Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli (2019/2983(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE(1),
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil rigward l-armonizzazzjoni tal-kapaċità tal-iċċarġjar għat-telefons mobbli tal-5 ta' Ġunju 2009,
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil dwar is-soluzzjoni futura ta' ċċarġjar komuni għall-ismartphones tal-20 ta' Marzu 2018,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-11 ta' Novembru 2018 dwar it-tħaddim tad-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju 2014/53/UE (COM(2018)0740),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-suq uniku kien, u għadu, il-bażi għas-suċċess ekonomiku tal-Ewropa, il-pedament tal-integrazzjoni Ewropea u mutur tat-tkabbir u l-impjiegi;
B. billi s-suq uniku mhux qed jisfrutta għal kollox il-potenzjal tiegħu, u billi l-kontinwazzjoni tal-frammentazzjoni tas-suq għaċ-ċarġers tat-telefons mobbli u ta' apparati elettroniċi ta' daqs żgħir u medju oħrajn tissarraf f'żieda fl-iskart elettroniku u fil-frustrazzjoni tal-konsumaturi;
C. billi l-konsumaturi għadu qed ikollhom jakkwistaw ċarġers differenti meta jixtru apparati ġodda mingħand bejjiegħa differenti, u huma obbligati jixtru ċarġer ġdid meta jixtru apparat ġdid mingħand l-istess bejjiegħ;
D. billi l-Membri tal-Parlament Ewropew ilhom għal aktar minn għaxar snin jitolbu li jkun hemm ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli, inklużi t-telefons mobbli, it-tablets, l-apparati għall-qari ta' kotba elettroniċi, il-kameras intelliġenti, it-tagħmir elettroniku li jintlibes u apparati elettroniċi oħra ta' daqs medju jew żgħir; billi l-Kummissjoni pposponiet ripetutament l-att delegat li jissupplementa d-Direttiva 2014/53/UE dwar it-tagħmir tar-radju;
E. billi l-implimentazzjoni tempestiva tal-leġiżlazzjoni adottata mill-UE permezz ta' passi leġiżlattivi konkreti hija essenzjali għall-kredibbiltà tal-Unjoni Ewropea f'għajnejn iċ-ċittadini tagħha u fix-xena internazzjonali;
F. billi l-ftehimiet volontarji bejn l-atturi industrijali, minkejja li naqqsu b'mod sinifikanti l-għadd ta' tipi ta' ċarġers disponibbli fis-suq, ma rnexxilhomx jiksbu soluzzjoni ta' ċċarġjar komuni, u l-konsumaturi għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' tipi differenti ta' ċarġers fis-suq;
G. billi kull sena jiġu ġġenerati madwar 50 miljun tunnellata metrika ta' skart elettroniku fid-dinja, b'medja ta' aktar minn 6 kg għal kull persuna; billi l-ġenerazzjoni totali ta' skart elettroniku fl-Ewropa fl-2016 kienet tammonta għal 12,3 miljun tunnellata metrika, li huma ekwivalenti għal medja ta' 16,6 kg għal kull abitant(2); billi dan jirrappreżenta impronta bla bżonn fuq l-ambjent li tista' titnaqqas;
H. billi, fi ħdan il-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Parlament talab pjan ta' azzjoni ġdid u ambizzjuż għall-ekonomija ċirkolari bl-għan li titnaqqas l-impronta totali tal-produzzjoni u l-konsum tal-UE fuq l-ambjent u r-riżorsi, fejn l-effiċjenza fir-riżorsi, it-tniġġis żero u l-prevenzjoni tal-iskart ikunu prijoritajiet ewlenin;
I. billi x-xejriet tal-konsumaturi f'dawn l-aħħar 10 snin juru żieda fis-sjieda ta' aktar minn apparat wieħed u ċikli tal-ħajja qosra għal xi tagħmir tar-radju, eż. l-ismartphones; billi ħafna drabi t-tagħmir iktar qadim jiġi sostitwit għax jitqies skadut; billi, barra minn hekk, dawn ix-xejriet jwasslu għall-produzzjoni ta' skart elettroniku addizzjonali, inklużi ċarġers;
J. billi l-konsumaturi stess jużaw u ħafna drabi jġorru magħhom ħafna ċarġers differenti għal apparati simili li jaħdmu bil-batteriji; billi l-provvista żejda attwali ta' ċarġers tikkawża inkonvenjenza u spejjeż eċċessivi għall-konsumaturi u impronta bla bżonn fuq l-ambjent;
K. billi n-nies illum jiddependu fuq l-apparati mobbli tagħhom f'bosta sitwazzjonijiet ta' kuljum, speċjalment fil-każ ta' emerġenza jew meta jkunu qed jivvjaġġaw, u dan huwa dovut ukoll għan-nuqqas ta' telefons pubbliċi; billi n-nies jiddependu fuq telefon mobbli li jiċċarġja faċilment biex jiksbu aċċess rapidu għal servizzi essenzjali u għodda vitali bħalma huma l-mezzi ta' pagament, il-magni tat-tiftix, l-apparati ta' navigazzjoni, eċċ.; billi l-apparati mobbli huma għodda essenzjali għal parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà;
1. Jenfasizza bil-qawwa li hemm bżonn urġenti ta' azzjoni regolatorja tal-UE biex jitnaqqas l-iskart elettroniku, tingħata s-setgħa lill-konsumaturi ħalli jagħmlu għażliet sostenibbli, u jitħallew jipparteċipaw bis-sħiħ f'suq intern effiċjenti u li jiffunzjona tajjeb;
2. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta u tippubblika, mingħajr aktar dewmien, ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt rigward l-introduzzjoni ta' ċarġer komuni għat-telefons mobbli u għal apparati kompatibbli oħrajn bil-ħsieb li jiġu proposti dispożizzjonijiet obbligatorji;
3. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi adottat standard għal ċarġer komuni għat-tagħmir tar-radju mobbli, li għandu jiġi adottat b'urġenza sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni ulterjuri tas-suq intern;
4. Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tintroduċi ċarġer komuni mingħajr ebda dewmien ulterjuri billi tadotta l-att delegat li jissupplementa d-Direttiva 2014/53/UE dwar it-tagħmir tar-radju li jiddefinixxi standard għal ċarġer komuni għat-telefons mobbli u tagħmir tar-radju ieħor ta' daqs żgħir u medju sa Lulju 2020, jew, jekk ikun meħtieġ, billi taddotta miżura leġiżlattiva sa mhux aktar tard minn Lulju 2020;
5. Jirrimarka li l-Kummissjoni għandha tiżgura, mingħajr ma xxekkel l-innovazzjoni, li l-qafas leġiżlattiv għal ċarġer komuni jiġi skrutinizzat regolarment sabiex jitqies il-progress tekniku; itenni l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni f'dan il-qasam biex jittejbu t-teknoloġiji eżistenti u jfeġġu oħrajn ġodda;
6. Jirrimarka li l-użu tat-teknoloġija tal-iċċarġjar bla fili jinvolvi benefiċċji addizzjonali bħal pereżempju l-mitigazzjoni tal-iskart elettroniku; jenfasizza li ħafna telefons mobbli diġà jużaw metodi ta' ċċarġjar bla fili, u li l-frammentazzjoni f'dan il-qasam għandha tiġi evitata; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tiżgura bl-aħjar mod l-interoperabbiltà ta' ċarġers bla fili differenti ma' tagħmir tar-radju mobbli differenti;
7. Ifakkar li f'konformità mar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni(3), l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jridu jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti, li jinkludu, f'dan il-kuntest, l-organizzazzjonijiet tal-SMEs, l-organizzazzjonijiet ambjentali, il-persuni b'diżabbiltà, l-anzjani u l-konsumaturi;
8. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra inizjattivi leġiżlattivi biex tkabbar il-volum ta' fili u ċarġers li jinġabru u jiġu riċiklati fl-Istati Membri;
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-konsumaturi ma jibqgħux obbligati jixtru ċarġers ġodda ma' kull apparat ġdid, biex b'hekk jitnaqqas il-volum ta' ċarġers prodotti kull sena; iqis li l-istrateġiji ta' diżakkoppjament jippermettu benefiċċji ambjentali akbar; jenfasizza sadanittant li kwalunkwe miżura mmirata lejn id-diżakkoppjament għandha tevita prezzijiet potenzjalment ogħla għall-konsumaturi; jenfasizza, barra minn hekk, li l-istrateġiji ta' diżakkoppjament għandhom jiġu introdotti flimkien ma' soluzzjoni ta' ċarġer komuni, għax jekk ma jsirx hekk l-għanijiet tad-Direttiva ma jintlaħqux;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.