Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2020 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward taċ-ċomb u tal-komposti tiegħu (D063675/03 – 2019/2949(RPS))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) fir-rigward taċ-ċomb u tal-komposti tiegħu (D063675/03),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni ("ir-Regolament REACH")(1), b'mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 – "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' April 2001 dwar il-"Green Paper" tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet tal-PVC(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni ta' XXX tal-Kummissjoni li tagħti awtorizzazzjoni għall-użi tal-bis(2-etileżil) ftalat (DEHP) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari: alternattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew(7);
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta' Marzu 2019 fil-Kawża T-837/16(8),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni(9),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 112(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
A. billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jfittex li jillimita l-livell ta' ċomb fejn jintuża bħala stabbilizzatur f'polimeri jew kopolimeri tal-klorur tal-vinil (PVC);
B. billi ċ-ċomb huwa sustanza tossika li jista' jikkawża effetti serji fuq is-saħħa, inkluż ħsara newroloġika irriversibbli, anki f'dożi baxxi(10); billi ma hemm l-ebda livell sikur għaċ-ċomb(11),(12); billi ċ-ċomb huwa wkoll ta' ħsara għall-ambjent: huwa tossiku ħafna għall-ħajja akkwatika(13) u jippersisti fl-ambjent(14);
C. billi l-problema tal-użu taċ-ċomb bħala stabbilizzatur għall-PVC diġà ġiet imqajma mill-Kummissjoni fil-Green Paper tagħha tas-26 ta' Lulju 2000 dwar il-kwistjonijiet ambjentali tal-PVC(15);
D. billi l-Kummissjoni ddikjarat fil-Green Paper tagħha li kienet favur tnaqqis fl-użu taċ-ċomb bħala stabbilizzatur fil-prodotti tal-PVC, u pprevediet numru ta' miżuri, inkluża t-tneħħija gradwali leġiżlattiva, iżda fl-aħħar iddeċidiet għal impenn volontarju tal-industrija tal-PVC li jieqaf milli jintuża ċ-ċomb bħala stabbilizzatur tal-PVC sal-2015(16);
E. billi dak l-approċċ imur kontra l-pożizzjoni tal-Parlament, li bi tweġiba għall-Green Paper appella lill-Kummissjoni biex tipprojbixxi l-użu kollu taċ-ċomb bħala stabbilizzatur fil-PVC(17);
F. billi l-azzjoni tal-Kummissjoni f'dak iż-żmien, jiġifieri li ma jsir xejn, fisser li matul il-perjodu mill-2000 sal-2015, ġew prodotti miljuni ta' PVC, li ġew stabbilizzati b'diversi mijiet ta' eluf ta' tunnellati ta' ċomb(18); billi l-artikoli tal-PVC magħmula minn PVC bħal dan li fih iċ-ċomb gradwalment isiru skart;
G. billi hekk kif ġie ssodisfat l-impenn volontarju tal-industrija tal-PVC fl-2015, il-Kummissjoni indunat li ċ-ċomb kompla jintuża f'artikoli importati tal-PVC; billi l-Kummissjoni għalhekk talbet lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ("l-Aġenzija") biex tabbozza rapport ta' restrizzjoni tal-Anness XV;
H. billi r-rilevanza primarja tar-restrizzjoni għal artikoli tal-PVC importati ġiet ikkonfermata mill-Aġenzija, li sabet li "Peress li l-industrija Ewropea tal-PVC diġà bdiet it-tneħħija gradwali tal-komposti taċ-ċomb bħala stabbilizzaturi tal-PVC, madwar 90 % tal-emissjonijiet ewlenin stmati huma attribwibbli għal artikoli tal-PVC importati fl-UE matul l-2016"(19);
I. billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jipproponi li jiġi ristrett l-użu u l-preżenza taċ-ċomb u l-komposti tiegħu f'artikoli magħmula mill-PVC, li jistabbilixxi limitu ta' konċentrazzjoni massima ta' 0.1 % skont il-piż tal-materjal tal-PVC(20);
J. billi dan huwa bbażat fuq il-konklużjoni li r-riskju għall-bniedem minn stabbilizzaturi taċ-ċomb f'artikoli tal-PVC fl-Unjoni mhuwiex ikkontrollat b'mod adegwat(21); billi l-perikli ambjentali ma ntużawx fil-karatterizzazzjoni tar-riskju taċ-ċomb fil-kuntest tal-proposta għal restrizzjoni tar-riskju(22);
K. billi dan il-limitu ġie applikat fuq il-bażi tar-raġunament li ġej: "Meta wieħed iqis li l-komposti taċ-ċomb ma jistgħux jistabbilizzaw il-PVC b'mod effettiv f'konċentrazzjonijiet ta' inqas minn 0.5 % skont il-piż, il-limitu ta' konċentrazzjoni ta' 0.1 % propost mill-Aġenzija għandu jiżgura li ż-żieda intenzjonali tal-komposti taċ-ċomb bħala stabbilizzaturi matul it-taħlit tal-PVC ma tkunx għadha tista' sseħħ fl-Unjoni"(23);
L. billi huwa importanti li wieħed jirrealizza li l-limitu ta' 0.1 % ma jirrappreżentax "livell sikur", iżda pjuttost livell amministrattiv stabbilit biex jiġi evitat li ċ-ċomb jintuża bħala stabbilizzatur fil-PVC għalkollox;
M. billi, l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jipprevedi żewġ derogi għal materjali tal-PVC irkuprati għal 15-il sena: waħda li tippermetti konċentrazzjoni ta' ċomb ta' mhux aktar minn 2 % bil-piż ta' PVC riġidu(24), u oħra li tippermetti konċentrazzjoni ta' ċomb sa 1 % bil-piż ta' PVC flessibbli/artab(25);
N. billi l-konċentrazzjonijiet ta' ċomb ta' 1 % jew 2 % tal-piż ċertament ma jikkorrispondux għal "livelli sikuri", iżda huma limiti stabbiliti biex l-industrija tkun tista' tkompli tottimizza l-benefiċċji finanzjarji tagħhom mir-riċiklaġġ tal-iskart tal-PVC li jkun fih iċ-ċomb(26);
O. billi tali derogi jipperpetwaw l-użu ta' sustanza użata fil-passat permezz ta' artikoli magħmulin minn PVC irkuprat, minkejja li d-disponibbiltà ta' alternattivi tiġi rikonoxxuta b'mod espliċitu mill-Kummissjoni(27);
P. billi dawn id-derogi jmorru kontra pożizzjoni tal-Parlament li ilha stabbilita, affermata mill-ġdid f'ħafna riżoluzzjonijiet, l-aktar riċenti fil-15 ta' Jannar 2020; billi l-Parlament diġà enfasizza speċifikament fl-2001 li "r-riċiklaġġ tal-PVC m'għandux jipperpetwa l-problema tal-metalli tqal"(28); billi l-Parlament enfasizza fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-"effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: Il-mixja lejn ekonomija ċirkolari" li "r-riċiklaġġ m'għandux jiġġustifika t-tkomplija tal-użu ta' sustanzi ta' legat perikolużi"(29); billi, fl-2015, il-Parlament aġixxa b'dan il-mod billi oġġezzjona għall-awtorizzazzjoni tad-DEHP, sustanza oħra użata fil-passat, għar-riċiklaġġ tal-PVC(30); billi fl-2018 il-Parlament tenna wkoll li, "skont il-ġerarkija tal-iskart, il-prevenzjoni tieħu prijorità fuq ir-riċiklaġġ u li, għaldaqstant, ir-riċiklaġġ m'għandux jiġġustifika t-tkomplija tal-użu ta' sustanzi tradizzjonalment perikolużi"(31); billi fil-15 ta' Jannar 2020, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Parlament ikkunsidra espliċitament li sustanzi pprojbiti "ma għandhomx jerġgħu jiddaħħlu fis-suq tal-UE fi prodotti għall-konsumatur permezz ta' attivitajiet ta' riċiklaġġ";
Q. billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jiġġustifika d-derogi għall-PVC irkuprat billi jiddikjara li "l-alternattiva għar-riċiklaġġ ta' artikoli bħal dawn, jiġifieri r-rimi ta' skart tal-PVC permezz tar-rimi fil-miżbliet u l-inċinerazzjoni żżid l-emissjonijiet fl-ambjent u ma tnaqqasx ir-riskju"(32);
R. billi r-raġunament wara l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni ma jqisx il-fatt li r-riċiklaġġ mhuwiex fil-fatt alternattiva għar-rimi fil-miżbliet jew l-inċinerazzjoni, minħabba li r-riċiklaġġ tal-PVC ma jistax jibqa' għaddej għal dejjem u b'hekk sempliċiment jipposponi r-rimi finali tal-PVC li jkun fih iċ-ċomb u l-emissjonijiet korrispondenti, filwaqt li joħloq emissjonijiet addizzjonali waqt ir-riċiklaġġ u l-fażi sussegwenti tal-użu;
S. billi, fil-fatt, l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni għandu, minn naħa, jirrestrinġi l-importazzjoni ta' madwar 1 000 sa 4 000 tunnellata ta' ċomb f'artikoli tal-PVC importati, filwaqt li fl-istess ħin jippermetti li madwar 2 500 sa 10 000 tunnellata ta' ċomb għal kull sena jitqiegħdu (għal darb' oħra) fis-suq permezz ta' PVC irkuprat(33);
T. billi, fi kliem ieħor, l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jirrestrinġi l-importazzjoni taċ-ċomb permezz ta' artikoli tal-PVC, u dan biss jimmina l-effett ta' din ir-restrizzjoni permezz tat-tqegħid mill-ġdid fis-suq tad-dover doppju ta' ċomb doppju, permezz ta' artikoli magħmulin minn PVC irkuprat li jkun fih iċ-ċomb;
U. billi d-derogi għall-PVC irkuprat fl-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jmorru kontra l-objettiv primarju tar-Regolament REACH li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent(34);
V. billi tali derogi jiksru wkoll l-impenji taħt is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali adottat fl-2013, li jitolbu speċifikament għall-iżvilupp ta' ċikli ta' materjal mhux tossiku sabiex l-iskart riċiklat jista' jintuża bħala sors ewlieni u affidabbli ta' materja prima għall-Unjoni(35);
W. billi tali derogi jwasslu għal suq b'żewġ livelli ta' kwalità, jiġifieri prodotti magħmula minn PVC verġni li jkunu ħielsa miċ-ċomb minn naħa waħda u prodotti magħmula minn PVC irkuprat li jkun fihom kwantitajiet sinifikanti ta' ċomb min-naħa l-oħra; billi din it-tolleranza għaċ-ċomb fil-prodotti magħmula minn PVC irkuprat tiskredita l-irkupru tal-prodotti;
X. billi mhuwiex xieraq li jiġu posposti għall-futur il-problemi ta' ġestjoni ambjentalment soda tal-iskart tal-PVC li fih iċ-ċomb, u wisq inqas permezz tad-dilwizzjoni taċ-ċomb fil-ġenerazzjoni li jmiss ta' artikoli;
Y. billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jillimita d-derogi għall-PVC irkuprat għal ċerti applikazzjonijiet u jintroduċi rekwiżit li ċ-ċomb jingħalaq f'saff ta' PVC prodott ġdid, għal sett tal-artikoli kkonċernati, b'dewmien ta' ħames snin għal tali obbligu għall-PVC flessibbli;
Z. billi l-limitazzjoni tad-derogi ma tindirizzax l-emissjonijiet ta' ċomb matul ir-rimi finali tal-iskart, li jammontaw għal 95 % tal-emissjonijiet;
AA. billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jirrikjedi wkoll li l-artikoli tal-PVC li jkun fihom PVC irkuprat ikunu mmarkati "fih PVC irkuprat"; billi l-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju (RAC) tal-Aġenzija ddikjara li din it-tikketta "mhijiex biżżejjed waħedha biex tiddistingwi bejn materjal riċiklat mingħajr ċomb u r-riċiklat li fih iċ-ċomb"(36);
AB. billi tali marka hija tabilħaqq qarrieqa, peress li l-indikazzjoni ta' kontenut irkuprat għandha konnotazzjoni pożittiva, filwaqt li, f'dan il-każ, fil-verità hija tfisser li l-prodotti rkuprati fihom ammonti sinifikanti ta' ċomb, meta mqabbla ma' prodotti magħmula minn PVC verġni mingħajr ċomb;
