Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2129(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0016/2020

Testi mressqa :

A9-0016/2020

Dibattiti :

PV 11/02/2020 - 8
CRE 11/02/2020 - 8

Votazzjonijiet :

PV 12/02/2020 - 11.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2020)0034

Testi adottati
PDF 165kWORD 54k
L-Erbgħa, 12 ta' Frar 2020 - Strasburgu Verżjoni finali
Bank Ċentrali Ewropew - rapport annwali 2018
P9_TA(2020)0034A9-0016/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2020 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2018 (2019/2129(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-2018,

–  wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-BĊE, b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 127(1) u (2), 130 u 284(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ mal-kandidat għall-kariga ta' President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Christine Lagarde, tal-4 ta' Settembru 2019,

–  wara li kkunsidra d-Djalogu Monetarju tat-23 ta' Settembru 2019 bejn Mario Draghi, bħala President tal-Bank Ċentrali Ewropew, u l-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-18 ta' Ottubru 2019 tal-Grupp ta' Ħidma tal-G7 dwar l-istablecoins "Investigating the impact of global stablecoins" (Investigazzjoni tal-impatt tal-istablecoins globali),

–  wara li kkunsidra l-feedback tal-BĊE dwar il-kontribut mogħti mill-Parlament Ewropew bħala parti mir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE għall-2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-31 ta' Jannar 2018 tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Finanzi Sostenibbli intitolat "Financing a sustainable European Economy" (Il-finanzjament ta' ekonomija Ewropea sostenibbli),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Mejju 2018 dwar il-finanzi sostenibbli(1) u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-28 ta' Marzu 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli(2),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 142(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A9-0016/2020),

A.  billi, skont it-Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2019 tal-Kummissjoni, l-aħħar ċifri tal-2019 jirriflettu tnaqqis fit-tkabbir tal-PDG fiż-żona tal-euro fl-2018, minn 1,9 % għal 1,1 % fl-2019, u fl-UE-27, minn 2,1 % fl-2018 għal 1,4 % fl-2019, minħabba l-eskalazzjoni reċenti fit-tensjonijiet kummerċjali, l-inċertezza korrispondenti u l-Brexit;

B.  billi, skont iċ-ċifri tal-Eurostat, ir-rata tal-qgħad f'Awwissu 2019 kienet 6,2 % fl-UE u 7,4 % fiż-żona tal-euro, l-aktar rati baxxi minn Lulju 2008; billi r-rata tal-qgħad baqgħet mhux uniformi madwar l-Unjoni Ewropea; billi r-rata għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, li hija aktar mid-doppju tar-rata medja, għadha kwistjoni serja li trid tiġi indirizzata fl-UE; billi għadhom jippersistu inugwaljanzi reġjonali straordinarji fil-qgħad kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll fosthom;

C.  billi, skont il-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-Eurosistema ta' Settembru 2019, l-inflazzjoni annwali għaż-żona tal-euro fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) jidher li se tilħaq 1,2 %, 1,0 % u 1,5 % rispettivament fl-2019, fl-2020 u fl-2021, u b'hekk ir-rati tal-inflazzjoni jinżammu taħt, iżda qrib, it-2 %; billi l-projezzjonijiet tal-inflazzjoni juru varjazzjoni sostanzjali fiż-żona tal-euro;

D.  billi fi tmiem l-2018 id-daqs tal-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema kien laħaq il-livell bla preċedent ta' EUR 4,7 triljun, u b'hekk qabeż l-40 % tal-PDG taż-żona tal-euro, li jfisser żieda ta' 4,25 % (EUR 0,2 triljuni) meta mqabbel ma' tmiem l-2017;

E.  billi fl-2018 il-profitt nett tal-BĊE ammonta għal EUR 1,575 biljun meta mqabbel ma' EUR 1,275 biljun fl-2017; billi din iż-żieda tista' tiġi attribwita prinċipalment għaż-żieda fl-introjtu mill-imgħax nett fl-ambitu tal-portafoll f'dollari Amerikani u tal-portafoll tal-programm ta' xiri ta' assi (APP);

F.  billi rwol aktar b'saħħtu tal-euro, u żieda fl-użu tiegħu bħala munita ta' riżerva, iżidu l-kapaċità tal-UE li tfassal il-pożizzjoni politika tagħha b'mod indipendenti vis-à-vis setgħat globali oħra u huma element ewlieni fis-salvagwardja tas-sovranità ekonomika Ewropea;

G.   billi, sabiex l-euro jikseb rwol globali aktar b'saħħtu, iż-żona tal-euro l-ewwel trid turi li hija kapaċi tiflaħ għal reċessjoni mingħajr ma ebda wieħed mill-Istati Membri tagħha ma jkollu jirrikorri għal valwazzjoni negattiva (volontarja jew le) tad-dejn tal-gvern;

H.  billi l-Artikolu 127(5) tat-TFUE jirrikjedi lis-SEBĊ tikkontribwixxi għaż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja;

I.  billi l-SMEs, li għadhom is-sinsla tal-ekonomija u tas-soċjetà tal-UE, u li jsaħħu l-koeżjoni ekonomika u soċjali, jeħtieġu aktar appoġġ;

J.  billi l-ħruġ globali ta' bonds ħodor żdied minn inqas minn EUR 1 biljun fl-2008 għal aktar minn EUR 120 biljun fl-2017 u l-ħruġ nett ta' bonds ħodor denominati f'euro żdied b'għaxar darbiet mill-2013; billi d-distakk bejn il-firxiet ta' bonds ħodor u dawk tas-settur industrijali globali tnaqqas gradwalment;

K.  billi, minkejja din ix-xejra pożittiva, il-bonds ħodor għadhom jirrappreżentaw 1 % biss tal-provvista globali tal-bonds denominati f'euro;

L.  billi l-volum ta' tranżazzjonijiet imwettqa b'muniti virtwali żdied drastikament u jirrappreżenta sfida għall-predominanza tas-sistemi tradizzjonali ta' valuta legali; billi l-muniti virtwali huma opzjonijiet alternattivi għall-pagamenti iżda mhux valuta legali;

M.  billi, skont l-istħarriġ ta' Diċembru 2018 tal-Ewrobarometru, l-appoġġ popolari għall-euro żdied għal 75 % fl-2018;

Ħarsa ġenerali

1.  Jilqa' r-rwol tal-BĊE fis-salvagwardja tal-istabbiltà tal-euro; jenfasizza li l-indipendenza statutorja tal-BĊE, kif stabbilita fit-trattati, hija prerekwiżit biex iwettaq il-mandat tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet;

2.  Jenfasizza li l-euro huwa proġett politiku, minbarra li huwa proġett purament ekonomiku; jisħaq fuq in-natura irriversibbli tal-munita unika; jiġbed l-attenzjoni dwar ir-rekwiżit, stabbilit fit-Trattati, li kull Stat Membru, bl-eċċezzjoni tad-Danimarka, jadotta l-munita unika ladarba jkun issodisfa l-kriterji ta' konverġenza ta' Maastricht; huwa tal-fehma li l-parteċipazzjoni fl-unjoni bankarja trid tiġi kkunsidrata bħala benefiċċju għal dawk il-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fiż-żona tal-euro;

3.  Huwa mħasseb li wara perjodu qasir ta' rkupru ekonomiku, it-tkabbir naqas għal 1,1 % tal-PDG fiż-żona tal-euro; barra minn hekk, huwa mħasseb dwar it-tnaqqis fit-tkabbir fil-produzzjoni industrijali u fil-kummerċ dinji; għalhekk, kif issottolinja minn Mario Draghi, jinnota l-ħtieġa li jinżammu kemm kundizzjonijiet ta' likwidità xierqa kif ukoll livell ta' akkomodazzjoni monetarja;

4.  Jenfasizza li t-tkabbir sostenibbli u l-istabbiltà tal-prezzijiet ma jistgħux jinkisbu bil-politika monetarja waħedha u li jinħtieġu wkoll politika fiskali ta' appoġġ u riformi strutturali soċjalment ibbilanċjati u li jtejbu l-produttività;

5.  Jirrimarka li politika monetarja akkomodanti ma tridx titqies bħala sostitut għar-riformi strutturali;

6.  Jissottolinja l-konstatazzjonijiet tal-grupp ta' esperti tas-SEBĊ dwar it-tkabbir baxx tal-pagi(3), li analizza l-iskonnessjoni bejn it-tkabbir tal-pagi u l-irkupru tas-suq tax-xogħol; dawn il-konstatazzjonijiet juru li t-tkabbir baxx tal-pagi matul dawn l-aħħar snin jista' jiġi spjegat prinċipalment permezz tax-xokkijiet marbuta mat-teknoloġija u man-negozjar tal-pagi (dan tal-aħħar huwa affettwat minn tibdil fl-istruttura tan-negozjar tal-pagi li jnaqqas is-setgħa tan-negozjar tal-impjegati) u tar-regolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol, prinċipalment fil-pajjiżi l-aktar milquta mill-kriżi, u l-kombinazzjoni ta' sottoutilizzazzjoni tal-ħaddiema, inflazzjoni baxxa u tkabbir limitat tal-produttività;

7.  Jissottolinja li t-tisħiħ tar-rwol tal-euro jirrikjedi l-kundizzjonijiet strutturali t-tajba, fosthom:

   l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, inkluża kapaċità fiskali għaż-żona tal-euro biex tkun kapaċi tipprovdi funzjoni ta' stabbilizzazzjoni kontroċiklika;
   l-ikkompletar tal-unjoni bankarja;
   l-ikkompletar tal-unjoni tas-swieq kapitali;

8.  Jissottolinja r-rekwiżit għal kull Stat Membru tal-UE, ħlief għad-Danimarka, li jadotta l-munita unika ladarba jkun issodisfa l-kriterji ta' konverġenza ta' Maastricht; jistieden lill-BĊE jkompli l-kooperazzjoni produttiva tiegħu mal-Istati Membri tal-UE li mhumiex fiż-żona tal-euro;

Politika monetarja

9.  Jissottolinja li l-operazzjonijiet tas-suq miftuħ u l-miżuri mhux standard tal-politika monetarja mdaħħla fis-seħħ mill-BĊE kkontribwew għall-irkupru ekonomiku, għal titjib fil-kundizzjonijiet ta' finanzjament permezz ta' diversi kanali ta' trażmissjoni u għall-kompressjoni tar-rendimenti f'firxa wiesgħa ta' klassijiet ta' assi; jitlob lill-BĊE jkompli jimmonitorja r-riskji potenzjali għall-karti tal-bilanċ tiegħu, l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-assi, l-allokazzjoni skorretta potenzjali tar-riżorsi u l-iżvantaġġi għal min ifaddal;

10.  Jinnota li, fit-12 ta' Settembru 2019, il-BĊE ħabbar pakkett ta' stimoli wiesa' li jinkludi xiri nett taħt il-programm ta' xiri ta' assi (APP) bir-ritmu ta' EUR 20 biljun fix-xahar, tnaqqis ta' 10 punti bażi fir-rata tad-depożiti, sistema b'żewġ livelli għal rimunerazzjoni ta' riżerva, u termini aktar faċli għal operazzjonijiet ta' rifinanzjament immirati aktar fit-tul (TLTRO-III); jinnota n-nuqqas ta' unanimità u jemmen li t-tmexxija tal-BĊE u l-President Lagarde għandhom jaħdmu biex inaqqsu d-differenzi fi ħdan il-Kunsill Governattiv tal-BĊE;

11.  Jinnota li l-limitu ta' 33 % għal kull emittent applikat għall-Programm ta' Taffija Kwantitattiva tal-BĊE jista' jirrestrinġi l-kapaċità tal-BĊE li jixtri l-bonds ta' diversi Stati Membri; iqis li dan il-limitu għal kull emittent jista' jirrikjedi bidliet minħabba li l-programm imġedded ta' taffija kwantitattiva huwa għal żmien indefinit u jista' jirrikjedi xiri ta' bonds li jmorru lil hinn mil-limitu ta' 33 % għal xi Stati Membri; jinnota li l-programm ta' taffija kwantitattiva kien imfassal biex jinxtraw bonds tal-Istati Membri proporzjonalment, abbażi tad-daqs ta' ekonomija u tal-popolazzjoni;

12.  Jinnota l-intenzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE li jkompli jinvesti mill-ġdid il-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw sakemm ikun meħtieġ;

13.  Jinnota li l-effetti negattivi fuq l-introjtu mill-imgħax nett tal-banek s'issa ġew ikkontrobilanċjati bil-benefiċċji minn aktar self mill-banek u spejjeż aktar baxxi għall-provvedimenti u t-telf; huwa mħasseb dwar id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-banek żgħar b'mod partikolari; jistieden lill-BĊE jimmonitorja l-potenzjal ta' bużżieqa tal-prezzijiet tal-assi;

14.  Jissottolinja li rati tal-imgħax baxxi ħafna jew negattivi joffru opportunitajiet lill-konsumaturi, lill-kumpaniji, inklużi l-SMEs, lill-ħaddiema u lill-mutwatarji, li jistgħu jibbenefikaw minn momentum ekonomiku aktar b'saħħtu, livelli aktar baxxi ta' qgħad u spejjeż tas-self aktar baxxi; madankollu, hemm tħassib fir-rigward tal-impatt potenzjali fuq is-sistemi tal-pensjoni u tal-assigurazzjoni minħabba r-redditi baxxi, l-inugwaljanzi ekonomiċi u l-isfidi għal min ifaddal b'mod individwali; jinnota, barra minn hekk, li xi Stati Membri ma użawx l-ambjent ta' rati tal-imgħax baxxi biex jikkonsolidaw il-baġits tagħhom u jagħmlu riformi strutturali;

15.  Jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE li jkompli jinvesti mill-ġdid il-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw għal kemm ikun hemm bżonn biex jinżammu kundizzjonijiet ta' likwidità favorevoli u livell għoli ta' akkomodazzjoni monetarja;

16.  Huwa mħasseb dwar il-pressjoni inflazzjonarja mrażżna fit-tul u d-dipendenza żejda fuq il-politika monetarja tal-BĊE biex jiġi sostnut it-tkabbir, kif ukoll dwar l-opzjonijiet dejjem aktar limitati tiegħu skont is-sett ta' għodod attwali tiegħu;

17.  Jinnota l-appell tal-President Draghi għal allinjament aħjar bejn il-politika monetarja tal-BĊE u l-politiki fiskali tal-Istati Membri, filwaqt li jenfasizza li taħlita ta' politika makroekonomika aktar ibbilanċjata tippermetti li r-rati tal-imgħax baxxi jwasslu l-istess livell ta' stimolu bħal fil-passat, iżda b'inqas effetti kollaterali;

18.  Jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll f'livell globali, sabiex jintlaħqu l-miri tal-inflazzjoni fuq terminu medju;

Azzjonijiet kontra t-tibdil fil-klima

19.  Ifakkar li, bħala istituzzjoni tal-UE, il-BĊE huwa marbut bil-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u li dan għandu jkun rifless fil-politiki tiegħu, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ il-mandat tiegħu u l-indipendenza tiegħu; jilqa' l-ħolqien ta' diskussjoni dwar ir-rwol tal-banek ċentrali u tas-superviżuri fl-appoġġ tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jistieden lill-BĊE jimplimenta l-prinċipji ambjentali, soċjali u ta' governanza (prinċipji ESG) fil-politiki tiegħu, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ il-mandat tiegħu u l-indipendenza tiegħu;

20.  Itenni l-pożizzjonijiet espressi mill-Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE dwar l-importanza li jiġu żviluppati sistemi ta' pagament tassew Ewropej li ma jiġux affettwati minn tfixkil estern (inkluż dak ta' natura politika); jistieden lill-BĊE jkompli l-ħidma tiegħu fuq il-proġett li jikkonċerna l-Inizjattiva ta' Pagament Ewropew (EPI) bil-għan li jħares is-sovranità tal-UE u l-effiċjenza ekonomika għall-utenti u l-fornituri kollha, kif ukoll li jiżgura kompetizzjoni ġusta;

21.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-President tal-BĊE Christine Lagarde tal-4 ta' Settembru 2019, li fiha approvat "tranżizzjoni gradwali biex jiġu eliminati l-assi tal-karbonju" mill-portafoll tal-BĊE u laqgħet il-parteċipazzjoni tal-BĊE fin-Network għall-Ekoloġizzazzjoni tas-Sistema Finanzjarja (NGFS) u l-impenn biex jgħin fl-identifikazzjoni u l-kejl tal-esponiment tas-sistema finanzjarja għar-riskji relatati mal-klima u fit-trawwim ta' sistema finanzjarja aktar ekoloġika b'rispett sħiħ għall-mandat ta' stabbiltà tal-prezzijiet u l-objettivi l-oħra tal-BĊE;

22.  Jissuġġerixxi li l-BĊE jinkludi fost il-prijoritajiet ta' riċerka tiegħu l-mistoqsija dwar kif il-banek ċentrali u s-superviżjoni bankarja jistgħu jikkontribwixxu għal ekonomija sostenibbli u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jissuġġerixxi li, għal dak il-għan, il-BĊE jikkoopera wkoll ma' networks internazzjonali oħra għajr l-NGFS, speċjalment in-Network ta' Settur Bankarju Sostenibbli u l-inizjattiva tan-NU dwar il-Prinċipji għal Settur Bankarju Responsabbli;

23.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li 62,1 % tax-xiri ta' bonds korporattivi tal-BĊE jseħħ fis-setturi li huma responsabbli għal 58,5 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fiż-żona tal-euro; jistieden lill-BĊE jwettaq studju li jinvestiga l-impatt tal-APP fuq it-tibdil fil-klima u, b'mod partikolari, il-programm ta' xiri mis-settur korporattiv (CSPP) bħala pass preliminari lejn it-tfassil mill-ġdid tas-CSPP b'mod li jkun soċjalment u ambjentalment sostenibbli; jissuġġerixxi, f'dan il-kuntest, qafas għall-koordinazzjoni bejn il-BĊE u l-Bank Ewropew tal-Investiment, inkluż InvestEU;

Aspetti oħra

24.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-impriżi mikro, żgħar u medji fl-UE; jistieden lill-BĊE jibqa' attent rigward l-aċċess għall-kreditu għal dawn l-impriżi, b'mod partikolari fid-dawl tat-titjib bil-mod tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom; jirrimarka, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu mħeġġa l-investimenti pubbliċi u privati fl-UE, u jitlob, għalhekk, li jsiru aktar sforzi biex jiġi żgurat il-finanzjament tal-ekonomija reali;

25.  Jistieden lill-BĊE jkompli bl-isforzi preparatorji tiegħu biex jiżgura l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tal-UE għall-kontinġenzi u l-konsegwenzi negattivi kollha possibbli, speċjalment għal dawk relatati mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, filwaqt li jqis il-fatt li xi reġjuni u pajjiżi huma affettwati b'mod aktar dirett minn oħrajn;

26.  Huwa mħasseb dwar ir-riskji dovuti għad-dewmien fl-istabbiliment tal-unjoni bankarja, u jappella għall-ikkompletar rapidu tagħha; jieħu nota tat-talbiet ripetuti tal-BĊE għall-istabbiliment ta' skema Ewropea ta' assigurazzjoni tad-depożiti (EDIS) bħala t-tielet pilastru tal-unjoni bankarja;

27.  Jenfasizza li l-prinċipji operattivi partikolari u l-missjoni speċifika tal-banek kooperattivi u reċiproċi għandhom jiġu rispettati u riflessi fil-politiki u l-approċċi tal-BĊE;

28.  Jitlob li l-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) jitħaffef sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni finanzjarja, jittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-fondi, tkun tista' ssir mobilizzazzjoni effettiva tal-kapital fl-Ewropa għall-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli fl-ekonomija reali għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha u għat-titjib tal-istabbiltà finanzjarja u r-reżiljenza tal-Unjoni għax-xokkijiet; jirrikonoxxi l-appoġġ qawwi tal-BĊE fl-istabbiliment ta' CMU vera; jilqa' l-kontribut tal-Grupp ta' Ħidma NextCMU f'dan il-kuntest;

29.  Jistieden lill-BĊE u lill-awtoritajiet superviżorji kollha jżidu l-monitoraġġ tagħhom tal-kriptoassi u taż-żieda fir-riskji f'termini ta' sigurtà ċibernetika u ta' ħasil tal-flus biex jiġu evitati effetti negattivi fuq l-istabbiltà, l-integrità u s-sikurezza tas-settur finanzjarju; jaqbel mal-Opinjoni 2014/08 tal-EBA li tissuġġerixxi li ma jintużax it-terminu "muniti virtwali" għaliex l-użu tat-terminu "munita" jista' jkun qarrieqi għal diversi raġunijiet;

30.  Jieħu nota tar-rimarki ta' Christine Lagarde fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi tal-4 ta' Settembru 2019 dwar is-suġġett tar-regolamentazzjoni l-ġdida tal-kriptoassi fir-rigward tal-fatt li "l-BĊE u l-banek ċentrali b'mod ġenerali għandhom jimmonitorjaw b'mod ċar dawn l-iżviluppi u jikkontribwixxu għall-ħidma internazzjonali li għaddejja dwar ir-reazzjonijiet politiċi"; jitlob lill-BĊE, f'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, biex jivvaluta l-qafas legali u regolatorju tal-UE dwar il-flus elettroniċi, l-istrumenti finanzjarji u l-assi virtwali sabiex ikun hemm qafas komprensiv għas-superviżjoni ta' strumenti, entitajiet jew infrastrutturi finanzjarji, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u tal-istabbiltà, kif ukoll għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni transfruntieri; jitlob lill-BĊE jaħdem mal-Kummissjoni fuq il-ħolqien ta' qafas għal dawn il-muniti l-ġodda li jirrikonċilja l-innovazzjoni, il-ħtiġijiet taċ-ċittadini, il-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja u l-istat tad-dritt;

31.  Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-BĊE biex ikompli jsaħħaħ ir-reazzjoni tiegħu u l-kapaċitajiet ta' rkupru fil-każ ta' attakk ċibernetiku fuq l-organizzazzjoni tiegħu stess;

32.  Jistieden lill-BĊE jiżgura bilanċ xieraq bejn l-innovazzjoni finanzjarja, inkluża l-Fintech, u l-istabbiltà finanzjarja;

33.  Iħeġġeġ lill-BĊE jaħdem mal-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, biex irawwem ir-rwol tal-euro bħala munita ta' riżerva; iqis li dan jista' jinkiseb permezz ta' diversi mezzi bħal rappreżentanza istituzzjonali jew prodotti finanzjarji Ewropej li jrendu tajjeb;

34.  Jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-President tal-BĊE, Christine Lagarde, li rieżami tal-qafas tal-politika monetarja tal-BĊE huwa f'waqtu u ġustifikat sabiex jiġi żgurat li l-BĊE jkollu l-għodod it-tajba biex jappoġġja aħjar il-politiki ġenerali fl-UE mingħajr preġudizzju għall-objettiv primarju tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet; jistieden lill-BĊE jorganizza konsultazzjoni pubblika bħala parti minn dan il-proċess sabiex jiżgura li r-rieżami jkun miftuħ għall-input u l-feedback minn firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati; jistieden lill-BĊE jinvolvi wkoll lill-Parlament f'dan il-proċess ta' rieżami; jaqbel ukoll mal-President tal-BĊE li l-BĊE għandu jtejjeb il-komunikazzjoni tiegħu liċ-ċittadini dwar l-impatt tal-politiki tiegħu;

35.  Jirrimarka l-importanza tal-flus kontanti bħala mezz ta' pagament għaċ-ċittadini tal-UE; jistieden lill-BĊE, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Istati Membri, joħloq sistema għall-monitoraġġ aħjar tat-tranżazzjonijiet kbar bil-għan tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

36.  Jilqa' l-fatt li mill-2017 'l hawn, il-BĊE qed jippubblika l-lista sħiħa tal-assi CSPP kollha, inklużi l-ismijiet tal-emittenti, flimkien ma' data aggregata dwar dawk l-assi skont il-pajjiż, ir-riskju, il-klassifikazzjoni u s-settur; jiddeplora l-fatt li għadha ma ġietx implimentata politika simili fir-rigward tal-programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti b'assi (ABSPP) u t-tielet programm ta' xiri ta' bonds koperti (CBPP3); itenni li tinħtieġ aktar trasparenza, b'mod partikolari għas-CBPP3, minħabba d-daqs sinifikanti tal-programm;

37.  Jilqa' l-introduzzjoni tar-rata tal-euro fuq terminu qasir, li hija r-rata ta' referenza l-ġdida mil-lum għall-għada għas-swieq monetarji fiż-żona tal-euro; jitlob lill-BĊE biex, fir-rapport annwali li jmiss tiegħu, jinkludi l-ewwel valutazzjoni tal-evoluzzjoni u l-funzjonament tagħha fis-suq;

38.  Jinnota li l-BĊE għadu ma inkludiex il-bonds Griegi fil-programm ta' xiri ta' assi tas-settur pubbliku (PSPP) minkejja t-titjib li għamlet il-Greċja f'termini ta' sostenibbiltà tad-dejn u tar-ritorn fis-swieq tal-bonds;

39.  Jissottolinja n-natura teknika tad-deċiżjonijiet dwar l-istabbiliment tar-rati tal-BĊE u l-importanza tal-appoġġ pubbliku għat-teħid ta' deċiżjonijiet f'dan il-qasam immexxi minn esperti; jikkritika, għalhekk, il-politiċizzazzjoni tad-deċiżjonijiet politiċi tal-BĊE; jistieden lill-politiċi u lill-bankiera ċentrali nazzjonali kollha joqogħdu attenti meta jagħmlu dikjarazzjonijiet pubbliċi li jistgħu jdgħajfu l-fiduċja fil-politiki tal-BĊE u l-appoġġ għalihom;

Responsabbilita’

40.  Jilqa' ż-żieda fir-responsabbiltà’ tal-BĊE fil-konfront tal-Parlament Ewropew taħt il-Presidenza ta' Mario Draghi, u jistenna b'ħerqa saħansitra aktar akkontabilità, djalogu u aċċessibbiltà mal-President Christine Lagarde, abbażi tal-impenji li ħadet matul is-seduta ta' smigħ tagħha quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu fl-4 ta' Settembru 2019;

41.  Iqis li l-BĊE għandu jippermetti aċċess suffiċjenti għad-dokumenti u l-informazzjoni għall-awditi tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) relatati mas-superviżjoni bankarja; jilqa', f'dan il-kuntest, il-Memorandum ta' Qbil bejn il-QEA u l-BĊE ta' Ottubru 2019 li jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni matul l-awditi tal-QEA tal-attivitajiet superviżorji tal-BĊE;

42.  Ifakkar li n-nomini tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jitħejjew bir-reqqa, bi trasparenza sħiħa u mal-Parlament, f'konformità mat-Trattati; jistieden lill-Kunsill ifassal lista qasira bbilanċjata fir-rigward tal-ġeneri għall-postijiet vakanti futuri u jaqsamha mal-Parlament, biex b'hekk jippermetti lill-Parlament jaqdi rwol konsultattiv aktar sinifikanti fil-proċess tal-ħatra; jiddispjaċih li sal-lum ma sar ebda progress sodisfaċenti; ifakkar fl-importanza tal-paragrafu 4 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Marzu 2019 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE(4), li fiha l-Parlament jimpenja ruħu li ma jqisx il-listi mqassra li ma jirrispettawx il-prinċipju tal-bilanċ bejn il-ġeneri;

43.  Jitlob, filwaqt li jirrikonoxxi li matul l-aħħar deċennju l-bank kien qed jesperjenza twessigħ tal-funzjonijiet tiegħu kif ukoll il-ħtieġa li jkollu aktar persunal impjegat taħt kundizzjonijiet differenti, biex iwettaq il-kompiti stabbiliti għalih, li l-problemi tar-riżorsi umani li nqalgħu jiġu solvuti b'mod ġust, trasparenti u rapidu għall-membri tal-persunal kollha;

44.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' responsabbiltà msaħħa u aktar effettiva tal-BĊE f'kuntest li fih il-missjonijiet tiegħu ġew estiżi minn mindu faqqgħet il-kriżi finanzjarja globali; itenni t-talba tiegħu għal aktar trasparenza u akkontabilità tal-BĊE fil-konfront tal-Parlament; huwa lest, f'dan ir-rigward, li jtejjeb il-format tad-djalogu monetarju mal-President tal-BĊE; jirrikonoxxi l-passi meħuda mill-BĊE f'dan ir-rigward, b'mod partikolari l-adozzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta uniku għall-uffiċjali ta' livell għoli kollha tal-BĊE, li jinkludi rekwiżit li jiġu ppubblikati d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri tal-Kunsill Governattiv u jistabbilixxi linji gwida ċari u rekwiżiti ta' trasparenza, kif ukoll restrizzjonijiet xierqa fuq laqgħat ma' partijiet ikkonċernati;  huwa tal-fehma li l-arranġamenti ta' trasparenza mtejba għandhom jinkludu mill-anqas l-elementi li ġejjin:

   L-iżgurar li jkun hemm membri indipendenti fil-Kumitat tal-Awditjar, kif ukoll fil-Kumitat tal-Etika;
   L-adozzjoni ta' politika ġdida dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta;
   L-istabbiliment ta' rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tal-pożizzjonijiet meħuda mill-istituzzjoni fil-qafas ta' programmi ta' assistenza finanzjarja, kif ukoll f'fora multilaterali bħall-Kumitat ta' Basel;

45.  Jilqa' l-feedback sostanzjali, dettaljat u taqsima b'taqsima mogħti mill-BĊE rigward ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ir-rapport annwali tal-BĊE għall-2017; jistieden lill-BĊE jkompli u jsaħħaħ aktar dan l-impenn favur l-akkontabilità u jibqa' jippubblika l-feedback bil-miktub tiegħu rigward ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ir-rapport annwali tal-BĊE kull sena;

46.  Jenfasizza li l-BĊE tejjeb il-komunikazzjoni tiegħu; jemmen, madankollu, li għandu jkompli l-isforzi tiegħu sabiex jagħmel id-deċiżjonijiet tiegħu disponibbli għaċ-ċittadini kollha u b'mod li dawn ikunu jistgħu jifhmuhom, kif ukoll l-azzjonijiet tiegħu biex tinżamm l-istabbiltà fil-prezzijiet fiż-żona tal-euro u għalhekk titħares il-kapaċità tal-akkwist tal-munita komuni;

o
o   o

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

(1) Testi adottati, P8_TA(2018)0215.
(2) Testi adottati, P8_TA(2019)0325.
(3) ECB Occasional Paper Series No 232 / Settembru 2019: Understanding low wage growth in the euro area and European countries (Nifhmu t-tkabbir baxx fil-pagi fiż-żona tal-euro u fil-pajjiżi Ewropej). https://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/scpops/ecb.op232~4b89088255.en.pdf
(4) Testi adottati, P8_TA(2019)0211.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Settembru 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza