Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2099(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0049/2020

Testi mressqa :

A9-0049/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0098

Testi adottati
PDF 182kWORD 56k
Il-Ħamis, 14 ta' Mejju 2020 - Brussell Verżjoni proviżorja
Kwittanza 2018: L-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni
P9_TA-PROV(2020)0098A9-0049/2020
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Mejju 2020 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2018 (2019/2099(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-Impriżi Konġunti tal-UE għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-Impriżi Konġunti(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2020 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018 (05763/2019 – C9-0065/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxi l-vantaġġi fuqha(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0049/2020),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2018;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 426, 18.12.2019, p. 1.
(2) ĠU C 426, 18.12.2019, p. 24.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.
(7) ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Mejju 2020 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2018 (2019/2099(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-Impriżi Konġunti tal-UE għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-Impriżi Konġunti(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2020 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018 (05763/2019 – C9-0065/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxi l-vantaġġi fuqha(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0049/2020),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2018;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 426, 18.12.2019, p. 1.
(2) ĠU C 426, 18.12.2019, p. 24.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.
(7) ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2018 (2019/2099(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0049/2020),

A.  billi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (l-"Impriża Konġunta") ġiet stabbilita f'Marzu 2007 għal perjodu ta' 35 sena permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom(1);

B.  billi l-membri tal-Impriża Konġunta huma l-Euratom, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri tal-Euratom, u pajjiżi terzi li kkonkludew ftehim ta' kooperazzjoni mal-Euratom fil-qasam tal-fużjoni nukleari kkontrollata;

C.  billi l-objettivi tal-Impriża Konġunta huma li tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-proġett internazzjonali ITER għall-enerġija mill-fużjoni, li timplimenta l-ftehim ta' approċċ usa' bejn il-Euratom u l-Ġappun, u li tipprepara għall-kostruzzjoni ta' reattur dimostrattiv tal-enerġija mill-fużjoni;

D.  billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b'mod awtonomu f'Marzu 2008;

Ġenerali

1.  Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2018 (ir-"rapport tal-Qorti") isib li l-kontijiet annwali huma ppreżentati b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, fir-rigward tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta' Diċembru 2018 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha u l-bidliet fl-assi netti tagħha għas-sena li kienet għadha kemm intemmet, b'konformità mar-regolament finanzjarju tagħha u mar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni;

2.  Jirrikonoxxi l-fatt li t-tranżazzjonijiet li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2018 huma bbażati fuqhom, fl-aspetti materjali kollha, huma legali u regolari;

3.  Jenfasizza l-fatt li l-Impriża Konġunta reġgħet ikkalkulat il-kontribuzzjoni tagħha għall-fażi ta' kostruzzjoni tal-proġett għal EUR 12 000 000 000, żieda mis-EUR 6 600 000 000 approvati mill-Kunsill fl-2010; jinnota li ċ-ċifra ma tinkludix kontinġenzi, minkejja li l-Kummissjoni ssuġġeriet li kontinġenza sa 24 xahar f'termini ta' skeda u minn 10 % sa 20 % f'termini ta' baġit tkun xierqa;

4.  Jinnota li f'Novembru 2016, il-Kunsill tal-Organizzazzjoni ITER (il-"Kunsill ITER") approva linja bażi ġdida tal-proġett ITER; jinnota li l-linja bażi l-ġdida tal-ITER tistma l-kisba tal-"ewwel plażma" u l-bidu tal-fażi operattiva fl-2025 bit-tlestija tal-fażi ta' kostruzzjoni fl-2035, iżda josserva li l-linja bażi preċedenti tal-2010 stmat li l-fażi ta' kostruzzjoni titlesta fl-2020; madankollu, jinnota li l-linja bażi l-ġdida hija meqjusa bħala l-aktar data kmieni possibbli li tista' tinkiseb teknikament;

5.  Jinnota li f'Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill dwar id-deċiżjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni u mill-Euratom; jinnota bi tħassib li dan jista' jkollu effetti fuq l-attivitajiet ta' wara l-2020 tal-Impriża Konġunta u tal-proġett ITER;

6.  Jilqa' l-fatt li f'April 2018 il-Kunsill ta mandat lill-Kummissjoni biex tapprova l-linja bażi l-ġdida tal-ITER f'isem il-Euratom u afferma mill-ġdid l-impenn li jqiegħed għad-dispożizzjoni riżorsi fil-limiti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss mingħajr preġudizzju għal negozjati sussegwenti dwar il-QFP, li se jiddeterminaw id-dettalji tal-finanzjament futur(2);

7.  Jenfasizza l-fatt li, minbarra l-fażi ta' kostruzzjoni, l-Impriża Konġunta jkollha tikkontribwixxi għall-fażi operattiva tal-ITER wara l-2035 u għall-fażijiet sussegwenti ta' diżattivazzjoni u dekummissjonar tal-ITER; jieħu nota tal-fatt li l-kontribuzzjoni għall-fażijiet ta' diżattivazzjoni u ta' dekummissjonar ġew stmati li huma EUR 95 540 000 u EUR 180 200 000 rispettivament; jinnota li l-proġett ITER se jkompli jopera sa ma l-Ftehim ITER jiġi fi tmiemu fl-2042 u li l-Unjoni se tkompli tikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-ITER sa dak iż-żmien; jinnota li dawn l-ispejjeż addizzjonali jinkludu l-aħħar sena ta' kontribuzzjonijiet fi flus għall-fażijiet ta' operazzjoni u ta' dekummissjonar u l-ispejjeż sħaħ tal-fażi ta' diżattivazzjoni;

8.  Jinnota li għad hemm ir-riskju ta' aktar żidiet fl-ispejjeż u dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġett meta mqabbel mal-linja bażi approvata attwali għalkemm ittieħdu passi pożittivi biex jittejbu l-ġestjoni u l-kontroll tal-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta għall-fażi ta' kostruzzjoni tal-proġett; jistieden lill-Impriża Konġunta ma taqbiżx il-linja bażi attwali approvata għall-ispejjeż totali tal-proġett;

9.  Jinnota li komunikazzjoni effettiva hija komponent essenzjali ta' proġetti ffinanzjati mill-Unjoni li jirnexxu; iqis li huwa importanti li tiżdied il-viżibbiltà tal-kisbiet tal-Impriża Konġunta u li tinxtered informazzjoni dwar il-valur miżjud tagħhom; jistieden lill-Impriża Konġunta taħdem favur politika ta' komunikazzjoni proattiva billi xxerred ir-riżultati tar-riċerka tagħha fost il-pubbliku, pereżempju permezz tal-midja soċjali jew ta' mezzi oħra tal-midja, u b'hekk tissensibilizza lill-pubbliku dwar l-impatt tal-appoġġ tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-adozzjoni mis-suq;

10.  Jitlob lill-Qorti tivvaluta r-robustezza u l-affidabbiltà tal-metodoloġija għall-kalkolu u l-ivvalwar tal-kontribuzzjonijiet in natura;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

11.  Jinnota li l-baġit finali 2018 disponibbli għall-implimentazzjoni kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn ta' EUR 706 230 231 u approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 847 366 988; jinnota li r-rati ta' użu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament kienu ta' 98,4 % u 96,1 % rispettivament (meta mqabbla ma' 99,9 % u 96,3% fl-2017);

12.  Jinnota li, minħabba nuqqasijiet fil-proċess ta' ppjanar tal-baġit fl-2017, l-approprjazzjonijiet ta' pagament meħtieġa fl-2017 u fl-2018 qabżu l-approprjazzjonijiet ta' pagament tal-baġit inizjali; josserva li l-approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali meħtieġa mill-Impriża Konġunta ammontaw għal EUR 160 700 000, 25 % ogħla mill-baġit inizjali; jieħu nota tat-tweġiba tal-Impriża Konġunta li tgħid li l-Impriża Konġunta hija grata lejn il-Euratom għall-kontribuzzjoni addizzjonali lill-baġit tal-2018 u li l-Impriża Konġunta tixtieq tirrapporta li n-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament ma kien ikollu ebda impatt jew riskju, peress li EUR 137 000 000 tħallsu lill-Organizzazzjoni ITER bħala avvanz fuq il-kontribuzzjoni fi flus tal-2019; jinnota li s-sistema ta' previżjoni tal-pagamenti ġiet kompletament imfassla mill-ġdid u integrata fl-għodda l-ġdida ta' ġestjoni finanzjarja, u li din, flimkien mal-istruttura organizzattiva l-ġdida, tiżgura li jkun hemm fis-seħħ ippjanar baġitarju xieraq u li jkun diġà ntuża biex jiddetermina d-dħul tal-baġit tal-2019;

13.  Jilqa' l-fatt li mis-EUR 706 200 000 disponibbli għall-approprjazzjonijiet ta' impenn, 98,4 % ġew implimentati permezz ta' impenji individwali diretti (meta mqabbel ma' 96,5 % fl-2017);

14.  Jinnota li fl-2018 il-bilanċ tal-eżitu tal-baġit ammonta għal EUR 1 316 734 (meta mqabbel ma' EUR 17 236 192 fl-2017);

15.  Josserva li fl-2018 l-Impriża Konġunta għamlet pagament ta' regolarizzazzjoni li jittrasferixxi EUR 1 000 000 ta' pagamenti awtorizzati u verifikati relatati mal-ispejjeż tal-ivjaġġar fuq xogħol tal-persunal mill-baġit amministrattiv għall-baġit operattiv; jinnota, madankollu, li l-prinċipju baġitarju tal-ispeċifikazzjoni ma ġiex irrispettat mill-pagament ta' regolarizzazzjoni; jieħu nota tat-tweġiba tal-Impriża Konġunta li tgħid li tqis li l-pagament ta' regolarizzazzjoni implimentat għal ammont globali u għal partiti mhux differenzjati ma kienx l-aħjar għodda għall-assenjar tan-nefqa minħabba n-nuqqas ta' trasparenza perċepita tiegħu; madankollu, jistenna li t-titjib li nkiseb mid-dipartiment kummerċjali tal-Impriża Konġunta matul l-2019 jiġi kkonfermat mill-Qorti fir-rapport annwali tagħha għall-2019;

16.  Jinnota li fl-2018 l-Impriża Konġunta kisbet sitta mill-miri stabbiliti mill-Kunsill ITER u l-Bord ta' Tmexxija tiegħu għal dik is-sena, b'indiċi ta' prestazzjoni skedat ta' 93 % (meta mqabbel ma' 91 % fl-2017, 70 % fl-2016 u 75 % fl-2015); jinnota wkoll id-dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni ITER f'Diċembru 2018 li tikkonferma li 60 % tax-xogħol ta' kostruzzjoni totali skedat għall-ewwel plażma tal-2025 (meta mqabbel ma' 50 % fl-2017) tlesta;

Prestazzjoni

17.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li d-deċiżjoni tad-direttur li jibdel il-post tal-impjieg ta' maniġer superjuri li għadu kif ġie rreklutat minn Barċellona għal Cadarache ma kinitx sostnuta b'dokumentazzjoni adegwata biex tiġġustifika l-ispejjeż addizzjonali tas-salarju minħabba l-koeffiċjent ta' korrezzjoni differenti; jilqa' l-fatt li l-Impriża Konġunta tirrikonoxxi fit-tweġiba tagħha li l-bidla tal-post tal-impjieg ma kinitx dokumentata b'mod adegwat, peress li din kienet fi ħdan ir-responsabbiltà tal-awtorità tal-ħatra; josserva li l-Impriża Konġunta kienet qed tiffaċċja xi riskji fil-proġett tal-kojls tal-kamp polojdali li kienu jirrikjedu l-attenzjoni ta' maniġer superjuri; jinnota li d-direttur għalhekk iddeċieda li jitlob lill-kandidat jibda jaħdem minnufih f'Cadarache biex jagħti l-attenzjoni sħiħa tiegħu lill-kriżi tal-kamp polojdali;

18.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Impriża Konġunta implimentat il-ġestjoni tal-valur miksub minflok is-sistema tal-krediti tal-ITER biex timmonitorja l-progress tal-proġett abbażi tal-proposta tal-grupp ad hoc, li r-riżultati tagħha issa qed jiġu ppreżentati regolarment;

19.  Jinnota l-progress fuq il-kostruzzjoni tal-ITER fir-rigward tat-tlestija tal-bioshield enormi madwar il-fossa tat-tokamak u l-installazzjoni tal-ewwel komponenti fil-kumpless tat-tokamak;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

20.  Jinnota li fl-2017 il-bord ta' tmexxija tal-Impriża Konġunta kompla jimplimenta l-parti tal-akkwist pubbliku tal-istrateġija kontra l-frodi; jinnota li l-Impriża Konġunta adottat lista ta' kontroll abbażi tas-sett tagħha stess ta' indikaturi tar-riskju ta' frodi fl-akkwist, b'mod speċifiku, bnadar ħomor, meqjusa bħala prerekwiżit għall-iżvilupp tal-għodda tal-IT kontra l-frodi, wara li żviluppathom internament; jirrikonoxxi li l-uffiċjal kontra l-frodi u tal-etika kompla jikkoordina l-implimentazzjoni tal-istrateġija kontra l-frodi tal-Impriża Konġunta f'kooperazzjoni mill-qrib mal-unitajiet rispettivi kollha, u jinnota b'apprezzament li fi tmiem l-2018 grupp ta' ħidma kien kompla jiżviluppa l-istrateġija kontra l-frodi;

Persunal u reklutaġġ

21.  Jinnota li l-Qorti sabet nuqqasijiet sinifikanti fir-rigward tar-reklutaġġ ta' persunal maniġerjali ewlieni; jieħu nota tal-fatt li fit-tweġiba tagħha, l-Impriża Konġunta tgħid li wara l-konstatazzjoni tal-Qorti u bl-użu tal-metodoloġija "six sigma" biex tanalizza, tidentifika u timplimenta t-titjib, l-Impriża Konġunta tejbet ir-robustezza tal-proċess tal-għażla tagħha kif ukoll il-miżuri addizzjonali li qegħdin fis-seħħ bħalissa; jitlob lill-Impriża Konġunta tevita kwalunkwe irregolarità u nuqqas fil-futur;

22.  Jinnota li, fi tmiem l-2018, l-Impriża Konġunta kellha 162 mara u 284 raġel fit-tabella tal-persunal tagħha, bl-irġiel jokkupaw il-biċċa l-kbira tal-postijiet fi tlieta mill-ħames kategoriji tal-persunal, filwaqt li aktar minn 50 % tal-aġenti kuntrattwali u tal-uffiċjali tal-Unjoni f'postijiet ta' assistenti huma nisa; jinnota wkoll li 22 Stat Membru kienu rappreżentati fost il-persunal tal-Impriża Konġunta, li l-biċċa l-kbira tal-membri tal-persunal ġew minn tliet Stati Membri, u li erba' membri tal-persunal kienu ġejjin kull wieħed u waħda minnhom minn erba’ Stati Membri oħra; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta tipprova tikseb rappreżentanza li hija iktar bilanċjata fuq il-pjan ġeografiku, filwaqt li jirrikonoxxi li dan jiddependi mill-applikanti għal pożizzjonijiet vakanti u minn dawk li jwieġbu s-sejħiet għal espressjonijiet ta' interess;

Kontroll intern

23.  Jinnota li l-Impriża Konġunta ma segwietx b'mod konsistenti d-dikjarazzjonijiet ta' interessi mill-maniġment superjuri; jinnota b'apprezzament li l-Impriża Konġunta elaborat u daħħlet fis-seħħ xi dokumenti fir-rigward tal-ġestjoni tad-dikjarazzjoni ġenerali ta' interess tal-maniġers kollha u b'konformità mal-Artikolu 13 tar-regoli dwar il-kunflitti ta' interessi tal-Impriża Konġunta; barra minn hekk, josserva li f'Jannar 2019, l-uffiċjal tal-etika organizza sessjoni ta' preżentazzjoni dwar dan is-suġġett lill-maniġers kollha;

24.  Josserva li fil-25 ta' Jannar 2018, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza tagħha li annullat ir-riżultati tal-proċedura tal-għażla inklużi d-deċiżjonijiet biex jinħatru kandidati li għaddew mil-listi ta' riżerva tal-proċedura tal-għażla; jinnota li għalkemm l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali tad-29 ta' Jannar 2019 appoġġat l-appell tal-Impriża Konġunta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-"Qorti tal-Ġustizzja") f'April 2018 u ssuġġeriet li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-annullament tad-deċiżjonijiet biex jinħatru kandidati li għaddew iżda mhux il-lista ta' riżerva, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali(3); jitlob lill-Impriża Konġunta tikkonforma mar-regoli tal-proċedura tal-għażla sabiex tiġi evitata kwalunkwe litigazzjoni fil-futur;

25.  Jinnota li nuqqasijiet fl-istrateġiji ta' komunikazzjoni interna ma żgurawx it-tixrid ta' informazzjoni xierqa dwar l-ispejjeż stmati tal-fażi ta' dekummissjonar fi ħdan l-organizzazzjoni u, għalhekk, l-Impriża Konġunta ma ddivulgat ebda dispożizzjoni għal tali responsabbiltà fil-kontijiet tas-snin preċedenti, li ġew stmati għal EUR 85 200 000; madankollu, jilqa' t-tweġiba tal-Impriża Konġunta li n-nuqqasijiet diġà ġew indirizzati b'żewġ azzjonijiet; li l-maniġment superjuri jittrażmetti lill-uffiċjal tal-kontabbiltà kwalunkwe informazzjoni rilevanti u li l-proċess intern "PM-76 Kontijiet Annwali-ftuħ/għeluq tas-sena finanzjarja" ġie aġġornat f'Mejju 2019;

Akkwist operattiv u għotjiet

26.  Jinnota li matul l-2018, ġew varati 55 proċedura ta' akkwist operattiv, u ġew iffirmati 69 kuntratt ta' akkwist operattiv, filwaqt li ġiet varata proċedura ta' għotja waħda u ġew iffirmati tnejn.

(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxi l-vantaġġi fuqha (ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58).
(2) Kunsill tal-Unjoni Ewropea 7881/18 adottat fit-12 ta' April 2018.
(3) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Mejju 2019, Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni vs Yosu Galocha, C-243/18 P ECLI:EU:C:2019:378.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Mejju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza