Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2106(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0045/2020

Testi mressqa :

A9-0045/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0074

Testi adottati
PDF 164kWORD 55k
Il-Ħamis, 14 ta' Mejju 2020 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2018: Impriża Konġunta ECSEL
P9_TA(2020)0074A9-0045/2020
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Mejju 2020 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2018 (2019/2106(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-Impriżi Konġunti tal-UE għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-Impriżi Konġunti(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2020 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018 (05763/2019 – C9-0072/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ECSEL(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/887 tat-13 ta' Marzu 2019 dwar il-mudell tar-regolament finanzjarju għall-korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmijin fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0045/2020),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta ECSEL għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-impriża konġunta għas-sena finanzjarja 2018;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta ECSEL, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 426, 18.12.2019, p. 1.
(2) ĠU C 426, 18.12.2019, p. 24.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 152.
(6) ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.
(7) ĠU L 142, 29.5.2019, p. 16.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Mejju 2020 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2018 (2019/2106(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-Impriżi Konġunti tal-UE għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-Impriżi Konġunti(1)

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2020 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018 (05763/2019 – C9-0072/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ECSEL(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/887 tat-13 ta' Marzu 2019 dwar il-mudell tar-regolament finanzjarju għall-korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmijin fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0045/2020),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2018;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta ECSEL, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 426, 18.12.2019, p. 1.
(2) ĠU C 426, 18.12.2019, p. 24.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 152.
(6) ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.
(7) ĠU L 142, 29.5.2019, p. 16.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2018 (2019/2106(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ECSEL għas-sena finanzjarja 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0045/2020),

A.  billi fis-7 ta' Ġunju 2014 l-Impriża Konġunta ECSEL dwar Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea (l-‘Impriża Konġunta’) ġiet stabbilita fis-sens tal-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-għan li timplimenta l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar "Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea" (‘ECSEL’) għal perjodu sal-31 ta' Diċembru 2024;

B.  billi l-Impriża Konġunta ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014(1) f'Ġunju 2014 biex tissostitwixxi u tieħu post l-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC;

C.  billi l-membri tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni, l-Istati Membri u, fuq bażi volontarja, il-pajjiżi assoċjati (‘Stati Parteċipanti’) u l-assoċjazzjonijiet ta' membri privati (‘Membri Privati’) li jirrappreżentaw il-kumpaniji kostitwenti tagħhom u organizzazzjonijiet oħra li huma attivi fil-qasam tal-komponenti u s-sistemi elettroniċi fl-Unjoni;

D.  billi l-kontribuzzjonijiet lill-Impriża Konġunta previsti għall-perjodu kollu ta' Orizzont 2020 jammontaw għal EUR 1 184 874 000 mill-Unjoni, EUR 1 170 000 000 mill-Istati Parteċipanti u EUR 1 657 500 000 mill-Membri Privati;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2018 (ir-"rapport tal-Qorti") isib li l-kontijiet annwali huma ppreżentati b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, u li l-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2018 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha u l-bidliet fl-assi netti tagħha għas-sena li kienet għadha kemm intemmet, huma konformi mar-regoli finanzjarji tagħha u mar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni;

2.  Jinnota li l-baġit finali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2018 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn ta' EUR 194 100 000 u approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 310 554 000; jinnota li r-rati ta' użu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kienu ta' 98 % u 65 % rispettivament;

3.  Jinnota li r-rapport tal-Qorti jiddikjara li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2018 huma, fl-aspetti materjali kollha, legali u regolari;

4.  Jinnota li fi tmiem l-2018, l-Unjoni kkontribwiet EUR 637 600 000 mill-fond tas-Seba' Programm Kwadru għall-kofinanzjament tal-attivitajiet konġunti, u EUR 17 900 000 aktar għall-kofinanzjament tal-ispejjeż amministrattivi relatati; jinnota li l-impenn akkumulat għall-attivitajiet operattivi tas-Seba' Programm Kwadru ammonta għal EUR 606 000 000, u li l-pagamenti relatati akkumulati kienu EUR 529 000 000; jinnota li fl-2018, ir-rata ta' implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' pagament disponibbli ta' EUR 98 000 000 għall-proġetti tas-Seba' Programm Kwadru ta' 42 % kienet waħda baxxa, u dan kien dovut prinċipalment għad-dewmien min-naħa tal-awtoritajiet ta' finanzjament nazzjonali biex jipprovdu ċ-ċertifikati tat-tmiem tal-proġetti għall-attivitajiet li kienu għaddejjin tas-Seba' Programm Kwadru;

5.  Josserva li l-pagamenti li saru mill-Impriża Konġunta għall-proġetti tas-Seba' Programm Kwadru ammontaw għal EUR 41 000 000, liema ammont jirrappreżenta 22 % tal-pagamenti operattivi totali li saru fl-2018; jinnota, barra minn hekk, li r-rata tal-iżball residwu fi tmiem is-sena kienet ta' 3,36 %;

6.  Jinnota li għall-pagamenti operattivi tas-Seba' Programm Kwadru, l-Impriża Konġunta għadha dipendenti fuq l-awtoritajiet ta' finanzjament nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti, u dan jirriżulta f'riskju akbar fir-rigward tat-tempestività tal-pagamenti finali;

7.  Jinnota bi tħassib li fl-2018 l-Istati Parteċipanti, li huma meħtieġa jikkontribwixxu mill-inqas EUR 1 170 000 000 għall-attivitajiet operattivi ta' Orizzont 2020 tal-Impriża Konġunta, għamlu impenji li jammontaw għal EUR 564 000 000 u pagamenti ta' EUR 178 000 000, li jirrappreżentaw 15 % tal-kontribuzzjonijiet totali meħtieġa; jinnota li l-livell baxx ta' kontribuzzjonijiet tal-Istati Parteċipanti huwa relatat mal-fatt li xi Stati Parteċipanti jirrikonoxxu u jirrappurtaw biss l-ispejjeż tagħhom lill-Impriża Konġunta fi tmiem il-proġetti Orizzont 2020 li huma jappoġġaw; jinnota li r-rata ta' implimentazzjoni tal-baġit disponibbli għal Orizzont 2020 kienet ta' 100 % għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u 72 % għall-approprjazzjonijiet ta' pagament, u li r-rata ta' approprjazzjonijiet ta' pagament irriżultat f'ammont aktar baxx minħabba l-kontribuzzjoni addizzjonali ta' EUR 20 000 000 li waslet f'Diċembru 2018;

8.  Jinnota li mill-kontribuzzjonijiet ta' EUR 1 657 500 000 li kellhom isiru mill-membri tal-industrija għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta, fi tmiem l-2018, l-Impriża Konġunta stmat li l-membri kienu għamlu kontribuzzjonijiet in natura li ammontaw għal EUR 705 400 000, meta mqabbla mal-kontribuzzjoni fi flus tal-Unjoni ta' EUR 512 000 000; jinnota, barra minn hekk, li l-kontribuzzjonijiet fi flus tal-membri tal-industrija ammontaw għal EUR 11 300 000 u li l-kontribuzzjonijiet in natura tagħhom li ġew irrappurtati iżda mhux ivvalidati ammontaw għal EUR 694 100 000;

Prestazzjoni

9.  Jinnota l-użu ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-kejl tal-prestazzjoni operattiva u tal-programmi, u li l-Impriża Konġunta qed taħdem mal-Impriżi Konġunti l-oħra u mal-partijiet ikkonċernati tagħha biex tiddefinixxi indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u metodoloġiji komuni tal-impatt biex tivvaluta dawk l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni;

10.  Josserva li l-proporzjon tal-ispiża tal-ġestjoni (baġit amministrattiv/operattiv) għadu taħt il-5 %, u dan jindika struttura organizzattiva pjuttost flessibbli u effiċjenti tal-Impriża Konġunta;

11.  Jilqa' l-fatt li t-total ta' ingranaġġ miksub fl-2018 għall-programm tal-Impriża Konġunta, ikkalkulat bħala l-ispiża ta' Orizzont 2020 tnaqqas minnu l-finanzjament tal-Unjoni diviż bil-finanzjament tal-Unjoni, huwa ugwali għal 3, u dan jaqbeż l-effett ta' ingranaġġ fil-mira għall-perjodu kollu bejn l-2014 u l-2020; jinnota, barra minn hekk, li l-ingranaġġ totali miksub huwa 3,3 jekk l-ispiża nazzjonali tittieħed bħala bażi;

12.  Jinnota li l-Impriża Konġunta għamlet sforzi biex tikkonsolida u tiżviluppa l-attivitajiet tagħha biex tippermetti t-tmexxija mingħajr xkiel u effiċjenti tal-Impriża Konġunta; josserva li fl-2018 tnedew erba' sejħiet għal proposti, li rriżultaw fl-għażla ta' 13-il proġett kollaborattiv u 2 azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ;

13.  Jinnota li l-Impriża Konġunta nediet żewġ sejħiet għal proposti; għalkemm l-għadd ta' proposti naqas għar-raba' sena konsekuttiva, l-għadd ta' proposti magħżula huwa l-istess bħal fl-2017;

14.  Jinnota li l-komunikazzjoni effettiva hija komponent essenzjali tal-proġetti ta' suċċess iffinanzjati mill-Unjoni; iqis li huwa importanti li tiżdied il-viżibilità tal-kisbiet tal-Impriża Konġunta u li tinxtered l-informazzjoni dwar il-valur miżjud tagħha; jistieden lill-Impriża Konġunta taħdem favur politika ta' komunikazzjoni proattiva billi xxerred ir-riżultati tar-riċerka tagħha fost il-pubbliku, pereżempju permezz tal-midja soċjali jew ta' mezzi oħra tal-midja, u b'hekk tissensibilizza lill-pubbliku dwar l-impatt tal-appoġġ tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-adozzjoni mis-suq;

Persunal

15.  Jinnota li minn 31 post awtorizzat fit-tabella tal-persunal, 30 imtlew fl-2018: 14 minn aġenti temporanji u 16 minn aġenti kuntrattwali; jinnota wkoll li, fl-2018, il-postijiet ta' żewġ kapijiet ta' amministrazzjoni, uffiċjal kap finanzjarju wieħed u uffiċjal ta' programm wieħed kienu okkupati;

16.  Jinnota l-informazzjoni fir-rapport annwali tal-attività 2018 tal-Impriża Konġunta rigward il-bilanċ bejn is-sessi fil-proġetti ECSEL, li tindika li l-għadd totali ta' nisa involuti fi proġetti ECSEL li kienu għaddejjin fl-2018 u l-proġetti rrapportati dik is-sena (li kienu għaddejjin mill-2014, l-2015 u l-2016) kien ta' 3 336 (jew 18 %), meta mqabbel ma' total ta' 14 820 raġel (jew 82 %); jinnota li mhux il-membri tal-persunal kollha tal-impriżi benefiċjarji involuti fi proġetti ECSEL iwettqu attivitajiet ta' riċerka u li 16 % biss mill-membri tal-persunal tar-riċerka huma nisa;

Akkwist

17.  Jinnota bi tħassib kbir li l-Qorti sabet nuqqasijiet sinifikanti fil-ġestjoni tal-proċeduri ta' akkwist għal servizzi amministrattivi; jinnota mir-risposti tal-Impriża Konġunta li ġie nnominat assistent għall-baġit, l-akkwist u l-kuntratti biex jindirizza din il-kwistjoni;

Kontrolli interni

18.  Jilqa' l-fatt li l-Impriża Konġunta ħadet passi biex tivvaluta l-implimentazzjoni tal-awditi ex post imwettqa mill-Awtoritajiet ta' Finanzjament Nazzjonali u kisbet stqarrijiet bil-miktub mill-Awtoritajiet ta' Finanzjament Nazzjonali li jiddikkjaraw li l-implimentazzjoni tal-proċeduri nazzjonali tagħhom tipprovdi aċċertament raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet; jinnota li r-rapport tal-Qorti jirreferi għall-fatt li għall-pagamenti ta' Orizzont 2020 is-servizz tal-awditjar komuni tal-Kummissjoni huwa responsabbli għall-awditi ex post, u li r-rati tal-iżball residwu kkalkulati mill-Impriża Konġunta fi tmiem l-2018 kienu jammontaw għal 1,15 %;