AC. billi tali tikkettar qarrieqi promozzjonali ta' artikoli tal-PVC irkuprati li jkun fihom iċ-ċomb imur kontra l-għan tar-Regolament REACH biex jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent;
AD. billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jipprevedi wkoll skema ta' ċertifikazzjoni li tissostanzja d-dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini rkuprata tal-PVC biex jiddistingwihom minn artikoli magħmula minn PVC verġni, li għalihom għandu japplika valur ta' limitu differenti;
AE. billi d-dipendenza fuq livell addizzjonali ta' ċertifikati tqajjem dubji dwar l-implimentabbiltà ta' tali dispożizzjoni u għalhekk tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Anness XV tar-Regolament REACH li jeħtieġ li restrizzjoni tkun implimentabbli, infurzabbli u maniġġabbli;
AF. billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jeżenta żewġ pigmenti taċ-ċomb mill-kamp ta' applikazzjoni tar-restrizzjoni peress li dawn huma suġġetti għal awtorizzazzjoni skont ir-Regolament REACH;
AG. billi l-RAC espliċitament irrikonoxxa li "r-riskji ... japplikaw bl-istess mod għall-komposti taċ-ċomb li ma ntużawx bħala stabbilizzaturi"(37);
AH. billi huwa diffiċli li wieħed jiddetermina l-identità speċifika u l-funzjoni tal-komposti taċ-ċomb fil-PVC, kif rikonoxxut b'mod espliċitu mir-RAC(38);
AI. billi tali eżenzjoni għalhekk toħloq problemi għall-infurzar, u b'hekk tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Anness XV tar-Regolament REACH li jeħtieġ li restrizzjoni tkun implimentabbli, infurzabbli u maniġġabbli;
AJ. billi eżenzjoni bħal din tonqos ukoll milli tqis is-sentenza tal-Kawża T-837/16, li effettivament annullat l-awtorizzazzjoni għal dawn il-pigmenti taċ-ċomb;
AK. billi l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jipprevedi perjodu ta' grazzja ta' 24 xahar għall-operaturi ekonomiċi biex, fost l-oħrajn , "jiddisponu mill-istokkijiet tagħhom"(39);
AL. billi l-fatt li l-importaturi jitħallew ibigħu artikoli tal-PVC li jkun fihom eluf ta' tunnellati ta' ċomb għal 24 xahar ieħor filwaqt li l-ebda artikolu ta' PVC li jkun fih iċ-ċomb ma jiġi prodott aktar fl-Unjoni jmur kontra l-għan tar-Regolament REACH li jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent;
AM. billi l-Parlament fl-2001 qies "neċessarju li jkompli jiżviluppa riċerka teknoloġika, primarjament fil-qasam tar-riċiklaġġ kimiku li jista' jissepara l-klorin minn metalli tqal ... bil-għan li jiżdied il-persentaġġ ta' skart tal-PVC riċiklat"(40);
AN. billi kemm l-Aġenzija kif ukoll il-Kummissjoni naqsu milli jivvalutaw il-fattibbiltà tar-riċiklaġġ tal-kimika/tal-materja prima ta' skart tal-PVC li jippermetti s-separazzjoni u r-rimi sikur taċ-ċomb; billi skont l-industrija tal-PVC, dawn it-teknoloġiji huma disponibbli(41),(42);
AO. billi l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Industrija tas-Sustanzi Kimiċi qed tippromwovi r-riċiklaġġ kimiku bħala mezz biex wieħed jieħu ħsieb sustanzi ta' tħassib(43);
AP. billi, fil-qosor, l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni wasal 18-il sena tard wisq u fih diversi elementi li mhumiex kompatibbli mal-għan jew il-kontenut tar-Regolament REACH, jiġifieri derogi għal PVC irkuprat, immarkar pożittiv ta' PVC irkuprat minkejja l-kontenut ta' ċomb, eżenzjoni għal pigmenti taċ-ċomb, u perjodu twil ta' grazzja;
AQ. billi l-Kummissjoni ressqet l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni aktar minn sena wara l-iskadenza stipulata fir-Regolament REACH(44);
1. Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;
2. Iqis li l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni mhux kompatibbli mal-objettiv u l-kontenut tar-Regolament REACH;
3. Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament tagħha u tippreżenta wieħed ġdid lill-kumitat mingħajr dewmien;
4. Iqis li kwalunkwe rkupru tal-PVC ma għandux iwassal għat-trasferiment ta' komposti taċ-ċomb f'ġenerazzjoni ġdida ta' prodotti;
5. Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-Anness għall-abbozz ta' regolament billi tħassar il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 14 u l-paragrafi 15, 16, 17 u 19, kif ukoll billi tnaqqas il-perjodu ta' grazzja fil-paragrafu 13 għal massimu ta' 6 xhur, sabiex ir-restrizzjoni tkun tista' tkun effettiva anke qabel dik prevista fl-abbozz ta' regolament;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta' Marzu 2019, L-Iżvezja vs Il-Kummissjoni, T-837/16, ECLI:EU:T:2019:144, http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf;jsessionid=3DE9187FAF56F2A2616EA9541DE1D2B2?text=&docid=211428&pageIndex=0&doclang=MT&mode=lst&dir=&occ=first&part=1&cid=5232553
Ara l-European Chemicals Agency Annex XV Restriction Report tas-16 ta' Diċembru 2016 ("id-dossier tal-Anness XV"), p. 3: "Huwa stabbilit sew li l-esponiment għaċ-ċomb jista' jirriżulta f'effetti severi ta' newromġiba u ta' żvilupp newroloġiku, anki f'dożi baxxi. Iċ-ċomb jitqies bħala sustanza newrotossika mingħajr valur ta' limitu assoċjata ma' impatti negattivi fuq l-iżvilupp tas-sistemi nervużi ċentrali tat-tfal [...] l-EFSA indikat li t-trab u l-ħamrija tad-djar jistgħu jkunu sorsi importanti ta' espożizzjoni tat-tfal għaċ-ċomb. Huma rrakkomandaw li għandhom ikomplu l-isforzi biex jitnaqqas l-esponiment tal-bniedem għaċ-ċomb kemm minn sorsi dijetetiċi kif ukoll minn sorsi mhux dijetetiċi.", https://echa.europa.eu/documents/10162/f639cc6f-7403-63de-9407-135544f33d86
Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, "m'hemm l-ebda livell ta' espożizzjoni għaċ-ċomb li huwa magħruf li huwa mingħajr effetti ta' ħsara", https://www.who.int/news-room/fact-sheets/detail/lead-poisoning-and-health
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' April 2001 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ambjentali tal-PVC (ĠU C 21 E, 24.1.2002, p. 112).
Skont il-Green Paper, fl-1998, il-produzzjoni domestika annwali tal-PVC kienet ta' 5.5 miljun tunnellata, filwaqt li l-użu taċ-ċomb bħala stabbilizzatur kien ta' 112 000 tunnellata.
Opinjoni tal-5 ta' Diċembru 2017 tal-Kumitat tal-Istima tar-Riskji u l-Opinjoni tal-15 ta' Marzu 2018 tal-Kumitat tal-Analiżi Soċjo-ekonomika dwar dossier tal-Anness XV li jipproponi restrizzjonijiet tal-manifattura, tat-tqegħid fis-suq jew tal-użu ta' sustanza fi ħdan l-UE, p. 10, https://echa.europa.eu/documents/10162/bf4394ef-7b75-99ec-13c1-134ba7ed713d
Kif spjegat fid-dossier tal-Anness XV, p. 35: "L-industrija (ESPA, l-EuPC, l-ECVM) innotat li għandu jiġi pprovdut limitu ta' ċomb ogħla ta' 1 % skont il-piż għal PVC riċiklat (aktar milli ż-0.1 % skont il-piż ġeneriku) minħabba r-residwi taċ-ċomb li bħalissa jinsabu fl-iskart tal-PVC. B'mod ġenerali, ir-riċiklaturi/il-konvertituri tal-PVC enfasizzaw li sabiex jikkonformaw ma' limitu ta' 0.1 %, 10 % biss ta' artikolu jista' jsir minn PVC riċiklat (li huwa irħas), għalhekk, ir-riċiklaġġ tal-PVC ma jkunx aktar vijabbli ekonomikament u jkollu jieqaf (minħabba l-ispejjeż fissi u dawk varjabbli meħtieġa biex jiġu koproċessati u mħaddma l-estrużi)."
Opinjoni tal-5 ta' Diċembru 2017 tal-Kumitat tal-Istima tar-Riskji u l-Opinjoni tal-15 ta' Marzu 2018 tal-Kumitat tal-Analiżi Soċjo-ekonomika dwar dossier tal-Anness XV li jipproponi restrizzjonijiet tal-manifattura, tat-tqegħid fis-suq jew tal-użu ta' sustanza fi ħdan l-UE, p. 48.
Opinjoni tal-5 ta' Diċembru 2017 tal-Kumitat tal-Istima tar-Riskji u l-Opinjoni tal-15 ta' Marzu 2018 tal-Kumitat tal-Analiżi Soċjo-ekonomika dwar dossier tal-Anness XV li jipproponi restrizzjonijiet tal-manifattura, tat-tqegħid fis-suq jew tal-użu ta' sustanza fi ħdan l-UE, p. 6.
Opinjoni tal-5 ta' Diċembru 2017 tal-Kumitat tal-Istima tar-Riskji u l-Opinjoni tal-15 ta' Marzu 2018 tal-Kumitat tal-Analiżi Soċjo-ekonomika dwar dossier tal-Anness XV li jipproponi restrizzjonijiet tal-manifattura, tat-tqegħid fis-suq jew tal-użu ta' sustanza fi ħdan l-UE, p. 9: "RAC jinnota li huwa possibbli li ċ-ċomb ikun preżenti fil-PVC minħabba użi oħra għajr bħala stabbilizzaturi (eż. l-użu ta' żewġ pigmenti tal-kromat taċ-ċomb ingħata awtorizzazzjoni REACH). Ir-restrizzjoni ta' kwalunkwe ċomb preżenti fil-PVC (irrispettivament mill-funzjoni intenzjonata) tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati fil-proposta. Barra minn hekk, jista' jkun li ma jkunx evidenti mill-ewwel għaliex iċ-ċomb jinsab f'artikolu, għalhekk l-ispeċifikazzjoni ta' użu partikolari tista' ma tkunx ta' għajnuna minn perspettiva ta' infurzar (il-Forum għall-infurzar indikat fil-parir tagħhom li r-restrizzjoni tkun aktar sempliċi biex tiġi infurzata jekk l-awtoritajiet tal-infurzar ma jkollhomx għalfejn juru l-funzjoni ta' kwalunkwe ċomb misjub fil-PVC ogħla mil-limitu ta' konċentrazzjoni rilevanti)".
Cefic, "Molecule Managers", 2019, p. 33: "Taħt il-prerekwiżiti t-tajba, l-industrija se tinvesti fir-riċiklaġġ kimiku madwar l-Ewropa li tista' tassorbi l-ħafna materjali ta' valur li bħalissa qed jinħlew, inklużi l-plastik u l-polimeri. Aħna nistgħu nittrasformaw dawn il-materjali lura lejn il-materja prima tal-idrokarbur filwaqt li nieħdu ħsieb sustanzi ta' tħassib.", https://cefic.org/app/uploads/2019/06/Cefic_Mid-Century-Vision-Molecule-Managers-Brochure.pdf
Skont l-Artikolu 73 tar-Regolament REACH, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 68 jiġu ssodisfati, il-Kummissjoni għandha tħejji abbozz ta' emenda għall-Anness XVII, fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-opinjoni tal-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC); SEAC adotta l-opinjoni tiegħu fil-15 ta' Marzu 2018; il-Kummissjoni ppreżentat biss l-abbozz ta' emenda lill-kumitat REACH f'Settembru 2019.