xejra abbużiva u jiddefendu l-obbligi tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk minquxa fil-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, fl-ICCPR u f'mekkaniżmi internazzjonali oħra li l-Gvern irratifika;

4.  Ifakkar lill-Gvern tal-Burundi li l-kundizzjonijiet għaż-żamma ta' elezzjonijiet inklużivi, kredibbli, paċifiċi u trasparenti jimplikaw id-dritt għal-libertà ta' espressjoni, l-aċċess għall-informazzjoni, il-libertà tal-istampa, il-libertà tal-midja u l-eżistenza ta' żona ħielsa li fiha d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu jistgħu jitkellmu mingħajr intimidazzjoni jew biża' ta' ritaljazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Burundjani, għalhekk, ineħħu l-miżuri li jillimitaw jew jostakolaw ix-xogħol tas-soċjetà ċivili u li jillimitaw l-aċċess għal u l-libertà tal-midja indipendenti tradizzjonali u moderna;

5.  Jappella lill-awtoritajiet Burundjani jirtiraw l-akkużi kontra u jeħilsu immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet il-ġurnalisti tal-grupp Iwacu li ġew arrestati dan l-aħħar u lill-ġurnalisti l-oħrajn kollha arrestati talli eżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom;

6.  Jenfasizza r-rwol kruċjali mwettaq mis-soċjetà ċivili u l-ġurnalisti f'soċjetà demokratika, partikolarment fil-kuntest tal-elezzjonijiet li qed joqorbu, u jappella lill-awtoritajiet Burundjani jwaqqfu l-intimidazzjoni, il-fastidju u l-arrest arbitrarju ta' ġurnalisti, ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u ta' membri tal-oppożizzjoni; jitlob ukoll lill-awtoritajiet jippermettu lill-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti jwettqu d-dmirijiet leġittimi tagħhom li jinvestigaw u jirrapportaw l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mingħajr xkiel;

7.  Jinnota bi tħassib kbir l-għadd dejjem jikber ta' persuni spostati internament mill-Burundi u mill-pajjiżi ġirien; jistieden lill-UE żżid il-finanzjament u l-isforzi umanitarji oħra għal dawk il-Burundjani li sfaw spostati internament jew li huma refuġjati;

8.  Jappella lill-awtoritajiet Burundjani jtemmu l-estorsjoni taċ-ċittadini u jiżguraw li l-ebda individwu ma jinżamm milli jaċċessa beni u servizzi pubbliċi, bħall-kura tas-saħħa, l-ikel, l-ilma u l-edukazzjoni, u jħallu l-atturi umanitarji joperaw b'mod indipendenti u joffru assistenza abbażi tad-dmir li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet l-aktar urġenti;

9.  Jissottolinja li jinħtieġ li jseħħ titjib konsiderevoli fis-sitwazzjoni politika u tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tal-libertajiet fundamentali bħal-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-istampa, u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, kif ukoll progress dwar ir-rikonċiljazzjoni, biex jiġu organizzati elezzjonijiet kredibbli; jappella lill-Gvern tal-Burundi jiżgura li l-ksur ta' dawn id-drittijiet jiġi investigat b'mod imparzjali u li l-awturi tar-reati jitressqu l-qorti fi proċessi li jissodisfaw l-istandards internazzjonali;

10.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet iwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa u trasparenti biex iressqu quddiem il-ġustizzja fi proċessi ġusti u kredibbli l-awturi kollha allegati ta' qtil, għajbien, swat, arresti arbitrarji, theddid, fastidju, jew tipi ta' abbużi oħrajn; jesprimi tħassib kbir dwar l-impunità kontinwa tal-awturi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-Imbonerakure; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Burundjani jniedu investigazzjoni indipendenti dwar l-għajbien tal-ġurnalisti Jean Bireimirana, li ilu nieqes mit-22 ta' Lulju 2016, u Christophe Nkezabahzi, li nqatel flimkien ma' martu u ż-żewġt uliedu fit-13 ta' Ottubru 2015;

11.  Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tar-reġjun, b'mod partikolari l-EAC u l-Unjoni Afrikana (UA), biex tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi politika fil-Burundi, u jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ aktar attiv u għal sforzi akbar biex tintemm il-kriżi u tiġi protetta l-popolazzjoni Burundjana, sabiex tiġi evitata eskalazzjoni ulterjuri reġjonali; jistieden lill-UA tiskjera b'urġenza l-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem tagħha fil-Burundi u tiżgura li dawn ikollhom aċċess bla xkiel madwar il-pajjiż sabiex iwettqu l-mandat tagħhom;

12.  Jesprimi dispjaċir dwar l-impass fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Arusha u jħeġġeġ lill-garanti tal-ftehim biex jirsistu għar-rikonċiljazzjoni; jesprimi l-impenn tiegħu għad-Djalogu Intern għall-Burundi; jistieden lill-VP/RGħ jappoġġja l-EAC biex jiġi ffaċilitat id-Djalogu Intern għall-Burundi; iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha fid-Djalogu Intern għall-Burundi jikkollaboraw b'mod kostruttiv u jippermettu l-parteċipazzjoni mingħajr ostakoli tal-oppożizzjoni, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

13.  Iħeġġeġ lill-Burundi jerġa' lura għall-aġenda tal-laqgħat komunitarji reġjonali u internazzjonali biex jilħaq ftehim dwar kompromess għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet eżistenti fil-livell tan-NU u tal-UA, b'mod partikolari: l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 2303; l-iffirmar tal-Memorandum ta' Qbil mal-Osservaturi tal-UA; l-issoktar tal-kooperazzjoni mal-OHCHR;

14.  Jiddispjaċih li l-Burundi kompla jirrifjuta li jikkoopera mal-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU u jagħti kunsens għall-issoktar tal-attivitajiet tal-uffiċċju lokali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;

15.  Jitlob lin-NU tkompli l-investigazzjonijiet imparzjali dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju, inklużi dawk imwettqa minn aġenti statali u mil-lega taż-żgħażagħ tal-Imbonerakure, u biex tressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli b'mod xieraq; jenfasizza li l-kriminali u l-qattiela għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja, irrispettivament mill-grupp li jappartjenu għalih, u li jrid jiġi pprovdut rimedju xieraq lill-vittmi u lis-superstiti ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi;

16.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jipprovdu appoġġ finanzjarju flessibbli u dirett lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-midja, inklużi l-organizzazzjonijiet tan-nisa, li għadhom jaħdmu fil-qasam, iżda wkoll lil dawk li jinsabu f'eżilju, b'mod partikolari dawk li jaħdmu għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet politiċi, ċivili, ekonomiċi, soċjali u tal-midja;

17.  Jistieden lill-UE u lid-diplomatiċi tal-Istati Membri tal-UE fil-Burundi jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-linji gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż b'mod partikolari billi jattendu għas-seduti tal-proċessi tal-ġurnalisti, priġunieri politiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha fil-Burundi, b'mod partikolari tal-ġurnalisti tal-grupp Iwacu, u billi jżuru lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-attivisti u lill-ġurnalisti li jinsabu l-ħabs;

18.  Jitlob li jiġu estiżi s-sanzjonijiet immirati tal-UE u jħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jimponi s-sanzjonijiet immirati proprji, inklużi l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi, kontra individwi responsabbli għal ksur serju kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi; jitlob lill-VP/RGħ iħejji b'urġenza, lista estiża ta' ismijiet ta' dawk responsabbli għall-ippjanar, l-organizzazzjoni u l-eżekuzzjoni ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan li dawn jiżdiedu mal-lista ta' dawk l-uffiċjali Burundjani li diġà jinsabu suġġetti għal sanzjoni tal-UE;

19.  Jiddispjaċih ħafna li ma ttieħdet l-ebda azzjoni mill-Burundi biex jaderixxi mill-ġdid mal-Istatut ta' Ruma; iħeġġeġ lill-Gvern Burundjan biex minnufih, jibda tali proċedura; jistieden lill-UE tappoġġja l-isforzi kollha tal-Qorti Kriminali Internazzjonali biex tinvestiga r-reati mwettqa fil-Burundi u tressaq lill-awturi tar-reati quddiem il-ġustizzja;

20.  Jiddispjaċih għas-sottofinanzjar kontinwu għall-kriżi tar-refuġjati Burundjani, li qed tħalli impatt serju fuq is-sikurezza u l-benesseri tar-refuġjati; jistieden lill-komunità internazzjonali u lill-aġenziji umanitarji jżidu l-assistenza tagħhom għal dawk kollha li attwalment huma refuġjati jew spostati mill-kunflitt; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, kif irrakkomandat mill-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU dwar il-Burundi, jagħtu status ta' refuġjat lill-applikanti għall-ażil mill-Burundi u biex isegwu mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Burundi fir-rigward tal-elezzjonijiet tal-2020;

21.  Jesprimi tħassib serju dwar rapporti ta' żieda fil-pressjoni fuq ir-refuġjati Burundjani biex jirritornaw lejn djarhom qabel l-elezzjonijiet tal-2020; jistieden lill-gvernijiet fir-reġjun jiżguraw li r-ritorn tar-refuġjati jkun volontarju, ibbażat fuq deċiżjonijiet infurmati u mwettaq b'mod sikur u dinjituż; ifakkar li l-UNHCR jikkunsidra l-fatt li l-kundizzjonijiet għal ritorni sikuri, dinjitużi u volontarji ma ġewx issodisfati;

22.  Jappella lill-Gvern tal-Burundi jħalli lill-avversarji politiċi li jinsabu fl-eżilju jirritornaw u jagħmlu kampanja ħielsa mingħajr intimidazzjoni, arrest jew vjolenza, u jippermetti lill-osservaturi esterni josservaw it-tħejjijiet għall-elezzjoni, kif ukoll il-proċeduri tal-votazzjoni u tal-għadd tal-voti;

23.  Itenni li djalogu politiku inklużiv, taħt medjazzjoni internazzjonali u f'konformità mal-Ftehim ta' Arusha u mal-Kostituzzjoni tal-Burundi, jibqa' l-uniku mod li bih tiġi żgurata paċi dejjiema fil-Burundi; jitlob, għalhekk, lill-EAC, bħala l-koordinatur ewlieni tad-Djalogu Intern għall-Burundi, biex tieħu l-miżuri xierqa biex timpenja lill-Gvern Burundjan b'mod sod u mingħajr dewmien fi djalogu inklużiv biex tinstab soluzzjoni paċifika u dejjiema għall-kriżi kurrenti;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President tar-Repubblika tal-Burundi, lill-Ispeaker tal-Parlament tal-Burundi, lill-Assemblea Parlamentari AKP-UE u lill-Unjoni Afrikana u lill-istituzzjonijiet tagħha.

(1) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 137.
(2) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 190.
(3) ĠU C 242, 10.7.2018, p. 10.
(4) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 146.
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0305.
(6) ĠU L 257, 2.10.2015, p. 1.
(7) ĠU L 257, 2.10.2015, p. 37.
(8) ĠU L 264, 30.9.2016, p. 29.
(9) ĠU L 272, 25.10.2019, p. 147.
(10) ĠU L 73, 18.3.2016, p. 90.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' April 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza