Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2056(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0021/2020

Testi mressqa :

A9-0021/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0084

Testi adottati
PDF 365kWORD 109k
Il-Ħamis, 14 ta' Mejju 2020 - Brussell Verżjoni proviżorja
Kwittanza 2018: Baġit ġenerali tal-UE - Il-Parlament Ewropew
P9_TA-PROV(2020)0084A9-0021/2020
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Mejju 2020 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew (2019/2056(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018 (COM(2019)0316 – C9-0051/2019)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Awditur Intern għas-sena finanzjarja 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(4),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(5) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikolu 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(7), u b'mod partikolari l-Artikoli 260, 261 u 262 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bureau tal-10 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regoli interni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Parlament Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 34 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100, l-Artikolu 104(3) u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0021/2020),

A.  billi l-President adotta l-kontijiet tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2018 fis-27 ta' Ġunju 2019;

B.  billi fil-25 ta' Ġunju 2019 is-Segretarju Ġenerali, bħala l-uffiċjal prinċipali awtorizzanti b'delega, iċċertifika b'aċċertament raġonevoli li r-riżorsi assenjati lill-baġit tal-Parlament intużaw għall-iskopijiet previsti, konformement mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba, u li l-proċeduri ta' kontroll stabbiliti joffru l-garanziji neċessarji ta' legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi;

C.  billi skont l-awditjar tal-Qorti tal-Awdituri ġie affermat li, fil-valutazzjoni speċifika tal-amministrazzjoni u ta' nefqa oħra fl-2018, ma ġiet identifika l-ebda dgħufija serja fir-rapporti annwali tal-attività eżaminati tal-istituzzjonijiet u tal-korpi li jirrikjedi r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046;

D.  billi l-Artikolu 262(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 jirrikjedi li kull istituzzjoni tal-Unjoni tieħu l-passi kollha xierqa sabiex tieħu azzjoni fuq il-kummenti li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tal-kwittanza tal-Parlament;

1.  Jagħti l-kwittanza lill-President tiegħu għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2018;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 57, 28.2.2018.
(2) ĠU 327, 30.9.2019, p. 1.
(3) ĠU 340, 8.10.2019, p. 1.
(4) ĠU C 340, 8.10.2019, p. 1.
(5) ĠU C 340, 8.10.2019, p. 9.
(6) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(7) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew (2019/2056(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100, l-Artikolu 104(3) u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0021/2020),

A.  billi fiċ-ċertifikazzjoni tiegħu tal-kontijiet finali, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Parlament Ewropew ("tal-Parlament") iddikjara l-aċċertament raġonevoli tiegħu li l-kontijiet, fl-aspetti materjali kollha, jippreżentaw b'mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja, ir-riżultati tal-operazzjonijiet u l-fluss tal-flus tal-Parlament;

B.  billi, skont il-proċedura tas-soltu, intbagħtu 126 mistoqsija lill-amministrazzjoni tal-Parlament u r-risposti bil-miktub waslu għand il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament u ġew diskussi pubblikament minnu fil-preżenza tal-Viċi President responsabbli għall-baġit, tas-Segretarju Ġenerali u tal-Awditur Intern;

C.  billi dejjem hemm lok għal titjib f'termini ta' kwalità, effiċjenza u effikaċja fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, u hemm bżonn ta' skrutinju biex jiġi żgurat li l-amministrazzjoni u t-tmexxija politika tal-Parlament jagħtu rendikont ta' għemilhom liċ-ċittadini tal-Unjoni,

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tal-Parlament

1.  Jikkonstata li l-approprjazzjonijiet finali tal-Parlament għall-2018 ammontaw għal EUR 1 950 687 373 jew 18,9 % tal-Intestatura V tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali(1) allokati għall-infiq amministrattiv għall-2018 tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fit-totalità tagħhom, u li jirrappreżentaw żieda ta' 2,2 % fuq il-baġit tal-2017 (EUR 1 909 590 000);

2.  Jikkonstata li d-dħul totali li tniżżel fil-kontijiet sal-31 ta' Diċembru 2018 kien jammonta għal EUR 193 998 910 (apparagun ta' EUR 206 991 865 fl-2017), u dan jinkludi EUR 30 783 590 minn dħul assenjat (apparagun ta' EUR 50 052 674 fl-2017);

3.  Jenfasizza li erba' kapitoli kienu jirrappreżentaw 67,6 % tal-impenji totali: il-Kapitolu 10 (Membri tal-istituzzjoni), il-Kapitolu 12 (Uffiċjali u persunal temporanju), il-Kapitolu 20 (Bini u spejjeż relatati) u l-Kapitolu 42 (Infiq relatat mal-assistenza parlamentari), u dan jindika livell għoli ta' riġidità li jikkaratterizza l-biċċa l-kbira tal-infiq tal-Parlament;

4.  Jikkonstata ċ-ċifri li abbażi tagħhom ingħalqu l-kontijiet tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2018, speċifikament:

(a)  Approprjazzjonijiet disponibbli (EUR)

approprjazzjonijiet għall-2018:

1 950 687 373

riporti mhux awtomatiċi mis-sena finanzjarja 2017:

2 564 000

riporti awtomatiċi mis-sena finanzjarja 2017:

289 785 291

approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għal dħul assenjat għall-2018:

30 783 590

riporti li jikkorrispondu għal dħul assenjat mill-2017:

47 369 977

Total:

2 318 626 231

(b)  Użu ta' approprjazzjonijiet fis-sena finanzjarja 2018 (EUR)

impenji:

2 283 150 877

pagamenti li saru:

1 933 089 380

approprjazzjonijiet riportati awtomatikament inklużi dawk li ġejjin minn dħul assenjat:

348 106 015

approprjazzjonijiet riportati mhux awtomatikament:

---

approprjazzjonijiet kanċellati:

39 994 836

(c)  Dħul tal-baġit (EUR)

miġbur fl-2018:

193 998 910

(d)  Il-karta tal-bilanċ totali fil-31 ta' Diċembru 2018 (EUR)

1 671 682 153

5.  Jikkonstata li 99,2 % tal-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit tal-Parlament, li ammontaw għal EUR 1 934 477 627, ġew impenjati, b'rata ta' kanċellazzjoni ta' 0,8 %; jikkonstata b'sodisfazzjon li, bħal ma ġara fis-snin preċedenti, inkiseb livell għoli ħafna ta' implimentazzjoni tal-baġit; jikkonstata li l-pagamenti ammontaw għal EUR 1 636 858 018, u dan irriżulta f'rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament ta' 84,6 %;

6.  Jenfasizza l-fatt li l-approprjazzjonijiet kanċellati għas-sena 2018, li ammontaw għal EUR 16 209 746, prinċipalment kellhom x'jaqsmu mar-remunerazzjoni u drittijiet oħra, kif ukoll man-nefqa relatata mal-bini;

7.  Jikkonstata li fis-sena finanzjarja 2018 ġew approvati ħdax-il trasferiment skont l-Artikoli 31 u 49 tar-Regolament Finanzjarju, li ammontaw għal EUR 53 533 500 jew 2,7 % tal-approprjazzjonijiet finali; josserva li l-maġġoranza tal-fondi ttrasferiti kienu relatati mal-politika immobiljari tal-Parlament u, b'mod partikolari, kienu biex jgħinu l-finanzjament tal-pagamenti annwali għall-proġett tal-bini Konrad Adenauer;

L-opinjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet għall-2018 u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet

8.  Ifakkar li l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") tagħmel valutazzjoni speċifika tan-nefqa amministrattiva u nfiq ieħor bħala grupp ta' politiki uniku għall-istituzzjonijiet Ewropej kollha; jirrimarka li l-infiq amministrattiv u relatat jinkludi n-nefqa għar-riżorsi umani (salarji, allowances u pensjonijiet), li jirrappreżenta 60 % tat-total, u n-nefqa għall-bini, it-tagħmir, l-enerġija u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;

9.  Jikkonstata li l-evidenza kumplessiva tal-awditjar tindika li l-infiq fuq "amministrazzjoni" mhuwiex milqut minn livell materjali ta' żball; jikkonstata wkoll li, abbażi tat-13-il żball kwantifikat, il-livell ta' żball stmat preżenti fl-Intestatura 5 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali dwar l-amministrazzjoni huwa taħt il-livell limitu ta' materjalità ;

10.  Jikkonstata s-sejbiet speċifiċi, rigward il-Parlament, li jinsabu fir-rapport tal-Qorti dwar il-kontijiet annwali tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2018 (ir-"rapport tal-Qorti"); jikkonstata li minħabba l-attakki terroristiċi tas-snin reċenti, l-istituzzjonijiet, inkluż il-Parlament, sabu li kien meħtieġ tisħiħ b'urġenza tal-protezzjoni tan-nies u tal-bini; josserva bi tħassib li l-Qorti sabet dgħufijiet fil-proċeduri organizzati mill-Parlament u mill-Kummissjoni; jikkonstata li, sabiex jiġu akkwistati xogħlijiet speċifiċi relatati mas-sigurtà, il-Parlament irrikorra għal kuntratti qafas li kienu diġà fis-seħħ u li t-tfassil ta' dawn il-kuntratti qafas ippermetta li l-Parlament jordna xogħlijiet ta' sigurtà essenzjali li mhumiex inklużi fl-iskeda oriġinali tal-prezzijiet fuq il-bażi ta' stima unika mingħand il-kuntrattur; jikkonstata li l-Parlament uża dan il-metodu f'żewġ proċeduri mill-erbgħa eżaminati mill-Qorti;

11.  Jikkonstata bi tħassib ir-risposta mogħtija mill-Parlament fil-proċedura kontradittorja mal-Qorti, li fiha jirrikonoxxi li, minħabba l-kuntest speċifiku (pressjoni ta' ħin u struttura speċifika għas-suq), il-kompetizzjoni setgħet kienet subottimali; jikkonstata b'sodisfazzjon li l-kuntratti qafas il-ġodda mogħtija f'dan is-settur, ma' ħames kuntratturi, huma bbażati fuq il-ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni adegwata tal-prezzijiet;

Ir-rapport annwali tal-Awditur Intern

12.  Jikkonstata li, fil-laqgħa tal-kumitat responsabbli mal-Awditur Intern li saret fit-18 ta' Novembru 2019, l-Awditur Intern ippreżenta r-rapport annwali tiegħu u ddeskriva l-awditjar ta' aċċertament u l-inkarigi ta' konsultazzjoni li wettaq u rrapporta dwarhom, li fl-2018 koprew is-suġġetti li ġejjin:

   il-manutenzjoni, ir-rinnovazzjoni u l-operat tal-bini (Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika) (DĠ INLO);
   rieżami preliminari tas-Sigurtà tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) tal-istituzzjoni;
   id-drittijiet individwali skont ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra;
   il-ħanut għall-persunal fil-Lussemburgu (DĠ INLO);
   is-segwitu tal-azzjonijiet miftuħa mir-rapporti ta' awditjar intern – Fażijiet I u II tal-2018;
   l-istabbiliment ta' funzjoni ta' aċċertament intern tal-kwalità fid-Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà u l-Protezzjoni (DĠ SAFE);
   pariri indipendenti dwar il-proġett ‘From Desktop to Hybrid’ (Mid-Desktop għat-Tagħmir Ibridu), id-Direttorat Ġenerali għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku (DĠ ITEC);
   aspetti tas-sistema tal-iskedi informattivi tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni tal-Unjoni (DĠ EXPO);
   is-segwitu tal-indisponibbiltà tal-IT u t-tisħiħ tal-Kontinwità tal-IT;
   ir-rapport dwar l-akkwist u l-implimentazzjoni ta' kuntratt fis-settur tal-forniment ta' ikel (DĠ INLO) għadu ma nħariġx, filwaqt li s-sejbiet preliminari li qed jiġu diskussi mal-maniġment;

13.  Jilqa' u jappoġġa l-azzjonijiet li l-Awditur Intern qabel mad-direttorati ġenerali responsabbli bħala riżultat tal-inkarigi ta' aċċertament u r-rakkomandazzjonijiet li huwa ħareġ wara l-inkarigi ta' konsulenza:

Azzjonijiet maqbula:

   fir-rigward tal-awditjar dwar il-manutenzjoni, ir-rinnovazzjoni u l-operat tal-bini (DĠ INLO), it-tisħiħ tal-qafas strateġiku għall-manutenzjoni u t-titjib ulterjuri tal-attivitajiet ta' manutenzjoni tal-bini tal-Parlament permezz tal-adozzjoni ta' politika komprensiva u pjan pluriennali strutturat koerenti; żieda fil-kunfidenza li l-proċessi u l-operazzjonijiet tal-bini tal-Parlament huma effiċjenti u kosteffettivi; appoġġ għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-attivitajiet ta' manutenzjoni permezz ta' analiżi u informazzjoni affidabbli;
   fir-rigward tal-awditjar tas-sistemi tal-informazzjoni, rieżami preliminari tas-Sigurtà tal-ICT tal-istituzzjoni, tisħiħ tal-governanza tas-sigurtà tas-sistemi tal-informazzjoni (inklużi politiki, standards u linji gwida), b'mod partikolari permezz tal-adozzjoni ta' politika istituzzjonali dwar is-sigurtà tal-informazzjoni: titjib tal-identifikazzjoni, il-protezzjoni u l-monitoraġġ tal-assi tal-IT (ħardwer, softwer relatat u netwerk); identifikazzjoni u rispons aħjar fir-rigward tal-inċidenti ta' ċibersigurtà, u tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' rkupru;
   fir-rigward tal-awditjar tad-drittijiet individwali tal-membri tal-persunal, tisħiħ tal-ambjent ta' kontroll ġenerali f'dan il-qasam u indirizzar tal-kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-benefiċċji tal-familja;
   fir-rigward tal-awditjar dwar il-ħanut tal-persunal fil-Lussemburgu, implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jittejbu l-ambjent ta' kontroll u l-attivitajiet ta' kontroll u l-adegwatezza tal-governanza interna; l-iżgurar tal-konformità tal-operazzjonijiet tal-ħanut, inkluż il-kont tal-imprest tiegħu, mar-Regolament Finanzjarju, mal-prinċipji tal-kontabbiltà u mal-leġiżlazzjoni tat-taxxa;

Rakkomandazzjonijiet:

   fir-rigward tas-sistema tal-iskedi informattivi ta' DĠ EXPO, implimentazzjoni tas-sitt rakkomandazzjonijiet biex isaħħaħ is-sistema ta' rappurtar tiegħu u jfassal aħjar il-kooperazzjoni bejn id-delegazzjonijiet, il-kumitati u l-partijiet interessati l-oħra;
   fir-rigward tal-istabbiliment ta' funzjoni ta' aċċertament intern tal-kwalità f'DĠ SAFE, implimentazzjoni tas-sitt rakkomandazzjonijiet għal dak il-għan, inkluż b'mod partikolari l-istabbiliment ta' politika ta' kwalità;
   b'rabta mal-proġett pilota ‘From Desktop to Hybrid’ (Mid-Desktop għat-Tagħmir Ibridu), tisħiħ tal-ġustifikazzjoni ekonomika tal-proġett; użu ta' tagħmir ibridu biex jiġu sostitwiti l-apparati multipli eżistenti; titjib tal-ġestjoni finanzjarja fir-rigward tal-prova tal-kunċett u l-proġetti pilota qabel ma jitnedew għodod ġodda;
   fir-rigward tas-segwitu tal-indisponibbiltà tal-IT u t-tisħiħ tal-Kontinwità tal-IT, żgurar tal-protezzjoni komplementari tal-infrastruttura tal-ICT; ittestjar tal-pjan ta' rkupru minn diżastru; elenkar tas-sistemi ta' informazzjoni kritiċi u d-dipendenzi tagħhom u titjib tal-ippjanar biex tiġi installata l-infrastruttura tal-ICT tal-Parlament barra l-bini tiegħu;

14.  Jikkonstata li l-proċess ta' segwitu tal-2018 irriżulta fl-għeluq ta' 28 mis-76 azzjoni miftuħa, u li t-tnaqqis progressiv tal-profil ta' riskju tal-azzjonijiet pendenti kompla fl-2018; jinnota, b'mod partikolari, li l-għadd ta' azzjonijiet miftuħa li jindirizzaw riskji sinifikanti naqas minn 22 għal 7, u ma kien hemm l-ebda azzjoni miftuħa fl-ogħla kategorija ta' riskju (‘kritika’); jikkonstata li flimkien ma' dawn l-azzjonijiet ivvalidati, kien hemm total ta' 117-il azzjoni miftuħa, inklużi dawk li għadhom mhumiex dovuti għall-implimentazzjoni, li 47 minnhom jindirizzaw riskju sinifikanti; jistenna li dawn jiġu implimentati skont l-iskadenzi miftiehma;

15.  Jilqa' b'mod partikolari l-possibbiltà li d-direttorati ġenerali jafdaw lill-Awditur Intern inkarigi ta' konsultazzjoni, u jirrakkomanda li d-direttorati ġenerali kollha jagħmlu użu minn din il-possibbiltà, jekk ikun hemm bżonn;

16.  Jikkonstata li żewġ awditi, wieħed dwar il-gruppi ta' viżitaturi u l-ieħor dwar l-allowance għall-assistenza parlamentari, huma parti mill-attività tal-2019 u se jiġu rrappurtati fil-bidu tal-2020; jitlob lill-Awditur Intern jinforma lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament dwar iż-żewġ eżiti hekk kif dawn ikunu disponibbli;

17.   Jiddispjaċih ħafna li r-rapport tal-Awditur Intern mhuwiex pubbliku; jinsisti li dan ir-rapport isir disponibbli għall-pubbliku kull sena, u li jintbagħat lill-Membri fl-istess ħin li jintbagħat lill-President u lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament; jiddeplora l-fatt li, fir-rigward tar-rapport tal-2018, ittieħdet id-deċiżjoni, f'Jannar 2020, li l-Membri jistgħu jaraw dan ir-rapport biss fuq talba, bl-applikazzjoni tal-proċedura tal-kamra tal-qari sikura; jemmen bis-sħiħ li permezz tal-limitu tal-aċċess għal dan id-dokument, li jikkonċerna l-użu ta' fondi pubbliċi, qed tingħata l-impressjoni spjaċevoli li hemm xi ħaġa moħbija;

Segwitu għar-riżoluzzjoni ta' kwittanza għall-2017

18.  Jieħu nota tar-risposti bil-miktub għar-riżoluzzjoni ta' kwittanza għall-2017 mogħtija lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament fis-17 ta' Settembru 2019, u tal-preżentazzjoni mis-Segretarju Ġenerali li fiha indirizza d-diversi mistoqsijiet u talbiet tar-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-Parlament għall-2017 u l-iskambju ta' fehmiet sussegwenti mal-Membri;

19.  Jiddeplora l-fatt li ma ttieħdet l-ebda azzjoni b'risposta għal uħud mir-rakkomandazzjonijiet fir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kwittanza għall-2017, u li d-dokument ta' segwitu għall-kwittanza ma jipprovdi l-ebda ġustifikazzjoni għal dan; jenfasizza l-importanza li jkun hemm diskussjonijiet aktar frekwenti mas-Segretarju Ġenerali dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-baġit tal-Parlament u l-implimentazzjoni tiegħu fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit;

Kwittanza tal-Parlament għall-2018

20.  Jikkonstata l-iskambju ta' fehmiet li sar bejn il-Viċi President responsabbli għall-baġit, is-Segretarju Ġenerali u l-Membri tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament fil-preżenza tal-Awditur Intern, fit-18 ta' Novembru 2019, fil-kuntest tal-kwittanza tal-Parlament għall-2018;

21.  Itenni l-appell tiegħu lill-Bureau biex jagħti segwitu għad-deċiżjonijiet ta' kwittanza kollha, skont l-Artikolu 25 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura u l-Artikoli 6 u 166 tar-Regolament Finanzjarju; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Bureau, filwaqt li jevidenzja r-rikjesti kollha għal azzjoni jew deċiżjoni min-naħa tal-Bureau; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jistabbilixxi pjan ta' azzjoni u skeda ta' żmien li jippermettu lill-Bureau jagħti segwitu u/jew jirrispondi għar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza tal-Parlament u jinkludi r-riżultati fid-dokument ta' monitoraġġ annwali; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jirrapporta fi żmien xieraq lill-Kumitat tal-Baġit tal-Parlament u lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament dwar il-proġetti kollha b'impatt baġitarju sinifikanti li jkunu ġew ippreżentati lill-Bureau; itenni l-ħtieġa li l-Bureau jtejjeb sostanzjalment, b'mod proattiv, it-trasparenza tal-proċedura ta' teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu;

22.  Jiddeplora l-fatt li, fl-2018, l-investigazzjoni interna identifikat erba' każijiet fil-qasam tal-allowance għall-assistenza parlamentari u dan ippermetta l-irkupru ta' EUR 146 814 (47 każ identifikati fl-2017 u EUR 903 741,00 irkuprati) u li, fir-rigward tal-allowances tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza tal-Membri, ġew irkuprati EUR 173 546 minn sitt investigazzjonijiet (EUR 68 589,05 fl-2017);

23.  Jirrimarka li l-attività leġiżlattiva żdiedet b'mod sostanzjali fl-2018, peress li l-Parlament kien qed joqrob lejn tmiem il-leġiżlatura 2014-2019 tiegħu;

24.  Jinnota li żewġ kumitati temporanji, il-Kumitat Speċjali dwar it-Terroriżmu (TERR) u l-Kumitat Speċjali dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-pestiċidi (PEST), ikkonkludew b'suċċess il-ħidma tagħhom matul is-sena u ġie stabbilit Kumitat Speċjali ieħor dwar il-Kriminalità Finanzjarja, l-Evażjoni tat-Taxxa u l-Evitar tat-Taxxa (TAX3);

25.  Jenfasizza li, fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2019, tnediet b'suċċess il-kampanja ta' komunikazzjoni; jinnota ż-żieda fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2019, iżda jinnota wkoll li l-għadd ta' persuni li ħarġu jivvutaw baqa' baxx wisq f'ċerti pajjiżi; iqis li dan it-tip ta' kampanja għandu jkollu natura kontinwa, b'enfasi partikolari fuq dawk il-pajjiżi;

26.  Japprova l-miżuri tal-istituzzjoni biex ittejjeb is-sigurtà, b'mod partikolari fi kwistjonijiet ta' sigurtà fiżika u tal-bini iżda wkoll iċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-komunikazzjoni;

27.  Jiddispjaċih li, minkejja l-fatt li l-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament irrifjuta l-baġit mitlub sabiex jinħoloq osservatorju tal-intelliġenza artifiċjali, din l-inizjattiva xorta tidher li għadha għaddejja fil-forma ta' grupp ta' ħidma; jinsab imħasseb ħafna dwar l-inosservanza evidenti ta' deċiżjoni demokratika meħuda mill-Membri, li tistabbilixxi preċedent spjaċevoli ħafna; jirrakkomanda li l-attività ta' dan il-grupp ta' ħidma tiġi interrotta immedjatament sakemm l-awtorità baġitarja tkun iddeċidiet li tallokalu baġit;

28.  Huwa konxju mill-importanza tal-politika immobiljari, b'mod partikolari l-proġett tal-bini Martens u l-bini mill-ġdid tal-bini Montoyer 63 fi Brussell, li tlestew fl-2018 u l-proġett Konrad Adenauer fil-Lussemburgu, li huwa skedat li t-tlestija tiegħu hija skedata sa tmiem Ġunju 2023; jifhem li, fl-2018, il-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament awtorizza t-trasferiment ta' tlaqqit, b'ammont ta' EUR 29 miljun, għall-prefinanzjament tal-proġett, u huwa stmat li dan wassal biex ġew iffrankati EUR 4,7 miljun fi mgħax; jinsab imħasseb dwar id-dewmien fil-kostruzzjoni tal-bini Konrad Adenauer fil-Lussemburgu, li kien ippjanat għall-2018 iżda issa mhux mistenni li jkun lest qabel l-2023;

29.  Jappoġġa l-użu tal-Iskema ta' Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS), li hija strument ta' ġestjoni tal-Unjoni Ewropea għall-organizzazzjonijiet privati u pubbliċi biex jevalwaw u jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom skont ir-Regolament 1221/2009(2); jappoġġa l-miżuri meħuda biex titnaqqas l-impronta tal-karbonju tal-Parlament;

30.  Jistieden lill-amministrazzjoni tiġbed l-attenzjoni għall-kodiċi ta' kondotta għall-Membri, li jistabbilixxi li l-Membri għandhom jaġixxu biss fl-interess pubbliku u jwettqu xogħolhom b'diżinteress, integrità, trasparenza, diliġenza, onestà, responsabbiltà u rispett għar-reputazzjoni tal-Parlament; jenfasizza li l-kodiċi ta' kondotta jiddefinixxi l-kunflitti ta' interess u kif il-Membri għandhom jindirizzawhom u jinkludi regoli li jirregolaw l-attivitajiet professjonali tal-ex Membri;

31.  Jinnota bi tħassib li kien hemm almenu 24 każ ta' ksur tal-kodiċi ta' kondotta bejn l-2012 u l-2018 li ma ġewx sanzjonati; jisħaq fuq il-fatt li jekk il-ksur mhuwiex sanzjonat b'mod adegwat, huwa anqas probabbli li l-Membri jirrispettaw il-kodiċi ta' kondotta; jistieden lill-President jivvaluta bir-reqqa kull allegat ksur tal-kodiċi ta' kondotta u, jekk ikun il-każ, jimponi sanzjoni adegwata lill-Membri kkonċernati;

32.  Jieħu nota tar-Regoli dwar it-Trasport tal-Membri fil-Postijiet tax-Xogħol tal-Parlament Ewropew ("ir-Regoli"); iqis li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-użu tal-karozzi uffiċjali fuq bażi permanenti mill-President, mis-Segretarju Ġenerali, mid-Deputat Segretarju Ġenerali u minn kull President tal-gruppi politiċi li hemm fir-Regoli bħala vagi wisq; jistieden lill-Bureau jirrevedi r-Regoli bil-għan li jintroduċi kundizzjonijiet aktar stretti dwar l-użu ta' dawn il-karozzi;

33.  Huwa tal-fehma li l-protezzjoni tal-informaturi hija element integrali tad-demokrazija u hija kruċjali fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment tal-attivitajiet illegali u l-għemil ħażin; ifakkar li, fost affarijiet oħra, l-assistenti parlamentari akkreditati (APA) jinsabu f'pożizzjoni vulnerabbli minħabba l-kuntratt ta' impjieg tagħhom; jikkonstata bi tħassib kbir il-fatt li s-Segretarju Ġenerali rrikonoxxa li "r-regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta huma applikabbli għall-assistenti parlamentari akkreditati iżda l-Parlament ma jistax jipprovdi protezzjoni tal-impjieg"; peress li huma jiddependu mill-Membru individwali tagħhom; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jqis dak il-fattur meta l-APA jaġixxu ta' informaturi, u jfittex li jestendi l-opzjonijiet ta' protezzjoni kuntrattwali li l-Parlament joffri lill-APA li huma vittmi ta' fastidju għall-APA li jaġixxu ta' informaturi;

34.  Jenfasizza l-fatt li r-regoli attwali dwar it-terminazzjoni ta' kuntratti għall-APA ma jipprovdux il-possibbiltà ta' terminazzjoni permezz ta' ‘kunsens reċiproku’, li jkun mod kif tiġi rikonoxxuta r-relazzjoni speċjali bejn il-Membri u l-assistenti, meta ż-żewġ partijiet jistgħu jirrikonoxxu li l-fiduċja reċiproka m'għadhiex teżisti, u jibbenefikaw minn soluzzjoni komuni mingħajr ma jiddgħajfu d-drittijiet soċjali tal-APA; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jsib soluzzjoni għall-fatt li s-salarji tal-APA jistgħu jitħallsu biss f'kontijiet bankarji Belġjani, peress li dan imur kontra l-idea ta' unjoni monetarja u ta' pagamenti unika;

35.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-allegata prattika mill-Membri li jobbligaw lill-APA jmorru fuq missjonijiet, partikolarment fi Strasburgu, mingħajr ordnijiet tal-missjoni, mingħajr spejjeż tal-missjoni u saħansitra mingħajr spejjeż tal-ivvjaġġar; huwa tal-fehma li din il-prattika tagħti lok għal abbuż: meta l-APA jivvjġġaw mingħajr ordni tal-missjoni, huma jkollhom iħallsu minn buthom l-ispejjeż u ma jkunux koperti mill-assigurazzjoni fuq il-post tax-xogħol; itenni t-talbiet tiegħu lis-Segretarju Ġenerali biex jinvestiga din l-allegata prattika u jirrapporta dwarha sa tmiem is-sena;

36.  Itenni t-talba tiegħu lill-Konferenza tal-Presidenti u lill-Bureau biex jikkunsidraw mill-ġdid il-possibbiltà li l-APA, f'ċerti kundizzjonijiet li għad iridu jiġu stabbiliti, jakkumpanjaw lill-Membri f'delegazzjonijiet u f'missjonijiet uffiċjali tal-Parlament, kif diġà mitlub minn diversi Membri; jistieden lis-Segretarju Ġenerali janalizza l-konsegwenzi baġitarji, u l-organizzazzjoni u l-loġistika ta' tali missjonijiet;

37.  Jistieden lill-Parlament jadatta kompletament ir-regoli interni tiegħu fir-Regolamenti tal-Persunal mad-Direttiva (UE) 2019/1937(3) dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni, adottata dan l-aħħar, anki billi jwaqqaf kanali siguri għar-rappurtar; jitlob barra minn hekk lill-Parlament jiggarantixxi l-istess livell ta' protezzjoni lill-informaturi ta' irregolaritajiet kif jagħmel lill-vittmi ta' fastidju; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jistabbilixxu taħriġ obbligatorju għall-maniġers ġerarkiċi biex jissensibilizza lill-membri tal-persunal parlamentari dwar il-protezzjoni tal-informaturi u dwar dmirhom skont ir-Regolament tal-Persunal li jirrappurtaw attivitajiet illegali jew kull każ ta' amministrazzjoni ħażina;

38.  Jikkonstata li d-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea kellha impatt konsiderevoli fis-servizzi differenti tal-Parlament, b'mod partikolari fuq il-kumitati, l-unitajiet ta' riċerka u s-servizzi orizzontali;

39.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Bureau tat-2 ta' Mejju 2018 dwar il-persunal biċ-ċittadinanza tar-Renju Unit, jiġifieri li l-ebda uffiċjal mhu se jingħata s-sensja abbażi taċ-ċittadinanza tar-Renju Unit tiegħu; jifhem li l-valutazzjonijiet ta' każ b'każ li twettqu sad-data inizjalment prevista għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-persunal kuntrattwali u temporanju taċ-ċittadinanza tar-Renju Unit, ma rriżultaw fit-terminazzjoni tal-ebda kuntratt; jirrikonoxxi li l-gruppi politiċi jwettqu l-valutazzjonijiet tagħhom każ b'każ għall-persunal tagħhom;

40.  Jieħu nota tal-implimentazzjoni b'suċċess tal-objettiv ta' tnaqqis ta' 5 % fil-persunal, li fl-2018 kienet teħtieġ li l-Parlament jelimina 60 post tax-xogħol mit-tabella tal-persunal amministrattiv tiegħu; iqis li huwa importanti li jiġi żgurat il-livell għoli ta' prestazzjoni tal-Parlament, kemm fuq perjodu qasir kif ukoll fuq dak fit-tul, filwaqt li tiġi żgurata wkoll ġestjoni baġitarja responsabbli u li jkun hemm iffrankar fejn xieraq; jemmen li jista' jiġi previst iffrankar ulterjuri; jemmen bis-sħiħ li huwa essenzjali li tiġi implimentata strateġija ta' komunikazzjoni mmirata lejn il-Kunsill, l-Istati Membri u ċ-ċittadini Ewropej biex ikun hemm reazzjoni għall-kritika inġusta u mifruxa tas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea, li ilha għaddejja snin sħaħ;

41.  Jinsab imħasseb dwar l-għadd ta' membri tal-persunal fuq liv minħabba mard fit-tul u dwar iż-żieda qawwija fl-għadd ta' każijiet ta' eżawriment professjonali (burnout), u jinsab imħasseb li xi wħud minn dawk il-każijiet jistgħu jkunu marbuta mal-eżawriment u t-tħarbit tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; huwa partikolarment imħasseb bin-nuqqas ta' persunal u, fl-istess ħin, iqis li huwa diffiċli li tiġi ġġustifikata l-espansjoni fil-karigi maniġerjali superjuri, li qed twassal għal struttura maniġerjali żbilanċjata u b'għadd sproporzjonat ta' karigi tal-ogħla livell; jistieden lill-amministrazzjoni biex tadotta approċċ proattiv fir-rigward tal-persunal ikkonċernat, tevalwa bir-reqqa l-ammont ta' xogħol tal-persunal u tiżgura distribuzzjoni bilanċjata tal-kompiti; jitlob rapport dwar il-miżuri meħuda b'reazzjoni għal-liv minħabba mard fit-tul u l-eżawrimenti professjonali sat-30 ta' Ġunju 2020;

42.  Jinsisti, f'kuntest ta' żieda fl-aspettattivi fir-rigward ta’ dak li huwa kapaċi jwettaq il-persunal, fuq l-importanza ta' djalogu regolari u kostruttiv mal-kumitat tal-persunal, mat-trade unions u fil-każ tal-gruppi politiċi mar-rappreżentati tal-persunal tagħhom; jistenna li d-djalogu kostruttiv ma' dawk il-korpi jitkompla, b'mod partikolari dwar kwistjonijiet relatati mal-politika tal-persunal kif ukoll ma' kundizzjonijiet tax-xogħol bħall-mobbiltà, l-ambjent tax-xogħol u l-ħin flessibbli;

43.  Iqis li huwa essenzjali, għal dan il-għan, għar-rappreżentanti tal-persunal li jinstemgħu meta l-Bureau jiddiskuti kwistjonijiet ġenerali li jaffettwaw il-politika tal-persunal; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jieħu l-miżuri xierqa biex jimplimenta din in-neċessità kruċjali;

44.  Jirrimarka li sabiex jinżamm servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea eċċellenti u indipendenti, leali u motivat, ir-Regolamenti tal-Persunal jeħtieġ jiġu rrispettati u applikati b'mod sħiħ fil-kliem u l-ispirtu tagħhom; jitlob, f'dan il-kuntest, li tintemm ukoll il-prattika ta' "paraxutiżmu" tan-nies f'karigi, li taf tkun dannuża għall-proċeduri u għalhekk għall-kredibbiltà tal-istituzzjoni, b’mod partikolari tal-Unjoni, b'mod ġenerali;

45.  Ifakkar fis-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew fil-każijiet konġunti 488/2018/KR u 514/2018/K, kif ukoll fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-18 ta' April 2018, b'mod partikolari li l-uffiċjali mill-korpi rappreżentattivi tal-persunal ikunu fuq il-bordijiet tal-għażla tal-Parlament għal karigi ta' maniġment superjuri, u jistieden lis-Segretarju Ġenerali jkompli jtejjeb il-proċeduri ta' ħatra tal-uffiċjali ta' grad għoli permezz ta' aktar trasparenza u ugwaljanza; jitlob, barra minn hekk, li jiġu żgurati l-konsistenza fir-rigward tal-pubblikazzjonijiet esterni ta' karigi ta' maniġment superjuri u d-diliġenza fil-pubblikazzjoni ta' dawn il-karigi kif u meta jitbattlu; jistieden lill-amministrazzjoni tal-Parlament tirrapporta kull sena dwar il-ħatra tal-uffiċjali ta' grad għoli;

46.  Jiddispjaċih profondament għan-nuqqas ta' prospettivi ta' karriera għall-persunal kuntrattwali; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jivvaluta r-riskji relatati mal-użu ta' għadd dejjem jikber ta' persunal kuntrattwali, inkluż il-periklu li tinħoloq struttura tal-persunal b'żewġ livelli fi ħdan il-Parlament; jinsisti li l-kompiti u l-karigi permanenti ewlenin għandhom jitwettqu minn persunal permanenti;

47.  Huwa konvint li l-attraenza tal-Parlament bħala post tax-xogħol hija komponent ewlieni tas-suċċess tiegħu; jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet li nqalgħu fir-reklutaġġ ta' xi ċittadinanzi; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jinsisti fuq il-ħtieġa ta' bilanċ ġeografiku reali f'termini ta' rappreżentanza proporzjonali tal-Istati Membri kollha fil-livelli kollha, inklużi l-livelli maniġerjali superjuri; jirrikonoxxi l-passi pożittivi ħafna meħuda sabiex jinkiseb bilanċ bejn is-sessi; jitlob azzjoni urġenti biex jinkiseb bilanċ aħjar bejn is-sessi fil-livelli kollha, inkluż fil-livell tad-diretturi ġenerali;

48.  Jiddispjaċih fir-rigward tas-sottorappreżentanza persistenti tal-pajjiżi li saru membri tal-Unjoni wara l-2004, speċjalment fl-aktar karigi għoljin, u l-problema hija li, filwaqt li qed jiġu reklutati ċittadini mill-Istati Membri l-ġodda, qed jingħataw promozzjonijiet aktar liċ-ċittadini tal-Istati Membri l-qodma, u dan qed jirriżulta f'qabża dejjem tikber bejn l-Istati Membri l-qodma u dawk ġodda; jitlob li din is-sitwazzjoni tiġi rettifikata;

49.  Jirrimarka li fil-kompetizzjonijiet interni bejn l-2014 u l-2019, kien hemm 30 persuna li nħatru fl-ogħla grad tal-paga AD9, li minnhom 16 kienu minn żewġ Stati Membri kbar qodma, b'tali mod li kien hemm għadd notevoli ta' ħatriet ta' persunal minn dawn iż-żewġ pajjiżi matul iċ-ċiklu leġiżlattiv kollu, u jitlob lis-Segretarju Ġenerali jispjega r-raġuni għal dan ir-riżultat sproporzjonat;

50.  Jiddispjaċih għad-diffikultà biex jiġu reklutati membri tal-persunal fil-gradi aktar baxxi fil-Lussemburgu, speċjalment fil-kategorija ta' assistenti segretarji; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi introdott koeffiċjent ta' korrezzjoni li jqis l-ispejjeż tal-għajxien ogħla f'dan il-post tax-xogħol filwaqt li jsir reklutaġġ ta' persunal fi gradi ogħla sabiex tissolva din il-problema strutturali; jitlob li r-reklutaġġ mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) jiġi riformat sabiex tali reklutaġġ ikun jista’ jilħaq b’mod aħjar il-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet, inklużi permezz ta’ proċeduri ta' reklutaġġ iqsar;

51.  Ifakkar li l-Artikolu 11 tar-Regoli ta' Proċedura introduċa obbligu għar-rapporteurs, ix-shadow rapporteurs u l-presidenti tal-kumitati li jippubblikaw informazzjoni dwar il-laqgħat li jsiru mar-rappreżentanti ta' interess fil-kuntest tar-rapporti tagħhom; jinnota b'sodisfazzjon li, mill-bidu tal-leġiżlatura l-ġdida, l-infrastruttura meħtieġa hija disponibbli fuq is-sit web tal-Parlament biex il-Membri jkunu jistgħu jippubblikaw il-laqgħat skedati mar-rappreżentanti interessati; jistieden lis-segretarjat ixerred informazzjoni dettaljata u jorganizza taħriġ sabiex ikun iktar faċli għall-uffiċċji tal-Membri biex jirrispettaw bis-sħiħ dan l-obbligu; jiddispjaċih li l-infrastruttura attwali ma tinkludix proċess li permezz tiegħu l-Membri u l-APS jistgħu jipprovdu s-suġġerimenti u l-feedback tagħhom għal titjib ibbażat fuq l-esperjenza tal-utent; jitlob lis-servizzi parlamentari jiżviluppaw kwestjonarju ta' feedback fuq bażi annwali u biex jinkludu r-riżultati f'rapport dwar l-użu tal-għodda; jilqa' l-fatt li s-Segretarju Ġenerali ta struzzjonijiet lis-servizzi tal-Parlament biex iqabbdu l-għodda mar-Reġistru tat-Trasparenza u mal-Osservatorju Leġiżlattiv u jinkoraġġixxi kwalunkwe sforz li jkompli jtejjeb din l-għodda, inkluż billi jiġi pprovdut aċċess għall-ipproċessar tad-data pprovduta mill-Membri fl-infrastruttura tas-sit web tal-Parlament dwar laqgħat ma' rappreżentanti ta' interess f'format li jista' jinqara minn magna, filwaqt li tiġi pprovduta l-possibbiltà li l-laqgħa tintrabat ma' sħubija f'delegazzjoni, li jiġi indikat li l-laqgħa saret fil-livell ta' persunal, li l-entrati fis-sit web tal-Parlament jiġu llinkjati għas-sit web tal-Membru stess u li din l-infrastruttura tkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni; jistieden ukoll lill-Parlament itejjeb il-komunikazzjoni tiegħu mal-Membri dwar l-obbligu tar-rapporteurs, ix-shadow rapporteurs u l-presidenti tal-kumitati li jippubblikaw dawn il-laqgħat;

52.  Jilqa' dan il-pass pożittiv lejn trasparenza ikbar kif ukoll il-possibbiltà li l-Membri kollha li jkunu jixtiequ jippubblikaw din l-informazzjoni jistgħu jagħmlu dan permezz tal-infrastruttura tas-sit web tal-Parlament, anke jekk il-Membru ma jkunx rapporteur, shadow rapporteur jew President ta' kumitat; iqis li din iż-żieda fit-trasparenza tgħin liċ-ċittadini Ewropej jifhmu aħjar il-ħidma tal-Membri tagħhom; għalhekk jiddispjaċih li din l-infrastruttura ta' dikjarazzjoni tal-laqgħat teżisti biss bl-Ingliż u mhux bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni;

53.  Barra mir-rapport konġunt tal-Parlament u tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tar-Reġistru ta' Trasparenza, jitlob lill-Parlament jabbozza rapport annwali dettaljat dwar ir-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess u organizzazzjonijiet oħra li ngħataw aċċess fir-reċinti tal-Parlament;

54.  Jirrikonoxxi l-fatt li li l-produzzjoni ta' data pubblika f'format miftuħ u li jinqara mill-magni, faċilment aċċessibbli u li tista' tintuża, toffri opportunitajiet kbar kemm f’termini ta’ trasparenza fil-konfront tal-pubbliku kif ukoll tal-innovazzjoni; jilqa' l-inizjattivi attwali maħsuba biex tinħoloq u tiġi kkonvertita f'dak il-format dik id-data tagħha li tkun ta' interess għall-pubbliku; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm approċċ aktar faċli għall-utent, sistematiku u kkoordinat għal tali inizjattivi, skont politika tad-data miftuħa definita sew tal-Parlament;

55.  Jirrikonoxxi l-valur miżjud li jista' joffri s-softwer liberu u b'sors miftuħ għall-Parlament; jenfasizza b'mod partikolari r-rwol tagħhom fiż-żieda tat-trasparenza u l-evitar tal-effetti ta' intrappolament tal-bejjiegħa; jirrikonoxxi wkoll il-potenzjal tagħhom ta' titjib fis-sigurtà peress li jagħmluha possibbli li jiġu identifikati u stabbiliti d-dgħufijiet; jirrakkomanda bil-qawwa li kwalunkwe softwer żviluppat għall-istituzzjoni jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b'liċenzja ta' softwer liberu u b'sors miftuħ;

56.  Jinnota li r-riżultati tal-votazzjonijiet b'sejħa tal-ismijiet fil-plenarja għandhom ikunu disponibbli f'format miftuħ u li jinqara mill-magni, u għandhom ikunu viżibbli faċilment fuq is-sit web tal-Parlament; jistieden lill-Parlament, għalhekk, jippubblika l-verżjoni li tinqara mill-magni tar-riżultati tal-votazzjoni b'sejħa tal-ismijiet ħdejn il-verżjonijiet li ma jistgħux jinqraw minn magna, fuq il-paġna web tal-minuti tal-plenarja;

57.   Jikkonstata li r-regoli riveduti li jirregolaw il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-gruppi ta' viżitaturi sponsorizzati daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2017; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jagħti l-valutazzjoni ta' dawn ir-regoli mingħajr dewmien; huwa tal-fehma li s-sistema attwali tinjora l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tat-trasport li jvarjaw u ma żżommx il-pass mal-inflazzjoni, u jappella bil-qawwa għal rieżami tas-sistema għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja għall-gruppi ta' viżitaturi malajr kemm jista' jkun sabiex, fost affarijiet oħra, jiġi evitat li Membri jkunu jistgħu jieħdu kwalunkwe benefiċċju materjali mis-sistema; jistieden lill-Bureau jiġġeneralizza s-sistema ta’ rimborż abbażi tas-sottomissjoni tal-kontijiet għall-gruppi ta' viżitaturi; itenni t-talba tiegħu li titneħħa l-possibbiltà li l-APA jinħatar bħala l-kap ta' grupp;

Parlament favur l-ambjent u newtralità karbonika sal-2030

58.  Jilqa' l-kontribut pożittiv tal-Parlament għall-iżvilupp sostenibbli permezz tar-rwol politiku tiegħu u r-rwol tiegħu fil-proċeduri leġiżlattivi; jenfasizza l-ħtieġa li l-Parlament imexxi bl-eżempju u jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli permezz tal-mod kif jopera;

59.  Ifaħħar l-impenn tal-Parlament favur l-akkwist pubbliku ekoloġiku; jinnota li l-objettiv tal-Parlament huwa li jżid il-perċentwal ponderat għall-valur tal-kuntratti fost ċerti prodotti prijoritarji kklassifikati bħala ‘Ekoloġiċi’, ‘Ekoloġiċi Ħafna’ jew ‘Ekoloġiċi min-Natura Tagħhom’; jinnota li fl-2018, 44,9 % tal-kuntratti skont il-valur fil-kategoriji ta' prodotti prijoritarji ġew ikklassifikati bħala ‘Ekoloġiċi’, ‘Ekoloġiċi Ħafna’ jew ‘Ekoloġiċi min-Natura Tagħhom’; jirrimarka li, meta l-kuntratti kollha kklassifikati bħala ‘Ekoloġiċi min-Natura Tagħhom’, indipendentement mill-kategorija tal-prodott, jiġu inklużi fiċ-ċifra, il-karattru ekoloġiku tal-kuntratti tal-Parlament jiżdied għal 55,8 % għall-2018, li huwa qrib l-objettiv intermedju ta' 60 %; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat akkwist pubbliku ekoloġiku ulterjuri billi jiġu stabbiliti objettivi ambizzjużi għal kuntratti ta' ekoloġizzazzjoni fuq perjodu ta' żmien medju;

60.  Jilqa' l-adozzjoni tar-Rieżami tal-Ġestjoni Ambjentali u d-Dikjarazzjoni Ambjentali 2018, l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni 2018 u l-monitoraġġ regolari tiegħu;

61.  Jappoġġa l-objettiv tal-Parlament li jnaqqas kemm jista' jkun l-emissjonijiet tal-karbonju tiegħu; itenni t-tħassib tiegħu li d-dispersjoni ġeografika tal-Parlament tirriżulta fi 78 % tal-missjonijiet kollha tal-persunal tal-Parlament, u li l-impatt ambjentali jammonta għal bejn 11 000 u 19 000 tunnellata emissjonijiet ta' CO2;

62.   Huwa tal-fehma li, wara d-dikjarazzjoni tal-Emerġenza Klimatika, il-Parlament għandu jmexxi bl-eżempju u jimpenja ruħu li jikseb newtralità karbonika sal-2030; jitlob lill-Parlament jiżviluppa strateġija għall-kisba tan-newtralità karbonika sal-2030 u jippreżenta l-istrateġija tiegħu lill-awtorità ta' kwittanza; jagħti istruzzjonijiet lill-grupp ta' ħidma tal-EMAS tiegħu biex jemenda l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u l-pjan attwali ta' tnaqqis tas-CO2 biex tinkiseb newtralità karbonika sal-2030; jitlob ukoll ir-rapportar u l-kontabbiltà tat-tpaċija tas-CO2 tal-Parlament bħala kwistjoni ta' urġenza;

63.   Jenfasizza li madwar 67 % tal-impronta tal-karbonju tal-Parlament toriġina mit-trasport tal-persuni; ifakkar li, bid-deċiżjoni tiegħu tal-15 ta' Mejju 2017, il-Bureau approva l-proposta li jiġi offrut mod ta' trasport effiċjenti u ta' kwalità għolja għall-Membri filwaqt li jiġi mminimizzat l-impatt ambjentali permezz ta' tranżizzjoni gradwali għal vetturi elettriċi għall-flotta tal-karozzi tal-Parlament u l-promozzjoni ta' kull tip ta' trasport ekoloġiku li jopera b'emissjonijiet żero fl-ambjent urban u li jkollu flotta li tkun kompletament elettrika mill-2024; jilqa' d-diversi miżuri u strumenti introdotti f'dan ir-rigward minn DĠ INLO; jistenna li l-Bureau jfassal sistema ta' rimborż tal-ivvjaġġar li tinkludi l-ispiża tat-tpaċija tas-CO2 fil-prezz tal-vjaġġ u jinċentiva l-użu ta' trasport ekokompatibbli;

64.  Jappoġġa l-objettiv tal-Parlament, li huwa li jpaċi l-emissjonijiet inevitabbli tiegħu; jissuġġerixxi t-tpaċija konġunta tal-emissjonijiet inevitabbli ma' istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni;

65.  Jenfasizza li l-Parlament għandu jonora l-impenji tiegħu fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u, konsegwentement, għandu jieħu passi xierqa fil-bini kollu tiegħu biex jagħmel parkeġġi għar-roti, fejn ir-roti jkunu protetti mis-serq, minn atti vandaliċi u mill-elementi, disponibbli għall-membri kollha tal-persunal u, tal-anqas għandu joffri l-istess arranġamenti attwalment disponibbli fil-parkeġġi għall-karozzi tal-membri tal-persunal; jinnota li f'dan ir-rigward, jista' jkun ukoll utli ħafna li jkun hemm sistema li fiha l-vinjetti jintużaw bħala mezz ta' identifikazzjoni;

66.   Jilqa' l-isforzi tal-Parlament biex iżid in-numru ta' laqgħat mingħajr karti; jitlob li jiġu offruti iktar sessjonijiet ta' taħriġ lill-Membri kollha, lill-membri tal-persunal u lill-APA dwar l-għodod mingħajr karti li nħolqu biex ikunu jistgħu jiġu stampati anqas dokumenti, u li jsiru iktar kampanji ta' komunikazzjoni;

67.  Jitlob lill-Parlament itejjeb il-komunikazzjoni tiegħu mal-Membri u jinfurmahom dwar il-possibbiltà li jużaw il-ferrovija diretta bejn il-Parlament u l-ajruport ta' Brussell, li b'kollox tieħu 20 minuti, u dwar liema Membri jistgħu jużawha bla ħlas, u li juża l-influwenza tiegħu biex jitlob li dawk il-ferroviji jaħdmu b'intervalli regolari u iqsar sabiex din il-possibbiltà tkun attraenti kemm jista' jkun;

68.  Ifaħħar lill-persunal talli għamel użu sħiħ mill-ferroviji charter lejn Strasburgu; iħeġġeġ lill-maniġers superjuri ma jużawx il-karozzi tas-servizz tagħhom għall-missjonijiet tagħhom fi Strasburgu;

69.  Jappoġġa t-tpaċija ta' 100 % tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-Parlament, inklużi l-emissjonijiet minn titjiriet tal-Membri bejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom u Brussell u Strasburgu, fuq bażi annwali permezz ta' krediti tal-karbonju; ifakkar li l-kuntratt ta' tpaċija li jkopri l-emissjonijiet tal-Parlament mill-2017 ġie ffirmat fid-19 ta' Lulju 2018 għal ammont totali ta' EUR 184 095,80;

70.  Jinsab imħasseb bil-volatilità tal-prezzijiet għat-tpaċija tas-CO2 fis-suq taċ-ċertifikati tal-emissjonijiet, li jagħmilha impossibbli li jiġi stmat l-ammont eżatt meħtieġ għat-tpaċija tal-ammont totali ta' emissjonijiet tal-karbonju; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-mezzi finanzjarji disponibbli fil-linja baġitarja 2390 (attwalment EUR 249 000) jistgħu ma jkunux suffiċjenti għat-tpaċija tal-ammont totali ta' emissjonijiet tal-karbonju fis-snin li ġejjin;

71.  Jilqa' d-deċiżjonijiet tal-Kwestur u tal-Bureau, f'April u Ġunju 2018 rispettivament, dwar it-tnaqqis tal-iskart tal-plastik u l-attivitajiet ta' mmaniġġjar tal-iskart; jitlob lill-Parlament jieħu azzjoni ambizzjuża ulterjuri u b'mod rapidu, favur Parlament ħieles mill-plastik;

72.  Jilqa' l-eżitu pożittiv tal-awditjar estern li sar f'Mejju/Ġunju 2018 li jikkonferma l-kundizzjoni tajba u l-maturità tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tal-Parlament;

Dispersjoni ġeografika tal-Parlament – sede unika

73.  Jenfasizza li l-Unjoni għażlet li tkun preżenti permezz tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji tagħha f'diversi Stati Membri, u dan jiggarantixxi rabta qawwija maċ-ċittadini u jiżgura l-viżibbiltà tal-valur miżjud tal-Unjoni (‘viżibbilta’ Ewropea’), filwaqt li titqies il-ġestjoni responsabbli tal-fondi pubbliċi;

74.  Jinnota li l-ispejjeż marbuta mat-12-il vjaġġ li l-Membri tal-Parlament jagħmlu kull sena lejn Strasburgu jammonta għal EUR 21 266 689; jinnota li l-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali jammontaw għal EUR 3 631 082 għall-persunal tal-Parlament u EUR 2 097 250 għall-APA;

75.  Jinnota li, fl-2018, l-ispiża għall-ferrovija charter Thalys kienet ta' EUR 3 741 900 (meta mqabbla ma' EUR 3 668 532 fl-2017);

76.  Jenfasizza li ċ-ċaqliq tal-vetturi uffiċjali tal-Parlament lejn Strasburgu u lura vojta ħlief għax-xufiera rispettivi tagħhom ikompli jżid mal-impatt finanzjarju u ambjentali tat-12-il missjoni annwali fi Strasburgu; jilqa' l-fatt li teżisti l-opportunità li l-APA jingħaqdu mal-vjaġġ lejn Strasburgu u lura, iżda jiddispjaċih li din il-possibbiltà mhux qed tiġi sfruttata bis-sħiħ; jistieden lill-Parlament jippermetti li l-membri kollha tal-persunal tal-Parlament u tal-gruppi politiċi jużaw ukoll din l-alternattiva għall-vjaġġ tagħhom lejn Strasburgu, u li jtejjeb il-komunikazzjoni tiegħu dwar din il-possibbiltà;

77.  Jikkonstata li n-nefqa addizzjonali involuta li ma jkunx hemm sede unika tmur kontra l-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja soda u kontra l-prinċipju ta' dixxiplina baġitarja; ifakkar li maġġoranza kbira tal-Membri tal-Parlament esprimew l-appoġġ, f'diversi riżoluzzjonijiet, favur sede unika biex jiġi żgurat l-infiq effiċjenti ta' flus il-kontribwenti tal-Unjoni; jinnota li l-Qorti stmat li t-trasferiment minn Strasburgu lejn Brussell jista' jiġġenera ffrankar annwali ta' EUR 114-il miljun flimkien ma' ffrankar ta' darba ta' EUR 616-il miljun f'każ ta' ċessjoni effikaċi tal-bini fi Strasburgu, jew spiża ta' darba ta' EUR 40 miljun jekk dan ma jseħħx; jinnota li sede unika tista' tinkiseb biss permezz ta' bidla unanima fit-Trattat; iħeġġeġ lill-Kunsill jieħu nota tal-pożizzjoni tal-Parlament u jerfa' r-responsabbiltà tiegħu u jaġixxi kif xieraq; jenfasizza li jista' jsir użu iktar effiċjenti jekk il-vetturi uffiċjali tal-Parlament lejn Strasburgu jittrasportaw lill-Membri, l-APA u l-membri tal-persunal b'ordnijiet ta' missjoni; iqis li l-vetturi uffiċjali tal-Parlament għandhom tal-anqas jimtlew qabel ma jiġu organizzati karozzi tal-linja charter meta l-ferroviji charter bejn Brussell u Strasburgu jkunu mimlija;

78.  Jenfasizza l-fatt li l-Unjoni, bħala waħda mill-firmatarji tal-Ftehim ta' Pariġi skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, wiegħdet li żżomm iż-żieda fit-temperatura medja globali għal ferm inqas minn 2 °C 'il fuq mil-livelli preindustrijali, u jinnota bi tħassib li t-12-il vjaġġ fis-sena lejn Strasburgu jżidu bla bżonn l-emissjonijiet tal-karbonju prodotti mill-Parlament;

Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni (DĠ COMM)

79.  Ifakkar li, fl-2018, id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni (DĠ COMM) kellu 805 membri tal-persunal; jistieden lid-DĠ COMM biex juża persentaġġ ikbar tal-baġit globali tal-Parlament fis-snin li ġejjin mis-6,1 % li uża fl-2018;

80.  Jilqa' l-implimentazzjoni sħiħa tal-baġit fl-2018 li tixhed l-isforzi li twettqu biex ir-riżorsi kollha disponibbli għad-DĠ COMM jintużaw bis-sħiħ biex jintlaħaq numru massimu ta' ċittadini, u dan kien ta' importanza partikolari f'din is-sena preelettorali; jinnota b'sodisfazzjon li, fl-2018, ikkontribwixxa b'mod attiv għall-iżvilupp u d-definizzjoni ta' strateġija għall-kampanja elettorali Ewropea;

81.  Jikkonstata li l-indikatur ewlieni tad-DĠ COMM, mill-2017, kien is-sigħat ta' attenzjoni li l-Parlament jirċievi fil-mezzi kollha ta' komunikazzjoni; jikkonstata b'sodisfazzjon li, lil hinn mill-enfasi fuq il-livelli ta' attenzjoni, id-DĠ COMM qed jiżviluppa metodoloġija biex ikejjel l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-attivitajiet tiegħu fil-mezzi kollha ta' komunikazzjoni; japprova l-enfasi fuq il-viżibbiltà tal-Parlament;

82.  Jistieden lid-DĠ COMM jinforma lill-awtorità ta' kwittanza f'ċikli ta' kwittanza futuri dwar l-objettivi stabbiliti fis-sena rispettiva sabiex tkun tista' tivvaluta l-effikaċja tal-attivitajiet tad-direttorat ġenerali;

83.  Jistieden lid-DĠ COMM ikompli bl-isforzi tiegħu biex itejjeb is-sit web pubbliku tal-Parlament, b'mod partikolari fir-rigward tal-ottimizzazzjoni tal-magni tat-tiftix, u biex iżid il-viżibbiltà tiegħu; iħeġġeġ lid-DĠ COMM joħloq sit web li jista' jiġi kkonsultat faċilment u li jkun aċċessibbli faċilment ukoll mill-apparati kollha (jiġifieri smartphones, tablets u sal-kompjuters desktop), b'enfasi partikolari fuq verżjoni mobbli semplifikata tas-sit web;

84.  Jikkonstata li, fil-qasam tal-midja, fl-2018, ġew implimentati bosta proġetti u l-preżenza tal-Parlament fuq il-web kompliet tiġi kkonsolidata bl-użu ta' Webstreaming 3.0, li jtejjeb il-kapaċità ta' streaming tal-Parlament;

85.  Jirrikonoxxi, barra minn hekk, li kien hemm titjib sinifikanti fl-użu tal-midja soċjali min-naħa tal-Parlament, u jħeġġeġ ukoll l-użu ta' pjattaformi ta' netwerks soċjali liberi, b'sors miftuħ u self-hosted b'attenzjoni speċjali fir-rigward tal-protezzjoni tad-data tal-utenti; jirrikonoxxi wkoll l-isforzi relatati mas-sensibilizzazzjoni dwar azzjonijiet tal-Unjoni, u jħeġġeġ ukoll lill-Parlament jintensifika l-attività tiegħu fuq il-midja soċjali sabiex ixerred ir-riżultati tal-ħidma tal-Parlament fost iċ-ċittadini tal-Unjoni; jikkonstata wkoll li ġew investiti sforzi sinifikanti fi strateġija komprensiva għall-viżitaturi u, b'enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ, fl-implimentazzjoni tal-programm "Skola Ambaxxatriċi tal-Parlament Ewropew";

86.  Jikkonstata li, fl-2018, ġew organizzati 285 seminar għall-istampa fl-Istati Membri, u għalihom attendew aktar minn 3 629 ġurnalist. jilqa' l-fatt li, barra minn hekk, 1 905 ġurnalist ġew mistiedna jieħdu sehem fis-sessjonijiet plenarji, u 1 191 ġurnalist ġew mistiedna jieħdu sehem f'seminars tal-istampa organizzati ċentralment; ifaħħar lid-DĠ COMM talli għamel użu mill-kanali tal-midja kollha possibbli għat-tixrid tal-informazzjoni dwar il-ħidma u r-riżultati miksuba mill-Parlament; jistieden lid-Direttorat Ġenerali jagħti attenzjoni adegwata lill-importanza tal-midja soċjali u lill-potenzjal sinifikanti tagħha, li kulma jmur dejjem jikber, biex jintlaħqu ċ-ċittadini;

87.  Jappoġġa l-attivitajiet tal-Parlamentarium li sal-11 ta' Lulju 2018 kien laqa' 2 miljun viżitatur, u s-suċċess tal-proġetti pilota ta' tal-Europa Experience f'Berlin, Ljubljana, Strasburgu u Helsinki; jesprimi l-gratitudni tiegħu għall-Unità taż-Żjarat u s-Seminars li fl-2018 laqgħet numru rekord ta' viżitaturi;

88.  Ifakkar li l-2018 kienet l-ewwel sena sħiħa ta' operat għal Dar l-Istorja Ewropea; jinnota li Dar l-Istorja Ewropea laqgħet 164 158 viżitatur; jilqa' l-ftehim ta' kofinanzjament mal-Kummissjoni, li jiżgura kontribuzzjoni annwali għall-ispejjeż ta' funzjonament; għadu mħasseb ħafna bir-rapporti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol f'Dar tal-Istorja Ewropea taħt il-kuntrattur preċedenti u jitlob b'urġenza lis-Segretarju Ġenerali jinforma lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament dwar is-sitwazzjoni tal-impjegati ta' Dar l-Istorja Ewropea taħt il-kuntrattur il-ġdid; jitlob ukoll lis-Segretarju Ġenerali jippubblika ċ-ċifri relatati mal-ispejjeż totali tal-kuntrattur u l-ammont minfuq fuq il-pagi tal-impjegati ta' Dar l-Istorja Ewropea;

Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew

89.  Ifakkar li saret riforma tal-Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew (EPLO) fl-Istati Membri, li d-dikjarazzjoni tal-missjoni riveduta tagħhom għandha l-għan li tinvolvi liċ-ċittadini u lill-midja permezz tat-tisħiħ tat-timijiet tal-istampa u l-partijiet interessati u l-multiplikaturi sabiex jintlaħqu ċ-ċittadini;

90.  Jieħu nota tal-partiti tan-nefqa differenti għall-2017, imqassma kif ġej:

Partita tan-nefqa

Nefqa 2018

Spejjeż tal-persunal

EUR 22 814 372

Spejjeż ta' bini

EUR 11 170 082

Spejjeż ta' sigurtà

EUR 1 843 339

Spejjeż ta' komunikazzjoni

EUR 11 639 088

Total

EUR 45 886 152

91.  Jinsisti fuq l-importanza ta' komunikazzjoni effikaċi fl-Istati Membri filwaqt li tiġi żgurata l-kosteffettività; jistieden lill-partijiet kollha involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet jirsistu għal valur miżjud, b'mod partikolari fir-rigward tal-ispejjeż operattivi;

92.  Jappella lill-Parlament u lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni mal-EPLOs rispettivi tagħhom; jitlob li l-EPLOs iżidu l-viżibbiltà tagħhom permezz ta' avvenimenti u attività intensiva fuq il-midja soċjali sabiex jintlaħqu ċ-ċittadini; jistieden lill-EPLOs iżidu l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni tagħhom mal-istituzzjonijiet Ewropej individwali bil-għan li jissemplifikaw l-operat tal-EPLOs;

93.  Jikkonstata li l-uffiċċju tal-EPLO bbażat f'Ateni fl-2018 nefaq EUR 38 400 għall-kiri ta' spazji għall-parkeġġ; iqis li dawn l-ispejjeż huma sproporzjonatament għolja meta wieħed jikkunsidra li huma biss sitt impjegati li attwalment jaħdmu f'dan l-uffiċċju; jistieden lill-Parlament jinvestiga r-raġunijiet għal dawn l-ispejjeż u, jekk ikun meħtieġ, jieħu l-miżuri xierqa biex jirrimedja s-sitwazzjoni;

94.  Jikkonstata li, fit-30 ta' Jannar 2019, il-Bureau ddeċieda li jżomm l-uffiċċju tal-Parlament f'Londra u li l-uffiċċju antenna f'Edinburgh se jibqa' hemm mill-inqas sa tmiem l-2020; jinnota li d-deċiżjoni dwar il-preżenza tal-Parlament f'Edinburgh lil hinn mill-2020 se tittieħed fi stadju aktar tard;

95.  Jikkonstata bi tħassib id-deċiżjoni tal-Bureau tal-11 ta' Frar 2019 dwar l-appoġġ parlamentari għall-Missjoni tal-UE għall-ASEAN f'Jakarta, id-delegazzjoni tal-UE għall-Unjoni Afrikana f'Addis Ababa u d-Delegazzjoni tal-UE għan-NU fi New York; iqis li minħabba n-natura speċifika ta' dan l-appoġġ parlamentari, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament għandu jingħata informazzjoni dettaljata dwar ir-riżorsi u r-riżultati fuq bażi annwali fil-qafas tal-kwittanza tal-Parlament; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jwettaq analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji ta' dan l-appoġġ għad-diplomazija parlamentari qabel tmiem l-2020 u qabel kwalunkwe estensjoni prevista għal reġjuni oħra tad-dinja;

Direttorat Ġenerali għall-Persunal (DG PERS)

96.  Ifakkar li, fl-2018, id-Direttorat Ġenerali għall-Persunal (DĠ PERS) kellu 456 membru tal-persunal u amministra 47,5 % tal-baġit globali tal-Parlament;

97.  Jilqa' t-trasferiment tal-kompiti relatati mal-Assistenti Parlamentari Akkreditati mid-Direttorat Ġenerali għall-Finanzi (DĠ FINS) lid-DĠ PERS u l-isforz sinifikanti meħtieġ sabiex jiġi organizzat it-trasferiment tar-responsabbiltajiet;

98.  Jikkonstata b'sodisfazzjon il-ħolqien tal-Front Office tal-Assistenti Parlamentari Akkreditati li jamministra l-proċedura ta' reklutaġġ fl-intier tagħha tal-APA, kif ukoll il-modifika u t-terminazzjoni tal-kuntratti u l-appoġġ amministrattiv lill-APA; jemmen li għandha tissaħħaħ aktar il-kapaċità tal-Front Office li jwieġeb għall-ħtiġijiet tal-APA; jilqa' l-introduzzjoni ta' proċedura semplifikata u aktar rapida għar-reklutaġġ tal-APA u l-progress lejn ġestjoni ta' fajls mingħajr karti; jitlob li t-timijiet amministrattivi tal-Parlament responsabbli għar-reklutaġġ tal-APA jissaħħu qabel il-bidu ta' kull mandat ġdid, għaż-żmien meħtieġ biex jiġi pprovdut taħriġ komprensiv minn qabel u sakemm jgħaddi l-perjodu b'volum tax-xogħol għoli;

99.  Itenni t-talba tiegħu lill-amministrazzjoni biex toffri, kemm jista' jkun malajr fil-leġiżlatura li jmiss, pubblikazzjonijiet jew korsijiet ta' taħriġ speċjalment għall-APA l-ġodda, inkluż fir-rigward ta’ kwistjonijiet prattiċi u amministrattivi (ordnijiet ta' missjoni, visti mediċi, akkreditament, stikers tal-parkeġġ, gruppi ta' viżitaturi, wirjiet, eċċ.) sabiex jiġu evitati żbalji sistemiċi li jħarbtu t-tmexxija bla xkiel tal-proċeduri amministrattivi li jaffettwaw lill-APA l-ġodda;

100.   Itenni t-talba tiegħu li l-APA jirċievu l-istess allowance ta' sussistenza bħall-persunal statutorju għall-missjonijiet tagħhom biex jattendu s-sessjonijiet parzjali fi Strasburgu;

101.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-ġestjoni tal-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq l-amministrazzjoni tal-Parlament, speċjalment fir-rigward tal-impatt fuq ir-riżorsi umani u fuq il-baġit;

102.  Jikkonstata li l-indikatur ewlieni tad-DĠ PERS fl-2018 kien il-ħin għat-twettiq tal-kompiti; jikkonstata b'sodisfazzjon li l-objettivi u l-metodi tal-ġbir tad-data ġew irfinati b'valutazzjoni ġenerali pożittiva tar-riżultati;

103.  Jikkonstata li l-għadd totali ta' persunal fil-Parlament f'Diċembru 2018 kien ta' 9 883 uffiċjal attiv, u dan jinkludi l-persunal permanenti u dak temporanju, il-persunal kuntrattwali u l-APA (apparagun ta' 9 682 fl-2017);

104.  Jiġbed l-attenzjoni għar-Rapport Speċjali Nru 15/2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: Implimentazzjoni tal-pakkett ta' riformi tal-persunal tal-2014 fil-Kummissjoni – Iffrankar sinifikanti, iżda mhux mingħajr konsegwenzi għall-persunal; jinnota bi tħassib l-osservazzjonijiet tal-Qorti li huma applikabbli għal istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni, inkluż il-Parlament, u għalhekk jilqa' r-rieda tal-Kummissjoni li taċċetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti; jappoġġa l-pożizzjoni espressa mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament(4) dwar il-kwistjoni; jenfasizza l-importanza li l-Unjoni tipprovdi salarji kompetittivi meta mqabbla mas-settur privat fil-pajjiż ta' residenza u jinsab imħasseb li kundizzjonijiet inqas favorevoli ta' impjieg jistgħu jkunu naqqsu l-attraenza li wieħed jaħdem għall-Unjoni, b'mod partikolari meta hemm diffikultajiet biex jiġi attirat persunal suffiċjenti minn għadd ta' Stati Membri; iwissi dwar il-konsegwenzi serji li kwalunkwe tnaqqis fil-baġit amministrattiv jew kwalunkwe tnaqqis tal-persunal jista' jkollu fil-futur tas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni; jesprimi wkoll it-tħassib kbir tiegħu dwar iż-żieda fil-proporzjon ta' persunal kuntrattwali b'riżultat tar-riforma tal-persunal tal-2014 li rriżultat f'kundizzjonijiet ta' impjieg dejjem aktar prekarji fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-istabbiliment ta' kategorija ta' persunal tal-UE parallel bi prezz baxx; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jwettqu valutazzjoni komprensiva tal-impatt fuq il-ġestjoni tar-riżorsi umani u l-benesseri tal-persunal ta' kwalunkwe riforma jew reviżjoni futura tar-Regolamenti tal-Persunal;

105.  Ifakkar fil-fatt li l-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs hija komponent fundamentali tal-politika ta' ġestjoni tar-riżorsi umani tal-Parlament; jieħu nota tal-fatt li l-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn is-sessi qed ikompli jiġi implimentat permezz ta' azzjonijiet konkreti: ġew stabbiliti objettivi ta' 40 % għal kapijiet tal-unità nisa, ta' 35 % għal diretturi nisa u ta' 30 % għal diretturi ġenerali nisa sa tmiem l-2019; jiddispjaċih madankollu li l-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn is-sessi ma ġiex implimentat b'mod sħiħ, speċjalment fir-rigward tal-fatt li jintlaħaq l-objettiv tar-rappreżentanza tan-nisa f'karigi maniġerjali superjuri ta’ 40 % sal-2020; jitlob l-istabbiliment b'urġenza ta' objettivi aktar ambizzjużi u li dawn jinkisbu fuq perjodu ta' żmien qasir;

106.  Jipproponi, ukoll, li enfasi ikbar jitpoġġa fuq l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, b'mod partikolari pereżempju billi jiżdied l-għadd ta' persuni b'diżabbiltà li jaħdmu fl-amministrazzjoni tal-Parlament; jikkonstata li, fi ħdan il-Bureau, diġà jeżisti Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Ġeneru u d-Diversità u jitlob li jwettaq studju tal-miżuri meħuda fl-Istati Membri u fil-livell internazzjonali li kienu effettivi biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà fuq il-post tax-xogħol, inklużi miżuri leġiżlattivi; jitlob li l-Grupp ta' Livell Għoli jirrapporta lura lill-Bureau b'suġġerimenti konkreti ladarba jsir l-istudju u jiġu analizzati r-riżultati; jitlob l-istabbiliment b'urġenza ta' objettivi aktar ambizzjużi, inkluż dawk li jirriflettu l-ħtieġa li jkun hemm bilanċ ġeografiku, u li dawn jinkisbu fuq perjodu ta' żmien qasir;

107.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza u d-Diversità inkariga lid-DĠ PERS fl-2018 biex jelabora rapport bi pjan direzzjonali li jinkludi l-lista ta' miżuri biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe raġuni bħall-oriġini etnika, id-diżabbiltà, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fis-Segretarjat tal-Parlament; jieħu nota tal-fatt li l-Bureau adotta r-rapport f'April 2019 u diġà qed jiġi implimentat; jitlob lill-Grupp ta' Livell Għoli jkompli jsaħħaħ u jtejjeb dan it-tip ta' miżuri u inizjattivi sabiex jitrawwem ambjent tax-xogħol inklużiv fil-PE;

108.  Jiddeplora l-fatt li ma teżisti l-ebda sistema għall-Membri li qegħdin bil-liv tal-maternità sabiex jiġu temporanjament sostitwiti; huwa tal-opinjoni li din l-impossibbiltà fundamentalment tmur kontra l-valuri fundamentali tal-Unjoni minħabba li tibgħat messaġġ li vot mogħti lil kandidat mara jista' jinvolvi nonrappreżentanza temporanja; huwa tal-opinjoni li l-fatt li ma teżisti l-ebda sistema għall-Membri li jkunu fuq assenza tal-ġenituri u anki għall-Membri li jkunu fuq liv minħabba mard fit-tul sabiex jiġu temporanjament sostitwiti, hija problema persistenti, peress li l-fatt li ma jistgħux jibgħatu lil xi ħadd biex jivvota f’isimhom joħloq żbilanċ temporanju fir-rappreżentazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni; jistieden lill-Kunsill jemenda l-Artikolu 6 tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett(5) sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata;

109.  Jiddispjaċih li, matul il-perijodu 2017 sal-2018, in-numru ta' nisa li jokkupaw pożizzjoni fil-livell ta' direttur ġenerali baqa' stabbli f'numri assoluti, għal 2, jiġifieri ħafna inqas mill-objettiv; jinnota b'sodisfazzjon li n-numru ta' nisa fil-livell ta' direttur laħaq 34 % fi tmiem l-2018 u 37 % matul l-2019 u li n-numru ta’ nisa fil-livell ta' kap ta' unità żdied għal 38 % fi tmiem l-2018 u 39 % fi tmiem l-2019; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' approċċ gradwali, iżda jenfasizza li s-sitwazzjoni tkun sodisfaċenti biss ladarba l-bilanċ bejn is-sessi fil-livell maniġerjali jkun jirrifletti l-bilanċ bejn is-sessi tal-popolazzjoni eliġibbli għal dawk il-pożizzjonijiet;

110.  Jinnota li hemm Stati Membri li mingħajr ebda pożizzjoni ta' direttur jew ta' direttur ġenerali, u li, minkejja li għaddew ħafna snin miċ-ċikli ta' tkabbir tal-2004, l-2007 u l-2013, ma kien hemm l-ebda żieda korrispondenti fir-rappreżentanza għall-Istati Membri l-ġodda fil-livell maniġerjali, fejn għad hemm ċerti nazzjonalitajiet b’sovrarappreżentanza kbira; jirrakkomanda li din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata; ifakkar fl-importanza li kull reklutaġġ ikun ibbażat fuq il-kompetenza, filwaqt li tiġi rispettata l-importanza li jinkiseb bilanċ ġeografiku fost il-persunal tal-Parlament; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Parlament jiżgura li l-persunal f'kull livell, inkluż fil-livell ta' direttur u ta' direttur ġenerali, jiġi reklutat u promoss mingħajr diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità u jiżgura li l-impjieg fil-Parlament ikun attraenti b'mod ugwali għan-nazzjonalitajiet kollha;

111.  Jieħu nota tas-soluzzjonijiet li nstabu għall-APA li jkunu ħadmu għal żewġ leġiżlaturi konsekuttivi mingħajr interruzzjoni iżda li kien jonqoshom massimu ta' xahrejn biex jikkompletaw l-għaxar snin ta' servizz meħtieġa biex ikollhom dritt għal pensjoni skont l-iskema tad-drittijiet tal-pensjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jikkritika l-fatt li s-soluzzjoni tressqet tard wisq, minkejja t-twissijiet numerużi u bla waqfien matul il-leġiżlatura preċedenti; jikkritika, barra minn hekk, il-fatt li soluzzjoni waħda biss instabet u li kienet tiddependi biss mir-rieda tajba ta' ċerti Membri li kienu jafu bis-sitwazzjoni u li xtaqu juru solidarjetà mal-APA tagħhom f’din is-sitwazzjoni; jikkritika, barra minn hekk, il-fatt li l-Amministrazzjoni ma informatx lill-Membri eletti għal-leġiżlatura l-ġdida dwar din il-kwistjoni u dwar il-fatt li setgħu joħorġu kuntratti ta' inqas minn sitt xhur f'dawn il-każijiet, u minħabba f'hekk ħafna minn dawn l-APA kellhom diffikulta’ kbira biex isibu Membru li kien lest li jimpjegahom fuq kuntratt mingħajr interruzzjoni għal perjodu qasir ta' żmien, xi ħaġa li xi wħud mill-APA lanqas irnexxielhom jagħmlu (skont l-Amministrazzjoni, dan kien il-każ għal mill-inqas 3 mill-170 APA kkonċernat);

112.  Jilqa' l-estensjoni u s-semplifikazzjoni tal-possibbiltajiet tat-telexogħol għas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament iżda jitlob l-estensjoni tal-possibbiltà ta' telexogħol bi skeda fissa, bħal ma jiġri fil-Kummissjoni u f'istituzzjonijiet oħra; jappoġġa t-twettiq ta' stħarriġ dwar l-esperjenza tat-telexogħol u jitlob li r-riżultati tal-evalwazzjoni jiġu kondiviżi mal-Membri u mas-servizzi Parlamentari kollha;

113.   Jitlob mill-ġdid għal użu usa' tal-vidjokonferenzi u ta' teknoloġiji oħra sabiex jitħares l-ambjent u jiġu ffrankati r-riżorsi, b'mod partikolari biex jonqsu l-vjaġġi tal-persunal bejn it-tliet postijiet tax-xogħol sabiex iwettqu d-doveri tagħhom;

114.  Jirrikonoxxi l-politika ta' tolleranza żero tal-Parlament fir-rigward tal-fastidju fi kwalunkwe u f'kull livell inklużi l-Membri, il-persunal u l-APA kif ukoll l-azzjonijiet stabbiliti biex jiskoraġġixxi l-fastidju fuq il-post tax-xogħol, b'mod partikolari l-adozzjoni, mill-Bureau, fit-12 ta' Marzu 2018, ta' pjan direzzjonali aġġornat għall-adattament ta' miżuri ta' prevenzjoni u ta' appoġġ bikri biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' fastidju bejn il-Membri u l-APA, it-trainees jew membri oħra tal-persunal, awditjar estern tal-proċeduri u l-prattiki interni tal-Parlament, il-ħolqien ta' netwerk ta' konsulenti kunfidenzjali u ta' funzjoni ta' medjatur, u l-organizzazzjoni ta' smigħ pubbliku ma' esperti fil-qasam tal-fastidju fuq il-post tax-xogħol; jikkonstata li r-riżultati tal-awditjar estern kienu mistennija fil-bidu ta' Novembru 2018 u jitlob li dawn jiġu kkomunikati mingħajr dewmien, ladarba jkunu disponibbli; jitlob spjegazzjoni għal dan id-dewmien: jilqa' l-fatt li ċerti gruppi ħeġġew bil-qawwa lill-Membri tagħhom biex jipparteċipaw fis-sessjonijiet ta' taħriġ dwar id-dinjità u r-rispett fuq il-post tax-xogħol, sabiex imexxu bl-eżempju, u jitlob għas-sessjonijiet ta’ taħriġ għall-Membri u għall-membri tal-persunal; jistenna l-implimentazzjoni sħiħa u trasparenti tal-pjan direzzjonali; jieħu nota li l-Kumitat Konsultattiv dwar il-Fastidju u l-Prevenzjoni tiegħu fil-Post tax-Xogħol irċieva madwar 20 ilment dwar fastidju psikoloġiku jew sesswali fuq il-post tax-xogħol kull sena mill-2014 sal-2017 u 7 ilmenti fl-2018, li ma jistgħux jiġu injorati f'kuntest fejn kull każ huwa każ żejjed;

115.  Jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri rakkomandati fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-implimentazzjoni tat-taħriġ kontra l-fastidju għall-persunal u l-Membri kollha fuq bażi obbligatorja, kif ukoll ir-ristrutturar taż-żewġ kumitati eżistenti f'kumitat indipendenti wieħed; jitlob li l-ispejjeż ġudizzjarji u mediċi tal-vittmi ta' fastidju jkunu koperti skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal;

116.  Jilqa' l-fatt li ma kien hemm l-ebda lista ta' stennija għall-ewwel tliet kategoriji ta' persunal (jiġifieri ħaddiema fil-Parlament li jkunu ġenitur wieħed u Membri; żewġ ġenituri li jaħdmu full-time fil-Parlament; żewġ ġenituri li jaħdmu fil-Parlament, li wieħed minnhom jaħdem full time u l-ieħor mill-inqas half time) li jintużaw biex tingħata prijorità lill-allokazzjoni ta' pożizzjonijiet fil-crèches tal-Parlament u l-crèches privati fi Brussell li l-Parlament għandu kuntratt magħhom; jikkonstata li, fl-2018, ġew offruti 197 post u ġew aċċettati 116-il post mill-membri tal-persunal; jinnota b'sodisfazzjon li l-crèches Wayenberg qed tiġi estiża u se jkollha kapaċità għal 320 tifel u tifla (attwalment għandha 230 post);

117.  Jinnota li mill-1 ta' Frar 2020, il-kumpanija “Esedra” saret il-fornitur ta' servizz ġdid tal-crèches u tal-iskejjel preprimarji tal-Parlament; jinnota b’ansjetà l-informazzjoni limitata mogħtija mis-servizzi rilevanti tal-Parlament (DĠ PERS) dwar il-bidliet li dan il-kuntratt ġdid se jinvolvi qabel ma nbidel il-fornitur tas-servizz; jenfasizza l-ħtieġa li l-Parlament iqiegħed dejjem il-benesseri tat-tfal fil-crèches tiegħu fil-quċċata tal-kriterji tiegħu meta jkun qed jevalwa sejħa għall-offerti, kif ukoll li jagħti importanza kbira għall-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal impjegat mill-fornitur tas-servizz;

118.  Jenfasizza l-importanza ta' regoli ċari li jirregolaw il-crèches u l-iskejjel preprimarji; jitlob lill-Kumitat ta' Tmexxija tat-Taqsimiet tal-Crèches u l-Iskejjel Preprimarji tal-Parlament jadotta speċifikazzjonijiet suffiċjenti biex jagħmel ir-regoli tiegħu ċari u trasparenti u wiesgħa biżżejjed sabiex ikopru kwalunkwe sitwazzjoni mhux tas-soltu u speċifika, bħalma huma s-sitwazzjonijiet familjari individwali jew it-tfal bi bżonnijiet speċjali; jissuġġerixxi li tinżamm informazzjoni aġġornata dwar s-servizzi tal-crèches u l-iskejjel preprimarji fuq is-siti web, li tinkludi l-kontribuzzjonijiet u l-kapaċità attwali; jirrakkomanda, barra minn hekk, li jiġi emendat l-Artikolu 4 tar-regoli li jirregolaw il-crèches u l-iskejjel preprimarji li huma amministrati taħt is-superviżjoni tal-Parlament Ewropew biex jiddikjara b’mod ċar il-kontribuzzjoni massima tal-ġenituri biex tiġi żgurata trasparenza suffiċjenti u biex tiġi evitata kwalunkwe diskrepanza potenzjali;

119.  Ifakkar fil-ħtieġa li l-fornituri kollha tas-servizzi jirrispettaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni Belġjana u jiżguraw li s-sottokuntrattur ikun allinjat mal-politika tal-Parlament ta' rispett u dinjità fuq il-post tax-xogħol; jistieden lis-servizzi responsabbli tal-Parlament jiżguraw li jkun hemm tranżizzjoni bla xkiel u li l-ebda waħda mill-bidliet possibbli għal kif joperaw t-taqsimiet tal-crèches u l-iskejjel preprimarji, introdotta mill-maniġment il-ġdid, ma twassal għal tnaqqis fil-kwalità tas-servizz u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, apparagun tal-fornitur ta' qabel tas-servizz;

120.  Jikkonstata li, minħabba l-ammont kbir ta' xogħol tal-persunal fid-DĠ PERS, hemm nuqqas ta' flessibbiltà fil-modifika tas-salarji tal-APA, meta dan jintalab minn Membru u jkun iġġustifikat minn żieda fir-responsabbiltajiet tal-APA;

Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika (DĠ INLO)

121.  Ifakkar li, fl-2018, id-DĠ INLO kellu 607 membru tal-persunal u amministra 12,6 % tal-baġit globali tal-Parlament;

122.  Jikkonstata li l-approprjazzjonijiet ta' impenn ammontaw għal EUR 239 547 603, u dan jikkorrispondi għal tnaqqis ta' 11 % meta mqabbel mal-2017 (EUR 265 839 576);

123.  Jenfasizza li, fir-rigward tal-politika tal-bini tal-Parlament, il-prinċipju ta' kosteffettività għandu jiġi osservat kemm jista' jkun possibbli, kemm f'termini ta' spejjeż relatati ma' bini eżistenti kif ukoll f'termini ta' proġetti ġodda; jenfasizza li t-tħassib primarju tal-Parlament għandu jkun il-ġestjoni finanzjarja effikaċi, bil-għan li jitwettaq ix-xogħol bl-inqas spiża possibbli;

124.  Jikkonstata li l-istrateġija l-ġdida dwar il-bini fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul ġiet adottata mill-Bureau f'April 2018; jinnota li l-istrateġija immobiljari tal-Bureau tiffoka fuq miżuri mfassla biex jissodisfaw ħtiġijiet futuri lil hinn mill-2019, inkluża r-rinnovazzjoni tal-bini, li għadha waħda mill-isfidi ewlenin li jridu jiġu indirizzati; ifakkar li l-Parlament iffoka fuq ix-xiri ta' proprjetajiet, u dan ifisser li issa huwa s-sid ta' 80 % tal-bini li jokkupa;

125.  Jirrikonoxxi li fi Brussell il-bini Martens tlesta u l-bini Montoyer 63 inbena mill-ġdid;

126.  Jinnota li l-akbar proġett ta' bini tal-Parlament – it-tkabbir tal-bini Konrad Adenauer fil-Lussemburgu – jinsab fil-punt tal-finalizzazzjoni tal-ewwel fażi tiegħu, is-sit tal-Lvant, li jirrappreżenta madwar 70 % tal-proġett kollu; ifakkar li, attwalment, il-persunal tal-Parlament fil-Lussemburgu jinsab f'erba' binjiet; jirrikonoxxi li l-binja Konrad Adenauer se tlaqqa' s-servizzi kollha taħt saqaf wieħed u, għalhekk, se jippermetti ekonomiji ta' skala fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma, is-sigurtà u l-ġestjoni tal-faċilitajiet tal-bini; jirrimarka bi tħassib li ċerti spejjeż relatati mad-dewmien fil-kostruzzjoni kienu ogħla milli kien previst oriġinarjament, iżda bis-saħħa tal-ispejjeż konsiderevolment aktar baxxi għall-ispejjeż finanzjarji tal-krediti, il-Parlament kien kapaċi jikkumpensa l-ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali; jieħu nota li, f'dan l-istadju, l-ispiża totali tal-proġett Adenauer għadha EUR 32,5 miljun taħt il-baġit globali approvat, u dan jeskludi l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-proġett, l-ispejjeż finanzjarji, il-korpi ċċertifikati, eċċ.; jiddispjaċih dwar iż-żieda fl-ispejjeż minħabba d-dewmien fil-kostruzzjoni u jinnota li kien hemm bżonn ta' tranżazzjonijiet mal-kumpaniji tal-kostruzzjoni (b'rabta mad-dewmien bil-proġett) biex jiġu evitati dewmien u spejjeż ulterjuri (bejn 5 % u 15 % tal-ammont tal-kuntratt);

127.  Jinnota bi tħassib li, bħal fis-snin preċedenti, ġie awtorizzat trasferiment ta' tlaqqit ġdid – ta' EUR 29 miljun – għall-prefinanzjament tal-proġett tal-bini Konrad Adenauer; jenfasizza li tali "tlaqqit" jirrappreżenta rilassament tal-prinċipju tal-ispeċifikazzjoni u jikser intenzjonalment il-prinċipju tal-eżattezza tal-baġit; ma jaqbilx mal-prattika attwali ta' "trasferiment ta' tlaqqit" ta' tmiem is-sena bħala kontribuzzjoni għall-proġetti ta' bini attwali; jitlob ġestjoni aħjar tal-baġit sabiex tali trasferimenti jitnaqqsu għall-minimu possibbli u biex jittejbu ċ-ċarezza u t-trasparenza tal-linji baġitarji relatati;

128.  Ifaħħar it-titjib tal-ambjent tax-xogħol għall-Membri fi Brussell (uffiċċju personali 1 + 2 uffiċċji għall-persunal tagħhom) u Strasburgu (1 + 1 uffiċċji); jappoġġa wkoll it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Membri b'konformità mal-paragrafu 147 iktar l’isfel;

129.  Jappoġġa l-isforzi tad-DĠ INLO biex jissikka l-arranġamenti ta' sigurtà tiegħu permezz ta' titjib strutturali u organizzattiv, inkluż fir-rigward tas-sigurtà tas-siti fiżiċi kollha; jinsisti fuq il-ħtieġa li jkun hemm rikonċiljazzjoni bejn it-trasparenza għaċ-ċittadini u l-ħtiġijiet ta' sigurtà;

130.  Jinnota b'dispjaċir li għadd ta' fornituri ta' servizzi kruċjali reċentement iddeċidew li ma jestendux il-kuntratti fit-tul iffirmati mal-Parlament (banek u ħwienet tal-ikel) u jitlob lis-servizz jinvestiga r-raġunijiet għat-tnaqqis fis-servizzi disponibbli fil-Parlament;

131.  Jirrikonoxxi li x-xogħlijiet biex tiġi estiża l-crèche ta' Wayenberg bdew fl-2018; jinsab imħasseb madankollu dwar l-aċċess mhux sikur ipprovdut għal dawn is-siti matul ix-xogħlijiet, u jissuġġerixxi li d-DĠ INLO u d-DĠ SAFE jenħtieġ li jagħtu attenzjoni akbar biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-utenti matul tali xogħlijiet ta' bini fil-futur;

132.  Jieħu nota tal-infrastruttura sinifikanti tal-Parlament, li tista' tinqasam kif ġej:

Il-bini fi Brussell

Il-bini fil-Lussemburgu

Il-bini fi Strasburgu

13 bi sjieda

1 bi sjieda

5 bi sjieda

7 b'kiri

6 b'kiri

parkeġġ 1 b'kiri

671 285 m2

176 283 m2

344 283 m2

Antenna u Uffiċċji ta' Kollegament tal-PE

 

Total

37

bi sjieda

12

b'kiri

25

Superfiċje

28 383 m2

133.  Jirrikonoxxi li l-Bureau ta istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali biex jawtorizza lid-DĠ INLO jniedi konkors tal-arkitettura għar-risistemazzjoni tal-binja Paul-Henri Spaak, b'żewġ possibbiltajiet biss: jiġifieri r-rinnovazzjoni jew ir-riproġettazzjoni tal-binja; jirsisti biex il-binja tkun lesta għal evoluzzjoni ulterjuri tal-attivitajiet tal-Parlament fid-deċennji li ġejjin, bi qbil mat-Trattati; ifakkar li tnieda konkors tal-arkitettura sabiex ikun hemm proposti arkitettoniċi konkreti u li d-deċiżjoni finali dwar il-proġett għandha tittieħed mill-awtoritajiet politiċi u baġitarji; jenfasizza li tali deċiżjoni għandha sseħħ wara l-pubblikazzjoni ta' valutazzjoni tas-sikurezza tal-bini u li s-Segretarju Ġenerali għandu jfassal baġitizzazzjoni tal-pjan qabel ma tittieħed id-deċiżjoni;

134.  Jikkonstata li l-ħolqien ta' "Europa Experience" f'bosta Uffiċċji ta' Kollegament ġie approvat mill-Bureau u li dan qed jiġi implimentat tul is-snin li ġejjin;

135.  Jappoġġa l-internalizzazzjoni tas-servizz tax-xufiera u jinnota r-rata għolja ħafna ta' sodisfazzjon (99,9 %) għas-servizz uffiċjali tal-karozzi fl-2018; jissuġġerixxi li l-karozzi uffiċjali ma għandhomx jivvjaġġaw vojta u li, waqt is-sewqan minn Brussell għal Strasburgu u lura, huma għandhom jiġu użati sabiex jittrasportaw Membri, persunal u APA b'ordnijiet ta' missjoni; jieħu nota tar-regola l-ġdida li tirrikjedi li x-xufiera jistennew għal massimu ta' ħames minuti fil-post tal-ġbir u jifhem in-neċessità ta' tali regola iżda huwa madankollu, imħasseb li dan il-limitu ta' żmien huwa qasir wisq; jinnota ż-żmien twil ta' stennija għall-Membri fl-ajruport qabel ma l-karozzi jitilqu lejn il-Parlament u jissuġġerixxi li jinstab mod aktar effiċjenti kif jiġi ġestit dan id-dewmien;

136.  Jesprimi tħassib qawwi rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal ta' tnejn mill-konċessjonijiet esterni kkuntrattati mill-Parlament, jiġifieri l-persunal tat-tindif u l-persunal tar-ristoranti, u jirrakkomanda bil-qawwa li d-DĠ INLO jorganizza stħarriġ indipendenti dwar is-sodisfazzjon tagħhom bil-kundizzjonijiet tax-xogħol, sabiex jiġu żgurati r-rispett u d-dinjità fuq il-post tax-xogħol; jitlob evalwazzjoni tal-politika tal-akkwist pubbliku tal-Parlament immirata biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli għas-servizzi kollha kkuntrattati; jistieden lill-Parlament jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-riżultati ta' din l-evalwazzjoni; jirrikonoxxi li l-Parlament jirrispetta l-leġiżlazzjoni rilevanti;

137.  Jinsab imħasseb li s-servizz għadu ma kienx kapaċi jsolvi l-problema bis-sistema tal-misħun tal-Parlament u jitlob lill-kumitat responsabbli biex fil-futur jipprovdi informazzjoni dwar l-azzjoni meħuda biex tiġi miġġielda l-infezzjoni tal-legionella fil-Parlament;

138.  Jilqa' ż-żieda fil-varjetà tal-ikel offert fil-kantin self-service tal-Parlament; huwa, madankollu, imħasseb minħabba li l-bilanċ tal-prezz/kwalità tal-ikel offert ma kienx sodisfaċenti, minkejja li saret sejħa pubblika għall-valutazzjoni tal-ispejjeż/benefiċċji; jitlob valutazzjoni mill-ġdid tal-evalwazzjoni tal-kwalità u tal-prezz tal-fornituri potenzjali tas-servizzi fis-suq; jitlob li jsiru l-emendi neċessarji fir-rigward tal-proporzjon żbilanċjat tal-kwalità u l-prezz li joħroġ mir-riżultati tal-istħarriġ; jesprimi tħassib serju dwar il-prezz u l-kwalità tal-ikel u x-xorb;

139.  Jesprimi solidarjetà mal-ħaddiema tal-Grupp COMPASS li qed jiffaċċjaw tnaqqis fil-persunal u deterjorament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom; huwa mħasseb dwar l-użu li qed jiżdied mill-kumpanija esterna tal-forniment tal-ikel ta’ persunal temporanju u interim, peress li dan għandu konsegwenzi għall-kwalità tas-servizzi u għall-benefiċċji u l-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-persunal permanenti;

140.  Jilqa' l-ħolqien ta' unità ta' koordinament tal-akkwist pubbliku u tal-kontroll ex ante fl-2017 sabiex jissaħħaħ ir-rwol ċentrali tal-unità ta' verifika ex ante u biex jiġi pprovdut appoġġ ħalli jiġu żgurati l-applikazzjoni u l-monitoraġġ uniformi tal-proċeduri ta' akkwist fid-DĠ INLO;

141.  Jikkonstata b'sodisfazzjon li matul l-2018 twettaq awditjar dwar l-aċċessibbiltà tal-bini għall-persuni b'diżabbiltà bħala parti mill-politika "Disinn għal kulħadd" u t-tnedija tan-netwerk ta' aċċessibbiltà tad-DĠ INLO;

142.  Japprova r-rwol tad-DĠ INLO fil-politika ambjentali tal-Parlament, b'mod partikolari l-objettiv li l-bini jsir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u jitnaqqas il-konsum tal-ilma;

Direttorat Ġenerali għal-Loġistika u l-Interpretazzjoni għall-Konferenzi (DĠ LINC)

143.  Ifakkar li, fl-2018, id-Direttorat Ġenerali għal-Loġistika u l-Interpretazzjoni għall-Konferenzi (DĠ LINC) kellu 534 membru tal-persunal u amministra 3,1 % tal-baġit globali tal-Parlament;

144.  Jinsisti dwar l-applikazzjoni tal-kodiċi ta' kondotta dwar il-multilingwiżmu, li jippermetti lil kull Membru jesprimi ruħu bil-lingwa tiegħu stess; jenfasizza li l-profili lingwistiċi aktar dettaljati introdotti mir-reviżjoni tal-kodiċi ta' kondotta dwar il-multilingwiżmu għandhom jintużaw biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali; l-għan tagħhom mhuwiex li tiġi limitata l-offerta lingwistika iżda li jiġi fornut servizz aktar immirat lill-Membri fil-każ ta' limitazzjonijiet tas-suq u restrizzjonijiet loġistiċi;

145.  Japprova t-trasformazzjoni tal-2018 tad-Direttorat Ġenerali biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Parlament fl-organizzazzjoni tal-konferenzi u t-tlestija tal-proċess biex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet tax-xogħol ġodda għall-interpreti;

146.  Jirrikonoxxi l-istrateġija għall-modernizzazzjoni tal-ġestjoni tal-konferenzi, iffukata l-aktar fuq it-titjib u l-adattament tal-forniment tas-servizzi fil-Parlament, skont il-ħtiġijiet tal-utenti, u l-iżvilupp ta' interfaċċa unika għall-organizzaturi;

147.  Jinnota b'sodisfazzjon il-ftehim dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-interpreti tat-8 ta' Settembru 2018; iħeġġeġ lill-grupp ta' segwitu konġunt, li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-amministrazzjoni u tal-interpreti, biex ikompli joffri forum għall-kooperazzjoni produttiva tiegħu sabiex isolvi bla xkiel il-kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu;

148.  Jikkonstata li n-numru medju kumplessiv ta' sigħat fil-ġimgħa li l-interpreti jqattgħu jagħtu servizzi ta' interpretazzjoni fil-kabini tagħhom żdied minn 11-il siegħa u 54 minuta fl-2014 għal 13-il siegħa u 47 minuta u fl-2018 minħabba, fost affarijiet oħrajn, żieda fl-attività parlamentari;

149.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm differenzi kbar fl-ispiża tat-traduzzjoni minn lingwi partikolari u jitlob lis-servizz jinvestiga r-raġunijiet għal dawn id-diskrepanzi kbar;

Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni (DĠ TRAD)

150.  Ifakkar li fl-2018, id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni (DĠ TRAD) kellu 1 145 membru tal-persunal u amministra 0,9 % tal-baġit globali tal-Parlament;

151.  Jirrikonoxxi li, fl-2018, id-DĠ TRAD ra żieda ta' 10 % fil-produzzjoni apparagun tas-sena preċedenti, minħabba n-natura ċiklika tad-domanda ta' traduzzjoni, li hija marbuta mill-qrib mal-attività parlamentari; jinnota bi tħassib li l-produzzjoni ta' traduzzjoni interna fir-rigward tal-kapaċità laħqet 119,4 % (parametru ta' riferiment: 100 %) u r-rata ta' esternalizzazzjoni kienet ta' 32,8% (31,4 % fl-2017); jappella lid-DĠ TRAD biex jikkunsidra żieda fil-kwantità ta' esternalizzazzjoni, filwaqt li jirrispetta l-parametru ta' riferiment ta' 100 % u jiffoka fuq il-kwalità u n-nuqqas ta' żbalji ta' traduzzjoni tad-dokumenti; jistieden lid-DĠ TRAD ikompli l-ħidma tiegħu biex iżid il-verifika tat-traduzzjonijiet esternalizzati għall-konformità u l-kwalità;

152.  Jinnota l-migrazzjoni progressiva lejn it-traduzzjoni elettronika, li tipprovdi produzzjoni ta' traduzzjoni awtomatika għall-kombinazzjonijiet lingwistiċi kollha; jinsisti fuq ir-rwol insostitwibbli u l-valur miżjud tat-tradutturi umani;

153.  Josserva li fl-2018 ġew introdotti kompiti ġodda għat-tradutturi, u dan qed jittrasforma t-traduzzjoni f'medjazzjoni lingwistika interkulturali, pereżempju, permezz tal-istabbiliment tas-Servizz ta' Kapaċità Awdjo, li jinvolvi xi tradutturi li jittraduċu l-aħbarijiet fil-qosor (il-bullettini tal-aħbarijiet ta' kuljum) f'24 lingwa u l-podcasts f'6 lingwi; jinnota li d-DĠ TRAD qabbad voice coach li ħarreġ kważi 180 membru tal-persunal; jinsab imħasseb li l-persunal tad-DĠ TRAD kellu jaffaċċja mhux biss volum ta' xogħol eċċezzjonalment għoli minħabba t-tmiem tal-leġiżlatura iżda wkoll inċertezzi relatati ma' kompiti futuri ġodda u mhux familjari; jistieden lill-persunal u lill-maniġment ta' livell għoli tad-DĠ TRAD ikomplu d-diskussjonijiet dwar l-impatt tal-volum ta' xogħol ċikliku fuq il-benesseri tal-persunal; iħeġġeġ it-twaqqif ta' grupp ta' segwitu konġunt, li jkun magħmul minn rappreżentanti tal-amministrazzjoni u tat-tradutturi, simili għal dik stabbilita mid-DĠ LINC;

Direttorat Ġenerali għall-Finanzi (DĠ FINS)

154.  Ifakkar li, fl-2018, id-DĠ FINS kellu 222 membru tal-persunal u amministra 20,8 % tal-baġit globali tal-Parlament;

155.  Huwa konxju li l-qafas regolatorju tad-DĠ FINS evolva ħafna minn mindu daħal fis-seħħ l-Istatut għall-Membri fl-2009; jinnota, barra minn hekk, id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid fit-2 ta' Awwissu 2018, u l-modifiki konsegwenti tar-regoli interni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Parlament, li jaffettwa l-ħidma tad-DĠ FINS;

156.  Jinsab imħasseb dwar l-iskarsezza u l-mobbiltà tar-riżorsi umani, fis-sens li kellha tingħata prijorità lis-servizzi ewlenin għall-Membri u għall-Parlament, u dan wassal għal problemi fir-rigward tal-livell ta' kontrolli li saru, l-iskadenzi, il-ħeffa li biha saru l-pagamenti, u l-ibbilanċjar tal-operazzjonijiet tan-nefqa; jinsab imħasseb dwar din it-tendenza u l-impatt negattiv tagħha, b'mod partikolari, dwar id-deterjorament tal-benesseri fuq il-post tax-xogħol u aktar mard fit-tul, li saru aktar evidenti matul is-sena;

157.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-obsolexxenza tal-applikazzjonijiet tal-IT tad-direttorat ġenerali u r-riskju ta' falliment tal-IT, li t-tnejn li huma meqjusa bħala għolja; jistieden lid-DĠ FINS u lid-DĠ ITEC isaħħu l-kooperazzjoni kostruttiva tagħhom sabiex jimplimentaw miżuri ta' mitigazzjoni xierqa, inkluż l-użu bla xkiel tas-sistema l-ġdida ta' ġestjoni finanzjarja u kontabilistika;

158.  Japprova l-isforzi sinifikanti favur l-investiment kontinwu fid-diġitalizzazzjoni tal-proċessi finanzjarji, bħall-firem elettroniċi tal-Membri, bil-ħsieb li jissaħħu s-servizz tal-klijenti, l-effiċjenza amministrattiva u l-livell ta' kontrolli, b'mod partikolari, l-introduzzjoni ta' rimborż online tal-ispejjeż mediċi tal-Membri u l-awtomatizzazzjoni tar-reġistru ċentrali tal-attendenza, bil-għan li jitħaffu l-pagamenti tad-drittijiet relatati u l-estensjoni tal-funzjonijiet tal-e-Portal, bħala punt ta' dħul uniku għall-Membri biex jimmaniġġjaw id-drittijiet finanzjarji u soċjali tagħhom; jiddeplora l-ineffiċjenzi fid-dħul u l-kontroll tad-data, b'mod partikolari li d-data dwar l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-Membri tiddaħħal fis-sistema darbtejn, l-ewwel mill-Membri u mill-ġdid fit-tieni pass mill-amministrazzjoni;

159.  Jikkonstata li l-aġenzija tal-ivvjaġġar il-ġdida tal-Parlament bdiet topera fl-1 ta' Jannar 2019, wara sejħa pubblika għall-offerti; jinnota l-użu limitat taċ-ċentru telefoniku tas-servizz tal-ivvjaġġar, li huwa disponibbli fi tmiem il-ġimgħa iżda li ma jkoprix il-kumpaniji kollha użati mill-aġenzija tal-ivvjaġġar; jiddeplora l-fatt li l-Membri esperjenzaw diffikultajiet biex jikkomunikaw maċ-ċentru telefoniku tas-servizz tal-ivvjaġġar matul u barra l-ħinijiet tax-xogħol; jiddeplora s-sigħat ta' ftuħ limitati tal-aġenzija, b'mod partikolari l-fatt li tkun magħluqa nhar ta' Ġimgħa waranofsinhar, ħlief għall-Ġimgħa ta' qabel is-sessjoni ta' Strasburgu, peress li dan jillimita serjament il-kapaċità tal-persunal tal-Membri li jaħdem b'mod effiċjenti; jitlob titjib fid-disponibbiltà; jinsisti fuq l-implimentazzjoni obbligatorja ta' mekkaniżmu tal-ilmenti sempliċi u faċli għall-utent, li jippermetti r-riżoluzzjoni rapida ta' kwalunkwe problema; jiddeplora ż-żmien ta' reazzjoni bil-mod tal-aġenzija meta tittratta talbiet għal biljetti; iħoss li huwa assolutament inaċċettabbli li l-biljetti proposti mill-aġenzija mhux dejjem ikunu dawk l-aktar kosteffikaċi u li l-Membri jesperjenzaw dewmien fir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom; jistieden lid-DĠ FINS iniedi stħarriġ ta' sodisfazzjon dwar is-servizzi tal-aġenzija tal-ivvjaġġar, u, bil-għan li jippreżenta r-riżultati sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2020, jinforma lill-klijenti dwar l-organizzazzjoni u r-responsabbiltajiet tad-DĠ FINS u tal-aġenzija tal-ivvjaġġar tal-Parlament; iħeġġeġ lill-aġenzija tal-ivvjaġġar il-ġdida tirrifletti fuq ir-riżultati pprovduti mill-istħarriġ ta' sodisfazzjon u timplimenta t-titjib kif xieraq;

Allowance għall-Ispejjeż Ġenerali

160.  Jilqa' l-miżuri meħuda mill-Bureau biex jiġu żviluppati aktar trasparenza u responsabbiltà finanzjarja;

161.  Ifakkar li huwa obbligatorju kont bankarju separat biex titħallas l-allowance għall-ispejjeż ġenerali; jistieden lill-Parlament jinforma regolarment lill-awtorità ta' kwittanza dwar kemm ikun hemm Membri li jikkonformaw ma' dan l-obbligu;

162.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fil-laqgħa tiegħu tat-2 ta' Lulju 2018, il-Bureau adotta lista ġdida mhux eżawrjenti ta' spejjeż li jistgħu jitħallsu mill-allowance għall-ispejjeż ġenerali li fiha l-aktar eżempji komuni ta' spejjeż eliġibbli; jinnota li għall-Membri li jkunu jixtiequ dan, l-ispejjeż relatati mal-awditjar ta' verifika volontarju tal-użu tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali jistgħu jiġu koperti mill-allowance għall-ispejjeż ġenerali; ifakkar li l-Membri kollha huma liberi li jiddokumentaw l-użu tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali tagħhom, u li jippubblikaw din l-informazzjoni fis-siti web personali tagħhom; jistieden lill-Parlament jinforma regolarment lill-awtorità ta' kwittanza dwar kemm ikun hemm Membri li jsegwu dawn ir-rakkomandazzjonijiet;

163.  Jirrikonoxxi t-titjib li sar fl-aħħar snin fil-verifika u l-kontroll effiċjenti u trasparenti tar-rimborżi tal-infiq, bħar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-Membri u l-allowances tal-Assistenti Parlamentari, li fir-rigward tagħhom għandha tiġi pprovduta dokumentazzjoni għall-ispejjeż imġarrba; jitlob trattament strett tal-każijiet fejn tkun ġiet żvelata mġiba ħażina; iħeġġeġ lill-Bureau jislet konklużjonijiet mill-inċidenti ta' frodi li seħħew fil-passat u jimponi miżuri punittivi severi f'każijiet ta' frodi; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Membri jużaw l-Allowance għall-Ispejjeż Ġenerali tagħhom strettament għall-finijiet stabbiliti fil-Miżuri ta' Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew; iħeġġeġ lill-Bureau biex jipproċedi bl-evalwazzjoni tal-linji gwida kif previst fl-aħħar deċiżjoni tal-Bureau; ifittex, fl-interess taċ-ċittadini u r-reputazzjoni tal-Kamra u tal-Membri tagħha, bilanċ aġġustat tajjeb bejn il-Libertà tal-mandat u l-ġlieda kontra r-riskji ta' użu ħażin u frodi; iqis xieraq li ssir evalwazzjoni regolari tad-dispożizzjonijiet rilevanti kull ħames snin lejn nofs il-leġiżlatura;

164.  Ifakkar fl-Artikoli 62(1) u 62(2) tad-Deċiżjoni tal-Bureau tad-19 ta' Mejju u d-9 ta' Lulju 2008 (l-aħħar modifika fl-1 ta' Lulju 2019), dwar miżuri ta' implimentazzjoni għall-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, li jistipulaw li ‘l-ammonti mħallsa’, inklużi l-allowance għall-ispejjeż ġenerali, ‘għandhom ikunu riservati esklużivament għall-finanzjament ta' attivitajiet marbuta mal-qadi tal-mandat ta' Membru u ma jistgħux jintużaw biex ikopru spejjeż personali jew biex jiffinanzjaw donazzjonijiet ta' natura politika’ u li ‘[I]l-Membri għandhom iroddu lura lill-Parlament kwalunkwe ammont mhux użat ħlief meta jitħallsu f'forma ta' ammont f'daqqa’; jistieden lis-Segretarju Ġenerali u lill-Bureau jiżguraw li dawk id-dispożizzjonijiet jiġu implimentati u rrispettati bis-sħiħ u jinfurmaw regolarment lill-awtorità ta' kwittanza dwar kemm ikun hemm Membri li jkunu ħallsu lura l-ammonti mhux użati tagħhom;

165.  Ifakkar li l-Grupp ta' Ħidma ad hoc inkarigat mid-definizzjoni u mill-pubblikazzjoni tar-regoli li jikkonċernaw l-użu tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali rrakkomanda lill-Bureau, fil-leġiżlatura li għaddiet, jissokta bid-diskussjonijiet dwar l-allowance għall-ispejjeż ġenerali u jilħaq ftehim li jirrikjedi lill-Membri:iżommu l-irċevuti kollha tal-ispejjeż marbuta mal-allowance għall-ispejjeż ġenerali, jgħadduhom lil awditur indipendenti inkarigat mill-kontroll annwali tal-kontijiet u tal-pubblikazzjoni tal-opinjoni tal-awditur, u jirrimborżaw is-sehem li ma ntefaqx tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali fi tmiem il-mandat tagħhom;

166.  Ifakkar ukoll li l-plenarja adottat il-modifiki ulterjuri li ġejjin rigward l-allowance għall-ispejjeż ġenerali, li jiżdiedu ma' dawk diġà kien ħareġ il-Grupp ta' Ħidma ad hoc, li jirrikjedu: li s-Servizz ta' Awditjar Intern tal-Parlament jagħmel kontroll f'kampjun ta' 5 % tal-infiq fl-ambitu tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali, li r-riżultati finali u l-konstatazzjonijiet tiegħu għandhom ikunu parti mir-rapport annwali tal-awditjar intern ippubblikat mill-Parlament, u li l-Membri jippubblikaw annwalment sinteżi tan-nefqiet imqassma skont il-kategorija (spejjeż ta' komunikazzjoni, kiri ta' uffiċċji, fornituri għall-uffiċċju, eċċ.);

167.  Iħeġġeġ lill-Bureau jimplimenta, kemm jista' jkun malajr, ir-rieda demokratika tal-plenarja fir-rigward tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali;

168.   Jilqa' l-fatt li l-Bureau tal-leġiżlatura preċedenti ħoloq l-infrastruttura meħtieġa fuq il-paġna online tal-Membri fuq is-sit web tal-Parlament għal dawk il-Membri li jixtiequ jippubblikaw konferma jew awditu fuq bażi volontarja tan-nefqa tagħhom li l-użu tagħhom tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali jikkonforma mar-regoli applikabbli tal-Istatut tal-Membri u l-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu; jistieden lill-Parlament itejjeb il-komunikazzjoni tiegħu lill-Membri dwar din il-possibbiltà u dwar kif jagħmlu użu minnha fil-prattika;

Fond Volontarju tal-Pensjoni

169.  Jikkonstata li fi tmiem l-2018 id-defiċit attwarjali stmat tal-iskema volontarja tal-pensjoni kien ta' EUR 286,1 miljun; jikkonstata barra minn hekk li, fi tmiem l-2018, l-ammont nett ta' assi għal kunsiderazzjoni u l-impenn attwarjali ammontaw għal EUR 112,3 miljun u EUR 398,4 miljun rispettivament;

170.  Ifakkar li tali obbligazzjonijiet futuri previsti jinfirxu fuq bosta deċennji iżda josserva li l-ammont totali mħallas fl-2018 mill-fond volontarju tal-pensjoni jammonta għal EUR 17,8-il miljun;

171.  Jindika li dan iqajjem tħassib dwar il-possibbiltà li l-Fond jiġi eżawrit u li l-Parlament qiegħed jiggarantixxi l-pagament tad-drittijiet għal pensjoni jekk u meta dan il-fond ma jkunx f'pożizzjoni li jissodisfa l-obbligi tiegħu;

172.  Jappoġġa bil-qawwa r-riżultati tal-laqgħa tal-10 ta' Diċembru 2018, meta l-Bureau ddeċieda li jimmodifika r-regoli applikabbli għall-iskema tal-pensjoniji billi jżid l-età tal-irtirar minn 63 għal 65 sena u jintroduċi imposta ta' 5 % għall-pagamenti tal-pensjoni għall-pensjonanti futuri bl-għan li jtejjeb is-sostenibbiltà tal-iskema; japprova d-deċiżjoni tal-Bureau bħala pass pożittiv; jinnota madankollu li fil-futur il-Parlament se jibqa' responsabbli għal ammont sinifikanti ħafna; ifakkar li l-Artikolu 27(2) tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew jistabbilixxi li ‘[d]rittijiet miksuba u drittijiet futuri għandhom jinżammu fl-intier tagħhom’;

173.  Jistieden lis-Segretarju Ġenerali, kif ukoll lill-Bureau, jeżawrixxu b'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-Istatut għall-Membri, jiġifieri l-Artikolu 27(1) u (2) – il-possibbiltajiet kollha biex isibu soluzzjoni ġusta għall-problema filwaqt li r-responsabbiltà tal-Parlament tinżamm f'livell minimu, peress li huma involuti l-flus tal-kontribwenti, u jinfurmaw lill-Awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda f'dan ir-rigward;

Direttorat Ġenerali għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku (DĠ ITEC)

174.  Ifakkar li, fl-2018, id-DĠ ITEC kellu 484 membru tal-persunal u amministra 6,4 % tal-baġit globali tal-Parlament;

175.  Jikkonstata li l-indikatur ewlieni tad-DĠ ITEC fl-2018 huwa r-responsività tiegħu għat-talbiet tal-utenti u tas-sħab fl-oqsma kollha ta' attività b'mod f'waqtu u effiċjenti ; jinsisti li d-DĠ ITEC għandu jkompli jinvesti biex jipprovdi interfaċċi tal-IT moderni, mingħajr intoppi, effiċjenti u orjentat lejn l-utenti;

176.  Jappoġġa l-iżvilupp kontinwu tal-applikazzjonijiet tal-Parlament elettroniku, ir-rinfurzar tal-attivitajiet ta' innovazzjoni tal-IT u t-tisħiħ tal-kapaċità ta' ċibersigurtà tal-Parlament; jilqa' d-deċiżjoni li jiġu rduppjati r-riżorsi allokati lill-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-Istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-UE (CERT-UE); ifaħħar it-tisħiħ tal-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jiżguraw l-aħjar protezzjoni kontra l-attakki ċibernetiċi;

177.  Jirrikonoxxi l-fatt li huwa diffiċli ħafna għad-DĠ ITEC li jirrekluta biżżejjed esperti kwalifikati biżżejjed bi profili, għarfien u esperjenza speċifiċi ħafna; jistieden lill-Parlament jiżgura li din it-talba tiġi trażmessa b'mod xieraq lill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal sabiex ikun hemm reazzjoni aħjar għal tali ħtiġijiet speċifiċi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

178.  Jinsisti li d-DĠ ITEC iwettaq sforzi iktar b'saħħithom biex jiggarantixxi l-kontinwità u r-reżiljenza tal-infrastrutturi tal-ICT tal-Parlament miksuba minn żmien il-perjodu ta' qtugħ tal-IT ta' Ottubru 2017; jitlob żieda fl-isforzi u fil-kapaċità ta' forniment ta' aċċertament dwar ir-robustezza tal-ICT tal-Parlament; jitlob it-tkomplija tal-ħidma u tal-progress li saru fl-oqsma tal-kontinwità tal-operat, il-ġestjoni tar-riskju, il-ġestjoni tal-inċidenti u l-kapaċità ta' rkupru; jenfasizza l-eżistenza ta' nuqqasijiet fil-funzjonament tan-netwerk tal-internet fil-Parlament;

179.  Jenfasizza r-riskji dejjem jiżdiedu b'rabta mad-data u l-privatezza; jindika bi tħassib ir-rappurtar reċenti dwar il-ħżin u l-ipproċessar tad-data tal-utenti meta dawn jirreġistraw fil-wi-fi tal-Parlament; jesprimi dubji kbar dwar il-ħtieġa li d-data tinżamm sa sitt xhur(6); jistieden lill-Parlament jiżviluppa strateġija u politika b'rabta mas-sigurtà tal-informazzjoni; jenfasizza li l-kooperazzjoni mill-qrib bejn id-DĠ ITEC u d-DĠ SAFE hija tal-akbar importanza; iħeġġeġ lid-direttoratti ġenerali jippjanaw attivitajiet komuni fuq żmien medju u fit-tul;

Direttorat Ġenerali għas-Sigurtà u l-Protezzjoni (DĠ SAFE)

180.  Ifakkar li, fl-2018, id-DĠ SAFE kellu 756 membru tal-persunal u amministra 1,5 % tal-baġit globali tal-Parlament;

181.  Jinsab imħasseb dwar ir-riżultati tal-istħarriġ reċenti tad-DĠ SAFE dwar il-persunal, u jittama li tista' tinstab soluzzjoni fil-futur qarib biex jiġi indirizzat it-tħassib tal-persunal;

182.  Ifakkar li t-trasparenza fil-konfront tal-pubbliku hija karatteristika importanti tal-Parlament u għandu jinżamm bilanċ adegwat mal-livell ta' sigurtà meħtieġ;

183.  Jilqa' d-deċiżjonijiet ewlenin relatati mas-sigurtà meħuda mill-Bureau fit-8 leġiżlatura, b'mod partikolari (a) il-miżuri li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi ospitanti u mal-istituzzjonijiet l-oħrajn, b'mod partikolari l-miżuri ta' sigurtà għad-distrett Ewropew ta' Brussell, l-iskrinjar tas-sigurtà tal-persunal tal-fornituri esterni tas-servizzi, il-valutazzjoni tat-theddid u l-bidliet fil-livelli ta' twissija, (b) il-miżuri għat-titjib tal-binjiet tal-Parlament u (c) il-miżuri interni; ifakkar li dawk id-deċiżjonijiet jimplikaw investiment fl-infrastrutturi;

184.  Jilqa l-ftehim, konkluż mill-Parlament fl-2018, dwar l-eżenzjoni reċiproka mill-kontrolli tas-sigurtà mal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni; jiddispjaċih madankollu li għadu ma ġie ffirmat l-ebda ftehim bħal dan mal-Kunsill, u jittama li tinstab soluzzjoni malajr f'dak ir-rigward;

185.  Japprova s-sostituzzjoni tal-badges ta' aċċess għall-Membri u l-persunal tagħhom; jistenna b'interess is-sostituzzjoni futura ta' dawk użati mill-persunal tal-Parlament;

186.  Ifaħħar il-kooperazzjoni tajba bejn id-DĠ SAFE u d-DG INLO fit-tisħiħ tas-sigurtà tal-bini kollu tal-Parlament u fit-titjib tal-aċċess, inkluż għall-parkeġġi, kif mitlub mill-Bureau;

187.  Jirrikonoxxi l-ħolqien tal-Unità tal-Protezzjoni, b'mod partikolari l-protezzjoni mill-qrib tal-President tal-Parlament u t-tisħiħ tas-sigurtà tal-postijiet strateġiċi tal-Parlament;

188.  Jappoġġa l-estensjoni tas-sistema ta' twissija tas-sigurtà tal-SMS għall-utenti kollha ta' telefons tas-servizz li, fil-futur, se tintuża għall-Membri u l-persunal kollha;

Servizz Legali

189.  Japprova l-istrateġija tas-Servizz Legali li l-avukati jsiru aktar disponibbli għall-kumitati parlamentari; jitlob tisħiħ tal-persunal li jittratta l-attivitajiet parlamentari;

190.  Jinnota b'sodisfazzjon li s-Servizz Legali jirrispetta l-bilanċ bejn is-sessi fil-livell ta' amministraturi, ta' kapijiet ta' unità u ta' diretturi;

191.  Jenfasizza li s-Servizz Legali rebaħ 95 % tal-kawżi li ttieħdu quddiem il-qorti matul it-8 leġiżlatura; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li s-Servizz Legali għandu r-rwol tiegħu fis-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Parlament u taċ-ċittadini tal-Unjoni billi jirkupra l-flus pubbliċi permezz tal-proċedimenti ġudizzjarji;

192.  Jinsab imħasseb dwar id-diffikultajiet biex jinstabu individwi kwalifikati minn ċerti pajjiżi biex jimtlew xi postijiet, peress li dan huwa obbligu biex jiġu koperti s-sistemi ġuridiċi kollha u l-lingwi kollha tal-Istati Membri;

Rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija

193.  Ifakkar li ż-żewġ Regolamenti Finanzjarji suċċessivi(7) u r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(8) jistabbilixxu l-informazzjoni li għandha tingħata lill-awtorità baġitarja, kif ukoll lill-pubbliku, dwar l-għoti tal-kuntratti min-naħa tal-istituzzjoni; jinnota li r-Regolamenti Finanzjarji jirrikjedu l-pubblikazzjoni tal-kuntratti mogħtija ta' valur ogħla minn EUR 15 000, valur li jikkorrispondi għal-limitu minimu li jekk jinqabeż jiskatta l-obbligu tal-proċedura kompetittiva ta' offerti;

194.  Jikkonstata li minn total ta' 251 kuntratt mogħtija fl-2018, 94 kienu bbażati fuq proċeduri miftuħa jew ristretti, b'valur ta' EUR 569,5 miljun, u 155 fuq proċeduri negozjati, b'valur totali ta' EUR 35,9 miljun; jinnota li l-għadd totali ta' kuntratti mogħtija bi proċeduri negozjati naqas f'termini ta' valur bħala perċentwal tal-valur totali ta' kuntratti mogħtija, minn 12 % fl-2017 għal 6 % fl-2018, kif ukoll f'termini ta' volum, minn EUR 70,5 miljun fl-2017 għal EUR 35,86 miljun fl-2018;

195.  Jikkonstata t-tqassim li ġej tal-kuntratti mogħtija fl-2018 u fl-2017, inklużi l-kuntratti ta' bini:

Tip ta' kuntratt

2018

2017

Numru

Perċentwal

Numru

Perċentwal

Servizzi

Forniment

Xogħlijiet

Bini

199

37

12

3

79 %

15 %

5 %

1 %

177

36

11

0

79 %

16 %

5 %

0 %

Total

251

100 %

224

100 %

Tip ta' kuntratt

2018

2017

Valur (f'EUR)

Perċentwal

Valur (f'EUR)

Perċentwal

Servizzi

256 374 627

42 %

446 313 270

76 %

Forniment

210 526 209

35 %

133 863 942

23 %

Xogħlijiet

133 431 628

22 %

6 892 972

1 %

Bini

5 039 824

1 %

0

0 %

Total

605 372 288

100 %

587 070 184

100 %

(Rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija mill-Parlament Ewropew, 2018, p. 6.)

196.  Jikkonstata t-tqassim tal-kuntratti mogħtija fl-2018 u fl-2017 skont it-tip ta' proċedura użata kif ġej, f'termini ta' numru u valur:

Tip ta' proċedura

2018

2017

Numru

Perċentwal

Numru

Perċentwal

Miftuħa

Ristretta

Negozjata

Kompetizzjoni

Eċċezzjonali

89

5

155

1

1

35,46 %

1,99 %

61,75 %

0,40 %

0,40 %

78

1

145

-

-

35 %

1 %

64 %

-

-

Total

251

100 %

224

100 %

Tip ta' proċedura

2018

2017

Valur (f'EUR)

Perċentwal

Valur (f'EUR)

Perċentwal

Miftuħa

Ristretta

Negozjata

Kompetizzjoni

Eċċezzjonali

486 039 380

83 433 046

35 859 040

24 221

16 600

80

14

6

-

-

488 368 460

28 200 000 70 501 724

-

-

83 %

5 %

12 %

-

-

Total

605 372 288

100 %

587 070 184

100 %

(Rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija mill-Parlament Ewropew, 2018, p. 8.)

Gruppi politiċi (partita baġitarja 4 0 0)

197.  Jikkonstata li, fl-2018, l-approprjazzjonijiet imdaħħla taħt il-partita baġitarja 4 0 0, attribwiti lill-gruppi politiċi u l-Membri mhux affiljati, intużaw kif ġej(9):

Grupp

2018

2017

Approprjazzjonijiet annwali

Riżorsi proprji u approprjazzjonijiet riportati

Nefqa

Rata ta' użu tal-approprjazzjonijiet annwali

Ammonti riportati għall-perjodu li jmiss

Approprjazzjonijiet annwali

Riżorsi proprji u approprjazzjonijiet riportati

Nefqa

Rata ta' użu tal-approprjazzjonijiet annwali

Ammonti riportati għall-perjodu li jmiss

Partit Popolari Ewropew (PPE)

18 282

6 690

20 820

113,88

4 152

17 790

8 150

19 330

108,66

6 610

Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D)

15 792

5 863

16 888

106,94

4 767

15 610

5 469

15 268

97,81

5 812

Grupp tal-Konservattivi u r-Riformisti Ewropej (ECR):

6 182

2 962

7 200

116,47

1 944

6 200

2 810

6 051

97,60

2 959

Grupp tal-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa (ALDE)

5 823

1 824

6 033

103,61

1 614

5 711

1 694

5 596

97,99

1 809

Grupp tal-Ħodor/Alleanza Ħielsa Ewropea (Verts/ALE)

4 478

1 579

4 669

104,27

1 388

4 333

1 826

4 583

105,77

1 578

Grupp tax-Xellug Magħqud Ewropew - Xellug Aħdar Nordiku (GUE/NGL)

4 443

1 257

4 590

103,31

1 110

4 421

1 407

4 571

103,39

1 257

Grupp għal Ewropa tal-Libertà u d-Demokrazija Diretta (EFDD)

3.829

1 828

2 725

71,17

1 915

3 654

1 917

3 523

96,41

1 827

Grupp għal Ewropa tan-Nazzjonijiet u tal-Libertà (ENF)

3 238

1 094

3 612

111,55

720

2 719

846

2 474

90,99

1 091

Membri mhux affiljati

1 153

314

537

46,57

442

929

257

494

53,18

318

Total

63 220

23 412

67 073

106,09

18 052

61 365

24 377

61 889

100,85

23 258

198.  Jilqa' l-fatt li awdituri esterni indipendenti għall-gruppi politiċi ħarġu biss opinjonijiet mhux kwalifikati għas-sena finanzjarja 2018;

Partiti politiċi Ewropej u fondazzjonijiet politiċi Ewropej

199.  Jikkonstata li l-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej (APPF) inħolqot fl-2016 bil-kompitu li tivvaluta t-talbiet ta' reġistrazzjoni, ir-reġistrazzjoni ta' partiti u fondazzjonijiet ġodda tal-Unjoni, li tissorvelja l-finanzjament tagħhom u li timponi sanzjonijiet f'każijiet ta' nuqqas ta' rispett tal-obbligi tagħhom; jirrikonoxxi li din saret kompletament operattiva fl-2017;

200.  Jikkonstata li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament qablu li jipprovdu riżorsi finanzjarji u umani addizzjonali għall-APPF fil-baġit għas-sena finanzjarja 2019;

201.  Jirrimarka li, skont l-Artikolu 6(10) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014(10), id-direttur tal-APPF għandu jippreżenta kull sena rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-Awtorità; jikkonstata li r-rapport annwali ntbagħat lill-President u lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament fil-21 ta' Novembru 2019; jiddeplora l-fatt li r-rapport tal-2018 tressaq quddiem il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament f'Jannar 2020 biss; jesprimi tħassib dwar id-deċiżjoni li r-rapport jitqies bħala kunfidenzjali, wara talba espliċita mill-APPF biex tagħmlu disponibbli biss għal numru limitat ta' persuni f'kundizzjonijiet ristretti; iqis li bil-limitazzjoni tal-aċċess għal dan id-dokument, li jikkonċerna l-użu ta' fondi pubbliċi, sfortunatament tingħata l-impressjoni li xi ħadd għandu xi ħaġa x'jaħbi; jinsisti li r-rapport tal-APPF jiġi ppubblikat kull sena, u jintbagħat lill-Membri fl-istess ħin li jintbagħat lill-President u lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament;

202.  Jitlob lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament jistieden lid-direttur tal-APPF għas-seduta ta' smigħ annwali tal-kwittanza tal-Parlament, bħalma jiġri fir-rigward tal-kapijiet tal-aġenziji u l-istituzzjonijiet l-oħra;

203.  Jenfasizza l-importanza tar-rappurtar pubbliku tal-APPF dwar l-attivitajiet tagħha bħala element tar-responsabbiltà tagħha, li huwa essenzjali għall-bini kontinwu ta' fiduċja u aċċertament, kif ukoll biex jiġi vvalutat jekk l-APPF hijiex mgħammra b'mod adegwat b'persunal, riżorsi u kompetenzi biex tevita b'mod effikaċi l-użu ħażin tal-fondi min-naħa tal-partiti politiċi u tal-fondazzjonijiet;

204.  Jikkonstata li, fl-2018, l-approprjazzjonijiet imdaħħla taħt il-partita baġitarja 4 0 2 intużaw kif ġej:

Partit

Abbrevjazzjoni

Riżorsi proprji

Kontribuzzjoni finali tal-PE – l-ewwel parti

Dħul totali (11)

Għotja tal-PE bħala % tan-nefqa rimborżabbli (massimu 85 %)

Bilanċ favorevoli mid-dħul (trasferiment għar-riservi jew telf)

Partit Popolari Ewropew

PPE

1 427 466

7 356 802

11 340 157

85 %

64 271

Partit tas-Soċjalisti Ewropej

PSE

1 153 831

6 309 079

7 462 911

85 %

—  

Partit tal-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa

ALDE

759 642

2 674 543

3 935 648

85 %

157 524

Partit tal-Ħodor Ewropej

PĦE

544 072

2 244 342

2 961 972

85 %

—  26 538

Partit tax-Xellug Ewropew

XE

301 456

1 513 876

1 875 332

85 %

—  6 798

Partit Demokratiku Ewropew

PDE

125 374

532 075

754 587

85 %

18 913

Alleanza Ħielsa Ewropea

ALE

156 351

628 696

910 047

85 %

32 110

Alleanza tal-Konservattivi u r-Riformisti fl-Ewropa

AKRE

—  286 814

1.253  918

1.245  829

71 %

—  729 991

Moviment Politiku Kristjan Ewropew

MPKE

125 110

624 532

749 641

85 %

5 995

Moviment għal Ewropa tan-Nazzjonijiet u tal-Libertà

MENL

211 768

1 045 592

1 257 360

85 %

—  28 579

TOTAL

 

4 518 257

24 183 454

32 493 485

 

-513 092

205.  Jikkonstata li, fl-2018, l-approprjazzjonijiet imdaħħla taħt il-partita baġitarja 4 0 3 intużaw kif ġej:

Fondazzjoni

Abbrevjazzjoni

Affiljata mal-partit

Riżorsi proprji

Għotja finali tal-PE

Dħul totali

Għotja tal-PE bħala % tal-ispejjeż eleġibbli (massimu 85 %)

Bilanċ favorevoli mid-dħul (trasferiment għar-riservi jew telf)

Ċentru għall-Istudji Ewropej Wilfried Martens

ĊSEWM

PPE

1 097 171

5 816 345

6 913 516

85 %

31 397

Fondazzjoni għall-Istudji Progressivi Ewropej

FEPS

PSE

1 050 548

4 895 825

5 946 373

85 %

-

Forum Liberali Ewropew

FLE

ALDE

292 141

1 650 538

1 942 680

85 %

-

Fondazzjoni Ħadra Ewropea

FĦE

PĦE

185 182

1 038 822

1 224 004

85 %

1 368

Nittrasformaw l-Ewropa

NE

XE

244 655

1 193 712

1 438 367

85 %

16 375

Istitut tad-Demokratiċi Ewropej

IDE

PDE

45 755

255 000

300 755

85 %

-

Fondazzjoni Coppieters

CF

ALE

115 193

388 702

503 895

85 %

38 617

Direzzjoni Ġdida – Fondazzjoni għar-Riforma Ewropea

AKRE

279 636

1 215 011

1 494 647

85 %

—  156 378

Sallux

SALLUX

MPKE

77 416

418 444

495 860

85 %

2 159

Fondazzjoni għal Ewropa tan-Nazzjonijiet u tal-Libertà

FENL

MENL

53 600

329 251

382 851

85 %

—  4 503

TOTAL

 

 

3 441 296

17 201 651

20 642 947

 

-70 965

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1).
(3) Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2016, p. 17).
(4) Dokument ta' Ħidma dwar l-Implimentazzjoni tal-pakkett ta' riformi tal-persunal tal-2014 fil-Kummissjoni – Iffrankar sinifikanti, iżda mhux mingħajr konsegwenzi għall-persunal.
(5) Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta' Settembru 1976 (l-Att Elettorali Ewropew) (ĠU L 278, 8.10.1976, p. 5).
(6) https://euobserver.com/institutional/146270
(7) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(8) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).
(9) L-ammonti kollha qed jiġu espressi f'eluf ta' EUR.
(10) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1).
(11) Id-dħul totali jinkludi r-riport tas-sena preċedenti skont l-Artikolu 125(6) tar-Regolament Finanzjarju (verżjoni fis-seħħ matul is-sena finanzjarja kkonċernata).

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Mejju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza