Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2059(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0031/2020

Testi mressqa :

A9-0031/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0088

Testi adottati
PDF 169kWORD 60k
Il-Ħamis, 14 ta' Mejju 2020 - Brussell Verżjoni proviżorja
Kwittanza 2018: Baġit ġenerali tal-UE – Il-Qorti tal-Awdituri
P9_TA-PROV(2020)0088A9-0031/2020
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Mejju 2020 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri (2019/2059(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018 (COM(2019)0316 – C9-0054/2019)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-awditi interni mwettqa fl-2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 59, 118, 260, 261 u 262 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0031/2020),

1.  Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 57, 28.2.2018.
(2) ĠU C 327, 30.9.2018, p. 1.
(3) ĠU C 340, 8.10.2019, p. 1.
(4) ĠU C 340, 8.10.2019, p. 9.
(5) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(6) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri (2019/2059(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0031/2020),

A.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tenfasizza l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u billi jiġi implimentat il-kunċett ta' baġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali tal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") huma awditjati minn kumpanija esterna, PricewaterhouseCoopers Sàrl, bl-għan li jiġu applikati l-istess prinċipji ta' trasparenza u ta' obbligu ta' rendikont li l-Qorti tapplika fil-konfront ta' dawk suġġetti għall-awditjar tagħha; jinnota b'sodisfazzjon li r-rapport tal-awditur estern jiddikjara li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji jagħtu stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Qorti fil-31 ta' Diċembru 2018, u tar-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar;

2.  Jenfasizza l-fatt li fl-2018, l-approprjazzjonijiet finali tal-Qorti ammontaw għal total ta' EUR 146 469 000 (imqabbel ma' EUR 141 240 000 fl-2017), li jirrappreżenta żieda globali ta' 3,7 % meta mqabbel mal-2017 (iż-żieda fil-livelli tal-prezzijiet hija stmata li hi 1,9 % għal-Lussemburgu); jinnota li 96,21 % tal-approprjazzjonijiet kollha ġew impenjati sa tmiem l-2018 (imqabbel ma' 97,73 % fl-2017 u 99 % fl-2016) u li 94,73 % tal-approprjazzjonijiet kollha tħallsu fl-2018 (imqabbel ma' 94,27 % fl-2017 u 93,29 % fl-2016);

3.  Jenfasizza li l-baġit tal-Qorti huwa kompletament amministrattiv, u huwa marbut mal-infiq li jirrigwarda l-persuni li jaħdmu fl-istituzzjoni (Titolu 1), il-binjiet, it-tagħmir mobbli tal-proprjetà u nfiq operattiv mixxellanju (Titolu 2); jinsab imħasseb dwar is-sovrastimi kontinwi tal-baġit għat-Titolu 2, b'rata ta' impenn ta' 59,13 % (imqabbel ma' 57,13 % fl-2017) u rata ta' pagament ta' 55,11 % (imqabbel ma' 55,75 % fl-2017);

4.  Jinnota li l-impenji riportati għall-2019 ammontaw għal EUR 6 068 597 jew 4,1 % tal-baġit tal-2018 (imqabbel ma' EUR 7 908 250 riportati għall-2018 jew 5,5 % tal-baġit tal-2017); jinnota li l-partita ewlenija li kkontribwiet għar-riport kienet l-ammont ta' EUR 4 310 280 riportat taħt il-Kapitolu 21 (ipproċessar ta' data, apparat u beni mobbli: xiri, kiri u manutenzjoni) għal proġetti tal-IT li kienu għadhom għaddejjin fi tmiem l-2018;

5.  Jiddispjaċih, bħala osservazzjoni ġenerali, li l-Kapitolu 10, "Amministrazzjoni", tar-Rapport Annwali tal-2018 tal-Qorti għandu kamp ta' applikazzjoni u konklużjonijiet pjuttost limitati, minkejja l-fatt li l-Intestatura 5, "Amministrazzjoni", tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali titqies ta' riskju baxx; jitlob li l-ħidma ta' awditjar għall-Kapitolu 10 titwessa' sabiex jiġu rieżaminati d-dgħufijiet fl-infiq amministrattiv f'kull istituzzjoni;

6.  Jilqa' l-fatt li l-Qorti, b'mod ġenerali, applikat id-dixxiplina baġitarja tagħha b'mod sod fis-snin riċenti biex iżżomm l-ispejjeż amministrattivi tagħha stabbli mingħajr ma dan iħalli impatt negattiv fuq il-ħidma prinċipali tagħha; jinnota li l-ebda pożizzjoni addizzjonali ma ġiet mitluba għall-2018, u li, għaldaqstant, it-tabella tal-persunal tal-Qorti (bħal fl-2017) tipprevedi total ta' 853 post awtorizzat;

7.  Jilqa' l-isforzi magħmula mill-Qorti biex tippubblika r-rapport annwali tal-attività tagħha sal-5 ta' Mejju tas-sena ta' wara u biex tadotta l-kontijiet finali tagħha sal-31 ta' Mejju; jaqbel li l-Qorti jeħtieġ li tingħata ż-żmien meħtieġ biex twettaq il-ħidma ta' awditjar tagħha (kif espress fir-rapport annwali tal-Qorti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni); jissuġġerixxi, madankollu, li l-Qorti għandha tiddiskuti l-kwistjoni ulterjorment mal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament u ma' atturi rilevanti oħra, sabiex jiġi valutat aħjar it-tul ta' żmien tal-proċedura ta' kwittanza;

8.  Jilqa' l-inklużjoni fir-rapport annwali tal-attività tat-tabella li turi d-diversi ftehimiet dwar il-livell ta' servizz iffirmati mal-Kummissjoni u ma' istituzzjonijiet oħra dwar kwistjonijiet bħar-riżorsi umani, it-traduzzjoni u l-infrastruttura u li tindika l-impatt baġitarju tagħhom; jinnota bi tħassib li l-ftehim dwar is-servizzi għall-infiq tal-uffiċċju tal-ħlas fir-rigward tal-ġestjoni tal-fajls tal-persunal u tal-ġestjoni tal-missjonijiet tal-Qorti żdied għal EUR 325 000 fl-2018 (imqabbel ma' EUR 180 000 fl-2017) minħabba kuntratt ġdid; itenni l-importanza tal-kooperazzjoni interistituzzjonali;

9.  Japprezza l-isforzi tal-Qorti biex tikseb l-aktar użu kosteffiċjenti tal-vetturi uffiċjali tagħha; jinnota li, bħala parti minn kooperazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti ffirmat kuntratt ta' lokazzjoni ta' erba’ snin għal dawk il-vetturi, bir-riżultat li ħadet prezzijiet aħjar u li ġew introdotti kriterji ambjentali;

10.  Jinnota li l-Qorti ddeċidiet tagħmel rieżami tar-regoli dwar l-użu tal-vetturi uffiċjali u li skont ir-regoli l-ġodda, il-membri u s-Segretarju Ġenerali jistgħu jużaw il-vetturi uffiċjali għal vjaġġi oħra apparti dawk li jsiru għat-twettiq ta' dmirijiet uffiċjali billi jħallsu rata fissa ta' EUR 100 fix-xahar flimkien ma' ċerti spejjeż u imposti; jinnota li l-Qorti tistenna ffrankar sinifikanti meta mqabbel mas-sitwazzjoni taħt ir-regoli eżistenti; jinnota li r-regoli l-ġodda japplikaw mill-1 ta' Jannar 2020; huwa tal-fehma li l-vetturi uffiċjali m'għandhom fl-ebda ċirkostanza jintużaw għal finijiet privati; iqis li din il-prattika tista' tagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-Qorti u, b'mod ġenerali, lir-reputazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jitlob lill-Qorti, għaldaqstant, biex tikkunsidra mill-ġdid dan is-suġġett, u biex iżżomm lill-Parlament infurmat;

11.  Jinnota li l-Qorti adottat sett ġdid ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-perjodu 2018sa 2020, li jikkonsistu f'indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jipprovdu ħarsa ġenerali wiesgħa dwar it-tixrid, l-impatt u l-perċezzjoni tal-ħidma tagħha; jinnota li inklużi fost l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni hemm il-parteċipazzjonijiet tal-Qorti fil-Parlament, fil-Kunsill u fil-parlamenti nazzjonali, u l-għadd ta' rapporti speċjali ppubblikati (aktar milli dawk sempliċement adottati); jilqa' t-titjib ċar fl-effiċjenza tal-ħidma tal-Qorti, li jintwera miż-żieda fl-għadd ta' rapporti speċjali b'25 % mill-2008 u, mill-2017, il-parteċipazzjonijiet fil-Parlament żdiedu b'47 %, fil-Kunsill b'39 %, u fil-parlamenti nazzjonali b'164 %; jistieden lill-Qorti tikkunsidra li tinkludi l-valur miżjud tal-awditu fl-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tagħha u tirrapporta b'mod kontinwu dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet;

12.  Jilqa' l-fatt li l-Qorti qed tesperjenza żieda qawwija fl-interess tal-midja, b'kopertura partikolarment kbira mogħtija lir-rapporti speċjali tagħha; jilqa' l-fatt li l-Qorti se tkompli tippromwovi l-pubblikazzjonijiet tagħha permezz tal-mezzi tal-midja soċjali; jinnota b'interess li l-biċċa l-kbira tal-pubblikazzjonijiet tal-Qorti huma disponibbli fis-sit web tagħha permezz tal-link "fittex il-pubblikazzjonijiet"; jinnota li r-rapporti li dehru l-aktar fil-midja fl-2018 kienu r-rapporti speċjali dwar in-netwerk ferrovjarju Ewropew ta' veloċità għolja, dwar l-effiċjenza operazzjonali tal-ġestjoni ta' kriżijiet bankarji mill-Bank Ċentrali Ewropew u dwar il-faċilità għar-rifuġjati fit-Turkija; jilqa' l-istrateġija ta' komunikazzjoni diġitali tal-Qorti għal ħidma ma' partijiet ikkonċernati mhux istituzzjonali, bħal gruppi ta' riflessjoni, NGOs, assoċjazzjonijiet tal-industrija u l-qasam akkademiku (li jistgħu jaġixxu bħala multiplikaturi tal-messaġġi tal-Qorti); barra minn hekk, iħeġġeġ l-użu ta' pjattaformi ta' netwerks soċjali awtoospitati liberi u b'sors miftuħ li jagħtu attenzjoni speċjali lill-protezzjoni tad-data tal-utenti;

13.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-preżenza ġenerali fil-midja (inkluża l-midja soċjali) kważi triplikat fil-2018 mqabbel mal-2017 (żdiedet minn madwar 15 500 artiklu online u referenzi fuq il-midja soċjali għal aktar minn 44 000); jinnota li fl-2018, il-posts fil-midja soċjali mill-kontijiet uffiċjali tal-Qortirigward il-pubblikazzjonijiet tagħha ntwerew madwar 11-il miljun darba, jiġifieri kważi 18-il darba aktar milli fl-2017; jinnota li fl-2018, aktar minn 11 000 artiklu online dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti kienu disponibbli (imqabbel ma' 1 500 artiklu online fl-2013);

14.  Jirrikonoxxi l-pubblikazzjoni ta' 35 rapport speċjali (imqabbel ma' 28 fl-2017), 9 pubblikazzjonijiet ibbażati fuq rieżami (imqabbel ma' 2 fl-2017) u 10 opinjonijiet (imqabbel ma' 5 fl-2017); jilqa' l-isforzi tal-Qorti, f'konformità mar-Regolament Finanzjarju, biex tipproduċi r-rapporti speċjali tagħha fi żmien 13-il xahar, filwaqt li jinnota li l-medja ta' żmien tal-produzzjoni tar-rapporti speċjali ppubblikati matul l-2018 kienet ta' 15,2-il xahar; jenfasizza, madankollu, li 15 mill-35 rapport speċjali (43 %) saru f'inqas minn 13-il xahar (imqabbel ma' 29 % fl-2017);

15.  Jinnota bi tħassib li l-Qorti għażlet kampjun ta' 45 tranżazzjoni (imqabbel ma' 55 fl-2017 u 100 fl-2016) mill-Intestatura 5 "Amministrazzjoni" tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni; jinnota li l-kampjun tfassal biex ikun rappreżentattiv tal-firxa ta' nfiq fl-ambitu tal-Intestatura 5, li tirrappreżenta 6,3 % tal-baġit tal-Unjoni; jinnota li l-ħidma tal-Qorti tindika li l-infiq amministrattiv għandu riskju baxx; jikkunsidra, madankollu, li n-numru ta' tranżazzjonijiet magħżula b'rabta mal-"istituzzjonijiet l-oħra" mhuwiex suffiċjenti, u jitlob lill-Qorti żżid l-għadd ta' tranżazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati b'tal-inqas 10 %; jitlob lill-Qorti tikkunsidra li tippreżenta rapport annwali indipendenti dwar l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (bħalma tagħmel diġà fir-rigward tal-aġenziji tal-Unjoni); jitlob lill-Qorti biex iżżomm lill-Parlament infurmatdwar l-iżviluppi f’dan ir-rigward;

16.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-kapitolu dwar it-trasparenza fis-sit web tal-Qorti jippreżenta kalendarju tal-laqgħat tal-Qorti u tabella tal-missjonijiet tal-membri tal-Qorti (bid-data, il-post, l-iskop u l-ispejjeż) kif ukoll links għal dokumenti relatati u portali oħra tat-trasparenza;

17.  Jenfasizza l-introduzzjoni ta' reġistru tal-attendenza biex jirreġistra l-preżenza tal-membri fil-laqgħat tal-Qorti, l-awli tagħha u l-kumitati tagħha (li ilu effettiv mill-1 ta' Jannar 2019); jitlob lill-Qorti tirrapporta dwar dawk il-kwistjonijiet lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament fir-rapport annwali tal-attività tagħha li jmiss;

18.  Jistieden lill-Qorti tistabbilixxi proċeduri għaż-żamma ta' reġistru tal-liv annwali, il-liv tal-mard u assenza mix-xogħol tal-membri għal raġunijiet oħra, biex tiżgura li l-liv kollu meħud mill-membri jiġi reġistrat b'mod effettiv; jenfasizza li l-prattika attwali tista' ddgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-Qorti;

19.  Josserva b'interess li l-Qorti tiġbor informazzjoni dwar il-missjonijiet tal-membri li jkunu relatati max-xogħol, biex tivvaluta jekk l-attività ppjanata kinitx taqa' fil-qasam ta' interess tal-Qorti; jilqa' l-fatt li l-membri jipprovdu l-ismijiet u l-karigi tal-persuni li jkunu se jiltaqgħu magħhom, deskrizzjoni ġenerali tas-suġġetti li għandhom jiġu diskussi u, fejn tkun disponibbli, l-istedina li jkun fiha d-dettalji meħtieġa sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' abbużi possibbli;

20.  Jinnota li d-deċiżjoni li tiċċara r-regoli li jirregolaw il-missjonijiet tal-membri daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2018; jinnota li d-deċiżjoni tiddefinixxi b'mod partikolari l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata meta tintalab ordni ta' missjoni;

21.  Jinnota li l-Qorti, fil-qafas tas-sistema ta' kontroll intern tagħha, iddeċidiet minn Frar 2018 li tiddelega lis-segretarju ġenerali s-setgħat tal-uffiċjal awtorizzanti fir-rigward tal-kontijiet relatati mal-ispejjeż tal-missjonijiet u l-ispejjeż ta' rappreżentanza tal-membri; jinnota li dak l-infiq issa huwa suġġett għas-sistema ta' kontroll ġenerali mħaddma mis-servizzi tas-segretarjat ġenerali li tinvolvi l-ġestjoni tar-riskju u kontroll ex ante u ex post, u li huwa inkluż fid-dikjarazzjoni annwali tal-uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega u b'delega; jiddeplora bil-qawwa l-fatt li kellha tinqala' sitwazzjoni kritika partikolari biex il-Qorti ħadet azzjoni dwar din il-kwistjoni;

22.  Jinnota li s-servizz tal-awditjar intern għamel rieżami tar-rapporti annwali ta' kontroll tal-2018 u d-dikjarazzjonijiet tal-uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega sabiex jivvaluta l-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta; jinnota li s-segretarju ġenerali talab rapporti ta' kontroll mingħand id-direttorati kollha; jirrikonoxxi li s-servizz tal-awditjar intern jikkonferma l-kwalità affidabbli tal-kontrolli ex ante u ex post imwettqa mis-servizzi, u li b'mod ġenerali l-informazzjoni fir-rapporti ta' kontroll hija affidabbli;

23.  Jinnota d-deċiżjoni tal-Qorti, fir-rigward tal-perjodu 2012 sa 2018, li twettaq awditu intern tal-ispejjeż tal-missjonijiet u tal-użu tal-karozzi uffiċjali (awditu li ġie ffinalizzat f'Lulju 2019); jinnota li r-rapport ta' awditjar ikkonkluda li l-maġġoranza vasta tal-operazzjonijiet magħżula b'mod aleatorju eżaminati mis-servizz tal-awditjar intern kienu konformi mar-regoli u l-proċeduri applikabbli; jiddeplora l-fatt li r-rapport ikkonkluda wkoll li, qabel ir-riformi tal-2017 sa 2018, is-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll tal-Qorti kellhom ċerti nuqqasijiet; jinnota wkoll li r-rapport ikkonkluda li r-riformi tal-2017 sa 2018 fil-fatt ikkoreġew in-nuqqasijiet fis-sistemi ta’ kontroll, u li l-proċeduri ta' ġestjoni u ta' kontroll fis-seħħ bħalissa b'mod ġenerali huma affidabbli;

24.  Jinnota li abbażi ta' dak ir-rapport ta' awditjar ma ġiet identifikata l-ebda indikazzjoni dwar użu ħażin, minn membri jew minn membri preċedenti, tal-pożizzjoni tagħhom; jinnota li ma kien hemm l-ebda investigazzjoni interna oħra wara dak ir-rapport ta' awditjar;

25.  Josserva li l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) bagħat ir-rapport tiegħu dwar ex membru lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Lussemburgu; jinnota li l-immunità tal-ex membru tneħħiet; jinnota li l-Qorti rkuprat is-somma ta' EUR 153 407,58 mingħand l-ex membru;

26.  Jinnota li l-OLAF fetaħ investigazzjoni fl-2016 dwar il-possibbiltà ta' abbuż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza minn membru attwali tal-Qorti (relatat maż-żmien meta kien Membru tal-Parlament); jinnota li l-OLAF ikkonkluda l-każ f'Settembru 2019, b'rakkomandazzjoni lill-Parlament li jirkupra EUR 11 243; jinnota li ma saret l-ebda rakkomandazzjoni dixxiplinari jew ġudizzjarja f'dan ir-rigward, u li ma ġiet indirizzata l-ebda rakkomandazzjoni lill-Qorti;

27.  Jilqa' l-fatt li l-membri tal-Qorti huma suġġetti għal kodiċi ta' kondotta li jirregola l-indipendenza, l-imparzjalità, l-integrità, l-impenn, il-kolleġjalità, il-kunfidenzjalità, ir-responsabbiltà u l-obbligi tagħhom wara li ma jibqgħux fil-kariga; jilqa' l-fatt li l-Qorti tippubblika d-dikjarazzjonijiet ta' interessi (dikjarazzjonijiet ta' interessi finanzjarji u tal-attivitajiet esterni) u s-CVs tal-membri tagħha fis-sit web tagħha, u b'hekk tagħmel il-Qorti suġġetta għall-istess skrutinju pubbliku bħall-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni;

28.  Jinsab imħasseb li d-dikjarazzjonijiet ta' interess huma ta' natura awtodikjaratorja u li, minħabba l-qafas legali attwali, la l-Qorti u lanqas il-kumitat tal-etika tagħha m'għandhom setgħat ta' investigazzjoni biex jiżguraw il-veraċità u l-kompletezza tad-data ddikjarata; jistieden lill-Qorti tiżgura li l-membri jippreżentaw dikjarazzjonijiet ta' interess minflok dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitti ta' interess; jenfasizza li l-proċeduri attwali, inkluż dawk tal-kumitat tal-etika, jeħtieġ li jissaħħu biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm kunflitti ta' interess; jitlob lill-Qorti tirrapporta dwar kwalunkwe progress magħmul;

29.  Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-linji gwida tal-Qorti dwar l-etika, applikabbli għall-membri kollha u għall-persunal kollu; jilqa' d-diskussjoni mill-kumitat tal-etika ta' kwalunkwe kwistjoni ta' natura etika li jqis rilevanti, inkluża l-valutazzjoni tal-attivitajiet esterni tal-membri tal-Qorti; jinnota l-ħatra ta' konsulenti tal-etika fost il-persunal tal-Qorti, bil-għan li jiġi żgurat li kull membru tal-persunal ikollu d-dritt u l-opportunità li jfittex parir kunfidenzjali u imparzjali dwar kwistjonijiet sensittivi, bħal kunflitti reali ta' interess, l-aċċettazzjoni ta' rigali u dwar kif tingħata informazzjoni f'każ ta' irregolaritajiet serji (żvelar ta' informazzjoni protetta), eċċ.;

30.  Jenfasizza l-fatt li l-Qorti toffri, lill-membri kollha tal-persunal, kors ta' taħriġ speċifiku dwar l-etika pubblika, (li huwa obbligatorju għall-membri ġodda kollha tal-persunal), li jkun fih taqsima dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta (inkluża l-proċedura li għandha tiġi segwita, u d-drittijiet tal-persunal); jilqa' l-fatt li, fil-gwida interna dwar "mistoqsijiet frekwenti dwar kwistjonijiet etiċi", jingħataw għadd ta' eżempji bl-għan li jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent ta' kunflitti potenzjali ta' interess; jistieden lill-Qorti ssaħħaħ l-isforzi tagħha billi ttejjeb l-informazzjoni u l-komunikazzjoni u permezz ta' attivitajiet ta' monitoraġġ;

31.  Jenfasizza l-fatt li qafas tal-etika għandu jikkonsisti f'regoli għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-evitar ta' kunflitti potenzjali ta' interess; jinnota li l-qafas tal-etika tal-Qorti ġie rieżaminat mill-esperti tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Polonja u l-Kroazja; jieħu nota tar-rapport finali ta' evalwazzjoni bejn il-pari; jistieden lill-Qorti tinforma lill-Parlament dwar kwalunkwe azzjoni ta' segwitu li tiġi deċiża abbażi tal-eżitu tal-evalwazzjoni bejn il-pari;

32.  Jilqa' l-fatt li l-Qorti stabbiliet mezzi għall-iżvelar ta' informazzjoni protetta li jiżguraw protezzjoni xierqa għall-informaturi, u li hi ppubblikat ir-regoli ta' proċedura relatati; jinnota li teżisti formola ta' kuntatt online għar-rappurtar ta' kwalunkwe irregolarità serja; jilqa' l-link fil-paġna ewlenija tagħha dwar kif persuna tista' tirrapporta każijiet ta' frodi lill-OLAF;

33.  Jinnota l-fatt li l-Qorti qed tkompli torganizza taħriġ u preżentazzjonijiet għall-maniġers, il-membri ġodda tal-persunal u l-persunal tar-riżorsi umani biex titqajjem kuxjenza dwar il-fastidju fl-ambjent tax-xogħol; jinnota, barra minn hekk, li l-persuni ta' kuntatt għall-ġlieda kontra l-fastidju jirċievu t-taħriġ rilevanti fuq bażi annwali; jinnota li l-Qorti saħħet ir-regoli tagħha kontra l-fastidju fl-2017 u li għandhom l-għan li jevitaw sitwazzjonijiet ta' fastidju, li jżommu ambjent tax-xogħol sodisfaċenti u li jiffaċilitaw s-soluzzjoni ta' kunflitti interpersonali permezz ta’ soluzzjoni amikevoli;

34.  Jilqa' l-isforzi li għamlet il-Qorti biex tiżgura l-benesseri tal-persunal, bħal billi tippermetti ħinijiet tax-xogħol flessibbli u telexogħol u jinnota li, f’dan ir-rigward, il-Qorti tipprovdi preżentazzjonijiet dwar opportunitajiet indaqs u aċċess mingħajr ħlas għall-psikologi; jinnota, madankollu, li kien hemm tliet każijiet ta' eżawriment fl-2018; jitlob lill-Qorti, għaldaqstant, tivvaluta jekk l-ammont tax-xogħol hux imqassam b'mod proporzjonat fost it-timijiet u membri tal-persunal;

35.  Jinnota li kien hemm ilment formali wieħed ta' fastidju ppreżentat fl-2018 u li ġew stabbiliti l-fatti ta' fastidju sesswali; jinnota li l-proċedura kollha (li ntemmet bit-teħid ta' miżuri preventivi u dixxiplinari) ħadet ħames xhur mid-data meta tressaq l-ilment biex tlestiet għalkollox;

36.  Jenfasizza l-fatt li (kif imsemmi fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tal-attivitajiet okkupazzjonali ta' uffiċjali għolja wara t-tluq mis-servizz) il-Qorti tippubblika informazzjoni relatata dwar l-attivitajiet okkupazzjonali ta' uffiċjali għolja tal-Qorti; jinnota wkoll il-pubblikazzjoni tar-regoli relatati fis-sit tagħha;

37.  Jinnota l-fatt li l-Qorti u l-OLAF jaħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jinnota wkoll li fl-2018 il-Qorti kkomunikat disa' każijiet ta' suspett ta' frodi żvelati fil-kuntest tal-awditi tagħha (imqabbel ma' 13 fl-2017); jifraħ lill-Qorti dwar il-fatt li n-negozjati li għaddejjin irriżultaw f'arranġament ta' kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Qorti u l-OLAF (iffirmat f'Mejju 2019) li għandu l-għan li jiffaċilita r-relazzjoni prattika tax-xogħol bejn dawk il-korpi, b'mod partikolari rigward it-trażmissjoni ta' każijiet ta' suspett ta' frodi, u li jorganizza azzjonijiet ta' interess komuni, bħal taħriġ, workshops u skambji ta' persunal;

38.  Jiddispjaċih li s-segwitu tal-Qorti għar-riżoluzzjoni tal-kwittanza tal-2017 ipprovda biss risponsi limitati għall-kummenti tal-Parlament; jenfasizza li s-segwitu huwa essenzjali biex jippermetti lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament jiddetermina jekk il-Qorti tkunx implimentat ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament; jistieden lill-Qorti tinkludi r-risponsi kollha meħtieġa u spjegazzjonijiet aktar dettaljati dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament fir-rapport ta' segwitu li jmiss tagħha;

39.  Jinnota li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mhux ser ikollu impatt maġġuri fuq l-istruttura u r-riżorsi umani tal-Qorti; jinnota li l-Qorti impenjat ruħha li tuża s-setgħa diskrezzjonali tagħha skont l-Artikolu 49 tar-Regolamenti tal-Persunal b’effett li l-uffiċjali ma jitkeċċewx unikament għax ma jkunux għadhom ċittadini ta' Stat Membru; jinnota li, fir-rigward tal-aġenti temporanji u kuntrattwali, il-Qorti hija meħtieġa bil-liġi li teżamina kull każ individwalment, u li tawtorizza eċċezzjonijiet meta jkun ġustifikat fl-interess tas-servizz; jilqa' l-fatt li l-Qorti madankollu impenjat ruħha li tagħmel użu miftuħ u trasparenti minn din il-kapaċità li tawtorizza l-eċċezzjonijiet; jinnota li l-valutazzjoni tal-Qorti se tkun ibbażata unikament fuq l-interessi tas-servizz;

40.  Jenfasizza l-impenn tal-Qorti li ttejjeb il-bilanċ bejn is-sessi fil-livelli maniġerjali kollha; jinnota li 45 % tal-awdituri u l-amministraturi tagħha huma nisa, jiġifieri l-proporzjon ta' nisa u rġiel huwa kważi ndaqs; jinnota li 38 % tal-maniġers tagħha,  24, huma nisa, u li 3 minn 10 diretturi huma nisa; jistieden lill-Qorti tkompli bl-isforzi tagħha biex tippromwovi l-bilanċ bejn is-sessi, b'mod partikolari rigward pożizzjonijiet maniġerjali u karigi maniġerjali ogħla; jilqa' l-fatt li l-proporzjoni ta' nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali fil-kmamar tal-awditjar żdied minn 7 % fl-2015 għal kważi 24 % fi tmiem l-2018 (imqabbel ma' 20 % fl-2017); jinnota li l-politika tal-opportunitajiet indaqs tal-Qorti għall-perjodu 2018 sa 2020 (approvata fi Frar 2018) tindirizza wkoll il-kwistjonijiet tal-età u tad-diżabilità;

41.  Itenni li 6 biss mit-28 membru tal-Qorti (imqabbel ma' 4 fl-2016) huma nisa; jenfasizza l-kwistjoni ta' żbilanċ bejn is-sessi fost il-membri; ifakkar li l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lin-nisa b'mod aktar attiv biex japplikaw għal dawn it-tipi ta' pożizzjonijiet; itenni li l-Kunsill dejjem għandu jippreżenta mill-inqas żewġ kandidati, waħda mara u wieħed raġel, matul il-proċedura tal-ħatra;

42.  Jinnota li ż-żieda fl-ammont ta' xogħol fit-traduzzjoni ġiet ikkumpensata mill-kisbiet fl-effiċjenza permezz tar-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri interni tal-Qorti, inkluża ċ-ċentralizzazzjoni tal-ipproċessar ta' qabel u ta' wara t-traduzzjonijiet; jinnota li dan ippermetta tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż għal kull paġna (aktar minn 10% mqabbel ma-2017);

43.  Jilqa' għal darba oħra l-kooperazzjoni tal-Qorti ma' istituzzjonijiet pubbliċi u partijiet ikkonċernati oħra; jinnota b'sodisfazzjon il-kooperazzjoni bejn il-kapijiet tal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar u l-adozzjoni ta' pjan ta' ħidma konġunt mill-2018 'il quddiem; jappoġġa, barra minn hekk, is-sħubijiet li saru ma' diversi universitajiet fil-kuntest tal-politika tal-Qorti biex testendi l-firxa ta' taħriġ tagħha; jitlob lill-Qorti testendi l-kuntatti tagħha lil universitajiet addizzjonali sabiex fil-futur tistabbilixxi kooperazzjoni li tkun diversifikata u żżomm bilanċ ġeografiku;

44.  Jilqa' l-fatt li l-ispazji tal-arkivji tal-bini K2 ma baqgħux meħtieġa minħabba li żdiedet id-diġitalizzazzjoni; jinnota li dawn l-ispazji se jiġu konvertiti fi spazji ġodda kollaborattivi jew ta' benesseri, u li l-ispiża se tkun milqugħa mill-baġit li fadal tal-proġett ta' kostruzzjoni tal-K3 li tlesta ftit snin ilu; jinnota li l-livell ta' kumdità tal-bini K1 għadu ferm iktar baxx minn dak tal-binjiet l-oħra tal-kampus; jirrikonoxxi l-konklużjoni ta' studju li jirrakkomanda li jsiru xogħlijiet li jirriżultaw f'investimenti kbar; jinnota li l-alternattivi biex tinstab l-aktar soluzzjoni effiċjenti għall-futur tal-K1 għadhom qed jiġu kkunsidrati (inkluż f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet Lussemburgiżi); jistieden lill-Qorti tinforma lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament rigward kwalunkwe soluzzjoni,flimkien ma’ estimi baġitarji;

45.  Jilqa' l-fatt li l-Qorti stabbiliet programm ambjentali komprensiv biex tindirizza diversi temi identifikati fl-analiżi ambjentali tagħha u biex tnaqqas l-impatt ambjentali tagħha; jinnota b'apprezzament li rnexxielha tnaqqas il-konsum tal-enerġija tagħha bi 11,5 % mill-2014 għall-2018, il-konsum tal-ilma tagħha b'21,1 % mill-2016 għall-2018, u l-konsum tal-karta tagħha b'50,8 % mill-2014 għall-2018;

46.  Jappoġġa l-isforzi tal-Qorti biex ittejjeb il-protezzjoni tad-data u ċ-ċibersigurtà billi tadotta pjan ta' azzjoni taċ-ċibersigurtà ta' tliet snin f'nofs l-2018, b'għadd ta' azzjonijiet biex ittaffi r-riskji identifikati; jinnota b'sodisfazzjon il-kooperazzjoni tal-Qorti mal-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji Ewropej (CERT-UE) biex jiġu implimentati wħud mill-kontrolli previsti fil-pjan;

47.  Jirrikonoxxi l-valur miżjud li s-software liberu u b'sors miftuħ jista' joffri lill-Qorti; jissottolinja b'mod partikolari r-rwol ta’ tali software biex tiżdied it-trasparenza u jiġu evitati l-effetti ta' intrappolament tal-bejjiegħa; jirrikonoxxi wkoll il-potenzjal tiegħu għal titjib fis-sigurtà għax jippermetti l-identifikazzjoni tad-dgħufijiet u r-rimedji għalihom; jirrakkomanda b'mod qawwi li kwalunkwe software żviluppat għall-Qorti jsir disponibbli pubblikament taħt liċenzja għal software liberu u b'sors miftuħ;

48.  Jenfasizza l-ħidma kollha li saret mill-Qorti fis-snin reċenti f'oqsma bħall-baġitjar abbażi tal-prestazzjoni, il-qafas etiku (bir-regoli u l-proċeduri kollha relatati tiegħu), tisħiħ tal-attivitajiet ta' komunikazzjoni u l-għadd dejjem akbar ta' miżuri biex titjieb it-trasparenza; jilqa' l-għadd sinifikanti ta' ftehimiet interistituzzjonali ta' servizz u ta' kooperazzjoni; jissottolinja l-importanza tal-kollaborazzjoni u l-qsim tal-esperjenzi fost l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni; jissuġġerixxi l-possibbiltà li jiġu analizzati attivitajiet formalizzati ta' netwerking f'oqsma differenti għall-qsim tal-aħjar prattiki u l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet komuni.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Mejju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza