Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2095(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0054/2020

Testi mressqa :

A9-0054/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0103

Testi adottati
PDF 178kWORD 58k
Il-Ħamis, 14 ta' Mejju 2020 - Brussell Verżjoni proviżorja
Kwittanza 2018: L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija
P9_TA-PROV(2020)0103A9-0054/2020
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Mejju 2020 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2018 (2019/2095(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-aġenziji(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2020 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Istitut fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018 (05761/2020 – C9-0062/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 105 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0054/2020),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut għas-sena finanzjarja 2018;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 11.12.2019, p. 1.
(2) ĠU C 417, 11.12.2019, p. 34.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1
(5) ĠU L 97, 9.4.2008, p. 1.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42
(7) ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Mejju 2020 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2018 (2019/2095(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-aġenziji(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2020 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Istitut fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018 (05761/2020 – C9-0062/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 105 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0054/2020),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2018;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 11.12.2019, p. 1.
(2) ĠU C 417, 11.12.2019, p. 34.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1
(5) ĠU L 97, 9.4.2008, p. 1.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.
(7) ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2018 (2019/2095(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0054/2020),

A.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tiegħu(1), il-baġit finali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (l-"Istitut") għas-sena finanzjarja 2018 kien ta' EUR 458 057 031,54, li jirrappreżenta żieda ta' 35,33 % meta mqabbel mal-2017, prinċipalment minħabba l-importanza li qed tiżdied tal-Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI), speċjalment EIT "Health", EIT "Raw Materjals" u EIT "Food" fl-attivitajiet tagħhom ta' edukazzjoni, innovazzjoni u ħolqien tan-negozju; billi l-kontribuzzjoni kumplessiva tal-Unjoni għall-baġit tal-Istitut għall-2018 tammonta għal EUR 312 886 716;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut għas-sena finanzjarja 2018 (ir-"rapport tal-Qorti"), tiddikjara li kisbet aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Istitut huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 92,05 %, li tirrappreżenta żieda ta' 0,82 % meta mqabbla ma' dik tal-2017; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 97,80 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 1,72 % meta mqabbla mal-2017; josserva li din iż-żieda żgħira fir-rata ta' implimentazzjoni tal-impenji tirriżulta prinċipalment minħabba żieda fl-eżekuzzjoni tal-impenji fin-nefqa operazzjonali u, b'mod partikolari, għotjiet lill-KKI tal-Istitut;

2.  Jieħu nota tar-risposta tal-Istitut għall-kwittanza tal-2017 li turi li l-bidla għal ftehim ta' għotja pluriennali mal-KKI tal-Istitut fil-perjodu ta' wara l-2020 tiddependi mill-allokazzjonijiet baġitarji għall-2021-2027 u li l-bażi ġuridika futura tal-Istitut għadha qed tiġi nnegozjata;

3.  Jinnota bi tħassib li, mir-rapport tal-Qorti, l-Istitut ma ħallasx fil-ħin il-prefinanzjament miftiehem għal żewġ KKI; jistieden lill-Istitut jiġġestixxi, flimkien mal-Kummissjoni, il-ħtiġijiet ta' flus fil-ħin u jevita kwalunkwe riskju ta' mgħax ta' inadempjenza kif ukoll dannu għar-reputazzjoni; jinnota mir-risposta tal-Istitut li l-ħlas tard tal-prefinanzjament lill-KKI kien ikkawżat min-nuqqas ta' disponibbiltà ta' flus kontanti fil-kont bankarju tal-Istitut u li ppjana u ta bidu għal talba għas-sussidju tal-Kummissjoni f'konformità mal-proċeduri rilevanti iżda dan irriżulta f'dewmien fil-pagament, li kien lil hinn mill-kontroll tal-Istitut;

Prestazzjoni

4.  Jirrikonoxxi li l-Istitut juża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) fil-livell tal-istituzzjoni u fil-livell ta' KKI, kif ukoll KPIs ta' Orizzont 2020 orjentati lejn il-ġestjoni u li juża wkoll indikaturi speċifiċi stabbiliti fid-dokument uniku ta' programmazzjoni; jinnota, barra minn hekk, li l-Istitut juża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni addizzjonali biex itejjeb il-ġestjoni baġitarja tiegħu; jinnota li, wara l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu mill-Kummissjoni u l-Istudju dwar l-Impatt tal-Istitut tal-2017, l-Istitut qed jaħdem biex jistabbilixxi Qafas ta' Impatt ħalli jkejjel l-impatt soċjoekonomiku tal-attivitajiet KKI tiegħu;

5.  Jinnota l-fatt li f'Ottubru 2019 l-Istitut esternalizza s-servizzi tal-kontabbiltà lill-Kummissjoni; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istitut biex b'mod attiv jipprova jikseb aktar kooperazzjoni u kooperazzjoni aktar mifruxa mal-aġenziji kollha tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Istitut jesplora possibilitajiet ta' kondiviżjoni tar-riżorsi fuq kompiti li jikkoinċidu fost aġenziji oħra b'attivitajiet simili;

6.  Jinnota li r-riżultati li joħorġu mir-rapport ta' nofs it-terminu tal-Kummissjoni ppubblikat f'Ottubru 2017 li l-Istitut huwa l-uniku korp tal-Unjoni li jintegra bis-sħiħ in-negozju, ir-riċerka u l-edukazzjoni, li l-Komunità tal-Istitut tagħti riżultati innovattivi, u li l-KKI eżistenti jġibu magħhom soluzzjonijiet innovattivi;

7.  Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li l-progress reali lejn is-sostenibbiltà jibqa' limitat għall-KKI, li t-tliet KKI tal-ewwel fażi huma kawża ta' tħassib minħabba l-indikaturi ta' sostenibbiltà finanzjarja baxxa tagħhom, li juru biss tkabbir modest, b'aktar tħassib fir-rigward tal-KKI "Climate", li għandha l-aktar punteġġ baxx; Jieħu nota tar-risposta tal-Istitut li d-dħul iġġenerat mill-KKI żdied minn EUR 23,7 miljun fl-2017 għal EUR 38,4 miljun fl-2018, li qed jinbnew assi mill-KKI biex jiżguraw dħul futur, u li s-sħab tal-KKI u l-KKI jerfgħu il-piż ta' kofinanzjament sostanzjali għall-kost tal-attivitajiet tal-KKI, u li l-limiti għall-ispiża tal-ġestjoni tal-Istitut huma stabbiliti kemm fil-livell tal-KKI kif ukoll f'dak tal-membri tal-persunal individwali; jistieden lill-Istitut jikkonċentra fuq strutturi ta' ġestjoni effiċjenti, jirreżamina l-portafoll ta' attivitajiet imwettqa u jippromwovi sorsi ta' dħul alternattivi;

8.  Jinnota li l-Komunità tal-EIT laħqet ukoll stadju importanti ieħor fl-2018, kibret għal tmien KKI, kif previst fl-Aġenda Strateġika ta' Innovazzjoni EIT għall-2014-2020, inkluża l-għażla tal-EIT "Manufacturing" u l-EIT "Urban Mobility" f'Diċembru;

9.  Iħeġġeġ lill-Istitut jaħdem favur id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tiegħu;

Politika dwar il-persunal

10.  Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2018, it-tabella tal-persunal kienet 97,73 % esegwita , bil-ħatra ta' 43 aġent temporanju minn 44 aġent temporanju li kienu awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel mal-41 post awtorizzat fl-2017); jinnota wkoll li, fl-2018, l-Istitut ħaddem 20 aġent kuntrattwali u espert nazzjonali sekondat wieħed;

11.  Jinnota fir-rigward tal-bilanċ bejn is-sessi fil-bord tat-tmexxija għall-2018 li hemm erbat irġiel u tmien nisa;

12.  Itenni t-tħassib tiegħu abbażi tar-rapport tal-Qorti li r-riżorsi limitati tal-persunal ma jikkorrispondux maż-żieda fil-baġit tal-Istitut u fl-għadd ta' KKI li joħolqu riskju għall-Istitut biex jindirizza l-volum ta' xogħol estiż u biex jintlaħqu l-objettivi strateġiċi tiegħu;

13.  Jinnota li l-Istitut iddeċieda li jadotta manwal għal proċeduri informali għal każijiet ta' fastidju u li d-deċiżjoni tad-Direttur tal-Istitut dwar il-ħatra ta' esperti fl-assistenza psikoloġika kunfidenzjali ser tiġi adottata sa tmiem l-2019; jilqa' l-fatt li l-Istitut jipprovdi, fuq bażi annwali, sessjonijiet ta' taħriġ għall-membri tal-persunal dwar l-etika u l-integrità, b'parti ta’ dak it-taħriġ iddedikata għall-fastidju;

14.  Jinnota li l-Istitut talab lill-Kummissjoni biex tagħtih seba' postijiet addizzjonali mill-2020 'il quddiem biex jindirizza n-nuqqas ta' persunal strutturali tal-Istitut, u biex ikun jista' jimplimenta bis-sħiħ il-programm ta' ħidma tal-Istitut ippjanat għall-2020; jinnota bi tħassib li l-Kummissjoni ma aċċettatx li tapprova l-postijiet addizzjonali mitluba;

15.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, skont l-istatuti tal-Istitut, dan jista' joffri biss kuntratti ta' aġenti temporanji għal massimu ta' ħames snin, li jistgħu jiġu estiżi għal ħames snin oħra, u meta jitqies il-fatt li hemm membri ewlenin tal-persunal li se jilħqu l-massimu ta' għaxar snin fl-2020; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-kontinwità tal-operazzjonijiet tista' tkun potenzjalment imfixkla; jinnota li t-talbiet tal-Istitut biex isolvi dawn il-kwistjonijiet kuntrattwali skont l-istatut attwali ma ġewx issodisfati mill-Kummissjoni, u li, b'riżultat ta' dan, l-Istitut ma setax joffri estensjonijiet ta' kuntratti għal 10 membri tal-persunal, u jinnota li l-Istitut ħa l-passi meħtieġa biex iniedi sejħiet għal espressjonijiet ta' interess għal dawn il-pożizzjonijiet ewlenin biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operazzjonijiet;

16.  Jilqa' l-fatt li, skont ir-risposta tal-Istitut, id-direttur il-ġdid inħatar bid-deċiżjoni tal-Bord ta' Tmexxija tal-Istitut tad-19 ta' Awwissu 2019;

17.  Jinnota bi tħassib li l-Istitut ħallas kważi EUR 3 000 f'allowances lil ħames membri tal-persunal li għalihom l-Istitut kien diġà qed iħallas miżati għat-tagħlim direttament lill-iskola, li rriżulta f'finanzjament doppju irregolari tal-kost tal-edukazzjoni; jilqa' l-fatt li l-Istitut irregolarizza s-sitwazzjoni permezz ta' rieżami bir-reqqa tal-pagamenti ta' allowances preskolastika, stabbilixxa l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati minn kull membru tal-persunal u stabbilixxa miżuri ta' kontroll addizzjonali għad-drittijiet tal-persunal, jinnota li l-ammonti mħallsa indebitament huma ppjanati li jiġu rkuprati matul l-2019; jappella lill-Istitut jirrapporta lill-Qorti u lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-ammont irkuprat;

Akkwist

18.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fl-2014 il-Kummissjoni ffirmat, f'isem l-Istitut u Istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni, kuntratt qafas għall-akkwist ta' software, liċenzji u l-forniment ta' manutenzjoni u konsulenza tat-IT relatata, u li l-Istitut, fil-kontroll ex ante ma vverifikax b'mod sistematiku l-prezzijiet u taż-żidiet applikati mill-kuntrattur qafas meta mqabbla mal-istimi tal-fornituri; jenfasizza li l-pagamenti totali li saru lill-kuntrattur qafas ammontaw għal EUR 64 000; jinnota mir-risposta tal-Istitut li hu segwa l-mekkaniżmu preskritt fil-kuntratt qafas u li l-kuntratt qafas inkwistjoni skada u ġie sostitwit b'wieħed ġdid li jirrikjedi li kull stima għandha tipprovdi separazzjoni bejn il-prezzijiet oriġinali u ż-żieda; jenfasizza l-fatt li l-kuntratt qafas innifsu jista' jillimita l-kompetizzjoni, billi ma hemm l-ebda evidenza li turi li l-kuntrattur qafas jagħżel il-fornituri fuq bażi kompetittiva. jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lura dwar il-kompetittività tal-kuntratti qafas; jistieden lill-Istitut jadatta l-kontrolli ex ante fuq il-pagamenti li jsiru fl-ambitu ta' dawn il-kuntratti u jiżgura li jkun hemm proċedura kompetittiva għall-akkwisti kollha;

19.  Jilqa' l-fatt li fl-2018 l-Istitut introduċa sejħa għall-offerti elettronika u preżentazzjoni elettronika u pproċessa diversi sejħiet għall-offerti permezz ta' għodod tal-akkwist elettroniku fl-2019;

20.  Jieħu nota tar-risposta tal-Istitut dwar is-sejbiet tal-Qorti fl-2016 relatati mal-proċeduri ta' akkwist tal-entitajiet ġuridiċi tal-KKI, u josserva li l-Istitut ikkuntratta esperti esterni biex jirrieżamina l-politiki u l-proċeduri tal-akkwist fl-2016 u fl-2017; jinnota li l-Istitut introduċa dispożizzjonijiet ġodda fil-ftehimiet ta' għotjiet speċifiċi għall-KKI għall-2018 biex jiġi żgurat l-allinjament tal-politiki tal-akkwist tal-entitajiet ġuridiċi tal-KKI mar-rekwiżiti ewlenin tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku; jinnota li fl-2019 l-Istitut nieda attività ta' monitoraġġ ġdida dwar il-politiki u l-proċeduri tal-akkwist tal-entitajiet ġuridiċi tal-KKI u ċ-ċentri komuni tagħhom;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

21.  Jikkonstata l-miżuri eżistenti tal-Istitut u l-isforzi kontinwi biex jiġu żgurati t-trasparenza, biex -jipprevenzjenu u biex jiġu ġestiti l-kunflitti ta' interess u biex jipproteġu lill-informaturi; jieħu nota tal-fatt li fl-2018 ġew identifikati u vvalutati diversi każijiet ta' kunflitti ta' interess potenzjali u ttieħdu miżuri adegwati, inkluża l-esklużjoni minn attivitajiet rilevanti fejn ġie identifikat kunflitt ta' interess;

22.  Jilqa' l-fatt li l-EIT jippubblika lista ta' esperti esterni flimkien mar-remunerazzjoni mħallsa fuq bażi annwali; u jistieden lill-Istitut idaħħal fis-seħħ rekwiżit li l-esperti esterni jiddikjaraw il-kunflitti ta' interess;

Kontrolli interni

23.  Jinnota li, fl-2018, is-servizz tal-awditjar intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditu dwar verifika ex ante ta' pagamenti lill-KKI, u kkonkluda li jeżistu dgħufijiet sinifikanti ħafna fil-qasam tal-prevenzjoni u l-qbid ta' frodi, għalkemm il-proċeduri għal verifika ex ante ta' pagamenti lill-KKI ġeneralment huma effettivi u f'konformità mar-rekwiżiti ġuridiċi ta' Orizzont 2020; jinnota li l-IAS elenka tliet sejbiet li dwarhom l-Istitut aċċetta biss waħda iżda dan fassal pjan ta' azzjoni adegwat għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha, inklużi ż-żewġ sejbiet li ġew rifjutati;

24.  Jinnota li l-valutazzjoni tal-2018 dwar l-implimentazzjoni tal-KKI ta' prinċipji ta' governanza tajba, li jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-IAS, ġiet iffinalizzata f'Settembru 2018; jinnota li l-valutazzjoni tal-2019, bħala parti mill-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-2018 tal-KKI, ġiet iffinalizzata f'Lulju 2019; jinnota li ħamsa minn sitt KKI ġeneralment jindirizzaw il-prinċipji ta' governanza tajba b'mod korrett;

25.  Jiddispjaċih għan-numru ta' kwistjonijiet pendenti u miżuri korrettivi li għaddejjin b'reazzjoni għall-kummenti tal-Qorti fl-2014, 2015, 2016 u 2017 relatati b'mod partikolari mal-kondizzjoni ta' finanzjament, il-finanzjament minn sorsi pubbliċi, għotjiet u sorsi privati; jinnota li r-risposta tal-Istitut tiddikjara li huwa kompla jieħu miżuri korrettivi u lesta l-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet miftuħa li jindirizzaw il-kummenti tal-Qorti, u jirrikonoxxi li għadd ta' azzjonijiet miftuħa li fadal huma lil hinn mill-kontroll tal-Istitut u li xi kummenti miftuħa li fadal jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod sħiħ u b'perspettiva fit-tul;

26.  Jinnota bi tħassib kbir li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Istitut ħallas ir-remunerazzjoni ta' membru tal-bord tat-tmexxija lil persuna żbaljata matul perjodu ta' sena u nofs, u li sar jaf b'dan l-iżball biss wara li l-persuna kkuntattjat lill-Istitut; jinnota r-risposta tal-Istitut li dan kien żball ta' darba biss u li hemm fis-seħħ kontrolli xierqa biex jiġu evitati sitwazzjoni simili; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istitut biex jimplimenta miżuri li jipprevjenu tali żbalji sinifikanti fil-futur;

Kummenti oħra

27.  Jinnota li matul is-sena l-Istitut ikkollabora b'mod attiv ma' partijiet ikkonċernati ewlenin, inklużi fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Unjoni li jmiss; jinnota li l-Kummissjoni pproponiet baġit ta' EUR 100 biljun għal Orizzont Ewropa, inkluż baġit ta' EUR 3 biljun għall-Istitut;

28.  Jistieden lilll-Istitut jikkonċentra fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tiegħu mal-pubbliku, u jikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja;

o
o   o

29.  Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2020 dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji(2).

(1) ĠU C 120, 29.03.2019, p. 213.
(2) Testi adottati, P9_TA-PROV(2020)0121.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Mejju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza