Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 16 ta' Jannar 2020 - Strasburgu
Il-Burundi, b'mod partikolari l-libertà ta' espressjoni
 In-Niġerja, b'mod partikolari l-attakki terroristiċi reċenti
 Is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara l-elezzjoni illegali tal-Presidenza tal-Assemblea Nazzjonali u tal-Bureau ġodda (kolp ta' stat parlamentari)
 Is-seduti ta' smigħ li għaddejjin skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE rigward il-Polonja u l-Ungerija
 Il-COP15 għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (Kunming 2020)
 Attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2018
 L-istituzzjonijiet u l-korpi fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja: Il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku

Il-Burundi, b'mod partikolari l-libertà ta' espressjoni
PDF 149kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2020 dwar il-Burundi, b'mod partikolari l-libertà ta' espressjoni (2020/2502(RSP))
P9_TA(2020)0011RC-B9-0054/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi, b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Lulju 2015(1), tas-17 ta' Diċembru 2015(2), tad-19 ta' Jannar 2017(3), tas-6 ta' Lulju 2017(4) u tal-5 ta' Lulju 2018(5),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ottubru 2019 dwar il-finanzjament tal-programm ta' azzjoni annwali tal-2019 għar-Repubblika tal-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-29 ta' Novembru 2019 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-UE dwar l-allinjament ta' ċerti pajjiżi terzi fir-rigward tal-miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-23 ta' Frar 2017, 25 ta’ Jannar 2018 u tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-Burundi, ippubblikat f'Settembru 2019,

–  wara li kkunsidra l-ittra tad-9 ta' Diċembru 2019, iffirmata minn 39 Membru tal-Parlament Ewropew, li tappella għall-ħelsien tal-ġurnalisti tal-midja tal-aħbarijiet Burundjana "Iwacu",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Diċembru 2019 tal-VP/RGħ f'isem l-UE dwar Jum id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2248 tat-12 ta' Novembru 2015 u 2303 tad-29 ta' Lulju 2016 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta dwar il-Burundi ppreżentat lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-15 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-13 ta' Marzu 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Investigazzjoni Indipendenti tan-NU dwar il-Burundi (UNIIB), ippubblikat fl-20 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi (il-Ftehim ta' Arusha) tat-28 ta' Awwissu 2000,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Burundi adottata fis-Summit tal-Unjoni Afrikana fit-13 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 36/19 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tad-29 ta' Settembru 2017 dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Kummissjoni ta' Inkjesta dwar il-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1755 tal-1 ta' Ottubru 2015(6) u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2015/1763 tal-1 ta' Ottubru 2015(7), (CFSP) 2016/1745 tad-29 ta' Settembru 2016(8) u (PESK) 2019/1788 tal-24 ta' Ottubru 2019(9) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Mejju 2018 tal-VP/RGħ, f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi qabel ir-referendum kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehim ta' Cotonou),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli li ġiet adottata fis-27 ta' Ġunju 1981 u daħlet fis-seħħ fil-21 ta' Ottubru 1986, u ġiet ratifikata mill-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/394 tal-14 ta' Marzu 2016 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta' konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra(10),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra t-taqsima tar-rapport Dinji tal-2019 tal-Human Rights Watch dwar il-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2019 tar-Reporters mingħajr fruntieri,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 fil-Burundi ħolqu inkwiet ċiviku, ġew ikkatterizzati, skont il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Burundi, b'deterjorament sever tal-kundizzjonijiet essenzjali għall-eżerċizzju effettiv tad-dritt tal-vot, u ġew ibbojkottjati mill-oppożizzjoni;

B.  billi l-istazzjonijiet tar-radju indipendenti jibqgħu magħluqa, għexieren ta' ġurnalisti għadhom ma jistgħux jirritornaw mill-eżilju awtoimpost, u dawk li baqgħu jsibuha diffiċli biex jaħdmu b'mod liberu, spiss minħabba l-fastidju min-naħa tal-forzi tas-sigurtà, li huwa mħeġġeġ mid-dibattiti uffiċjali li jassoċjaw lill-midja mhux allinjata mal-għedewwa tan-nazzjon;

C.  billi s-sitwazzjoni fil-Burundi għadha inkwetanti, b'ħafna rapporti dwar ksur ta' libertajiet ċiviċi u politiċi fundamentali, filwaqt li ż-żieda fil-prezzijiet qed ikollha impatt negattiv fuq id-drittijiet ekonomiċi u soċjokulturali, bħad-dritt għal livell ta' għajxien adegwat, id-dritt għall-edukazzjoni, id-drittijiet għal ikel adegwat u l-ħelsien mill-ġuħ, id-drittijiet tan-nisa, id-dritt għax-xogħol u d-drittijiet sindikali;

D.  billi l-istaġnar fil-progress biex tinstab soluzzjoni politika permezz tad-Djalogu Intern għall-Burundi jhedded serjament l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet skedati għal Mejju 2020; billi dawn l-elezzjonijiet jistgħu jikkonsolidaw aktar id-deġenerazzjoni tal-Burundi f'awtoritarjaniżmu fin-nuqqas ta' djalogu politiku sinifikanti; billi għad hemm inċertezza dwar il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha fil-proċess, fost spazju politiku li qed jiċkien u l-ħtieġa li jinħoloq ambjent li jwassal għal elezzjonijiet paċifiċi, trasparenti u kredibbli;

E.  billi l-Kummissjoni ta' Inkjesta dwar il-Burundi (COIB) inkarigata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, fir-rapport tagħha tal-4 ta' Settembru 2019, issottolinjat li ftit xhur qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari tal-2020, kien hemm klima ta' biża' u intimidazzjoni għal dawk li kienu kontra l-partit CNDD-FDD li jinsab fil-gvern, u filwaqt li t-tensjonijiet komplew jiżdiedu hekk kif kienu qed jersqu l-elezzjonijiet ta' Mejju 2019, l-awtoritajiet lokali u l-membri tas-sezzjoni notorja taż-żgħażagħ, l-Imbonerakure, komplew iwettqu vjolenza b'motivazzjoni politika u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem; billi minkejja t-talbiet ripetuti tas-COIB, il-Gvern tal-Burundi rrifjuta li jikkoopera magħha;

F.  billi l-Uffiċċju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Burundi, li ħadem mal-Gvern tal-Burundi dwar il-bini tal-paċi, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà u r-riforma tas-settur tal-ġustizzja u għen biex tinbena l-kapaċità istituzzjonali u tas-soċjetà ċivili dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, ingħalaq f'Marzu 2019 fuq l-insistenza tal-Gvern tal-Burundi, li kien diġà ssospenda kull forma ta' kooperazzjoni mal-Uffiċċju f'Ottubru 2016;

G.  billi l-Bank Dinji stima li t-tkabbir ekonomiku tal-Burundi kien ta' 1,8 % fl-2019, meta mqabbel ma' 1,7 % fl-2018; billi l-baġit ġenerali tal-Istat għall-2019–2020 juri defiċit ta' FBu 189,3 biljun (14.26 %), meta mqabbel mad-defiċit ta' FBu 163,5 biljun għall-istess perjodu fl-2018–2019; billi skont l-UNHCR, mit-30 ta' Settembru 2019, 369 517 refuġjat Burundjan kienu f'pajjiżi ġirien; billi total ta' 78 000 refuġjat reġgħu marru lura b'mod volontarju fil-Burundi minn Settembru 2017; billi 130 562 Burundjan ġew spostati internament mill-28 ta' Frar 2019;

H.  billi Reporters mingħajr fruntieri jikklassifikaw il-Burundi fil-159 post minn 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tagħhom tal-2019; billi l-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-kelma huma vitali biex jiġu żgurati elezzjonijiet ħielsa u infurmati; billi l-ġurnaliżmu ħieles, indipendenti u mhux parzjali jirrappreżenta estensjoni tad-dritt fundamentali tal-bniedem għal-libertà ta' espressjoni; billi l-midja tradizzjonali kkontrollata mill-Istat bħar-radju u l-gazzetti tibqa' sors dominanti ta' informazzjoni; billi t-tisħiħ tal-litteriżmu fil-midja u l-aċċess għall-internet u l-midja soċjali huma meħtieġa biex jippermettu aċċess għal informazzjoni u jsaħħu l-istabbiltà u d-djalogu soċjali u politiċi, u għalhekk jiżguraw elezzjonijiet ħielsa, infurmati u ġusti;

I.  billi l-Burundi huwa wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja, u 74,7 % tal-popolazzjoni tiegħu tgħix fil-faqar, u huwa kklassifikat fil-185 post mill-189 fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem; billi aktar minn 50 % tal-popolazzjoni Burundjana tbati minn nuqqas ta' sigurtà kronika tal-ikel, kważi nofs il-popolazzjoni hija taħt l-età ta' 15-il sena u, fl-2019 biss, aktar minn tmien miljun ruħ ħadu l-malarja, li 3 000 minnhom mietu bil-marda; billi l-faqar, is-servizzi soċjali fqar, il-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ u n-nuqqas ta' opportunitajiet qed ikomplu joħolqu l-vjolenza fil-pajjiż;

J.  billi fis-27 ta' Settembru 2018, il-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Burundi ħabbar sospensjoni ta' tliet xhur mill-organizzazzjonijiet internazzjonali mhux governattivi (NGOs), u b'hekk xekkel serjament il-ħidma ta' madwar 130 NGO internazzjonali, li xi wħud minnhom kienu qed jipprovdu assistenza li ssalva l-ħajjiet;

K.  billi fit-18 ta' Lulju 2019, il-Gvern adotta żewġ digrieti li ħolqu kumitat interministerjali ta' monitoraġġ u evalwazzjoni dwar l-NGOs internazzjonali li joperaw fil-Burundi;

L.  billi l-Gvern irrifjuta li jirrikonoxxi kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem sa mill-għeluq tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHCHR) fil-Burundi fit-28 ta' Frar 2019 u ma wera l-ebda impenn li jżomm kwalunkwe forma ta' kooperazzjoni mal-Uffiċċju; billi s-COIB bħalissa huwa l-uniku mekkaniżmu internazzjonali indipendenti li qed jinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi mwettqa fil-Burundi;

M.  billi l-awtoritajiet Burundjani komplew jirrifjutaw ix-xogħol tas-COIB b'mod sħiħ u sistematiku, u rrifjutaw li jagħtuha aċċess għall-pajjiż, hekk kif ikkunsidrawha politikament preġudikata, iżda ma offrew l-ebda evidenza biex jissostanzjaw l-akkużi tagħhom;

N.  billi f'Ottubru 2017, il-Burundi rtira mill-Istatut ta' Ruma li stabbilixxa l-Qorti Kriminali Internazzjonali; billi minkejja l-appelli mill-komunità internazzjonali biex titnieda proċedura biex jerġa' jaċċedi għall-Istatut ta' Ruma, ma ttieħdet l-ebda azzjoni min-naħa tal-Gvern tal-Burundi;

O.  billi t-Tanzanija u l-Burundi ffirmaw ftehim fl-2019 għar-ritorn tal-180 000 refuġjat Burundjan fit-Tanzanija lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom, kemm jekk b'mod volontarju kif ukoll jekk le, sal-31 ta' Diċembru 2019; billi f'Awwissu 2019, il-UNHCR irrapporta li l-kundizzjonijiet fil-Burundi ma kinux se jwasslu għall-promozzjoni tar-ritorni peress li r-rimpatrijati kienu fost il-miri ewlenin tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

P.  billi fit-30 ta' Diċembru 2019, il-prosekutur pubbliku tal-Burundi talab għal sentenza ta' 15-il sena għal erba' ġurnalisti minn Iwacu Press Group, Christine Kamikazi, Agnès Ndirubusa, Térence Mpozenzi, Egide Harerimana, u s-sewwieq tagħhom Adolphe Masabarakiza, li ġew arrestati fit-22 ta' Ottubru 2019 fid-Distrett ta' Musigati, il-Provinċja ta' Bubanza, hekk kif kienu qed jirrapportaw dwar il-kunflitti bejn ir-ribelli u l-forzi tal-gvern fil-majjistral tal-Burundi, u ġew akkużati b'kompliċità f'attakk kontra s-sigurtà interna tal-istat;

Q.  billi l-ġurnalist Jean Bigirimana tal-grupp Iwacu ilu nieqes mill-22 ta' Lulju 2016 u, skont rapporti, l-aħħar li deher kien fil-kustodja ta' membri tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence (SNR) f'Muramvya, 45 km lejn il-Lvant tal-Kapitali Bujumbura; billi l-awtoritajiet Burundjani qatt ma qalu xejn dwar l-għajbien tiegħu;

R.  billi fit-13 ta' Ottubru 2015, il-ġurnalist Christophe Nkezabahizi, martu u ż-żewġt uliedu nqatlu f'darhom f'Bujumbura; billi l-awtoritajiet ma għamlu l-ebda sforz reali biex jinvestigaw dan ir-reat vjolenti u jressqu lill-awturi tar-reat quddiem il-ġustizzja;

S.  billi l-Artikolu 31 tal-Kostituzzjoni tal-Burundi jiggarantixxi l-libertà ta' espressjoni, inkluża l-libertà tal-istampa; billi l-Burundi huwa wkoll parti għall-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li tiggarantixxi d-dritt ta' kull Burundjan li jirċievi u jxerred l-informazzjoni; billi l-Gvern Burundjan huwa responsabbli għall-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni kif minquxa fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li tiegħu l-Burundi huwa Stat Parti;

T.  billi f'dawn l-aħħar snin l-ispazju għas-soċjetà ċivili u l-midja sar ħafna aktar limitat, u ħafna attivisti tas-soċjetà ċivili u ġurnalisti indipendenti għadhom fl-eżilju; billi ħafna minn dawk li baqgħu fil-Burundi qed jiffaċċjaw intimidazzjoni, detenzjoni jew proċessi abbażi ta' akkużi infondati;

U.  billi l-Gvern u l-membri tat-taqsima taż-żgħażagħ tal-partit fil-gvern, l-Imbonerakure, orkestraw kampanja nazzjonali biex jinġabru kontribuzzjonijiet "volontarji" mill-popolazzjoni, biex jiffinanzjaw l-elezzjonijiet tal-2020; billi r-rapport tal-Human Rights Watch tas-6 ta' Diċembru 2019 sab li, għal dak il-għan, membri tal-Imbonerakure u uffiċjali tal-gvern lokali spiss għamlu użu minn vjolenza u intimidazzjoni, minn restrizzjoni ta' moviment u ta' aċċess għas-servizzi pubbliċi, u sawtu lil dawk li naqsu milli jobdu;

V.  billi l-attivist tad-drittijiet tal-bniedem, Germain Rukuki, membru tal-Azzjoni mill-Insara għall-Abolizzjoni tat-Tortura (ACAT), ġie kkundannat għal 32 sena ħabs f'April 2019 fuq akkużi ta' ribelljoni u theddid għas-sigurtà tal-istat, parteċipazzjoni f'moviment ta' insurrezzjoni u attakki fuq il-Kap tal-Istat; billi f'Awwissu 2018, l-attivist, Nestor Nibitanga, osservatur għall-Assoċjazzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Persuni Detenuti (APRODH), ġie kkundannat għal ħames snin talli hedded is-sigurtà tal-istat;

W.  billi l-BBC u l-Voice of America (VOA) ġew esklużi mix-xandir fil-Burundi minn Mejju 2019 meta l-liċenzji tagħhom ġew sospiżi, oriġinarjament għal sitt xhur, kif ġie rrappurtat dak iż-żmien mill-Kumitat għall-Ħarsien tal-Ġurnalisti; billi fid-29 ta' Marzu 2019, ir-regolatur tal-midja tal-Burundi, il-Kunsill Nazzjonali tal-Komunikazzjoni (CNC), ħabbar li kien irtira l-liċenzja operattiva tal-BBC u kien ġedded is-sospensjoni tiegħu tal-VOA; billi is-CNC ipprojbixxa wkoll lil kwalunkwe ġurnalist fil-Burundi milli "jforni informazzjoni diretta jew indiretta li tista' tiġi mxandra" mill-BBC jew mill-VOA;

X.  billi fl-24 ta' Ottubru 2019, il-Kunsill ġedded il-miżuri restrittivi tal-UE fis-seħħ kontra l-Burundi sal-24 ta' Ottubru 2020;

Y.  billi dawn il-miżuri jikkonsistu fi projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi kontra erba' persuni li l-attivitajiet tagħhom tqiesu li qed idgħajfu d-demokrazija jew ifixklu l-ħidma għal soluzzjoni politika għall-kriżi fil-Burundi;

Z.  billi l-isforzi tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) biex tinstab soluzzjoni medjata għall-kriżi politika li nħolqot mid-deċiżjoni tal-President fl-2015 li jikkontesta għat-tielet mandat komplew jistaġnaw; billi l-President, Pierre Nkurunziza, tenna f'diversi okkażjonijiet li huwa ma kienx se jikkontesta għal mandat ieħor fil-kariga, iżda l-partit fil-gvern għad irid jinnomina l-kandidat tiegħu għall-elezzjoni presidenzjali li jmiss;

1.  Jikkundanna bil-qawwa r-restrizzjonijiet kurrenti fuq il-libertà ta' espressjoni fil-Burundi, inklużi l-limitazzjonijiet usa' għal-libertajiet pubbliċi, kif ukoll il-ksur fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem, l-intimidazzjoni u l-arresti arbitrarji ta' ġurnalisti u l-projbizzjonijiet tax-xandir li saħħew il-klima ta' biża' għall-midja tal-Burundi, żiedu r-restrizzjonijiet fuq ir-rappurtar u pprevjenew il-kopertura xierqa, b'mod partikolari fil-perjodu ta' qabel l-elezzjonijiet tal-2020;

2.  Jibqa' mħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi, li timmina kwalunkwe inizjattiva għar-rikonċiljazzjoni, il-paċi u l-ġustizzja, b'mod partikolari, il-persistenza ta' arresti arbitrarji u ta' eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji;

3.  Jikkundanna bil-qawwa d-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, b'mod partikolari għall-partitarji reali u suspettati tal-oppożizzjoni, inkluż għall-Burundjani li jirritornaw minn barra l-pajjiż; ifakkar li l-Burundi huwa marbut bil-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-Ftehim ta' Cotonou; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Burundjani sabiex minnufih ireġġgħu lura din ix-xejra abbużiva u jiddefendu l-obbligi tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk minquxa fil-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, fl-ICCPR u f'mekkaniżmi internazzjonali oħra li l-Gvern irratifika;

4.  Ifakkar lill-Gvern tal-Burundi li l-kundizzjonijiet għaż-żamma ta' elezzjonijiet inklużivi, kredibbli, paċifiċi u trasparenti jimplikaw id-dritt għal-libertà ta' espressjoni, l-aċċess għall-informazzjoni, il-libertà tal-istampa, il-libertà tal-midja u l-eżistenza ta' żona ħielsa li fiha d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu jistgħu jitkellmu mingħajr intimidazzjoni jew biża' ta' ritaljazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Burundjani, għalhekk, ineħħu l-miżuri li jillimitaw jew jostakolaw ix-xogħol tas-soċjetà ċivili u li jillimitaw l-aċċess għal u l-libertà tal-midja indipendenti tradizzjonali u moderna;

5.  Jappella lill-awtoritajiet Burundjani jirtiraw l-akkużi kontra u jeħilsu immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet il-ġurnalisti tal-grupp Iwacu li ġew arrestati dan l-aħħar u lill-ġurnalisti l-oħrajn kollha arrestati talli eżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom;

6.  Jenfasizza r-rwol kruċjali mwettaq mis-soċjetà ċivili u l-ġurnalisti f'soċjetà demokratika, partikolarment fil-kuntest tal-elezzjonijiet li qed joqorbu, u jappella lill-awtoritajiet Burundjani jwaqqfu l-intimidazzjoni, il-fastidju u l-arrest arbitrarju ta' ġurnalisti, ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u ta' membri tal-oppożizzjoni; jitlob ukoll lill-awtoritajiet jippermettu lill-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti jwettqu d-dmirijiet leġittimi tagħhom li jinvestigaw u jirrapportaw l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mingħajr xkiel;

7.  Jinnota bi tħassib kbir l-għadd dejjem jikber ta' persuni spostati internament mill-Burundi u mill-pajjiżi ġirien; jistieden lill-UE żżid il-finanzjament u l-isforzi umanitarji oħra għal dawk il-Burundjani li sfaw spostati internament jew li huma refuġjati;

8.  Jappella lill-awtoritajiet Burundjani jtemmu l-estorsjoni taċ-ċittadini u jiżguraw li l-ebda individwu ma jinżamm milli jaċċessa beni u servizzi pubbliċi, bħall-kura tas-saħħa, l-ikel, l-ilma u l-edukazzjoni, u jħallu l-atturi umanitarji joperaw b'mod indipendenti u joffru assistenza abbażi tad-dmir li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet l-aktar urġenti;

9.  Jissottolinja li jinħtieġ li jseħħ titjib konsiderevoli fis-sitwazzjoni politika u tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tal-libertajiet fundamentali bħal-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-istampa, u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, kif ukoll progress dwar ir-rikonċiljazzjoni, biex jiġu organizzati elezzjonijiet kredibbli; jappella lill-Gvern tal-Burundi jiżgura li l-ksur ta' dawn id-drittijiet jiġi investigat b'mod imparzjali u li l-awturi tar-reati jitressqu l-qorti fi proċessi li jissodisfaw l-istandards internazzjonali;

10.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet iwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa u trasparenti biex iressqu quddiem il-ġustizzja fi proċessi ġusti u kredibbli l-awturi kollha allegati ta' qtil, għajbien, swat, arresti arbitrarji, theddid, fastidju, jew tipi ta' abbużi oħrajn; jesprimi tħassib kbir dwar l-impunità kontinwa tal-awturi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-Imbonerakure; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Burundjani jniedu investigazzjoni indipendenti dwar l-għajbien tal-ġurnalisti Jean Bireimirana, li ilu nieqes mit-22 ta' Lulju 2016, u Christophe Nkezabahzi, li nqatel flimkien ma' martu u ż-żewġt uliedu fit-13 ta' Ottubru 2015;

11.  Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tar-reġjun, b'mod partikolari l-EAC u l-Unjoni Afrikana (UA), biex tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi politika fil-Burundi, u jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ aktar attiv u għal sforzi akbar biex tintemm il-kriżi u tiġi protetta l-popolazzjoni Burundjana, sabiex tiġi evitata eskalazzjoni ulterjuri reġjonali; jistieden lill-UA tiskjera b'urġenza l-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem tagħha fil-Burundi u tiżgura li dawn ikollhom aċċess bla xkiel madwar il-pajjiż sabiex iwettqu l-mandat tagħhom;

12.  Jesprimi dispjaċir dwar l-impass fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Arusha u jħeġġeġ lill-garanti tal-ftehim biex jirsistu għar-rikonċiljazzjoni; jesprimi l-impenn tiegħu għad-Djalogu Intern għall-Burundi; jistieden lill-VP/RGħ jappoġġja l-EAC biex jiġi ffaċilitat id-Djalogu Intern għall-Burundi; iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha fid-Djalogu Intern għall-Burundi jikkollaboraw b'mod kostruttiv u jippermettu l-parteċipazzjoni mingħajr ostakoli tal-oppożizzjoni, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

13.  Iħeġġeġ lill-Burundi jerġa' lura għall-aġenda tal-laqgħat komunitarji reġjonali u internazzjonali biex jilħaq ftehim dwar kompromess għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet eżistenti fil-livell tan-NU u tal-UA, b'mod partikolari: l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 2303; l-iffirmar tal-Memorandum ta' Qbil mal-Osservaturi tal-UA; l-issoktar tal-kooperazzjoni mal-OHCHR;

14.  Jiddispjaċih li l-Burundi kompla jirrifjuta li jikkoopera mal-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU u jagħti kunsens għall-issoktar tal-attivitajiet tal-uffiċċju lokali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;

15.  Jitlob lin-NU tkompli l-investigazzjonijiet imparzjali dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju, inklużi dawk imwettqa minn aġenti statali u mil-lega taż-żgħażagħ tal-Imbonerakure, u biex tressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli b'mod xieraq; jenfasizza li l-kriminali u l-qattiela għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja, irrispettivament mill-grupp li jappartjenu għalih, u li jrid jiġi pprovdut rimedju xieraq lill-vittmi u lis-superstiti ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi;

16.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jipprovdu appoġġ finanzjarju flessibbli u dirett lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-midja, inklużi l-organizzazzjonijiet tan-nisa, li għadhom jaħdmu fil-qasam, iżda wkoll lil dawk li jinsabu f'eżilju, b'mod partikolari dawk li jaħdmu għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet politiċi, ċivili, ekonomiċi, soċjali u tal-midja;

17.  Jistieden lill-UE u lid-diplomatiċi tal-Istati Membri tal-UE fil-Burundi jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-linji gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż b'mod partikolari billi jattendu għas-seduti tal-proċessi tal-ġurnalisti, priġunieri politiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha fil-Burundi, b'mod partikolari tal-ġurnalisti tal-grupp Iwacu, u billi jżuru lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-attivisti u lill-ġurnalisti li jinsabu l-ħabs;

18.  Jitlob li jiġu estiżi s-sanzjonijiet immirati tal-UE u jħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jimponi s-sanzjonijiet immirati proprji, inklużi l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi, kontra individwi responsabbli għal ksur serju kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi; jitlob lill-VP/RGħ iħejji b'urġenza, lista estiża ta' ismijiet ta' dawk responsabbli għall-ippjanar, l-organizzazzjoni u l-eżekuzzjoni ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan li dawn jiżdiedu mal-lista ta' dawk l-uffiċjali Burundjani li diġà jinsabu suġġetti għal sanzjoni tal-UE;

19.  Jiddispjaċih ħafna li ma ttieħdet l-ebda azzjoni mill-Burundi biex jaderixxi mill-ġdid mal-Istatut ta' Ruma; iħeġġeġ lill-Gvern Burundjan biex minnufih, jibda tali proċedura; jistieden lill-UE tappoġġja l-isforzi kollha tal-Qorti Kriminali Internazzjonali biex tinvestiga r-reati mwettqa fil-Burundi u tressaq lill-awturi tar-reati quddiem il-ġustizzja;

20.  Jiddispjaċih għas-sottofinanzjar kontinwu għall-kriżi tar-refuġjati Burundjani, li qed tħalli impatt serju fuq is-sikurezza u l-benesseri tar-refuġjati; jistieden lill-komunità internazzjonali u lill-aġenziji umanitarji jżidu l-assistenza tagħhom għal dawk kollha li attwalment huma refuġjati jew spostati mill-kunflitt; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, kif irrakkomandat mill-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU dwar il-Burundi, jagħtu status ta' refuġjat lill-applikanti għall-ażil mill-Burundi u biex isegwu mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Burundi fir-rigward tal-elezzjonijiet tal-2020;

21.  Jesprimi tħassib serju dwar rapporti ta' żieda fil-pressjoni fuq ir-refuġjati Burundjani biex jirritornaw lejn djarhom qabel l-elezzjonijiet tal-2020; jistieden lill-gvernijiet fir-reġjun jiżguraw li r-ritorn tar-refuġjati jkun volontarju, ibbażat fuq deċiżjonijiet infurmati u mwettaq b'mod sikur u dinjituż; ifakkar li l-UNHCR jikkunsidra l-fatt li l-kundizzjonijiet għal ritorni sikuri, dinjitużi u volontarji ma ġewx issodisfati;

22.  Jappella lill-Gvern tal-Burundi jħalli lill-avversarji politiċi li jinsabu fl-eżilju jirritornaw u jagħmlu kampanja ħielsa mingħajr intimidazzjoni, arrest jew vjolenza, u jippermetti lill-osservaturi esterni josservaw it-tħejjijiet għall-elezzjoni, kif ukoll il-proċeduri tal-votazzjoni u tal-għadd tal-voti;

23.  Itenni li djalogu politiku inklużiv, taħt medjazzjoni internazzjonali u f'konformità mal-Ftehim ta' Arusha u mal-Kostituzzjoni tal-Burundi, jibqa' l-uniku mod li bih tiġi żgurata paċi dejjiema fil-Burundi; jitlob, għalhekk, lill-EAC, bħala l-koordinatur ewlieni tad-Djalogu Intern għall-Burundi, biex tieħu l-miżuri xierqa biex timpenja lill-Gvern Burundjan b'mod sod u mingħajr dewmien fi djalogu inklużiv biex tinstab soluzzjoni paċifika u dejjiema għall-kriżi kurrenti;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President tar-Repubblika tal-Burundi, lill-Ispeaker tal-Parlament tal-Burundi, lill-Assemblea Parlamentari AKP-UE u lill-Unjoni Afrikana u lill-istituzzjonijiet tagħha.

(1) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 137.
(2) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 190.
(3) ĠU C 242, 10.7.2018, p. 10.
(4) ĠU C 334, 19.9.2018, p. 146.
(5) Testi adottati, P8_TA(2018)0305.
(6) ĠU L 257, 2.10.2015, p. 1.
(7) ĠU L 257, 2.10.2015, p. 37.
(8) ĠU L 264, 30.9.2016, p. 29.
(9) ĠU L 272, 25.10.2019, p. 147.
(10) ĠU L 73, 18.3.2016, p. 90.


In-Niġerja, b'mod partikolari l-attakki terroristiċi reċenti
PDF 142kWORD 48k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2020 dwar in-Niġerja, b'mod partikolari l-attakki terroristiċi reċenti (2020/2503(RSP))
P9_TA(2020)0012RC-B9-0056/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja, l-iktar waħda reċenti tat-18 ta' Jannar 2018(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Diċembru 2019 tal-Kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar in-Niġerja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-25 ta' Novembru 2019 tal-Mibgħut Speċjali għall-promozzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin barra l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' tmiem iż-żjara tat-2 ta' Settembru 2019 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji dwar iż-żjara tagħha fin-Niġerja,

–  wara li kkunsidra l-Istqarrija għall-Istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-31 ta' Lulju 2019 dwar l-Atti ta' Terroriżmu fil-Grigal tan-Niġerja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Lulju 2018 mill-Kelliem tal-VP / RGħ dwar l-attakk terroristiku ta' Boko Haram f'Borno, fil-Grigal tan-Niġerja,

–  wara li kkunsidra t-taqsima dwar in-Niġerja tal-Rapport dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Watch World għall-2019,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet ta' għeluq tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tad-29 ta' Awwissu 2019, fin-nuqqas tat-tieni rapport perjodiku speċjali tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin tal-2013,

–  wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb lid-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Hauwa Ibrahim fl-2005,

–  wara li kkunsidra l-Indiċi tat-Terroriżmu Globali tal-2019,

–  wara li kkunsidra l-ittra dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-azzjonijiet umanitarji fil-Grigal tan-Niġerja indirizzata lill-VP / RGħ u lill-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet mill-President tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha fil-Kapitolu IV dwar il-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon, u d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989, ratifikata min-Niġerja f'April 1991,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tal-1979,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fin-Niġerja iddeterjorat b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, u dan ħoloq theddida serja għas-sigurtà reġjonali u internazzjonali; billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-qtil tal-massa huma mifruxa, b'mod partikolari fir-reġjun tal-Grigal tal-pajjiż; billi aktar minn 36 000 ruħ inqatlu mill-insurġenza tal-Boko Haram fin-Niġerja sa mill-2009;

B.  billi l-pajjiż jinsab fl-10 sena tiegħu ta' kunflitt armat reġjonalizzat; billi l-estremiżmu vjolenti u l-attivitajiet terroristiċi, b'mod partikolari, qed jiżdiedu, bi gruppi ġiħadisti, bħall-Boko Haram u l-Istat Iżlamiku fil-Provinċja tal-Afrika tal-Punent (ISWAP), qed jikbru fis-setgħa u fl-influwenza; billi l-Boko Haram attakka l-pulizija u l-militar, il-politiċi, l-iskejjel, il-binjiet reliġjuż, l-istituzzjonijiet pubbliċi u ċ-ċivili fin-Niġerja b'żieda fir-regolarità mill-2009 'l hawn; billi l-maġġoranza l-kbira tal-vittmi huma Musulmani;

C.  billi n-Niġerja tinsab fit-tielet post fost 163 pajjiż fl-Indiċi tat-Terroriżmu Globali wara l-Iraq u l-Afganistan, u b'hekk hija t-tielet waħda fil-lista ta' pajjiżi l-aktar milquta mit-terroriżmu;

D.  billi s-sitwazzjoni ta' sigurtà ġiet aggravata minn eskalazzjoni tal-vjolenza reliġjuża u etnika f'xi partijiet tal-pajjiż, inkluż il-kunflitt fil-Faxxa Ċentrali agrikola, fejn il-bdiewa u r-rgħajja nomadiċi jinsabu f'kunflitt dwar l-art u r-riżorsi tal-ilma;

E.  billi huwa mifhum li l-ISWAP bħalissa għandu tużżani ta' detenuti, inklużi mexxejja Nsara, forzi tas-sigurtà u ħaddiema umanitarji;

F.  billi l-popolazzjoni tan-Niġerja, l-akbar waħda fl-Afrika, hija distribwita kważi b'mod ugwali bejn Musulmani u Nsara; billi l-pajjiż jospita l-akbar komunità Nisranija tar-reġjun, bi kważi 30 miljun Nisrani jgħixu fit-Tramuntana tan-Niġerja; billi r-rivalità storika bejn it-Tramuntana li fil-biċċa l-kbira hija Musulmana u n-Nofsinhar Nisranija, kompliet tintensifika b'mod drammatiku mat-tixrid tal-Iżlam radikali;

G.  billi ISWAP ħa responsabbiltà għall-eżekuzzjoni ta' 11-il persuna f'vidjo li ntwera fis-26 ta' Diċembru 2019; billi l-grupp qal li dawk kollha li nqatlu kienu Nsara, u li l-attakk kien b'ritaljazzjoni għall-mewt tal-mexxej tal-IS Abu Bakr al-Baghdadi fis-Sirja;

H.  billi dan il-qtil huwa parti minn sensiela usa' ta' atti terroristiċi, inkluż l-attakk tal-24 ta' Diċembru 2019 fuq villaġġ Nisrani qrib Chibok li rriżulta fil-qtil ta' seba' persuni mill-villaġġ u fil-ħtif ta' tifla adolexxenti, il-qtil ta' tliet ċivili barra Biu fit-23 ta' Diċembru 2019, u l-qtil ta' seba' persuni ċivili fi Nganzai fit-22 ta' Diċembru 2019;

I.  billi skont l-Għajnuna Umanitarja Relief Trust, aktar minn 6000 Nisrani nqatlu mill-2015 mill-gruppi ġiħadisti jew mietu bħala riżultat tal-politika "artek jew demmek" imwettqa minn militanti Fulani; billi fl-Istati tax-Xarija, l-Insara jiffaċċjaw diskriminazzjoni kostanti, u ta' spiss huma kkunsidrati bħala ċittadini tat-tieni klassi;

J.  billi għalkemm il-President Muhammadu Buhari kkundanna l-qtil u ħeġġeġ lill-popolazzjoni biex ma tibqax maqsuma fuq linji reliġjużi, dawn l-attakki twettqu b'impunità sħiħa, fejn rari min wettaq l-attakki inżammu responsabbli; billi rapport ta' Amnesty International wera negliġenza intenzjonali mill-Forzi ta' Sigurtà Niġerjani b'rabta mal-attakki qattiela kontra l-komunitajiet tal-bdiewa;

K.  billi Human Rights Watch irrapportat li l-militar Niġerjan arresta aktar minn 3 600 tifel u tifla, nofshom bniet, issuspettati b'involviment ma' gruppi armati Iżlamisti u mhux statali, spiss fuq il-bażi ta' ftit evidenza jew ta ebda evidenza; billi ħafna detenuti sofrew abbuż, inkluża vjolenza sesswali, u mietu f'detenzjoni mill-mard, il-ġuħ, id-deidratazzjoni jew feriti ta' armi tan-nar; billi l-militar b'mod sistematiku ċaħad l-aċċess għall-faċilitajiet ta' detenzjoni biex jiġu vverifikati l-kundizzjonijiet li fihom jinżammu t-tfal;

L.  billi s-sitwazzjoni tal-bniet u tan-nisa fin-Niġerja hija partikolarment problematika minħabba prattiki diskriminatorji ġeneralizzati, aċċess limitat għas-servizzi tas-saħħa u għall-edukazzjoni, il-mutilazzjoni ġenitali femminili mifruxa u ż-żwiġijiet tat-tfal;

M.  billi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) iddikjarat li hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li twettqu delitti kontra l-umanità skont l-Artikolu 7 tal-Istatut ta' Ruma fin-Niġerja mill-Boko Haram u mill-Forzi ta' Sigurtà Niġerjani, inklużi qtil u persekuzzjoni; billi fir-Rapport tagħha tal-2019 dwar Eżamijiet Preliminari, il-QKI tikkonkludi li minkejja numru ta' passi meħuda mill-awtoritajiet Niġerjani biex tiġi aċċertata r-responsabbiltà kriminali tal-awturi allegati, il-passi investigattivi jew prosekutorjali li ttieħdu sa issa fir-rigward tal-membri tal-Boko Haram u tal-NSF jidhru li kienu limitati kemm fil-firxa kif ukoll fil-profondità;

N.  billi mill-2015 il-gvern ġie kkritikat talli naqas milli jsolvi b'mod adegwat l-insurġenza Iżlamika fil-pajjiż; billi l-militar u l-pulizija tan-Niġerja qed iħabbtu wiċċhom ma' għadd kbir ta' theddidiet għas-sigurtà u jidher li mhumiex qed ilaħħqu u mhumiex kapaċi jindirizzaw kriżijiet ta' sigurtà simultanji;

O.  billi t-Task Force Konġunta Multinazzjonali keċċiet lil gruppi terroristiċi minn ħafna żoni taħt il-kontroll tagħhom minn mindu ġiet stabbilita fl-2015, għalkemm ir-reġjun għadu ferm instabbli; billi l-irtirar reċenti ta' 1 200 suldat Chadjan, li ħabat ma' żieda ta' vjolenza fir-Reġjun tal-Grigal, ikkawża tħassib fost il-popolazzjoni; billi mijiet ta' ċivili Niġerjani installati fil-qrib ħarbu miż-żona minħabba biża' ta' attakki ġodda mill-ġiħadisti wara dan l-irtirar;

P.  billi l-UE, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) nedew proġett dwar l-Arkitettura u l-Operazzjonijiet tal-Paċi u s-Sigurtà (EPSAO) f'Ottubru 2019; billi l-objettiv tal-proġett huwa li jsaħħaħ il-mekkaniżmi tal-ECOWAS u l-kapaċità li jimmaniġġja l-kunflitti u jappoġġja ambjent ta' wara l-kunflitt fl-Afrika tal-Punent;

Q.  billi skont l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA), is-sitwazzjoni fin-Niġerja kkawżat kriżi umanitarja bla preċedent u wasslet għall-ispostament ta' aktar minn żewġ miljun ruħ fil-Grigal; billi skont il-Human Rights Watch il-parti l-kbira tal-persuni spostati internament ma tistax teżerċita d-drittijiet bażiċi tagħha għall-ikel, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, is-saħħa, il-ħarsien mill-ħsara, kif ukoll id-dritt għal-libertà tal-moviment; billi l-UE allokat EUR 28,3 miljun biex tappoġġja l-għajnuna umanitarja fil-pajjiż; billi l-ħtiġijiet tal-għajnuna umanitarja għad fadlilhom biex jiġu ssodisfati mill-fondi attwali;

R.  billi skont it-taqsima dwar in-Niġerja tar-Rapport Dinji 2019 tal-Human Rights Watch, fl-2018, aktar minn 35 000 ruħ spostati internament irritornaw lejn il-komunitajiet tal-Grigal minkejja tħassib dwar is-sigurtà u n-nuqqas ta' ħtiġijiet bażiċi, li jinkludu l-ikel u l-kenn;

S.  billi kważi nofs il-popolazzjoni Niġerjana tgħix f'faqar estrem; billi huwa stmat li aktar minn seba' miljun Niġerjan huma fi bżonn urġenti ta' assistenza li ssalva l-ħajjiet;

T.  billi eluf ta' Niġerjani qed jissugraw ħajjithom fuq ir-rotot migratorji lejn l-UE bit-tama li jgħixu f'kundizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ta' sigurtà aħjar;

U.  billi l-ispazju umanitarju fil-pajjiż naqas, minħabba l-ħtif u l-qtil ta' diversi ħaddiema umanitarji; billi fl-2019, inqatlu tmien ħaddiema umanitarji, parti minn total ta' 26 li tilfu ħajjithom fil-kunflitt sa mill-2011; billi r-riskji tas-sigurtà spiss ixekklu t-twassil tal-għajnuna u kkawżaw it-tluq ta' ħafna organizzazzjonijiet umanitarji;

V.  billi, barra minn hekk, il-Gvern issospenda għadd ta' aġenziji u għaqdiet ta' karità tal-għajnuna internazzjonali, filwaqt li ddikjara li kienu qed jagħmluha ta' ħassiela tal-flus għal gruppi Iżlamisti; billi f'Settembru 2019, il-Forzi Armati Niġerjani talbu li jingħalqu mingħajr preavviż Azzjoni Kontra l-Ġuħ u Mercy Corps, u dan ħalla 400 000 persuna mingħajr aċċess għall-għajnuna;

W.  billi, skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, l-UE tipparteċipa fi djalogu politiku regolari man-Niġerja dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, li jinkludu kwistjonijiet bħad-diskriminazzjoni etnika, reliġjuża u razzjali;

1.  Jiddeplora l-attakki terroristiċi li seħħew fil-pajjiż; itenni t-tħassib tiegħu dwar il-kriżi mtawla fin-Niġerja u s-sitwazzjoni tas-sigurtà instabbli fil-Grigal, u jikkundanna bil-qawwa l-ksur ripetut tad-drittijiet tal-bniedem, tad-dritt internazzjonali u dak umanitarju, kemm jekk ibbażat fuq ir-reliġjon kif ukoll fuq l-etniċità;

2.  Jikkundanna b'mod partikolari ż-żieda reċenti fil-vjolenza kontra komunitajiet etniċi u reliġjużi, inklużi l-attakki kontra l-istituzzjonijiet reliġjużi u l-fidili;

3.  Jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Niġerjan, li ilu jbati mill-effetti tat-terroriżmu fir-reġjun għal aktar minn għaxar snin;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Niġerjani jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, u jipproteġu lill-popolazzjoni ċivili mit-terroriżmu u mill-vjolenza; jinsisti li dawn l-isforzi jridu jitwettqu f'konformità sħiħa mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, f'konformità mal-obbligi internazzjonali tal-pajjiż;

5.  Iqis kull forma ta' esterminazzjoni ta' bnedmin jew ta' tindif etniku bħala att barbaru u delitt kontra l-umanità; iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan jindirizza l-kawżi fundamentali tal-vjolenza billi jiżgura drittijiet indaqs għaċ-ċittadini kollha u leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni; jinsisti, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jiġu promossi aktar id-djalogu interreliġjuż u l-koeżistenza paċifika taċ-ċittadini irrispettivament mir-reliġjon tagħhom, bl-involviment tal-partijiet interessati rilevanti kollha, inkluż il-Kunsill Interreliġjuż Niġerjan;

6.  Ifakkar li n-nisa u t-tfal huma l-aktar vulnerabbli għall-effetti tal-kunflitt, tat-terroriżmu u tal-vjolenza fil-pajjiż; jiddeplora l-fatt li t-tfal qegħdin dejjem aktar jiġu reklutati minn gruppi terroristiċi u użati bħala suldati tfal jew bħala qattiela suwiċidi bil-bombi;

7.  Huwa inkwetat ħafna bir-rapporti dwar il-maltrattament tat-tfal miżmuma f'faċilitajiet militari; jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani jippermettu lin-NU l-aċċess għall-faċilitajiet ta' detenzjoni militari, jiffirmaw protokoll ta' trasferiment formali biex jiżguraw li t-tfal miżmuma mill-militar jiġu trasferiti malajr għal awtoritajiet xierqa għall-protezzjoni tat-tfal, u jtemmu d-detenzjoni militari tat-tfal; jinsisti li r-rispons kontra t-terroriżmu, kif ukoll il-qafas tal-ġudikatura u tal-infurzar tal-liġi, għandhom ikunu mfassla biex jipproteġu d-drittijiet tal-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli, inklużi t-tfal;

8.  Ifakkar lill-awtoritajiet Niġerjani dwar l-obbligu tagħhom li jipproteġu d-drittijiet tat-tfal u jiżguraw protezzjoni u jipprovdu kura lil dawk milquta mit-terroriżmu jew mill-kunflitt, inkluż billi jiżguraw l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni; ifakkar ukoll li l-opportunitajiet edukattivi u ekonomiċi huma għodod b'saħħithom kontra r-radikalizzazzjoni, u jħeġġeġ lis-sħab internazzjonali jappoġġjaw l-għoti ta' edukazzjoni aċċessibbli u ta' kwalità bħala parti minn strateġija kontra t-terroriżmu fir-reġjun;

9.  Jinsab ferm imħasseb li n-nisa Niġerjani għadhom vittmi ta' diskriminazzjoni, vjolenza, abbuż sesswali u stupru; iħeġġeġ lin-Niġerja timplimenta għalkollox is-CEDAW; iħeġġeġ appoġġ akbar għall-vittmi tal-vjolenza mifruxa sesswali u abbażi tal-ġeneru, inkluż l-appoġġ psikoloġiku;

10.  Jisħaq li l-ġlieda kontra l-impunità hija fundamentali għall-istabbiltà tal-pajjiż u għall-bini ta' paċi dejjiema; jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet Niġerjani jwettqu investigazzjonijiet immedjati, bir-reqqa u trasparenti biex iressqu lill-awturi tar-reati quddiem il-ġustizzja u jżommuhom responsabbli; ikompli jappella għal miżuri li jtejbu l-kapaċità u l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja tan-Niġerja bħala mezz biex jiġi promoss l-użu effettiv tal-ġustizzja kriminali biex jiġu miġġielda l-vjolenza, it-terroriżmu u l-korruzzjoni;

11.  Jiddeplora l-fatt li l-progress waqaf fil-ġlieda kontra l-Boko Haram u ISWAP, u li qed isiru aktar u aktar attakki suwiċidali gravi u attakki diretti kontra l-pożizzjonijiet militari; ifakkar li l-President Buhari tan-Niġerja ġie rielett fl-2019 bil-wegħda ta' ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti promoss minn Boko Haram u minn gruppi terroristiċi oħra, u jħeġġeġ lill-President jimplimenta l-wegħdiet tal-kampanja tiegħu;

12.  Jappoġġja l-objettivi tal-proġett ta' Operazzjonijiet tal-Arkitettura għall-Paċi u s-Sigurtà mmexxi mill-UE u mill-ECOWAS; iħeġġeġ appoġġ qawwi min-naħa tal-Istati Membri biex jikkontribwixxu għall-bini tal-kapaċità u għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti fl-Afrika tal-Punent;

13.  Jerġa' jafferma l-appoġġ tiegħu għat-Task Force Konġunta Multinazzjonali reġjonali, u jfaħħar l-isforzi tagħha biex tiġġieled b'mod effettiv it-terroriżmu u terġa' tistabbilixxi l-istabbiltà fir-reġjun tal-Lag Chad; ifakkar li t-terroriżmu ma jafx fruntieri, u jistieden lill-pajjiżi tar-reġjun ikomplu jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex ir-reġjun kollu kemm hu jsir sikur;

14.  Iħeġġeġ aktar riforma fis-settur tas-sigurtà fin-Niġerja sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-atturi nazzjonali u reġjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jkomplu bl-assistenza teknika tal-UE f'dan il-qasam;

15.  Iwissi kontra strumentalizzazzjoni tal-kunflitt bejn il-bdiewa u r-rgħajja bħala mezz biex tixxerred il-mibegħda bbażata fuq ir-reliġjon; iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan jimplimenta l-Pjan Nazzjonali ta' Trasformazzjoni tal-Bhejjem li għandu l-għan li jipproteġi l-interessi kemm tal-bdiewa kif ukoll tal-pastoralisti; jemmen li huma meħtieġa passi ulterjuri, bħat-tisħiħ ta' mekkaniżmi ta' medjazzjoni f'kunflitt, ta' riżoluzzjoni, ta' rikonċiljazzjoni u ta' bini tal-paċi;

16.  Jisħaq fuq l-interdipendenza tal-iżvilupp, tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-governanza tajba u tas-sigurtà fil-pajjiż; jemmen li l-azzjoni militari waħedha mhijiex biżżejjed biex tiġġieled it-terroriżmu b'mod effettiv; jistieden lill-Gvern Niġerjan jiżviluppa strateġija komprensiva li tindirizza l-kawżi fundamentali tat-terroriżmu, billi jiffoka fuq approċċ preventiv li jkollu l-għan li jelimina l-appell ta' ideoloġija terroristika, irażżan l-opportunitajiet għar-reklutaġġ u r-radikalizzazzjoni, u jaqta' l-finanzjament tiegħu, kif ukoll billi jappoġġja u jiffinanzja programmi ffokati fuq il-komunità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

17.  Jistieden lill-UE, lill-Unjoni Afrikana u lill-komunità internazzjonali jżidu l-isforzi tagħhom fl-appoġġ għall-ġlieda kontra t-terroriżmu fin-Niġerja, u jfittxu assistenza politika u ta' sigurtà kontinwa fil-pajjiż kif ukoll fir-reġjun kollu;

18.  Jinsab imħasseb ħafna dwar l-impatt tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż fuq l-effikaċja tal-għajnuna umanitarja u tal-għajnuna għall-iżvilupp; jitlob lill-UE tkompli bl-isforzi umanitarji u ta' żvilupp tagħha mhux biss fin-Niġerja, iżda anke fir-reġjun kollu kemm hu; jilqa' b'sodisfazzjon il-EUR 50 miljun addizzjonali mwiegħda mill-UE fl-2019 biex jappoġġjaw l-irkupru u r-reżiljenza fin-Niġerja;

19.  Jirrikonoxxi l-pressjonijiet tan-Niġerja u tal-pajjiżi ġirien minħabba l-ispostament reġjonali; jappella għal aktar appoġġ u koordinazzjoni tad-donaturi għall-popolazzjoni spostata fin-Niġerja, inklużi riżorsi finanzjarji addizzjonali mill-komunità internazzjonali; ifakkar li l-fondi għall-iżvilupp m'għandhomx jiġu ddevjati mill-objettiv inizjali tagħhom biex jinqered il-faqar fil-forom kollha tiegħu;

20.  Jikkundanna l-attakki kollha fuq persunal jew faċilitajiet ta' għajnuna umanitarja, u jħeġġeġ miżuri biex jiżguraw is-sikurezza tal-ħaddiema umanitarji u ambjent sigur għall-organizzazzjonijiet umanitarji biex iwettqu x-xogħol essenzjali tagħhom;

21.  Jinsab estremament imħasseb dwar l-intensifikar rapidu tat-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu fuq il-ħajja u l-għajxien, b'mod partikolari fil-Faxxa Ċentrali; itenni li jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet fit-tul għall-protezzjoni tar-riżorsi naturali u li jiġi żgurat l-aċċess għalihom; ifakkar li l-indirizzar tal-emerġenza klimatika huwa komponent vitali biex jiġu żgurati l-istabbiltà ekonomika u l-paċi fir-reġjun;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President u lill-Parlament tan-Niġerja, lill-Unjoni Afrikana, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, u lill-Parlament Pan-Afrikan.

(1) ĠU C 458, 19.12.2018, p. 43.


Is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara l-elezzjoni illegali tal-Presidenza tal-Assemblea Nazzjonali u tal-Bureau ġodda (kolp ta' stat parlamentari)
PDF 131kWORD 45k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2020 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela wara l-elezzjoni illegali tal-President il-ġdid u tal-Uffiċċju l-ġdid tal-Assemblea Nazzjonali (kolp ta' stat parlamentari) (2020/2507(RSP))
P9_TA(2020)0013RC-B9-0048/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dik tal-31 ta' Jannar 2019(1) li tirrikonoxxi lil Juan Guaidó bħala l-president interim tal-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar il-Venezwela tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), b'mod partikolari d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Jannar 2020 f'isem l-UE dwar l-aħħar żviluppi rigward l-Assemblea Nazzjonali u d-dikjarazzjoni tal-kelliem tiegħu, fil-5 ta' Jannar 2020, dwar l-avvenimenti fl-Assemblea Nazzjonali fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Jannar 2020 tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali dwar il-Venezwela;

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1893 tal-11 ta' Novembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela(2), li ġġedded sal-14 ta' Novembru 2020 il-miżuri restrittivi mmirati li hemm bħalissa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Jannar 2020 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u r-riżoluzzjoni tal-10 ta' Jannar 2020 adottata mill-Kunsill Permanenti tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani bit-titolu "Rigward l-avvenimenti reċenti fil-Venezwela",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Lima tal-5 ta' Jannar 2020,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Parlament Ewropew tennew li l-Assemblea Nazzjonali hija l-uniku korp leġittimu u elett demokratikament fil-Venezwela; billi skont l-Artikolu 194 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, l-Assemblea Nazzjonali għandha teleġġi fost il-membri tagħha President u uffiċċju eżekuttiv għal perjodu ta' sena;

B.  billi Juan Guaidó kien elett President tal-Assemblea Nazzjonali f'Jannar 2019 u wara ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-president interim tal-Venezwela, f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela; billi ġie rikonoxxut bħala l-president interim tal-Venezwela minn aktar minn 50 pajjiż, fosthom 25 Stat Membru tal-UE u l-UE nfisha;

C.  billi l-avvenimenti relatati mal-elezzjoni ppjanata tal-President tal-Assemblea Nazzjonali fil-Venezwela fil-5 ta' Jannar 2020 kienu kolp ta' stat parlamentari orkestrat min-naħa tar-reġim illegali ta' Nicolás Maduro, ikkaratterizzat minn irregolaritajiet gravi u atti kontra l-funzjonament demokratiku u kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali;

D.  billi l-President tal-Assemblea Nazzjonali, Juan Guaidó, inżamm b'mod brutali mill-forzi armati milli jippresiedi s-sessjoni, waqt li diversi membri parlamentari tal-oppożizzjoni ma tħallewx jidħlu fl-Assemblea Nazzjonali u l-aċċess għall-ġurnalisti ġie mblukkat ukoll;

E.  billi t-tentattiv ta' ħatra ta' Luis Parra bħala president ta' uffiċċju ġdid favur Maduro kien null u bla effett, peress li s-sessjoni qatt ma nfetħet formalment, ħadd ma ppresieda l-laqgħa, l-għadd tal-kworum ma sarx u ma ġietx verifikata votazzjoni formali b'sejħa tal-ismijiet, kif mitlub mill-Artikoli 7, 8 u 11 tar-regoli ta' proċedura tal-Assemblea Nazzjonali u mill-Artikolu 221 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela;

F.  billi sigħat wara, minħabba ċ-ċirkostanzi li ma ħallewx għażla oħra, maġġoranza enormi tal-membri parlamentari kellhom laqgħa straordinarja fil-kwartieri ġenerali tal-ġurnal El Nacional, bi qbil mal-Kostituzzjoni tal-Venezwela u mar-regoli ta' proċedura tal-Assemblea Nazzjonali, li jippermettu li s-sessjonijiet isiru barra mill-binjiet leġiżlattivi; billi 100 mill-167 membru parlamentari, għadd li jissodisfa r-rekwiżiti li jirregolaw il-kundizzjoni ta' kworum u votazzjoni b'sejħa tal-ismijiet tal-Artikolu 221 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, ivvutaw biex jeleġġu mill-ġdid lil Juan Guaidó u l-Uffiċċju tiegħu bħala l-mexxejja għas-sena finali tal-leġiżlatura 2015-2020;

G.  billi seduta formali tal-Assemblea Nazzjonali fis-7 ta' Jannar 2020 intemmet bil-ġurament tal-ħatra ta' Juan Guaidó bħala president, minkejja t-tentattivi mill-forzi leali lejn ir-reġim ta' Maduro biex jipprevjenu s-sessjoni milli ssir, fosthom billi ostakolaw l-intrata tal-bini u qatgħu l-elettriku fil-bini;

H.  billi l-Membri tal-Assemblea Nazzjonali jeħtieġ li jkunu jistgħu jeżerċitaw il-mandat parlamentari tagħhom kif fdat lilhom mill-poplu tal-Venezwela mingħajr ebda intimidazzjoni jew att ta' tpattija;

I.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali li saru fl-20 ta' Mejju 2018 saru b'mod li ma kienx konformi mal-istandards internazzjonali minimi għal proċess kredibbli; billi l-UE, flimkien ma' organizzazzjonijiet reġjonali u ma' pajjiżi demokratiċi oħra, ma rrikonoxxiet la l-elezzjonijiet u lanqas lill-awtoritajiet li ngħataw il-kariga permezz ta' dan il-proċess illeġittimu;

J.  billi l-azzjonijiet li għaddejjin bħalissa kontra l-Membri tal-Assemblea Nazzjonali, fosthom il-fastidju u l-intimidazzjoni ta' 59 Membru minn gruppi u korpi tas-sigurtà irregolari, 29 detenzjoni arbitrarja u 27 eżilju furzat, kif ukoll każijiet ta' tortura u ta' għajbien furzat, qed ixekklu l-ħidma kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali;

K.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija fil-Venezwela ilhom jiddeterjoraw b'mod sever għal ħafna snin, u b'mod partikolari wara li Nicolás Maduro ħa l-poter wara l-elezzjonijiet ikkontestati fl-2013; billi l-kriżi politika, ekonomika, istituzzjonali, soċjali u umanitarji multidimensjonali qed tiddeterjora b'mod sinifikanti;

1.  Jirrikonoxxi u jappoġġa lil Juan Guaidó bħala l-President leġittimu tal-Assemblea Nazzjonali u bħala l-president interim leġittimu tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, b'riżultat tal-votazzjoni trasparenti u demokratika tal-Assemblea Nazzjonali;

2.  Jikkundanna bil-qawwa t-tentattiv ta' kolp ta' stat parlamentari mir-reġim ta' Maduro u l-alleati tiegħu, u l-isforzi tagħhom biex jipprevjenu lill-Assemblea Nazzjonali, li hija l-uniku korp demokratiku leġittimu tal-Venezwela, milli taqdi kif jixraq il-mandat kostituzzjonali fdat lilha mill-poplu tal-Venezwela;

3.  Jiddeplora dan il-ksur gravi li huwa inkompatibbli mal-proċess elettorali leġittimu għall-President tal-Assemblea Nazzjonali u jikkostitwixxi pass ulterjuri biex il-kriżi tal-Venezwela tiddeterjora; jirrifjuta bil-qawwa l-ksur tal-funzjonament demokratiku, kostituzzjonali u trasparenti tal-Assemblea Nazzjonali, kif ukoll l-atti kontinwi ta' intimidazzjoni, tixħim, estorsjoni, vjolenza, tortura u għajbien furzat, u d-deċiżjonijiet arbitrarji kontra l-membri tagħha;

4.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Assemblea Nazzjonali, li hija l-uniku korp demokratiku elett b'mod leġittimu tal-Venezwela, u li s-setgħat tagħha jeħtieġ li jiġu rispettati, inklużi l-prerogattivi u s-sikurezza tal-membri tagħha; jinsisti li soluzzjoni paċifika u politika tista' tintlaħaq biss billi jiġu rispettati għalkollox il-prerogattivi kostituzzjonali tal-Assemblea Nazzjonali;

5.  Ifakkar li l-UE hija lesta tappoġġa proċess ġenwin li jwassal għal soluzzjoni paċifika u demokratika tal-kriżi abbażi tal-pjan direzzjonali adottat fl-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela; jisħaq fuq il-fatt li t-tentattivi preċedenti biex il-kriżi tiġi indirizzata permezz ta' proċess ta' negozjati u djalogu ma pproduċew ebda riżultat tanġibbli; jitlob li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) ikompli jaħdem permezz ta' inizjattivi bħall-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali;

6.  Ifakkar li r-rispett lejn l-istituzzjonijiet u l-prinċipji demokratiċi u d-difiża tal-istat tad-dritt huma kundizzjonijiet essenzjali biex tinstab soluzzjoni paċifika u sostenibbli għall-kriżi fil-Venezwela, għall-ġid tal-poplu tagħha;

7.  Jistieden lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin jintensifika r-risposta tal-UE biex tinġieb lura d-demokrazija fil-Venezwela, anke permezz tal-estensjoni tas-sanzjonijiet immirati kontra individwi responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni, u biex dawn is-sanzjonijiet jiġu estiżi biex jinkludu l-membri tal-familji tagħhom; jappoġġa d-dikjarazzjoni tal-UE f'dan ir-rigward;

8.  Jitlob li dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jirrikonoxxu l-mandat leġittimu tal-President Guaidó, u jilqa' l-fatt li r-Rappreżentant Għoli jirrikonoxxih bħala l-unika awtorità demokratika rikonoxxuta mill-UE; jitlob għalhekk li r-rappreżentanti politiċi maħtura minn Juan Guaidó jiġu rikonoxxuti;

9.  Jitlob li tintbagħat missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fil-pajjiż sabiex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-president interim leġittimu tar-Repubblika u President tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

(1) Testi adottati, P8_TA(2019)0061.
(2) ĠU L 291, 12.11.2019, p. 42.


Is-seduti ta' smigħ li għaddejjin skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE rigward il-Polonja u l-Ungerija
PDF 130kWORD 46k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2020 dwar is-seduti ta' smigħ li għaddejjin bħalissa skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE fir-rigward tal-Polonja u l-Ungerija (2020/2513(RSP))
P9_TA(2020)0014B9-0032/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar proposta li titlob lill-Kunsill jiddetermina, skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-proposta motivata tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2017 skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE rigward l-istat tad-dritt fil-Polonja: proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja (COM(2017)0835),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2018 dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jiġi attivat l-Artikolu 7(1) tat-TUE minħabba s-sitwazzjoni fil-Polonja(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2019 dwar il-kriminalizzazzjoni tal-edukazzjoni sesswali fil-Polonja(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2019 dwar id-diskriminazzjoni pubblika u d-diskors ta' mibegħda kontra persuni LGBTI, inklużi żoni mingħajr LGBTI(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-4 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri(7),

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-modalitajiet standard għas-seduti ta' smigħ imsemmija fl-Artikolu 7(1) tat-TUE approvati mill-Kunsill fit-18 ta' Lulju 2019,

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni, fl-20 ta' Diċembru 2019, ta' abbozz ta' liġi mis-Sejm Pollakk, li introduċa sett ta' emendi għall-Att dwar il-Qrati Komuni, l-Att dwar il-Qorti Suprema u ċerti atti oħra; wara li kkunsidra t-talba tas-Senat Pollakk lill-Kummissjoni ta' Venezja biex toħroġ opinjoni urġenti dwar dan l-abbozz ta' liġi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif rifless fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kif minqux fit-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi dawk il-valuri, li huma komuni għall-Istati Membri u li għalihom l-Istati Membri kollha ssottoskrivew liberament, jikkostitwixxu l-pedament tad-drittijiet li jgawdu dawk li jgħixu fl-Unjoni;

B.  billi kwalunkwe riskju ċar ta' ksur serju min-naħa ta' Stat Membru tal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE ma jikkonċernax biss lill-Istat Membru individwali fejn ikun hemm ir-riskju iżda għandu impatt ukoll fuq l-Istati Membri l-oħra, fuq il-fiduċja reċiproka ta' bejniethom, u fuq in-natura nnifsha tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħha skont id-dritt tal-Unjoni;

C.  billi l-Artikolu 7(1) tat-TUE jikkostitwixxi fażi preventiva li tagħti lill-Unjoni l-kapaċità li tintervjeni fil-każ ta' riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri komuni; billi tali azzjoni preventiva tipprevedi djalogu mal-Istat Membru kkonċernat u għandha l-għan li tevita s-sanzjonijiet possibbli;

D.  billi l-Artikolu 7(1) tat-TUE ġie skattat mill-Kummissjoni u l-Parlament fir-rigward tal-Polonja u l-Ungerija, rispettivament, wara d-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni;

E.  billi s'issa l-Kunsill organizza tliet seduti ta' smigħ tal-Polonja u żewġ seduti ta' smigħ tal-Ungerija fi ħdan il-qafas tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali;

F.  billi fil-11 ta' Diċembru 2019 il-Presidenza Finlandiża talbet spjegazzjoni bil-miktub dwar allegat ksur minn uffiċjal pubbliku mid-delegazzjoni Ungeriża skont l-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill dwar il-kunfidenzjalità tal-laqgħat;

1.  Jieħu nota tas-seduti ta' smigħ organizzati mill-Kunsill skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE b'reazzjoni għat-theddidiet għall-valuri komuni Ewropej fil-Polonja u l-Ungerija; jinnota bi tħassib li s-seduti ta' smigħ ma jiġux organizzati b'mod regolari, strutturat u miftuħ; iħeġġeġ lill-Presidenza Kroata u lill-presidenzi l-oħra li jmiss biex jorganizzaw is-seduti ta' smigħ b'mod regolari; jenfasizza li s-seduti ta' smigħ iridu jkunu oġġettivi, ibbażati fuq il-fatti u trasparenti, u li l-Istati Membri kkonċernati jridu jikkooperaw in bona fide matul il-proċess kollu skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-TUE; jirrakkomanda li l-Kunsill jindirizza rakkomandazzjonijiet konkreti lill-Istati Membri inkwistjoni, kif minqux fl-Artikolu 7(1) tat-TUE, bħala segwitu għas-seduti ta' smigħ, u jindika skadenzi għall-implimentazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet; jirrimarka li l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri tista' tiġi restawrata biss meta jiġi żgurat ir-rispett għall-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE u jistieden lill-Kunsill biex jaġixxi f'dik id-direzzjoni; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw il-preminenza tad-dritt tal-UE;

2.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu li l-modalitajiet standard għas-seduti ta' smigħ imsemmija fl-Artikolu 7(1) tat-TUE ma jiżgurawx l-istess trattament għall-Parlament bħal dak għall-Kummissjoni u terz tal-Istati Membri għall-finijiet tal-preżentazzjoni tal-proposta motivata; ifakkar li l-Artikolu 7(1) tat-TUE jipprevedi drittijiet u status proċedurali ugwali għal terz tal-Istati Membri, għall-Parlament u għall-Kummissjoni fir-rigward tal-iskattar tal-proċedura; jilqa' l-isforzi tal-Presidenza Finlandiża biex tidħol fi djalogu informali mal-Parlament, u jemmen li d-djalogu informali ma jistax jissostitwixxi l-preżentazzjoni formali tal-proposta motivata fil-Kunsill; jinsisti li l-istedina tal-Parlament għal laqgħa formali tal-Kunsill għadha pendenti fuq il-bażi tad-dritt ta' inizjattiva u l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet li nsibu fl-Artikolu 4(3) tat-TUE; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex iżomm lill-Parlament infurmat fil-pront u bis-sħiħ f'kull stadju tal-proċedura;

3.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li s-seduti ta' smigħ għadhom ma wasslux għal progress sinifikanti miż-żewġ Stati Membri inkwistjoni biex jiġu rimedjati r-riskji ċari ta' ksur serju tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE; jinnota bi tħassib li r-rapporti u d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni u ta' korpi internazzjonali, bħalma huma n-NU, l-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa, jindikaw li s-sitwazzjoni kemm fil-Polonja kif ukoll fl-Ungerija ddeterjorat minn meta skatta l-Artikolu 7(1) tat-TUE; jirrimarka li n-nuqqas min-naħa tal-Kunsill li jagħmel użu effettiv mill-Artikolu 7 tat-TUE qed ikompli jdgħajjef l-integrità tal-valuri komuni Ewropej, il-fiduċja reċiproka u l-kredibilità tal-Unjoni kollha kemm hi; itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tattiva l-Artikolu 7(1) tat-TUE fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Polonja u dwar il-proposta tiegħu stess fejn jitlob lill-Kunsill jiddetermina, skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE, l-eżistenza ta' riskju ċar ta' ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni; jistieden lill-Kunsill, għalhekk, biex jiżgura li s-seduti ta' smigħ skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE jindirizzaw ukoll l-iżviluppi l-ġodda u jivvalutaw ir-riskji ta' ksur tal-indipendenza tal-ġudikatura, tal-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà tal-midja, tal-libertà tal-arti u tax-xjenzi, tal-libertà ta' assoċjazzjoni u tad-dritt għal trattament ugwali; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-għodod disponibbli biex tindirizza riskju ċar ta' ksur serju min-naħa tal-Polonja u tal-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, b'mod partikolari proċeduri ta' ksur sommarja u applikazzjonijiet għal miżuri interim quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

4.  Jinnota li l-proposta motivata tal-Kummissjoni rigward l-istat tad-dritt fil-Polonja għandha kamp ta' applikazzjoni limitat; jistieden lill-Kunsill jeżamina kif għandhom jiġu indirizzati l-allegazzjonijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali fil-Polonja fil-kuntest tas-seduti ta' smigħ attwali tiegħu;

5.  Huwa tal-fehma li l-aħħar żviluppi fis-seduti ta' smigħ li għaddejjin bħalissa skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE għal darb'oħra jenfasizzaw il-ħtieġa imminenti ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif propost mill-Parlament, fil-forma ta' patt interistituzzjonali li jkun jikkonsisti minn rieżami annwali indipendenti, ibbażat fuq l-evidenza u mhux diskriminatorju, li jivvaluta, fuq bażi ugwali, il-konformità tal-Istati Membri kollha tal-UE mal-valuri stipulati fl-Artikolu 2 tat-TUE u li jkun akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u segwit minn dibattitu interparlamentari, u ċiklu ta' politika permanenti dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-istituzzjonijiet tal-UE; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jidħlu mingħajr dewmien f'negozjati mal-Parlament dwar il-ftehim interistituzzjonali b'konformità mal-Artikolu 295 tat-TFUE; itenni li l-mekkaniżmu jrid jikkomplementa u jsaħħaħ, u mhux jissostitwixxi, il-proċedimenti li għaddejjin u dawk futuri skont l-Artikolu 7 tat-TUE;

6.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, u jistieden lill-Kunsill jibda negozjati interistituzzjonali mill-aktar fis possibbli;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, kif ukoll lill-Presidenti, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Polonja u tal-Ungerija, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 433, 23.12.2019, p. 66.
(2) ĠU C 129, 5.4.2019, p. 13.
(3) Testi adottati, P9_TA(2019)0058.
(4) Testi adottati, P9_TA(2019)0101.
(5) Testi adottati, P8_TA(2019)0032.
(6) ĠU C 215, 19.6.2018, p. 162.
(7) Testi adottati, P8_TA(2019)0349.


Il-COP15 għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (Kunming 2020)
PDF 200kWORD 61k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2020 dwar il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (2019/2824(RSP))
P9_TA(2020)0015B9-0035/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar Pjan ta' Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar l-14-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (COP14)(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2015 bit-titlu "Il-qagħda tan-natura fl-Unjoni Ewropea: Rapport dwar l-istatus u x-xejriet għat-tipi ta' ħabitats u għall-ispeċijiet li jkopru d-Direttiva tal-Għasafar u d-Direttiva tal-Ħabitats għall-perjodu 2007-2012 bħalma jeżiġi l-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Ħabitats u bħalma jeżiġi l-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Għasafar'' (COM(2015)0219),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin(4) (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma(5) (Direttiva Qafas dwar l-Ilma),

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar valutazzjoni globali tal-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi, maħruġ mill-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES) fil-31 ta' Mejju 2019,

–  wara li kkunsidra l-Lista l-Ħamra ta' Speċijiet Mhedda tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura,

–  wara li kkunsidra l-Karta ta' Metz dwar il-Bijodiversità tas-6 ta' Mejju 2019,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll id-Dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Jannar 2019 bit-titlu "Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030" (COM(2019)0022),

–  wara li kkunsidra r-rapporti speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar it-tibdil fil-klima, id-deżertifikazzjoni, id-degradazzjoni tal-art, il-ġestjoni sostenibbli tal-art, is-sigurtà tal-ikel u l-flussi tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-ekosistemi terrestri, ir-rapport speċjali tiegħu tal-25 ta’ Settembru 2019 dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel, kif ukoll ir-rapport speċjali dwar it-tisħin globali ta' 1,5°C, il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sinteżi tiegħu ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2019 bit-titlu "It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja" (COM(2019)0352) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2013 bit-titlu "Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti" (COM(2013)0659),

–  wara li kkunsidra r-rapport maħruġ mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) fl-2019 dwar l-istat tal-bijodiversità tad-dinja għall-ikel u l-agrikoltura,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula fil-15 ta' Ottubru 2019 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem quddiem it-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fi New York,

–  wara li kkunsidra l-Appell ta' Beijing għall-Konservazzjoni tal-Bijodiversità u t-Tibdil fil-Klima tas-6 ta' Novembru 2019,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tal-4 ta' Diċembru 2019 bit-titlu "The European environment – state and outlook 2020" (L-ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti 2020) (SOER 2020);

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet magħmula lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-COP15 għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika f'Kunming, iċ-Ċina, fl-2020 (O-000044/2019 u O-000043/2019),

A.  billi l-istqarrija tal-missjoni tal-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020 hi li tittieħed azzjoni effettiva u urġenti biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità sabiex jiġi żgurat li sal-2020 l-ekosistemi jkunu reżistenti u jibqgħu jipprovdu servizzi essenzjali li jiżguraw u jikkonservaw il-varjetà tal-ħajja tal-pjaneta u jikkontribwixxu għall-benessri tal-bniedem u l-qerda tal-faqar;

B.  billi l-Viżjoni 2050 adottata fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) hi dik ta' "għajxien f'armonija man-natura" u li, sal-2050, il-bijodiversità tkun apprezzata, ikkonservata, restawrata u użata bi ħsieb, filwaqt li jiġu ppreservati s-servizzi ekosistemiċi, tiġi sostnuta pjaneta b'saħħitha u jinġiebu benefiċċji essenzjali għal kulħadd u għall-ġenerazzjonijiet tal-futur;

C.  billi l-Viżjoni 2050 adottata fil-qafas tal-KDB hi sostnuta minn ħames objettivi ġenerali li jinkwadraw ukoll il-Miri tal-Bijodiversità ta' Aichi għall-2020, jiġifieri: (a) li jiġu indirizzati l-kawżi li jwasslu għat-telf tal-bijodiversità bl-integrazzjoni tagħha fl-ambiti kollha tal-gvern u tas-soċjetà; (b) li jitnaqqsu l-pressjonijiet diretti fuq il-bijodiversità u jiġi promoss l-użu sostenibbli; (c) li jittejjeb l-istatus tal-bijodiversità billi jitħarsu l-ekosistemi, l-ispeċijiet u d-diversità ġenetika; (d) li jissaħħu l-benefiċċji għal kulħadd mill-bijodiversità u mis-servizzi ekosistemiċi; u (e) li tissaħħaħ l-implimentazzjoni permezz tal-ippjanar parteċipattiv, il-ġestjoni tal-għarfien u l-bini tal-kapaċitajiet;

D.  billi, kif enfasizzat fil-valutazzjoni globali tal-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi tal-IPBES, ix-xejriet negattivi attwali fil-bijodiversità u l-ekosistemi se jimminaw il-progress lejn 80 % tal-miri vvalutati b'rabta mal-SDGs relatati mal-faqar, il-ġuħ, is-saħħa, l-ilma, il-bliet, il-klima, l-oċeani u l-art; billi l-popli indiġeni u ħafna mill-ifqar komunitajiet tad-dinja mistennija jintlaqtu primarjament u b'mod aktar gravi; billi, għaldaqstant, it-telf u d-degradazzjoni tal-bijodiversità jridu jitqiesu mhux biss bħala kwistjonijiet ambjentali iżda anke bħala kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali, morali u li jaffettwaw l-iżvilupp;

E.  billi l-użu massiv ta' erbiċidi sistemiċi b'azzjoni mifruxa bħall-glifosat huwa direttament responsabbli għal telf massiv tal-bijodiversità;

F.  billi skont l-IPCC u l-IPBES, ma jeżistux soluzzjonijiet permanenti biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima mingħajr implimentazzjoni usa' ta' soluzzjonijiet konsistenti u effettivi bbażati fuq in-natura;

G.  billi t-tibdil fil-klima huwa rikonoxxut bħala l-forza ewlenija wara ż-żieda f'daqqa f'avvenimenti ta' temp estrem li jikkawżaw diżastri naturali fid-dinja kollha, inklużi n-nirien fil-foresti;

H.  billi l-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji (ABS) jipprovdi qafas legali trasparenti għall-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali assoċjat magħhom;

I.  billi l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità 2020 għandha l-għan li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità u tas-servizzi ekosistemiċi fl-UE u tgħin sabiex jitwaqqaf it-telf globali tal-bijodiversità sal-2020;

J.  billi l-UE u l-Istati Membri adottaw l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u s-17-il SDG tagħha u huma impenjati bis-sħiħ favur l-implimentazzjoni tagħhom;

K.  billi, fil-linji gwida politiċi tagħha, il-Kummissjoni 2019-2024 tafferma li l-ambizzjoni tagħha hi li l-UE taħdem ma' sħabha madwar id-dinja biex fil-ħames snin li ġejjin jitrażżan it-telf tal-bijodiversità;

L.  billi l-foresti huma indispensabbli għas-sussistenza tad-dinja kollha u, filwaqt li jkopru 30 % biss taż-żona terrestri tad-dinja, fihom 80 % tal-bijodiversità tagħha;

M.  billi l-ħabitats u l-ispeċijiet huma mhedda mit-tibdil fil-klima, kif tixhed il-qirda tal-biċċa l-kbira tal-Great Barrier Reef fl-Awstralja, u avvenimenti estremi tat-temp bħan-nirien enormi li ħakkmu l-bush Awstraljana, li qatlu aktar minn biljun annimal; billi l-konservazzjoni tan-natura u t-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità huma kruċjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-adattament għalih;

N.  billi erbgħa mid-disa' limiti tal-pjaneta, hekk kif definiti miċ-Ċentru ta' Reżiljenza ta' Stokkolma, inqabżu;

Rimarki ġenerali

1.  Jinnota bi tħassib li l-valutazzjoni globali tal-IPBES dwar il-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi tenfasizza b'mod ċar il-kobor tal-kriżi ekoloġika u l-bżonn ta' sforzi urġenti u miftiehma li jrawmu bidla trasformattiva, peress li n-natura tinsab f'deklin globali b'rati bla preċedent fl-istorja tal-bniedem, il-pass fir-rata tal-estinzjoni tal-ispeċijiet qed jiżdied u madwar miljun speċi ta' annimali u pjanti huma mhedda bl-estinzjoni, fatt li għandu impatt serju fuq il-popolazzjonijiet tad-dinja kollha u se jaffettwa l-ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri tagħna;

2.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-istress addizzjonali għall-bijodiversità kkawżat mit-tibdil fil-klima fuq l-art kif spjegat fir-rapport speċjali tal-IPCC tat-8 ta' Awwissu 2019; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar it-tnaqqis fil-popolazzjoni tal-mammiferi tal-baħar u fi stokkijiet oħra ta' ħut, kif ukoll l-għajbien drammatiku tal-iskollijiet tal-qroll li, kif dokumentat fir-rapport speċjali tal-IPCC tal-24 ta' Settembru 2019, aktar minn 99 % minnhom mistennija jispiċċaw jekk iż-żieda ta' 2 °C ipotizzata mir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali ta' 1,5 °C issir realtà;

3.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-IPCC dwar l-oċeani u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel, li jirrikonoxxi t-tibdil fil-klima bħala wieħed mill-muturi diretti ewlenin tat-telf tal-bijodiversità u jenfasizza li l-effetti negattivi tiegħu fuq in-natura u l-bijodiversità, is-servizzi ekosistemiċi, l-oċeani u s-sigurtà tal-ikel mistennija jsiru dejjem aktar sinifikanti fid-deċennji li ġejjin; jissottolinja li l-IPCC jwissi wkoll li, fil-preżent, is-saħħa tal-ekosistemi tal-oċeani u tal-baħar hija affettwata mit-tisħin globali, it-tniġġis, l-isfruttament eċċessiv tal-bijodiversità tal-baħar, l-għoli fil-livelli tal-baħar, l-aċidifikazzjoni, id-deossiġenazzjoni, il-mewġiet ta' sħana fil-baħar, it-tidwib bla preċedent tal-glaċieri u s-silġ tal-baħar, l-erożjoni kostali u diżastri naturali aktar frekwenti, li qed jaffettwaw l-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta billi jimmodifikaw il-funzjonament tagħhom u jaċċeleraw it-tnaqqis fil-popolazzjoni tal-mammiferi u l-ħut, kif ukoll l-għajbien drammatiku tal-iskollijiet tal-qroll u l-mangrovji; ifakkar li l-oċeani huma parti mis-soluzzjoni għall-mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima u għall-adattament għalihom; jitlob, għaldaqstant, li l-UE tagħti prijorità lill-oċeani fl-istrateġija tagħha għall-bijodiversità, u jistieden lill-Partijiet kollha tal-KDB ("il-Partijiet") jirrikonoxxu l-oċeani bħala ġid komuni tal-umanità, sabiex jiġi żviluppat approċċ ġdid li jpoġġi r-responsabbiltajiet individwali u kollettivi f'livell ferm ogħla mill-prinċipji tradizzjonali tal-libertà u s-sjieda tal-oċeani u b'hekk tiġi żgurata l-preservazzjoni tagħhom;

4.  Jemmen li qed niffaċċjaw emerġenza ambjentali li tirrikjedi azzjoni sinifikanti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll globalment; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, flimkien mat-tibdil fil-klima tagħti prijorità ewlenija lill-protezzjoni u r-restawr tan-natura;

5.  Jinnota bi tħassib li l-Miri tal-Bijodiversità ta' Aichi għall-2020 mhumiex ser jintlaħqu bit-trajettorja preżenti tat-telf tal-bijodiversità, u jerġa' jistieden lill-Partijiet kollha jżidu b'urġenza l-isforzi tagħhom; jiddispjaċih li l-UE mhijiex fi triqitha biex tilħaq il-mira ewlenija tagħha li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistema sal-2020; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom fi sforzi obbligatorji immedjati, sostanzjali u addizzjonali fil-konservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità sabiex jintlaħqu l-miri globali u tal-UE u jingħata kontribut biex jintlaħqu l-miri ta' Aichi;

6.  Ifakkar li l-bijodiversità u ekosistemi b'saħħithom, inklużi l-oċeani, li jassorbu aktar minn 25 % tal-emissjonijiet ta' CO2 u li huma l-fornitur ewlieni tal-ossiġnu, huma kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u jissaħħu l-kapaċitajiet tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mar-reżiljenza u l-adattament għat-tibdil fil-klima; jinnota b'dispjaċir li 7 % biss tal-oċeani huma protetti formalment; ifakkar fl-importanza li jiġu żviluppati u implimentati soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-preservazzjoni tal-bijodiversità u għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, speċjalment fl-assorbiment tal-karbonju; jitlob, għalhekk, li l-Konvenzjonijiet ta' Rio(6) jkollhom aktar konsistenza u sinerġija bejniethom u li jkunu allinjati aħjar mal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-integrazzjoni sħiħa tal-bijodiversità fil-politiki tagħha dwar il-klima;

7.  Jilqa' l-Appell ta' Beijing għall-Konservazzjoni tal-Bijodiversità u t-Tibdil fil-Klima tas-6 ta' Novembru 2019;

8.  Jisħaqli l-kompromessi bejn il-protezzjoni tal-klima u l-protezzjoni tal-bijodiversità għandhom jiġu dejjem evitati, b'mod partikolari fis-settur tal-bijoekonomija, li jista' jkollu rwol ċentrali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, dment li ma jheddidx il-kwalità tal-ekosistemi; jesprimi t-tħassib tiegħu li kompromessi bħal dawn ma ġewx indirizzati biżżejjed f'diskussjonijiet reċenti dwar din il-politika; jappella lill-Kummissjoni u lill-partijiet ikkonċernati kollha jiżviluppaw approċċ koeżiv sabiex tinbena bijoekonomija verament sostenibbli bbażata fuq il-konservazzjoni tan-natura u fuq soluzzjonijiet oħra bbażati fuq l-ekosistema, billi approċċ bħal dan joffri l-aħjar riżultati kemm għall-klima kif ukoll għall-bijodiversità;

9.  Jenfasizza li l-bijodiversità mhijiex biss indispensabbli għall-produzzjoni tal-ikel, il-fjuwil u l-mediċini iżda, flimkien ma' ambjent naturali san, hija wkoll importanti għall-iżvilupp ekonomiku fit-tul;

10.  Jilqa' l-impenji meħuda minn Ursula von der Leyen fil-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni 2019-2024 u fl-ittra ta' missjoni tal-10 ta' Settembru 2019 lill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Oċeani, biex – fl-ewwel 100 jum tal-Kummissjoni fil-kariga – tiġi ppreżentata Strateġija għall-Bijodiversità ambizzjuża għall-2030 bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, u l-intenzjoni tagħha li l-UE tmexxi lid-dinja fil-Konferenza tal-Partijiet għall-KDB tal-2020, kif għamlet fil-Konferenza ta' Pariġi dwar il-Klima tal-2015; jinsisti li din tkun prijorità għolja għall-Kummissjoni l-ġdida u li l-UE tiggalvanizza l-ambizzjoni globali f'dak li għandu x'jaqsam mal-bijodiversità bi tħejjija għall-COP15; jistieden lill-Kummissjoni biex, fid-dawl tal-kriżi globali tal-bijodiversità enfasizzata fir-rapport reċenti tal-IPBES, tadotta approċċ ġdid u, minflok impenji volontarji, tipproponi Strateġija għall-Bijodiversità ambizzjuża u inklużiva għall-2030 li tistabbilixxi miri legalment vinkolanti għall-UE u għall-Istati Membri tagħha, inklużi miri speċifiċi biex jintlaħqu tal-inqas 30 % taż-żoni terrestri u marini protetti u r-restawr ta' tal-inqas 30 % tal-ekosistemi degradati fil-livell tal-Unjoni sal-2030;

11.  Jemmen li f'din l-istrateġija l-ġdida għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-restawr tal-ekosistemi, tal-ħabitats u tal-ispeċijiet – partikolarment permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni – biex tiġi promossa ekonomija bbażata fuq in-natura fis-setturi kollha, li huwa kruċjali biex jintlaħqu l-miri tal-bijodiversità;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jitolbu lill-COP15 tadotta dispożizzjonijiet dwar analiżi tal-prospettivi, il-valutazzjoni tat-teknoloġija u l-monitoraġġ ta' żviluppi teknoloġiċi ġodda, inklużi dawk li jirriżultaw mill-bijoloġija sintetika;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex fil-COP15 jappellaw għal moratorju globali fuq ir-rilaxxi ta' organiżmi ta' sfurzar ġenetiku fin-natura, inklużi fil-provi fuq il-post, sabiex dawn it-teknoloġiji l-ġodda ma jitħallewx jiġu rilaxxati qabel iż-żmien u biex jitħares il-prinċipju ta' prekawzjoni, li huwa stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-KDB;

14.  Jenfasizza li l-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità globali jikkostitwixxu sfida essenzjali u, bħala kwistjoni ta' interess strateġiku għall-UE, għandhom jingħataw l-akbar attenzjoni politika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkollaboraw attivament ma' pajjiżi terzi – b'mod partikolari permezz ta' strumenti ta' azzjoni esterna bħall-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – sabiex jippromwovu u jistabbilixxu miri għall-miżuri u l-governanza tal-protezzjoni, il-konservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' ftehimiet multilaterali u kummerċjali u miżuri kontra n-nonkonformità; jistieden lill-Kummissjoni biex, għaldaqstant, tinkludi kapitli vinkolanti u infurzabbli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-futur;

15.  Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu stess li 45 % tal-fondi tal-NDICI għandhom jiġu allokati għal investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi, il-ġestjoni u l-protezzjoni ambjentali, il-bijodiversità u l-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni;

16.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' approċċ ta' governanza komprensiv u f'diversi livelli li jindirizza l-protezzjoni, il-konservazzjoni, ir-restawr u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità u tas-servizzi ekosistemiċi; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jibqgħu impenjati b'mod qawwi biex ikomplu jsaħħu l-KDB, jassumu rwol ewlieni fit-tħejjija għall-qafas ta' wara l-2020, b'mod partikolari bi tħejjija għall-COP15, jimpenjaw ruħhom dwar il-bijodiversità bħalma sar għall-mira ta' 1,5 °C fil-Ftehim ta' Pariġi, u jistabbilixxu b'mod trasparenti l-viżjonijiet u l-prijoritajiet tagħhom għall-qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020;

17.  Ifakkar li l-bijodiversità u l-preservazzjoni tal-ekosistemi huma intrinsikament sinerġistiċi u fundamentali biex jintlaħqu l-SDGs; jenfasizza l-ħtieġa u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw l-integrazzjoni effettiva tan-natura u l-bijodiversità mal-miri tal-bijodiversità fis-setturi kollha, jimmodifikaw il-mudell ekonomiku billi jmorru fid-direzzjoni ta' aktar sostenibbiltà li tindirizza l-impronta tal-UE, u jtejbu l-koerenza tal-politika ambjentali fil-politiki interni u esterni kollha tal-UE, inkluż fl-agrikoltura, is-sajd, l-enerġija rinnovabbli, it-trasport, il-kummerċ u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-2021-2027; iqis li hemm bżonn kollaborazzjoni akbar fis-setturi kollha biex il-protezzjoni, il-konservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità jiġu integrati aħjar; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali liċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti mill-konċepiment sal-konsum, biex jiġu protetti r-riżorsi naturali u jitqiesu l-impatti akkumulati inkluż it-trasport;

18.  Jemmen fil-kritiċità li jiġu indirizzati l-fatturi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità b'approċċ strateġiku fit-tul u li jiġu identifikati u salvagwardati b'urġenza l-aktar hotspots kritiċi u strateġiċi tal-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi – kif ukoll l-ekosistemi ta' integrità għolja – abbażi tas-sensittività ta' kull żona, il-preżenza ta' speċijiet fil-periklu, il-lakuni fl-għarfien u/jew il-ġestjoni effettiva, u l-preżenza ta' speċijiet komuni li huma fundamentali għall-proċessi ekoloġiċi, u li jiġu limitati t-telf tal-bijodiversità u l-effetti negattivi fuq it-territorji u l-għajxien tal-komunitajiet indiġeni u lokali;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu pressjoni fuq il-COP15 biex jiżguraw li l-kunsens liberu, minn qabel u infurmat tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali jintalab u jinkiseb qabel ir-rilaxx ta' kwalunkwe teknoloġija li jista' jkollha impatt fuq l-għarfien tradizzjonali, l-innovazzjoni, il-prattiki, l-għajxien u l-użu tal-art, tar-riżorsi u tal-ilma tagħhom; jenfasizza li dan għandu jsir b'mod parteċipattiv li jkun jinvolvi lill-komunitajiet kollha potenzjalment milquta qabel kwalunkwe użu;

20.  Itenni li minkejja l-importanza tar-restawr, dan l-aspett għadu prattikament injorat mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Isfida ta' Bonn;

21.  Jenfasizza li l-emerġenza klimatika u l-konsegwenzi tat-telf tal-massa tal-bijodiversità jikkostitwixxu theddida serja għad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li, mingħajr ambjent san, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem għall-ħajja, is-saħħa, l-ikel u l-ilma sikur ikunu f'riskju; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jaħdmu favur strateġija tal-UE biex jitħares id-dritt għal ambjent san, permezz ta' ħidma mill-qrib ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet Umani (OHCHR), li dan l-aħħar nieda strateġija konġunta mal-Programm Ambjentali tan-NU (UNEP);

L-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u tal-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020

22.  Jilqa' d-deċiżjoni meħuda waqt il-COP14 fl-Eġittu, li tħeġġeġ lill-Partijiet biex, fost l-oħrajn, iħaffu b'mod sinifikanti l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020 u jikkunsidraw il-possibbiltà li jwettqu valutazzjonijiet dwar il-bijodiversità u l-funzjonijiet u s-servizzi ekosistemiċi fil-livell nazzjonali; iqis li hu tal-akbar importanza li jiżdiedu l-isforzi fl-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020, ikun hemm enfasi fuq il-kisba tal-Miri tal-Bijodiversità ta' Aichi u l-Protokoll ta' Nagoya dwar l-ABS u ssir ħidma fuq pjan strateġiku u mekkaniżmu ta' implimentazzjoni ambizzjuż għal wara l-2020 li jinkludi formalment l-awtoritajiet lokali u reġjonali u, fir-rigward tax-xenarju għall-2050, jitqiesu l-isfidi l-ġodda fil-qasam tal-bijodiversità f'konformità mal-għanijiet tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli;

23.  Jinnota bi tħassib li fl-UE, skont il-valutazzjonijiet(7) tal-istatus ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet u t-tipi ta' ħabitats ta' interess għall-konservazzjoni, huma biss 7 % tal-ispeċijiet tal-baħar u 9 % tat-tipi ta' ħabitats tal-baħar li juru "status ta' konservazzjoni favorevoli" u li 27 % tal-valutazzjonijiet tal-ispeċijiet u 66 % tal-valutazzjonijiet tat-tipi ta' ħabitats juru "status ta' konservazzjoni sfavorevoli"; jenfasizza wkoll li, skont l-istess valutazzjonijiet, 48 % tal-ispeċijiet ta' annimali u pjanti tal-baħar li għandhom evoluzzjoni demografika magħrufa naqsu kostantement tul l-aħħar għaxar snin, u għalhekk qed jiżdied ir-riskju li speċijiet monitorjati jsiru estinti;

Il-qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020

24.  Jilqa' l-progress li sar fil-COP14 dwar proċess komprensiv u parteċipattiv biex jiġi żviluppat qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020; jappoġġja l-Karta ta' Metz dwar il-Bijodiversità adottata mill-G7;

25.  Jenfasizza l-bżonn li jiżdiedu l-ambizzjoni, l-inklużività u l-funzjonament tal-qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-mekkaniżmi ta' implimentazzjoni tal-KDB, u jsegwu attivament l-iżvilupp ta' miri ambizzjużi u legalment vinkolanti, skadenzi dettaljati, indikaturi tal-prestazzjoni ċari, strumenti ta' traċċar u mekkaniżmi ta' rappurtar/evalwazzjoni bejn il-pari bbażati fuq standards komuni – idealment f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet subnazzjonali – biex jitjiebu t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-Partijiet u l-effikaċja ġenerali tal-pjan strateġiku għall-bijodiversità li jmiss;

26.  Jenfasizza li hemm bżonn qafas internazzjonali fl-għamla ta' ftehim globali u legalment vinkolanti biex titħares il-bijodiversità globali, jitwaqqaf id-deterjorament attwali tagħha u jiġu restawrati l-aspetti kollha tal-bijodiversità; jemmen li tali qafas irid ikun ibbażat fuq miri speċifiċi, miżurabbli, kwantifikabbli, ambizzjużi, realistiċi, settorjali u bi skadenzi preċiżi, kif ukoll fuq impenji sodi, li jinkludu strateġiji u pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali aktar b'saħħithom dwar il-bijodiversità u strumenti oħra adatti bħal pjanijiet ta' azzjoni subnazzjonali, impenji finanzjarji u garanziji ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet aqwa, kif ukoll mekkaniżmu ta' monitoraġġ u rieżami kull ħames snin, b'enfasi fuq trajettorja ta' ambizzjoni akbar; jenfasizza l-bżonn ta' rappurtar regolari mill-Partijiet u armonizzazzjoni fil-ġbir u t-trattament ta' data u indikaturi komparabbli u konsistenti għal proċess ta' monitoraġġ tajjeb;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jitolbu li l-Qafas Globali tal-Bijodiversità għal wara l-2020 jistabbilixxi, bħala l-pilastri ewlenin, il-prinċipju tal-prekawzjoni, approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u l-analiżi tal-prospettivi, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tat-teknoloġija, fir-rigward tal-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu d-definizzjoni ta' mira globali ġdida biex sal-2030 titreġġa' lura l-kurva tat-telf tal-bijodiversità globali u biex in-natura titqiegħed fit-triq tar-riġenerazzjoni għall-benefiċċju ta' kulħadd u jingħata kontribut għall-protezzjoni tal-bijodiversità, għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, għall-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni u d-degradazzjoni tal-art, u għaż-żieda fis-sigurtà tal-ikel; jistieden lill-UE tinsisti fuq livell ogħla ta' ambizzjoni waqt in-negozjati u potenzjalment titlob il-protezzjoni ta' nofs il-pjaneta sal-2050; huwa tal-fehma li fil-qafas ta' wara l-2020 għandu jkun minqux objettiv ta' konservazzjoni globali ċar ta' mill-inqas 30 % taż-żoni naturali u r-restawr ta' 30 % tal-ekosistemi degradati li jistgħu jiġu restawrati, u li l-UE għandha tistabbilixxi objettivi simili internament;

29.  Jissottolinja li l-isforzi u l-ftehimiet internazzjonali jiġu rispettati biss jekk il-partijiet ikkonċernati kollha jkunu involuti attivament; jitlob il-ħolqien ta' koalizzjoni ta' partijiet ikkonċernati, kemm mis-settur privat kif ukoll mis-settur pubbliku, biex jiġi implimentat il-qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020; jindika l-utilità tal-"aġenda ta' soluzzjonijiet" imfassla fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi biex tiġi żviluppata aġenda pożittiva għall-partijiet ikkonċernati kollha rilevanti fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u jitlob l-inklużjoni ta' azzjonijiet simili fil-qafas ta' wara l-2020;

30.  Jenfasizza l-importanza li jiġi minimizzat id-dewmien li jista' jinqala' bejn l-adozzjoni tal-qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020 u t-traduzzjoni tiegħu f'miri nazzjonali u pjanijiet ta' azzjoni subnazzjonali dwar il-bijodiversità sabiex jiġi evitat dewmien fit-teħid ta' azzjonijiet konkreti biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità;

L-Istrateġija għall-Bijodiversità 2030 tal-UE

31.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal strateġija li tindirizza l-muturi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità, kemm internament kif ukoll globalment;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw il-konsistenza tal-istrateġija "mill-għalqa sal-platt" u l-ambizzjoni ta' tniġġis żero mal-Politika Agrikola Komuni wara l-2020, b'mod partikolari biex jiġi indirizzat it-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jinkludu komponenti ta' kontroll fir-rigward tal-bijodiversità fl-istrumenti finanzjarji tagħhom sabiex jiġu evitati effetti negattivi fuq il-bijodiversità; jistieden lill-BEI jaġġorna l-istandards ambjentali u soċjali tiegħu f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030;

34.  Jitlob li jkun hemm mira legalment vinkolanti fl-UE kollha biex il-ħabitats degradati jiġu restawrati sal-2030, permezz tar-restawr ta' foresti naturali, torbieri, pjanuri tal-għargħar, artijiet mistagħdra, bwar rikki fil-bijodiversità, żoni kostali u żoni tal-baħar; jiddispjaċih li l-Istrateġija għall-Bijodiversità 2020 naqset milli tilħaq il-mira li jiġu rrestawrati 15 % tal-ekosistemi degradati;

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-BEI jinkludu komponenti ta' kontroll tal-bijodiversità fl-azzjoni esterna tagħhom, b'mod partikolari fl-istrumenti finanzjarji esterni tagħhom, sabiex jiġi żgurat li l-ebda skema ta' finanzjament jew fond tal-UE ma tikkontribwixxi għat-telf nett tal-bijodiversità;

36.  Huwa tal-fehma li l-ambizzjoni globali tal-UE trid tkun konsistenti mal-azzjonijiet fit-territorju tagħha fil-qafas tal-Istrateġija għall-Bijodiversità 2030 tal-UE;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi t-tnaqqis tal-impronta globali tal-UE bħala punt fokali importanti tal-Istrateġija għall-Bijodiversità 2030 tal-UE sabiex tiġi evitata l-inkonsistenza bejn l-azzjonijiet interni u internazzjonali tagħha;

Kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u finanzjament

38.  Jilqa' l-ftehim milħuq fil-COP14 minn 196 gvern biex jiżdiedu l-investimenti fin-natura u fin-nies sal-2020 u lil hinn; jenfasizza li l-uniku mod kif it-tkabbir ekonomiku jista' jiffaċilita l-iżvilupp sostenibbli huwa billi jkun diżakkoppjat kompletament mid-degradazzjoni tal-bijodiversità u tal-kapaċità tal-ambjent naturali li jikkontribwixxi għall-benessri tan-nies;

39.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament xieraq u suffiċjenti għall-bijodiversità; jitlob li fil-QFP li jmiss jiġu inklużi miżuri ta' titjib tal-bijodiversità u ta' protezzjoni klimatika kif ukoll żieda fl-integrazzjoni tal-bijodiversità fl-oqsma ta' politika kollha sabiex isir progress sinifikanti u pożittiv lejn il-kisba tal-Viżjoni 2050; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jistabbilixxu mira ċara ta' nfiq għall-integrazzjoni tal-bijodiversità ta' mill-inqas 10 % fil-QFP, b'mod addizzjonali għall-infiq fuq l-integrazzjoni tal-klima; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li tiġi stabbilita metodoloġija aktar trasparenti, komprensiva u stretta għall-intraċċar tan-nefqa fuq il-klima u l-bijodiversità; itenni l-appelli tiegħu biex il-livell ta' finanzjament attwali tal-programm LIFE tal-anqas jirdoppja; jitlob, barra minn hekk, l-eliminazzjoni gradwali ta' sussidji dannużi u li tiġi żgurata l-koerenza bejn il-fondi u l-programmi kollha tal-UE sabiex l-ebda nefqa taħt il-baġit tal-UE ma tkun tista' tikkontribwixxi għat-telf tal-bijodiversità;

40.  Jenfasizza li l-integrazzjoni tal-bijodiversità jeħtieġ tkun akkumpanjata minn ġbir ta' data; jinnota bi tħassib li r-riċerka bażika, inkluża t-tassonomija, li hija kruċjali għal dan l-iskop, għandha nuqqas sinifikanti ta' riżorsi u ma tirċevix livell suffiċjenti ta' finanzjament għall-politika u r-riċerka; jitlob finanzjament adegwat għall-proġetti ta' riċerka bażika u l-bini tal-kapaċità li għandhom jiġu allokati taħt Orizzont Ewropa u li l-assi ta' assistenza teknika ta' fondi oħra tal-UE jintużaw għal dan l-iskop;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-ħolqien ta' mekkaniżmi finanzjarji internazzjonali addizzjonali għall-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità marbuta mal-KDB filwaqt li jsiru l-isforzi kollha favur l-integrazzjoni tal-bijodiversità fil-fondi eżistenti; jinnota li l-attivitajiet ekonomiċi jistgħu jkunu xprunaturi importanti tat-tnaqqis tal-bijodiversità globali u tat-telf tal-kapital naturali; jistieden għalhekk lin-negozji u lill-organizzazzjonijiet finanzjarji jieħdu impenji b'saħħithom u jikkondividu kontribuzzjonijiet għall-bijodiversità, inkluż billi jissottoponu l-attivitajiet tagħhom għal kontrolli tal-bijodiversità, u jenfasizza l-importanza li jiġu stimulati inizjattivi ta' finanzjament privat f'dan ir-rigward; jiddispjaċih għall-inkonsistenza tas-settijiet ta' data dwar il-flussi ta' finanzjament għall-bijodiversità li ġejjin minn sorsi pubbliċi u privati domestiċi u internazzjonali, li jqiegħdu f'riskju s-sistemi ta' traċċar u rapportar u jaffettwaw b'mod negattiv kwalunkwe riforma potenzjali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-BEI jiżviluppaw standards koerenti dwar settijiet ta' data dwar il-flussi ta' finanzjament għall-bijodiversità; jenfasizza li l-pjan ta' finanzjament sostenibbli tal-futur irid jgħin lill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jifhmu r-riskji relatati mat-telf tal-bijodiversità tagħhom billi jinkludu l-bijodiversità fir-rekwiżiti ta' divulgazzjoni finanzjarja;

42.  Jenfasizza l-importanza li jiżdied l-investiment, inkluż f'soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u inizjattivi korrispondenti, li jirriżultaw f'kobenefiċċji għall-bijodiversità u l-azzjoni klimatika li mbagħad inaqqsu l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq il-bijodiversità, filwaqt li jiġu eliminati gradwalment investimenti li jagħmlu ħsara lill-ambjent; ifakkar li l-maġġoranza tal-investimenti magħmula fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi għandhom jintużaw biex tiġi ppreservata u rrestawrata l-bijodiversità; jiddispjaċih li minkejja l-potenzjal ta' soluzzjonijiet klimatiċi naturali, l-isforzi ta' sekwestru minn fuq l-art jibbenefikaw minn madwar 2,5 % biss tal-baġit globali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; jitlob żieda fl-użu tal-finanzjament għall-klima min-naħa tal-UE u fil-livell internazzjonali biex jiġu protetti u restawrati l-ekosistemi naturali bħala mod li bih jinkisbu benefiċċji kondiviżi bejn il-bijodiversità u l-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima;

43.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Grupp tal-BEI li jallinja l-attivitajiet ta' finanzjament tiegħu mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u li jiddedika mill-inqas 50 % tal-finanzjament tal-BEI għall-azzjoni klimatika; jistieden lill-BEI jkompli jespandi miżuri ta' protezzjoni u konservazzjoni tal-bijodiversità fi ħdan il-pakkett finanzjarju tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tikkollabora mal-Istati Membri u s-settur finanzjarju biex jallinjaw l-attivitajiet tagħhom mal-Ftehim ta' Pariġi u tiżgura l-verifika fir-rigward tal-klima u tal-bijodiversità tat-tranżazzjonijiet u l-investimenti fil-livell tal-UE u lil hinn minnha;

44.  Jirrimarka li organizzazzjonijiet internazzjonali bħalma huma l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), l-UNEP u l-OECD jaqblu li t-tassazzjoni ambjentali hija għodda essenzjali biex jiġu indirizzati sfidi ambjentali bħat-telf tal-bijodiversità; jilqa' inizjattivi bħall-"Green Fiscal Policy Network" (in-Netwerk ta' Politika Fiskali Ekoloġika) tal-UNEP u l-FMI biex jiġu ffaċilitati l-kondiviżjoni tal-għarfien u d-djalogu dwar riforma fiskali ekoloġika; jiġbed l-attenzjoni lejn it-tielet mira ta' Aichi u l-ħtieġa ta' inċentivi pożittivi għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità kif ukoll fir-rigward tal-SDG 15 u l-ħtieġa li r-riżorsi finanzjarji jiġu mobilizzati u miżjuda b'mod sinifikanti mis-sorsi kollha għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità u l-ekosistemi; jenfasizza, għalhekk, il-potenzjal ta' tassazzjoni ambjentali ġusta – li hi konformi mal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas – bħala mod kif titnaqqas il-ħsara lill-ambjent u jiġu ġġenerati riżorsi finanzjarji għall-protezzjoni tan-natura; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jorjentaw mill-ġdid is-sistemi tat-taxxa lejn użu akbar ta' tassazzjoni ambjentali;

45.  Jinnota bi tħassib li 8,3 % biss tal-impenji finanzjarji totali huma relatati ma' miżuri maħsuba biex ireġġgħu lura d-deklin tal-bijodiversità, u dan huwa l-aktar perċentwal baxx mill-2015, minkejja r-rata ta' estinzjoni mingħajr preċedent u aċċelerata tal-ispeċijiet osservati; jitlob lill-Kummissjoni żżid l-allokazzjoni tar-riżorsi biex tiġi żgurata l-protezzjoni fit-tul u koerenti tal-bijodiversità fl-UE kollha; jinsisti li l-QFP li jmiss għandu jiddependi fuq metodoloġija robusta sabiex tiġi traċċata l-bijodiversità u jiġi evitat ir-riskju ta' sopravalutazzjoni tal-azzjoni favur il-bijodiversità;

Il-forestrija, l-agrikoltura, is-sajd u l-ħamrija

46.  Jenfasizza li l-attivitajiet agrikoli u tas-sajd, ħamrija b'saħħitha u l-konservazzjoni tal-bijodiversità huma marbutin mill-qrib ma' xulxin; jinnota l-impatti negattivi ta' agrikoltura, forestrija u sajd insostenibbli fuq il-bijodiversità; jenfasizza, madankollu, li agrikoltura, forestrija u sajd sostenibbli jistgħu jnaqqsu l-effetti negattivi fuq il-varjetà ta' speċijiet, ħabitats u ekosistemi u l-effetti tat-tibdil fil-klima;

47.  Jistieden għalhekk lill-UE u lill-Partijiet juru impenji b'saħħithom lejn sistemi tal-ikel, agrikoltura, forestrija u sajd sostenibbli, inklużi rekwiżiti u strateġiji għall-użu sostenibbli ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u nutrijenti, it-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi u l-protezzjoni tal-ħamrija, il-ħabitats u l-ispeċijiet li jipprovdu servizzi ekosistemiċi ewlenin, bħad-dakra, kif ukoll żieda fis-selettività biex jitnaqqsu l-impatti akkumulati fuq l-ekosistemi tal-baħar u kostali u biex ikun hemm parteċipazzjoni fl-irkupru tal-istokkijiet tal-ħut f'żoni sensittivi u ta' sajd eċċessiv; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi miri vinkolanti ta' tnaqqis fl-UE kollha fir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva tal-UE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi (2009/128/KE) u lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-gvernijiet reġjonali biex jindirizzaw l-appoġġ għall-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd lejn prattiki sostenibbli u skemi ekoloġiċi;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw b'mod finanzjarju l-prattiki tal-biedja u tal-forestrija li jkunu konsistenti mal-miri tal-bijodiversità, bħall-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara u tan-nutrijenti, l-agrikoltura organika, il-prattiki agroekoloġiċi, il-prattiki ta' konservazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma, l-agrikoltura ta' konservazzjoni, l-agroforestrija, is-sistemi ta' silvipastoraliżmu, il-ġestjoni tal-irrigazzjoni, sistemi żgħar jew korrettivi, u prattiki li jtejbu l-benessri tal-annimali;

49.  Ifakkar li skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja, il-foresti huma indispensabbli għas-sistemi tagħna ta' appoġġ għall-ħajja tal-pjaneta, filwaqt li jkopru 30 % taż-żona tal-art tad-dinja u jospitaw 80 % tal-bijodiversità tagħha; jenfasizza li d-deforestazzjoni hija kawża ewlenija tad-deklin tal-bijodiversità u li l-użu tal-art, bdil fl-użu tal-art u l-emissjonijiet mill-forestrija marbuta mad-deforestazzjoni huma kawża sinifikanti tat-tibdil fil-klima; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni peress li l-UE hija l-konsumatur finali ta' 10 % tal-prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tadotta definizzjoni unifikata u unika għat-terminu ta' "ma jikkontribwixxux għad-deforestazzjoni";

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi sett komprensiv ta' miżuri biex jitnaqqas l-impatt tal-konsum tal-UE fuq l-art, inkluża leġiżlazzjoni, abbażi tad-diliġenza dovuta, li tiżgura ktajjen ta' provvista sostenibbli u mingħajr deforestazzjoni għall-prodotti introdotti fis-suq tal-UE, kif ukoll pjan ta' azzjoni tal-UE dwar iż-żejt tal-palm; huwa tal-fehma li l-azzjoni tal-UE kontra d-deforestazzjoni għandha tindirizza l-ixprunaturi ewlenin tagħha, bħaż-żejt tal-palm, is-sojja, iċ-ċanga u l-kakaw; jitlob lill-Kummissjoni biex, malajr kemm jista' jkun, telimina gradwalment il-bijofjuwils użati fl-UE li huma ferm probabbli li jikkawżaw bidliet indiretti fl-użu tal-art;

51.  Jenfasizza li l-politiki tal-foresti jridu jkunu konsistenti, jiġġieldu t-telf tal-bijodiversità u l-impatti tat-tibdil fil-klima b'mod ugwali, u jżidu l-bjar naturali tal-UE filwaqt li jipproteġu, jikkonservaw u jtejbu l-bijodiversità;

52.  Jenfasizza li l-ebda effett sostituttiv ta' prodotti bbażati fuq il-foresti ma jikkumpensa għat-telf tal-foresti primordjali u primarji, li huma rikonoxxuti bħala insostitwibbli(8) u għandhom jiġu protetti bi strumenti legali u ta' inċentiv li jimmiraw għall-kumplessità, il-konnettività u r-rappreżentanza tagħhom;

53.  Jirrimarka li, skont il-Prospetti tal-Popolazzjoni Dinjija ta' Ġunju 2019, il-popolazzjoni tad-dinja mistennija tiżdied b'2 biljuni fit-30 sena li ġejjin, u dan iżid l-impatt tal-użu tal-art u tal-baħar fuq il-bijodiversità u s-sekwestru tal-karbonju; jinnota li ż-żieda fit-telf tal-bijodiversità tqiegħed is-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni f'riskju; jistieden lill-Partijiet jippromwovu l-użu sostenibbli tal-bijodiversità fi programmi li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel u jtejbu n-nutrizzjoni filwaqt li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-SDG, b'attenzjoni speċjali għall-SDG 2 ("żero ġuħ");

Żoni urbani

54.  Jinnota li t-tniġġis, l-espansjoni urbana, l-issiġillar tal-ħamrija u l-qerda tal-ħabitats huma kawżi ewlenin oħra tal-qerda tal-bijodiversità; ifakkar li l-valutazzjoni globali dwar il-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi tal-IPBES turi li mill-1992 is-superfiċje taż-żoni urbani rdoppjat u li 2 minn kull 3 ċittadini tal-UE jgħixu f'żoni urbani; jitlob valutazzjoni aħjar tar-rwol taż-żoni urbani u tal-ibliet fil-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-involviment akbar tal-ibliet u tal-awtoritajiet lokali fid-definizzjoni ta' politiki għall-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità u servizzi tal-ekosistema kif ukoll il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika;

55.  Jinsisti li qed jiġi sottovalutat il-potenzjal tal-bliet li jgħinu fil-protezzjoni tas-servizzi tal-ekosistema u tal-bijodiversità; ifakkar li t-titjib tal-benefiċċji mill-bijodiversità, mis-servizzi tal-ekosistema u mill-infrastruttura ekoloġika urbana fil-bliet u ż-żoni periurbani jtejjeb is-saħħa tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-inkorporazzjoni u l-integrazzjoni ulterjuri tal-funzjonijiet tal-bijodiversità u tal-ekosistemi fid-disinn urban, fil-politika u fl-ippjanar filwaqt li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u jtejbu l-adattament għat-tibdil fil-klima;

56.  Jinnota li ż-żoni urbani jista' jkollhom rwol trasformattiv fi ħdan l-UE f'termini ta' bijodiversità; jenfasizza li t-tniġġis mill-plastik u tal-ilma huma kawżi importanti għat-telf tal-bijodiversità; jemmen li ekonomija ċirkolari b'saħħitha, fil-kuntest tal-Pjan ta' Azzjoni ġdid għal Ekonomija Ċirkolari, tista' tkun strumentali fl-isforzi tal-UE li tirrestawra l-bijodiversità;

57.  Jiddeplora l-fatt li l-plastik u t-tniġġis, pereżempju minn impjanti tat-trattament tal-ilma, minn prodotti farmakoloġiċi u minn prattiki agrikoli mhux sostenibbli, bħall-użu ta' nutrijenti intensivi, jaffettwa b'mod qawwi s-saħħa tal-ekosistemi fl-oċeani;

Żoni protetti tal-UE

58.  Jappella li ssir analiżi fil-fond taż-żoni protetti kollha tal-UE, inklużi s-siti ta' Natura 2000, u li dawn iż-żoni jitjiebu, jkunu konnessi aħjar u jiġu estiżi; jissottolinja l-ħtieġa ta' metodu standardizzat għall-kalkolu ta' żoni protetti kif ukoll definizzjoni ċara ta' x'jikkostitwixxi "żona protetta" fl-UE; jenfasizza li fid-dawl tar-rapport reċenti tal-IPCC dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel, hija meħtieġa valutazzjoni komprensiva u żieda sinifikanti ta' żoni kostali u tal-baħar protetti tal-UE kif ukoll il-governanza tagħhom; jitlob li ż-żoni protetti tal-baħar tal-UE jiġu estiżi biex jinkludu aktar ilmijiet lil hinn mill-kosta; jenfasizza li minbarra l-kwantità, il-kwalità taż-żoni protetti hija essenzjali biex jiġi evitat it-telf tal-bijodiversità u li għalhekk jeħtieġ titqiegħed aktar enfasi fuq ġestjoni tajba u sostenibbli;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tieħu azzjoni legali meta tistabbilixxi li l-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tan-natura ma jkunux qed jiġu rispettati; jirrimarka li l-proċeduri jridu jkunu aktar effiċjenti fil-qasam tal-ksur ambjentali minħabba r-riskju ta' ħsara irriversibbli għall-ambjent; jenfasizza li huwa neċessarju li jiġi żgurat b'mod urġenti l-infurzar xieraq tad-direttivi dwar in-natura u li jkun hemm segwitu trasparenti għall-ilmenti dwar ksur tal-leġiżlazzjoni;

60.  Jinnota li l-qafas ta' konservazzjoni tan-natura jista', soġġett għal implimentazzjoni dgħajfa, potenzjalment joħloq ambjent ostili għall-attivisti u l-konservazzjonisti u jwassal direttament jew indirettament biex tiġi pperikolata ħajjithom; jissottolinja l-fatt li l-qtil ta' ambjentalisti u konservazzjonisti għandu jiġi kkundannat b'mod attiv mill-UE;

61.  Jenfasizza li l-infrastruttura ekoloġika tipprovdi servizzi ekosistemiċi li jappoġġaw il-bijodiversità, billi pereżempju tiżdied il-kwantità ta' kurituri ekoloġiċi fl-ambjenti urbani;

Innovazzjoni, riċerka u edukazzjoni

62.  Ifakkar fl-importanza tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp biex jintlaħqu l-objettivi tal-Viżjoni 2050; jissottolinja l-importanza li jiġu appoġġati r-riċerka u x-xjenzi parteċipattivi biex jissaħħaħ l-għarfien, b'mod partikolari fir-rigward tal-oċeani, li ħafna minnhom ma ġewx esplorati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżidu l-allokazzjoni tal-baġit għal Orizzont Ewropa għal EUR 120 biljun fil-QFP li jmiss, b'mod partikolari għall-benefiċċju tar-raggruppament tar-riżorsi naturali, li jinkludi kemm riċerka bażika kif ukoll applikata, pereżempju fil-qasam tat-tassonomija, u biex titnieda missjoni dwar il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità fi ħdan Orizzont Ewropa; jistieden lill-Partijiet jiffukaw b'mod partikolari fuq ir-rabtiet bejn il-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem u l-benessri ekonomiku, u jikkoordinaw il-miżuri tal-ġbir ta' data;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa aktar riċerka dwar l-effetti tal-użu tal-art u l-bdil fl-użu tal-art, inklużi d-deforestazzjoni u l-produzzjoni tal-bijoenerġija, kif ukoll dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, u tqis ir-riżultati fit-tfassil tal-politika tal-ġejjieni;

64.  Jinnota li, skont l-Istrateġija Ewropea għall-Plastiks adottata fis-16 ta' Jannar 2018, il-150 miljun tunnellata ta' plastik li akkumulaw fl-oċeani tad-dinja jistgħu jirduppjaw sal-2030, u b'hekk jipperikolaw aktar minn 660 speċi u jagħmlu ħsara lill-ambjent tagħna; jistieden lill-Kummissjoni twettaq inizjattivi ewlenin kontra t-tniġġis mill-plastik u l-effett tiegħu fuq il-bijodiversità; jissottolinja l-każ speċifiku tal-mikroplastik, li jammonta għal aktar minn 80 % tal-iskart miġbur mill-baħar u li jipperikola l-bijodiversità tal-baħar; jilqa', għalhekk, l-impenn ta' Ursula von der Leyen biex tiftaħ front ġdid fil-ġlieda tagħna kontra l-iskart tal-plastik billi jiġi indirizzat il-mikroplastik; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ ta' ekonomija ċirkolari li jitfa' enfasi fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni għal prodotti sostenibbli;

65.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni biex tikber is-sensibilizzazzjoni dwar il-bijodiversità u l-protezzjoni tal-ambjent; jinnota li ż-żoni protetti għal skop edukattivhuma għodda rilevanti u effiċjenti biex titqajjem is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u tissaħħaħ il-preservazzjoni;

Il-bini tal-kapaċità, is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u l-involviment tal-atturi kollha

66.  Jenfasizza li l-bini tal-kapaċità u s-sensibilizzazzjoni huma essenzjali għal implimentazzjoni b'suċċess u biex jinħoloq fehim akbar dwar l-importanza tal-bijodiversità; jilqa', għalhekk, id-deċiżjoni tal-COP14, li tistieden lill-partijiet, lill-gvernijiet u lid-donaturi l-oħra biex jipprovdu riżorsi finanzjarji għall-bini tal-kapaċità, l-assistenza teknika u t-trasferiment tat-teknoloġija jekk ikunu f'pożizzjoni li jagħmlu dan;

67.  Jenfasizza l-importanza li tiġi pprovduta informazzjoni komprensiva u li wieħed ifittex involviment aktar mill-qrib min-naħa tas-soċjetà ċivili u tal-membri tal-pubbliku minn gruppi ta' etajiet differenti biex jintlaħqu l-miri globali u tal-UE;

68.  Jistieden lill-Partijiet jippromwovu l-għarfien pubbliku u l-involviment tad-diversi partijiet ikkonċernati biex jiżguraw soluzzjonijiet imfassla apposta mal-komunitajiet lokali u l-popli indiġeni sabiex jitrawwem l-użu sostenibbli tal-artijiet għal aktar bijodiversità b'tali mod li d-differenzi reġjonali fil-pajsaġġi u l-ħabitats jiġu rispettati bis-sħiħ;

69.  Jilqa' l-intenzjoni li jiġi segwit b'mod attiv approċċ bl-involviment tad-diversi partijiet ikkonċernati, li huwa fundamentali għall-valorizzazzjoni, il-protezzjoni, il-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u r-restawr tal-bijodiversità u jissottolinja l-fatt li t-titjib fl-involviment mal-livelli, is-setturi u l-atturi privati ta' governanza u bejniethom joħloq opportunitajiet għall-integrazzjoni tal-objettivi tal-bijodiversità f'politiki oħra; jemmen li huwa kruċjali li jiġu involuti n-negozji u l-organizzazzjonijiet finanzjarji u, f'dan ir-rigward, jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni li tinvolvi lis-settur privat fil-preservazzjoni tal-bijodiversità speċjalment permezz tal-Pjattaforma tan-Negozju u l-Bijodiversità tal-UE; jilqa', f'din il-perspettiva, l-inizjattivi tas-settur privat bħat-tnedija tal-koalizzjoni "One Planet Business for Biodiversity" (Negozju wieħed tal-Pjaneta għall-Bijodiversità) fis-Summit tan-NU dwar l-Azzjoni Klimatika fi New York;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra metodoloġija armonizzata għall-kalkolu tal-impronta ekoloġika tal-kumpaniji tal-UE kif ukoll l-impatt tagħhom fuq il-bijodiversità;

71.  Iqis li l-bidliet trasformattivi fis-soċjetajiet huma meħtieġa biex jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni tal-ambjent u t-telf tal-bijodiversità; jenfasizza l-importanza li jiġi segwit il-prinċipju ta' tranżizzjoni ġusta li jiżgura li l-proċess ikun inklużiv u ekwu;

72.  Jinnota li l-għarfien pubbliku u l-aċċess għal informazzjoni komprensiva u faċli tinftiehem jippermettu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet ta' xiri infurmat u jippromwovu konsum sostenibbli, u jinsisti, għalhekk, li dawn għandhom ikunu parti minn sett ta' miżuri komprensibbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-prodotti li jwasslu għad-deforestazzjoni, il-qerda tal-ekosistema u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu t-traċċabbiltà u l-kontroll tal-prodotti permezz tal-ktajjen tal-valur u tal-provvista tagħhom u b'hekk jiżguraw trasparenza sħiħa għall-konsumaturi;

73.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-ekotikkettar u ċ-ċertifikazzjoni kontra d-deforestazzjoni jiġu żviluppati aħjar;

74.  Jilqa' l-laqgħa tal-2020 tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura f'Marsilja; jistieden lill-Kummissjoni tibgħat sinjali viżibbli tal-appoġġ tagħha għall-impenji favur il-bijodiversità f'dan il-forum;

o
o   o

75.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 2.
(2) ĠU C 356, 4.10.2018, p. 38.
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0431.
(4) ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.
(5) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.
(6) Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni u l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima.
(7) Ir-rapport dwar valutazzjoni reġjonali tal-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi għall-Ewropa u l-Asja Ċentrali: https://ipbes.net/assessment-reports/eca
(8) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-23 ta' Lulju 2019 dwar It-Tisħiħ tal-azzjoni tal-UE għall-protezzjoni u r-restawr tal-foresti fid-dinja (COM(2019)0352).


Attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2018
PDF 159kWORD 55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2020 dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew - rapport annwali 2018 (2019/2134(INI))
P9_TA(2020)0016A9-0032/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 15, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 24 u l-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 41, 42 u 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("il-Karta"),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman(1),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba, kif adottat mill-Parlament fis-6 ta' Settembru 2001,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar il-Kooperazzjoni konkluż bejn il-Parlament u l-Ombudsman Ewropew fil-15 ta' Marzu 2006, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2006,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2019 dwar l-inkjesta strateġika OI/2/2017 tal-Ombudsman dwar it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-UE(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar l-eżitu tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2018(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 54 u l-Artikolu 232(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra mingħand il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A9-0032/2019),

A.  billi r-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2018 ġie ppreżentat uffiċjalment lill-President tal-Parlament Ewropew fit-2 ta' Ottubru 2019, u billi l-Ombudsman, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-rapport tagħha lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-4 ta' Settembru 2019 fi Brussell;

B.  billi l-Artikoli 24 u 228 tat-TFUE jagħtu s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li jirċievi lmenti li jikkonċernaw każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-organi tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha;

C.  billi l-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li "kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni" u li "d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin";

D.  billi l-Artikolu 15 tat-TFUE jistipula li "sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ" u "kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni";

E.  billi l-Artikolu 41(1) tal-Karta jistabbilixxi li "kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni";

F.  billi l-Artikolu 43 tal-Karta jistabbilixxi li "kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandhom id-dritt li jirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha";

G.  billi fl-2018 l-Ombudsman fetħet 490 inkjesta, li minnhom 482 kienu bbażati fuq ilmenti u 8 kienu fuq inizjattiva proprja, filwaqt li għalqet 545 inkjesta (534 ibbażati fuq ilmenti u 11 fuq inizjattiva proprja); billi l-biċċa l-kbira tal-inkjesti kienu jikkonċernaw lill-Kummissjoni (285 inkjesta jew 58,2 %), it-tieni l-akbar numru kkonċernaw l-aġenziji tal-UE (43 inkjesta jew 8,8 %), u l-bqija tqassmu kif ġej: il-Parlament (30 inkjesta jew 6,1 %), l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) (23 inkjesta jew 4,7 %), is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (23 inkjesta jew 4,7 %), il-Bank Ewropew tal-Investiment (16-il inkjesta jew 3,3 %), l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (14-il inkjesta jew 2,8 %) u istituzzjonijiet oħra (56 inkjesta jew 11,4 %);

H.  billi t-tliet kwistjonijiet prinċipali fl-inkjesti magħluqa mill-Ombudsman fl-2018 kienu: it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni u d-dokumenti (24,6 %), il-kultura tas-servizz (19,8 %) u l-użu xieraq tad-diskrezzjoni (16,1 %). billi kwistjonijiet oħra kienu jinkludu r-rispett tad-drittijiet proċedurali, bħad-dritt ta' smigħ, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, ir-reklutaġġ, kwistjonijiet etiċi, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, inkluż fi proċeduri ta' ksur, il-ġestjoni finanzjarja tajba ta' offerti, għotjiet u kuntratti tal-UE, ir-reklutaġġ, u l-ġestjoni tajba ta' kwistjonijiet tal-persunal tal-UE;

I.  billi r-rata ta' konformità ta' 76 % tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman għal amministrazzjoni tajba mill-Kummissjoni Ewropea fl-2018 turi tnaqqis kontinwu, minn 82 % fl-2016 u 77 % fl-2017, rispettivament;

J.  billi fl-2018, 17 996 ċittadin talbu lis-servizzi tal-Ombudsman għall-għajnuna; billi 14 596 ingħataw konsulenza permezz tal-gwida interattiva tas-sit web tagħha; billi 1 220 talba ntbagħtu post ieħor għal skopijiet ta' informazzjoni; billi l-Ombudsman ħadet azzjoni fuq 2 180 ilment li rċeviet;

K.  billi fil-ħidma strateġika tiegħu fl-2018, l-uffiċċju tal-Ombudsman fetaħ ħames inkjesti strateġiċi ġodda, rispettivament dwar it-trattament ta' persuni b'diżabilità taħt ir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard, dwar l-aċċessibilità tas-siti web tal-Kummissjoni għall-persuni b'diżabilità, dwar attivitajiet ta' qabel is-sottomissjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), dwar il-ġestjoni mill-Kummissjoni ta' sitwazzjonijiet ta' "bibien iduru" dwar sitwazzjonijiet tal-persunal tal-UE, u dwar l-obbligu ta' rendikont tal-ħidma leġiżlattiva tal-Kunsill; billi fl-2018 l-Ombudsman fetħet għaxar inizjattivi strateġiċi dwar, fost suġġetti oħra, l-użu tal-lingwi fis-servizz ċivili tal-UE, il-politiki kontra l-fastidju fis-servizz ċivili tal-UE, u l-protezzjoni tat-tfal fil-migrazzjoni;

L.  billi l-Ombudsman għandu rwol kruċjali x'jaqdi biex jagħmel il-proċess leġiżlattiv tal-UE aktar miftuħ u responsabbli lejn iċ-ċittadini, sabiex dawn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jieħdu sehem fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u b'hekk jiżdiedu l-involviment u l-fiduċja tagħhom;

M.  billi l-Ombudsman għandu rwol kruċjali biex jiżgura l-obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet tal-UE u t-trasparenza u l-imparzjalità massimi tal-amministrazzjoni tal-UE u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet sabiex jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini, u b'hekk iżid il-fiduċja, l-involviment u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja demokratika tal-Unjoni;

N.  billi l-prijorità ewlenija tal-Ombudsman Ewropew hija li jiżgura li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu rrispettati għalkollox;

O.  billi fl-2018 l-Ombudsman nediet sit web ġdid, li jinkludi interfaċċa riveduta u faċli għall-utent għal ilmentaturi potenzjali; billi l-proċedura "rapida" tal-Ombudsman biex jiġu ttrattati lmenti dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tirrifletti l-impenn tal-Ombudsman li tipprovdi assistenza u tieħu deċiżjonijiet fi żmien 40 jum għal dawk li jfittxu l-għajnuna, fl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE; billi din l-inizjattiva l-ġdida hija parti minn strateġija biex tittejjeb l-effikaċja tal-uffiċċju tagħha;

P.  billi l-inkjesta strateġika OI/2/2017/TE tal-Ombudsman sabet li l-Kunsill huwa nieqes mit-trasparenza fir-rigward tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti leġiżlattivi tiegħu u fir-rigward tal-prattiki kurrenti tiegħu fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu u b'mod aktar speċifiku matul il-fażi preparatorja fil-livell tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (il-COREPER) u fil-livell tal-gruppi ta' ħidma; billi wara r-riluttanza tal-Kunsill li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tagħha, fis-16 ta' Mejju 2018, l-Ombudsman ippreżenta Rapport Speċjali OI/2/2017/TE dwar it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill lill-Parlament; billi fis-17 ta' Jannar 2019 il-Parlament adotta r-rapport tiegħu dwar l-inkjesta strateġika  tal-Ombudsman, fejn ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman ġew approvati; billi l-Presidenza Finlandiża esprimiet l-impenn tagħha li l-aċċess miftuħ u t-trasparenza leġiżlattiva tal-Kunsill tal-UE jissaħħu;

Q.  billi fit-12 ta' Frar 2019 il-Parlament approva abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom(4), li għalih huwa għandu responsabilità leġiżlattiva primarja; billi l-approvazzjoni tal-Kunsill ta' dan ir-regolament il-ġdid hija pendenti;

R.  billi trasparenza akbar u aċċess aktar miftuħ fir-rigward tal-pożizzjonijiet meħuda mill-gvernijiet tal-Istati Membri fil-Kunsill se jtejbu l-fiduċja fl-UE u jnaqqsu l-Ewroxettiċiżmu u l-populiżmu;

S.  billi aktar trasparenza fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fit-trilogi ssaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE;

T.  billi fl-2018 l-Ombudsman nediet inizjattiva strateġika kontra l-fastidju li teżamina l-politiki kontra l-fastidju li l-amministrazzjoni tal-UE għandha stabbiliti; billi fl-2018 l-Ombudsman iddeċidiet li tikteb lil 26 istituzzjoni u aġenzija tal-UE biex titlob dettalji dwar il-politiki u kif dawn jiġu implimentati;

U.  billi fl-2018 l-Ombudsman nediet inkjesta dwar id-diskriminazzjoni sesswali u t-tħassib dwar l-opportunitajiet indaqs fil-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI); billi l-BEI segwa r-rakkomandazzjonijiet u s-suġġerimenti tal-Ombudsman dwar l-opportunitajiet indaqs u l-parità bejn is-sessi;

V.  billi l-Ombudsman jagħmel parti mill-qafas tal-UE taħt il-UNCPRD, inkarigat bil-protezzjoni, il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dik il-Konvenzjoni fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-UE;

W.  billi f'Marzu 2018 saret konferenza li ġabret flimkien in-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u wieħed mill-punti ewlenin tad-diskussjoni kien dwar kif l-ombudsmen jistgħu jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom;

1.  Jilqa' r-rapport annwali għall-2018 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew;

2.  Jifraħ lil Emily O'Reilly għax-xogħol eċċellenti u l-isforzi kostruttivi tagħha biex ittejjeb il-kwalità tal-amministrazzjoni tal-UE u l-aċċessibilità u l-kwalità tas-servizzi li din toffri liċ-ċittadini;

3.  Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u l-aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-Kunsill; jisħaq li livell għoli ta' trasparenza tal-proċess leġiżlattiv huwa essenzjali biex iċ-ċittadini, il-media u l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jżommu lill-uffiċjali u lill-gvernijiet eletti tagħhom responsabbli ta' għemilhom; jirrikonoxxi r-rwol siewi li l-Ombudsman għandu fil-koordinament u l-medjazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini tal-UE; jemmen li l-Kunsill jeħtieġlu jirrevedi l-politika ta' kunfidenzjalità tiegħu; jissottolija l-ħidma tal-Ombudsman biex il-proċess leġiżlattiv tal-UE jkun aktar responsabbli lejn il-pubbliku;

4.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' parteċipazzjoni aktar attiva min-naħa taċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-importanza tagħha, flimkien mal-ħtieġa ta' trasparenza akbar fil-mod ta' kif l-amministrazzjoni topera, bħala miżuri li jsaħħu l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom l-għan li jerġgħu jibnu l-fiduċja;

5.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman tiżgura aktar trasparenza fil-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet fit-trilogi;

6.  Jisħaq fuq il-punt li l-bini mill-ġdid tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni hija ta' importanza primarja għall-Parlament Ewropew u hija importanti immens mil-lat soċjopolitiku u etiku;

7.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejjeb u jissaħħaħ id-djalogu soċjali, kif ukoll id-djalogu li jsir bejn il-korpi, l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini tal-Unjoni;

8.  Jappoġġja bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet li għamlet l-Ombudsman Ewropew lill-Kunsill, u jħeġġeġ lill-Kunsill jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet malajr kemm jista' jkun;

9.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman toffri aktar gwida lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar kif jikkomunikaw aħjar maċ-ċittadini bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE; iħeġġeġ lill-Ombudsman tipprovdi gwida lill-istituzzjonijiet dwar kif jiżviluppaw il-politika lingwistika tagħhom b'tali mod li jkunu jistgħu jinħolqu kontenut u informazzjoni rilevanti fl-akbar numru ta' lingwi possibbli;

10.  Jilqa' l-istrateġija tal-Ombudsman li għandha l-għan li żżid l-impatt u l-viżibilità tal-mandat tagħha fost iċ-ċittadini;

11.  Jilqa' t-tfassil mill-ġdid tas-sit web tal-Ombudsman Ewropew, li jagħmlu strument aktar funzjonali u aċċessibbli għaċ-ċittadini;

12.  Jesiġi li l-Kunsill, bħala koleġiżlatur, jallinja l-metodi ta' ħidma tiegħu mal-istandards ta' demokrazija parlamentari kif jitolbu t-Trattati, pjuttost milli jaġixxi bħal forum diplomatiku, li mhuwiex il-funzjoni maħsuba tiegħu; ifakkar li, wara l-inkjesta strateġika tagħha OI/2/2017/TE, l-Ombudsman ikkonkludiet li l-prattiki tal-Kunsill fir-rigward tat-trasparenza jikkostitwixxu każ ta' amministrazzjoni ħażina; iħeġġeġ lill-Kunsill jimplimenta immedjatament ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman li joħorġu mill-inkjesta strateġika tagħha, inklużi dawk ipprovduti mill-Parlament fir-rapport tiegħu stess dwar ir-Rapport Speċjali; iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tagħti segwitu għall-progress relatat mal-inkjesta strateġika tagħha;

13.  Itenni s-sejħa tiegħu għal aġġornament tal-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għad-dokumenti u jesiġi li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 rigward l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(5) jiġi rivedut sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-Ombudsman fl-eżami bir-reqqa tal-għoti ta' aċċess għad-dokumenti mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni; iqis li huwa ta' dispjaċir li l-Kunsill imblokka r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u jħeġġeġ lill-Kunsill jerġa' jiftaħ id-diskussjonijiet tiegħu abbażi tal-pożizzjoni adottata mill-Parlament fit-tieni qari kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar l-impass fir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001(6);

14.  Itenni t-talba tiegħu għal reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, għax dan assolutament m'għadux validu u m'għadux jirrifletti s-sitwazzjoni legali attwali u l-prattiki istituzzjonali implimentati mill-istituzzjonijiet, l-uffiċċji, il-korpi u l-aġenziji tal-UE;

15.  Jilqa' t-tnedija formali tal-proċedura rapida għall-inkjesti dwar l-aċċess għad-dokumenti, u jirrikonoxxi r-riżultati pożittivi għall-ilmentaturi;

16.  Jissottolinja bil-qawwa l-importanza li l-Ombudsman tkompli timmonitorja mill-qrib u tmexxi inkjesti strateġiċi rigward it-trasparenza tal-Kummissjoni; jistqarr li huwa konxju tal-fatt li l-fenomenu tal-bibien iduru għadu jeżisti, b'mod partikolari fost l-uffiċjali tal-ogħla pożizzjonijiet fl-istituzzjonijiet; iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tar-regoli riveduti tal-Kummissjoni dwar il-bibien iduru, li ġew stabbiliti f'Settembru 2018, b'riżultat ta' inkjesta fuq inizjattiva tagħha stess;

17.  Jisħaq fuq il-punt li l-kwistjoni tal-kunflitti ta' interess hija usa' mill-każijiet ta' bibien iduru, u jinsisti li jeħtieġ li jiġu żviluppati aktar regoli u kriterji aktar stretti sabiex jiġi ggarantit li d-deċiżjonijiet u l-leġiżlazzjoni jsiru bil-ħsieb tal-interessi taċ-ċittadini;

18.  Ifakkar li l-prinċipji tad-disponibilità pubblika, l-aċċess miftuħ u t-trasparenza huma inerenti għall-proċess leġiżlattiv tal-UE, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmu x'inhuma l-kunsiderazzjonijiet li jirfdu l-azzjonijiet leġiżlattivi, u għalhekk dan jiżgura eżerċizzju effettiv tad-drittijiet demokratiċi tagħhom(7); jirrikonoxxi l-ħtieġa tat-trasparenza fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE; jappoġġja l-iżvilupp bejn is-servizzi tat-tliet istituzzjonijiet fl-istabbiliment tal-Portal Leġiżlattiv Konġunt, li għandu l-għan li jipprovdi mezz faċli għall-utent li jippermetti lil dawk li mhumiex speċjalisti li jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-proċeduri leġiżlattivi li jkunu għaddejjin;

19.  Jappoġġja l-pubblikazzjoni tad-dokumenti tat-trilogu finali; jissottolinja l-fatt li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża De Capitani (T-540/15) f'Marzu 2018 tiddikjara li l-fehmiet tal-istituzzjonijiet riflessi fid-dokumenti "b'erba' kolonni" ma kinux jaqgħu taħt preżunzjoni ġenerali ta' nuqqas ta' żvelar; jinnota li n-natura sensittiva tas-suġġett rifless fid-dokumenti tat-trilogu ma kinitx ikkunsidrata fiha nnifisha li tikkostitwixxi bażi suffiċjenti biex jiġi rifjutat l-aċċess għall-pubbliku; iqis li, sabiex tinkiseb it-trasparenza fit-trilogi, it-tliet istituzzjonijiet għandhom jagħtu l-kontribut tagħhom; jirrikonoxxi li d-dritt li għandu l-pubbliku li jkollu aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni huwa d-dritt protett u inaljenabbli ta' kull ċittadin tal-UE li jirriżulta direttament mill-prinċipju demokratiku u d-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni, sabiex jiġi stabbilit obbligu korrispondenti tal-Unjoni ta' konformità u obbligu ta' rendikont; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi aktar l-istituzzjonijiet rilevanti tat-trasparenza, bħall-Uffiċċju tal-Ombudsman, sabiex l-Unjoni tissodisfa l-obbligu tagħha msemmi hawn fuq;

20.  Itenni li l-integrità tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-indipendenza tiegħu minn interessi finanzjarji privati jridu jiġu żgurati; jenfasizza li l-membri tal-Bord Eżekuttiv tiegħu jeħtiġilhom jastjenu milli jkunu simultanjament membri ta' fora jew ta' organizzazzjonijiet oħra, li jinkludu uffiċjali eżekuttivi ta' banek sorveljati mill-BĊE, u jeħtieġ li ma jiħdux sehem f'fora li ma jkunux miftuħa għall-pubbliku; jilqa' l-opinjoni tal-Ombudsman tal-5 ta' Lulju 2018;

21.  Jiddispjaċih li r-rakkomandazzjoni tal-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' regoli minimi għall-obbligu ta' rendikont mill-BĊE għadha ma ġietx segwita; iqis li n-nuqqas ta' żgurar tat-trasparenza tal-attivitajiet tal-BĊE jista' jwassal għal dubji dwar l-indipendenza tiegħu minn interessi finanzjarji privati;

22.  Jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman tal-15 ta' Jannar 2018 dwar l-involviment tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew u ta' membri tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu fil-"Grupp ta' Tletin", u jħeġġeġ lill-BĊE jemenda r-regoli rilevanti sabiex jiżgura li l-ogħla standards ta' etika u ta' obbligu ta' rendikont jiġu implimentati b'mod konkret;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-fażi ta' djalogu informali bejnha u l-Istati Membri, biex tiżgura livell għoli ta' trasparenza u aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni fir-rigward tal-EU Pilot u tal-proċeduri ta' ksur, partikolarment dwar dawk relatati mal-petizzjonijiet riċevuti, u aċċess sħiħ b'mezzi xierqa għall-EU Pilot u l-proċeduri ta' ksur li jkunu spiċċaw diġà; jistieden lill-Kummissjoni tieħu approċċ differenti fir-rigward tal-investigazzjonijiet ta' ksur tad-dritt tal-UE u tniedi proċeduri ta' ksur mingħajr ma toqgħod biss fuq il-mekkaniżmu tal-EU Pilot;

24.  Jisħaq fuq l-importanza tal-miżuri meħuda biex tissaħħaħ it-trasparenza tad-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-proċeduri ta' ksur; ifakkar li fl-2014 il-Kummissjoni waqqfet pjattaforma ċentralizzata b'informazzjoni komprensiva dwar każijiet ta' ksur, fuq is-sit web Europa; jissottolinja li l-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-pubbliku b'informazzjoni dwar il-fajls tal-EU Pilot u dwar il-każijiet ta' ksur fir-rapporti annwali tagħha dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE;

25.  Jappoġġja għalkollox l-impenn tal-Ombudsman biex ittejjeb it-trasparenza tal-lobbjar tal-UE; jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni li timplimenta r-regoli orizzontali riveduti dwar il-gruppi ta' esperti, inklużi dawk li jirrigwardaw it-trasparenza u l-kunflitt ta' interess; jisħaq fuq l-importanza li jiġu rreġistrati individwi u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw interessi privati fir-Reġistru ta' Trasparenza, sabiex il-ħatriet ikunu jistgħu jsiru f'konformità mar-regoli orizzontali;

26.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' ftehim tripartitiku bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, li jikkostitwixxi pass lejn it-tisħiħ tar-regoli eżistenti dwar il-lobbjar u l-għeluq tal-lakuni; iqis, madankollu, li l-istituzzjonijiet m'għandhomx jieqfu hawn, iżda għandhom ikomplu jaħdmu għal miżuri leġiżlattivi vinkolanti għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE;

27.  Jisħaq fuq l-importanza tal-fatt li kull informazzjoni dwar l-influwenza tal-lobbisti tkun magħmula disponibbli mingħajr ħlas, tkun tinftiehem għalkollox u aċċessibbli faċilment għall-pubbliku, u li tittejjeb il-preċiżjoni tad-data fir-Reġistru ta' Trasparenza tal-UE; jissottolinja l-fatt li trid tiġi żgurata trasparenza sħiħa rigward il-finanzjament tar-rappreżentanti kollha tal-interessi, u jitlob li kwalunkwe organizzazzjoni li tikser ir-regoli tal-bibien iduru tiġi sospiża;

28.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi adottat att legali sabiex ir-Reġistru ta' Trasparenza jkun magħmul obbligatorju għalkollox u legalment vinkolanti għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE u għal partijiet terzi, u b'hekk tkun żgurata t-trasparenza sħiħa tal-lobbjar; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jikkunsidraw liema arranġamenti prattiċi jistgħu jwasslu għal ftehim effiċjenti u fil-pront;

29.  Jiddispjaċih li d-diskriminazzjoni sesswali u r-rappreżentanza tas-sessi tibqa' kwistjoni rilevanti fl-istituzzjonijiet tal-UE; jinnota bi tħassib is-sejbiet fil-każ 366/2017/AMF, u jħeġġeġ bil-qawwa lill-BEI jikkonforma għalkollox mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman għall-kisba ta' rappreżentanza bbilanċjata tas-sessi fil-pożizzjonijiet maniġerjali;

30.  Jilqa' l-inkjesta tal-Ombudsman fl-2018 dwar il-proċedura tal-ħatra tal-ex Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni u jirrikonoxxi l-fatt li hija sabet erba' każijiet ta' amministrazzjoni ħażina; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li, minkejja l-appoġġ tal-Parlament għar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman, il-Kummissjoni preċedenti naqset milli timplimentahom; jinnota bi tħassib partikolari l-fatt li ma stabbilietx proċedura ta' ħatra speċifika, u jesiġi li l-Kummissjoni l-ġdida tagħmel dan biex tiżgura l-ogħla standards f'termini ta' trasparenza, etika u l-istat tad-dritt;

31.  Jinnota bi tħassib li qed tonqos ir-rata ta' konformità min-naħa tal-Kummissjoni mar-rakkomandazzjonijiet, is-suġġerimenti u s-soluzzjonijiet proposti mill-Ombudsman; jistieden lill-Kummissjoni turi impenn akbar biex issolvi l-każijiet kollha ta' amministrazzjoni ħażina misjuba mill-Ombudsman fl-attivitajiet tagħha;

32.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman timmonitorja l-implimentazzjoni tar-Regoli ta' Proċedura l-ġodda tal-Parlament għas-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji nnominati, b'mod partikolari dawk stabbiliti fl-Anness VII, Artikolu 2 rigward l-eżami tal-interessi finanzjarji fl-ispirtu tat-trasparenza u tal-oġġettività;

33.  Jirrikonoxxi l-proposta adottata mill-Kummissjoni fil-31 ta' Jannar 2018 għal Kodiċi ta' Kondotta ġdid għall-Membri tal-Kummissjoni Ewropea; jemmen li jrid isir aktar tisħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi;

34.  Itenni u jemmen bil-qawwa li jeħtieġ li jiġu applikati regoli u standards etiċi stretti fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE bil-għan li jiġi żgurat rispett għad-dmir tal-integrità;

35.  Jemmen bil-qawwa li t-trasparenza hija komponent essenzjali tal-istat tad-dritt, u li trid tiġi osservata matul il-proċess leġiżlattiv kollu, peress li tinfluwenza l-materjalizzazzjoni effettiva tad-dritt tal-vot u d-dritt li wieħed joħroġ għall-elezzjonijiet, minbarra drittijiet oħra (jiġifieri l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-kelma u l-libertà li tingħata informazzjoni); iqis li l-ħolqien ta' ċittadinanza attiva tal-UE tirrikjedi skrutinju pubbliku, rieżami u evalwazzjoni tal-proċess u l-potenzjal li l-eżitu jiġi kkontestat; jissottolinja l-fatt li dan jgħin sabiex iċ-ċittadini jsiru aktar u aktar familjari mal-kunċetti bażiċi tal-proċess leġiżlattiv u jrawwem il-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni;

36.  Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Ombudsman biex tinfluwenza l-bidla fl-istituzzjonijiet tal-UE billi tipparteċipa f'konsultazzjonijiet pubbliċi relatati ma' oqsma tal-ħidma tagħha; jilqa' s-suġġerimenti tagħha biex titjieb it-trasparenza tal-mudell tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari, li jinkludu rakkomandazzjonijiet li l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tippubblika l-aġendi u l-minuti tal-laqgħat relatati mal-valutazzjoni tar-riskju;

37.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli l-inkjesta fuq l-inizjattiva tagħha stess dwar it-trasparenza tal-applikazzjonijiet ta' qabel is-sottomissjoni tal-kumpaniji tal-EMA u dawk farmaċewtiċi għall-interazzjoni ta' awtorizzazzjoni tas-suq, u l-konsultazzjoni pubblika li damet għaddejja sa Jannar 2019;

38.  Jilqa' l-inkjesta tagħha dwar r-rapporti tas-sikurezza tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA), li wasslet biex l-aġenzija tbiddel il-prattika tagħha sabiex dawk li jirrappurtaw każijiet ta' tħassib dwar is-sikurezza jirċievu rispons;

39.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli timmonitorja l-konformità tar-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard (JSIS) mal-UNCPRD; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġġorna t-test tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta' Implimentazzjoni (DĠI), li jirregolaw l-operat tal-JSIS fir-rigward tal-ispejjeż mediċi u l-ispejjeż marbuta ma' akkomodazzjoni raġonevoli fil-post tax-xogħol ta' persuni b'diżabilità jew mard serju; jistieden lill-Ombudsman tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-UNCPRD mill-amministrazzjoni kollha tal-Unjoni Ewropea;

40.  Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet prattiċi tal-Ombudsman rigward l-aċċessibilità tal-proċeduri ta' selezzjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) għal kandidati b'insuffiċjenza fil-vista; jistieden lill-Ombudsman timmonitorja l-konformità sħiħa tal-EPSO mar-rekwiżiti ta' aċċessibilità għall-proċeduri ta' selezzjoni online; jistieden lill-Ombudsman tagħti segwitu għall-proposti tagħha għal teknoloġiji ta' assistenza waqt it-testijiet ibbażati fuq il-kompjuter li jsiru madwar id-dinja;

41.  Jappoġġja lill-Ombudsman fis-sensibilizzazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-introduzzjoni ta' politiki aktar b'saħħithom kontra l-fastidju;

42.  Jappoġġja l-inizjattiva tal-Ombudsman li tagħti segwitu għall-moviment #MeToo, u jitlob li jkun hemm aktar monitoraġġ dwar il-politiki kontra l-fastidju li l-amministrazzjoni tal-UE għandha stabbiliti;

43.  Jappoġġja l-isforzi tal-Ombudsman biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politiki tal-UE; Jesiġi li l-Ombudsman tkompli ssegwi l-użu tal-għodda tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI), inkluż il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-regolament rivedut dwar l-ECI;

44.  Jinnota li, mindu nħoloq ir-rwol tal-Ombudsman Ewropew, dan evolva maż-żmien, u fejn qabel kien jieħu ħsieb il-prevenzjoni ta' amministrazzjoni ħażina, issa sar jippromwovi l-amministrazzjoni tajba; iqis li l-evoluzzjoni loġika ta' din it-tendenza hija li jitkomplew l-isforzi ta' promozzjoni attiva ta' amministrazzjoni aħjar u tal-aħjar prattiki amministrattivi fil-waqt;

45.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Ombudsman għal Premju għal Amministrazzjoni Tajba, li jirrikonoxxi l-isforzi tas-servizz ċivili tal-UE biex jinstabu mezzi innovattivi ta' kif għandhom jiġu implimentati politiki favur iċ-ċittadini;

46.  Itenni t-talba li ilu jagħmel biex il-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba attwali jiġi aġġornat u jsir regolament vinkolanti kif suppost għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE;

47.  Ifakkar fl-impenn tal-Ombudsman favur livell għoli ħafna ta' trasparenza, min-naħa tal-UE, matul in-negozjati dwar il-ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea;

48.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tikkoopera mal-ombudsmen nazzjonali permezz tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkomplu jiġu żviluppati tali eżempji ta' kooperazzjoni bejn id-diversi ombudsmen nazzjonali;

49.  Ifakkar li l-abbozz tal-Istatut il-ġdid tal-Ombudsman Ewropew, li ġie adottat reċentement mill-Parlament, fih dispożizzjoni dwar il-fatt li jridu jgħaddu tliet snin qabel ma Membru tal-Parlament Ewropew ikun eliġibbli għall-kariga tal-Ombudsman;

50.  Itenni li huwa ta' importanza kruċjali li jiġu ppreservati l-indipendenza u l-integrità tal-Ombudsman, u li jiġi żgurat li l-kariga tingħata lil persuni li jkunu ħielsa minn affiljazzjonijiet ovvji ma' partiti politiċi, kunflitti ta' interess u jkollhom sens ta' etika qawwi;

51.  Jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-każ ta' kooperazzjoni eċċellenti u produttiva tal-Ombudsman u t-tim tagħha mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

52.  Jirrikonoxxi l-każijiet eċċellenti ta' kooperazzjoni li mexxiet l-Ombudsman tul il-mandat tagħha u jistieden lill-Ombudsman li jmiss isegwi tali kooperazzjoni u djalogu strutturali mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet bil-għan li jkomplu jittejbu l-kwalità tal-amministrazzjoni tal-UE u l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi li toffri liċ-ċittadini tagħha;

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Ombudsmen tal-Istati Membri jew lil awtoritajiet simili.

(1) ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.
(2) Testi adottati, P8_TA(2019)0045.
(3) Testi adottati, P8_TA(2019)0114.
(4) Testi adottati, P8_TA(2019)0080.
(5) ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.
(6) Testi adottati, P7_TA(2013)0271.
(7) Kawżi magħquda C-39/05 u C-52/05 P, Ir-Renju tal-Iżvezja u Maurizio Turco vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Rapporti tal-Qorti Ewropea 2008 I-04723.


L-istituzzjonijiet u l-korpi fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja: Il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku
PDF 142kWORD 48k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2020 dwar l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja: il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku (2019/2950(RSP))
P9_TA(2020)0017B9-0047/2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 298 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ir-Regolamenti tal-Persunal), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(a), 12, 16 u 17 tiegħu(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2011 dwar il-Kwittanza 2009: rendiment, ġestjoni finanzjarja u kontroll tal-Aġenziji(2),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 15/2012 tal-Qorti tal-Awdituri, intitolat "Il-ġestjoni ta' kunflitti ta' interessi f'Aġenziji magħżula tal-UE"(3),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2018 dwar attivitajiet u kompiti esterni u dwar attivitajiet okkupazzjonali wara t-tluq mis-servizz (C(2018)4048),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tas-17 ta' Settembru 2019 dwar l-avviż ta' riżenja ta' Adam Farkas mill-kariga tiegħu bħala Direttur Eżekuttiv tal-EBA, b'effett mill-31 ta' Jannar 2020(4),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv tal-EBA Adam Farkas bħala Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tas-Swieq Finanzjarji fl-Ewropa (AFME) (O-000031/2019 – B9-0054/2019) u t-tweġibiet mogħtija mill-Kummissjoni fl-24 ta' Ottubru 2019(5),

–  wara li kkunsidra t-tweġibiet mogħtija mill-President tal-EBA waqt seduta ta' smigħ organizzata mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji fl-4 ta' Novembru 2019,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) tat-23 ta' Awwissu 2010 intitolat "Post-Public Employment: Good Practices for Preventing Conflict of Interest" (Wara l-Impjieg fis-Settur Pubbliku: Prattiki Tajbin għall-Prevenzjoni tal-Kunflitt ta' Interess)(6),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma 06/2010 ta' Transparency International intitolat "Regulating the Revolving Door" (Ir-Regolazzjoni tal-Bibien Iduru)(7),

–  wara li kkunsidra l-abbozzi ta' rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew fl-inkjesta dwar l-ilment 775/2010/ANA kontra l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA)(8),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Ombudsman lid-Direttur tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE(9),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Ombudsman lid-Direttur tal-EBA tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE(10),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Ombudsman Ewropew tat-28 ta' Frar 2019 dwar il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar ex membri ta' livell għoli tal-persunal sabiex tiġi infurzata l-projbizzjoni ta' sena fuq il-lobbjar u l-konsulenza: SI/2/2017/NF(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2019 dwar abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew)(12),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea 2019-2024 li jmiss(13),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni intitolata "L-istituzzjonijiet u l-korpi fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja: Il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku" (O-000048/2019 – B9‑0001/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

A.  billi l-Artikolu 298(1) tat-TFUE jistipula li "fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti";

B.  billi l-Artikolu 68(1) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010(14) jistipula li "r-Regolamenti dwar il-Persunal, il-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħrajn u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-fini li dawn jiġu applikati, għandhom japplikaw għall-persunal tal-Awtorità, inkluż id-Direttur Eżekuttiv tagħha u l-President tagħha";

C.  billi, b'mod partikolari, l-Artikoli 16 u 17 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxu l-prinċipji għall-persunal li jitlaq mill-istituzzjonijiet, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess;

D.  billi d-Direttur Eżekuttiv tal-EBA aċċetta l-ħatra tiegħu bħala l-Kap Eżekuttiv tal-AFME mill-1 ta' Frar 2020 u ħabbar ir-riżenja tiegħu mill-kariga tiegħu bħala Direttur Eżekuttiv tal-EBA, li se tidħol fis-seħħ fil-31 ta' Jannar 2020;

E.  billi l-Bord Maniġerjali u l-Bord tas-Superviżuri tal-EBA ddeċidew li l-impjieg il-ġdid tad-Direttur Eżekuttiv tal-EBA bħala Kap Eżekuttiv tal-AFME għandu jiġi approvat; billi l-Bord tas-Superviżuri ħa deċiżjoni li jimponi restrizzjonijiet pjuttost ħfief fuq id-Direttur Eżekuttiv tiegħu, li skont l-EBA jindirizzaw il-kunflitt ta' interess li jirriżulta mill-fatt li dan tal-aħħar aċċetta l-pożizzjoni l-ġdida tiegħu fl-AFME; billi dawn ir-restrizzjonijiet japplikaw għal attivitajiet imwettqa kemm waqt is-servizz fl-EBA u kemm wara t-tluq mill-EBA;

F.  billi, f'seduta ta' smigħ quddiem il-Parlament Ewropew, il-President tal-EBA ssottolinja d-diffikultà li jiġu infurzati restrizzjonijiet fuq tali attivitajiet imwettqa wara l-impjieg fis-servizz pubbliku;

G.  billi fil-preżent l-uffiċjali eżekuttivi ta' livell għoli li jitilqu minn awtoritajiet superviżorji ma jirċevux allowance temporanja;

H.  billi s-sitwazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku jew ta' ''bibien iduru'' huma kwistjonijiet rikorrenti u ġew ivvalutati u analizzati minn korpi internazzjonali u tal-UE, b'mod partikulari mill-Ombudsman tal-UE u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

I.  billi tali każijiet ta' "bibien iduru" jagħtu lill-gruppi interessati l-opportunità li jippremjaw lir-regolaturi għal imġiba passata, u b'hekk jiftħu l-bieb għal inċentivi dannużi;

1.  Jissottolinja l-importanza ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti għall-UE kollha kemm hi, inklużi l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja;

2.  Jinsab imħasseb dwar il-kunflitt ta' interess li nħoloq minħabba l-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv tal-EBA bħala Kap Eżekuttiv tal-AFME mill-1 ta' Frar 2020; jinnota li din il-kariga wara l-impjieg fis-servizz pubbliku mingħajr perjodu ta' preklużjoni tikkostitwixxi riskju mhux biss għar-reputazzjoni u l-indipendenza tal-EBA iżda wkoll għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE u għall-proġett Ewropew kollu kemm hu;

3.  Ifakkar li s-sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interessi mhux indirizzati għandhom mnejn mhux biss jikkompromettu l-infurzar ta' standards etiċi għoljin fl-amministrazzjoni Ewropea kollha, iżda wkoll jipperikolaw id-dritt għal amministrazzjoni tajba, u b'hekk jheddu l-kundizzjonijiet ekwi meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku;

4.  Jappella għall-applikazzjoni effikaċi u konsistenti tar-Regolamenti tal-Persunal, b'mod partikolari l-Artikolu 16 tagħhom, sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess, b'mod partikolari – iżda mhux biss – fir-rigward ta' uffiċjali ta' livell għoli; jissottolinja li l-Artikolu 16 jippermetti li l-istituzzjonijiet tal-UE jiċħdu talba ta' ex uffiċjal li jibda impjieg speċifiku jekk ir-restrizzjonijiet ma jkunux biżżejjed biex jipproteġu l-interessi leġittimi tal-istituzzjonijiet; jenfasizza li, fil-każ tas-Sur Farkas, il-projbizzjoni ta' ċaqliqa diretta lejn l-AFME setgħet ġiet ikkunsidrata fid-dawl tal-Artikolu 21(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018)4048, peress li l-AFME tista' titqies bħala parti avversa;

5.  Jibża' li ħafna drabi ma jkunx possibbli li jiġu infurzati l-kundizzjonijiet imposti fuq l-attivitajiet ta' wara l-impjieg fis-servizz pubbliku; iħeġġeġ, għalhekk, lill-istituzzjonijiet u lill-aġenziji tal-UE jikkunsidraw il-firxa sħiħa tal-għodod disponibbli bis-saħħa tal-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal;

6.  Jinsab dubjuż dwar id-deċiżjoni tal-Bord tas-Superviżuri u l-Bord Maniġerjali tal-EBA li s-Sur Farkas jitħalla jassumi l-pożizzjoni ta' Kap Eżekuttiv tal-AFME; jistedinhom jirrevedu d-deċiżjoni tagħhom;

7.  Jinnota li, għalkemm l-esperjenza fis-settur privat tista' tkun ta' siwi għall-ħidma fl-istituzzjonijiet, is-sistema ta' "bibien iduru" tista' tfeġġ ukoll bħala riżultat ta' kariga fis-settur privat qabel l-impjieg fis-servizz pubbliku, meta tkun teżisti rabta diretta bejn l-impjegatur preċedenti u l-pożizzjoni l-ġdida fl-istituzzjoni, u li dan għandu l-potenzjal li jikkomprometti l-integrità tal-istituzzjonijiet tal-UE u jagħmel ħsara lill-fiduċja taċ-ċittadini fihom; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa emerġenti li jiġi evalwat kif il-kunflitti ta' interess jistgħu jirriżultaw ukoll minn pożizzjonijiet qabel l-impjieg fis-servizz pubbliku jew qabel il-ħatra għal karigi li jinvolvu setgħat u responsabbiltajiet regolatorji jew eżekuttivi, u jirrakkomanda li dan jingħata aktar kunsiderazzjoni;

8.  Jenfasizza li s-sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku u ta' "bibien iduru" huma problema komuni għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha madwar l-UE u l-Istati Membri tagħha; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa ta' qafas legali unifikat biex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati b'mod effiċjenti;

9.  Jinnota l-ħidma li saret f'livell internazzjonali (OECD) biex jiġi żgurat qafas armonizzat għas-sitwazzjonijiet wara l-impjieg fis-settur pubbliku; jinnota, fil-livell tal-UE, il-ħidma mwettqa għal dan il-għan mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u mill-Ombudsman tal-UE; jinnota li implimentazzjoni f'waqtha ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet tista' tipprevjeni kwistjonijiet simili fil-futur;

10.  Jenfasizza li, filwaqt li l-esperjenza miksuba bis-saħħa tal-impjieg fis-settur privat minn membri tal-persunal ta' korp regolatorju jew superviżorju tista' tkun ta' siwi għal tali korp, il-korpi u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom iħaddnu etika b'saħħitha ta' servizz pubbliku biex jaqdu bl-aħjar mod liċ-ċittadini tal-Ewropa;

11.  Jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri twettaq analiżi komprensiva tal-approċċ tal-korpi u l-aġenziji fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja rigward il-ġestjoni ta' sitwazzjonijiet fejn hemm kunflitti ta' interess potenzjali; jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri tidentifika l-aħjar prattiki;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-prattika kurrenti fejn jidħlu karigi wara l-impjieg fis-servizz pubbliku fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali bil-ħsieb li jiġu identifikati miżuri aktar b'saħħithom għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess li jinqalgħu meta uffiċjali ta' livell għoli tal-korpi tal-UE jħallu l-kariga tagħhom biex jibdew impjieg fis-settur privat jew meta individwi li jkunu ġejjin mis-settur privat jinħatru f'pożizzjonijiet ta' livell għoli f'korp tal-UE, u jistedinha tqis ir-riżultati tagħha hija u tikkunsidra qafas legali armonizzat għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess wara l-impjieg fis-settur pubbliku;

13.  Ifakkar fl-impenn meħud mill-Kummissjoni waqt id-dibattitu fil-plenarja tal-24 ta' Ottubru 2019 li tirrevedi l-qafas legali applikabbli wara t-tmiem tal-impjieg; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas legali armonizzat għall-prevenzjoni ta' sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess wara l-impjieg fis-settur pubbliku sabiex jiġu żgurati standards etiċi għoljin; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-prattika tal-UE tiġi allinjata mal-istandards internazzjonali; jissottolinja li għandhom jiġu applikati l-istess standards fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-reviżjoni tagħha tal-qafas applikabbli wara l-impjieg fis-settur pubbliku, tiddefinixxi oqsma ta' riskju speċifiċi li għandu mnejn ikun meħtieġ li jissaħħu, inkluża it-twessigħ tal-possibbiltà li jiġi mblukkat iċ-ċaqliq minn xogħol għal ieħor, u tikkunsidra estensjoni possibbli ta' perjodi ta' preklużjoni ta' uffiċjali ta' livell għoli, proporzjonati għall-każ speċifiku, sabiex jiġi żgurat trattament ugwali f'konformità mal-Artikolu 15 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li r-rekwiżit għall-iżvelar ex ante tal-kunflitti ta' interess stabbilit fl-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi implimentat b'mod li jiżgura li l-kunflitti ta' interess potenzjali tal-kandidati jiġu żvelati ferm qabel ma jibdew jaħdmu f'korp tal-UE; jenfasizza wkoll li l-korpi kollha tal-UE għandhom jippubblikaw ir-regoli interni tagħhom dwar kif jittrattaw il-kunflitti ta' interess fuq is-siti web tagħhom u għandhom jagħtu kas ir-rakkomandazzjonijiet tal-2017 tal-Ombudsman Ewropew dwar il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni annwali skont ma jirrikjedi l-Artikolu 16(4) tar-Regolamenti tal-Persunal;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni testendi din ir-reviżjoni għall-kunflitti ta' interess qabel l-impjieg fis-settur pubbliku, tikkunsidra li ssaħħaħ il-miżuri eżistenti, bħaċ-ċessjoni obbligatorja ta' interessi f'impriżi li huma soġġetti għall-awtorità tal-istituzzjoni li għaliha jkun jappartjeni uffiċjal maħtur ġdid jew li jkollhom kuntatti ma' tali istituzzjoni, u tikkunsidra wkoll tipi ġodda ta' miżuri preventivi, bħall-iskwalifika obbligatorja fi kwistjonijiet li jaffettwaw lil xi ħadd li qabel kien impjegatur fis-settur privat;

16.  Iqis li l-projbizzjoni fuq iċ-ċaqliq minn xogħol għal ieħor meta l-persuna kkonċernata jkollha impjieg u meta l-projbizzjoni tkun immirata u ġġustifikata biżżejjed ma tikkostitwix ksur tad-dritt għall-impjieg;

17.  Jirrimarka li, jekk jiġu introdotti perjodi itwal ta' preklużjoni għall-uffiċjali ta' livell għoli li jitilqu minn aġenzija, tkun tista' tiġi kkunsidrata wkoll il-possibbiltà li jingħataw allowance temporanja xierqa; jissottolinja li tali allowances temporanji għandhom jintemmu jekk jinbeda impjieg ġdid matul il-perjodu ta' preklużjoni;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk ikunx xieraq li l-aġenziji tal-UE kkonċernati jiddeċiedu għalihom infushom dwar l-infurzar tar-regoli dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess u kif tista' tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli; iqis li l-korp tal-etika indipendenti previst mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen huwa l-aktar korp adatt għat-teħid ta' deċiżjonijiet relatati ma' kunflitti ta' interess li jikkonċernaw membri tal-persunal tal-UE fil-futur;

19.  Jissuġġerixxi lill-Membri kollha tal-Parlament Ewropew u lir-rappreżentanti kollha tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jastjenu milli jkollhom kuntatt mad-Direttur Eżekuttiv attwali jekk u meta jassumi l-pożizzjoni tiegħu bħala Kap Eżekuttiv tal-AFME għal perjodu ta' sentejn; jistieden lis-servizzi responsabbli għall-forniment ta' permessi ta' aċċess permanenti ("badges kannella") għall-bini tal-Parlament jikkunsidraw bir-reqqa l-każ tas-Sur Farkas u jqisu l-possibbiltà li ma joħorġux tali badge għall-istess perjodu ta' sentejn, sabiex jiġi evitat kunflitt ta' interess potenzjali;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u lill-Ombudsman Ewropew.

(1) ĠU 45, 14.6.1962, p. 1385.
(2) ĠU L 250, 27.9.2011, p. 268.
(3) https://www.eca.europa.eu/lists/ecadocuments/sr12_15/sr12_15_mt.pdf
(4) https://eba.europa.eu/adam-farkas-steps-down-as-eba-executive-director
(5) https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/O-9-2019-000031_MT.html
(6) https://read.oecd-ilibrary.org/governance/post-public-employment_9789264056701-en#page7
(7) https://www.transparency.org/whatwedo/publication/working_paper_06_2010_regulating_the_revolving_door
(8) https://www.ombudsman.europa.eu/en/recommendation/en/11089
(9) https://www.ombudsman.europa.eu/en/correspondence/en/80697
(10) https://www.ombudsman.europa.eu/en/correspondence/en/80699
(11) https://www.ombudsman.europa.eu/en/report/en/110521
(12) Testi adottati, P8_TA(2019)0080.
(13) https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/political-guidelines-next-commission_MT.pdf
(14) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

Avviż legali - Politika tal-privatezza