19.  Jinnota li l-kwistjoni dwar il-varjazzjoni fil-metodoloġiji u l-proċeduri użati mill-Awtoritajiet ta' Finanzjament Nazzjonali ma għadhiex rilevanti għall-implimentazzjoni tal-proġetti taħt il-programm Orizzont 2020, peress li l-awditi ex post jitwettqu mill-Impriża Konġunta jew mill-Kummissjoni; jinnota li f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-pjan komuni ta' awditjar ex post għal Orizzont 2020, l-Impriża Konġunta rċeviet 22 dikjarazzjoni minn 27 mingħand l-Awtoritajiet ta' Finanzjament Nazzjonali, u jirrikonoxxi li dawn jipprovdu protezzjoni raġonevoli tal-interessi finanzjarji tal-membri tagħha;

20.  Josserva li l-Kummissjoni wettqet l-evalwazzjoni finali tagħha dwar l-Impriżi Konġunti ARTEMIS u ENIAC għall-perjodu mill-2008 sal-2013, flimkien mal-evalwazzjoni interim tagħha dwar l-Impriża Konġunta li topera taħt Orizzont 2020 u li tkopri l-perjodu mill-2014 sal-2016; jinnota li l-Impriża Konġunta ħejjiet u adottat pjan ta' azzjoni biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet ta' dawn l-evalwazzjonijiet u li diġà nbdew xi attivitajiet; madankollu, il-maġġoranza tal-attivitajiet għad iridu jiġu implimentati fl-2019, filwaqt li xi wħud minnhom ġew ikkunsidrati lil hinn mill-ambitu tal-Impriża Konġunta;

21.  Jinnota li l-pagament finali għall-implimentazzjoni tal-ftehim dwar il-livell ta' servizz konkluż ma'membru tal-industrija għall-provvista ta' servizzi ta' komunikazzjoni u għall-organizzazzjoni ta' avvenimenti, sar mingħajr id-dokumenti ta' sostenn meħtieġa;

22.  Jitlob lill-Qorti tivvaluta s-solidità u l-affidabbiltà tal-metodoloġija għall-kalkolu u l-ivvalutar tal-kontribuzzjonijiet in natura u jissuġġerixxi li l-valutazzjoni tevalwa d-disinn u r-robustezza tal-gwida għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' kontribuzzjoni in natura sabiex tassisti fil-proċess ta' ppjanar, rapportar u ċertifikazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura;

23.  Jinnota bi tħassib li l-Impriża Konġunta sabet li kontribuzzjonijiet fi flus għall-ispejjeż amministrattivi li jammontaw għal aktar minn EUR 1 000 000 ma ġewx fatturati minn ENIAC lill-membru tal-industrija AENEAS qabel ma twaqqfet l-Impriża Konġunta; sabiex tissolva din il-problema, l-Impriża Konġunta rċeviet EUR 1 000 000 mill-membri tagħha bħala "kontribuzzjoni fi flus imħallsa minn qabel"; jistieden lill-Impriża Konġunta toħroġ in-nota ta' debitu mingħajr dewmien;

Awditu intern

24.  Jinnota li fl-2018 is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq valutazzjoni tar-riskju; jinnota li l-IAS segwa r-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar proprja dwar il-proċess tal-għotjiet ta' Orizzont 2020 u l-prestazzjoni relattiva fl-Impriża Konġunta; jirrikonoxxi l-fatt li l-IAS ikkonkluda li r-rakkomandazzjonijiet kollha ġew implimentati b'mod adegwat;

Ġestjoni tar-riżorsi umani

25.  Jinnota li fil-31 ta' Diċembru 2018, l-Impriża Konġunta kienet timpjega 30 membru tal-persunal; jinnota li matul l-2018 l-Impriża Konġunta mliet żewġ pożizzjonijiet, waħda ta' kap tal-amministrazzjoni u l-finanzi u l-oħra ta' uffiċjal ta' programm, u rreklamat post għall-pożizzjoni ta' espert nazzjonali ssekondat;

26.  Jinnota l-fatt li, bil-ħsieb li l-istruttura tal-organizzazzjoni tiġi adattata għall-prijoritajiet u l-ħtiġijiet ta' għarfien espert, l-organigramma tal-Impriża Konġunta ġiet aġġornata fis-6 ta' Awwissu 2018; jinnota li f'Jannar 2018 il-Bord ta' Tmexxija vvalida sett ġdid ta' ħames regoli ta' implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal.

(1) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 152.

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Lulju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza