Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Jannar 2020 dwar il-proposta għall-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Bankarja Ewropea (N9-0003/2020 – C9-0006/2020 – 2020/0901(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Bankarja Ewropea tal-14 ta' Jannar 2020 (C9-0006/2020),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 51(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2020 dwar l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja: il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku(3),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 131 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0008/2020),
A. billi d-Direttur Eżekuttiv attwali tal-Awtorità Bankarja Ewropea ħabbar ir-riżenja tiegħu mill-kariga b'effett mill-31 ta' Jannar 2020;
B. billi, fl-14 ta' Jannar 2020, il-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità Bankarja Ewropea, wara proċedura tal-għażla miftuħa, ippropona li jaħtar lil Gerry Cross bħala Direttur Eżekuttiv għal mandat ta' ħames snin, b'konformità mal-Artikolu 51(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010;
C. billi, fit-22 ta' Jannar 2020, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji kellu seduta ta' smigħ ma' Gerry Cross, li fiha hu għamel stqarrija preliminari u mbagħad wieġeb għal mistoqsijiet li saru mill-membri tal-Kumitat;
1. Jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ħatra ta' Gerry Cross bħala Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Bankarja Ewropea u jitlob li tiġi rtirata l-proposta kif ukoll li tiġi preżentata waħda ġdida lill-Parlament;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Awtorità Bankarja Ewropea kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.