Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Jannar 2020 dwar il-proposta għall-ħatra ta' membru tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (N9-0005/2020[1] – C9-0009/2020 – 2020/0902(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Jannar 2020 għall-ħatra ta' Pedro Machado bħala Membru tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (C9-0009/2020),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 56(6) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja: il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku(3),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 131 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0009/2020),
A. billi l-Artikolu 56(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 jgħid li l-membri tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 43(1) ta' dak ir-Regolament għandhom jinħatru abbażi tal-mertu, il-ħiliet, l-għarfien dwar kwistjonijiet bankarji u finanzjarji u tal-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarja, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-banek;
B. billi l-Parlament jiddeplora l-fatt li l-kandidati kollha kienu rġiel, minkejja l-obbligi skont l-Artikolu 56(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 u d-diversi talbiet magħmula mill-Parlament biex ikun rispettat il-bilanċ bejn is-sessi meta tiġi ppreżentata lista ta' kandidati; billi l-Parlament jiddispjaċih li n-nisa għadhom sottorappreżentati fil-karigi eżekuttivi fil-qasam tas-servizzi bankarji u finanzjarji u jesiġi li jiġi rispettat il-bilanċ bejn is-sessi għan-nomina li jmiss; billi l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha nazzjonali u tal-UE għandhom jimplimentaw miżuri konkreti biex jiżguraw il-bilanċ bejn is-sessi;
C. billi, bi qbil mal-Artikolu 56(6) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, fit-13 ta' Novembru 2019 il-Kummissjoni adottat lista mqassra tal-kandidati magħżula għall-kariga ta' Membru tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni skont il-punt (b) tal-Artikolu 43(1) ta' dak ir-Regolament;
D. billi, bi qbil mal-Artikolu 56(6) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, il-Kummissjoni bagħtet il-lista mqassra lill-Parlament;
E. billi, fl-14 ta' Jannar 2020, il-Kummissjoni adottat proposta biex taħtar lil Pedro Machado bħala Membru tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni u Direttur għall-"Ippjanar u d-Deċiżjonijiet relatati ma' Riżoluzzjonijiet" fil-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, u bagħtet din il-proposta lill-Parlament;
F. billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament imbagħad ipproċeda bl-evalwazzjoni tal-kredenzjali tal-kandidat propost għall-funzjonijiet ta' Membru tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, b'mod partikolari fid-dawl tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 56(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014;
G. billi, fit-22 ta' Jannar 2020, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji kellu seduta ta' smigħ ma' Pedro Machado, li fiha hu għamel dikjarazzjoni preliminari u mbagħad wieġeb għal mistoqsijiet li saru mill-membri tal-kumitat;
1. Jagħti l-approvazzjoni għall-ħatra ta' Pedro Machado bħala Membru tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni għal perjodu ta' ħames snin;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.