Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2019/2082(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0062/2020

Testi mressqa :

A9-0062/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P9_TA(2020)0109

Testi adottati
PDF 180kWORD 57k
Il-Ħamis, 14 ta' Mejju 2020 - Brussell Verżjoni proviżorja
Kwittanza 2018: Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL)
P9_TA-PROV(2020)0109A9-0062/2020
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Mejju 2020 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2018 (2019/2082(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-aġenziji(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2020 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018 (05761/2020 – C9-0049/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE)  2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 105 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0062/2020),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2018;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 11.12.2019, p. 1.
(2) ĠU C 417, 11.12.2019, p. 1.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 319, 4.12.2015, p. 1.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.
(7) ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Mejju 2020 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2018 (2019/2082(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-aġenziji(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2018 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2020 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2018 (05761/2020 – C9-0049/2020),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE)  2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 105 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0062/2020),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2018;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 11.12.2019, p. 1.
(2) ĠU C 417, 11.12.2019, p. 1.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(5) ĠU L 319, 4.12.2015, p. 1.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.
(7) ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Mejju 2020 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2018 (2019/2082(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) għas-sena finanzjarja 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0062/2020),

A.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u n-nefqa tiegħu(1), il-baġit finali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL jew l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2018 kien ta' EUR 10 416 720, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 1,02 % meta mqabbel mal-2017; billi l-Aġenzija hija prinċipalment iffinanzjata minn kontribuzzjoni mill-Unjoni;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2018 (ir-"rapport tal-Qorti"), tistqarr li kisbet aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2018 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 97,97 %, li tirrappreżenta żieda ta' 0,88 % meta mqabbla mal-2017; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 76,51 % – tnaqqis ta' 7,51 % meta mqabbla mas-sena preċedenti;

Prestazzjoni

2.  Jinnota li l-Aġenzija tuża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex tkejjel l-attivitajiet ta' taħriġ tagħha u l-impatt tagħhom, b'mod partikolari l-livell ta' sodisfazzjon tal-parteċipanti, sabiex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut minn dawn l-attivitajiet, u tuża l-indikaturi tal-prestazzjoni biex ittejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha;

3.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Aġenzija wettqet b'suċċess il-mandat tagħha matul l-2018 u li f'xi każijiet din marret lil hinn mill-objettivi stabbiliti fil-programm ta' ħidma tagħha għall-2018;

4.  Josserva li l-Aġenzija bdiet żewġ proġetti ġodda ffinanzjati mill-Unjoni, is-Sħubija għal Taħriġ Kontra t-Terroriżmu UE/MENA 2 u l-Proġett fil-Balkani tal-Punent għal Taħriġ fuq il-Post tax-Xogħol dwar l-Investigazzjoni Finanzjarja, bit-tnejn li huma juru r-rikonoxximent dejjem akbar tal-Aġenzija bħala attur ewlieni tal-Unjoni li jikkontribwixxi għas-sigurtà Ewropea permezz tal-azzjoni esterna;

5.  Jinnota li fl-2018, l-Aġenzija wettqet il-proġett pilota Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet Strateġiċi ta' Taħriġ tal-UE (EU-STAN) u li aktar minn 87 % tal-avvenimenti ta' taħriġ residenzjali u online tal-Aġenzija (attivitajiet residenzjali, webinars, korsijiet online) indirizzaw nuqqasijiet fil-kapaċità b'rabta mat-theddid kritiku għas-sigurtà li qegħdin jirriżultaw mill-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà.

6.  Jilqa' l-fatt li l-Aġenzija baqgħet tikkoopera mill-qrib man-netwerk ta' aġenziji tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni u mad-disa' aġenziji li jiffurmawh, (inkluż b'mod partikolari l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta); jinnota li dawk l-aġenziji jikkondividu t-taħriġ u jorganizzaw korsijiet; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Aġenzija biex b'mod attiv tipprova tikseb kooperazzjoni ulterjuri u aktar mifruxa mal-aġenziji kollha tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Aġenzija tesplora l-possibbiltajiet ta' kondiviżjoni ta' riżorsi dwar kompiti sovraposti (bħal IT u servizzi oħra) ma' aġenziji qrib l-Aġenzija, b'mod partikolari l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali fi Vjenna u l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol fi Bratislava;

7.  Jappella lill-Kummissjoni twettaq studju tal-fattibbiltà biex tivvaluta l-possibbiltà li (jekk mhux fużjoni totali) almenu jinħolqu sinerġiji kondiviżi mal- Europol; jappella lill-Kummissjoni tevalwa ż-żewġ xenarji, jiġifieri t-trasferiment tal-Aġenzija fis-sede tal-Europol fl-Aja u t-trasferiment tas-sede tal-Europol fis-sede tal-Aġenzija f'Budapest; jinnota li att bħal dan ifisser il-kondiviżjoni tas-servizzi korporattivi u ta' appoġġ u l-ġestjoni ta' uffiċini komuni, kif ukoll il-kondiviżjoni tal-infrastrutturi bbażati fuq l-ICT, it-telekomunikazzjonijiet u l-internet, u li b'hekk jiġu ffrankati ammonti kbar ta' flus li jkunu jistgħu jintużaw għal finanzjament ulterjuri taż-żewġ aġenziji;

8.  Josserva kif, wara li f'Jannar 2016 ġiet konkluża l-evalwazzjoni esterna perjodika fuq ħames snin u li għaliha l-Aġenzija kellha timplimenta azzjonijiet korrettivi sa tmiem l-2018, ir-rapport ta' evalwazzjoni ġie adottat mill-Aġenzija u inkorpora 17-il rakkomandazzjoni li jkopru ħames oqsma relatati mal-istruttura u l-prattiki ta' ħidma tal-Aġenzija; jinnota li mill-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni, tlestew 24 attività, għadhom għaddejjin 3 attivitajiet relatati ma' żvilupp ulterjuri ta' E-net, 4 attivitajiet m'għadhomx jitqiesu bħala rilevanti u attività waħda ġiet sospiża;

9.  Iħeġġeġ lill-Aġenzija ssegwi d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tagħha;

10.  Jilqa' l-fatt li l-Qorti ddikjarat li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tas-CEPOL għas-sena finanzjarja 2018 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha u li l-pożizzjoni finanzjarja tagħha sal-31 ta' Diċembru 2018 hija rrappreżentata b'mod ġust; ifakkar li l-baġit tal-Aġenzija żdied minn EUR 9 miljun għal EUR 10 miljun (+11 %) filwaqt li l-persunal tagħha naqas minn 53 għal 51 (-4 %) meta mqabbel mal-2017; jiddeplora madankollu l-fatt li s-CEPOL kellha tirrifjuta bosta talbiet għal taħriġ, li kienu validi u leġittimi, minn Stati Membri f'oqsma kruċjali tal-infurzar tal-liġi minħabba restrizzjonijiet baġitarji; jinsab imħasseb li s-CEPOL bħalissa ma tistax tkopri b'mod suffiċjenti d-domanda mill-Istati Membri fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-komunitajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Unjoni u fil-viċinat tagħha;

Politika dwar il-persunal

11.  Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2018, 100 % tat-tabella tal-persunal ġiet eżegwita, bi 32 aġent temporanju maħtura minn total ta' 32 aġent temporanju awtorizzat mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma' 31 post tax-xogħol awtorizzati fl-2017); jinnota li, barra minn hekk, fl-2018 ħadmu għall-Aġenzija 18-il aġent kuntrattwali u 4 esperti nazzjonali sekondati;

12.  Josserva li, bħala konsegwenza tar-rilokazzjoni tiegħu mir-Renju Unit lejn l-Ungerija u tal-koeffiċjent ta' korrezzjoni applikat minħabba dan għas-salarji tal-persunal, it-tibdil fil-persunal kien għoli u l-bilanċ ġeografiku mhux dejjem inżamm hekk kif naqsu l-applikazzjonijiet minn Stati Membri oħra, apparti dawk mill-pajjiż ospitanti; jinnota li fl-2018, l-Aġenzija kompliet tirċievi għadd sinifikanti ta' applikazzjonijiet miċ-ċittadini Ungeriżi u ċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti baqgħu sovrarappreżentati fl-għadd totali ta' persunal; josserva li t-tilwima legali dwar ir-rilokazzjoni ngħalqet permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fl-2018(2), u s-sentenza inizjali ġiet ikkonfermata; jaċċentwa li koeffiċjent ta' korrezzjoni baxx applikat għas-salarji tal-persunal jista' joħloq sitwazzjonijiet diffiċli li jistgħu jfixklu l-kapaċità ta' aġenzija li twettaq id-dmirijiet tagħha ta' kuljum b'mod effikaċi; jisħaq li l-aġenziji li jinsabu f'pajjiżi fejn jiġi applikat koeffiċjent ta' korrezzjoni baxx għandhom jirċievu appoġġ ulterjuri mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta' miżuri komplementari sabiex isiru aktar attraenti għall-persunal attwali u prospettiv; jappella lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt u l-vijabbiltà tal-applikazzjoni tal-koeffiċjenti ta' korrezzjoni tas-salarju fil-futur;

13.  Ifakkar fis-suġġeriment tal-Qorti li l-avviżi ta' postijiet vakanti jiġu ppubblikati fis-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal bil-għan li tiżdied il-pubbliċità; jifhem ir-risposta tal-Aġenzija dwar l-ispejjeż kbar involuti biex issir it-traduzzjoni; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li fl-2018 l-Aġenzija ppubblikat ukoll il-pożizzjonijiet vakanti kollha tagħha fuq il-bord tal-impjiegi interaġenzjali żviluppat min-Netwerk tal-Aġenziji tal-UE; itenni madankollu li, biex jiġu evitati spejjeż ta' traduzzjoni għolja, l-Aġenzija għandha tagħmel l-ewwel pass f'din id-direzzjoni u tagħmel użu mill-kapaċità li tippubblika t-titli ta' dawn il-postijiet vakanti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni flimkien ma' link għat-test sħiħ bl-Ingliż biss;

14.  Jinnota b'sodisfazzjon li fl-2018 inkiseb bilanċ indaqs bejn is-sessi fir-rigward tal-pożizzjonijiet maniġerjali għolja (3 irġiel u 3 nisa), iżda jinsab imħasseb li fil-livell tal-bord maniġerjali hemm żbilanċ fil-parteċipazzjoni tal-irġiel (17-il membru) u tan-nisa (9 membri);

Akkwist

15.  Ifakkar, mir-rapport tal-Qorti, li sa tmiem l-2017 l-Aġenzija ma kinitx għadha qiegħda tuża l-għodda kollha varati mill-Kummissjoni li kellhom l-għan li tiġi introdotta soluzzjoni unika għall-iskambju elettroniku ta' informazzjoni ma' partijiet terzi li jipparteċipaw fi proċeduri ta' akkwist pubbliku (akkwist-e); jinnota li skont ir-risposta tal-Aġenzija, hija introduċiet sistemi ta' fatturar-e u akkwist-e filwaqt li beħsiebha tadotta sottomissjoni-e; jappella lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bil-progress magħmul f'dan ir-rigward sa Ġunju 2020;

16.  Jinnota bi tħassib li l-Aġenzija tat kuntratt qafas għal arranġamenti tal-ivvjaġġar, għall-persunal tagħha stess u għall-parteċipanti fit-taħriġ, mingħajr ma talbet spjegazzjoni mill-offerent rebbieħ għala l-offerta tiegħu kienet potenzjalment baxxa wisq; jinnota li, skont ir-risposta tal-Aġenzija, il-kumitat ta' evalwazzjoni ma pproċediex bit-tfittxija ta' kjarifiki billi, matul il-ħidma ta' kuljum tagħhom, il-membri tal-kumitat ta' evalwazzjoni kienu diġà jafu bil-prezzijiet mitluba mill-kumpanija li kellha l-kuntratt preċedenti; jirrikonoxxi li l-Aġenzija taċċetta l-osservazzjoni tal-Qorti li din il-valutazzjoni ma ġietx ifformalizzata fir-rapport ta' evalwazzjoni; jappella lill-Aġenzija titlob u tanalizza r-raġunijiet għall-offerti, potenzjalment, baxxi wisq b'mod anormali u tiżgura li l-valutazzjonijiet kollha jiġu fformalizzati b'mod adegwat fir-rapporti ta' evalwazzjoni futuri;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

17.  Japprezza l-miżuri eżistenti meħuda mill-Aġenzija u l-isforzi tagħha li għaddejjin bħalissa biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interessi u l-protezzjoni tal-informaturi; jesprimi s-sodisfazzjon li l-Aġenzija stabbiliet u implimentat regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u li ppubblikat CVs u dikjarazzjonijiet ta' interess għall-membri tal-bord maniġerjali u għad-direttur eżekuttiv;

Kummenti oħra

18.  Jilqa' l-fatt li, fi Frar 2017, l-Aġenzija kkonkludiet b'suċċess iċ-ċertifikazzjoni ISO 9001:2015 tas-sistema ta' tmexxija tal-Aġenzija sabiex ittejjeb u turi aħjar l-impenn tagħha lejn il-kwalità; josserva li, abbażi tar-riżultati pożittivi tal-awditi tas-sorveljanza implimentati fl-2018 kif ukoll fil-bidu tal-2019, l-Aġenzija żammet iċ-ċertifikazzjoni tagħha;

19.  Jinnota bi tħassib li, għall-kuntrarju tal-maġġoranza ta' Aġenziji oħra, l-Aġenzija ma wettqitx analiżi komprensiva tal-impatt probabbli tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea fuq l-organizzazzjoni, l-operazzjonijiet u l-kontijiet tagħha; jinnota li, skont it-tweġiba tal-Aġenzija, id-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea ġiet diskussa fil-laqgħat tal-maniġment, fid-diskussjonijiet fin-netwerk interaġenzjali għall-uffiċjali tal-akkwist u fin-netwerk interaġenzjali legali u wkoll ġew segwiti mill-qrib il-komunikazzjonijiet li waslu mingħand il-Kummissjoni u li r-riskji korrispondenti ġew evalwati bħala limitati;

20.  Jinnota l-isforzi tal-Aġenzija biex tiżgura post tax-xogħol kosteffikaċi u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent; jiddispjaċih li l-Aġenzija ma għandhiex fis-seħħ skema ta' tpaċija għall-emissjonijiet tal-karbonju iżda jirrikonoxxi, abbażi tar-risposta tal-Aġenzija, li l-ispiża tal-parteċipazzjoni fi skema bħal din ma tistax tiġi koperta mir-riżorsi finanzjarji limitati tagħha; u jirrikonoxxi li l-Aġenzija tinkoraġġixxi lill-persunal tagħha jagħmel użu mit-trasport pubbliku biex jitnaqqsu l-emissjonijiet;

21.  Jappella lill-Aġenzija tiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka tagħha mal-pubbliku ġenerali, u tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u mezzi oħra tal-midja;

o
o   o

22.  Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Mejju 2020(3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 7, 9.1.2019, p. 1.
(2) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2018, FN u Oħrajn v CEPOL, T-334/16 P, ECLI:EU:T:2018:723.
(3) Testi adottati, P9_TA-PROV(2020)0121.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Mejju 2020Avviż legali - Politika tal-privatezza