Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam (06050/2019 – C9-0023/2019 – 2018/0356M(NLE))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06050/2019),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (FTA) bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam (06051/2019),
– wara li kkunsidra l-abbozz għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Protezzjoni tal-Investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra (05931/2019),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 91(1), 100(2), 207(4), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (C9-0023/2019),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-27 ta' Ġunju 2012, u li daħal fis-seħħ f'Ottubru 2016(1);
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas ta' Parteċipazzjoni, iffirmat fis-17 ta' Ottubru 2019, li se jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-Vjetnam fl-operazzjonijiet ċivili u militari ta' mmaniġġjar ta' kriżijiet mmexxija mill-Unjoni Ewropea u juri impenn qawwi miż-żewġ naħat għal approċċ multilaterali bbażat fuq ir-regoli għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Mejju 2017 fil-proċedura 2/15(2), skont l-Artikolu 218(11) tat-TFUE, mitluba mill-Kummissjoni fl-10 ta' Lulju 2015,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment(3),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd: lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment",
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2009 li jiġu segwiti negozjati bilaterali tal-FTA ma' stati membri individwali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN),
– wara li kkunsidra d-direttivi ta' negozjati tat-23 ta' April 2007 għal FTA interreġjonali mal-istati membri tal-ASEAN,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-Vjetnam(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar il-libertà ta' espressjoni fil-Vjetnam, b'mod partikolari l-każ ta' Nguyen Van Hoa(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2018 dwar il-Vjetnam, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi(6),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tas-26 ta' Frar 2016 fil-każ 1409/2014/MHZ dwar in-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea li twettaq minn qabel valutazzjoni tal-impatt dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam(7),
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari t-Titolu V tiegħu dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 91, 100, 168 u 207, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tħaddim tat-tfal tal-20 ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem tal-20 ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra l-impatt ekonomiku tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam(8),
– wara li kkunsidra l-Eżami Perjodiku Universali dwar il-Vjetnam imwettaq mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tiegħu fil-Vjetnam (bejn it-28 ta' Ottubru u l-1 ta' Novembru 2018) u l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ta' Mejju 2018 dwar il-progress tal-pajjiż fl-indirizzar tas-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU) wara n-notifika min-naħa tal-Kummissjoni tal-"karta s-safra" fit-23 ta' Ottubru 2017,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-12 ta’ Frar 2020(9) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għas-Sajd,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0017/2020),
A. billi l-Vjetnam huwa sieħeb strateġiku għall-Unjoni Ewropea, u billi l-UE u l-Vjetnam għandhom aġenda komuni biex jistimulaw it-tkabbir u l-impjiegi, itejbu l-kompetittività, jiġġieldu l-faqar u jiksbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), u wkoll għandhom impenn qawwi favur il-kummerċ miftuħ u bbażat fuq ir-regoli u sistema kummerċjali multilaterali;
B. billi dan huwa t-tieni ftehim kummerċjali bilaterali konkluż bejn l-UE u stat membru tal-ASEAN u jirrappreżenta pass importanti lejn FTA interreġjonali; billi dan il-ftehim, flimkien mal-FTA bejn l-UE u r-Repubblika ta' Singapore li l-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu għalih fit-13 ta' Frar 2019, se jservi wkoll bħala parametru referenzjarju għall-ftehimiet li l-UE qed tinnegozja bħalissa mal-ekonomiji ewlenin l-oħra tal-ASEAN;
C. billi 90 % tat-tkabbir ekonomiku dinji tal-ġejjieni huwa mbassar li se jiġi ġġenerat barra mill-Ewropa, b'parti sinifikanti ssir fl-Asja;
D. billi fl-2007 il-Vjetnam issieħeb mad-WTO u issa għandu ekonomija kummerċjali miftuħa u ħielsa, kif indikat mis-16-il ftehim kummerċjali ma' 56 pajjiż;
E. billi l-Vjetnam huwa membru fundatur tal-Ftehim Komprensiv u Progressiv għas-Sħubija Trans-Paċifika (CPTPP) u parti fin-negozjati li ġew konklużi reċentement dwar is-Sħubija Ekonomika Komprensiva Reġjonali (RCEP);
F. billi l-Vjetnam għandu ekonomija li sejra tajjeb, kompetittiva u konnessa ma' kważi 100 miljun ċittadin, bi klassi medja li qed tikber u forza tax-xogħol żagħżugħa u dinamika, għalkemm għadha ekonomija bi dħul baxx li qed tiffaċċja sfidi speċifiċi ta' żvilupp, kif muri mill-pożizzjoni tiegħu dwar l-indiċi ta' żvilupp tal-bniedem tal-UNDP, li bħalissa jinsab il-116 minn 189 pajjiż;
G. billi l-Vjetnam huwa wkoll wieħed mill-pajjiżi li l-aktar qed jikbru malajr fl-ASEAN, b'rata medja ta' tkabbir tal-PDG ta' madwar 6,51 % mill-2000 sal-2018; billi huwa stmat li l-Vjetnam ikompli jikber b'rati simili b'saħħithom fis-snin li ġejjin;
H. billi l-UE bħalissa hija t-tielet l-akbar sieħba kummerċjali tal-Vjetnam wara ċ-Ċina u l-Korea t'Isfel, u t-tieni l-akbar suq tal-esportazzjoni wara l-Istati Uniti; billi l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-pajjiż fl-aħħar għaxar snin juru tkabbir medju stmat ta' bejn 5 % u 7 % kull sena; billi l-valutazzjoni tal-impatt ekonomiku li wettqet il-Kummissjoni pprevediet "qligħ tal-esportazzjoni ta' EUR 8 biljun sal-2035 għall-kumpaniji tal-UE", u l-esportazzjonijiet tal-Vjetnam lejn l-UE huma "mistennija li jiżdiedu bi EUR 15 biljun"; billi huwa importanti li jiġu massimizzati l-opportunitajiet offruti minn dan il-ftehim bl-aktar mod inklużiv għan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs;
I. billi l-Kunsill enfasizza li huwa fl-interess tal-UE li jkompli jkollha rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 b'mod koerenti, komprensiv u effikaċi, bħala prijorità ewlenija tal-UE, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħha u biex iżżomm il-kredibbiltà tagħha fl-Ewropa u globalment; billi fl-ittra ta' missjoni mibgħuta lill-Kummissarji nnominati kollha, il-President eletta von der Leyen insistiet li l-kummissarji kollha se jiżguraw it-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU fil-qasam ta' politika tagħhom;
J. billi l-Vjetnam għadu qed jiffaċċja sfidi fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet politiċi u ċivili, b'referenza partikolari għas-sitwazzjoni tal-minoranzi, il-libertajiet fundamentali, il-libertà tat-twemmin reliġjuż u l-libertà tal-istampa, u l-isfruttament tar-riżorsi naturali (eż. ir-ramel, is-sajd u l-injam), l-immaniġġjar tal-iskart u t-tniġġis; jilmenta dwar il-fatt li l-UE u l-Vjetnam għadhom jieħdu pożizzjonijiet differenti dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-korpi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li jikkonċernaw il-Vjetnam u dwar l-implimentazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet, pereżempju dawk relatati mal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR); billi x-xogħol furzat tal-priġunieri jibqa' ta' tħassib fil-Vjetnam;
K. billi minkejja r-riformi ekonomiċi u politiċi li bdew fl-1986, il-Vjetnam għadu stat b'partit wieħed li ma jirrikonoxxix il-libertajiet fundamentali bħal-libertà tal-assoċjazzjoni, il-libertà tal-kelma, il-libertà tar-reliġjon u l-libertà tal-istampa; billi n-natura repressiva tar-reġim u l-ksur gravi u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam ġew dokumentati mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fir-rapport annwali tal-UE tal-2018 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja, b'enfasi partikolari fuq in-numru dejjem jikber ta' priġunieri politiċi fil-pajjiż;
L. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2018 il-Parlament talab lill-gvern tal-Vjetnam biex "iħassar, jirrevedi jew jemenda l-liġijiet repressivi kollha, b'mod partikolari l-Kodiċi Kriminali tiegħu"; billi din is-sejħa ma ġietx imwieġba mill-Vietnam; billi l-Vjetnam ma aċċetta l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet biex jiġu emendati jew imħassra dispożizzjonijiet abbużivi fil-leġiżlazzjoni penali magħmula fil-qafas tal-aħħar Eżami Perjodiku Universali f'Marzu 2019;
M. billi l-FTA bejn l-UE u l-Vjetnam jirrikonoxxi l-importanza li jiġu żgurati l-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi u l-ekosistemi ħajjin tal-baħar, flimkien mal-promozzjoni ta' akkwakultura sostenibbli, u fl-Artikolu 13.9 jipprevedi kooperazzjoni fil-ġlieda kontra s-sajd IUU;
N. billi ċerti prodotti bbażati fuq il-ħut, bħal dawk bil-kodiċijiet NM 1604 14 21 u 1604 14 26, mhumiex inklużi fir-reġim ta' eżenzjoni mid-dazju fl-FTA minħabba s-sensittività tagħhom għall-Unjoni Ewropea;
O. billi huwa rikonoxxut li s-sajd IUU jikkostitwixxi kriminalità organizzata tal-ibħra li għandha impatti ambjentali u soċjoekonomiċi diżastrużi fid-dinja kollha u joħloq kompetizzjoni inġusta għall-industrija Ewropea tas-sajd;
P. billi l-Vjetnam huwa r-raba' l-akbar produttur tal-ħut fid-dinja, segwit mill-Unjoni Ewropea, u r-raba' l-akbar produttur ta' prodotti tal-akkwakultura;
Q. billi, mil-lat ta' valur, l-UE hija l-akbar negozjant fid-dinja ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, billi fl-2017 iġġenerat volum ta' kummerċ ta' aktar minn EUR 2,3 biljun; billi l-UE timporta aktar minn 65 % tal-prodotti tal-ħut li tikkonsma u hija waħda mill-akbar investituri barranin fil-Vjetnam;
R. billi l-Vjetnam s'issa kiseb protezzjoni għal prodott ta' indikazzjoni ġeografika (IĠ) wieħed – Phú Quốc, varjetà ta' zalza tal-ħut – bħala denominazzjoni ta' oriġini protetta (DOP) fi ħdan l-iskemi ta' kwalità tal-UE; billi l-FTA jipprevedi l-protezzjoni ta' 169 IĠ tal-UE għal inbejjed, spirti u prodotti tal-ikel fil-Vjetnam u protezzjoni reċiproka għal 39 IĠ Vjetnamiżi fl-UE;
S. billi l-Vjetnam għandu suq ta' 95 miljun ruħ bi tradizzjonijiet li ilhom stabbiliti żmien twil fil-konsum ta' ħut u prodotti tal-akkwakultura, u huwa t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE fir-reġjun tal-ASEAN; billi s-sajd jista' jagħti potenzjal qawwi għat-tkabbir u benefiċċji sinifikanti lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju Ewropej; billi dan is-settur huwa ta' interess vitali għall-prosperità u l-innovazzjoni Ewropej;
1. Jenfasizza l-fatt li l-FTA bejn l-UE u l-Vjetnam (EVFTA) huwa l-aktar ftehim modern, komprensiv u ambizzjuż li qatt ġie konkluż bejn l-UE u pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u jservi bħala punt ta' riferiment għall-impenn tal-UE ma' pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, b'mod speċjali fir-reġjun tal-ASEAN; ifakkar li l-Vjetnam se jibqa' benefiċjarju tal-SĠP għal perjodu tranżitorju ta' sentejn ladarba l-FTA ikun fis-seħħ ;
2. Jinnota li n-negozjati bdew f'Ġunju 2012 u ġew konklużi f'Diċembru 2015 wara 14-il ċiklu ta' negozjati, u jiddispjaċih bid-dewmien sussegwenti biex il-ftehim jinġieb 'il quddiem għall-iffirmar u r-ratifika – b'mod partikolari d-dewmien biex il-Kunsill jitlob l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-waqt qabel l-elezzjonijiet Ewropej;
3. Jisħaq fuq l-importanza ekonomika u strateġika ta' dan il-ftehim, billi l-UE u l-Vjetnam jikkondividu objettivi komuni – li jistimulaw it-tkabbir u l-impjiegi, jagħtu spinta lill-kompetittività, jiġġieldu l-faqar, isaħħu s-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, jiksbu l-SDGs u jappoġġaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-ħaddiema; jenfasizza l-kunsiderazzjonijiet ġeopolitiċi li jagħmlu lis-sħab tal-UE fil-Lvant Imbiegħed l-atturi ewlenin biex jimpenjaw ruħhom, f'ambjent ġeoekonomiku lokali kumpless;
4. Jinnota li l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li l-azzjonijiet tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandhom jiġu ggwidati mill-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem, mir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, mill-prinċipji ta' ugwaljanza u solidarjetà, u mir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi rrispettat il-prinċipju ta' politiki allinjati mal-objettivi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp skont l-Artikolu 208 tat-TFUE;
5. Jissottolinja s-sinifikat tal-ftehim f'termini ta' kompetittività tan-negozji tal-UE fir-reġjun; jinnota li l-kumpaniji Ewropej qed jiffaċċjaw kompetizzjoni akbar minn pajjiżi li magħhom il-Vjetnam diġà għandu ftehimiet ta' kummerċ ħieles, b'mod partikolari l-Ftehim Komprensiv u Progressiv għal Sħubija Trans-Paċifika (CPTPP);
6. Jispera li l-ftehim, flimkien mal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u Singapore, iservi ta' avvanz lejn l-istabbiliment ta' standards għoljin u regoli fir-reġjun tal-ASEAN, u jgħin biex titwitta t-triq għal ftehim interreġjonali futur dwar il-kummerċ u l-investiment; jisħaq li l-ftehim jibgħat ukoll sinjal qawwi favur il-kummerċ miftuħ, ġust u reċiproku fi żminijiet fejn qed jiżdiedu x-xejriet ta' protezzjoni u l-isfidi serji għall-kummerċ multilaterali bbażat fuq ir-regoli; jenfasizza li l-ftehim jgħin lill-UE ssaħħaħ il-preżenza tagħha fir-reġjun tal-ASEAN, filwaqt li jqis il-konklużjonijiet reċenti tas-Sħubija Ekonomika Komprensiva Reġjonali (RCEP) u d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Komprensiv u Progressiv għal Sħubija Trans-Paċifika (CPTPP); jenfasizza wkoll li l-ftehim jippermetti lill-UE tippromwovi l-istandards u l-valuri tagħha fir-reġjun; ifakkar fl-appoġġ sħiħ tiegħu għall-multilateraliżmu u għall-importanza li tinkiseb riforma sostenibbli u ambizzjuża tad-WTO li tista' tiżgura kummerċ internazzjonali bbażat fuq ir-regoli;
7. Jissottolinja li l-ftehim se jelimina aktar minn 99 % tat-tariffi(10); jinnota li mad-dħul fis-seħħ tal-ftehim, il-Vjetnam se jilliberalizza 65 % tad-dazji tal-importazzjoni fuq l-esportazzjonijiet tal-UE, filwaqt li l-bqija tad-dazji se jiġu eliminati gradwalment fuq perjodu ta' 10 snin; jinnota wkoll li mad-dħul fis-seħħ, l-UE se tilliberalizza 71 % tal-importazzjonijiet tagħha u li wara perjodu ta' seba' snin, 99 % tal-importazzjonijiet se jkunu mingħajr dazju. jirrimarka li l-ftehim se jkun fih ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiġu indirizzati ostakli mhux tariffarji għall-esportazzjonijiet tal-UE, li spiss jikkostitwixxu ostaklu sinifikanti għall-SMEs; iqis li l-EVFTA jista' jgħin biex jiġi indirizzat id-defiċit kummerċjali tal-UE mal-Vjetnam, billi jiġi sfruttat il-potenzjal ta' tkabbir tal-pajjiż tal-ASEAN fis-snin li ġejjin;
8. Jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati kontrolli effettivi u affidabbli, inkluż permezz ta' kooperazzjoni doganali msaħħa fl-Ewropa, biex jiġi evitat li l-ftehim isir biex jiġi evitat li l-ftehim iservi biex jidħlu prodotti fl-Ewropa minn pajjiżi oħra;
9. Jinnota l-aċċess imtejjeb skont dan il-ftehim għall-akkwist pubbliku Vjetnamiż f'konformità mal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA), billi l-Vjetnam għadu mhux membru tal-GPA; jissottolinja li l-kapitolu tal-EVFTA dwar l-akkwist pubbliku għandu livell ta' trasparenza u ġustizzja proċedurali komparabbli ma' FTAs oħrajn li l-UE ffirmat ma' pajjiżi żviluppati u pajjiżi fil-fażi avvanzata tal-iżvilupp. jissottolinja li l-ftehim ma jridx jirrestrinġi r-regoli tal-akkwist domestiku jew l-ispazju għall-immanuvrar fl-akkwisti fir-rigward tal-istabbiliment ta' rekwiżiti dwar dak li għandu jiġi akkwistat u d-domandi dwar oqsma bħall-ambjent, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjiegi;
10. Jilqa' l-fatt li d-dispożizzjonijiet dwar ir-regoli ta' oriġini inklużi fl-EVFTA jsegwu l-approċċ tal-UE, u li l-karatteristiċi ewlenin tagħhom huma identiċi għal dawk stabbiliti fl-SĠP tal-UE kif ukoll fil-ftehim kummerċjali tagħha ma' Singapore; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni korretta u fidila lejn dawn ir-regoli, b'attenzjoni speċjali għall-kontenut nazzjonali, u biex tintensifika l-azzjoni kontra kull tip ta' manipulazzjoni u abbuż, bħall-ippakkjar mill-ġdid ta' prodotti li jiġu minn pajjiżi terzi;
11. Jinnota li l-Vjetnam mhux se jkun jista' aktar juża akkumulazzjoni minn sħab kummerċjali oħrajn li huma benefiċjarji tal-SĠP fir-reġjun biex ikunu jistgħu jikkonformaw mar-regoli ta' oriġini; jisħaq li r-regoli ta' oriġini fi ftehimiet ta' kummerċ ħieles m'għandhomx ikissru bla bżonn il-ktajjen ta' valur eżistenti, speċjalment ma' pajjiżi li attwalment jibbenefikaw mill-iskemi SĠP, SĠP+ jew ABE;
12. Jenfasizza l-fatt li madwar 169 indikazzjoni ġeografika tal-UE se jibbenefikaw mir-rikonoxximent u l-protezzjoni fis-suq Vjetnamiż f'livell komparabbli għal dak tal-leġiżlazzjoni tal-UE, fid-dawl tal-fatt li l-Vjetnam huwa suq tal-esportazzjoni importanti fl-Asja għall-esportazzjonijiet tal-ikel u x-xorb tal-UE; iqis li din il-lista għandha titkabbar fil-futur qrib; jenfasizza, barra minn hekk, li xi setturi agrikoli tal-UE, ir-ross fost l-oħrajn, jistgħu jiġu affettwati b'mod negattiv mid-dispożizzjonijiet tal-FTA; f'dak ir-rigward jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja kontinwament il-fluss tal-importazzjonijiet ta' dawk il-prodotti sensittivi u tagħmel użu sħiħ mid-dispożizzjonijiet tar-regolament tal-klawżola ta' salvagwardja kull meta jiġu ssodisfati r-rekwiżiti legali u ekonomiċi, sabiex jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv possibbli fuq is-setturi agrikoli tal-UE bħala konsegwenza diretta tal-implimentazzjoni tal-FTA;
13. Jilqa' l-kapitolu qawwi dwar l-SPS li se jistabbilixxi proċedura unika u trasparenti għall-approvazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-UE ta' prodotti tal-ikel lejn il-Vjetnam, sabiex titħaffef l-approvazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-esportazzjoni tal-UE u jiġi evitat trattament diskriminatorju; ifaħħar l-impenn tal-Vjetnam li japplika l-istess rekwiżiti għall-importazzjoni għal prodotti simili li jkunu ġejjin mill-Istati Membri kollha tal-UE.
14. Ifakkar li, f'termini ta' servizzi, il-Vjetnam imur lil hinn mill-impenji tiegħu tad-WTO, jipprevedi aċċess sostanzjalment aħjar f'għadd ta' subsetturi tan-negozju, u joffri aċċess għal suq ġdid lil setturi bħas-servizzi tal-imballaġġ, il-kummerċ ġust u s-servizzi tal-wirjiet jew il-kiri/il-lokazzjoni; jissottolinja li għall-ewwel darba l-Vjetnam fetaħ servizzi transfruntiera ta' edukazzjoni għolja; jilqa' l-użu ta' lista pożittiva fl-iskeda tas-servizzi;
15. Ifakkar li ratifika rapida tal-EVFTA tista' tgħin lill-Vjetnam jagħmel aktar progress fid-Dritt ta' Proprjetà Intellettwali (DPI) u jista' jiggarantixxi l-ogħla standards ta' produzzjoni u l-aħjar kwalità għall-konsumaturi; jisħaq li l-Vjetnam se jaċċedi għat-Trattati tal-Internet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), li jistabbilixxu standards għall-prevenzjoni ta' aċċess mhux awtorizzat online għal xogħol kreattiv jew għall-użu tiegħu, jipproteġi d-drittijiet tas-sidien, u jindirizza l-isfidi li t-teknoloġiji u l-metodi ġodda ta' komunikazzjoni jimponu fuq d-DPI; jenfasizza l-importanza strateġika ta' kapaċità ta' twaqqif ta' standards f'reġjun li qed jara t-tendenzi ta' diżakkoppjament fuq il-livell normattiv u ta' standardizzazzjoni; itenni li n-nuqqas ta' oqfsa regolatorji b'saħħithom jista' jwassal għal ġirja lejn l-aktar livell baxx u kompetizzjoni negattiva dwar dispożizzjonijiet legali importanti; jirrimarka li l-promozzjoni tal-aċċess għall-mediċini għadha pilastru essenzjali tal-politika tal-UE u li d-dispożizzjonijiet tad-DPI fil-ftehim fir-rigward tal-prodotti farmaċewtiċi huma adattati speċifikament għal-livell ta' żvilupp, il-qafas regolatorju attwali u t-tħassib dwar is-saħħa pubblika fil-Vjetnam;
16. Jiddispjaċih li l-ftehim ma fihx kapitolu speċifiku dwar l-SMEs, iżda jinnota li madankollu hemm dispożizzjonijiet differenti dwar l-SMEs inklużi f'diversi partijiet tiegħu; jisħaq li l-fażi ta' implimentazzjoni se tkun kruċjali għall-introduzzjoni ta' pjan ta' azzjoni biex jgħin lill-SMEs jagħmlu użu mill-opportunitajiet offruti mill-ftehim, billi jibdew iżidu t-trasparenza u jxerrdu l-informazzjoni rilevanti kollha, peress li dan is-settur tal-ekonomija huwa ta' interess vitali għall-prosperità u l-innovazzjoni fl-Ewropa; iqis li f'reviżjoni potenzjali tal-ftehim, il-Kummissjoni għandha tesplora l-possibbiltà li tintroduċi kapitolu dwar l-SMEs;
17. Jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni dwar il-benessri tal-annimali, inklużi l-assistenza teknika u l-bini tal-kapaċità għall-iżvilupp ta' standards għoljin dwar il-benessri tal-annimali, u jħeġġeġ lill-Partijiet jagħmlu użu sħiħ minnhom; iħeġġeġ lill-Partijiet jiżviluppaw malajr kemm jista' jkun pjan ta' azzjoni għall-kooperazzjoni dwar il-benessri tal-annimali, inkluż programm ta' taħriġ, bini tal-kapaċità u assistenza fil-qafas tal-ftehim, bil-għan li jitħares il-benessri tal-annimali waqt il-qtil u l-ħarsien aħjar tal-annimali fl-irziezet u matul it-trasport fil-Vjetnam;
18. Jissottolinja li l-ftehim jispeċifika d-dritt tal-UE li tapplika l-istandards proprji tagħha għall-oġġetti u s-servizzi kollha mibjugħa fl-Unjoni, u tfakkar fil-prinċipju ta' prekawzjoni tagħha; jissottolinja li l-istandards għoljin tal-UE, inkluż fil-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti u l-ftehimiet kollettivi, m'għandhom qatt jitqiesu bħala ostakli għall-kummerċ ;
19. Jiddispjaċih li l-ftehim ma jinkludix dispożizzjoni dwar it-trasferimenti transfruntier tad-data; iqis li, f'reviżjoni futura tal-ftehim, għandha tiġi inkluża dispożizzjoni bħal din, li tirrispetta l-UE dwar il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data u l-protezzjoni tal-privatezza, u jenfasizza li kwalunkwe eżitu futur għandu jkun soġġett għall-kunsens tal-Parlament; jinnota, f'dan ir-rigward, li r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data huwa kompletament kompatibbli mal-eċċezzjonijiet ġenerali skont il-GATS;
20. Jissottolinja li l-EVFTA jinkludi kapitolu qawwi, komprensiv u vinkolanti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD), li jittratta kwistjonijiet dwar ix-xogħol u l-ambjent ibbażati fuq konvenzjonijiet u normi multilaterali aċċettati minn ħafna; jirrimarka li l-infurzabbiltà tal-Kapitolu dwar it-TSD tista' tittejjeb b'mod sinifikanti, l-ewwel nett permezz tal-kunsiderazzjoni, fost diversi metodi ta' infurzar, ta' mekkaniżmu bbażat fuq sanzjonijiet bħala l-aħħar soluzzjoni, u t-tieni permezz ta' riforma tas-sistema tal-Grupp Konsultattiv Domestiku (DAG), kif mitlub ripetutament mill-Parlament u msemmija wkoll fl-ittra ta' missjoni għall-Kummissarju l-ġdid għall-Kummerċ tal-UE; jisħaq fuq il-fatt li l-kapitolu dwar it-TSD huwa mfassal biex jikkontribwixxi għal objettivi usa' tal-politika tal-UE, b'mod partikolari dwar it-tkabbir inklużiv, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-promozzjoni tad-drittijet tal-bniedem u, b'mod aktar ġenerali, iż-żamma tal-valuri tal-UE; jenfasizza li l-ftehim huwa wkoll strument għall-iżvilupp u l-progress soċjali fil-Vjetnam, li jappoġġa lill-pajjiż fl-isforzi tiegħu biex itejjeb id-drittijiet tal-ħaddiema u jsaħħaħ il-protezzjoni fuq ix-xogħol u l-ħarsien tal-ambjent; jappella għall-istabbiliment u l-operabbiltà rapidi ta' DAGs ġenerali u indipendenti, u jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera b'mod intensiv mal-awtoritajiet Vjetnamiżi u tipprovdilhom l-appoġġ meħtieġ; jistieden lill-Kumitat Konġunt biex immedjatament jibda l-ħidma dwar it-tisħiħ tal-infurzar tad-dispożizzjonijiet tat-TSD ;
21. Jitlob li jitwaqqaf Kumitat Konġunt tal-Assemblea Nazzjonali tal-Vjetnam u li l-Parlament Ewropew itejjeb il-koordinazzjoni u r-reviżjoni tal-miżuri tal-kapitolu TSD u l-implimentazzjoni tal-ftehim kollu kemm hu; jilqa' l-pożizzjoni favorevoli tal-President tal-Assemblea Nazzjonali tal-Vjetnam għal din is-sejħa għal azzjoni, u jitlob li ma jdumx ma jiġi nnegozjat Memorandum ta' Qbil bejn iż-żewġ parlamenti;
22. Jilqa' l-passi konkreti li ħa l-Gvern Vjetnamiż s'issa, inkluż l-emendar tal-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol u tal-qafas legali dwar l-età minima għax-xogħol, bil-għan li jabolixxi t-tħaddim tat-tfal u jieħu impenji kontra d-diskriminazzjoni u favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol; jistenna li din il-leġiżlazzjoni l-ġdida titlesta b'digrieti ta' implimentazzjoni u tiġi infurzata bis-sħiħ mill-awtoritajiet Vjetnamiżi malajr kemm jista' jkun;
23. Jirrikonoxxi li naqas it-tħaddim tat-tfal fil-Vjetnam f'dawn l-aħħar snin, filwaqt li jfakkar li l-Vjetnam kien l-ewwel pajjiż fl-Asja u t-tieni fid-dinja li rratifika l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; isejjaħ ukoll lill-Gvern Vjetnamiż biex jippreżenta pjan direzzjonali ambizzjuż għall-eradikazzjoni tat-tħaddim tat-tfal sal-2025 u biex jelimina x-xogħol furzat, l-iskjavitù moderna u t-traffikar tal-bnedmin sal-2030; jistenna bil-ħerqa l-valutazzjoni tal-ILO fi żmien xieraq qabel ir-ratifika tal-ftehim; jappella lill-UE u lill-Vjetnam biex jikkooperaw ħalli jiżviluppaw pjan ta' azzjoni, akkumpanjat minn programmi tal-UE disponibbli, kontra t-tħaddim tat-tfal, inkluż il-qafas meħtieġ ta' diliġenza dovuta għall-intrapriżi;
24. Jisħaq, madankollu, li minkejja dan il-progress għad fadal sfidi importanti, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex jimpenjaw ruħhom aktar fuq aġenda progressiva dwar id-drittijiet tal-ħaddiema permezz ta' miżuri konkreti, filwaqt li jilqa' f'dan ir-rigward l-adozzjoni tal-Kodiċi tax-Xogħol riformat fl-20 ta' Novembru 2019; jilqa' wkoll ir-ratifika tal-Konvenzjoni fundamentali nru 98 tal-ILO (negozjar kollettiv) tal-14 ta' Ġunju 2019 u l-impenn tal-Gvern Vjetnamiż li jirratifika ż-żewġ konvenzjonijiet fundamentali li fadal, jiġifieri n-nru 105 (abolizzjoni tax-xogħol furzat) fl-2020 u n-nru 87 (libertà ta' assoċjazzjoni) fl-2023, u jistieden lill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex jipprovdu pjan direzzjonali kredibbli għar-ratifikazzjoni tagħhom; jisħaq dwar ir-rwol ċentrali tad-digrieti ta' implimentazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Kodiċi tax-Xogħol rivedut u l-konvenzjonijiet tal-ILO ratifikati u għaldaqstant jenfasizza l-ħtieġa li d-digrieti ta' implimentazzjoni tal-Kodiċi tax-Xogħol riformat jinkorporaw il-prinċipji tal-konvenzjonijiet 105 u 87 tal-ILO; jenfasizza r-rieda tiegħu li jimpenja ruħu fi djalogu attiv dwar din il-kwistjoni; jistieden lill-Gvern Vjetnamiż biex jinforma b'mod kontinwu lill-UE dwar il-progress tar-ratifika u l-implimentazzjoni ta' dawn il-konvenzjonijiet pendenti; ifakkar fis-sinifikat ta' dawn l-impenji li juru xejriet verament pożittivi f'pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp, filwaqt li jenfasizza r-rwol vitali tal-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-konvenzjonijiet tal-ILO u l-ħarsien tal-ambjent; jisħaq li kriterji speċifiċi inklużi fil-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni, bħal-limiti u l-formalitajiet ta' reġistrazzjoni, m'għandhomx jirriżultaw b'mod effettiv fil-preklużjoni ta' organizzazzjonijiet indipendenti milli jikkompetu ma' organizzazzjonijiet immexxija mill-istat; jisħaq ukoll li l-leġiżlazzjoni penali għandha tkun konformi mal-konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO; jenfasizza li l-obbligi tal-Vjetnam skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u l-Kodiċi tax-Xogħol li għadu kif ġie riformat għandhom jiġu applikati b'mod li ma jirrendix prattikament impossibbli l-eżerċizzju tal-libertajiet, speċjalment fir-rigward tal-libertà tal-għaqda ta' unions indipendenti tal-ħaddiema; ifaħħar il-pożizzjoni ta' kondizzjonalità ta' qabel ir-ratifika meħuda mill-UE;
25. Jilqa' l-kooperazzjoni prevista dwar l-aspetti relatati mal-kummerċ tal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO, b'mod partikolari l-interkonnessjoni bejn il-kummerċ u l-impjiegi sħaħ u produttivi għal kulħadd, inklużi ż-żgħażagħ, in-nisa u l-persuni b'diżabbiltà; jitlob li din il-kooperazzjoni tibda b'mod rapidu u sinifikanti;
26. Jinnota li l-Vjetnam huwa wieħed mill-pajjiżi l-aktar vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari avvenimenti estremi ta' temp, bħal maltempati u għargħar; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Vjetnam jintroduċi miżuri effettivi ta' adattament u jiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni relatata mal-protezzjoni ambjentali u l-bijodiversità.
27. Jilqa' l-impenn biex jimplimenta b'mod effettiv il-ftehimiet ambjentali multilaterali bħall-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u biex jaġixxi favur il-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-fawna selvaġġa, il-bijodiversità u l-forestrija; ifakkar li l-Vjetnam huwa wieħed mill-aktar pajjiżi attivi fir-reġjun usa' tal-ASEAN li juri l-impenn tiegħu għall-aġenda tal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza li ratifika rapida tal-EVFTA kif ukoll implimentazzjoni effettiva u b'rispett sħiħ għall-Ftehim ta' Pariġi se tikkontribwixxi biex jiġu żgurati l-ogħla standards possibbli għall-protezzjoni ambjentali fir-reġjun;
28. Jissottolinja l-importanza strateġika tal-Vjetnam bħala sieħeb kruċjali tal-UE fl-Asja tax-Xlokk u fost il-pajjiżi tal-ASEAN, b'mod speċifiku iżda mhux esklużiv fir-rigward tan-negozjati dwar it-tibdil fil-klima, il-governanza tajba, l-iżvilupp sostenibbli, il-progress ekonomiku u soċjali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; jisħaq fuq il-bżonn li l-Vjetnam isir sieħeb fil-progress tad-drittijiet tal-bniedem u r-riformi demokratiċi; jinnota li l-Vjetnam għandu l-presidenza tal-ASEAN għall-2020; jisħaq fuq il-bżonn li l-UE u l-Vjetnam jirrispettaw u jimplimentaw b'mod sħiħ il-Ftehim ta' Pariġi;
29. Jilqa' pożittivament il-ftehim li sar bejn l-UE u l-Gvern tal-Vjetnam li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Vjetnam fl-operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet immexxija mill-UE, li ġie ffirmat fis-17 ta' Ottubru 2019; jissottolinja l-fatt li l-Vjetnam huwa t-tieni pajjiż sieħeb fl-Asja li ffirma Ftehim Qafas ta' Parteċipazzjoni mal-UE; jisħaq fuq il-fatt li l-ftehim jikkostitwixxi progress sinifikanti fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Vjetnam;
30. Ifakkar li l-Ftehim jipprevedi miżuri speċifiċi għall-ġlieda kontra s-sajd IUU u għall-promozzjoni ta' settur tas-sajd sostenibbli u responsabbli, inkluża l-akkwakultura; jirrikonoxxi f'dan ir-rigward l-impenn tal-Vjetnam li jindirizza s-sajd IUU billi applika għal sħubija sħiħa tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC), billi sar membru uffiċjali tal-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port (PSMA), billi adotta l-Liġi riveduta dwar is-Sajd fl-2017, li tqis l-obbligi internazzjonali u reġjonali, il-ftehimiet u r-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni, u billi implimenta pjan ta' azzjoni nazzjonali għall-ġlieda kontra s-sajd IUU;
31. Jirrikonoxxi, madankollu, l-isfidi enormi li għadhom qed jiffaċċjaw l-awtoritajiet Vjetnamiżi fir-rigward tal-kapaċità żejda tal-flotta tas-sajd frammentata ħafna tal-pajjiż u l-isfruttament żejjed tar-riżorsi tal-baħar, filwaqt li jinnota li l-Vjetnam ingħata l-karta safra kif ukoll diġà ttieħdu xi miżuri biex tittejjeb is-sitwazzjoni; jappella għal aktar azzjoni f'konformità mas-sejbiet tal-missjoni ta' reviżjoni ta' Novembru 2019, u għal monitoraġġ kontinwu u kontrolli bir-reqqa rigward l-isforzi tal-Vjetnam biex jiżgura li l-pajjiż jibqa' jagħmel progress fil-ġlieda kontra s-sajd IUU u biex jiggarantixxi t-traċċabbiltà sħiħa tal-prodotti tas-sajd li jaslu fis-suq tal-Unjoni biex tiġi eskluża l-importazzjoni illegali; ifakkar li r-revoka tal-karta s-safra għandha tkun kundizzjonali fuq l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tar-rakkomandazzjonijiet kollha li għamlet l-UE fl-2017; jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi miżuri ta' salvagwardja għall-prodotti tas-sajd fi ftehimiet futuri, bħall-possibbiltà li t-tariffi preferenzjali jiġu sospiżi, sakemm titneħħa l-karta s-safra għas-sajd IUU;
32. Jirrikonoxxi l-impenn tal-Vjetnam li jindirizza l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u d-deforestazzjoni permezz tal-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (VPA/FLEGT) mal-UE; jinnota li dan il-ftehim ilu fis-seħħ mill-1 ta' Ġunju 2019 u jintroduċi obbligi vinkolanti ta' diliġenza dovuta għall-importaturi tiegħu; jilqa' l-parteċipazzjoni miftuħa u kostruttiva tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-Vjetnam f'dan il-proċess;
33. Jissottolinja l-importanza kruċjali li jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet u l-kapitoli kollha tal-ftehim b'mod effettiv, li jvarjaw mill-aċċess għas-suq għall-iżvilupp sostenibbli u l-infurzar tal-impenji kollha; iqis li d-dispożizzjonijiet kollha dwar it-TSD għandhom jinqraw bħala li jipprovdu obbligi legali fil-liġi internazzjonali u fl-FTA; jenfasizza f'dan il-kuntest il-pożizzjoni l-ġdida ta' Uffiċjal Kap għall-Infurzar tal-Kummerċ, li se jaħdem direttament taħt il-gwida tal-Kummissarju għall-Kummerċ, u l-impenn tal-Kumitat tal-Parlament għall-Kummerċ Internazzjonali li jassumi rwol attiv fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-impenji EVFTA; jissottolinja, barra minn hekk, li l-kumpaniji Ewropej, speċjalment l-SMEs, għandhom jiġu mħeġġa jagħmlu użu sħiħ mill-benefiċċji tal-ftehim u li kwalunkwe ostaklu rigward l-implimentazzjoni għandu jiġi regolarizzat immedjatament;
34. Jisħaq li d-dħul fis-seħħ tal-ftehim se joħloq il-kundizzjonijiet għal kooperazzjoni kbira u li tagħti l-frott bejn iż-żewġ partijiet bil-għan li jkun hemm implimentazzjoni effikaċi tad-dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli, li jistgħu jġibu magħhom it-titjib tas-sitwazzjoni politika u tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jenfasizza li l-implimentazzjoni xierqa tal-EVFTA tista' tgħin lill-Vjetnam javvanza fil-konformità mal-istandards Ewropej dwar l-ambjent, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u r-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR); jilqa', f'dan il-kuntest, l-impenn tal-Vjetnam li jippreżenta l-pjan ta' implimentazzjoni nazzjonali tiegħu għall-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-EVFTA;
35. Ifakkar fl-esperjenza preċedenti li turi li l-implimentazzjoni korretta tal-FTAs u l-preżenza ta' kumpaniji tal-UE fuq il-post jistgħu jwasslu għal titjib fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, is-CSR u l-istandards ambjentali; jitlob lill-kumpaniji tal-UE jkomplu jkollhom rwol ewlieni biex jgħaqqdu l-istandards u l-prattiki tajba bil-ħsieb li jinħoloq l-aktar ambjent ta' negozju adattat u sostenibbli fil-Vjetnam permezz tal-EVFTA;
36. Jappella għal monitoraġġ tal-ftehim dettaljat u rigoruż u għal impenn biex jiġi żgurat li n-nuqqasijiet jiġu indirizzati malajr mas-sieħeb kummerċjali tagħna; jistieden lill-UE biex tappoġġa l-miżuri għall-bini tal-kapaċità neċessarja u għal assistenza teknika speċifika biex tgħin lill-Vjetnam jimplimenta l-impenji tiegħu permezz ta' proġetti u għarfien espert, b'mod partikolari b'rabta mad-dispożizzjonijiet ambjentali u tax-xogħol; ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-obbligi ta' rappurtar tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-EVFTA;
37. Jenfasizza li l-involviment tas-soċjetà ċivili indipendenti u s-sħab soċjali fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehim huwa kruċjali, u jappella għat-tħejjija u l-istabbiliment rapidu tad-DAGs wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim, kif ukoll għal rappreżentanza wiesgħa u bbilanċjata ta' organizzazzjonijiet indipendenti, liberi u diversi tas-soċjetà ċivili fi ħdan dawk il-gruppi, inklużi organizzazzjonijiet Vjetnamiżi indipendenti mis-setturi tax-xogħol u dawk ambjentali kif ukoll difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jappoġġa l-isforzi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Vjetnam biex jiżviluppaw proposti f'dan ir-rigward, u se jappoġġa l-isforzi għall-bini tal-kapaċità ;
38. Ifakkar li r-relazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam hija msejsa fuq il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK), li jkopri oqsma mhux ekonomiċi, li jinkludu d-djalogu politiku, id-drittijiet tal-bniedem, l-edukazzjoni, ix-xjenza u t-teknoloġija, il-ġustizzja, l-asil u l-migrazzjoni;
39. Jirrikonoxxi r-rabta istituzzjonali u legali bejn l-FTA u l-FSK, li tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem jitqiegħdu fil-qalba tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam; jenfasizza s-sinifikat ta' xejriet verament pożittivi f'termini ta' drittijiet tal-bniedem għar-ratifika rapida ta' dan il-ftehim u jitlob lill-awtoritajiet tal-Vjetnam jieħdu miżuri konkreti biex itejbu s-sitwazzjoni bħala sinjal tal-impenn tagħhom; ifakkar fit-talba tiegħu tal-15 ta' Novembru 2018, jiġifieri dik fir-rigward tar-riforma tal-leġiżlazzjoni penali, il-piena tal-mewt, il-priġunieri politiċi u l-libertajiet fundamentali; iħeġġeġ lill-Partijiet jagħmlu użu sħiħ mill-ftehimiet sabiex itejbu s-sitwazzjoni urġenti tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam u jenfasizza l-importanza ta' djalogu ambizzjuż dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam; jirrimarka li l-Artikolu 1 tal-FSK fih klawżola standard dwar id-drittijiet tal-bniedem li tista' tattiva miżuri adegwati, inkluża, bħala l-aħħar riżorsa, is-sospensjoni tal-FSK, u b'mod impliċitu tal-EVFTA, jew partijiet minnu, mingħajr dewmien;
40. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni naqset milli twettaq valutazzjoni komprensiva tal-impatt tal-FTA fuq id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni bħal din; jitlobha biex sistematikament tinkludi d-drittijiet tal-bniedem fil-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha kull darba li twettaqhom, inkluż għall-ftehimiet kummerċjali li għandhom impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali sinifikanti; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Kummissjoni impenjat ruħha wkoll li tagħmel valutazzjoni ex post tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali;
41. Jitlob lill-UE u lill-Vjetnam joħolqu mekkaniżmu indipendenti ta' monitoraġġ dwar id-drittijiet tal-bniedem u mekkaniżmu indipendenti għat-tressiq tal-ilmenti, li joffru liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati lokali milquta rikors effettiv għall-rimedju, kif ukoll strument li jindirizza l-impatti negattivi potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem, partikolarment bis-saħħa tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' soluzzjoni tat-tilwim bejn stat u stat għall-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli;
42. Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida dwar iċ-ċibersigurtà, partikolarment dwar il-lokalizzazzjoni u r-rekwiżit ta' żvelar, is-sorveljanza l-kontroll online, u l-miżuri ta' protezzjoni tad-data personali, li mhumiex kompatibbli mal-aġenda kummerċjali ta' liberalizzazzjoni bbażata fuq il-valuri tal-UE; jilqa' r-rieda ta' parteċipazzjoni fi djalogu intensiv, inkluż l-impenn tal-President tal-Assemblea Nazzjonali tal-Vjetnam biex jinkludi ż-żewġ parlamenti fid-diskussjoni u d-deliberazzjoni tad-digrieti ta' implimentazzjoni; jistieden, barra minn hekk, lill-awtoritajiet tal-Vjetnam jieħdu miżuri konkreti u jilqa' b'sodisfazzjon l-assistenza tal-UE f'dan ir-rigward;
43. Ifakkar li l-Artikolu 8 tat-TFUE jistipula li "fl-azzjonijiet kollha tagħha l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tinkoraġġixxi ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa"; jilqa' l-fatt li kemm il-Vjetnam kif ukoll l-UE ffirmaw id-Dikjarazzjoni tad-WTO ta' Buenos Aires dwar in-Nisa u l-Kummerċ u jistieden lill-Partijiet isaħħu l-impenji rigward il-ġeneru u l-kummerċ fil-ftehim; jitlob li l-kundizzjonijiet tan-nisa jittejbu sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan il-ftehim, inkluż permezz tal-bini tal-kapaċità għan-nisa fuq ix-xogħol u fin-negozju, il-promozzjoni tar-rappreżentanza tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-pożizzjonijiet ta' awtorità, u t-titjib tal-aċċess tan-nisa għax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni u l-parteċipazzjoni u t-tmexxija tagħhom fihom; ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni li tinkludi l-Kapitoli dwar il-Ġeneru fi ftehimiet kummerċjali futuri tal-UE, inklużi dawk milħuqa wara l-konklużjoni ta' dan il-ftehim; jistieden lill-UE u lill-Vjetnam jimpenjaw ruħhom biex jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-ftehim u jinkludu kapitolu speċifiku dwar il-Ġeneru u l-Kummerċ fir-rieżami futur tiegħu;
44. Jitlob il-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha u l-membri tas-soċjetà ċivili bħal bloggers jew unjonisti tax-xogħol indipendenti li huma attwalment arrestati jew misjuba ħatja, b'mod partikolari dawk imsemmija fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tal-14 ta' Diċembru 2017 u tal-15 ta' Novembru 2018;
45. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jirrapportaw formalment lill-Parlament dwar l-impenn tal-Vjetnam biex jagħmel progress f'għadd ta' kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, kif imsemmi fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-17 ta' Diċembru 2015(11);
46. Jisħaq li l-ftehim diġà rawwem il-bidliet f'ħafna oqsma permezz tad-djalogu, u jarah bħala l-bażi għal aktar titjib għall-poplu permezz ta' djalogu;
47. Jilqa' l-ftehim, li se joħloq aktar opportunitajiet ta' kummerċ ħieles u ġust bejn l-UE u l-Vjetnam; iqis li l-kunsens tal-Parlament Ewropew huwa ġustifikat, billi l-Vjetnam jieħu passi biex itejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet ċivili u tax-xogħol sabiex jimxi fid-direzzjoni tal-impenji tiegħu;
48. Jistieden lill-Kunsill jadotta malajr dan il-Ftehim.
49. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-SEAE, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam.
Esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Vjetnam: hekk kif l-FTA jidħol fis-seħħ, 65 % tad-dazji għandhom jispiċċaw, u l-bqija għandhom jitneħħew gradwalment fuq perjodu mhux itwal minn 10 snin (pereżempju, id-dazji fuq il-karozzi se jibqgħu għall-perjodu kollu ta' 10 snin biex is-settur tal-karozzi jiġi protett mill-kompetizzjoni Ewropea); L-esportazzjonijiet Vjetnamiżi lejn l-UE: mad-dħul fis-seħħ, 71 % tad-dazji għandhom jispiċċaw, u l-bqija għandhom jitneħħew gradwalment fuq perjodu mhux itwal minn seba' snin.
Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra (ĠU C 399, 24.11.2017, p. 141).