Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2020/2507(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B9-0048/2020

Dibattiti :

PV 14/01/2020 - 14
CRE 14/01/2020 - 14

Votazzjonijiet :

PV 16/01/2020 - 6.3
CRE 16/01/2020 - 6.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2020)0013

Testi adottati
PDF 131kWORD 45k
Il-Ħamis, 16 ta' Jannar 2020 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara l-elezzjoni illegali tal-Presidenza tal-Assemblea Nazzjonali u tal-Bureau ġodda (kolp ta' stat parlamentari)
P9_TA(2020)0013RC-B9-0048/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara l-elezzjoni illegali tal-President il-ġdid u tal-Uffiċċju l-ġdid tal-Assemblea Nazzjonali (kolp ta' stat parlamentari) (2020/2507(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dik tal-31 ta' Jannar 2019(1) li tirrikonoxxi lil Juan Guaidó bħala l-president interim tal-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar il-Venezwela tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), b'mod partikolari d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Jannar 2020 f'isem l-UE dwar l-aħħar żviluppi rigward l-Assemblea Nazzjonali u d-dikjarazzjoni tal-kelliem tiegħu, fil-5 ta' Jannar 2020, dwar l-avvenimenti fl-Assemblea Nazzjonali fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Jannar 2020 tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali dwar il-Venezwela;

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1893 tal-11 ta' Novembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela(2), li ġġedded sal-14 ta' Novembru 2020 il-miżuri restrittivi mmirati li hemm bħalissa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Jannar 2020 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u r-riżoluzzjoni tal-10 ta' Jannar 2020 adottata mill-Kunsill Permanenti tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani bit-titolu "Rigward l-avvenimenti reċenti fil-Venezwela",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Lima tal-5 ta' Jannar 2020,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Parlament Ewropew tennew li l-Assemblea Nazzjonali hija l-uniku korp leġittimu u elett demokratikament fil-Venezwela; billi skont l-Artikolu 194 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, l-Assemblea Nazzjonali għandha teleġġi fost il-membri tagħha President u uffiċċju eżekuttiv għal perjodu ta' sena;

B.  billi Juan Guaidó kien elett President tal-Assemblea Nazzjonali f'Jannar 2019 u wara ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-president interim tal-Venezwela, f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela; billi ġie rikonoxxut bħala l-president interim tal-Venezwela minn aktar minn 50 pajjiż, fosthom 25 Stat Membru tal-UE u l-UE nfisha;

C.  billi l-avvenimenti relatati mal-elezzjoni ppjanata tal-President tal-Assemblea Nazzjonali fil-Venezwela fil-5 ta' Jannar 2020 kienu kolp ta' stat parlamentari orkestrat min-naħa tar-reġim illegali ta' Nicolás Maduro, ikkaratterizzat minn irregolaritajiet gravi u atti kontra l-funzjonament demokratiku u kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali;

D.  billi l-President tal-Assemblea Nazzjonali, Juan Guaidó, inżamm b'mod brutali mill-forzi armati milli jippresiedi s-sessjoni, waqt li diversi membri parlamentari tal-oppożizzjoni ma tħallewx jidħlu fl-Assemblea Nazzjonali u l-aċċess għall-ġurnalisti ġie mblukkat ukoll;

E.  billi t-tentattiv ta' ħatra ta' Luis Parra bħala president ta' uffiċċju ġdid favur Maduro kien null u bla effett, peress li s-sessjoni qatt ma nfetħet formalment, ħadd ma ppresieda l-laqgħa, l-għadd tal-kworum ma sarx u ma ġietx verifikata votazzjoni formali b'sejħa tal-ismijiet, kif mitlub mill-Artikoli 7, 8 u 11 tar-regoli ta' proċedura tal-Assemblea Nazzjonali u mill-Artikolu 221 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela;

F.  billi sigħat wara, minħabba ċ-ċirkostanzi li ma ħallewx għażla oħra, maġġoranza enormi tal-membri parlamentari kellhom laqgħa straordinarja fil-kwartieri ġenerali tal-ġurnal El Nacional, bi qbil mal-Kostituzzjoni tal-Venezwela u mar-regoli ta' proċedura tal-Assemblea Nazzjonali, li jippermettu li s-sessjonijiet isiru barra mill-binjiet leġiżlattivi; billi 100 mill-167 membru parlamentari, għadd li jissodisfa r-rekwiżiti li jirregolaw il-kundizzjoni ta' kworum u votazzjoni b'sejħa tal-ismijiet tal-Artikolu 221 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, ivvutaw biex jeleġġu mill-ġdid lil Juan Guaidó u l-Uffiċċju tiegħu bħala l-mexxejja għas-sena finali tal-leġiżlatura 2015-2020;

G.  billi seduta formali tal-Assemblea Nazzjonali fis-7 ta' Jannar 2020 intemmet bil-ġurament tal-ħatra ta' Juan Guaidó bħala president, minkejja t-tentattivi mill-forzi leali lejn ir-reġim ta' Maduro biex jipprevjenu s-sessjoni milli ssir, fosthom billi ostakolaw l-intrata tal-bini u qatgħu l-elettriku fil-bini;

H.  billi l-Membri tal-Assemblea Nazzjonali jeħtieġ li jkunu jistgħu jeżerċitaw il-mandat parlamentari tagħhom kif fdat lilhom mill-poplu tal-Venezwela mingħajr ebda intimidazzjoni jew att ta' tpattija;

I.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali li saru fl-20 ta' Mejju 2018 saru b'mod li ma kienx konformi mal-istandards internazzjonali minimi għal proċess kredibbli; billi l-UE, flimkien ma' organizzazzjonijiet reġjonali u ma' pajjiżi demokratiċi oħra, ma rrikonoxxiet la l-elezzjonijiet u lanqas lill-awtoritajiet li ngħataw il-kariga permezz ta' dan il-proċess illeġittimu;

J.  billi l-azzjonijiet li għaddejjin bħalissa kontra l-Membri tal-Assemblea Nazzjonali, fosthom il-fastidju u l-intimidazzjoni ta' 59 Membru minn gruppi u korpi tas-sigurtà irregolari, 29 detenzjoni arbitrarja u 27 eżilju furzat, kif ukoll każijiet ta' tortura u ta' għajbien furzat, qed ixekklu l-ħidma kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali;

K.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija fil-Venezwela ilhom jiddeterjoraw b'mod sever għal ħafna snin, u b'mod partikolari wara li Nicolás Maduro ħa l-poter wara l-elezzjonijiet ikkontestati fl-2013; billi l-kriżi politika, ekonomika, istituzzjonali, soċjali u umanitarji multidimensjonali qed tiddeterjora b'mod sinifikanti;

1.  Jirrikonoxxi u jappoġġa lil Juan Guaidó bħala l-President leġittimu tal-Assemblea Nazzjonali u bħala l-president interim leġittimu tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, b'riżultat tal-votazzjoni trasparenti u demokratika tal-Assemblea Nazzjonali;

2.  Jikkundanna bil-qawwa t-tentattiv ta' kolp ta' stat parlamentari mir-reġim ta' Maduro u l-alleati tiegħu, u l-isforzi tagħhom biex jipprevjenu lill-Assemblea Nazzjonali, li hija l-uniku korp demokratiku leġittimu tal-Venezwela, milli taqdi kif jixraq il-mandat kostituzzjonali fdat lilha mill-poplu tal-Venezwela;

3.  Jiddeplora dan il-ksur gravi li huwa inkompatibbli mal-proċess elettorali leġittimu għall-President tal-Assemblea Nazzjonali u jikkostitwixxi pass ulterjuri biex il-kriżi tal-Venezwela tiddeterjora; jirrifjuta bil-qawwa l-ksur tal-funzjonament demokratiku, kostituzzjonali u trasparenti tal-Assemblea Nazzjonali, kif ukoll l-atti kontinwi ta' intimidazzjoni, tixħim, estorsjoni, vjolenza, tortura u għajbien furzat, u d-deċiżjonijiet arbitrarji kontra l-membri tagħha;

4.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Assemblea Nazzjonali, li hija l-uniku korp demokratiku elett b'mod leġittimu tal-Venezwela, u li s-setgħat tagħha jeħtieġ li jiġu rispettati, inklużi l-prerogattivi u s-sikurezza tal-membri tagħha; jinsisti li soluzzjoni paċifika u politika tista' tintlaħaq biss billi jiġu rispettati għalkollox il-prerogattivi kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali;

5.  Ifakkar li l-UE hija lesta tappoġġa proċess ġenwin li jwassal għal soluzzjoni paċifika u demokratika tal-kriżi abbażi tal-pjan direzzjonali adottat fl-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela; jisħaq fuq il-fatt li t-tentattivi preċedenti biex il-kriżi tiġi indirizzata permezz ta' proċess ta' negozjati u djalogu ma pproduċew ebda riżultat tanġibbli; jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ikompli jaħdem permezz ta' inizjattivi bħall-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali;

6.  Ifakkar li r-rispett lejn l-istituzzjonijiet u l-prinċipji demokratiċi u d-difiża tal-istat tad-dritt huma kundizzjonijiet essenzjali biex tinstab soluzzjoni paċifika u sostenibbli għall-kriżi fil-Venezwela, għall-ġid tal-poplu tagħha;

7.  Jistieden lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin jintensifika r-risposta tal-UE biex tinġieb lura d-demokrazija fil-Venezwela, anke permezz tal-estensjoni tas-sanzjonijiet immirati kontra individwi responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni, u biex dawn is-sanzjonijiet jiġu estiżi biex jinkludu l-membri tal-familji tagħhom; jappoġġa d-dikjarazzjoni tal-UE f'dan ir-rigward;

8.  Jitlob li dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jirrikonoxxu l-mandat leġittimu tal-President Guaidó, u jilqa' l-fatt li r-Rappreżentant Għoli jirrikonoxxih bħala l-unika awtorità demokratika rikonoxxuta mill-UE; jitlob għalhekk li r-rappreżentanti politiċi maħtura minn Juan Guaidó jiġu rikonoxxuti;

9.  Jitlob li tintbagħat missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fil-pajjiż sabiex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-president interim leġittimu tar-Repubblika u President tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

(1) Testi adottati, P8_TA(2019)0061.
(2) ĠU L 291, 12.11.2019, p. 42.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' April 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza